Language of document : ECLI:EU:C:2010:829

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

22 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Kwistjonijiet matrimonjali u responsabbiltà tal-ġenituri – Wild ta’ ġenituri mhux miżżewġin – Kunċett ta’ ‘residenza abitwali’ ta’ tarbija – Kunċett ta’ ‘dritt ta’ kustodja’”

Fil-Kawża C‑497/10 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir‑Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Ottubru 2010, fil-proċedura

Barbara Mercredi

vs

Richard Chaffe,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič, E. Levits (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju li t-talba għal deċiżjoni preliminari tinstema’ bi proċedura b’urġenza, skont l-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat id-deċiżjoni, tat-28 ta’ Ottubru 2010, tal-Ewwel Awla, li tilqa’ din it‑talba,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Diċembru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal B. Mercredi, minn M. Scott-Manderson, QC, kif ukoll minn M.‑C. Sparrow, barrister, u H. Newman, solicitor,

–        għal R. Chaffe, minn H. Setright, QC, u D. Williams, barrister, kif ukoll minn K. Gieve, solicitor,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Ossowski, bħala aġent, assistit minn H. Walker, solicitor, u minn D. Beard, barrister,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn B. Beaupère-Manokha, bħala aġent,

–        għall-Irlanda, minn N. Travers, BL,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.-M. Rouchaud-Joët u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn R. Chaffe, missier ta’ tifla, u B. Mercredi, omm tat-tifla, liema kawża għandha bħala suġġett id-dritt ta’ kustodja tat-tifla li bħalissa tinsab ma’ ommha fil-gżira ta’ Réunion (Franza).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980

3        L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag, tal-25 ta’ Ottubru 1980, dwar l‑Aspetti Ċivili dwar il-Ħtif Internazzjonali tal-Minuri (iktar ’il quddiem il‑“Konvenzjoni ta’ Den Haag”), jipprovdi:

“Din il-Konvenzjoni għandha l-għan li:

a)      tiżgura r-ritorn malajr ta’ minuri li jkunu tneħħew jew inżammu illegalment f’xi Stat Kontraenti;

[...]”

4        L‑Artikolu 13 ta’ din il‑konvenzjoni jipprovdi:

“Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-artikolu ta’ qabel, l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat rikjest ma hijiex marbuta li tordna r-ritorn tal-minuri jekk il-persuna, istituzzjoni jew enti oħra li topponi r-ritorn iġġib prova li:

a)      il-persuna, l-istituzzjoni jew l-enti oħra li jkunu vestiti bil-kura tal-persuna tal-minuri ma kinux attwalment qegħdin jeżerċitaw id-dritt ta’ kustodja fiż-żmien meta jkun tneħħa jew inżamm il-minuri jew li taw il-kunsens tagħhom jew sussegwentement baqgħu siekta għat-tneħħija jew iż-żamma tal-minuri;

[...]”

5        Skont l-Artikolu 19 ta’ din il-konvenzjoni:

“Deċiżjoni dwar ir-ritorn tal-minuri mogħtija fil-kuntest tal-[Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980] ma taffettwax il-mertu tad-dritt ta’ kustodja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

6        L-Artikolu 2 tar-Regolament jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

1)      ll-kelma ‘qorti’ għandha tkopri l-awtoritajiet kollha fl-Istati Membri bil ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt u li huma nkluzi fil‑kompetenza ta’ dan ir-Regolament skond l-Artikolu 1;

[...]

7)      il-kliem ‘responsabbilità ta’ l-ġenituri’ għandhom ifissru d-drittijiet u r‑responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali.

Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess;

[...]

9)      il-kliem ‘drittijiet ta’ kustodja’ għandhom jinkludu drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura ta’ l-persuna ta’ l-minuri, u partikolarment id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza ta’ l-minuri;

10)       il-kliem ‘drittijiet ta’ aċċess’ għandhom jinkludu partikolarment id-dritt li tieħu l-minuri f’post ‘l barra minn dak li huwa l-post residenzali proprju, għal perjodu ta’ żmien limitat;

11)       il-kliem ‘tneħħija nġusta jew iż-żamma’ għandhom ifissru t-tneħħija tal-minuri jew iż-żamma fejn;

(a) hemm ksur ta’ liġi tad-drittijiet ta’ kustodja akkwistati permezz ta’ sentenza jew b’operat ta’ liġi jew b’xi fteħim li għandu effett legali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma;

u

(b)       iżda, f’dak iż-żmien tat-tneħħija jew iż-żamma, id-drittijiet ta’ kustodja kienu attwalment eżerċitati, konġuntament jew unikament, jew kieku kienu ikunu hekk eżerċitati minħabba t-tneħħija jew iż-żamma. Il-kustodja se tiġi kkunsidrata biex tiġi eżerċitata konġuntament meta, skond sentenza jew b’operat ta’ liġi, wieħed mill-ġenituri li għandu jew għandha r-responsabbilità ma tistax tiddeċiedi dwar il-post ta’ residenza ta’ l-minuri mingħajr il-kunsens ta’ persuna oħra li għandha r-responsabbilità ta’ l-ġenitur.”

7        L-Artikolu 8 tar-Regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.      Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess [ħadet konjizzjoni tal-kawża].

2.      Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12.”

