Language of document : ECLI:EU:T:2017:87

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

16 ta’ Frar 2017 (*)

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinni Komunitarji rreġistrati li jirrappreżentaw termosifuni għal radjaturi – Disinni preċedenti – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Artikolu 1 quinquies tar-Regolament (KE) Nru 216/96 – Artikolu 41(1) tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali – Prinċipju ta’ imparzjalità – Kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell – Raġuni għal invalidità – Assenza ta’ karattru individwali – Artikolu 6 u Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 – Eżekuzzjoni mill-EUIPO ta’ sentenza ta’ annullament ta’ deċiżjoni tal-Bordijiet tal-Appell tiegħu – Saturazzjoni tal-eċċellenza – Data ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawżi magħquda T‑828/14 u T‑829/14,

Antrax It Srl, stabbilita f’Resana (l-Italja), irrappreżentata minn L. Gazzola, avukat,

ir-rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), inizjalment irrappreżentat minn P. Bullock, sussegwentement minn L. Rampini u S. Di Natale, bħala aġenti,

il-konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Vasco Group NV, li kienet Vasco Group BVBA, stabbilita f’Dilsen (il‑Belġju), irrappreżentata minn J. Haber, avukat,

li għandha bħala suġġett żewġ rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-10 ta’ Ottubru 2014 (Każijiet R 1272/2013‑3 u R 1273/2013‑3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Vasco Group u Antrax It,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn S. Gervasoni, li qed jaġixxi bħala President ta’ Awla, L. Madise u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: A. Lamote, Amministratur,

wara t-talbiet imressqa fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Diċembru 2014,

wara r-risposti tal-EUIPO ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Marzu 2015,

wara r-risposti tal-intervenjenti ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ April 2015,

wara r-repliki ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Ġunju 2015,

wara d-deċiżjoni tal-5 ta’ Awwissu 2016 li għaqdet il-Kawżi T‑828/14 u T‑829/14 għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni f’din l-istanza,

wara s-seduta tal-4 ta’ Ottubru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Antrax It Srl, hija proprjetarja ta’ żewġ disinni Komunitarji Nru 000593959‑0001 u Nru 000593959‑0002, ippreżentati fil-25 ta’ Settembru 2006 lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea(EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), u ppubblikati fil‑Bulettin ta’ disinni Komunitarji fil-21 ta’ Novembru 2006.

2        Id-disinni kkontestati huma rrappreżentati kif ġej:

–        disinn Nru 000593959-0001 (Rikors T‑828/14):

Image not found

–        disinn Nru 000593959-0002 (Rikors T‑829/14):

Image not found

3        Id-disinni kkontestati kienu intiżi sabiex jiġu applikati, skont l‑applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni stess, għal termosifuni (modelli di termosifoni) maħsuba biex jintużaw f’radjaturi ta’ tisħin li jaqgħu fil‑klassi 23.03 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno li jistabbilixxi klassifika internazzjonali għad-disinni industrijali, tat-8 ta’ Ottubru 1968, kif emendata.

4        Fis-16 ta’ April 2008, il-kumpannija li għaliha ssuċċediet Vasco Group NV, l-intervenjenti, ressqet quddiem l-EUIPO, skont l-Artikolu 52 tar‑Regolament Nru 6/2002, talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad‑disinni kkontestati. Insostenn tat-talbiet tagħha, l-intervenjenti invokat id-disinni Ġermaniżi Nri 4 u 5 li jinsabu fir-reġistrazzjoni multipla Nru 40110481.8, ippubblikata fl-10 ta’ Settembru 2002, u estiża għal Franza, l-Italja u l-Benelux bħala disinn internazzjonali bir‑riferiment DM/060899.

5        Id-disinni kkontestati huma rrappreżentati kif ġej:

–        disinn preċedenti Nru 5 (kontra r-reġistrazzjoni Nru 000593959‑0001, li jikkorrispondi għar-rikors T-828/14):

Image not found

–        disinn preċedenti Nru 4 (kontra r-reġistrazzjoni Nru 000593959‑0002, li jikkorrispondi għar-rikors T‑829/14):

Image not found

6        Il-motiv invokat insostenn tal-imsemmija talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kien dak imsemmi fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, ibbażat fuq il-fatt li d-disinni kkontestati ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 tal-imsemmi regolament.

7        Permezz tad-deċiżjonijiet tat-30 ta’ Settembru 2009, id-Diviżjoni tal‑Kanċellazzjoni ddikjarat l-invalidità tad-disinni kkontestati, minħabba l-assenza ta’ novità fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002.

8        Fis-27 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l‑EUIPO, skont l-Artikoli 55 sa 60 tar-Regolament Nru 6/2002, kontra d‑deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

9        Permezz ta’ deċiżjonijiet tat-2 ta’ Novembru 2010 (Każijiet R 1451/2009‑3 u R 1452/2009‑3), it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO annulla d‑deċiżjonijiet tad-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni, fid-dawl ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni adegwata fir-rigward tar-raġuni ta’ invalidità minħabba l-assenza ta’ novità, iżda ddikjara invalidi d-disinni kkontestati minħabba l-assenza ta’ karattru individwali, fis-sens tal-Artikolu 6 tar‑Regolament Nru 6/2002.

10      Fil-11 ta’ Frar 2011, ir-rikorrenti ppreżentat rikorsi kontra dawn id‑deċiżjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali.

11      Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Novembru 2012, Antrax It vs UASI – THC (Radiateurs de chauffage) (T‑83/11 u T‑84/11, iktar ’il quddiem “is‑sentenza tat-13 ta’ Novembru 2012”, EU:T:2012:592), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjonijiet tat-2 ta’ Novembru 2010 minħabba l‑fatt li l-argument imqajjem mir-rikorrenti dwar l-istat ta’ saturazzjoni tas-settur ta’ riferiment ma ġiex eżaminat mill-Bord tal-Appell. F’dan ir‑rigward, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li eventwali saturazzjoni tal‑eċċellenza, li tirriżulta mill-allegata eżistenza ta’ disinni oħra ta’ termosifuni jew ta’ radjaturi li jippreżentaw l-istess karatteristiċi b’mod ġenerali bħad-disinni inkwistjoni, kienet rilevanti għall‑evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinni kkontestati, inkwantu setgħet tkun tali li tagħmel lill-utent informat iktar sensittiv għad-differenzi ta’ proporzjonijiet interni bejn dawn id-disinni differenti. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjonijiet tat-2 ta’ Novembru 2010 minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni fuq il-kwistjoni tas‑saturazzjoni tal-eċċellenza.

12      Wara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2012 (T‑83/11 u T‑84/11, EU:T:2012:592), il-kawżi ġew irrinvijati lill-EUIPO u ngħataw, rispettivament, ir-referenzi ġodda R 1272/2013‑3 u R 1273/2013‑3. Dawn ġew assenjati lit-Tielet Bord ta’ Appell tal-EUIPO.

13      Fit-13 ta’ Frar 2014, ir-Relatur tat-Tielet Bord tal-Appell fiż-żewġ każijiet msemmija fil-punt 12 hawn fuq stieden lill-partijiet sabiex fi żmien xahar jippreżentaw in-noti u l-provi tagħhom fir-rigward tal-eżistenza jew le ta’ saturazzjoni tas-settur ta’ referenza, u dwar l-impressjoni ġenerali li kienet tirriżulta minnha dwar id-disinni inkwistjoni f’moħħ l-utent informat.

14      Fit-12 ta’ Marzu 2014, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet u provi. Fl-istess ġurnata, l-intervenjenti ppreżentat osservazzjonijiet.

15      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-10 ta’ Ottubru 2014 (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjonijiet ikkontestati”), it-Tielet Bord tal-Appell ċaħad ir-rikorsi u ddikjara invalidi d-disinni kkontestati.

16      Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li kellu, skont l-Artikolu 61(6) tar‑Regolament Nru 6/2002, jiddeċiedi dwar il-kwistjoni tas-saturazzjoni tas-settur jew tas-suq ta’ referenza, inkwantu l-Qorti Ġenerali, fis‑sentenza tat-13 ta’ Novembru 2012 (T‑83/11 u T‑84/11, EU:T:2012:592), kienet ikkunsidrat li din il-kwistjoni tas-saturazzjoni tal-eċċellenza, li setgħet kienet tali li tagħmel lill-utent informat iktar sensittiv dwar id-differenza ta’ proporzjonijiet interni li jeżistu bejn id‑disinni differenti, ma kinitx ġiet eżaminata kif suppost fid-deċiżjonijiet preċedentement annullati. Il-Bord ta’ Appell ikkunsidra li huwa kellu jistabbilixxi jekk, abbażi tal-provi u tal-argumenti mressqa mill-partijiet, kienx hemm, fis-settur ta’ riferiment, sitwazzjoni ta’ saturazzjoni li tirriżulta mill-eżistenza ta’ ħafna disinni oħra li jippreżentaw l-istess karatteristiċi ġenerali bħad-disinni inkwistjoni (punti 14, 17 sa 19 u 25 tad-deċiżjonijiet ikkontestati). Il-Bord tal-Appell enfasizza li, f’dan il‑każ, is-settur li għandu jkun l-oġġett ta’ din l-evalwazzjoni kien speċifikament dak tat-termosifuni u mhux dak tal-apparat ta’ tisħin (punt 29 tad-deċiżjonijiet ikkontestati).

