Language of document : ECLI:EU:C:2024:32

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil‑11 ta’ Jannar 2024 (1)

Kawżi C725/20 P, C198/21 P u C391/21 P

Maria Teresa Coppo Gavazzi

et (C725/20 P),

Giacomo Santini

et (C198/21 P)

u

Enrico Falqui (C391/21 P)

vs

IlParlament Ewropew

“Appell – Dritt Istituzzjonali – Statut uniku tal-Membri tal-Parlament Ewropew – Membri tal-Parlament Ewropew eletti fl-Italja – Adozzjoni mill-Ufficio di Presidenza della Camera dei deputati (l-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati, l-Italja) tad-Deċiżjoni Nru 14/2018, fil-qasam tal-pensjonijiet – Bidla fl-ammont tal-pensjonijiet għall-Membri tal-Parlament nazzjonali – Bidla korrispondenti, mill-Parlament Ewropew, tal-ammont tal-pensjonijiet ta’ ċerti ex Membri tal-Parlament Ewropew eletti fl-Italja – Sostituzzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja – Tmiem tas-suġġett tal-kawża u nuqqas ta’ interess ġuridiku tal-appellanti”






Werrej


I. Introduzzjoni

II. Ilkuntest ġuridiku

A. Iddritt talUnjoni

B. Iddritt Taljan

III. Ilfatti li wasslu għallkawża

A. Kalkolu millġdid talpensjonijiet talirtirar, jew pensjonijiet tassuperstiti talappellanti millParlament

B. Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali

IV. Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja, ittalbiet talpartijiet u liżviluppi sussegwenti wara lgħeluq talfażi bilmiktub talproċedura

V. Analiżi

A. Iżżamma tassuġġett talkawża u talinteress ġuridiku minkejja ssostituzzjoni taddeċiżjonijiet ikkontestati?

B. Fuq lappelli

1. Fuq ilprinċipju u lammont talbażi legali għalladozzjoni taddeċiżjonijiet ikkontestati u taddistinzjoni talpretensjonijiet

2. Fuq ilkompatibbiltà talimplimentazzjoni tadDeċiżjoni Nru 14/2018 millParlament ma’ regoli u prinċipji superjuri taddritt talUnjoni

a) Fuq ilprinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni talaspettattivi leġittimi kif ukoll taddritt għallproprjetà

b) Fuq ilproporzjonalità

3. Fuq ilkompetenza talawtur taddeċiżjonijiet ikkontestati

4. Fuq ilmotivazzjoni taddeċiżjonijiet ikkontestati

5. Fuq irrikors ippreżentat flewwel istanza minn I. Panusa

6. Konklużjoni intermedjarja

C. Fuq irrikors quddiem ilQorti Ġenerali

D. Konklużjoni intermedjarja

VI. Fuq lispejjeż

A. Fuq lispejjeż relatati malappelli

B. Fuq lispejjeż relatati malproċeduri flewwel istanza

VII. Konklużjoni


I.      Introduzzjoni

1.        Qabel il-ħolqien ta’ skema ta’ pensjoni uniformi għall-Membri tal-Parlament Ewropew, meta l-iskema nazzjonali tagħhom ma kinitx tipprevedi pensjoni jew meta l-livell u/jew il-modalitajiet tal-pensjoni prevista ma kinux identiċi għal dawk applikabbli għall-Membri tal-Parlament nazzjonali tal-Istat Membru tagħhom, dawn tal-aħħar setgħu jibbenefikaw minn pensjoni mill-baġit tal-Unjoni li l-livell u l-modalitajiet tal-pensjoni kienu identiċi għal dawk tal-pensjoni li jirċievu l-membri tal-kamra tad-deputati inferjuri tal-Istat Membru li fih huma ġew eletti.

2.        Dawn l-appelli wasslu għas-sitwazzjoni ta’ ex Membri tal-Parlament eletti fl-Italja jew tas-superstiti tagħhom, li l-pensjonijiet tal-irtirar jew il-pensjonijiet tas-superstiti tagħhom huma dovuti (iktar ’il quddiem il-“pensjonijiet”) taħt din l-iskema, ikklassifikata mill-Qorti Ġenerali bħala r-“regola ta’ pensjoni identika”, filwaqt li huma marbutin mal-ammont u mal-modalitajiet tal-pensjoni tal-ex Membri Taljani.

3.        Dawn l-appelli jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk il-Parlament kienx korrett meta naqqas, b’applikazzjoni ta’ din ir-“regola ta’ pensjoni identika”, il-pensjonijiet tal-appellanti li kienu diġà jibbenefikaw minnha, wara li l-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati Taljana ddeċieda, min-naħa tiegħu, li jnaqqas l-ammont tal-pensjonijiet tal-ex Membri Taljani.

4.        Minbarra l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali kellhiex raġun tiċħad ir-rikorsi ppreżentati mill-appellanti kontra d-deċiżjonijiet korrispondenti tal-Parlament, tqum il-kwistjoni dwar jekk dawn il-proċeduri jżommux is-suġġett tagħhom u jekk l-appellanti jżommux l-interess ġuridiku tagħhom. Fil-fatt, sadanittant, id-deċiżjonijiet ikkontestati tal-Parlament ġew issostitwiti b’deċiżjonijiet ġodda, wara bidla mill-ġdid fis-sitwazzjoni legali Taljana.

5.        L-eżami ta’ dawn l-appelli ser juri li dawn iż-żewġ kwistjonijiet huma marbuta b’mod inseparabbli. Fil-fatt, l-iżbalji ta’ liġi invokati mill-appellanti huma determinanti kemm għal-legalità tas-sentenzi appellati u tad-deċiżjonijiet kkontestati kif ukoll għall-kwistjoni tat-tneħħija tas-suġġett tal-kawża f’dawn il-kawżi.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

6.        Il-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem ir-“Regoli PEAM”), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ sal‑14 ta’ Lulju 2009 (2), kienet tipprevedi fl-Anness III tagħha b’mod partikolari:

“Artikolu 1

1.      Il-Membri kollha tal-Parlament Ewropew għandhom id-dritt li jgawdu minn pensjoni tal-irtirar.

2.      Sakemm tiġi stabbilita skema ta’ pensjoni Komunitarja definittiva għall-Membri kollha tal-Parlament Ewropew, u fil-każijiet fejn l-iskemi nazzjonali ma jagħtux pensjoni jew fil-każijiet fejn il-livell u/jew il-kundizzjonijiet tal-pensjoni mogħtija m’humiex identiċi għal dawk applikabbli għall-Membri tal-parlament nazzjonali tal-Istat Membru li għalih il-Membru kien elett, għandha tingħata, fuq talba tal-Membru interessat, pensjoni proviżorja li titħallas mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, Sezzjoni Parlament.

Artikolu 2

1.      Il-livell u l-kundizzjonijiet ta’ din il-pensjoni proviżorja huma identiċi għal dawk tal-pensjoni li jieħdu l-Membri tal-Kamra Inferjuri tal-Parlament tal-Istat Membru li għalih il-Membru kien elett.

2.      Membru li jgawdi mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2) huwa marbut, b’din is-sistema, li jagħti kontribuzzjoni lill-baġit tal-Unjoni Ewropea li hija kkalkolata b’tali mod li b’kollox iħallas l-istess kontribuzzjoni li jħallas Membru tal-Kamra Inferjuri tal-Istat Membru fejn kien elett skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali.

Artikolu 3

1.      It-talba għad-dħul f’din l-iskema ta’ pensjoni proviżorja għandha ssir sa mhux aktar tard minn tnax-il xahar mill-bidu tal-mandat tal-Membru kkonċernat.

Meta jiskadi dan iż-żmien, is-sħubija fl-iskema ta’ pensjoni tidħol fis-seħħ mill-ewwel jum tax-xahar li fih tidħol it-talba.

2.      It-talba għall-ħlas tal-pensjoni għandha ssir fi żmien sitt xhur minn meta jibda d-dritt għal dik il-pensjoni.

Meta jiskadi dan iż-żmien, il-pensjoni għandha titħallas mill-ewwel jum tax-xahar li fih tidħol it-talba.

[…]”

7.        L-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew huwa rregolat bid-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 2005/684/KE, Euratom tat‑28 ta’ Settembru 2005 li tadotta l-istatut għall-membri tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem l-“Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew”) (3) adottat u daħal fis-seħħ fl‑14 ta’ Lulju 2009, l-ewwel jum tas-seba’ leġiżlatura.

8.        Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Mejju u tad‑9 ta’ Lulju 2008, l-uffiċċju tal-Presidenza tal-Parlament adotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri (4). Skont l-Artikolu 73 tagħhom, il-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri daħlu fis-seħħ fil-jum tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut għall-Membri, jiġifieri fl‑14 ta’ Lulju 2009.

9.        L-Artikolu 74 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri jippreċiża li, suġġett għad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fit-Titolu IV ta’ dawn il-miżuri ta’ implimentazzjoni, u b’mod partikolari tal-Artikolu 75, ir-Regoli PEAM jieqfu japplikaw fid-data li fiha l-Istatut jidħol fis-seħħ.

10.      L-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri, dwar, b’mod partikolari, il-pensjonijiet tal-età, jipprovdi, fid-deċiżjoni tiegħu tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tat‑13 ta’ Diċembru 2010 li temenda l-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri (5):

“1.      Il-pensjoni tas-superstiti, il-pensjoni tal-invalidità, il-pensjoni tal-invalidità addizzjonali mogħtija għall-ulied dipendenti u l-pensjoni tal-età mħallsa skont l-Annessi I, II, u III tar-Regoli PEAM għandhom ikomplu jitħallsu skont dawk l-annessi lil dawk il-persuni li kienu jirċievu l-benefiċċji taħt eżami qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut.

Fejn ex Membru li jkun qed jirċievi l-pensjoni tal-invalidità imut wara l‑14 ta’ Lulju 2009, il-pensjoni tas-superstiti għandha titħallas lill-konjuġi, lis-sieħeb stabbli mhux fiż-żwieġ jew lit-tfal dipendenti tiegħu jew tagħha, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I għar-Regoli PEAM.

2.      Id-drittijiet għall-pensjoni tal-età miksuba qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut skont l-Anness III imsemmi hawn fuq għandhom jibqgħu fis-seħħ. Il-persuni li kisbu drittijiet skont l-iskema tal-pensjoni għandhom jirċievu pensjoni kkalkulata fuq il-bażi tad-drittijiet miksuba tagħhom skont l-Anness III imsemmi hawn sakemm jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat u jippreżentaw l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tal-Anness III msemmi hawn fuq.”

11.      Skont il-premessa 7 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri, “għandhom jittieħdu passi rigward id-dispożizzjonijiet tranżitorji sabiex ikun żgurat li persuni li jirċievu ċertu benefiċċji skont ir-Regoli PEAM ikunu jistgħu jibqgħu jirċievuhom wara li dawk ir-regoli jitħassru, sabiex b’hekk ikun rispettat il-prinċipju ta’ dak li wieħed għandu jistenna b’mod leġittimu. Għandhom ukoll jittieħdu passi sabiex tkun garantita ż-żamma tad-drittijiet tal-pensjoni fuq il-bażi tar-Regoli PEAM qabel id-dħul fis-seħħ tal-Istatut. […]”

B.      Iddritt Taljan

12.      Fit‑12 ta’ Lulju 2018, l-Ufficio di Presidenza della Camera dei deputati (l-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati, l-Italja) adotta d-Deċiżjoni Nru 14/2018 li kellha bħala suġġett l-iffissar mill-ġdid tal-ammont tal-allokazzjonijiet għall-ħajja u tal-parti ta’ allokazzjoni għall-ħajja tal-benefiċċji ta’ manteniment pro rata, kif ukoll benefiċċji tas-superstiti, relatati mas-snin ta’ mandat mogħtija sal‑31 ta’ Diċembru 2011 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 14/2018”).

