Language of document : ECLI:EU:T:2017:323

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L‑Ewwel Awla)

10 ta’ Mejju 2017 *

* Lingwa tal-kawża: il‑Ġermaniż. Dritt istituzzjonali – Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej – Sħubija Transatlantika fil-qasam tal-Kummerċ u tal-Investimenti – Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv – Nuqqas manifest ta’ kompetenzi tal-Kummissjoni – Proposta ta’ att legali għall-finijiet tal-implementazzjoni tat-Trattati – Artikolu 11(4) TUE – Artikolu 2(1) u Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 – Ugwaljanza fit-trattament”

Fil‑Kawża T‑754/14,

Michael Efler, residenti f’Berlin (il‑Ġermanja), u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness (1), irrappreżentati minn B. Kempen, professur,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn J. Laitenberger u H. Krämer, sussegwentement minn M. Krämer u fl-aħħar nett minn H. Krämer u F. Erlbacher et, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 6501 finali, tal-10 ta’ Settembru 2014, li tiċħad it-talba għal reġistrazzjoni tal-proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Stop TTIP”,

IL‑QORTI ĠENERALI (L‑Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, E. Buttigieg (Relatur) u L. Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín, Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-13 ta’ Settembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        B’deċiżjoni tas-27 ta’ April 2009, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea awtorizza lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew sabiex tiftaħ negozjati mal-Kanada fid-dawl tal-konklużjoni ta ftehim ta’ kummerċ ħieles, imsejjaħ sussegwentement “Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv”(Comprehensive Economic and Trade Agreement, iktar ’il quddiem is-“CETA”). B’deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2013, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ negozjati mal-Istati Uniti tal-Amerika fid-dawl tal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kummerċ ħieles, imsejjaħ sussegwentement “Sħubija Trans-Atlantika fil-qasam tal-Kummerċ u tal-Investimenti (TTIP)” (Transatlantic Trade and Investment Partnership, iktar ’il quddiem it-“TTIP”).

2        Fil-15 ta’ Lulju 2014, ir-rikorrenti, Michael Efler u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness, fil-kwalità tagħhom bħala membri tal-kumitat taċ-ċittadini kkostitwit għal dan il-għan, ittrażmettew lill-Kummissjoni talba għal reġistrazzjoni tal-proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (iktar ’il quddiem l-“IĊE”) intitolata “Stop TTIP” (iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ IĊE”). Skont l-għan tagħha, il-proposta ta’ IĊE tindika li “il-Kummissjoni Ewropea […] tirrakkomanda lill-Kunsill li jannulla l-mandat ta’ negozjar għat-[TTIP] u ma jikkonkludix is-[CETA]”.Skont għanijiet li għandhom jintlaħqu, il-proposta ta’ IĊE tistabbilixxi li “it-TTIP u s-CETA għandhom jiġu preklużi peress li jinkludu diversi punti kritiċi bħal proċeduri ta’ soluzzjoni għal nuqqas ta’ qbil bejn investituri u Stati u dispożizzjoniijet dwar il-kooperazzjoni fil-qasam ta’ leġiżlazzjoni li jheddu d-demokrazija u l-istat tad-dritt […], [li] jiġi evitat li negozjati mhux trasparenti jwasslu għal dgħufija tar-regoli ta’ protezzjoni tax-xogħol, ta’ protezzjoni soċjali, ta’ protezzjoni ambjentali, ta’ protezzjoni tal-ħajja privata u ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u li servizzi pubbliċi (pereżempju forniment ta’ ilma) u l-kultura ma jibqgħux regolamentati” u li tiġi sostnuta “politika kummerċjali u ta’ investiment differenti fl-[Unjoni Ewropea]”. Il-proposta ta’ IĊE tirreferi għall-Artikoli 207 u 218 TFUE bħala bażi legali ta’ din l-inizjattiva.

3        Bid-Deċiżjoni C(2014) 6501, tal-10 ta’ Settembru 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni”) il-Kummissjoni rrifjutat li tirreġistra l-proposta ta’ IĊE skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU 2011, L 65, p. 1).