17      F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li kien meħtieġ għall-parti li tinvoka s-saturazzjoni tal-eċċellenza li tippreżenta numru ta’ provi ċari, preċiżi, koerenti u attwali (punti 36, 41 u 50 tad-deċiżjonijiet ikkontestati). Huwa kkonstata, essenzjalment, li l-provi prodotti mir‑rikorrenti sabiex turi l-istat ta’ saturazzjoni tas-settur ta’ referenza ma kinux eżawrjenti, ma kinux ta’ kwalità tajba u kellhom ikunu iktar koerenti u iktar preċiżi. Barra minn hekk, huwa enfasizza li l-katalogi prodotti bħala anness mal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tat-12 ta’ Marzu 2014 ma kinux datati jew, fejn kienu, kienu jikkorrispondu għas‑snin 2004 u 2006 (punti 41 sa 46 tad-deċiżjonijiet ikkontestati).

18      Dwar il-paragun tad-disinni kunfliġġenti, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, essenzjalment, ix-xebh tagħhom fir-rigward tal-forma u l-arranġament ta’ termosifuni u ta’ tubi radjanti, kien jipprevalixxi fuq id-differenzi minimi fir-rigward tal-fond u ta’ proporzjonijiet interni, ta’ distanzi rispettivi bejn it-tubi u ta’ numru ta’ tubi, li kienu jeħtieġu eżami ddettaljat (punti 52 sa 62 tad-deċiżjonijiet ikkontestati). Minn dan il-Bord tal-Appell ikkonkluda li d-disinni kkontestati ma kinux jirrappreżentaw karattru individwali speċifiku fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, inkwantu l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom fuq l‑utent informat ma kinitx differenti minn dik prodotta mill-forma u mill‑aspett tad-disinni preċedenti (punt 64 tad-deċiżjonijiet ikkontestati).

 It-talbiet tal-partijiet

19      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet appellati;

–        konsegwentement, tiddikjara l-validità tad-disinni kkontestati mingħajr ma tirrinvija l-kawżi quddiem l-EUIPO;

–        “tikkonstata l-kunflitt bejn l-Artikolu 1 quinquies tar-Regolament Nru 216/96 u l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea” (iktar ’il quddiem il-“Karta”);

–        tikkundanna in solidum lill-EUIPO u lill-intervenjenti għall‑ispejjeż u tikkundanna lill-intervenjenti għall-ispejjeż tal-proċedimenti quddiem l-EUIPO.

20      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

21      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi u tiddikjara l-invalidità tad-disinni kkontestati;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal‑proċedimenti quddiem l-EUIPO.

 Id-dritt

22      Insostenn tar-rikorsi għal annullament tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka erba’ motivi. Il-motivi huma bbażati, l-ewwel nett, u essenzjalment, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ imparzjalità tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-ksur tar-Regolament tal‑Kummissjoni Nru 216/96, tal-5 ta’ Frar 1996, li jistipula r-regoli tal‑proċedura tal-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (Trade Marks u Disinji) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 221), kif emendat bir‑Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2082/2004, tas-6 ta’ Diċembru 2004 (ĠU 2006, L 183M, p. 345), it‑tieni nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 6 u tal-Artikolu 61(6) tar-Regolament Nru 6/2002, it-tielet nett u b’mod sussidjarju, fuq il-ksur tal-Artikolu 6 u tal-Artikolu 63(1) tal-imsemmi regolament kif ukoll tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit‑trattament u, ir-raba’ nett u b’mod iktar sussidjarju, il-ksur tal‑Artikolu 6 u tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 62 tal-istess regolament fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni.

23      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti qajmet motiv ibbażat fuq il-ksur tat-terminu raġonevoli mill-EUIPO.

24      Skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-kawża, sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi amplifikazzjoni ta’ motiv mogħti preċedentement, direttament jew impliċitament, fir‑rikors promotur u li jkollu rabta stretta miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli [ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Moselland vs UASI – Renta Siete (DIVINUS), T‑214/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:280, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata]. F’dan il-każ, ir-rikorrenti ammettiet quddiem il-Qorti Ġenerali li l-motiv tagħha bbażat fuq il-ksur ta’ terminu raġonevoli ma kienx inkluż fir-rikors tagħha, li jirreferi biss għall-Artikolu 41 tal-Karta sabiex isostni ksur tal-obbligu ta’ imparzjalità tal-Bord tal-Appell.

25      Għalhekk, il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ terminu raġonevoli mill-EUIPO għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, kif sostna dan tal-aħħar.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 41(1) tal-Karta u tar‑Regolament Nru 216/96

26      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni ksur tad-dritt tagħha li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali fis-sens tal-Artikolu 41(1) tal‑Karta, u ksur tar-Regolament Nru 216/96. Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tqajjem ukoll eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l‑Artikolu 1 quinquies tar-Regolament Nru 216/96.

27      Il-Qorti Ġenerali tqis li għandha tibda billi teżamina din l-eċċezzjoni ta’ illegalità.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità

28      Preliminarjament, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa u tikkonstata kunflitt bejn l-Artikolu 1 quinquies tar-Regolament Nru 216/96 u l‑Artikolu 41 tal-Karta. Din it-talba, espressa fil-punti 19 u 20 tar-rikorsi, tinsab ukoll fit-tielet kap tat-talbiet tar-rikorrenti.

29      L-EUIPO jsostni, essenzjalment, li din it-talba tar-rikorrenti hija inammissibbli, għaliex il-Qorti Ġenerali ma kinitx kompetenti f’dan il‑qasam, iżda hija l-Qorti tal-Ġustizzja biss li għandha l-kompetenza.

30      Preliminarjament, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 61(2) tar‑Regolament Nru 6/2002, kawża quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d‑deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell għandha “titressaq għal raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, il-ksur ta’ ħtieġa proċedurali essenzjali, il‑ksur tat-Trattat, ta’ dan ir-Regolament jew kull regola oħra li jkollha x’taqsam ma l-applikazzjoni tagħha jew l-użu ħażin tal-poter”. F’dan il‑każ, mir-rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti jirriżulta li din tal-aħħar tikkritika lill-Bord tal-Appell li applikat leġiżlazzjoni li hija illegali, għaliex hija inkompatibbli mal-Karta, li skont l-Artikolu 6(1) TUE għandha l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati. B’hekk, mingħajr ma rreferiet speċifikament għall-Artikolu 277 TFUE, ir-rikorrenti qajmet eċċezzjoni ta’ illegalità fis-sens tal-imsemmi artikolu, billi talbet lill‑Qorti Ġenerali tiddikjara l-Artikolu 1 quinquies tar-Regolament Nru 216/96 inapplikabbli għal din il-kawża (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is‑sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Kik vs UASI, T‑120/99, EU:T:2001:189, punt 20).

31      Skont l-Artikolu 277 TFUE, l-inapplikabbiltà ta’ att ta’ portata ġenerali adottat minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni Ewropea tista’ tiġi invokata, abbażi tal-motivi previsti fit-tieni paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inkluż il-ksur tat-Trattat. Skont ġurisprudenza stabbilita, l‑imsemmi Artikolu 277 TFUE huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiżgura d‑dritt ta’ kull parti li tikkontesta, bil-għan li tikseb l‑annullament ta’ deċiżjoni li direttament u individwalment tikkonċernaha, il-validità ta’ atti istituzzjonali preċedenti, li jikkostitwixxu l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, jekk din il-parti ma kellhiex id-dritt li tippreżenta, skont l‑Artikolu 263 TFUE, rikors dirett kontra dawn l-atti, li hija għalhekk tbati l-konsegwenzi mingħajr ma tkun f’pożizzjoni li titlob l-annullament tagħhom (sentenza tas-6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il‑Kummissjoni, 92/78, EU:C:1979:53, punt 39). Konsegwentement, il-fatt li r-Regolament Nru 6/2002 ma jsemmix espressament l-eċċezzjoni ta’ illegalità bħala rimedju ta’ dritt inċidentali li l-partijiet fil-kawża jistgħu jużaw quddiem il-Qorti Ġenerali meta jitolbu l-annullament jew ir-riforma ta’ deċiżjoni tal-Bord tal‑Appell tal-EUIPO ma jipprekludix lil dawn il-partijiet fil-kawża milli jqajmu tali eċċezzjoni fil-kuntest ta’ tali rikors. Dan id-dritt jirriżulta mill-prinċipju ġenerali msemmi hawn fuq (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Kik vs UASI, T‑120/99, EU:T:2001:189, punt 21).