13.      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 jipprovdi:

“1.      Mill‑1 ta’ Jannar 2019, l-ammonti tal-allokazzjonijiet għall-ħajja, diretti u ta’ riverżjoni, u tas-sehem ta’ allokazzjoni għall-ħajja tal-benefiċċji ta’ manteniment pro rata, diretti u ta’ riverżjoni, li d-drittijiet tagħhom kienu nkisbu abbażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil‑31 ta’ Diċembru 2011, għandhom jiġu kkalkolati skont il-modalitajiet il-ġodda previsti f’din id-deċiżjoni.

2.      Il-kalkolu l-ġdid imsemmi fil-paragrafu preċedenti jsir billi l-ammont tal-kontribuzzjoni individwali jiġi mmultiplikat bil-koeffiċjent ta’ trasformazzjoni relatat mal-età tal-membru fid-data li fiha l-membru jkun kiseb id-dritt għall-benefiċċju ta’ ħajja jew għall-benefiċċju ta’ manteniment pro rata.

3.      Il-koeffiċjenti ta’ pproċessar li jinsabu fit-Tabella 1, annessa ma’ din id-deċiżjoni, għandhom jiġu applikati.

4.      L-ammont tal-allokazzjonijiet għall-ħajja, diretti u ta’ riverżjoni, u tas-sehem ta’ allokazzjoni għall-ħajja tal-benefiċċji ta’ manteniment pro rata, diretti u ta’ riverżjoni, ikkalkolati mill-ġdid skont din id-deċiżjoni, fl-ebda każ ma jista’ jaqbeż l-ammont tal-allokazzjoni għall-ħajja, diretta jew ta’ riverżjoni, jew tas-sehem ta’ allokazzjoni għall-ħajja tal-benefiċċju ta’ manteniment pro rata, diretta jew ta’ riverżjoni, previst għal kull Membru mir-Regolament fis-seħħ fid-data tal-bidu tal-mandat parlamentari.

5.      L-ammont tal-allokazzjonijiet għall-ħajja, diretti u ta’ riverżjoni, u tas-sehem ta’ allokazzjoni għall-ħajja tal-benefiċċji ta’ manteniment pro rata, diretti u ta’ riverżjoni, ikkalkolati mill-ġdid skont din id-deċiżjoni, fl-ebda każ ma jista’ jkun inqas mill-ammont ikkalkolat billi jiġi mmultiplikat l-ammont tal-kontribuzzjonijiet individwali mħallsa minn membru li jkun eżerċita l-mandat parlamentari biss matul il-leġiżlatura XVII, evalwat mill-ġdid skont l-Artikolu 2 iktar ’il fuq, bil-koeffiċjent ta’ trasformazzjoni li jikkorrispondi għall-età ta’ 65 sena fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2018.

6.      Fil-każ li, wara l-kalkolu l-ġdid imwettaq fis-sens ta’ din id-deċiżjoni, l-ammont il-ġdid tal-allokazzjonijiet għall-ħajja, diretti u ta’ riverżjoni, u tal-parti ta’ allokazzjoni għall-ħajja tal-benefiċċji ta’ manteniment pro rata, diretti u ta’ riverżjoni, jitnaqqas b’iktar minn 50 %, meta mqabbel mal-ammont tal-allokazzjoni għall-ħajja, diretta jew ta’ riverżjoni, jew tal-parti ta’ allokazzjoni għall-ħajja tal-benefiċċju ta’ manteniment pro rata, diretta jew ta’ riverżjoni, previst għal kull Membru mill-Ordnijiet Permanenti fis-seħħ fid-data tal-bidu tal-mandat parlamentari, l-ammont minimu determinat bis-saħħa tal-paragrafu 5 jiżdied bin-nofs.

7.      L-uffiċċju tal-Presidenza, fuq proposta tal-Kulleġġ tad-Deputati Kwesturi, jista’ jżid sa massimu ta’ 50 % l-ammont tal-allokazzjonijiet għall-ħajja, diretti u ta’ riverżjoni, u għas-sehem ta’ allokazzjoni għall-ħajja tal-benefiċċji ta’ manteniment pro rata, diretti u ta’ riverżjoni, ikkalkolati mill-ġdid skont din id-deċiżjoni, favur il-persuni li jagħmlu talba għal dan il-għan u li għalihom ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)      huma ma jirċevux dħul annwali ieħor ta’ ammont ogħla mill-ammont annwali tal-għajnuna soċjali, bl-esklużjoni ta’ dak eventwalment miksub, taħt kwalunkwe titolu, mill-proprjetà immobbli intiża għall-abitazzjoni prinċipali;

b)      huma milquta minn mard serju li jeżiġi li l-amministrazzjoni ta’ terapiji vitali, sostnuti minn dokumenti xierqa prodotti minn stabbilimenti tal-kura pubblika, jew inkella jsofru minn patoloġiji li jagħtu lok għal sitwazzjonijiet ta’ invalidità sa 100 % rrikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti.

8.      Id-dokumentazzjoni li ssostni li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 7 huma sodisfatti għandha tiġi prodotta mill-applikant fil-mument tal-applikazzjoni u, sussegwentement, sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru ta’ kull sena.”

III. Ilfatti li wasslu għallkawża

A.      Kalkolu millġdid talpensjonijiet talirtirar, jew pensjonijiet tassuperstiti talappellanti millParlament

14.      L-appellanti huma kollha ex Membri tal-Parlament, eletti fl-Italja, jew is-superstiti tagħhom, li jirċievu pensjonijiet abbażi tal-Artikoli 1 u 2 tal-Anness III tar-Regoli PEAM, moqrija flimkien mal-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri.

15.      L-ammont ta’ dawn il-pensjonijiet huwa kkalkolat, skont l-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM, abbażi tar-regoli ta’ kalkolu tal-pensjonijiet tal-ex Membri Taljani. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li “l-livell u l-kundizzjonijiet ta’ din il-pensjoni proviżorja huma identiċi għal dawk tal-pensjoni li jieħdu l-Membri tal-Kamra Inferjuri tal-Parlament tal-Istat Membru li għalih il-Membru kien elett”.

16.      Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Parlament matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ammont tal-pensjonijiet tal-Membri Taljani ġie kkalkolat, sal‑2012, abbażi tat-tul u mhux tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet imħallsa. Din is-sistema ġiet emendata favur kalkolu kontributorju mill‑1 ta’ Jannar 2012. Madankollu, peress li din l-emenda kienet tikkonċerna biss drittijiet għall-pensjoni miksuba wara l‑1 ta’ Jannar 2012, hija ma kellha ebda effett fuq is-sitwazzjoni tal-ex membri Taljani tal-Parlament. Fil-fatt, peress li r-Regoli PEAM tħassru wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut għall-Membri fl‑14 ta’ Lulju 2009, id-drittijiet għall-pensjoni ma setgħux jinkisbu iktar abbażi tal-Anness III ta’ dawn ir-regoli.

17.      Madankollu, kif sostna wkoll il-Parlament matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, permezz tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018, l-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati Taljana ddeċieda li jiffissa mill-ġdid ukoll l-ammont tal-pensjonijiet tal-ex Membri Taljani għall-perijodu ta’ qabel il‑31 ta’ Diċembru 2011 abbażi ta’ sistema kontributorja. Fuq din il-bażi, l-awtorità Taljana kompetenti naqqset kunsiderevolment il-pensjonijiet tal-irtirar ta’ numru kbir ta’ ex Membri Taljani mill‑1 ta’ Jannar 2019.

18.      Fis‑16 ta’ Ottubru 2018, l-Ufficio di Presidenza del Senato (il-Kunsill tal-Presidenza tas-Senat, l-Italja) adotta leġiżlazzjoni ġdida simili permezz tad-Deċiżjoni Nru 6/2018.

19.      Sussegwentement, diversi persuni kkonċernati kkontestaw id-Deċiżjoni Nru 14/2018 quddiem il-Consiglio di giurisdizione della Camera dei deputati (il-Kunsill għall-Ġurisdizzjoni tal-Kamra tad-Deputati, l-Italja) u d-Deċiżjoni Nru 6/2018 quddiem il-korp kompetenti tas-Senat Taljan.

20.      L-appellanti fil-Kawżi C‑198/21 P u C‑391/21 P kif ukoll parti mill-appellanti fil-Kawża C‑725/20 P irċevew il-pensjonijiet tal-irtirar tagħhom qabel id-dħul fis-seħħ tal-Istatut għall-Membri fl-14 ta’ Lulju 2009; ċerti appellanti oħra fil-Kawża C‑725/20 P irċevew il-pensjoni tal-irtirar tagħhom biss minn data wara d-dħul fis-seħħ tagħha. Madankollu, waqt l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 mill-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati Taljana, il-pensjonijiet kollha msemmija f’dawn l-appelli kienu diġà riċevuti mill-benefiċjarji tagħha.

21.      Biż-żieda ta’ kumment fuq ir-rendikonti tal-pensjoni tax-xahar ta’ Jannar 2019, il-Parlament informa lill-appellanti li, konformement mad-deċiżjonijiet reċenti tal-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati Taljana u tas-Senat, dan il-kalkolu l-ġdid jista’ eventwalment jagħti lok għal irkupru tas-somom imħallsa indebitament.

22.      Permezz ta’ nota mingħajr data tal-Kap tad-Diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tal-Membri” tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) tal-Finanzi tal-Parlament, annessa mar-rendikonti tal-pensjoni tal-appellanti tax-xahar ta’ Frar 2019, il-Parlament avża lil dawn tal-aħħar li s-servizz legali tiegħu kien ikkonferma l-applikabbiltà awtomatika tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 għas-sitwazzjoni tagħhom. Din in-nota żiedet li, meta rċieva l-informazzjoni neċessarja mingħand il-Camera dei deputati (il-Kamra tad-Deputati, l-Italja), il-Parlament kien ser jinnotifika lill-appellanti bl-iffissar mill-ġdid tal-ammont tal-pensjonijiet tagħhom u kien ser jipproċedi għall-irkupru tad-differenza eventwali fit-tnax-il xahar ta’ wara. Fl-aħħar nett, din in-nota informat lill-appellanti li l-iffissar definittiv tal-ammont tal-pensjonijiet tagħhom kellu jiġi adottat permezz ta’ att formali li kontrih huwa possibbli li jitressaq ilment abbażi tal-Artikolu 72 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri jew rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 263 TFUE.