8        L-Artikolu 10 tar-Regolament jipprovdi:

“F’każ ta’ tneħħija jew żamma nġusta ta’ minuri, il-qrati tal-Istat Membru fejn il‑minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż‑żamma nġusta għandhom iżommu l-ġurisdizzjoni sakemm il-minuri jakkwistaw residenza abitwali fi Stat Membru ieħor u:

a)      kull persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom drittijiet ta’ kustodja taw il-kunsens tagħhom għat-tneħħija jew żamma

jew

b)      il-minuri kellhom residenza f’dak l-Istat Membru l-ieħor għall-perjodu ta’ mill-inqas sena wara li l-persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom drittijiet ta’ kustodja kellhom jew setgħaw kellhom informazzjoni fejn qegħdin il-minuri u l-minuri ġew issistemati fl-ambjent ġdid tagħhom u mill-inqas waħda mill kondizzjonijiet segwenti ġiet milqugħa:

i)      Fi żmien sena wara li l-pussessur tad-drittijiet ta’ kustodja kellu/ha jew seta’ kellu/ha nformazzjoni dwar fejn kienu l-minuri, ma saret l‑ebda talba għar-ritorn ppreżentat quddiem l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn il-minuri ġew imneħħija jew miżmuma;

[...]

iii)      każ quddiem qorti fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta ġiet magħluq skond l-Artikolu 11(7);

iv)      sentenza dwar kustodja li ma tikkunsidrax li t-talba tar-ritorn tal-minuri tkun inħarġet mill-qrati tal-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija nġusta jew iż‑żamma.”

9        L-Artikolu 11(8) tar-Regolament jaqra kif ġej:

“Minkejja sentenza biex ma jsirx ir-ritorn skond l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980, kwalunkwe sentenza li tiġi wara li tirrekjedi r-ritorn tal-minuri maħruġa minn qorti li għandha l-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament għandha tkun infurzabbli skond it-Taqsima 4 tal-Kapitolu III li tinstab aktar l-isfel ħalli jiġi tassigurat ir-ritorn tal-minuri.”

10      L-Artikolu 13(1) tar-Regolament jistipula:

“Fejn ir-residenza abitwali ta’ l-minuri ma tistax tiġi stabbilita […] il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri huma preżenti għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni.”

11      Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament,

“[q]orti għandha tiġi kkunsidrata li hija fil-pussess

a)      fiż-żmien li d-dokument li istitwixxa l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti jiġu ppreżentati l-qorti, dement li l-applikant ma naqasx/sitx sussegwentement milli jieħu/tieħu l-passi neċessarji li kienu dovuti li sabiex issir in-notifika fuq il-konvenut;

[...]”

12      L-Artikolu 19 tar-Regolament jipprevedi:

“[...]

2.       Fejn il-proċedimenti dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar l-istess minuri [suġġett] u li tinkludi l-istess kawża [bażi ġuridika] se jidħru quddiem qrati fi Stati Membri differenti, it-tieni qorti li ħadet il-pussess għandha b’mozzjoni tagħha stess żżomm il-proċedimenti sakemm il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti tiġi stabbilita.

3.       Fejn il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti li ħadet il-pussess tiġi stabbilita, it‑tieni qorti bil-pussess għandha iċċedi l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.

F’dak il-każ, il-parti li tkun ġabet il-kawza relevanti quddiem il-qorti li ħadet il-ta’ l-pussess wara, tista’ ġġib dik il-kawza quddiem il-qorti li ħadet ita’ l-pussess l‑ewwel.”

13      Skont l-Artikolu 60(e) tar-Regolament, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, dan tal-aħħar għandu jipprevali fuq il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 sa fejn huwa jirrigwarda l-materji rregolati minn dan ir-regolament.

14      L-Artikolu 3 ta’ din il-Konvenzjoni jikkorrispondi, sostanzjalment, mal-Artikolu 2(11) tar-Regolament, l-Artikolu 5(a) tiegħu jikkorrispondi mal-Artikolu 2(9) tar‑Regolament, u l-Artikolu 5(b) tal-imsemmija konvenzjoni jikkorrispondi mal‑Artikolu 2(10) tar-Regolament.

15      L-Artikolu 62 tar-Regolament jipprovdi:

“1.      Il-ftehim u l-konvenzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 59(1), 60 u 61 għandhom ikomplu jkunu effettivi fir-rigward ta’ kwistjonijiet li m’humiex irregolati minn dan ir-Regolament.

2.      Il-Konvenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 60, u partikolarment il‑Konvenzjoni ta’ l-Aja [Den Haag] ta’ l-1980, ikomplu jipproduċu l-effetti bejn l-Istati Membri li huma parti fihom, skond l-Artikolu 60.”

 Id-dritt nazzjonali

16      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, bis-saħħa tad-dritt applikabbli fl-Ingilterra u f’Wales, il-missier naturali ta’ wild ma għandux id-dritt sħiħ ta’ responsabbiltà tal‑ġenituri.

17      Madankollu, bis-saħħa tat-Taqsima 4 tal-liġi dwar il-protezzjoni tat-tfal tal-1989 (Children Act 1989), il-missier jista’ jikseb ir-responsabbiltà tal-ġenituri, kemm permezz ta’ indikazzjoni f’dan is-sens fl-att tat-twelid tal-wild, jew bil‑konklużjoni ta’ ftehim dwar din ir-responsabbiltà mal-omm, kif ukoll permezz ta’ digriet li jagħtih ir-responsabbiltà tal-ġenituri (“parental responsability order”).