32      Hemm lok li jiġi osservat li l-argument tal-EUIPO li hija biss il-Qorti tal‑Ġustizzja li hija kompetenti sabiex tiddikjara atti kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni jirriżulta fir-realtà minn konfużjoni mal-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda t-talbiet għal deċiżjoni preliminari fl-evalwazzjoni ta’ validità fis-sens tat-tieni paragrafu tal‑Artikolu 267 TFUE. Issa, dan il-każ ma jirrigwardax domanda magħmula minn qorti ta’ Stat Membru f’kawża nazzjonali.

33      Għalhekk, l-argument tal-EUIPO li din it-talba tar-rikorrenti hija inammissibbli għandu jiġi miċħud.

34      Fuq il-mertu, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 1 quinquies tar-Regolament Nru 216/96, inkwantu ma jipprevedix l-obbligu li tinbidel il‑kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell meta r-rikors ikun irrinvijat lura, wara annullament ta’ deċiżjoni, lill-Bord li jkun iddeċieda preċedentement, jikser l-obbligu ta’ imparzjalità fis-sens tal‑Artikolu 41(1) tal-Karta.

35      L-Artikolu 41 tal-Karta dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba jipprevedi li “kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill‑istituzzjonijiet, il-korpi u l‑organi ta’ l-Unjoni”.

36      L-Artikolu 1 quinquies tar-Regolament Nru 216/96, kif emendat, jipprevedi dan li ġej:

“1. Jekk, […], il-miżuri li jwasslu għat-twettiq ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal‑Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea] li tħassar id-deċiżjoni, jew parti minnha, tal-Bord ta’ Appell jew tal-Bord Superjuri, jinkludu eżaminazzjoni mill-ġdid, minn naħa tal-Bordijiet ta’ Appell, tal-każ li għalih tkun ittieħdet id-deċiżjoni, il-Presidju jiddeċiedi jekk il-każ ikunx rinvijat lill-bord li jkun ħa din id-deċiżjoni, lil bord ieħor jew lill-Bord Superjuri.

2. Meta każ ikun rinvijat lil bord ieħor, dan hu magħmul b’tali mod li ma jinkludi l-ebda membru li jkun ħa sehem fid-deċiżjoni involuta. Din l-aħħar dispożizzjoni ma tgħoddx jekk il-każ ikun rinvijat quddiem il-Bord Superjuri.”

37      Minn dan il-kliem ma jirriżultax li, meta każ huwa rrinvijat lill-Bord tal‑Appell li preċedentement ikun ħa d-deċiżjoni annullata, hemm obbligu għall-Presidju li joħloq Bord tal-Appell b’tali mod li ma jinkludi l-ebda membru li jkun ħa sehem fid-deċiżjoni preċedenti.

38      Għandu jitfakkar li l-proċedura quddiem il-Bordijiet tal-Appell tal‑EUIPO ma għandiex natura ġudizzjarja iżda natura amministrattiva [ara s-sentenza tal-20 ta’ April 2005, Krüger vs UASI – Calpis (CALPICO), T‑273/02, EU:T:2005:134, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata].

39      Issa, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li ebda regola ta’ dritt u l-ebda prinċipju ma jipprekludi li amministrazzjoni tafda f’idejn l-istess uffiċjali l-eżami mill-ġdid ta’ kawża li tkun saret sabiex tiġi eżegwita sentenza li tannulla deċiżjoni, u li ma jistax jiġi stabbilit bħala prinċipju ġenerali li jirriżulta mill-obbligu ta’ imparzjalità li istanza amministrattiva jew ġudizzjarja għandha l-obbligu li tirrinvija l-kawża lil awtorità oħra jew korp ieħor ikkostitwit minn din l-awtorità (ara, f’dan is-sens, fir‑rigward tal-eżami ta’ sitwazzjoni minn istanza amministrattiva, is‑sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑351/03, EU:T:2007:212, punti 185 sa 188 u l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB iċċitata, u fir-rigward tal-kompożizzjoni ta’ awtorità ġudizzjarja, is‑sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punti 51 sa 60 u l‑ġurisprudenza tal-Qorti EDB iċċitata).

40      Għalhekk, hemm lok li jiġi konkluż li r-rinviju mill-Presidju, skont l‑Artikolu 1 quinquies tar-Regolament Nru 216/96, ta’ każ wara annullament lill-istess Bord tal-Appell li kien iddeċieda preċedentement, mingħajr obbligu li dan il-Bord tal-Appell jiġi kompost b’mod differenti, ma jiksirx l-obbligu ta’ imparzjalità tal-amministrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 41(1) tal-Karta.

41      Għalhekk, hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ illegalità kif ukoll, konsegwentement, it-tielet kap tat-talbiet tar-rikorrenti.

 Fuq il-ksur tar-Regolament Nru 216/96 u tal-obbligu ta’ imparzjalità tal‑Bord tal-Appell

42      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni wkoll ksur tad-dritt tagħha li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali fis-sens tal-Artikolu 41(1) tal-Karta u, impliċitament, ksur tar-Regolament Nru 216/96. Hija ssostni, fl-ewwel lok, li l-każijiet ġew irrinvijati lill-istess Bord tal-Appell, li kien fih b’mod partikolari wieħed mill-membri tal‑Bord tal-Appell li kien adotta d-deċiżjonijiet annullati mill-Qorti Ġenerali, it-tieni nett, li dawn il-każijiet kellhom jiġu rrinvijati lil Bord Superjuri kif kienu jippermettu r-regoli tal-EUIPO u, it-tielet nett, li l‑Bord tal-Appell kien nieqes, tal-inqas, minn imparzjalità suġġettiva.

43      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dan l-argument. Fir-rigward tar‑rinviju tal-każijiet lill-Bord tal-Appell li kien adotta d-deċiżjonijiet annullati, l-EUIPO jenfasizza, qabel xejn, li tali rinviju huwa possibbli bl-Artikolu 1 quinquies tar-Regolament Nru 216/96, sussegwentement, li r‑rikorrenti ma kinitx ikkontestat quddiem l-EUIPO l-assenjazzjoni mill‑ġdid tal-każijiet lill-istess Bord tal-Appell u, finalment, huwa biss meta l-każ jiġi rrinvijat lil Bord ta’ Appell ieħor li dan ikun kompost b’tali mod li ma jinkludi l-ebda membru li kien ħa sehem fid-deċiżjoni annullata. Fir-rigward tal-opportunità li jiġi maħtur Bord Superjuri wara l‑annullament deċiż mill-Qorti Ġenerali, l-EUIPO ssostni li l‑kundizzjonijiet previsti f’dan ir-rigward fl‑Artikolu 1 ter (1) u (2) ma kinux issodisfatti f’dan il-każ.

44      L-ewwel nett, għandha tiġi miċħuda l-kritika dwar il-fatt li l-każijiet ġew irrinvijati mill-Presidju lill-istess Bord tal-Appell, li kien fih wieħed mill‑membri tal-Bord tal-Appell li kien adotta d-deċiżjonijiet annullati mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, kif kien ġie rrilevat fil-punti 36 u 37 hawn fuq, peress li l-Presidju ddeċieda li jirrinvija l-każijiet lill-istess Bord tal-Appell, ma kien hemm ebda obbligu, skont ir-Regolament Nru 216/96, li jikkomponi dan il-Bord tal-Appell b’mod differenti. Barra minn hekk, mill-punti 38 sa 40 hawn fuq ma jirriżulta l-ebda ksur tal-obbligu ta’ imparzjalità fis-sens tal-Artikolu 41(1) tal-Karta mis-sempliċi fatt li l‑każijiet ġew irrinvijati lil entità kkostitwita parzjalment minn uffiċjali li kienu diġà eżaminawha.

45      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument li l-Presidju messu rrinvija l-każijiet lill-Bord Superjuri, hemm lok li jitfakkar liema huma l-motivi li, fir‑rigward tar-Regolament Nru 216/96, jiġġustifikaw ir-rinviju mill‑Presidju lill-Bord Superjuri.

46      Skont l-Artikolu 1 ter (3) tar-Regolament Nru 216/96, “[i]l‑Presidju, fuq proposta tal-president tal-Bordijiet ta’ Appell magħmula fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta’ membru tal‑Presidju, jista’ jirrinvija quddiem il-Bord Superjuri każ li dwaru bord ikun iddeċieda jekk iqis li d-diffikultà ġuridika, l-importanza tal-każ jew iċ-ċirkostanzi partikolari jiġġustifikaw dan l-att, b’mod partikolari meta l-Bordijiet ta’ Appell ikunu ħadu deċiżjonijiet differenti dwar kwistjoni ġuridika imqajma minn dan il-każ”. Il-paragrafu 1 tal-istess artikolu jipprevedi li Bord tal-Appell jista’ jirrinvija każ li minnu huwa adit lill‑Bord Superjuri skont l-istess kriterji.

