Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta' Mejju 2008 - Tay Za vs Il-Kunsill

(Kawża T-181/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Pye Phyo Tay Za (Yangoon, Myanmar) (rappreżentanti: D. Anderson QC, M. Lester, Barrister u G. Martin, Solicitor)

Konvenut: Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

l-annullament tar-Regolament 194/2008 tal-25 ta' Frar 2008, fl-intier tiegħu jew safejn jikkonċerna lir-rikorrent; u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent sabiex iressaq dan ir-rikors.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent jitlob l-annullament tar-Regolament (KE) Nru 194/20081 safejn japplika għalih abbażi ta' erba' motivi:

L-ewwel nett, ir-rikorrent isostni li r-regolament huwa nieqes minn bażi legali xierqa. F'dan ir-rigward, huwa jsostni li la l-Artikolu 60 KE u lanqas l-Artikolu 301 KE ma jagħtu lill-Kunsill is-setgħa li jiffriża l-fondi kollha ta' persuna li m'għandhiex rabta mas-sistema militari ta' Burma/il-Mjanmar. It-tieni nett, ir-rikorrent isostni li r-regolament jikser l-obbligu ta' motivazzjoni skond l-Artikolu 253 KE. B'mod partikolari, ir-regolament ma jipprovdi ebda raġuni għalfejn ir-rikorrent ġie inkluż fil-Parti J ta' l-Anness VI ta' l-imsemmi regolament li jelenka l-membri tal-Gvern ta' Burma u n-nies marbuta miegħu. Barra minn hekk, il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill Nru 2006/318/PESK2 li titlob l-Istati Membri jwaqqfu lir-rikorrent milli jidħol fit-territorji tagħhom u jaqsam tali territorji allegatament ma tipprovdix raġuni għall-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista, imma tinkludih biss fil-lista intitolata "Persuni li jibbenefikaw mil-linji Politiċi Ekonomiċi tal-Gvern". It-tielet nett, ir-rikorrent isostni li r-regolament jikser id-drittijiet fundamentali tiegħu, peress li jhedded b'mod spoporzjonat id-drittijiet tat-tgawdija fil-paċi tal-proprjetà, ta' smigħ xieraq u ta' protezzjoni ġuridika effettiva. Ir-raba' nett, skond ir-rikorrent, ir-regolament jikser il-prinċipju ta' proporzjonalità.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 194/2008 tal-25 ta' Frar 2008, li jġedded u jsaħħaħ il-miżuri restrittivi fir-rigward ta' Burma/il-Mjanmar u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 817/2006 (ĠU 2008 L 66, p. 1)

2 - Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill Nru 2006/318/PESK li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Birmanja/il-Mjanmar (ĠU 2006 L 116, p. 77) estiża sat-30 ta' April 2009 mill-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/349/PESK tad-29 ta' April 2008 (ĠU 2008 L 116, p. 57)