18      Barra minn hekk, fil-proċeduri ta’ dritt privat dwar it-tfal fl-Ingilterra u f’Wales, il-qrati jistgħu jagħtu digrieti bis-saħħa tat-Taqsima 8 tal-imsemmija liġi, fir‑rigward tal-High Court of Justice (England & Wales), fil-kuntest tal‑kompetenzi tagħha fil-qasam tal-protezzjoni tat-tfal. Dawn id-digrieti jippermettu li tingħata deċiżjoni dwar ir-residenza (“residence order”) u d-dritt ta’ aċċess (“contact order”), li jiġu pprojbiti ċerti atti (“prohibited steps order”) u li tinstab soluzzjoni għal diffikultajiet speċifiċi (“specific issue order”).

19      Ir-rinviju preliminari jirreferi għall-ġurisprudenza nazzjonali, li tgħid li l-qrati tal‑Ingilterra u ta’ Wales, meta jintalbu jagħtu digriet fil-qasam tad-dritt ta’ kustodja, jistgħu jżommu dan id-dritt, anki jekk min jitlob dan ma jkunx kiseb id‑dritt ta’ kustodja.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

 Iċ-ċirkustanzi fattwali li wasslu għall-kawża prinċipali

20      Mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, B. Mercredi, li twieldet fil-gżira ta’ Réunion u li għandha nazzjonalità Franċiża, marret tgħix l-Ingilterra fl-2000 fejn ħadmet bħala membru tal-ekwipaġġ għal kumpannija tal-ajru. Għal numru ta’ snin, hija għexet ma R. Chaffe, ċittadin Britanniku, u kienu koppja mhux miżżewġa.

21      Minn din ir-relazzjoni twieldet tifla fil-11 ta’ Awwissu 2009, Chloé, ta’ nazzjonalità Franċiża. Fil-ġimgħa li segwiet it-twelid ta’ din it-tifla, B. Mercredi u R. Chaffe sseparaw, peress li r-relazzjoni tagħhom għal xi żmien ma kinitx iktar stabbli u, billi R. Chaffe kien telaq ir-residenza komuni, ma kinux qed jgħixu iktar flimkien.

22      Fis-7 ta’ Ottubru 2009, meta Chloé kellha xahrejn, B. Mercredi u t-tifla tagħha telqu mill-Ingilterra u marru l-gżira ta’ Réunion, fejn waslu l-ġurnata ta’ wara. Il-missier tat-tifla ma kienx ġie informat minn qabel bit-tluq tal-omm u tat-tifla imma rċieva, fl-10 ta’ Ottubru 2009, ittra li fiha B. Mercredi spjegat ir-raġunijiet tat-tluq tagħha.

23      Huwa paċifiku li r-residenza abitwali tat-tifla, qabel it-tluq tagħha fis-7 ta’ Ottubru 2009, kienet fl-Ingliterra. Huwa wkoll paċifiku li t-tluq ta’ Chloé lejn il-gżira ta’ Réunion kien legali, peress li B. Mercredi kienet, fil-mument li seħħ, l-unika persuna li kellha “dritt ta’ kustodja” fis-sens tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament.

 Il-proċedura mibdija mill-missier fir-Renju Unit matul is-sena 2009

24      Meta sar jaf, nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Ottubru 2009, li l-abitazzjoni ta’ B. Mercredi kienet ġiet abbandunata, R. Chaffe ressaq, dakinhar stess, telefonikament, azzjoni quddiem l-Imħallef Holman, Duty High Court Judge. Dan tal-aħħar ta digriet li bih talab il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar fejn tinsab it-tifla (“location order”) u ordna li din il-kawża titressaq quddiemu fit-12 ta’ Ottubru 2009.

25      Fit-12 ta’ Ottubru 2009, R. Chaffe ppreżenta t-talbiet tiegħu b’mod partikolari sabiex jingħata r-responsabbiltà tal-ġenituri, sabiex tingħata residenza alternattiva u sabiex ikollu dritt ta’ aċċess. Dakinhar stess, mingħajr ma B. Mercredi kienet taf bl-azzjoni mibdija mill-persuna kkonċernata u mingħajr ma kienet preżenti jew ma kienet irrappreżentata legalment, l-Imħallef Holman ta digriet li bih ordna lil B. Mercredi tieħu lil Chloé l-Ingilterra. Dan id-digriet jippreċiża, sabiex jevita kull ambigwità, li huwa ma jimplikax ir-ritorn tat-tifla lill-missier jew li jingħata xi forma ta’ aċċess lilu, peress li deċiżjonijiet f’dan is-sens ġew irriżervati għal seduta ulterjuri.

26      Għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tibda mill-premessa li ntalbet tieħu “pussess”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament, mhux qabel it-12 ta’ Ottubru 2009. Jekk ikun il-każ, dan il-fatt għandu jiġi kkonfermat minnha. F’kull każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ punti ta’ fatt u ta’ dritt li huma esposti fid-deċiżjoni tar-rinviju.