47      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward termini konġunti tal-Artikolu 1 ter (3) u tal-Artikolu 1 quinquies (1) tar-Regolament Nru 216/96, ir-rinviju lill-Bord Superjuri hija għażla li tħalliet għall‑evalwazzjoni ħielsa tal-Presidju u li, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma ressqet l-ebda prova li tista’ tistabbilixxi li, f’dan il-każ, il‑kundizzjonijiet previsti kemm fl-Artikolu 1 ter (3) u kemm fl-Artikolu 1 ter (1) tal-imsemmi regolament, li jiġġustifikaw ir-rinviju lill-Bord Superjuri kienu ġew issodisfatti. Hija tillimita ruħha sabiex tenfasizza l-“importanza tad-deċiżjoni fir-rigward tal‑osservazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali” u l-“livell ta’ kontenżjuz fil‑qasam”, mingħajr ma tagħti iktar spjegazzjonijiet dwar l-allegata importanza tal-kawża. Il-fatt li s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2012 (T‑83/11 u T‑84/11, EU:T:2012:592) annullat id-deċiżjonijiet tat-2 ta’ Novembru 2010 minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni fuq punt ta’ motivazzjoni relatat mas-saturazzjoni tal-eċċellenza ma jindikax diffikultà ġuridika, l-importanza tal-każ jew ċirkustanza partikolari li tiġġustifika rinviju lill-Bord Superjuri. Konsegwentement, mingħajr il‑bżonn li jkun eżaminat jekk l-irregolarità allegata hijiex ta’ natura li tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ma kien hemm l-ebda motiv, f’dan il-każ, fi kwalunkwe każ, li jiġġustifika rinviju tal‑każijiet quddiem il-Bord Superjuri.

48      It-tielet nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq allegat nuqqas ta’ imparzjalità suġġettiva tal-Bord tal-Appell, għandu jiġi kkonstatat li r‑rikorrenti ma sostniet l-ebda argument dwar xi parzjalità personali ta’ wieħed jew iktar mill-membri tal-Bord tal-Appell.

49      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6 u tal-Artikolu 61(6) tar-Regolament Nru 6/2002

50      Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti tixtieq turi li l-Bord ta’ Appell wettaq żbalji ta’ evalwazzjoni tal-provi relatati mas‑saturazzjoni tal-eċċellenza u, għalhekk, tal-karattru individwali tad‑disinni kkontestati fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002. B’dan il-mod, il-Bord tal-Appell naqas mill-obbligu tiegħu li “jieħu l-passi meħtieġa sabiex jikkonforma” mas-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2012 (T‑83/11 u T‑84/11, EU:T:2012:592), skont l‑Artikolu 61(6) tal-imsemmi regolament.

51      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dan l-argument.

52      Mill-kliem tal-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li l-karattru individwali għandu jiġi evalwat, fil-każ ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, skont l-impressjoni globali prodotta fuq l-utent informat. L‑impressjoni globali prodotta fuq l-utent informat għandha tkun differenti minn dik prodotta minn kull disinn żvelat lill-pubbliku qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba għal prijorità, qabel id-data ta’ prijorità. L-Artikolu 6(2) tar‑Regolament Nru 6/2002 jippreċiża li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad tal‑libertà tal-awtur fl-iżvilupp ta’ dan id-disinn.

53      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, il-karattru individwali ta’ disinn jirriżulta minn impressjoni globali ta’ differenza jew ta’ assenza ta’ “déjà vu”, mill-perspettiva tal-utent informat, meta mqabbla ma’ kull preċedent fi ħdan il-patrimonju ta’ disinni, mingħajr ma jiġu kkunsidrati differenzi li, minkejja li ma humiex sempliċement dettalji irrilevanti, ma humiex sinjifikattivi biżżejjed sabiex jaffettwaw l-imsemmija impressjoni globali, iżda jieħu inkunsiderazzjoni differenzi suffiċjentement sinjifikattivi sabiex joħolqu impressjonijiet ġenerali li ma jixxiebhux [ara s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Budziewska vs UASI – Puma SE (Felin jaqbeż), T‑666/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:584, punt 29 u l‑ġurisprudenza ċċitata].

54      Waqt l-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn meta mqabbel ma’ kull preċedent fi ħdan il-patrimonju tad-disinni, għandha tiġi kkunsidrata n-natura tal-prodott li għalih japplika d-disinn jew li fih dan huwa inkorporat u, b’mod partikolari, tas-settur industrijali li fih jaqa’ (premessa 14 tar-Regolament Nru 6/2002), il-grad ta’ libertà tal-awtur fl-iżvilupp ta’ dan id-disinn, eventwali saturazzjoni tal-eċċellenza, li tista’ tkun tali li tagħmel lill-utent informat iktar sensittiv għad-differenzi bejn id-disinni pparagunati, kif ukoll il-mod li bih il-prodott inkwistjoni huwa użat, b’mod partikolari skont il-bidliet li huwa normalment ikollu f’din l-okkażjoni (ara s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Felin jaqbeż, T‑666/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:584, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Is-saturazzjoni tal-eċċellenza, jekk ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala li tillimita l-libertà tal-awtur, tista’ tkun ta’ natura, jekk iseħħ, sabiex tagħmel lill-utent iktar sensittiv għad-differenzi ta’ dettall ta’ disinni kunfliġġenti. Konsegwentement, minħabba saturazzjoni tal-eċċellenza, disinn jista’ jkollu karattru individwali minħabba karatteristiċi li, fl-assenza ta’ tali saturazzjoni, ma jistgħux jagħtu lok għal differenza ta’ impressjoni globali fuq l-utent informat [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Marzu 2014, Tubes Radiatori vs UASI – Antrax It (Radjatur), T‑315/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:115, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-29 ta’ Ottubru 2015, Roca Sanitario vs UASI – Villeroy & Boch (Vit b’liver wieħed), T‑334/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:817, punt 83].

56      Waqt l-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn, għandha tiġi kkunsidrata wkoll il-perspettiva tal-utent informat. Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-utent informat huwa persuna li għandha viġilanza partikolari u li tiddisponi minn ċerta konoxxenza tal-eċċellenza preċedenti, jiġifieri tal-patrimonju tad-disinni li jirrigwardaw il‑prodott inkwistjoni li ġew żvelati fid-data tal-preżentata tad-disinn ikkontestat jew, jekk ikun il-każ, fid-data ta’ prijorità mitluba [sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2010, Grupo Promer Mon Graphic vs UASI – PepsiCo (Rappreżentazzjoni ta’ oġġetti promozzjonali ċirkulari), T‑9/07, EU:T:2010:96, punt 62; tad-9 ta’ Settembru 2011, Kwang Yang Motor vs UASI – Honda Giken Kogyo (Magna b’kombustjoni interna), T‑11/08, mhux ippubblikata, EU:T:2011:447, punt 23, u tas-6 ta’ Ġunju 2013, Kastenholz vs UASI – Qwatchme (Uċuħ tal-arloġġi), T‑68/11, EU:T:2013:298, punt 57].

57      F’dan il-każ, l-utent informat ġie ddefinit mill-Bord tal-Appell bħala dak li jixtri radjaturi ta’ tisħin sabiex jinstallahom fid-dar tiegħu u li, mingħajr ma jkun espert fid-disinn industrijali kif ikun perit jew interior designer, jaf x’joffri s-suq, tendenzi, moda u karatteristiċi bażiċi tal-prodotti. Il‑Bord tal-Appell kkunsidra, korrettament, li din id-definizzjoni ġiet ikkonfermata fil-punti 41 u 42 tas-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2012 (T‑83/11 u T‑84/11, EU:T:2012:592). Qabel xejn, din id-definizzjoni ma hijiex ikkontestata mill-partijiet.

58      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, minħabba li ma kien hemm l-ebda limitazzjoni teknika jew regolamentari partikolari, l-awtur seta’ jagħżel minn sensiela wiesa’ ta’ forom differenti għat-taqsima tat‑tubi u għall-mudell tal-kolletturi. Il-Bord tal-Appell ikkunsidra wkoll, korrettament, li l-evalwazzjoni li l-grad ta’ libertà tal-awtur f’dan il-każ ma kienx limitat, kien ġie ikkonfermat fil-punti 46 sa 52 tas-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2012 (T‑83/11 u T‑84/11, EU:T:2012:592).

59      Insostenn tat-tieni motiv tagħha, ibbażat fuq żbalji mwettqa mill-Bord tal-Appell fl-evalwazzjoni tal-provi relatati mas-saturazzjoni tal‑eċċellenza, ir-rikorrenti tqajjem essenzjalment, żewġ ilmenti. Permezz tal-ewwel ilment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball fir-rigward tal-mument tal-evalwazzjoni tas‑saturazzjoni tal-eċċellenza, billi poġġiha fid-data tal-għoti tad‑deċiżjonijiet ikkontestati, jiġifieri f’Ottubru 2014, filwaqt li dan kellu jiġi evalwat fil-mument tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tad-disinni kkontestati, jiġifieri f’Settembru 2006. Il-Bord tal-Appell għalhekk ikkunsidra b’mod żbaljat li l-provi tas-saturazzjoni tal-eċċellenza mogħtija mir-rikorrenti fl-anness tal-osservazzjonijiet tagħha tat-12 ta’ Marzu 2014, li kienu jirreferu għall-perijodu ta’ reġistrazzjoni (bejn l-2004 u l-2006) ma kinux “attwali”. Dan l-iżball jintwera wkoll bl-użu tat-temp fil-preżent fid-deċiżjonijiet ikkontestati kif ukoll mid-diversi riferimenti għas-sitwazzjoni “attwali” tas-settur ta’ referenza.