4        Id-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi, essenzjalment, li deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni li tiftaħ negozjati fid-dawl ta’ konklużjoni ta’ ftehim ma’ pajjiż terz ma hijiex att legali tal-Unjoni Ewropea u li rakkomandazzjoni relatata magħha għalhekk ma tikkostitwixxix proposta xierqa fis-sens tal-Artikolu 11(4) TUE u tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 211/2011, peress li tali deċiżjoni tikkostitwixxi att preparatorju fir-rigward tad-deċiżjoni sussegwenti tal-Kunsill li tawtorizza l-firma tal-ftehim, kif negozjat, u li dan tal-aħħar jiġi konkluż. Deċiżjoni preparatorja paralleli twassal għal effetti legali unikament bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati, mingħajr ma temenda d-dritt tal-Unjoni, kuntrarjament għal dak li jkun il-każ tad-deċiżjoni li jiġi ffirmat u konkluż ftehim partikolari, li jista’ jkun is-suġġett ta’ IĊE. Il-Kummissjoni tiddeduċi minn dan li r-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE, sa fejn hija intiża sabiex tistedinha sabiex tressaq lill-Kunsill rakkomandazzjoni għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni li jinfetħu negozjati fid-dawl tal-konklużjoni tat-TTIP, għandha tiġi rrifjutata.

5        Id-deċiżjoni kkontestata barra minn hekk tistabbilixxi li, sa fejn il-proposta ta’ IĊE tista’ tinftiehem bħala li tistieden lill-Kummissjoni li ma tressaqx quddiem il-Kunsill proposti ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-firma u dwar il-konklużjoni tas-CETA jew tat-TTIP jew li tressaq quddiem il-Kunsill proposti ta’ deċiżjonijiet li ma tiġix awtorizzata l-firma ta’ dawn il-ftehimiet jew li dawn ma jiġux konklużi, tali stedina wkoll ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 211/2011, li jipprovdi li l-IĊE tirreferi għall-adozzjoni ta’ atti legali neċessarji għall-finijiet tal-implementazzjoni ta’ Trattati u li jipproduċu effetti legali awtonomi.

6        Id-deċiżjoni kkontestata tikkonkludi li l-proposta ta’ IĊE hija, għalhekk, barra mill-ambitu tal-kompetenzi tal-Kummissjoni li skont dawn din tista’ tippreżenta proposta ta’ att legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-implementazzjoni tat-Trattati, fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) tal-istess regolament.

 Ilproċedura u t-talbiet tal-partijiet

7        B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

8        B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ April 2016, ir-rikorrenti ressqu talba għal miżuri provviżorji, li ġiet miċħuda bid-digriet tat-23 ta’ Mejju 2016, Efler et vs Il‑Kummissjoni (T‑754/14 R, mhux ippubblikat, EU:T:2016:306). B’att tas-17 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrenti ppreżentaw appell skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li ġie miċħud bid-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 2016, Efler et vs Il‑Kummissjoni. [C‑400/16 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2016:735].

9        Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

10      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

11      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 11(4) TUE, tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, it-tieni nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

12      Fir-rigward tal-ewwel motiv, fl-ewwel lok ir-rikorrenti josservaw li, sa fejn ir-rifjut ta’ reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE huwa bbażat fuq iċ-ċirkustanza li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill intiżi sabiex jiġi awtorizzat il-ftuħ ta’ negozjati fid-dawl tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali huma atti preparatorji, huma ma jikkontestawx li dawn id-deċiżjonijiet għandhom tali natura. Madankollu, dan ma huwiex differenti fil-każ tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jawtorizzaw il-firma ta’ ftehim internazzjonali. Minbarra dan, ir-Regolament Nru 211/2011 jirreferi, b’mod ġenerali, għal kull att legali, mingħajr ma huwa limitat għall-atti li jipproduċu effetti definittivi u la l-oriġini tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni u lanqas il-kuntest normattiv tagħhom ma jindikaw li l-kunċett ta’ “att legali” huwa ta’ interpretazzjoni stretta. Fl-aħħar nett, deċiżjoni ta’ rtirar tal-mandat ta’ negozjar favur il-Kummissjoni li ttemm in-negozjati, tkun legalment vinkolanti u għalhekk ikollha natura definittiva.