 Il-proċdeuri mibdija mill-omm u mill-missier fi Franza

27      Fit-28 ta’ Ottubru 2009, B. Mercredi ppreżentat talba lit-Tribunal de grande instance de Saint-Denis (Franza) sabiex tikseb ir-responsabbiltà tal-ġenituri esklużiva u sabiex l-indirizz preżenti ta’ Chloé jiġi stabbilit bħala d-domiċilju tagħha.

28      Fit-18 ta’ Diċembru 2009, R. Chaffe ppreżenta lil din l-istess qorti talba intiża li jingħata ordni għar-ritorn ta’ Chloé fl-Ingilterra bis-saħħa tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. B’sentenza tal-15 ta’ Marzu 2010, din it-talba ġiet miċħuda, għar‑raġuni li R. Chaffe ma kellux “dritt ta’ kustodja” ta’ Chloé meta din tal-aħħar kienet telqet ir-Renju Unit. Din is-sentenza ma ġietx appellata.

29      Fit-23 ta’ Ġunju 2010, it-Tribunal de grande instance de Saint-Denis ta s-sentenza tiegħu li fiha attribwixxa r-responsabbiltà tal-ġenituri esklużiva fir-rigward ta’ Chloé lil B. Mercredi u stabbilixxa r-residenza abitwali tat-tifla fl-indirizz tal‑omm. Mill-osservazzjonijiet ippreżentati minn R. Chaffe, kif ukoll mill-Gvern Franċiż fis-seduta, jirriżulta li din is-sentenza għadha ma saritx definittiva.

 Is-segwitu tal-proċedura mibdija mill-missier fir-Renju Unit matul l-2009

30      Fil-15 ta’ April 2010, il-kawża mressqa minn R. Chaffe fix-xahar ta’ Ottubru 2009 waslet quddiem l-Imħallef McFarlane. Skont R. Chaffe, il-High Court of Justice (England & Wales) kellha ġursdizzjoni, fid-9 ta’ Ottubru 2009, sabiex jiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni tat-tifla tiegħu, peress li Chloé ma kinitx tilfet, f’din id-data, ir-residenza abitwali tagħha fl-Ingilterra. Barra minn hekk, kien ġiet stabbilit, bis‑saħħa tal-liġi applikabbli fl-Ingilterra u f’Wales, li talba sabiex jingħata digriet fil-qasam tad-dritt ta’ kustodja jista’ jagħti “dritt ta’ kustodja” lil qorti. R. Chaffe jżid li, peress li l-qrati Ingliżi kienu ntalbu jieħdu konjizzjoni ta’ talba fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, it-Tribunal de grande instance de Saint-Denis kellu jissospendi d-deċiżjoni bis-saħħa tal-Artikolu 19 tar-Regolament, sakemm il‑ġurisdizzjoni tal-qorti Ingliża tiġi stabbilita.

31      Skont B. Mercredi, il-qrati Ingliżi ma kellhomx ġurisdizzjoni jiddeċiedu dwar is‑sitwazzjoni ta’ Chloé peress li, mill-ġurnata li fiha din tal-aħħar telqet il-gżira ta’ Réunion, ir-residenza abitwali tagħha ma baqgħetx iktar fir-Renju Unit, imma fi Franza.

32      L-Imħallef McFarlane qies li:

–        il-konjizzjoni tal-qorti Ingliża fil-kawża li tirrigwarda Chloé kienet seħħet fil-mument li l-missier kien kellem lill-Imħallef Holman bit-telefon;

–        minn dak il-mument, il-qorti Ingliża kellha dritt ta’ kustodja ta’ Chloé;

–        minħabba l-fatt li d-digrieti kienu ngħataw favurih, il-missier kellu wkoll dritt ta’ kustodja minn dan il-mument;

–        Chloé dejjem kellha r-residenza abitwali fl-Ingilterra “[...] fil-mument li fih il-qorti Ingliża u l-missier kisbu dritt ta’ kustodja ta’ [it-tifla] u li fih il-qorti Ingliża kienet ordnat li Chloé toqgħod fil-ġurisdizzjoni tagħha jew li tirritorna fiha”, u li,

–        konsegwentement, fid-9 ta’ Ottubru 2009, il-qrati Ingliżi kellhom il‑ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar is-sitwazzjoni ta’ Chloé.

 Il-proċedura mibdija mill-omm fir-Renju Unit

33      Fit-12 ta’ Lulju 2010, B. Mercredi appellat mid-deċiżjonijiet tal-High Court of Justice (England & Wales) quddiem il-qorti tar-rinviju.

34      Fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, din il-qorti tirrileva li, sabiex tkun tista’ tidentifika l-qorti li għandha ġurisdizzjoni, bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, fil‑qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ Chloé, huwa neċessarju li jkun hemm kjarifika tal-kriterji li għandhom jiġu applikati sabiex tiġi ddeterminata r-residenza abitwali tat-tifla għall-finijiet tal-Artikoli 8 u 10 tar‑Regolament.