60      L-EUIPO jikkontesta l-fatt li l-analiżi tal-karattru ssaturat tas-settur saret fid-data tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Barra minn hekk, huwa jikkunsidra li, anki f’dan il-każ, sa fejn il-miżura jew il-provi prodotti kienu insuffiċjenti sabiex juru s-saturazzjoni tas-settur fid-data tad-deċiżjonijiet ikkontestati, dawn kienu a fortiori insuffiċjenti wkoll sabiex juru s‑saturazzjoni tal-eċċellenza fil-mument tal-preżentata tal‑applikazzjoni għal reġistrazzjoni tad-disinni kkontestati, fid-dawl tal‑fatt li huwa illoġiku li jiġi kkunsidrat li settur preċedentement issaturat sussegwentement ma baqax.

61      Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, fid-dawl b’mod partikolari tas-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2012 (T‑83/11 u T‑84/11, EU:T:2012:592), il‑kunċett ta’ saturazzjoni fis-settur ta’ referenza ma setax f’dan il-każ la jiġi allegat u lanqas jiġi stabbilit a priori u b’mod sommarju, kif ġieli kien il-każ qabel. Huwa kkunsidra li, fid-dawl tal-importanza u tar-rilevanza tal-prinċipju ġuridiku tasaturazzjoni tal-eċċellenza, u sabiex jistabbilixxi l-karattru individwali ta’ disinn partikolari, kien neċessarju, għall-parti li kienet tinvokah, jiġifieri r-rikorrenti, li tipproduċi provi suffiċjentement ċari, preċiżi u koerenti. Fil-punt 41 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, huwa żied li dawn il-provi għandhom ukoll ikunu “attwali”. Għal dan il-għan, huwa fakkar li stabbilixxa terminu ġdid għall-partijiet sabiex jippreżentaw l-argumenti u l-provi tagħhom dwar dan il-punt. Huwa kkunsidra li, b’mod partikolari, id-dokumenti ppreżentati mir‑rikorrenti bħala anness mal-osservazzjonijiet tagħhom tat-12 ta’ Marzu 2014, jiġifieri l-estratti ta’ wieħed mill-katalogi tagħhom, l-estratti ta’ katalogu tal-intervenjenti, l-estratti minn ħames katalogi ta’ impriżi oħra tas-settur (Tubes, Tubor, The Radiator Company, Metalform u Rondra) u stampa li turi radjatur immanifatturat skont wieħed mid‑disinni kkontestati u wieħed mid-disinni preċedenti, ma kinux eżawrjenti, inkwantu l-estratti tal-katalogi kienu juru biss xi mudelli ta’ radjaturi ta’ tisħin proposti minn ħames produtturi biss, mingħajr ma ġiet ippreżentata s-sensiela kollha tal-prodotti proposti minn dawn il‑produtturi jew minn oħrajn. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell innota l-kwalità ħażina ferm ta’ ċerti stampi ta’ radjaturi tant li sab ruħu f’diffikultà sabiex jevalwa korrettament il-linji u l-kontorni tagħhom, u ddeplora l-fatt li l‑istampi kienu estratti ta’ katalogi u mhux ta’ reġistrazzjonijiet ta’ disinni. Finalment, il-Bord tal-Appell enfasizza, fil‑punt 46 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li l-katalogi inkwistjoni ma kinux datati u, fejn kienu, kienu jikkorrispondu għas-snin 2004 u 2006. Il-Bord ta’ Appell żied li l-prova ta’ grad għoli ta’ densità fis-settur ta’ referenza kellu jikkonsisti f’mezzi ta’ provi iktar koerenti u preċiżi bħal, pereżempju, katalogi oħra u provi dokumentarji li jittrattaw prodotti proposti minn numru kbir ta’ impriżi kompetituri, dikjarazzjonijiet ta’ esperti tas-settur, dikjarazzjonijiet li jirriżultaw minn assoċjazzjonijiet ta’ produtturi u ta’ konsumaturi, ta’ katalogi u ta’ listi ta’ prezzijiet ta’ distributuri kbar li joperaw fis-settur ta’ referenza u, finalment, ta’ inkjesti u studji ta’ settur li saru minn kumpanniji terzi. Il‑Bord tal-Appell ikkonkluda li d-dokumentazzjoni kollha prodotta ma kinitx suffiċjenti sabiex tistabbilixxi l-grad ta’ saturazzjoni tal-eċċellenza u, iktar minn hekk, sabiex tivverifika l-veraċità tad-dikjarazzjoni tar‑rikorrenti li s-settur ta’ referenza kien issaturat. Il-Bord tal-Appell żied li ċerti disinni rrappreżentati fil-provi prodotti kienu differenti anki viżwalment minn eżempji oħra mogħtija mir-rikorrenti.

62      Dwar id-deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO, rilevanti fir-rigward tal‑eżistenza ta’ saturazzjoni tas-settur inkwistjoni, fosthom, b’mod partikolari, id-deċiżjoni tas-17 ta’ April 2008 (Każ R 976/2007‑3), li fiha l-istess Bord tal-Appell kien semma l-fatt li peress li s-settur ta’ radjaturi ta’ tisħin (radiatori per riscaldamento) kien “magħruf” li huwa ssaturat, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, essenzjalment, li l-prattika deċiżjonali preċedenti tiegħu ma kinitx indikazzjoni suffiċjenti li din kienet ikkorroborata minn dokumentazzjoni li tirrappreżenta, mingħajr ekwivoku, “l-istat attwali tal-fatti”, li ma kienx il-każ f’dan il-każ.

63      Qabel xejn, mill-ġurisprudenza jirriżulta li huwa fid-data tal‑preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tad-disinn li għandu, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 6/2002, jiġi eżaminat il-karattru individwali tad-disinn ikkontestat u tiġi stabbilita l-eventwali eżistenza ta’ saturazzjoni tal-eċċellenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, Vit b’liver wieħed, T‑334/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:817, punt 87). Barra minn hekk, dan ma huwiex ikkontestat mill-EUIPO.

64      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell wettaq żball fir-rigward tad-data ta’ evalwazzjoni tal-eventwali eżistenza ta’ saturazzjoni tal-eċċellenza, kif sostniet ir-rikorrenti. Il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 46 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li fejn kienu datati, il-katalogi prodotti mir-rikorrenti “kienu jikkorrispondu għas-snin 2004 u 2006” (il-verżjoni Taljana tad-deċiżjonijiet ikkontestati taqra kif ġej: “Infine, occorre anche sottolineare che i cataloghi in questione sono non datati, o che quando presentano data, essi corrispondono agli anni 2004 e 2006”), li jindika li dawn is-snin ma kinux rilevanti għall-evalwazzjoni tiegħu tal-eżistenza ta’ saturazzjoni tal-eċċellenza. Issa, il-katalogu tal‑2006, tal-inqas, jikkorrispondi għas-sena ta’ reġistrazzjoni tad-disinni kkontestati u kien għalhekk rilevanti sabiex tiġi evalwata s-saturazzjoni tal-eċċellenza. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi enfasizzat li, fil-punt 41 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell iddikjara li “fid-dawl tan‑natura kruċjali ta’ dan il-fattur [jiġifieri s-saturazzjoni tal‑eċċellenza], ma setax ikun preżunt u kellu jiġi evalwat fid-dawl ta’ numru ta’ provi ċari, preċiżi, koerenti u attwali”, li jindika b’hekk li huwa analizza s‑saturazzjoni tal-eċċellenza fil-mument tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Dawn huwa kkorroborat mill-punt 49 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, fejn il-Bord tal-Appell indika dan li ġej:

“[i]d-deċiżjonijiet [tal-2007 u tal-2008] meħuda preċedentement mill-[EUIPO] dwar is-saturazzjoni tas-settur ta’ referenza, u invokati mill-proprjetarju, ma jikkostitwixxux indikazzjoni suffiċjenti jekk ma jkunux ikkorrobarati minn dokumentazzjoni li tirrappreżenta, mingħajr ekwivoku, l-istat attwali tal-fatti […]”.

65      L-espressjoni “stat attwali tal-fatti” ma tistax, f’dan il-kuntest, tirreferi għall-2006.

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok għalhekk li jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell evalwa s-saturazzjoni tal-eċċellenza f’data żbaljata. Kuntrarjament għal dak li jallega l-EUIPO, id-diversi referenzi għall-istat attwali tal-fatti msemmija fil-punt 64 hawn fuq, il-fatt li l‑katalogi tal-2004 u tal-2006 ma kinux ikkunsidrati bħala li jirreferu għall‑perijodu korrett, kif ukoll l-użu tal-preżent fil-punti rilevanti tad‑deċiżjonijiet ikkontestati, huma provi li, flimkien, huma suffiċjenti, f’dan il-każ, sabiex juru tali żball.