13      Ir-rikorrenti josservaw fit-tieni lok li, sa fejn ir-rifjut ta’ reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE huwa bbażat fuq iċ-ċirkustanza li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jawtorizzaw il-ftuħ ta’ negozjati fid-dawl tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali jipproduċu biss effetti bejn l-istituzzjonijiet inkwistjoni, il-kunċett estiż ta’ att legali li jinsab fl-Artikoli 288 sa 292 TFUE jipprojbixxi li din il-kwalità tiġi miċħuda lid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni meħuda barra mill-proċedura leġiżlattiva ordinarja u li dawn tal-aħħar jiġu esklużi mill-qasam ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-IĊE, peress li dawn id-deċiżjonijiet huma legalment vinkolanti. La mill-formulazzjoni tat-Trattati, la mit-tfassil tagħhom u lanqas mill-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn dawn tal-aħħar ma jirriżulta li l-prinċipju ta’ demokrazija, li fuqu tibbaża l-Unjoni, għandu japplika biss għall-persuni affettwati jew ikkonċernati mill-att legali inkwistjoni. Il-Kummissjoni tikkontradixxi lilha nnifisha sa fejn tammetti, barra minn hekk, bħala ammissibbli IĊE ta’ akklamazzjoni u ta’ konfermazzjoni, intiża sabiex jiġi ffirmat u konkluż ftehim li l-għan u l-kontenut tiegħu huma diġà stabbiliti.

14      Fit-tielet lok ir-rikorrenti josservaw li, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-allegata natura “qerrieda” tal-proposti ta’ atti intiżi sabiex lill-Kummissjoni jiġi rtirat il-mandat ta’ negozjar fid-dawl tal-konklużjoni tat-TTIP, u li quddiem il-Kunsill titressaq proposta li ma tiġix awtorizzata l-firma tat-TTIP u tas-CETA jew li dawn tal-aħħar ma jiġux konklużi, tali proposti ma jistgħux jitqiesu li huma ostakolati miċ-ċirkustanza li, skont l-Artikolu 11(4) TUE u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 211/2011, l-att legali maħsub għandu jikkontribwixxi għall-“implimentazzjoni tat-Trattati” peress li l-atti maħsuba jwasslu, taħt forma jew oħra, sabiex jagħmlu operattivi l-bażijiet ta’ kompetenzi bbażati fuq id-dritt primarju. Skont ir-rikorrenti, id-dritt ġenerali taċ-ċittadini li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-Unjoni jinkludi l-fakulta ta’ tittieħed azzjoni sabiex jiġu emendati atti ta’ dritt sekondarju fis-seħħ, li dawn jiġu rriformati jew li jiġu annullati totalment jew parzjalment. Ir-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE twassal għal iktar dibattitu pubbliku, għan primarju ta’ kwalunkwe IĊE.

15      Barra minn hekk, għalkemm, bħal ma ssostni l-Kummissjoni għall-ewwel darba fir-risposta, kwalunkwe tip ta’ trattat internazzjonali, kemm jekk huwa intiż li jħassar trattat eżistenti jew sabiex jistabbilixxi trattat totalment ġdid, jista’ jiġi propost minn IĊE, ikun kontradittojru li din ma tkunx tista’ jkollha bħala għan li tipprekludi l-konklużjoni ta’ trattat li jkun qed jiġi nnegozjat.

16      Ir-rikorrenti jżidu li proposta lill-Kunsill li ma jiġix approvat is-CETA ma teskludix li proġetti midbula ta’ ftehimiet transatlantiċi ta’ kummerċ ħieles jistgħu jitfasslu sussegwentement.