35      Il-qorti tar-rinviju tqis, barra minn hekk, li r-risposta għall-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-High Court of Justice (England & Wales) kisbitx dritt ta’ kustodja ta’ Chloé b’konsegwenza tat-talbiet magħmula mill-missier tiddependi mill-kunċett ta’ “istituzzjoni jew xi korp ieħor” fis-sens tar-Regolament, li l-interpretazzjoni tiegħu taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, din il‑qorti tixtieq tirċievi kjarifika dwar l-evalwazzjoni tal-ġurisdizzjoni konkorrenti tal-qrati tar-Renju Unit u tal-qrati Franċiżi li qed jiddeċiedu fuq it-talbiet rispettivi tal-missier u tal-omm ta’ Chloé.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (England and Wales) (Civil Division) iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Liema huwa t-test adegwat sabiex tiġi ddeterminata r-residenza abitwali ta’ minuri għall-finijiet tal-:

–        Artikolu 8 tar-Regolament […] Nru 2201/2003;

–        Artikolu 10 tar-Regolament […] Nru 2201/2003?

2)      Qorti hija “istituzzjoni jew xi korp ieħor” li tista’ tingħata drittijiet ta’ kustodja għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament […] Nru 2201/2003?

3)      L-Artikolu 10 jibqa’ applikabbli wara li l-qrati tal-Istat Membru mitlub ikunu ċaħdu talba għar-ritorn tal-minuri taħt il-[Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980] għar-raġuni li l-Artikoli 3 u 5 ma jkunux sodisfatti?

B’mod partikolari, kif għandu jiġi riżolt kunflitt bejn determinazzjoni magħmula mill-Istat mitlub li r-rekwiżiti tal-Artikoli 3 u 5 tal-[Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980] mhumiex sodisfatti u determinazzjoni mill-Istat li jagħmel it-talba li r-rekwiżiti tal-Artikoli 3 u 5 huma sodisfatti?”

 Fuq il-proċedura b’urġenza

37      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza msemmija fl-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

38      Hija motivat din it-talba billi sostniet li sakemm il-qorti li għandha ġurisdizzjoni, bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ Chloé ma tiġix identifikata, it-talbiet magħmula mill-missier tagħha għall‑finijiet li jikseb digriet li jippermettilu jkollu relazzjoni mat-tifla tiegħu ma jkunux jistgħu jiġu kkunsidrati.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-kawża tirrigwarda tifla, ta’ sena u erba’ xhur, li ilha separata minn missierha għal iktar minn sena. Peress li t-tifla kkonċernata tinsab f’età delikata għall‑iżvilupp tagħha, it-titwil tas-sitwazzjoni attwali, ikkaratterizzata barra minn hekk mid-distanza kbira li tissepara r-residenza tal-missier minn dik tat-tifla, jista’ tkun ta’ ħsara kbira għar-relazzjoni futura tagħha ma’ missierha.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-28 ta’ Ottubru 2010, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinstema’ bil-proċedura b’urġenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

41      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lilha nnifisha, sostanzjalment, dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “residenza abitwali”, fis-sens tal-Artikoli 8 u 10 tar-Regolament, sabiex tiġi ddeterminata l-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet tad-dritt ta’ kustodja, b’mod partikolari meta, bħal fil-kawża prinċipali, hemm fin‑nofs sitwazzjoni ta’ tarbija li ġiet imċaqalqa legalment minn ommha lejn Stat Membru ieħor barra l-Istat tar-residenza abitwali tagħha u tirrisjedi hemm wara ftit jiem biss fil-mument li l-qorti tal-Istat li fih tasal intalbet tieħu konjizzjoni tal‑każ.

42      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat, preliminarjament, li skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament, il-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ Stat Membru fil-qasam tar‑responsabbiltà tal-ġenituri ta’ wild li jiġi mċaqlaq legalment fi Stat Membru ieħor tiġi ddeterminata fuq il-bażi tal-kriterju tar-residenza abitwali ta’ dan il-wild fil-mument meta l-imsemmija qorti tintalab tieħu konjizzjoni tal-kawża.

43      Bis-saħħa tal-Artikolu 16 tar-Regolament, qorti titqies li ħadet konjizzjoni biss meta jiġi ppreżentat rikors promotur jew att ekwivalenti quddiem din il-qorti. Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, R. Chaffe għamel it-talba, fid‑9 ta’ Ottubru 2009, lill-qorti kkonċernata fil-persuna tal-Imħallef Holman, Duty High Court Judge, biss permezz tat-telefon. Għaldaqstant kien biss fit-12 ta’ Ottubru 2009, bla ħsara, hekk kif ġie ppreċiżat fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, għall-istħarriġ tal-qorti tar-rinviju dwar jekk ir-rikorrent ikunx naqas milli jieħu l‑miżuri sussegwenti li kellu jieħu sabiex l-att jiġi nnotifikat lill-konvenuta, li l‑High Court of Justice (England & Wales) hija meqjusa li ħadet konjizzjoni. F’din id-data, Chloé, li kienet waslet fil-gżira ta’ Réunion fit-8 ta’ Ottubru 2009, kienet ilha tirrisjedi f’dan ir-reġjun Franċiż erbat ijiem.

44      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat, preliminarjament, li r-Regolament ma jagħti l-ebda tifsira tal-kunċett ta’ “residenza abitwali”. L-użu tal-aġġettiv “abitwali” jippermetti sempliċement li wieħed jiddeduċi li r-residenza għandha jkollha ċerta natura ta’ stabbiltà jew ta’ regolarità.