23.      Permezz ta’ noti tal‑11 ta’ April 2019, il-Kap tad-Diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tal-Membri” tad-DĠ tal-Finanzi tal-Parlament informa lill-appellanti li, kif kien ħabbar fin-nota tiegħu ta’ Frar 2019, l-ammont tal-pensjoni tagħhom kien ser jiġi adattat, skont l-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM, flimkien mal-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri skont id-Deċiżjoni Nru 14/2018. L-imsemmija noti ppreċiżaw ukoll li l-ammont tal-pensjonijiet tal-appellanti kien ser jiġi aġġustat mix-xahar ta’ April 2019 (u b’effett retroattiv mill‑1 ta’ Jannar 2019) b’applikazzjoni tal-proġetti ta’ ffissar tal-ammonti ġodda tal-pensjonijiet trażmessi fl-anness ta’ dawn l-ittri (iktar ’il quddiem “l-ewwel kalkolu mill-ġdid”). Fl-aħħar nett, dawn l-istess noti taw lill-appellanti terminu ta’ 30 jum, li jiddekorri minn meta jirċevuhom, sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Fin-nuqqas ta’ tali osservazzjonijiet, l-effetti ta’ dawn in-noti jitqiesu li huma definittivi u jimplikaw, b’mod partikolari, l-irkupru tal-ammonti rċevuti indebitament għax-xhur ta’ Jannar sa Marzu 2019.

24.      Fit‑23 ta’ Mejju 2019, E. Falqui, l-appellant fil-Kawża C‑391/21 P, ressaq l-osservazzjonijiet tiegħu lill-Parlament. Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Lulju 2019, il-Kap tad-Diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tal-Membri tal-Parlament” tad-DĠ tal-Finanzi tal-Parlament informa lil E. Falqui li l-osservazzjonijiet mibgħuta minnu ma kienux ibiddlu l-pożizzjoni tal-Parlament u li l-kalkolu l-ġdid tal-pensjoni tiegħu li jinsab fin-nota ta’ April 2019 b’hekk isir definittiv.

B.      Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali

25.      L-appellanti ppreżentaw rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali fejn talbu b’mod partikolari li tiddikjara ineżistenti jew tannulla n-noti msemmija fil-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet jew, fir-rigward ta’ E. Falqui, l-ittra tal-Parlament imsemmija fil-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

26.      Il-Parlament talab b’mod partikolari li r-rikorsi jiġu miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati.

27.      Barra minn hekk, il-Parlament talab lill-Qorti Ġenerali tissospendi r-rikorsi sakemm tittieħed id-deċiżjoni tal-Kunsill Ġudizzjarju tal-Kamra tad-Deputati li tiddeċiedi dwar il-validità tad-Deċiżjoni Nru 14/2018.

28.      Il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx din it-talba u, permezz tas-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2020, Coppo Gavazzi et vs Il‑Parlament (T‑389/19 sa T‑394/19, T‑397/19, T‑398/19, T‑403/19, T‑404/19, T‑406/19, T‑407/19, T‑409/19 sa T‑414/19, T‑416/19 sa T‑418/19, T‑420/19 sa T‑422/19, T‑425/19 sa T‑427/19, T‑429/19 sa T‑432/19, T‑435/19, T‑436/19, T‑438/19 sa T‑442/19, T‑444/19 sa T‑446/19, T‑448/19, T‑450/19 sa T‑454/19, T‑463/19 u T‑465/19, EU:T:2020:494) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Coppo Gavazzi”; tal‑10 ta’ Frar 2021, Santini et vs Il‑Parlament (T‑345/19, T‑346/19, T‑364/19 sa T‑366/19, T‑372/19 sa T‑375/19 u T‑385/19, EU:T:2021:78) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Santini”; u tal‑5 ta’ Mejju 2021, Falqui vs Il‑Parlament (T‑695/19, EU:T:2021:242) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Falqui”) (iktar ’il quddiem is-“sentenzi appellati”), ċaħdet ir-rikorsi u kkundannat lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż.

IV.    Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja, ittalbiet talpartijiet u liżviluppi sussegwenti wara lgħeluq talfażi bilmiktub talproċedura

29.      L-appellanti ppreżentaw appelli mis-sentenzi appellati permezz tal-atti tat‑28 ta’ Diċembru 2020 (Kawża C‑725/20 P), tad‑29 ta’ Marzu 2021 (Kawża C‑198/21 P) u tal‑24 ta’ Ġunju 2021 (Kawża C‑391/21 P).

30.      L-34 appellant fil-Kawża C‑725/20 P, li isimhom jidher fl-anness ta’ dawn il-konklużjonijiet (6), jikkontestaw is-sentenza Coppo Gavazzi sa fejn din is-sentenza tikkonċernahom. Din is-sentenza ġiet mogħtija f’49 kawża magħquda; fir-rigward tal‑15‑il kawża mhux elenkati fl-anness, ma hijiex is-suġġett ta’ dan l-appell.

31.      L-appellanti fil-Kawża C‑725/20 P jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza Coppo Gavazzi;

–        tibgħat lura l-Kawża T‑453/19, Panusa vs Il‑Parlament, quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-mertu;

–        tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati fir-rigward tal-appellanti l-oħra;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

32.      L-appellanti fil-Kawża C‑198/21 P jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza Santini;

–        konsegwentement, tannulla l-atti, in-noti u/jew id-deċiżjonijiet ikkontestati kollha u tilqa’ t-talbiet imressqa fl-ewwel istanza;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

33.      L-appellant fil-Kawża C‑391/21 P jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza Falqui u, konsegwentement, tannulla d-deċiżjoni kkontestata (u, sa fejn ikun meħtieġ, l-abbozz ta’ deċiżjoni u l-opinjoni tas-servizz legali li fuqhom hija bbażata), li jimplika l-obbligu tal-Parlament li jirrimborsa t-tnaqqis imwettaq b’mod irregolari mill-pensjoni tiegħu u li jikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

34.      F’kull waħda mit-tliet kawżi, il-Parlament jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

35.      Wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub f’dawn l-appelli, il-partijiet ipproduċew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dokumenti relatati ma’ proċeduri għall-kalkolu mill-ġdid tal-pensjonijiet tal-ex Membri jew tas-superstiti tagħhom fil-livell Taljan kif ukoll fil-livell tal-Parlament.

36.      L-ewwel nett, dan jirrigwarda d-deċiżjonijiet tal-korpi tal-Kamra tad-Deputati u tas-Senat Taljani, li quddiemhom ġew ikkontestati d-Deċiżjonijiet Nru 14/2018 u 6/2018 (ara l-punt 19 iktar ’il fuq), jiġifieri d-Deċiżjoni Nru 4/2021 tal-Kunsill Ġudizzjarju tal-Kamra tad-Deputati tat‑23 ta’ Diċembru 2021 kif ukoll id-Deċiżjoni Nru 253/2021 tal-Consiglio di Garanzia del Senato (il-Kunsill tal-Garanziji tas-Senat, l-Italja) tat‑12 ta’ Jannar 2022.

37.      Il-Kunsill għall-Ġurisdizzjoni tal-Kamra tad-Deputati adotta d-Deċiżjoni Nru 14/2018, li ġiet iddikjarata parzjalment illegali, fid-Deċiżjoni Nru 4/2021 tiegħu, mhux definittiva, tat‑23 ta’ Diċembru 2021. Din id-dikjarazzjoni ta’ illegalità parzjali kienet tikkonċerna ċerti modalitajiet ta’ kalkolu mill-ġdid tal-pensjonijiet tal-persuni kkonċernati. Madankollu d-Deċiżjoni ġiet irriżervata fir-rigward ta’ kwistjonijiet legali oħra mqajma mir-rikorrenti.

38.      Barra minn hekk, il-partijiet informaw lill-Qorti tal-Ġustizzja bid-Deċiżjoni Nru 150/2022 tal-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati Taljana, tat‑3 ta’ Marzu 2022, li tikkalkola mill-ġdid, b’effett retroattiv mill‑1 ta’ Jannar 2019, il-pensjonijiet tal-ex Membri Taljani affettwati mid-Deċiżjoni Nru 14/2018, wara d-Deċiżjoni Nru 4/2021 tal-Kunsill Ġudizzjarju tal-Kamra tad-Deputati.

39.      Fl-aħħar nett, il-partijiet informaw lill-Qorti tal-Ġustizzja li, wara d-Deċiżjoni Nru 150/2022 tal-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati Taljana, il-Parlament ikkalkola mill-ġdid għal darba oħra b’mod retroattiv mill‑1 ta’ Jannar 2019, il-pensjonijiet tal-appellanti (iktar ’il quddiem “it-tieni kalkolu mill-ġdid”) bid-Deċiżjonijiet ta’ Settembru sa Novembru 2022.

40.      Dan it-tieni kalkolu mill-ġdid kellu bħala konsegwenza li l-pensjonijiet ta’ ċerti appellanti ġew evalwati kompletament mill-ġdid fl-ammont inizjali tagħhom qabel l-ewwel kalkolu mill-ġdid. Madankollu, għal appellanti oħra, l-ammonti baqgħu inqas minn dawk li kienu jipprevalu qabel l-ewwel kalkolu mill-ġdid.

41.      Parti mill-appellanti kkontestaw quddiem il-Qorti Ġenerali d-deċiżjonijiet tal-Parlament dwar it-tieni kalkolu mill-ġdid tal-pensjonijiet tagħhom wara d-Deċiżjoni Nru 150/2022 tal-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati Taljana (7). Dawn il-proċeduri huma attwalment sospiżi sakemm jintemmu dawn l-appelli.

42.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ssospendiet dawn l-appelli sat-tieni kalkolu mill-ġdid tal-pensjonijiet tal-appellanti mill-Parlament wara d-Deċiżjoni Nru 150/2022 tal-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati Taljana, u sussegwentement kompliethom.

43.      Hija staqsiet ukoll lill-partijiet dwar jekk dawn l-appelli għadx għandhom skop, fid-dawl tas-sostituzzjoni tad-deċiżjonijiet kkontestati bid-deċiżjonijiet tal-Parlament dwar it-tieni kalkolu mill-ġdid tal-pensjonijiet tal-appellanti, imsemmija fil-punti 39 sa 42 iktar ’il fuq. Skont il-partijiet kollha f’dawn l-appelli, dan ma huwiex il-każ.

44.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma ssirx seduta, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

V.      Analiżi

45.      Kif esponejt b’mod preliminari, dawn l-appelli jqajmu l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali kinitx ġustament ikkonfermat li l-Parlament, b’applikazzjoni tar-“regola ta’ pensjoni identika” prevista fl-Artikoli 1 u 2 tal-Anness III tar-Regoli PEAM, moqrija flimkien mal-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri, naqqsu l-pensjonijiet tal-appellanti li kienu diġà rċevew mill‑1 ta’ Jannar 2019, wara li l-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati Taljana kienet, min-naħa tagħha, iddeċidiet, permezz tad-Deċiżjoni Nru 14/2018, li tnaqqas l-ammont tal-pensjonijiet tal-ex Membri Taljani mill‑1 ta’ Jannar 2019.

46.      Kif semmejt ukoll b’mod preliminari, tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk dawn l-appelli jżommux is-suġġett tagħhom u jekk l-appellanti għadx għandhom l-interess ġuridiku tagħhom, minkejja li sadanittant id-deċiżjonijiet ikkontestati ġew issostitwiti bid-deċiżjonijiet tal-Parlament, imsemmija fil-punti 39 sa 42 iktar ’il fuq, dwar it-tieni kalkolu mill-ġdid tar-remunerazzjoni tal-appellanti.