17      Fl-aħħar nett, il-proposta ta’ IĊE ma hijiex, fi kwalunkwe każ, “manifestament” barra mill-ambitu tal-kompetenzi tal-Kummissjoni, kif meħtieġ mill-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011.

18      Il-Kummissjoni tirrileva l-ewwel nett li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11(4) TUE huwa ineffettiv, billi r-Regolament Nru 211/2011, adottat abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE, jikkostitwixxi r-riferiment għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni relatati mar-reġistrazzjoni tal-proposti ta’ IĊE.

19      Il-Kummissjoni sussegwentement issostni li deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizzaha li tiftaħ negozjati fid-dawl tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, bil-kontra ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li tiffirma tali ftehim, għandha natura purament preparatorja, sa fejn twassal biss għal effetti legali fir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet. Issa, interpretazzjoni sistematika u teleoloġika tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 twassal għall-konklużjoni li att legali b’natura purament preparatorja ma huwiex att legali fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

20      Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, huma biss l-atti legali li l-effetti tagħhom imorru lil hinn mir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ IĊE, peress li l-parteċipazzjoni demokratika li din hija intiża li tiffavorixxi għandha bħala għan li ċ-ċittadini jkunu assoċjati mad-deċiżjonijiet dwar kawżi li jikkonċernaw, tal-inqas potenzjalment, l-isfera legali proprja tagħhom. Il‑Kunsill u l-Kummissjoni jgawdu minn leġittimità demokratika indiretta suffiċjenti sabiex jadottaw l-atti li l-effetti legali tagħhom huma limitati għall-istituzzjonijiet.

21      Minbarra dan, skont il-Kummissjoni, il-proposta ta’ IĊE ddur mar-regola li hija ma tistax tiġi mistiedna minn IĊE li ma tipproponix att legali partikolari jew sabiex tipproponi deċiżjoni li ma jiġix adottat att legali partikolari. Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011, sa fejn tagħmel riferiment għall-“azzjoni li biħsiebha tieħu”, tippreżupponi li huma biss l-IĊE li huma intiżi għall-adozzjoni ta’ att legali li għandu kontenut preċiż jew għall-annullament ta’ att legali eżistenti li huma awtorizzati. Għalkemm il-Kummissjoni ħabbret, fil-komunikazzjoni tagħha skont l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011, li hija ma kellhiex l-intenzjoni li tipproponi att legali korrispondenti, minn dan tirriżulta limitazzjoni politika inaċċettabbli tad-dritt għal inizjattiva tagħha. Ma’ dan jiżdied li l-funzjoni mogħtija lill-IĊE li tikkonsisti li twassal lill-Kummissjoni li tikkonċerna ruħha tieħu pubblikament dwar it-tema li hija s-suġġett tal-IĊE u li għalhekk jitqajjem dibattitu politiku, ma tkunx tista’ tiġi għalkollox issodisfatta ħlief permezz ta’ proposta ta’ IĊE intiża għall-adozzjoni ta’ att legali li jkollu kontenut preċiż jew għat-tħassir ta’ att legali ezistenti. IĊE li titlob in-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ma tkunx iktar fil-pożizzjoni li tissodisfa l-funzjoni li tikkonsisti li jinbeda tali dibattitu politiku għall-ewwel darba u tirrappreżenta interferenza inammissibbli fl-iżvloġiment ta’ proċedura leġiżlattiva fis-seħħ.

22      Fl-aħħar nett, deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ nuqqas ta’ aċċettazzjoni tat-TTIP jew tas-CETA, kif issuġġerita mill-proposta ta’ IĊE, ma għandhiex portata awtonoma meta pparagunata mas-sempliċi nuqqas ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li tapprova l-konklużjoni tal-ftehim, b’mod li tali deċiżjoni tkun legalment superfluwa. IĊE li għandha tali għan tkun funzjonalment ekwivalenti għal IĊE li titlob l-astensjoni li tiġi ppreżentata proposta ta’ att legali u tkun, għalhekk, inammissibbli.