67      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tal-EUIPO li, essenzjalment, sa fejn il-Bord tal-Appell ikkunsidra li s-settur ma kienx issaturat fid-data tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ma setax kien issaturat tmien snin qabel, għaliex huwa illoġiku li jiġi kkunsidrat li settur issaturat preċedentement sussegwentement ma baqax. L-ewwel nett, huwa żbaljat li jiġi ddikjarat li l-Bord tal-Appell ikkunsidra, fid-deċiżjonijiet kkontestati, li s-settur ta’ referenza ma kienx issaturat fil-mument tad‑deċiżjonijiet ikkontestati. Huwa sempliċement ikkunsidra li s‑saturazzjoni tal-eċċellenza ma ġietx murija b’mod suffiċjenti fid-dritt, fid-data tad-deċiżjonijiet ikkontestati. It-tieni nett, dan l-argument jitqies bħala sempliċi dikjarazzjoni mhux sostnuta, peress li l-EUIPO ma weriex għaliex is-saturazzjoni tal-eċċellenza ma setgħetx tvarja fuq perijodu twil ta’ tmien snin.

68      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-iżball imwettaq mill-Bord tal‑Appell ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

69      Fil-fatt, minkejja li kkunsidra b’mod żbaljat li l-katalogi tal-2004 u tal-2006 ma kinux jirreferu għas-snin rilevanti għall-evalwazzjoni tiegħu, il-Bord tal-Appell xorta ħa l-iżbriga li jeżaminahom u kkonkluda li ma kinux biżżejjed sabiex jistabbilixxu saturazzjoni tal-eċċellenza, abbażi ta’ elementi oħra ta’ mertu. Huwa b’hekk innota, fil-punt 40 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li l-estratti tal-katalogi tal-2004 (Tubor) u tal-2006 (The Radiator Company) ma kinux suffiċjenti bħala numru ta’ mudelli ppreżentati u ma kinux jirrappreżentaw is-sensiela kollha tal-prodotti proposti minn dawn il-produtturi (żewġ mudelli fil-katalogu Tubor, tliet mudelli f’dak ta’ The Radiator Company) u li l-istampi tal-katalogu tal‑2006 ta’ The Radiator Company (mudelli Volcano u Volcano Verticale) ma kinux ta’ kwalità tajba. Barra minn hekk, il-konstatazzjoni ta’ fatt tiegħu li l-estratti ta’ katalogi proposti kienu jikkonċernaw biss ħames produtturi kienet tieħu inkunsiderazzjoni l-katalogi tal-2004 u tal‑2006. Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-provi kellhom ikunu iktar koerenti u preċiżi bħal, pereżempju, katalogi u provi oħra dokumentarji li jittrattaw il-prodotti proposti minn numru ikbar ta’ impriżi kompetituri, dikjarazzjonijiet ta’ esperti tas-settur, dikjarazzjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ produtturi u ta’ konsumaturi, katalogi u listi ta’ prezzijiet ta’ distributuri kbar li joperaw fis-settur ta’ referenza u, finalment, inkjesti u studji tas-settur li saru minn kumpanniji terzi, iżda li r-rikorrenti ma kinitx ippreżentat ħlief xi stampi mill-ħames katalogi ta’ impriżi li jipproduċu radjaturi. Barra minn hekk, fil-punt 44 tad‑deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell enfasizza li ċerti disinni ta’ katalogi kienu differenti viżwalment minn eżempji oħra prodotti, b’mod partikolari uħud li jidhru fil-katalogu tal-2006 ta’ The Radiator Company, u li jindika b’hekk li dawn l-eżempji ma kinux rilevanti sabiex juru l-eżistenza ta’ mudelli li jixbhu ħafna lil dawk inkwistjoni u, għalhekk, saturazzjoni tal-eċċellenza. Dawn il-kunsiderazzjonijiet, li jirrigwardaw l-insuffiċjenza tan-numru u l-assenza ta’ rilevanza tal-provi, huma validi anki għaliex jikkonċernaw evalwazzjoni tas-saturazzjoni tal‑eċċellenza fid-data tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tad-disinni kkontestati.

70      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat, b’mod definittiv, li l-Bord tal‑Appell, korrettament ikkunsidra li l-provi relatati mal-perijodu rilevanti ta’ evalwazzjoni tas-saturazzjoni tal-eċċellenza (b’mod partikolari il-provi tal-2006) ma kinux suffiċjenti fin-numru, fil-kwalità u fir-rilevanza.

71      Għaldaqstant, l-ewwel ilment ma għandux jintlaqa’.

72      Permezz tat-tieni ilment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell naqas milli jikkunsidra provi relatati mas-saturazzjoni tas-suq diġà ppreżentati minnha fil-kuntest tal-proċeduri preċedenti quddiem l‑EUIPO li wasslu għad-deċiżjonijiet tat-2 ta’ Novembru 2010.

73      L-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li, wara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2012 (T‑83/11 u T‑84/11, EU:T:2012:592), l-Imħallef Relatur stieden lill-partijiet sabiex jissottomettu l-provi u l-osservazzjonijiet kollha li kienu jixtiequ dwar il-kwistjoni tas-saturazzjoni tal-eċċellenza. Ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet u provi dwar din il-kwistjoni fit‑12 ta’ Marzu 2014. Dawn il-provi, annessi mal-osservazzjonijiet tat‑12 ta’ Marzu 2014 tar-rikorrenti, huma elenkati kif suppost fil-punt 39 tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Il-Bord tal-Appell semma wkoll il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-EUIPO fuq dan il-punt, fil-punti 48 sa 51 tad‑deċiżjonijiet ikkontestati.

74      Hemm lok li jiġi nnotat li d-dokumenti espressament imsemmija fid‑deċiżjonijiet ikkontestati ma humiex l-uniċi li l-Bord tal-Appell eżamina, inkwantu l-punt 39 tad-deċiżjonijiet ikkontestati jibda bi: “[b]’mod partikolari”, espressjoni li tenfasizza li l-lista segwenti tad-dokumenti relatati mas-saturazzjoni tal-eċċellenza pprovduti mir-rikorrenti ma kinitx intiża sabiex tkun eżawrjenti, u li l‑analiżi tal-Bord tal-Appell saret abbażi ta’ sett ikbar ta’ dokumenti. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat, li l-Bord tal-Appell ma huwiex obbligat li fir-raġunament tiegħu jindirizza b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed l-argumenti magħmula mill-partijiet quddiemu, peress li l-motivazzjoni tista’ tkun impliċita bil-kundizzjoni li permezz tagħha l‑persuni kkonċernati jkunu jistgħu jifhmu r-raġunijiet għaliex ġiet adottata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u l-qorti kompetenti jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti biex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha [ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2008, Reber vs UASI – Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (Mozart), T‑304/06, EU:T:2008:268, punt 55 l-ġurisprudenza ċċitata].

75      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-provi kollha tas-saturazzjoni tal‑eċċellenza ppreżentati mir-rikorrenti ġew ikkunsidrati bħala insuffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li kienet teżisti saturazzjoni tal‑eċċellenza fis-settur ikkonċernat, kif jirriżulta mill-punt 41 tad‑deċiżjonijiet ikkontestati.

76      It-tielet nett, fir-rigward tad-dokumenti annessi mal-osservazzjonijiet tar‑rikorrenti tat‑3 ta’ Settembru 2008, jiġifieri r-ritratti tar-radjaturi E.CO.TERM ta’ Cordivari, u ta’ Runtal, għandu jiġi kkonstatat li ma humiex tali li jibdlu l-konstatazzjoni ta’ insuffiċjenza ta’ provi li saret fid-deċiżjonijiet ikkontestati. Dawn kienu xi ritratti ta’ radjaturi, fuq tliet paġni biss. L-uniku ritratt li kien juri sitt radjaturi ta’ Cordivari mħallta (fuq kollox ftit viżibbli) kien datat fl-1997, jiġifieri disa’ snin qabel il‑mument li fih għandha tiġi evalwata s-saturazzjoni tal-eċċellenza, u kien jirrappreżenta radjaturi li erba’ minnhom ma kellhomx l-istess karatteristiċi ġenerali bħad-disinni inkwistjoni. Il-konstatazzjoni hija l‑istess fir-rigward tas-sitt ritratti ta’ radjaturi Runtal, peress li tnejn minnhom kienu ferm differenti minn dawk inkwistjoni. Barra minn hekk, dawn ir-ritratti ma humiex datati, jew aħjar, jekk ir-riferiment għal-lista tal-prezzijiet jiġi interpretat bħala data, fi kwalunkwe każ huma datati fl‑2000. Fir-rigward tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tas-6 ta’ Awwissu 2009, għandu jiġi kkonstatat li din tal-aħħar ma tressaq l-ebda argument li jista’ jistabbilixxi li l-eventwali provi inklużi fihom huma tali li juru saturazzjoni tal-eċċellenza. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li r‑rikorrenti ma turix li l-provi tas-saturazzjoni tal-eċċellenza ma ġewx eżaminati u li kienu suffiċjentement rilevanti u deċiżivi sabiex jibdlu l‑pożizzjoni tal-Bord tal-Appell.