47.      Is-sempliċi sostituzzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma twassalx awtomatikament għat-tneħħija tas-suġġett tal-kawża f’dawn il-kawżi u tal-interess ġuridiku tal-appellanti.

48.      Din iż-żamma tiddependi pjuttost mill-punt dwar jekk huwiex possibbli, fil-kuntest ta’ dawn l-appelli, li jiġi ddeterminat b’mod definittiv jekk tibdil fis-sitwazzjoni legali nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM, moqri flimkien mal-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri, jinvolvix awtomatikament l-emenda tal-pensjonijiet tal-ex Membri tal-Parlament affettwati minn dawn ir-regoli (taħt A).

49.      Sabiex jiġi ddeterminat dan, għandha qabel kollox tiġi eżaminata l-legalità tas-sentenzi appellati fid-dawl tal-aggravji mqajma insostenn tal-appell. F’dan ir-rigward, jidher li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi, b’mod partikolari billi kkonfermat il-konformità tat-tnaqqis tal-pensjonijiet tal-appellanti mar-regoli u mal-prinċipji superjuri tad-dritt tal-Unjoni (taħt B).

50.      Waqt l-eżami ulterjuri tar-rikorsi fl-ewwel istanza, għandu sussegwentement jiġi eżaminat jekk huwiex possibbli li tiġi eżaminata tali kompatibbiltà indipendentement mill-kontenut rispettiv tad-deċiżjoni nazzjonali li għandha tiġi implimentata mill-Parlament fil-kuntest tar-“regola ta’ pensjoni identika”. Li kieku dan ma kienx il-każ, dawn ir-rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali jkunu saru mingħajr skop minħabba s-sostituzzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati (taħt C).

A.      żamma tassuġġett talkawża u talinteress ġuridiku minkejja ssostituzzjoni taddeċiżjonijiet ikkontestati?

51.      Kemm l-appellanti kif ukoll il-Parlament iqisu li, minkejja s-sostituzzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, dawn l-appelli jżommu s-suġġett tagħhom u l-appellanti jżommu l-interess ġuridiku tagħhom. Fil-fatt, id-deċiżjonijiet il-ġodda tal-Parlament biddlu biss l-ammont tal-pensjonijiet tal-appellanti meta mqabbla mad-deċiżjonijiet ikkontestati. Madankollu, fuq il-mertu, huma jibbażaw fuq l-istess kunċett legali, li l-Parlament ġustament ikkalkola mill-ġdid il-pensjonijiet tal-appellanti, l-ewwel abbażi tad-Deċiżjoni Nru 14/2018, u sussegwentement abbażi tad-Deċiżjoni Nru 150/2022 tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati Taljana (ara l-punt 38 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, dawn għandhom interess li l-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, jekk din l-applikazzjoni dinamika tar-“regola ta’ pensjoni identika” hijiex legali.

52.      L-interess ġuridiku kif ukoll is-suġġett tal-kawża għandhom mhux biss jeżistu fl-istadju tal-preżentata tar-rikors, iżda wkoll ikomplu jeżistu sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, minħabba li, fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni. Dan jimplika li, bl-eżitu tiegħu, ir-rikors jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-parti li tippreżentah (8).

53.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet, f’diversi każijiet, li l-interess ġuridiku ta’ rikorrent ma jisparixxix neċessarjament minħabba l-fatt li l-att li huwa jikkontesta waqaf jipproduċi effetti fil-mori tal-kawża (9). Għalhekk, l-interess ġuridiku jista’ jkompli jippersisti b’mod partikolari sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ repetizzjoni tal-illegalità li l-att ikkontestat huwa allegatament ivvizzjat biha (10). Il-persistenza ta’ tali interess ġuridiku għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ (11). B’mod partikolari, l-eżistenza ta’ riskju ta’ repetizzjoni tal-illegalità allegata għandha tiġi stabbilita b’mod ċar u konkret (12).

54.      Prima facie, dan jidher li huwa l-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, il-Parlament huwa tal-opinjoni li huwa marbut minn emendi li saru fir-regoli Taljani fil-qasam tal-provvista u li għalhekk huwa probabbli li huwa ser jimplimenta emendi futuri, u b’hekk jirrepeti l-illegalità allegata. Kif indikat fil-punt 37, id-Deċiżjoni Nru 4/2021 tal-Kunsill Ġudizzjarju tal-Kamra tad-Deputati, li ddikjarat parzjalment illegali d-Deċiżjoni Nru 14/2018, għadha ma hijiex finali. Għalhekk huwa kompletament possibbli li, fil-livell Taljan, ikun hemm bidla ġdida fis-sitwazzjoni legali, li l-Parlament jerġa’ jimplimenta, u dan jirriżulta fir-repetizzjoni.

55.      Barra minn hekk, din is-sitwazzjoni hija kkaratterizzata mill-fatt li l-Parlament diġà kkalkola mill-ġdid għat-tieni darba l-ammont tal-pensjonijiet tal-appellanti b’eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni Nru 150/2022 tal-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati Taljana (ara l-punt 38 iktar ’il fuq) meta mqabbel mad-deċiżjonijiet ikkontestati inizjali, u b’hekk tenna mill-ġdid l-illegalità invokata mill-appellanti. Kif ġie espost fil-punt 41 iktar ’il fuq, parti mill-appellanti kkontestaw id-deċiżjonijiet il-ġodda tal-Parlament adottati quddiem il-Qorti Ġenerali u din issospendiet il-proċeduri kkonċernati sakemm jingħataw deċiżjonijiet dwar dawn l-appelli.

56.      B’dan il-mod, ikun ukoll konformi mal-prinċipju ta’ ekonomija tal-ġudizzju li tiġi ċċarata, fil-kuntest ta’ dawn l-appelli, sa fejn huwa possibbli, il-kwistjoni ta’ prinċipju dwar jekk il-Parlament setax jikkalkola mill-ġdid il-pensjonijiet tal-appellanti b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 u sussegwentement tad-Deċiżjoni Nru 150/2022. Fil-fatt, f’tali każ, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tar-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet li jissostitwixxu d-deċiżjonijiet ikkontestati.

57.      Madankollu, dan jimplika li huwa possibbli li din il-kwistjoni ta’ prinċipju tiġi ċċarata fil-kuntest ta’ dawn l-appelli. Il-kwistjoni dwar jekk dan huwiex possibbli tiddependi fuq jekk il-kwistjoni dwar jekk ir-riferiment għad-dritt Taljan huwiex dinamiku tistax tiġi riżolta każ b’każ, indipendentement mill-kontenut konkret tal-leġiżlazzjonijiet Taljani u d-deċiżjonijiet tal-Parlament inkwistjoni. L-eżami li ġej ser juri li dan ma huwiex il-każ.

58.      Madankollu, dan l-eżami ser juri kif il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżami tar-rikorsi li issa huma pendenti kontra d-deċiżjonijiet li jissostitwixxu d-deċiżjonijiet ikkontestati, u l-Parlament, għandhom jipproċedu għall-eżami mill-ġdid tal-applikabbiltà tad-deċiżjonijiet nazzjonali fil-kuntest tar-“regola ta’ pensjoni identika” sabiex jaġixxu f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

B.      Fuq lappelli

59.      Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet sensiela ta’ żbalji ta’ liġi meta kkonfermat, fis-sentenzi appellati, il-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

60.      Qabel kollox, hija injorat il-fatt li, mid-dħul fis-seħħ tal-Istatut għall-Membri, ir-Regoli PEAM ma kinux jipprovdu iktar bażi legali għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ġodda (13) u wettqu żball ta’ liġi meta ammettew distinzjoni bejn id-dritt għall-pensjoni, minn naħa, u l-ammont tal-pensjonijiet, min-naħa l-oħra (14) (1). Sussegwentement, hija kkonfermat b’mod żbaljat li t-tnaqqis tal-pensjonijiet tal-appellanti mwettaq permezz tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma kienx imur kontra l-prinċipji superjuri tad-dritt tal-Unjoni (15) (2). Fl-aħħar nett, hija wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li d-deċiżjonijiet ikkontestati kienu ġew adottati mill-awtorità kompetenti fi ħdan il-Parlament (3) u kienu suffiċjentement immotivati (16) (4). Fil-kawża C‑725/20 P, l-appellanti jsostnu wkoll li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset ir-rikors ta’ I. Panusa bħala inammissibbli (17) (5).

1.      Fuq ilprinċipju u lammont talbażi legali għalladozzjoni taddeċiżjonijiet ikkontestati u taddistinzjoni talpretensjonijiet

61.      L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li, mid-dħul fis-seħħ tal-Istatut għall-Membri, ir-Regoli PEAM ma kinux jipprovdu iktar bażi legali għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ġodda. Fi kliem ieħor, minn dak il-mument, ir-riferiment għad-dritt Taljan ma kienx iktar dinamiku. Barra minn hekk, huma jqisu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta għamlet distinzjoni, bħala prinċipju, bejn id-dritt għall-pensjoni u l-ammont tal-pensjonijiet.

62.      Dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom jiġu miċħuda.

63.      Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat li, għalkemm, skont l-Artikolu 74 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew, ir-Regoli PEAM skadew fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Istatut, jiġifieri fl‑14 ta’ Lulju 2009, ir-“regola ta’ pensjoni identika” prevista fl-Anness III tar-Regoli PEAM baqgħu madankollu tranżitorji, skont l-Artikolu 74, flimkien mal-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni.

64.      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet b’mod korrett li kemm l-Artikolu 75(1) kif ukoll l-Artikolu 75(2) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri jiggarantixxu lill-persuni kkonċernati ż-żamma tal-ħlas tal-pensjoni (għal dawk li diġà kienu jirċievu l-pensjoni qabel id-dħul fis-seħħ tal-Istatut) jew l-eżistenza tad-drittijiet korrispondenti (għal dawk li rċevew il-pensjoni biss wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut) “skont l-Anness III tar-Regoli PEAM”. Skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan l-anness, “[i]l-livell u l-kundizzjonijiet ta’ din il-pensjoni proviżorja huma identiċi għal dawk tal-pensjoni li jieħdu l-Membri tal-Kamra Inferjuri tal-Parlament tal-Istat Membru li għalih il-Membru kien elett”.

65.      Fuq din il-bażi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, anki wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut għall-Membri, il-livell u l-modalitajiet tal-pensjonijiet tal-persuni kkonċernat jibqgħu, bħala prinċipju, marbuta mal-livell u l-modalitajiet tal-pensjoni li jirċievu l-membri tal-kamra tad-deputati inferjuri tal-Istat Membru li fih huma ġew eletti (18).

66.      Għaldaqstant, ir-riferiment għas-sistema nazzjonali li tinsab fl-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM, moqri flimkien mal-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri, huwa, bħala prinċipju, dinamiku, sa fejn dawn ir-regoli jagħtu lill-Membri tal-Parlament ikkonċernati biss id-dritt għal pensjoni tal-irtirar ugwali għal dik irċevuta mill-ex Membri nazzjonali. Għall-kuntrarju, kif isostnu sussidjarjament l-appellanti, din l-iskema ma tiggarantixxix fiha nnifisha pensjoni tal-irtirar, jew dritt għal pensjoni ta’ ċertu ammont jew sa fejn il-persuni kkonċernati jkunu kisbu f’mument partikolari, pereżempju fil-mument tal-kisba tad-drittijiet.