23      Il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-Artikolu 11(4) TUE jipprovdi li ċittadini tal-Unjoni, li l-għadd tagħhom ma jkunx anqas minn miljun, li jkunu ċittadini ta’ għadd sinjifikattiv mill-Istati Membri, jistgħu jieħdu l-inizjattiva li jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea, fil-qafas tal-kompetenzi mogħtija lilha, sabiex tippreżenta kull proposta xierqa dwar il-kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jikkunsidraw li jkun meħtieġ att legali tal-Unjoni għall-implementazzjoni tat-Trattati.

24      Hekk kif tirrileva l-premessa 1 tar-Regolament Nru 211/2011, li permezz tiegħu il-Parlament Ewropew u l-Kunsill stabbilixxew, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE, id-dispożizzjonijiet relatati mal-proċeduri u mal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-preżentazzjoni ta’ IĊE fis-sens tal-Artikolu 11 TUE, it-Trattat UE jsaħħaħ iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jtejjeb ukoll il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi jipprevedi b’mod partikolari li kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz tal-intermedju ta’ IĊE (sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2015, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni T‑450/12, li qed tiġi appellata, EU:T:2015:739, punt 26, u tad-19 ta’ April 2016, Costantini et vs Il‑Kummissjoni, T‑44/14, EU:T:2016:223, punti 53 u 73). Skont l-istess premessa, dan il-mekkaniżmu jippermetti liċ-ċittadini, bħal fil-każ tal-Parlament skont l-Artikolu 225 TFUE u tal-Kunsill skont l-Artikolu 241 TFUE, li jindirizzaw ruħhom direttament quddiem il-Kummissjoni sabiex hija tippreżenta proposta ta’ att legali tal-Unjoni fid-dawl tal-implementazzjoni tat-Trattati.

25      Għal dan il-għan, l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 211/2011 jiddefinixxi l-IĊI bħala inizjattiva ppreżentata lill-Kummissjoni skont dan ir-regolament, li tistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, “proposta adatta dwar kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jqisu li att legali tal-Unjoni hu meħtieġ għall-għan tal-implimentazzjoni tat-Trattati” u li tkun irċeviet l-appoġġ ta’ mill-inqas miljun firmatarju eliġibbli li jkunu ġejjin minn tal-inqas kwart tal-Istati Membri kollha.

26      Skont l-Artikolu 4(2)(b) u (3) tar-Regolament Nru 211/2011, il-Kummissjoni tirrifjuta li tirreġistra l-proposta ta’ IĊE jekk din tkun manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi tagħha fejn skont dawn hija tista’ tippreżenta “proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan ta’ implimentazzjoni tat-Trattati”.

27      L-Artikolu 10(1)(c) tal-istess regolament jipprevedi li, meta l-Kummissjoni tirċievi IĊE skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, hija tippreżenta, f’terminu ta’ tliet xhur, il-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha dwar l-IĊE, “l-azzjoni li biħsiebha tieħu, jekk ser tieħu, u r-raġunijiet għalfejn biħsiebha tieħu jew ma tieħux dik l-azzjoni”.

28      Fir-rigward tal-portata tal-proposta ta’ IĊE, ir-rikorrenti ppreċiżaw, bħala tweġiba għal mistoqsija magħmula waqt is-seduta li din ma kellhiex bħala għan li tistieden lill-Kummissjoni li ma tippreżentax lill-Kunsill proposta ta’ att sabiex tiġi awtorizzata l-firma tat-TTIP u tas-CETA u li dawn il-ftehimiet jiġu konklużi, iżda li din kienet intiża sabiex tistieden lill-Kummissjoni li tippreżenta quddiem il-Kunsill, minn naħa, proposta ta’ att tal-Kunsill li jirtira l-mandat ta’ negozjar fid-dawl tal-konklużjoni tat-TTIP, min-naħa l-oħra, proposta ta’ att tal-Kunsill li ma jawtorizzax lill-Kummissjoni li tiffirma t-TTIP u s-CETA u li dawn tal-aħħar ma jiġux konklużi.