77      Konsegwentement, it-tieni ilment għandu jiġi miċħud, u għalhekk, it-tieni motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tielet u r-raba’ motivi, magħmula b’mod sussidjarju u bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 6 u tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002, tal-prinċipji ta’ protezzjoni leġittima, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll il-ksur tal-Artikolu 6 u tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002, inkwantu jikkonċerna l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-EUIPO

78      Permezz tat-tielet u tar-raba’ motivi, magħmula b’mod sussidjarju, ir‑rikorrenti tilmenta, essenzjalment, quddiem il-Bord tal-Appell li abbanduna d-deċiżjoni preċedenti tiegħu tas-17 ta’ April 2008 (Każ R 976/2007‑3), ippreżentata bħala prova mir-rikorrenti, deċiżjoni li fiha l-Bord tal-Appell ikkonkluda dwar in-natura “magħrufa” tas-saturazzjoni tas-suq tar-radjaturi ta’ tisħin. Permezz tar-raba’ motiv tagħha, magħmul b’mod sussidjarju, ir-rikorrenti tikkritika l-motivazzjoni eċċessivament qasira, fil-punt 51 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ta’ din il-bidla.

79      L-EUIPO u l-intervenjent jikkontestaw dan l-argument.

80      F’dan il-każ, fil-punti 48 u 49 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal‑Appell ikkunsidra li, minkejja l-konklużjonijiet tad-Diviżjoni ta’ Kanċellament fid-deċiżjoni tat-12 ta’ April 2007, kif ukoll dawk tal-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni tas-17 ta’ April 2008 (Każ R 976/2007‑3), imsemmija mir-rikorrenti, id-dokumentazzjoni ppreżentata minn din tal‑aħħar ma setgħetx titqies bħala suffiċjenti sabiex turi li, f’dan l-istat, is-settur ta’ referenza kien tant issaturat li l-utent informat kien jagħti iktar attenzjoni għad-differenzi bejn id-disinni pparagunati. Il-Bord tal‑Appell ikkunsidra li d-deċiżjonijiet meħuda preċedentement mill‑EUIPO li kienu jikkonċernaw is-saturazzjoni tas-settur ta’ referenza ma kinux jikkostitwixxu indikazzjoni suffiċjenti jekk ma kinux ikkorroborati minn dokumentazzjoni li kienet tippreżenta, mingħajr ekwivoku, l-istat attwali tal-fatti, peress li dawn tal-aħħar ma setgħux ikunu s-suġġett ta’ xi preżunzjoni sa fejn is-saturazzjoni tal-eċċellenza ma setgħetx sempliċement tkun ibbażata fuq fatt magħruf. Fil-punt 50 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell enfasizza li, fid-dawl tal‑importanza tal-kunċett ta’ saturazzjoni tal-eċċellenza, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ dawn il-każijiet, kien assolutament meħtieġ li l‑proprjetarju jippreżenta sistema probatorja suffiċjentement ċara, preċiża u koerenti, u mhux xi stampa minn katalogi jew, bħal f’dan il-każ, sempliċi riferiment għal deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO jew tal‑Bordijiet tal-Appell. Fil‑punt 51 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell fakkar li l-leġittimità tad-deċiżjonijiet meħuda mill-EUIPO kellha tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament Nru 6/2002, kif interpretata mill-qorti tal-Unjoni, u mhux abbażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti tal-EUIPO. Il-Bord tal-Appell sussegwentement fakkar, barra minn hekk, li fid‑dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba, l-EUIPO kellu ċertament jikkunsidra d-deċiżjonijiet meħuda fuq applikazzjonijiet simili u jqis b’attenzjoni partikolari l-kwistjoni ta’ jekk kienx hemm lok jew le li jiddeċiedi bl-istess mod, iżda li l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji kellha, minkejja dan, tkun irrikonċiljata mal‑osservanza tal-prinċipju ta’ legalità. B’hekk, il-proprjetarju ta’ disinn ikkontestat ma setax jinvoka favurih kwalunkwe att illegali mwettaq favur persuni oħra sabiex jikseb deċiżjoni identika, peress li għandu jsir eżami rigoruż għal kull każ konkret.

81      Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, ir‑raba’ motiv ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

–       Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

82      Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 62 tar‑Regolament Nru 6/2002, id-deċiżjonijiet tal-EUIPO għandhom ikunu mmotivati. Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu l-istess portata bħal dak li jirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE, li jipprovdi li r-raġunament tal‑awtur tal-att għandu jidher b’mod ċar u mhux ekwivoku. Dan l‑obbligu għandu għan doppju: minn naħa, li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, li l-qorti tal-Unjoni tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni [ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Gucci vs UASI – Chang Qing Qing (GUDDY), T‑389/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:378, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata].

83      Fis-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2012 (T‑83/11 u T‑84/11, EU:T:2012:592), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Bord tal-Appell ma kien ta l-ebda motivazzjoni dwar l-argumenti tar-rikorrenti relatati mas‑saturazzjoni tal-eċċellenza, anki jekk sabiex jiċħadhom għaliex mhux ipprovati (sentenza tat-13 ta’ Novembru 2012, T‑83/11 u T‑84/11, EU:T:2012:592, punti 79, 87, 97 sa 99).

84      Wara din is-sentenza, ir-rikorrenti sostniet, quddiem il-Bord tal-Appell, b’mod partikolari fl-osservazzjonijiet tagħha tat-12 ta’ Marzu 2014, id‑deċiżjonijiet preċedenti tad-Diviżjoni ta’ Kanċellament tat-12 ta’ April 2007 u tat-Tielet Bord tal-Appell tas-17 ta’ April 2008, li jikkonstataw, rispettivament, is-saturazzjoni u l-karattru magħruf bħala ssaturat tas-settur tar-radjaturi.

85      Fid-dawl tal-punti 48 sa 51 tad-deċiżjonijiet ikkontestati mfakkra fil‑punt 80 hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, id-deċiżjonijiet ikkontestati huma suffiċjentement immotivati fir-rigward tar-raġunijiet li għalihom il-Bord tal-Appell iddeċieda li ma jikkunsidrax li s-suq ikkonċernat kien magħruf bħala ssaturat, għall-kuntrarju ta’ dak li kien jirriżulta mid-deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO. Fil-fatt, fil-punti 48 u 49 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell spjega li d-deċiżjonijiet preċedenti tal‑EUIPO li ġew invokati ma setgħux jikkostitwixxu indikazzjoni suffiċjenti ħlief jekk ikunu kkorroborati minn dokumentazzjoni li tippreżenta mingħajr ekwivoċi, l-istat “attwali” tal-fatti, filwaqt li dawn tal-aħħar ma jistgħux ikunu preżunti inkwantu s-saturazzjoni tal-eċċellenza ma tistax tkun sempliċement ibbażata fuq fatt magħruf. Minkejja li r-riferiment għall-istat attwali tal-fatti juri żball fir-rigward tad-data ta’ evalwazzjoni li għandha tiġi kkunsidrata, il-motivazzjoni tippermetti li jiġi mifhum b’mod ċar li l-Bord tal-Appell iddeċieda li l-prassi deċiżjonali preċedenti tiegħu għandha tiġi kkorroborata minn provi rilevanti fid-data li fiha s‑saturazzjoni tal-eċċellenza għandha tiġi evalwata. Barra minn hekk, fil‑punti 51 u 52 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell fakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li l-EUIPO ma huwiex marbut mill-prassi deċiżjonali tiegħu, u li l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba għandha tiġi rrikonċiljata mal-prinċipju ta’ legalità, peress li kull każ konkret għandu jkun eżaminat b’mod rigoruż. Minn din il-motivazzjoni jirriżulta li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li għandu jwarrab il-konstatazzjoni magħmula fid‑deċiżjonijiet preċedenti tiegħu, għaliex ma kinitx suffiċjentement sostnuta jew setgħet kienet ivvizzjata b’illegalità. Il-kwistjoni dwar jekk din il-motivazzjoni hijiex rilevanti toħroġ minn naħa tagħha mill-analiżi tal-mertu tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

86      L-allegazzjoni tar-rikorrenti, li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma jindikawx liema huma l-fatti li jippermettu li jiġi ddikjarat li s-suq ma huwiex jew ma għadux issaturat hija ineffettiva, sa fejn il-Bord tal-Appell juri, fid‑deċiżjonijiet ikkontestati, motivi oħra li jispjegaw għaliex ma wasalx għall-istess konstatazzjoni bħal dik li tirriżulta minn deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO.