67.      F’dan ir-rigward, qabel kollox, huwa loġiku li jiġi kkunsidrat li l-bidliet fis-sistema nazzjonali jirriżultaw ukoll, jekk ikun il-każ, f’bidla fir-remunerazzjonijiet tal-ex Membri tal-Parlament ikkonċernati. Fil-fatt, kif il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat meta rreferiet għall-formulazzjoni imperattiva tad-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2 tal-Anness III tar-Regoli PEAM, il-Parlament ma għandu, bħala prinċipju, ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ metodu ta’ kalkolu awtonomu tal-pensjonijiet tal-persuni kkonċernati.

2.      Fuq ilkompatibbiltà talimplimentazzjoni tadDeċiżjoni Nru 14/2018 millParlament ma’ regoli u prinċipji superjuri taddritt talUnjoni

68.      Kif irrikonoxxiet il-Qorti Ġenerali stess, dan japplika biss bla ħsara għall-osservanza tar-regoli superjuri tad-dritt tal-Unjoni, inklużi l-prinċipji ġenerali tad-dritt u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, kif ippreċiżat il-Qorti Ġenerali, il-Parlament, bħala istituzzjoni tal-Unjoni, huwa obbligat li josserva d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM, moqri flimkien mal-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri, konformement mal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (19). Barra minn hekk, ir-riferiment magħmul f’dan l-anness għall-finijiet tal-applikazzjoni tiegħu għall-ex Membri tal-Parlament jimplika li l-iskema tal-ex Membri Taljani hija inkorporata fid-dritt tal-Unjoni u għalhekk għandha tkun konformi mar-regoli ta’ livell superjuri tiegħu. Il-konsegwenza ta’ din l-inkorporazzjoni hija li l-Parlament ma jistax sempliċement japplika awtomatikament regola nazzjonali li tista’ toħloq ksur tad-drittijiet miksuba. Għall-kuntrarju, hija għandha tevalwa każ b’każ jekk hija tistax timplimenta tnaqqis li jista’ jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet miksuba jew jekk tali tnaqqis imurx kontra regoli u prinċipji superjuri tad-dritt tal-Unjoni.

69.      Madankollu, l-appellanti jikkritikaw lill-Parlament li ma wettaqx tali eżami qabel l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 u li, permezz tal-applikazzjoni awtomatika ta’ din id-deċiżjoni, ippreġudika b’mod sproporzjonat id-drittijiet miksuba tagħhom, u b’hekk, ma osservax il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll id-dritt għall-proprjetà (a) u l-prinċipju ta’ proporzjonalità (b). Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta injorat dan il-punt.

a)      Fuq ilprinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni talaspettattivi leġittimi kif ukoll taddritt għallproprjetà

70.      Bħala prinċipju, il-liġijiet li jemendaw dispożizzjoni leġiżlattiva japplikaw, ħlief fil-każ ta’ deroga, għall-effetti futuri tas-sitwazzjonijiet li nħolqu taħt il-liġi l-qadima. Dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li nibtu u kienu definittivament imwettqa taħt il-liġi preċedenti, u li joħolqu drittijiet miksuba (20).

71.      Dritt huwa kkunsidrat bħala miksub meta l-fatt li jagħti lok għalih ikun seħħ qabel l-emenda leġiżlattiva. Madankollu, dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ dritt fil-proċess li jinkiseb, fejn il-fatt li ta lok għalih madankollu ma twettaqx taħt il-leġiżlazzjoni li ġiet emendata (21).

72.      Il-pensjonijiet tal-appellanti inkwistjoni f’dan il-każ, li tnaqqsu, għalhekk ma għadhomx drittijiet fil-proċess li jinkisbu, iżda drittijiet miksuba. Madankollu, il-fatt li ta lok għad-drittijiet tal-appellanti għal dawn ir-remunerazzjonijiet, jiġifieri l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni għall-irtirar u għall-ħlas tal-pensjoni, kien diġà ssodisfatt fir-rigward tal-appellanti waqt l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018, peress li huma kienu diġà jirċievu l-pensjonijiet tal-irtirar tagħhom f’din id-data (ara l-punt 20 iktar ’il fuq) (22).

73.      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, ma jeżistix prinċipju tad-dritt tal-Unjoni li d-drittijiet miksuba ma jistgħu fl-ebda każ jiġu emendati jew imnaqqsa. Madankollu, huwa possibbli li tali drittijiet jinbidlu biss, taħt ċerti kundizzjonijiet, sakemm l-interessi inkwistjoni jkunu bbilanċjati b’mod suffiċjenti (23), jiġifieri li jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità (24).

74.      Anki jekk id-dritt għall-proprjetà, li jinkludi benefiċċji soċjali ggarantiti bil-liġi, ma jiggarantixxix dritt għal pensjoni ta’ ammont partikolari, huwa jista’ jiġi limitat biss sa fejn dan ikun iġġustifikat u sa fejn meħtieġ fl-interess ġenerali (25).

b)      Fuq ilproporzjonalità

75.      Madankollu, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonfermat, f’dan il-każ, il-kompatibbiltà tad-deċiżjonijiet ikkontestati mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li huma kienu diġà kkontestaw fl-ewwel istanza. Il-limitazzjonijiet wisgħin tad-drittijiet tagħha huma eċċessivi meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija u l-miżura Taljana hija inkoerenti sa fejn din tirrigwarda speċifikament lill-ex Membri nazzjonali u timponilhom sagrifiċċji sproporzjonati meta mqabbla ma’ benefiċjarji oħra ta’ pensjonijiet.

76.      Fil-fatt, id-Deċiżjoni Nru 14/2018 ma tintroduċix perċentwali ta’ tnaqqis tal-pensjonijiet ikkonċernati jew ta’ imposta ta’ solidarjetà. Għall-kuntrarju, hija għandha kalkolu mill-ġdid retroattiv komplet ta’ dawn il-pensjonijiet abbażi ta’ metodu ta’ kalkolu kompletament ġdid u kriterji ġodda. Dawn ma humiex ibbażati iktar fuq ir-remunerazzjoni matul il-perijodu tal-mandat, iżda fuq il-kontribuzzjonijiet imħallsa, għalkemm ma jiħdux biżżejjed inkunsiderazzjoni dawn il-kontribuzzjonijiet.

77.      Dan il-kalkolu mill-ġdid jimponi fuq l-ex Membri piż sproporzjonat meta mqabbel ma’ persuni oħra intitolati għall-pensjoni. B’hekk, fl-Italja, skema kontributorja ġiet implimentata għall-ewwel darba fl‑1995 u, għal darba oħra, biss fuq bażi pro rata, filwaqt li ġiet applikata għall-parti l-kbira tal-ħaddiema biss mill‑2012. Għall-kuntrarju, permezz tad-Deċiżjoni Nru 14/2018, din l-iskema ġiet applikata retroattivament, għall-ex Membri, għal perijodi ħafna iktar preċedenti (fil-każ tal-ex Membri tal-Parlament mill‑1979). F’dan il-kuntest, l-appellanti kienu espliċitament sostnew fl-ewwel istanza li d-Deċiżjoni Nru 14/2018 kienet miżura purament simbolika u politika, diretta biss kontra l-ex Membri u intiża sabiex “tikkastiga”, li l-potenzjal ta’ ffrankar huwa madankollu negliġibbli meta mqabbel mad-defiċit baġitarju Taljan.

78.      Skont l-appellanti, il-Parlament kellu jeżamina dawn l-elementi qabel ma japplikalhom id-Deċiżjoni Nru 14/2018. Fl-assenza ta’ tali stħarriġ, huwa impossibbli li tiġi vverifikata l-konformità tal-applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni mal-prinċipji superjuri tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ukoll li jiġi vverifikat jekk it-tnaqqis imwettaq jippreġudikax is-sustanza stess tad-drittijiet miksuba tal-appellanti.

79.      Madankollu, il-Parlament naqas milli jwettaq tali eżami u sempliċement ikkonferma l-applikabbiltà “awtomatika” tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 għall-appellanti (ara l-punt 22 iktar ’il fuq). Meta approvat dan il-punt, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

80.      L-appellant fil-Kawża C‑391/21 P isostni, barra minn hekk, li ma teżistix rabta suffiċjenti bejn, minn naħa, it-tnaqqis fir-remunerazzjoni tal-appellanti, li huma mħallsa mill-baġit tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, l-għan imfittex, mill-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ awsterità favur il-baġit Taljan.

81.      Dan l-aħħar argument, ikkunsidrat individwalment, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punti 66 u 67, ir-regoli previsti fl-Artikoli 1 u 2 tal-Anness III tar-Regoli PEAM, moqrija flimkien mal-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri, jipprevedu l-paralleliżmu bejn ir-remunerazzjoni tal-ex Membri tal-Parlament affettwati minn din is-sistema u dik tal-ex Membri nazzjonali. Għaldaqstant, bħala prinċipju, għan leġittimu fid-dawl tad-dritt nazzjonali għandu wkoll ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala għan leġittimu fid-dawl tar-“regola ta’ pensjoni identika”.

82.      Madankollu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà wriet f’kuntest ieħor, il-kwistjoni dwar jekk miżura ta’ tnaqqis ta’ Stat Membru hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, proporzjonata għandha tiġi solvuta fil-kuntest ta’ eżami komplet tal-kontenut konkret ta’ din il-miżura, tal-istruttura tagħha u tal-kuntest tagħha.

83.      Għalhekk, fis-sentenza tagħha tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-miżuri nazzjonali li taw lok għal din is-sentenza, kienu jipprevedu tnaqqis limitat tal-ammont tar-remunerazzjoni, sa perċentwali li tvarja skont il-livell tar-remunerazzjoni. Barra minn hekk, dawn il-miżuri ma kinux jikkonċernaw biss lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, iżda, b’mod iktar wiesa’, sensiela ta’ detenturi differenti ta’ karigi pubbliċi u ta’ persuni li jeżerċitaw funzjonijiet fis-settur pubbliku, fosthom rappreżentanti ta’ awtoritajiet leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji. Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li dawn il-miżuri ma setgħux minn dan il-fatt jiġu meqjusa li ġew speċifikament adottati fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, iżda kienu jidhru, għall-kuntrarju, bħala miżuri ġenerali intiżi sabiex għadd ta’ membri tas-servizz pubbliku nazzjonali jikkontribwixxu fl-isforz ta’ awsterità impost mir-rekwiżiti tat-tnaqqis tad-defiċit eċċessiv tal-baġit. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li t-tnaqqis inkwistjoni kien ta’ natura temporanja (26).

84.      F’dan il-każ, la l-Parlament u lanqas il-Qorti Ġenerali ma wettqu eżami li jissodisfa dan il-kriterju.

85.      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ċertament ikkonstatat, ġustament, li hija kellha ġurisdizzjoni mhux sabiex teżamina l-konformità tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 mad-dritt Taljan, iżda sabiex tiddetermina jekk il-Parlament kienx kiser id-dritt tal-Unjoni billi applika r-regoli ta’ din id-deċiżjoni (27). Dan jimplika li għandu jiġi vverifikat jekk din ir-restrizzjoni tirrispettax il-kontenut essenzjali tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti, jekk hija prevista mil-liġi, jekk tissodisfax għan ta’ interess ġenerali u jekk hijiex neċessarja għal dan il-għan (28).