29      Barra minn hekk, dan ir-rikors ma jirrigwardax il-kompetenza tal-Unjoni sabiex tinnegozja l-ftehimiet TTIP u CETA, iżda r-rikorrenti jikkontestaw il-motivi invokati fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE sa fejn din hija intiża sabiex ittemm il-mandat ta’ negozjar fid-dawl tal-konklużjoni tat-TTIP u sabiex jiġu preklużi l-firma u l-konklużjoni tas-CETA u tat-TTIP.

30      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, iċ-ċirkustanza li deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizzaha tiftaħ negozjati dwar il-konklużjoni ta’ ftehim internzzjonali għandha natura preparatorja u twassal għal effetti legali unikament bejn l-istituzzjonijiet tipprekludi din id-deċiżjoni milli tiġi kklassifikata bħala att legali fis-sens tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni u tipprekludi r-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE sa fejn hija intiża għall-irtirar ta’ tali deċiżjoni. L-istess japplika fir-rigward tal-proposta ta’ IĊE sa fejn hija tistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta lill-Kunsill proposta ta’ deċiżjoni li ma tiġix awtorizzata l-firma tal-ftehimiet inkwistjoni jew li dawn ma jiġux konklużi, peress li tali deċiżjoni ma twassalx għal effetti legali awtonomi filwaqt li, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 211/2011, l-IĊE hija intiża għall-adozzjoni ta’ atti legali neċessarji “għall-għan tal-implimentazzjoni tat-Trattati”, li ma huwiex il-każ hawnhekk.

31      Hekk kif ġie rrilevat preċedentement, il-Kummissjoni tirrifjuta li tirreġistra l-proposti ta’ IĊE li huma manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi li skont dawn hija tista’ tippreżenta “proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan ta’ implimentazzjoni tat-Trattati”.

32      Huwa paċifiku li l-Kummissjoni tista’, fuq inizjattiva tagħha stess, tippreżenta lill-Kunsill proposta ta’ att li lilha jiġi rtirat il-mandat li permezz tiegħu hija kienet awtorizzata sabiex tiftaħ negozjati fid-dawl tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali. Il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tiġi prekluża milli tippreżenta lill-Kunsill proposta ta’ deċiżjoni li ma tiġix awtorizzata, fl-aħħar mill-aħħar, il-firma ta’ ftehim innegozjat jew li dan tal-aħħar ma jiġix konkluż.

33      Il-Kummissjoni madankollu ssostni li proposta ta’ IĊE ma tistax tirrigwarda tali atti u tinvoka, minn naħa, in-natura preparatorja u l-assenza ta’ effetti legali esterni għall-istituzzjonijiet tal-att ta’ ftuħ tan-negozjati fid-dawl tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali u, min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza li l-atti legali li l-adozzjoni tagħhom hija proposta ma humiex neċessarji “għall-għan ta’ implimentazzjoni tat-Trattati”.

34      Għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li l-partijiet jaqblu sabiex jitqies li deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni, skont l-Artikoli 207 u 208 TFUE, li tiftaħ negozjati dwar il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali tikkostitwixxi att preparatorju fir-rigward tad-deċiżjoni sussegwenti ta’ firma u ta’ konklużjoni ta’ tali ftehim u li hija twassal għal effetti legali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kif ukoll bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 40, u tas-16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑425/13, EU:C:2015:483, punt 28).

35      Issa, hekk kif ir-rikorrenti sostnew ġustament, il-kunċett ta’ att legali, fis-sens tal-Artikolu 11(4) TUE, tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 211/2011 u tal-Artikolu 4(2)(b) tal-istess regolament ma jistax, fl-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni kuntrarja, jinftiehem, hekk kif xtaqet il-Kummissjoni, bħala li huwa limitat unikament għall-atti legali tal-Unjoni definittivi u li jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi.