45      Skont ġurisprudenza stabbilita, mill‑eżiġenzi kemm tal‑applikazzjoni uniformi tad‑dritt tal‑Unjoni kif ukoll mill‑prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad‑dritt tal‑Unjoni Ewropea li ma tinkludi l‑ebda riferiment espress għad‑dritt tal‑Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s‑sens u l‑portata tagħha għandhom normalment, fl‑Unjoni Ewropea kollha, jiġu interpretati b’mod awtonomu u uniformi fejn din l‑interpretazzjoni tkun waħda studjata fid‑dawl tal‑kuntest tad‑dispożizzjoni u tal‑għan imfittex mil‑leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, Ġabra p. 107, punt 11; tas-6 ta’ Marzu 2008, Nordania Finans u BG factoring, C-98/07, Ġabra p. I-1281, punt 17, kif ukoll tat-2 ta’ April 2009, A, C-523/07, Ġabra p. I-2805, punt 34).

46      Peress li l-artikoli tar-Regolament li jivokaw il-kunċett ta’ “residenza abitwali” ma jagħmlu l-ebda riferiment espress għal-liġi tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tal-imsemmija kunċett, din id-determinazzjoni għandha titwettaq fid-dawl tal-kuntest li fih jinsabu d-dispożizzjonijiet tar‑Regolament u tal-għan imfittex minnu, b’mod partikolari dak li jirriżulta mill‑premessa 12 tar-Regolament, li tgħid li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti huma fformati fid-dawl tal-aqwa interessi tal-wild, u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-kriterju ta’ qrubija.

47      Sabiex dawn l-aqwa interessi tal-wild jiġu osservati bl-aħjar mod, il-Qorti tal‑Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “residenza abitwali”, fis-sens tal‑Artikolu 8(1) tar-Regolament, jikkorrispondi għall-post li jirrifletti ċerta integrazzjoni tal-wild f’ambjent soċjali u familjari. Dan il-post għandu jiġi stabbilit mill-qorti nazzjonali billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt speċifiċi ta’ kull każ (ara s-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

48      Fost il-kriterji li fid-dawl tagħhom il-qorti nazzjonali għandha tistabbilixxi l-post tar-residenza abitwali ta’ wild, għandhom jiġu rrilevati b’mod partikolari l‑kundizzjonijiet u r-raġunijiet tas-soġġorn tal-wild fit-territorju ta’ Stat Membru, kif ukoll in-nazzjonalità tiegħu (ara s-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

49      Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, barra minn hekk, fil-punt 38 tas-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq, sabiex tiġi ddeterminata r-residenza abitwali ta’ wild, barra mill-preżenza fiżika tiegħu fi Stat Membru, hemm fatturi oħra supplimentari li għandhom juru li din il-preżenza ma hija bl-ebda mod ta’ natura temporanja jew okkażjonali.

50      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal Ġustizzja enfasizzat li l-intenzjoni tal-ġenitur responsabbli li jistabbilixxi ruħu mal-wild fi Stat Membru ieħor, permezz ta’ miżuri tanġibbli, bħall-akkwist jew il-kirja ta’ residenza fl-Istat Membru tat‑trasferiment, tista’ tindika l-intenzjoni ta’ trasferiment tar-residenza abitwali (ara s-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

51      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi enfasizzat, sabiex wieħed jiddistingwi r‑residenza abitwali minn sempliċi preżenza temporanja, li hija għandha bħala regola tkun ta’ ċertu tul sabiex tirrifletti stabbiltà suffiċjenti. Fil-fatt, għat‑trasferiment tar-residenza abitwali fl-Istat Membru tat-trasferiment, tiswa’ fuq kollox ir-rieda tal-persuna kkonċernata li tistabbilixxi, bl-intenzjoni li tagħtih natura stabbli, iċ-ċentru permanenti jew abitwali tal-interessi tagħha. B’hekk, it-tul ta’ soġġorn għandu jservi biss ta’ indikazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-istabbiltà tar-residenza, peress li din l-evalwazzjoni għandha titwettaq fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt speċifiċi ta’ dan il-każ.

52      Fil-kawża prinċipali, l-età tat-tifla tista’, barra minn hekk, ikollha importanza partikolari.

53      Fil-fatt, l-ambjent soċjali u familjari tal-wild, li huwa essenzjali sabiex jiġi ddeterminat il-post tar-residenza abitwali tiegħu, huwa kompost minn diversi fatturi li jvarjaw skont l-età tal-wild. B’hekk, il-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-każ ta’ tfal ta’ età tal-iskola huma differenti minn dawk li wieħed għandu jikkunsidra fil-każ ta’ minuri li spiċċa l-istudji tiegħu, jew ukoll minn dawk li jikkonċernaw tarbija.

54      Bħala regola ġenerali, l-ambjent ta’ wild ta’ età żgħira huwa essenzjalment ambjent familjari, iddeterminat mill-persuna jew mill-persuni ta’ riferiment li magħhom jgħix il-wild, li effettivament irabbuh u jieħdu ħsiebu.

55      Din tiġi vverifikata a fortiori meta l-wild ikun tarbija. Hija taqsam neċessarjament l-ambjent soċjali u familjari tal-persuni ta’ madwarha li tiddependi minnhom. Konsegwentement, meta, bħal fil-kawża prinċipali, it-tarbija qed titrabba effettivament minn ommha, hemm lok li wieħed jevalwa l-integrazzjoni tagħha fl‑ambjent soċjali u familjari tagħha. F’dan ir-rigward, il-kriterji indikati mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-ġustizzja, bħar-raġunijiet ta’ ċaqliq tal-omm fi Stat Membru ieħor, il-konoxxenzi lingwistiċi ta’ din tal-aħħar jew ukoll l-oriġini ġeografiċi u familjari tagħha jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni.

