Language of document : ECLI:EU:C:2017:825


DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

25 ta’ Ottubru 2017 (*)

“Appell – Intervent – Kunfidenzjalità”

Fil-Kawża C-611/16 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fil-25 ta’ Novembru 2016,

Xellia Pharmaceuticals ApS, stabbilita f’Kopenħagen (id-Danimarka),

Alpharma,LLC, li kienet Zoetis Products LLC, stabbilita f’Parsippanv (l-Istati Uniti),

irrappreżentati minn D.W. Hull, solicitor,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castilla Contreras u T. Vecchi kif ukoll minn B. Mongin u C. Vollrath, bħala aġenti, assistiti minn B. Rayment, barrister,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

wara li rat il-proposta tal-Imħallef relatur, D. Šváby,

wara li nstemgħet l-avukat ġenerali, J. Kokott,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tal-appell tagħhom, Xellia Pharmaceuticals ApS (iktar ’il quddiem “Xellia”) u Alpharma LLC jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ Settembru 2016, Xellia Pharmaceuticals u Alpharma vs Il-Kummissjoni (T-471/13, mhux ippubblikat, EU:T:2016:460), li permezz tiegħu din ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 3803 finali, tad-19 ta’ Ġunju 2013, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT/39226 – Lundbeck) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), u t-talba tagħhom għal tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta minn din id-deċiżjoni.

2        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Lulju 2017, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq talab sabiex jintervjeni fil-Kawża C-611/16 P insostenn tat-talbiet tal-Kummssjoni.

3        Wara n-notifika lill-partijiet mir-reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 131(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 190(1) tiegħu, tat-talba għal intervent imressqa mir-Renju Unit, Xellia u Alpharma ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din it-talba, mingħajr ma semmew dokumenti sigrieti jew kunfidenzjali li l-komunikazzjoni tagħhom lil dan l-Istat Membru hija ta’ natura li tista’ tikkawżalhom dannu.

4        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Awwissu 2017, Xellia u Alpharma sostnew li t-talba ta’ intervent tar-Renju Unit għandha tiġi miċħuda minħabba t-tardività tagħha, peress li din tressqet wara li kien skada t-terminu msemmi fl-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura, kif ukoll minħabba l-assenza ta’ ġustifikazzjoni ta’ din it-talba. Huma sostnew ukoll li l-fatt li dan l-Istat Membru ma ressaqx it-talba għal intervent tiegħu fit-termini stabbiliti, u lanqas ma mmotivaha, ma jippermettix lill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jevalwa r-raġunijiet li jiġġustifikaw li jintlaqa’ tali intervent tardiv u li jkun żgurat li, permezz tagħha, l-imsemmi Stat Membru ma jkunx qiegħed jipprova jikseb vantaġġ proċedurali. Huma indikaw li tali talba tippreġudika d-drittijiet proċedurali tagħhom, minħabba li r-raġunijiet li huma l-bażi ta’ din it-talba ma ġewx ikkomunikati lilhom. Għaldaqstant, ma huma f’pożizzjoni li jikkontestaw la l-imsemmija raġunijiet u lanqas l-argumenti li l-istess Stat Membru jista’ jressaq matul is-seduta.

5        F’dan ir-rigward, jaqbel, l-ewwel nett, li jitfakkar li, skont l-Artikolu 129(4) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 190(1) tiegħu, talba għal intervent imressqa wara li jkun skada t-terminu stabbilit fl-Artikolu 190(2) applikabbli għall-appelli, u qabel id-deċiżjoni li tinfetaħ il-fażi orali tal-proċedura, bħal f’dan il-każ, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni.

6        Il-fatt li tali talba għal intervent titressaq tardivament tippriva unikament lill-intervenjent mill-possibbiltà li jippreżenta nota ta’ intervent, prevista fl-Artikolu 132(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell abbażi tal-Artikolu 190((1) tiegħu, iżda tħallilu l-possibbiltà li jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu matul is-seduta, jekk din tinżamm.

7        Sussegwentement, għandu jiġi osservat li, b’applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri jistgħu jintervjenu fil-kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr ma jkollhom jiġġustifikaw interess fis-soluzzjoni tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

8        Għaldaqstant, fi kwalunkwe każ, ir-Renju Unit ma kellux għalfejn jesponi l-motivi għalfejn talab li jintervjeni f’din il-kawża, anki meta t-talba għal intervent tressqet wara li kien skada t-terminu previst fl-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

9        Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta’ Xellia u ta’ Appharma fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet proċedurali minħabba l-impossibbiltà li jiġi previst il-kontenut tal-argumenti li r-Renju Unit jista’ jippreżenta matul is-seduta, jekk din tinżamm, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, għal kull finijiet utli, li l-osservazzjonijiet ta’ parti intervenjenti, skont l-Artikolu 129(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell abbażi tal-Artikolu 190(1) tiegħu, jistgħu biss ikunu dwar is-sostenn, totali jew parzjali, tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet prinċipali, f’dan il-każ dawk tal-Kummissjoni.

10      Għaldaqstant, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell abbażi tal-Artikolu 190(1) tiegħu, l-intervent tar-Renju Unit għandu jiġi milqugħ.

11      Madankollu, fid-dawl tal-fatt li t-talba għal intervent tar-Renju Unit tressqet wara li kien skada t-terminu msemmi fl-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-appelli, u qabel id-deċiżjoni li tinfetaħ il-fażi orali tal-proċedura, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 129(4) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell abbażi tal-Artikolu 190(1) tiegħu, dan l-Istat Membru għandu jiġi awtorizzat jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu biss matul is-seduta, jekk din tinżamm.

12      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, permezz tad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Lulju 2017, Lundbeck vs Il-Kummissjoni (C-591/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:532), ir-Renju Unit diġà ngħata trattament kunfidenzjali, fuq talba tar-rikorrenti f’din il-kawża u tal-Kummissjoni, għall-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata, liema verżjoni tinsab ukoll fl-Anness 2 tal-appell ta’ Xellia u ta’ Alpharma.

13      Fid-dawl tal-imsemmi digriet, għandu jiġi deċiż ex officio, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ u fl-assenza ta’ talba tal-partijiet f’dan is-sens, b’mod partikolari mill-Kummissjoni, li, f’dan l-istadju ta’ din il-proċedura, hija biss il-verżjoni ppubblikata ta’ din id-deċiżjoni, ippubblikata mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Jannar 2015 fuq is-sit internet tagħha, li għandha tiġi kkomunikata lir-Renju Unit, skont l-Artikolu 131(4) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell abbażi tal-Artikolu 190(1) tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

14      Skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlaq is-sentenza.

15      Għalhekk, l-ispejjeż relatati mal-intervent tar-Renju Unit huma rriżervati.

Għal dawn il-motivi, Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:

1)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jista’ jintervjeni fil-Kawża C-611/16 P insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni Ewropea.

2)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huwa awtorizzat jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu matul is-seduta, jekk din tinżamm.

3)      Kopja tad-dokumenti kollha tal-proċedura għandha tintbagħat lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mir-reġistratur, bl-eċċezzjoni tad-dokument li jinsab fl-Anness 2 tal-appell ta’ Xellia Pharmaceuticals ApS u ta’ Alpharma, LLC.

4)      Il-verżjoni pubblika, ippubblikata fuq is-sit internet tal-Kummissjoni Ewropea, tad-dokument li jinsab fl-Anness 2 tal-appell ta’ Xellia Pharmaceuticals ApS u ta’ Alpharma, LLC għandu jintbagħat mir-reġistratur lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

5)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.