86.      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-fatt li l-Parlament ma wettaqx din il-verifika ma għandu ebda effett fuq il-kawżi inkwistjoni. Fil-fatt, tali verifika ma tikkostitwixxix formalità proċedurali obbligatorja li għaliha l-Parlament kien obbligat qabel ma adotta d-deċiżjonijiet ikkontestati. Huwa importanti biss li l-effetti konkreti ta’ dawn id-deċiżjonijiet ma jippreġudikawx il-kontenut essenzjali tad-dritt għall-proprjetà tal-appellanti (29).

87.      Madankollu, dan ma huwiex il-każ peress li t-tnaqqis għandu l-għan leġittimu li jnaqqas l-ispejjeż pubbliċi tal-baġit Taljan, peress li d-Deċiżjoni Nru 14/2018 tinkludi żewġ klawżoli dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi, li waħda minnhom ġiet applikata għal diversi appellanti, u li l-ammonti l-ġodda tal-pensjonijiet kif ukoll il-metodu ta’ kalkolu tagħhom huma wkoll relatati mal-kontribuzzjonijiet u mal-mandati individwali tal-appellanti (30). Il-Qorti Ġenerali rreferiet ukoll għal dan l-eżami dwar id-dritt għall-proprjetà fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-proporzjonalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati (31) jew wettqitu f’dan il-każ (32).

88.      L-appellanti ġustament isostnu li dan ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa vvizzjat b’diversi żbalji ta’ liġi.

89.      Għalhekk, qabel kollox, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li kien irrilevanti li l-Parlament ma eżaminax jekk l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 għall-appellanti kinitx tikser prinċipji superjuri tad-dritt tal-Unjoni, peress li l-unika kwistjoni rilevanti hija dik dwar jekk dan kienx finalment il-każ, fatt li l-Qorti Ġenerali setgħet sempliċement tivverifika. Din il-perspettiva tinjora l-fatt li, kif indikat fil-punt 68, il-leġiżlatur impona fuq il-Parlament, billi rrefera għad-dritt nazzjonali fl-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM, obbligu ta’ eżami awtonomu. Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ dawn ir-regoli kollha, il-Parlament għandu, qabel l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tista’ toħloq ksur tad-drittijiet kweżiti, jivverifika jekk dan l-indħil huwiex kompatibbli ma’ regoli u prinċipji superjuri tad-dritt tal-Unjoni.

90.      Huwa minnu, li l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Parlament ma wettaqx tali eżami hija fattwalment inkorretta. Fil-fatt, is-servizz legali tal-Parlament wettaq eżami sommarju tal-proporzjonalità tad-Deċiżjoni Nru 14/2018. Dan jirriżulta mill-punt 13 tal-opinjoni ta’ dan is-servizz, li l-appellanti pproduċew quddiem il-Qorti Ġenerali.

91.      Madankollu, il-Parlament ma poġġiex din l-opinjoni għad-dispożizzjoni tal-appellanti u għalhekk il-Qorti Ġenerali żbaljatament inkludietha fil-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 107 sa 109 iktar ’il quddiem). Għaldaqstant, l-imsemmija opinjoni ma tistax isservi bħala prova għall-eżami tal-kompatibbiltà tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 mad-dritt tal-Unjoni mill-Parlament. Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, l-eżami tal-proporzjonalità ta’ din id-deċiżjoni mis-servizz legali huwa insuffiċjenti. Fil-fatt, dan sempliċement indika, f’punt wieħed, li l-istess deċiżjoni kienet tipprevedi ammont minimu għall-pensjonijiet kif ukoll żewġ klawżoli dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi. Tali eżami sommarju ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-implimentazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif juri l-eżempju espost fil-punt 83. Għal dan l-għan, għall-kuntrarju, għandu jiġi vverifikat, fil-kuntest ta’ eżami komplet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, jekk din hijiex arbitrarja, komprensibbli u koerenti.

92.      Iżda fuq kollox, l-opinjoni inkwistjoni tal-Qorti Ġenerali tmur kontra l-ġurisdizzjoni tagħha stess. Fil-fatt, il-qrati tal-Unjoni ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jissostitwixxu l-motivazzjoni tagħhom stess ma’ dik tal-awtur tal-att kontenzjuż (33).

93.      Iżda dan l-approċċ tal-Qorti Ġenerali jwassal preċiżament għal tali sostituzzjoni tal-motivi. Fil-fatt, sabiex tiċħad il-motivi tal-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq evalwazzjoni li timla lakuna fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata b’motivi li ma humiex parti minnha. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali eċċediet il-limiti tal-istħarriġ tagħha (34).

94.      Fl-aħħar nett, l-eżami tal-kompatibbiltà tad-deċiżjonijiet ikkontestati mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-proporzjonalità tal-miżura nazzjonali li għandha tiġi implimentata minn dawn id-deċiżjonijiet, li l-Qorti Ġenerali wettqet b’mod awtonomu mingħajr ma rreferiet għal motivazzjoni tal-Parlament f’dan ir-rigward, huwa, fi kwalunkwe każ, insuffiċjenti fid-dawl tal-kriterju espost fil-punt 83 iktar ’il fuq. Fil-fatt, kif juri l-eżempju ċċitat fih u kif diġà ġie spjegat fil-punt 91 iktar ’il fuq, tali eżami jimplika analiżi preċiża u globali tal-miżura nazzjonali li għandha tiġi implimentata fil-kuntest tagħha u l-effetti konkreti tagħha sabiex jiġi ddeterminat jekk din hijiex arbitrarja, komprensibbli u koerenti. Is-sempliċi konstatazzjoni ġenerali li l-miżura tissodisfa għan ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u tipprevedi klawżoli dwar il-każijiet li jqajmu diffikultajiet eċċessivi ma hijiex biżżejjed f’dan ir-rigward.

95.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi meta kkonfermat il-konformità tad-deċiżjonijiet ikkontestati mar-regoli u mal-prinċipji superjuri tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-motivi bbażati fuq dan il-punt għandhom jintlaqgħu.

96.      Fid-dawl tal-importanza ċentrali tal-kompatibbiltà tad-deċiżjonijiet ikkontestati mad-dritt tal-Unjoni, il-mertu ta’ dawn l-aggravji twassal, waħedha, għall-annullament tas-sentenzi appellati. Madankollu, fid-dawl b’mod partikolari tar-rikorsi pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjonijiet li jissostitwixxu d-deċiżjonijiet ikkontestati (ara l-punt 41 iktar ’il fuq), għandhom jiġu eżaminati wkoll, sussidjarjament, il-motivi l-oħra mqajma mill-appellanti.

3.      Fuq ilkompetenza talawtur taddeċiżjonijiet ikkontestati

97.      Skont l-appellanti fil-Kawżi C‑725/20 P u C‑198/21 P, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi ieħor meta kkonfermat il-kompetenza tal-Kap tad-Diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tal-Membri” tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) tal-Finanzi tal-Parlament sabiex jadotta d-deċiżjonijiet ikkontestati. Fl-ewwel istanza, l-appellanti kienu sostnew li dawn id-deċiżjonijiet kellhom jiġu adottati mill-Bureau tal-Parlament.

98.      Sabiex tiċħad dan l-ilment, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-motivi li ġejjin:

“Issa, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Parlament indika, bi provi insostenn, li l-kap tal-unità ‘Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tal-Membri’ tad-DĠ tal-Finanzi ta’ din l-istituzzjoni kien inħatar bħala regolatur subdelegat għal-linja baġitarja 1030 dwar il-pensjonijiet tal-irtirar imsemmija fl-Anness III tar-Regoli PEAM permezz tad-Deċiżjoni FINS/2019‑01 tad-Direttur Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament tat‑23 ta’ Novembru 2018. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 73(3) tar-Regolament 2018/1046, id-Deċiżjoni FINS/2019‑01 tindika espressament li din is-subdelega ta’ kompetenza tawtorizza lill-Kap tad-Diviżjoni ‘Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tal-Membri’ tad-DĠ tal-Finanzi tal-Parlament jipproċedi, b’mod partikolari, għall-istabbiliment tal-impenji legali u tal-impenji baġitarji, għal-likwidazzjoni tal-infiq u għall-awtorizzazzjoni tal-ħlasijiet, iżda wkoll għall-istabbiliment tat-tbassir tal-krediti, għall-konstatazzjoni tad-drittijiet li għandhom jiġu rkuprati, u l-ħruġ tal-ordnijiet ta’ rkupru” (35).

99.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li, “[k]untrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kap tad-Diviżjoni ‘Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tal-Membri’ tad-DĠ tal-Finanzi tal-Parlament kien għalhekk kompetenti sabiex jadotta d-deċiżjonijiet ikkontestati” (36).

100. Madankollu, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali riprodott fil-punt 98, li sempliċement jirriproduċi l-kontenut tad-Deċiżjoni FINS/2019‑01, ma jippermettix li wieħed jifhem ir-raġunijiet li għalihom il-Kap tad-Diviżjoni kien, skont il-Qorti Ġenerali, kompetenti sabiex jadotta d-deċiżjonijiet ikkontestati. B’mod partikolari, minn dan ma jirriżultax għal liema raġuni t-trasferiment ta’ kompetenzi mwettaq mid-Deċiżjoni FINS/2019‑01 jinkludi, skont il-Qorti Ġenerali, il-kompetenza sabiex tiġi mistħarrġa l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-implimentazzjoni ta’ miżura nazzjonali ta’ tnaqqis li tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet miksuba mill-ex Membri tal-Parlament. It-tweġiba għal din il-mistoqsija lanqas ma tirriżulta mis-sempliċi qari tad-Deċiżjoni FINS/2019‑01. Għaldaqstant, il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma tippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ jekk il-Qorti Ġenerali kkonfermatx ġustament il-kompetenza tal-Kap tad-Diviżjoni kkonċernata sabiex tadotta d-deċiżjonijiet ikkontestati. Fil-fatt, hija ma tippermettix li jinftiehmu r-raġunijiet li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat din it-teżi.

101. Minn dan isegwi li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni. Tali insuffiċjenza ta’ motivazzjoni għandha titqajjem ex officio (37). Minn dan isegwi li l-argument tal-appellanti huwa fondat sa fejn dawn isostnu, ġustament, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-argument tagħhom dwar il-kompetenza tal-awtur tad-deċiżjonijiet ikkontestati (38).

102. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tibbaża l-annullament tas-sentenzi appellati fuq dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni mqajjem ex officio biss jekk hija tkun semgħet lill-partijiet f’dan ir-rigward minn qabel (39). Madankollu, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 96 iktar ’il fuq, peress li s-sentenzi appellati għandhom jiġu annullati għal raġunijiet oħra, tali seduta ma hijiex neċessarja f’dan il-każ.

4.      Fuq ilmotivazzjoni taddeċiżjonijiet ikkontestati

103. L-appellanti fil-Kawżi C‑725/20 P u C‑198/21 P isostnu wkoll li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li d-deċiżjonijiet ikkontestati kienu suffiċjentement motivati. Għall-kuntrarju, dawn id-deċiżjonijiet huma vvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn il-Parlament ma ddokumentax eżami tal-kompatibbiltà tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 mad-dritt tal-Unjoni.