56      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li għandha tingħata r-risposta għall-ewwel domanda li l-kunċett ta’ “residenza abitwali”, fis-sens tal-Artikoli 8 u 10 tar‑Regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li din ir-residenza tikkorrispondi għall-post li jirrifletti ċerta integrazzjoni tal-wild f’ambjent soċjali u familjari. Għal dan il-għan, u meta tqum il-kwistjoni li tirrigwarda tarbija li tgħix ma ommha wara biss xi ftit jiem fi Stat Membru, barra dak tar-residenza abitwali preċedenti tagħha, li ġiet imċaqalqa fih, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, minn naħa, it-tul, ir-regolarità, il-kundizzjonijiet u r-raġunijiet tas-soġġorn fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u taċ-ċaqliq tal-omm lejn l‑imsemmi Stat, u, min-naħa l-oħra, minħabba b’mod partikolari l-età tal-wild, l‑oriġini ġeografiċi u familjari tal-omm kif ukoll ir-relazzjonijiet familjari u soċjali li hija u l-wild kellhom f’dan l-istess Stat Membru. Hija l‑qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi r‑residenza abitwali tal‑wild billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ‑ċirkustanzi fattwali kollha li huma partikolari għal kull każ.

57      Jekk l-applikazzjoni tal-kriterji twassal, fil-kawża prinċipali, għall-konklużjoni li r-residenza abitwali tal-wild ma tistax tiġi stabbilita, id-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi tal-kriterju ta’ “fejn il-minuri huma preżenti” fis-sens tal-Artikolu 13 tar-Regolament.

 Fuq it-tieni domanda

58      Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “istituzzjoni jew xi korp ieħor” li lilha jista’ jiġi fdat dritt ta’ kustodja għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jinkludi l-kunċett ta’ “qorti”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament.

59      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju ma indikatx id‑dispożizzjonijiet tar-Regolament li tagħhom hija tixtieq tirċievi kjarifika fir‑rigward tal-interpretazzjoni li għandha tagħti lil dan il-kunċett u lanqas ir‑raġunijiet għaliex din l-interpretazzjoni kienet neċessarja għaliha sabiex tagħti s-sentenza tagħha. Jidher madankollu li dan il-kunċett jinsab fil-formulazzjoni tal‑Artikoli 10 u 11 tar-Regolament. Dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw il‑ġurisdizzjoni fil-każ ta’ tneħħija ta’ wild u konsegwentement isibu l‑applikazzjoni tagħhom fil-każ ta’ tneħħija jew nuqqas ta’ ritorn illegali ta’ wild, peress li l-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament huwa ddedikat għaċ-ċaqliq legali ta’ wild minn Stat Membru għal ieħor.

60      Hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, huwa paċifiku li t-tneħħija ta’ Chloé lejn il-gżira ta’ Réunion kienet legali.

61      Isegwi li l-Artikolu 10 tar-Regolament ma huwiex applikabbli. Konsegwentement, ma hemmx għalfejn tingħata risposta għat‑tieni domanda.

 Fuq it-tielet domanda

62      Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lilha nnifisha, sostanzjalment, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 1.4 u 4.6 tad‑deċiżjoni tar-rinviju, dwar il-kwistjoni li jsir magħruf jekk id-deċiżjonijiet ta’ qorti ta’ Stat Membru li jiċħdu, bis-saħħa tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, talba għar-ritorn immedjat ta’ wild fil-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor, u li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ dan il-wild, jaffettwawx id-deċiżjonijiet li għandhom jingħataw f’dan l-Istat l-ieħor, fuq l‑azzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li jkunu tressqu sadanittant u li jkunu għadhom pendenti.

 Is-sentenza tat-Tribunal de grande instance de Saint-Denis tal-15 ta’ Marzu 2010

63      Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, it-talba indirizzata mill-missier ta’ Chloé lit-Tribunal de grande instance de Saint-Denis kienet ibbażata fuq id‑dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. Din il-konvenzjoni, skont l-Artikolu 1 tagħha, għandha bħala għan li tiżgura r-ritorn immedjat tal‑ulied li jkunu tneħħew jew inżammu illegalment f’kull Stat kontraenti.

64      It-Tribunal de grande instance de Saint-Denis ċaħad ir-rikors li bih il-missier ta’ Chloé talab ir-ritorn ta’ din tal-aħħar fir-Renju Unit “peress li [ma] ġietx prodotta l-prova li fil-mument tat-tneħħija taż-żgħira Chloé Mercredi, Richard Chaffe kien qed jibbenefika minn dritt ta’ kustodja, eżerċitat effettivament, jew li kien ikun qed jeżerċitah kieku t-tneħħija ma seħħitx”.

65      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, is-sentenza tal-imsemmi tribunal tal-15 ta’ Marzu 2010 ma taffettwax il-mertu tad-dritt ta’ kustodja, anki jekk tkun saret definittiva, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 28 ta’ din is-sentenza.