87      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002 u tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba

88      Ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell f’dan il-każ ma applikax il‑konstatazzjoni magħmula fid-deċiżjoni preċedenti tiegħu tas-17 ta’ April 2008 (Każ R 976/2007‑3), li s-suq radjaturi ta’ tisħin huwa magħruf bħala ssaturat. Ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li l-Bord tal-Appell warrab tali konstatazzjoni fattwali preċedenti jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002, tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba. Ir-rikorrenti tinvoka b’mod partikolari l‑ġurisprudenza li, fid-dawl ta’ dawn l-aħħar żewġ prinċipji msemmija, l‑EUIPO għandu, fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni, jikkunsidra d-deċiżjonijiet meħuda diġà fuq applikazzjonijiet simili u jqis b’attenzjoni partikolari il-kwistjoni dwar jekk hemmx lok li jiddeċiedi bl-istess mod jew le. Ir-rikorrenti tikkunsidra li, fid-dawl ta’ dawn l-obbligi, il-Bord tal-Appell ma jistax jibdel l-opinjoni fuq kwistjoni ta’ fatt bħall-istat ta’ saturazzjoni tas-suq, ħlief jekk ikunu seħħew ċirkustanzi li jispjegaw tali bidla, ċirkustanzi li fi kwalunkwe każ, huwa ma kienx spjega.

89      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dan l-argument. L-EUIPO jsostni b’mod partikolari li s-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, Radjatur (T‑315/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:115, punt 87), li imponiet rekwiżit li s-saturazzjoni tal-eċċellenza tiġi pprovata permezz ta’ provi u li pprojbixxiet li s-saturazzjoni tas-settur ta’ referenza jiġi preżunt jew jiġi kkunsidrat bħala sempliċi fatt magħruf, kif kien sar fid-deċiżjonijiet preċedenti.

90      Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tosserva li, kuntrarjament għal dak allegat mill-EUIPO, is-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, Radjatur (T‑315/12, mhux ippubblikata EU:T:2014:115), ma imponietx rekwiżit li l-istat ta’ saturazzjoni jiġi pprovat permezz ta’ provi u ma tipprojbixxix li jiġi kkunsidrat bħala fatt magħruf, jekk ikun il-każ. Ir-riferiment, fil‑punt 87 ta’ din is-sentenza, għall-fatt li saturazzjoni tal-eċċellenza tista’ tkun tali, jekk iseħħ, sabiex tagħmel lill-utent informat iktar sensittiv għad-differenzi fid-dettall tad-disinni inkwistjoni, ma jipprekludix lill-Bord tal-Appell milli jikkunsidra li saturazzjoni tal‑eċċellenza kienet magħrufa. Fatt “li seħħ” ifisser biss fatt li huwa rikonoxxut bħala reali, eżatt. Issa fatt magħruf huwa, normalment, fatt li “jist[a’] jkun magħruf minn kulħadd jew li jist[a’] jkun[…] magħruf[…] permezz ta’ sorsi li huma ġeneralment aċċessibbli” [sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2004, Ruiz-Picasso et vs UASI – DaimlerChrysler (PICARO), T-185/02, EU:T:2004:189, punt 29]. Fatt magħruf għalhekk huwa fatt irrikonoxxut bħala reali minn kulħadd, sal-punt li ma huwiex meħtieġ li jiġi pprovat.

91      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002, jipprevedi li “fil-proċeduri quddiemu, l-[EUIPO] għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizjattiva tiegħu nnifsu”, iżda li “[m]adankollu, il-proċeduri li jkollhom x’jaqsmu ma’ dikjarazzjoni ta’ l-invalidità, l-[EUIPO] għandu jkun ristrett f’din l-eżaminazzjoni bil-fatti, bix-xhieda u bl-argumenti pprovduti mill-partijiet u tar-rimedji mitluba”. Din id-dispożizzjoni hija espressjoni ta’ obbligu ta’ diliġenza, li jipprovdi li l-istituzzjoni kompetenti għandha teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, il-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti għall-każ inkwistjoni [ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2011, Zino Davidoff vs UASI – Kleinakis kai SIA (GOOD LIFE), T‑108/08, EU:T:2011:391, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata].

92      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma turix kif il-fatt li ma ġietx applikata l‑konstatazzjoni tan-natura magħrufa bħala ssaturata tas-settur ta’ referenza jikkostitwixxi ksur tal-imsemmija dispożizzjoni, peress li din id-dispożizzjoni hija limitata sabiex tipprevedi l-elementi li għandhom jiġu eżaminati mill-EUIPO u ma tistabbilixxix minn qabel ir-riżultat ta’ dan l-eżami. Il-fatt li l-pożizzjoni finali tiegħu ma tikkorrispondix mal‑pożizzjoni difiża mir-rikorrenti ma jikkostitwixxix ksur tal‑Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 6/2002.

93      Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d‑deċiżjonijiet li l-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO huma mitluba jieħdu, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, jaqgħu fl-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata u mhux ta’ setgħa diskrezzjonali. Għalhekk, il‑legalità tal-imsemmija deċiżjonijiet għandha tiġi evalwata biss abbażi ta’ dan ir-regolament u mhux abbażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti għalihom [sentenzi tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI C‑412/05 P, EU:C:2007:252, punt 65, u tal- 24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T‑346/04, EU:T:2005:420, punt 71]. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba, l-EUIPO kellu, fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, iqis id-deċiżjonijiet li diġà ttieħdu fuq applikazzjonijiet simili u jqis b’attenzjoni partikolari l-kwistjoni ta’ jekk kienx hemm lok jew le li jiddeċiedi bl-istess mod. Madankollu, hija żiedet tgħid li l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba għandhom jiġu rrikonċiljati mal-osservanza tal-legalità. Konsegwentement, il‑persuna li tippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark ma tistax tinvoka favuriha illegalità eventwali li setgħet saret favur ħaddieħor bil-għan li tikseb deċiżjoni identika. Qabel xejn, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u, b’mod preċiż, ta’ amministrazzjoni tajba, l-eżami ta’ kull applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu jkun strett u komplet bil‑għan li jiġi evitat li trade marks jiġu rreġistrati b’mod illeġittimu. Dan l-eżami għandu jitwettaq f’kull każ konkret. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tiddependi fuq kriterji speċifiċi, applikabbli fil‑kuntest taċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ inkwistjoni u maħsuba sabiex jiġi vverifikat jekk is-sinjal inkwistjoni jaqax taħt motiv għal rifjut (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punti 74 sa 77). Din il-ġurisprudenza, imsemmija fil-punt 51 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, hija applikabbli b’analoġija għall-eżami tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinni.

94      Fir-rigward b’mod iktar speċifiku tal-ilment magħmul fil-punt 35 tad‑deċiżjonijiet ikkontestati, li l-Bord tal-Appell f’daqqa waħda għolla l-livell ta’ prova tas-saturazzjoni tas-suq rikjest meta mqabbel ma’ dak mitlub fil-passat, meta ma kienx għadu possibbli għar-rikorrenti li tipproduċi provi ġodda, ikun biżżejjed li jiġi osservat li r-rikorrenti kellha, kuntrarjament għal dak allegat minnha, l-opportunità sħiħa li tipproduċi provi u osservazzjonijiet fuq is-saturazzjoni tal-eċċellenza wara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2012 (T‑83/11 u T‑84/11, EU:T:2012:592), peress li l-Imħallef Relatur stieden lill-partijiet sabiex jagħmlu dan wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, kif fil-fatt għamlet ir‑rikorrenti fit-12 ta’ Marzu 2014. Il-Bord tal-Appell għalhekk, fi kwalunkwe każ, ma ippreġudikax il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.

95      Għalhekk, hemm lok li t-tielet u r-raba’ motivi, u konsegwentement ir‑rikorsi fit-totalità tagħhom, jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

96      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

97      F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-EUIPO u mill‑intervenjenti, skont kif mitlub minn dawn tal-aħħar.

98      Barra minn hekk, l-intervenjenti talbet il-kundanna tar-rikorrenti għall‑ispejjeż sostnuti minnha fil-proċedimenti amministrattivi quddiem l-EUIPO. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell huma kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jiġu rkuprati. Madankollu, ma huwiex l-istess fir‑rigward tal-ispejjeż sostnuti għall-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni. Għaldaqstant, it-talba tal-intervenjenti sabiex ir‑rikorrenti, peress li tilfet il-kawża, tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal‑proċedimenti amministrattivi quddiem l-EUIPO tista’ tintlaqa’ biss għall-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-intervenjenti għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2006, Devinlec vs UASI - TIME ART (QUANTUM), T‑147/03, EU:T:2006:10, punt 115]. Għandu jiġi ppreċiżat li din il-kundanna tapplika biss għall-proċedimenti R 1272/2013‑3 u R 1273/2013‑3 quddiem il-Bord tal-Appell.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Antrax It Srl hija kkundannata sabiex tbati, minbarra l‑ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u minn Vasco Group NV, inkluż dawk sostnuti minn Vasco Group għall‑finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell fil-Każijiet R 1272/2013‑3 u R 1273/2013-3.

Gervasoni

Madise

Csehi

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Frar 2017.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.