104. Insostenn tal-evalwazzjoni tagħha li d-deċiżjonijiet ikkontestati kienu suffiċjentement motivati, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, essenzjalment, fuq il-fatt li dawn id-deċiżjonijiet kienu jippermettu li tiġi identifikata l-bażi legali tagħhom kif ukoll l-opinjoni tal-Parlament li d-Deċiżjoni Nru 14/2018 kellha tiġi applikata għall-appellanti skont l-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM, moqri flimkien mal-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri (40).

105. Din l-analiżi tal-Qorti Ġenerali hija bbażata fuq l-ipoteżi li l-Parlament ma kellux iwettaq eżami iktar fil-fond tal-kompatibbiltà tal-applikazzjoni għall-appellanti tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 mad-dritt tal-Unjoni. Issa, kif ġie espost fil-punt 89 iktar ’il fuq, din l-ipoteżi hija żbaljata.

106. Għall-kuntrarju, qabel ma adotta d-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Parlament kellu jeżamina u jimmotiva r-raġunijiet li għalihom, fil-fehma tiegħu, dawn id-deċiżjonijiet kienu konformi mad-dritt tal-Unjoni ta’ livell superjuri, b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet f’dan is-sens li jippermettu lill-Qorti Ġenerali teżerċita stħarriġ tal-legalità f’dan ir-rigward mingħajr ma tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Parlament (ara l-punt 93 iktar ’il fuq), il-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati kienet insuffiċjenti.

107. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-appellanti jsostnu, ġustament, li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta inkludiet fl-evalwazzjoni tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati l-opinjoni tas-servizz legali tal-Parlament, li fih il-proporzjonalità tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 ġiet ittrattata, ċertament b’mod insuffiċjenti, tal-inqas b’mod sommarju (punti 90 u 91 iktar ’il fuq) (41). Fil-fatt, din l-opinjoni ma kinitx mehmuża ma’ dawn id-deċiżjonijiet u ma tqegħditx għad-dispożizzjoni tal-appellanti mill-Parlament. Din issemmiet biss indirettament fir-rigward tagħhom. Għalhekk, in-nota annessa mar-rendikonti tal-pensjoni tagħha tax-xahar ta’ Frar 2019 (punt 22 iktar ’il fuq) u li jirreferu għaliha d-deċiżjonijiet ikkontestati kienet sempliċement tindika li s-servizz legali tal-Parlament kien ikkonferma l-applikabbiltà awtomatika tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 għall-appellanti. Madankollu, din in-nota ma kienet tinkludi ebda riferiment dirett għall-opinjoni tas-servizz legali, u lanqas ebda indikazzjoni tal-aċċessibbiltà tagħha (42).

108. Huwa minnu li l-motivazzjoni ta’ att għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu (43). Issa, dokument li l-eżistenza tiegħu hija “mħabbra” mid-destinatarji ta’ deċiżjoni u li huma għandhom jiksbu huma stess ma jistax jiġi kkwalifikat bħala li jagħmel parti mill-kuntest magħruf ta’ din id-deċiżjoni. Dan għandu jkun il-każ anki jekk id-destinatarji jippreżentaw id-dokument inkwistjoni matul il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni. Fil-fatt, anki jekk dan il-fatt juri li huma kisbu dan a posteriori, dan ma jistax jikkostitwixxi l-prova li d-deċiżjoni inizjali kienet suffiċjentement motivata fir-rigward tad-data tan-notifika tagħha lid-destinatarji, li tikkostitwixxi l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

109. Il-qorti tal-Unjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, meta tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni sussegwenti(44), elementi ta’ preċiżjoni pprovduti mill-awtur tagħha biss jekk dawn jikkompletaw motivazzjoni diġà suffiċjenti fiha nnifisha. Issa, f’dan il-każ, kif għadu kif ġie espost, il-motivazzjoni inizjali ma kinitx preċiżament suffiċjenti.

110. B’mod ġenerali, iċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati hija għalhekk ivvizzjata bi żball ta’ liġi.

5.      Fuq irrikors ippreżentat flewwel istanza minn I. Panusa

111. Fl-aħħar nett, l-appellanti fil-Kawża C‑725/20 P isostnu wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors fl-ewwel istanza ta’ I. Panusa fil-Kawża T‑453/19, minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku, minħabba li fil-każ ta’ I. Panusa, id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx wasslet għal tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni tas-superstiti tagħha (45).

112. Skont l-appellanti, I. Panusa kellha interess tikkjarifika l-kwistjoni mqajma waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, dwar jekk il-pensjoni tas-superstiti tagħha kellhiex tiġi kkalkolata abbażi tal-Anness I tar-Regoli PEAM minflok kif kienet għamlet sa issa, abbażi tal-Anness III tar-Regoli PEAM. Fil-fatt, kieku japplika tal-ewwel, il-pensjoni tas-superstiti tagħha tista’ tkun ogħla.

113. Issa, kif ġustament jirribatti l-Parlament, ma hemm xejn fis-sentenza Coppo Gavazzi li jindika li I. Panusa sostniet fl-ewwel istanza li l-pensjoni tas-superstiti tagħha kellha tiġi kkalkolata abbażi tal-Anness I tar-Regoli PEAM. Għaldaqstant, lanqas ma jidher ebda motiv simili fir-rikors fl-ewwel istanza ta’ I. Panusa. Fir-rigward tar-riferiment magħmul minn I. Panusa għas-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija pprojbita, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Issa, I. Panusa ma tinvokax tali elementi.

114. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument ippreżentat minn I. Panusa fil-kuntest ta’ dan l-appell għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, peress li l-produzzjoni ta’ motivi ġodda li ma kinux is-suġġett tal-proċedura fl-ewwel istanza, hija inammissibbli fl-istadju tal-appell (46).

6.      Konklużjoni intermedjarja

115. Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li s-sentenzi appellati kollha fil-kawżi magħquda kollha li kienu s-suġġett ta’ dawn is-sentenzi u ta’ dawn l-appelli huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi u għandhom, għaldaqstant, jiġu annullati, bl-eċċezzjoni tas-sentenza Coppo Gavazzi, sa fejn din tikkonċerna l-Kawża T‑453/19, Panusa vs Il‑Parlament.

C.      Fuq irrikors quddiem ilQorti Ġenerali

116. Konformement mal-Artikolu 61(1) tal-Istatut għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tista’, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, taqta’ l-kawża definittivament hija stess jekk din tkun fi stat li tiġi deċiża.

117. Dan huwa l-każ f’din il-kawża.

118. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-eżami tal-motiv li l-Qorti Ġenerali kkonfermat b’mod żbaljat li t-tnaqqis tal-pensjonijiet tal-appellanti mwettaq permezz tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma kienx imur kontra prinċipji superjuri tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità (punti 75 sa 95 iktar ’il fuq).

119. Kif jirriżulta mill-eżami ta’ dan il-motiv, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li kien irrilevanti li l-Parlament ma wettaqx eżami tal-kompatibbiltà tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 mad-dritt tal-Unjoni (punt 89 iktar ’il fuq). Għall-kuntrarju, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ miżura ta’ tnaqqis ta’ Stat Membru għandha tiġi eżaminata fl-ambitu ta’ analiżi fil-fond tal-kontenut konkret ta’ din il-miżura kif ukoll tal-istruttura u tal-kuntest tagħha (punti 82 u 83 iktar ’il fuq).

120. Iżda minn din il-ġurisprudenza jirriżulta neċessarjament li tali eżami għandu jsir każ b’każ fid-dawl tal-miżura konkreta kkonċernata.

121. Kif stabbilit hawn fuq, id-Deċiżjoni Nru 14/2018, implimentata fid-deċiżjonijiet ikkontestati, sadanittant ġiet emendata fil-livell nazzjonali u d-deċiżjonijiet ikkontestati ġew issostitwiti b’deċiżjonijiet ġodda tal-Parlament (punti 35 sa 41 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, l-eżami tal-konformità tad-deċiżjonijiet ikkontestati mad-dritt tal-Unjoni ma jistax jagħti iktar benefiċċju lill-appellanti. Għaldaqstant, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikorsi ppreżentati fl-ewwel istanza kontra dawn id-deċiżjonijiet.

122. Għall-kuntrarju, fil-kuntest tar-rikorsi diretti kontra d-deċiżjonijiet il-ġodda tal-Parlament (ara l-punt 41 iktar ’il fuq), il-Qorti Ġenerali għandha tivverifika jekk, qabel ma adotta dawn id-deċiżjonijiet, il-Parlament wettaqx eżami suffiċjenti tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni tar-regoli Taljani ġodda implimentati f’dawn id-deċiżjonijiet. Jekk dan ma jkunx il-każ, huwa jkollu jannulla d-deċiżjonijiet rilevanti tal-Parlament. Il-Parlament jista’ sussegwentement iwettaq l-eżami meħtieġ u, fil-każ li jikkonferma l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-implimentazzjoni tar-regoli nazzjonali, jadotta deċiżjonijiet ġodda li jimplimentaw dawn ir-regoli fir-rigward tal-ex Membri kkonċernati, li jistgħu għalhekk ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

123. Kif ġie spjegat fil-punt 41 iktar ’il fuq, parti biss mill-appellanti kkontestaw id-deċiżjonijiet il-ġodda tal-Parlament dwar it-tieni kalkolu mill-ġdid tar-remunerazzjoni tagħhom. Madankollu, għalkemm mill-eżami tar-rikorsi korrispondenti jirriżulta li dawn id-deċiżjonijiet għandhom jiġu annullati, il-Parlament ma għandux jeżamina l-konformità tat-tieni kalkolu mill-ġdid fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward biss tal-ex Membri li ppreżentaw rikors kontra dan it-tieni kalkolu mill-ġdid. Għall-kuntrarju, il-Parlament għandu, skont l-Artikolu 266 TFUE, jeżamina l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-implimentazzjoni tar-regoli Taljani l-ġodda għall-Membri kollha kkonċernati u, jekk ikun il-każ, jemenda konsegwentement id-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernawhom. Fil-fatt, huwa illegali li l-Parlament ikompli jħallas lil ex Membri, fi kwalunkwe każ, remunerazzjonijiet imnaqqsa fil-futur, minkejja li l-illegalità tat-tnaqqis korrispondenti ġiet ikkonstatata mill-qorti tal-Unjoni, anki fir-rigward ta’ ex Membri oħra.

D.      Konklużjoni intermedjarja

124. Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikorsi tal-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali, bl-eċċezzjoni ta’ dak fil-Kawża T‑453/19.

VI.    Fuq lispejjeż

A.      Fuq lispejjeż relatati malappelli

125. Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun infondat jew meta dan ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1), applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1), il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

126. Peress li l-Parlament tilef fir-rigward tal-appellanti, bl-eċċezzjoni ta’ I. Panusa, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tal-appellanti, bl-eċċezzjoni ta’ I. Panusa, fil-kuntest tal-appell, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar. Għall-kuntrarju, I. Panusa għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Parlament fil-kuntest tal-appell, fuq bażi pro rata għall-proċedura ta’ appell ta’ I. Panusa.

B.      Fuq lispejjeż relatati malproċeduri flewwel istanza

127. Peress li s-sentenzi appellati għandhom jiġu annullati, hija wkoll il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar it-tqassim tal-ispejjeż relatati mal-proċeduri fl-ewwel istanza, bl-eċċezzjoni ta’ dik fil-Kawża T‑453/19, Panusa vs Il‑Parlament, li għaliha d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż tal-ewwel istanza tibqa’ applikabbli.