66      Isegwi li, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tiddeċiedi, b’applikazzjoni tal-kriterji indikati fir-risposta għall-ewwel domanda, li hija għandha l-ġurisdizzjoni, bis-saħħa tal‑Artikolu 8 tar-Regolament, f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà tal-ġenituri fir‑rigward ta’ Chloé, is-sentenza tat-Tribunal de grande instance de Saint-Denis tal-15 ta’ Marzu 2010 ma taffettwax id-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju tkun sejra tagħti.

 Is-sentenza tat-Tribunal de grande instance de Saint-Denis tat-23 ta’ Ġunju 2010

67      F’dak li jirrigwarda s-sentenza tat-Tribunal de grande instance de Saint-Denis tat‑23 ta’ Ġunju 2010, li, hekk kif ġie ppreċiżat fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, għadha ma saritx definittiva, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju ser issib ruħha quddiem, jekk ikun il-każ, il-fatt li l-imsemmi tribunal ikun ibbaża s‑sentenza tiegħu mhux fuq il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, imma wkoll fuq ir-Regolament.

68      Fil-każ ta’ kunflitt bħal dan bejn żewġt iqrati ta’ Stati Membri differenti, li quddiemhom ikunu tressqu, fuq il-bażi tar-Regolament, azzjonijiet dwar ir‑responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ wild, li għandhom l-istess suġġett u l‑istess bażi ġuridika, l-Artikolu 19(2) tar-Regolament għandu jkun applikabbli. Bis-saħħa ta’ dan l-artikolu, il-qorti li tintalab it-tieni għandha tissospendi d‑deċiżjoni tagħha sakemm il-ġurisdizzjoni tal-qorti, li tkun intalbet l‑ewwel tiġi stabbilita.

69      B’hekk, peress li quddiem il-High Court of Justice (England & Wales) tressqet, fit-12 ta’ Ottubru 2009, mill-missier tal-wild, azzjoni sabiex b’mod partikolari tiġi assenjata r-responsabbiltà tal-ġenituri lilu, it-Tribunal de grande instance de Saint-Denis, li saritilha talba mill-omm tal-wild fit-28 ta’ Ottubru 2009, ma setgħetx tagħti deċiżjoni dwar it-talba ppreżentata minn din tal-aħħar.

70      Minn dak li ntqal jirriżulta li, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tiddeċiedi, b’applikazzjoni tal-kriterji indikati fir-risposta għall-ewwel domanda, li hija għandha l-ġurisdizzjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 8 tar-Regolament, f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ Chloé, la s-sentenza tat‑Tribunal de grande instance de Saint-Denis tal-15 ta’ Marzu 2010 u lanqas dik tat-23 ta’ Ġunju 2010 ma jaffettwaw id-deċiżjoni li jkollha tingħata mill-qorti tar‑rinviju.

71      Konsegwentement, għandha tingħata risposta lit-tielet domanda li d-deċiżjonijiet ta’ qorti ta’ Stat Membru li jiċħdu, bis-saħħa tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, talba għar-ritorn immedjat ta’ wild fil-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor, u li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ dan il-wild, ma jaffettwawx id-deċiżjonijiet li għandhom jingħataw f’dan l-Istat l-ieħor fuq l-azzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li sadanittant ikunu tressqu u li jkunu għadhom pendenti.

 Fuq l-ispejjeż

72      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-kunċett ta’ “residenza abitwali”, fis-sens tal-Artikoli 8 u 10 tar‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal‑ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li din ir-residenza tikkorrispondi għall-post li jirrifletti ċerta integrazzjoni tal-wild f’ambjent soċjali u familjari. Għal dan il‑għan, u meta tqum il-kwistjoni li tirrigwarda tarbija li tgħix ma ommha wara biss xi ftit jiem fi Stat Membru barra dak tar-residenza abitwali tagħha, li ġiet imċaqalqa fih, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, minn naħa, it-tul, ir-regolarità, il‑kundizzjonijiet u r-raġunijiet tas-soġġorn fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u taċ-ċaqliq tal-omm lejn l-imsemmi Stat, u, min-naħa l-oħra, minħabba b’mod partikolari l-età tal-wild, l-oriġini ġeografiċi u familjari tal-omm kif ukoll ir-relazzjonijiet familjari u soċjali li hija u l‑wild kellhom f’dan l-istess Stat Membru. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi r-residenza abitwali tal-wild billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha li huma partikolari għal kull każ.

Fil-każ li l-applikazzjoni tal-kriterji msemmija twassal, fil-kawża prinċipali, għall-konklużjoni li r-residenza abitwali tal-wild ma tistax tiġi stabbilita, id-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi tal-kriterju ta’ “fejn il-minuri huma preżenti” fis-sens tal-Artikolu 13 tar-Regolament.

2)      Id-deċiżjonijiet ta’ qorti ta’ Stat Membru li jiċħdu, bis-saħħa tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, dwar l-Aspetti Ċivili dwar il‑Ħtif Internazzjonali tal-Minuri, talba għar-ritorn immedjat ta’ wild fil-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor, u li jirrigwardaw ir‑responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ dan il-wild, ma jaffettwawx id-deċiżjonijiet li għandhom jingħataw f’dan l-Istat l-ieħor fuq l-azzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li sadanittant ikunu tressqu u li jkunu għadhom pendenti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.