128. L-Artikolu 149 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 190(1) tal-istess regoli, jipprovdi li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-rikors ma għadx għandu skop u li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 142 tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, fil-każ li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

129. Din l-analiżi ċertament żvelat li ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq il-kawżi tal-ewwel istanza, iżda wkoll li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonfermat il-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati, meta l-Parlament ma kienx wettaq eżami tal-kompatibbiltà ta’ dawn id-deċiżjonijiet mad-dritt tal-Unjoni. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ikun xieraq li l-Parlament jiġi kkundannat għall-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-appellanti, bl-eċċezzjoni ta’ I. Panusa, fil-proċeduri tal-ewwel istanza.

VII. Konklużjoni

130. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej fil-Kawża C‑725/20 P:

1)      Il-punti 2 u 3 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑15 ta’ Ottubru 2020, Coppo Gavazzi et vs Il‑Parlament (T‑389/19 et, EU:T:2020:494), huma annullati sa fejn jikkonċernaw lill-appellanti kollha li isimhom jidher fl-anness ta’ dawn il-konklużjonijiet, bl-eċċezzjoni ta’ I. Panusa.

2)      Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors li ta lok għar-rikorsi tal-ewwel istanza fil-kawżi elenkati fl-anness ta’ dawn il-konklużjonijiet, bl-eċċezzjoni tal-Kawża T‑453/19.

3)      L-appell fil-Kawża C‑725/20 P huwa miċħud sa fejn jikkonċerna lil I. Panusa.

4)      Il-Parlament għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-appellanti fiż-żewġ istanzi, bl-eċċezzjoni ta’ dawk sostnuti minn I. Panusa kif ukoll dawk sostnuti minnu fuq bażi pro rata għall-proċedura ta’ appell ta’ I. Panusa.

5)      I. Panusa għandha tbati l-ispejjeż tagħha relatati mal-proċedura tal-appell kif ukoll dawk sostnuti mill-Parlament, fuq bażi pro rata għall-proċedura ta’ appell ta’ I. Panusa.

131. Barra minn hekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej fil-Kawża C‑198/21 P:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑10 ta’ Frar 2021, Santini et vs Il‑Parlament (T‑345/19, T‑346/19, T‑364/19 sa T‑366/19, T‑372/19 sa T‑375/19 u T‑385/19, EU:T:2021:78), hija annullata.

2)      Ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar dan ir-rikors fl-ewwel istanza fil-Kawżi T‑345/19, T‑346/19, T‑364/19 sa T‑366/19, T‑372/19 sa T‑375/19 u T‑385/19.

3)      Il-Parlament għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-appellanti fiż-żewġ istanzi.

132. Finalment, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej fil-Kawża C‑391/21 P:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑5 ta’ Mejju 2021, Falqui vs Il‑Parlament (T‑695/19, EU:T:2021:242), hija annullata.

2)      Ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar dan ir-rikors tal-ewwel istanza fil-Kawża T‑695/19.

3)      Il-Parlament għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-appellant fiż-żewġ istanzi.


1       Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Dok. PE 113.116/BUR./rev.XXV/01‑2009.


3      ĠU 2005, L 262, p. 1.


4      ĠU 2009, C 159, p. 1.


5      ĠU 2010, C 340, p. 6.


6      Dan l-anness huwa mehmuż biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.


7      Sa fejn jista’ jidher, dawn huma l-Kawżi T‑735/22, Falqui vs Il‑Parlament, T‑751/22, Avitabile vs Il‑Parlament, T‑752/22, Ceravolo vs Il‑Parlament, T‑761/22, Sboarina vs Il‑Parlament, T‑804/22, Gemelli vs Il‑Parlament, T‑807/22, Lombardo vs Il‑Parlament, T‑808/22, Mantovani vs Il‑Parlament, T‑809/22, Napoletano vs Il‑Parlament, T-‑810/22, Nobilia vs Il‑Parlament, T‑812/22, Viola vs Il‑Parlament, T‑815/22, Aita vs Il‑Parlament, T‑817/22, Bonsignore vs Il‑Parlament, T‑818/22, Carollo vs Il‑Parlament, T‑819/22, Catasta vs Il‑Parlament, T‑820/22, Coppo Gavazzi vs Il‑Parlament, T‑821/22, Di Meo vs Il‑Parlament, T‑823/22, Dupuis vs Il‑Parlament, T‑824/22, Filippi vs Il‑Parlament, T‑825/22, Cucurnia vs Il‑Parlament, T‑826/22, Gallenzi vs Il‑Parlament, u T‑375/23, Di Prinzio vs Il‑Parlament.


8      Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni (C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 42); tat‑28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni (C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 61); u tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 43).


9      Sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 62).


10      Sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il‑Kummissjoni (92/78, EU:C:1979:53, punt 32); tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni (C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 50); u tas‑6 ta’ Settembru 2018, Bank Mellat vs Il‑Kunsill (C‑430/16 P, EU:C:2018:668, punt 64).


11      Sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 65).


12      Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Bank Mellat vs Il‑Kunsill (C‑430/16 P, EU:C:2018:668, punt 65).


13      L-ewwel parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑725/20 P, it-tieni u r-raba’ aggravju fil-Kawża C‑198/21 P, l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑391/21 P.


14      L-ewwel parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑725/20 P, l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑198/21 P, l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑391/21 P.


15      It-tieni parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑725/20 P, it-tielet aggravju fil-Kawża C‑198/21 P, it-tieni u t-tielet aggravju fil-Kawża C‑391/21 P.


16      It-tieni u t-tielet parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑725/20 P, il-ħames u s-sitt aggravju fil-Kawża C‑198/21 P.


17      It-tielet aggravju fil-Kawża C‑725/20 P.


18      Sentenza Coppo Gavazzi, punti 126, 136, 137, 138 u 141, is-sentenza Santini, punti 81, 84, 85, 86 u 89, u s-sentenza Falqui, punti 49, 52, 53, 54 u 57.


19      Sentenza Coppo Gavazzi, punti 138, 141 u 180, is-sentenza Santini, punti 86 u 89, u s-sentenza Falqui, punti 54 u 57.


20      Ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni (C‑443/07 P, EU:C:2008:767, punti 61 u 62 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tad‑9 ta’ Mejju 2023, Grossetête vs Il‑Parlament (C‑714/21 P, EU:C:2023:187, punt 84).


21      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni (C‑443/07 P, EU:C:2008:767, punt 63), u tad‑9 ta’ Marzu 2023, Grossetête vs Il‑Parlament (C‑714/21 P, EU:C:2023:187, punt 84). Ara wkoll is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2011, Purvis vs Il‑Parlament (T‑439/09, EU:T:2011:600, punt 44).


22      Ara wkoll, iżda a contrario, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2023, Grossetête vs Il‑Parlament (C‑714/21 P, EU:C:2023:187, punti 84 sa 87), u Galeote u Watson vs Il‑Parlament (C‑715/21 P u C‑716/21 P, EU:C:2023:190, punti 79 sa 82). Ara wkoll is-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2011, Purvis vs Il‑Parlament (T‑439/09, EU:T:2011:600, punt 46), u tat‑13 ta’ Marzu 2013, Inglewood et vs Il‑Parlament (T‑229/11 u T‑276/11, EU:T:2013:127, punt 50).


23      Ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2023, Grossetête vs Il‑Parlament (C‑714/21 P, EU:C:2023:187, punti 88 u 89), u Galeote u Watson vs Il‑Parlament (C‑715/21 P u C‑716/21 P, EU:C:2023:190, punti 83 u 84).


24      Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Pensions-Sicherungs-Verein (C‑168/18, EU:C:2019:1128, punt 39).


25      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et (C‑258/14, EU:C:2017:448, punti 50 u 51). Dan japplika b’mod partikolari għall-iskema ta’ pensjoni tal-Membri tal-Parlament, li għandha l-għan li tiżgura l-indipendenza, inkluża l-indipendenza finanzjarja, tal-Membri tal-Parlament bħala rappreżentanti tal-poplu, li huma maħsuba sabiex jaqdu l-interess ġenerali tal-poplu; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2011, Purvis vs Il‑Parlament (T‑439/09, EU:T:2011:600, punt 59).


26      C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 46 sa 50.


27      Sentenza Coppo Gavazzi, punt 215; is-sentenza Santini, punti 58,155, u 220; u s-sentenza Falqui, punt 45.


28      Sentenza Coppo Gavazzi, punt 220, u s-sentenza Santini, punt 164.


29      Sentenza Coppo Gavazzi, punt 221, u s-sentenza Santini, punt 165. Fis-sentenza Falqui, il-Qorti Ġenerali, evidentement, ma għamlitx din l-affermazzjoni b’mod espliċitu, iżda l-premessa korrispondenti hija l-bażi wkoll ta’ din is-sentenza.


30      Sentenza Coppo Gavazzi, punti 229 sa 235, u s-sentenza Santini, punti 173 sa 179.


31      Sentenza Coppo Gavazzi, punt 239, u s-sentenza Santini, punt 222.


32      Sentenza Falqui, punti 104 sa 110.


33      Sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni (C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni (C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 88).


35      Sentenza Coppo Gavazzi, punt 90, u s-sentenza Santini, punt 71.


36      Sentenza Coppo Gavazzi, punt 92, u s-sentenza Santini, punt 73.


37      Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, EUIPO vs European Dynamics Luxembourg et (C‑677/15 P, EU:C:2017:998, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


38      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Mindo vs Il‑Kummissjoni (C‑652/11 P, EU:C:2013:229, punt 54).


39      Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et (C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punti 54 sa 61).


40      Sentenza Coppo Gavazzi, punti 103 sa 105, u s-sentenza Santini, punti 184 sa 186.


41      Sentenza Coppo Gavazzi, punti 110 sa 116, u s-sentenza Santini, punt 188.


42      Hemm żewġ eċċezzjonijiet għal din ir-regola, jiġifieri E. Falqui, l-appellant fil-Kawża C‑391/21 P, u L. A. Florio, rikorrent fil-Kawża T‑465/19, li kien is-suġġett tas-sentenza Coppo Gavazzi, iżda li ma għadux is-suġġett ta’ dawn l-appelli, peress li L. A. Florio ma pparteċipax iktar fiha. E. Falqui u L. A. Florio, kull wieħed minnhom, ippreżentaw osservazzjonijiet lill-Parlament, li għalihom dan irrisponda f’ittri li jinkludu link lejn sit internet bl-opinjoni tas-servizz legali (ara, b’mod partikolari, il-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll, il-punti 108 u 115 tas-sentenza Coppo Gavazzi). Madankollu, peress li E. Falqui ma jinvoka ebda nuqqas ta’ motivazzjoni u peress li L. A. Florio ma jipparteċipax f’dawn l-appelli, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk tali riferiment huwiex biżżejjed sabiex dokument jiġi kklassifikat bħala parti mill-motivazzjoni ta’ deċiżjoni.


43      Sentenza tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63).


44      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2000, Finnboard vs Il‑Kummissjoni (C‑298/98 P, EU:C:2000:634, punt 46).


45      Sentenza Coppo Gavazzi, punti 66 sa 70.


46      Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il‑Kummissjoni (C‑617/13 P, EU:C:2016:416, punti 58 u 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).