36      La l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni u lanqas l-għanijiet li għandhom jintlaħqu minnhom ma jiġġustifikaw b’mod partikolari li deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati fid-dawl tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, bħal f’dan il-każ it-TTIP u s-CETA, meħuda skont l-Artikolu 207(3) u (4) TFUE u tal-Artikolu 218 TFUE u li tikkostitwixxi manifestament deċiżjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 40, u tas-16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑425/13, EU:C:2015:483, punt 28), tiġi eskluża mill-kunċett ta’ att legali għall-finijiet ta’ IĊE.

37      Bil-kontra, il-prinċipju ta’ demokrazija, li, bħal ma huwa b’mod partikolari rrilevat fil-preamolu tat-Trattat UE, fl-Artikolu 2 TUE kif ukoll fil-preambolu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, huwa fost il-valuri fundamentali li fuqhom tistrieħ l-Unjoni, l-istess bħall-għan speċifikament imfittex bil-mekkaniżmu tal-IĊE, li jikkonsisti li jitjieb il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi kull ċittadin jingħata dritt ġenerali li jipparteċipa fil-ħajja demokratika (ara l-punt 24 iktar ’il fuq), jirrikjedu li tinżamm interpretazzjoni tal-kunċett ta’ att legali li tinkludi atti legali bħal deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ negozjati fid-dawl tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, li huwa intiż inkontestabbilment sabiex ibiddel l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

38      Fil-fatt, l-argument difiż mill-Kummissjoni, li hija u l-Kunsill igawdu minn leġittimità demokratika indiretta suffiċjenti sabiex jadottaw l-atti legali li ma jwasslux għal effetti legali fir-rigward ta’ terzi, għandu bħala konsegwenza li jiġi limitat kunsiderevolment l-użu tal-mekkaniżmu tal-IĊE bħala strument ta’ parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-attività normattiva tagħha abbażi tal-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali. Sa fejn il-motivazzjoni stabbilita fid-deċiżjoni kkontestata tista’ għalhekk, skont il-każ, tinftiehem bħala li tipprekludi b’mod definittiv liċ-ċittadini tal-Unjoni milli jipproponu kull ftuħ ta’ negozjati dwar trattat ġdid li għandu jiġi nnegozjat permezz ta’ IĊE, dan l-argument imur manifestament kontra għanijiet li għandhom jintlaħqu mit-trattati kif ukoll mir-Regolament Nru 211/2011, u għalhekk ma jistax jiġi aċċettat.

39      Konsegwentement, l-argument difiż mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, skont liema d-deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ ftuħ tan-negozjati fid-dawl tal-konklużjoni tat-TTIP hija eskluża mill-kunċett ta’ att legali għall-finijiet ta’ proposta ta’ IĊE minħabba li din l-awtorizzazzjoni, waħedha, ma taqax taħt dan il-kunċett minħabba n-natura preparatorja tagħha u minħabba l-assenza ta’ effetti fir-rigward ta’ terzi, għandu wkoll jiġi miċħud. Dan japplika wkoll minħabba li, kif ir-rikorrenti rrilevaw ġustament, deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ ftuħ tan-negozjati fid-dawl tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, sa fejn hija ttemm dawn tal-aħħar, ma tistax tiġi kklassifikata bħala att preparatorju, iżda tippreżenta, fir-rigward tagħha, natura definittiva.

40      Barra minn hekk, sabiex topponi r-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE, il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-atti tal-Kunsill li l-adozzjoni tagħhom hija maħsuba minn din il-proposta, b’mod partikolari d-deċiżjonijiet tal-Kunsill li ma jiġux iffirmati jew konklużi t-TTIP u s-CETA, huma ekwivalenti għal atti “qerrieda”, li ma jseħħux għall-finijiet tal-“implimentazzjoni tat-Trattati” u għalhekk ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ IĊE.

41      Għal dan għandha tingħata t-tweġiba li l-leġiżlazzjoni relatata mal-IĊE ma tinkludi ebda indikazzjoni, li l-parteċipazzjoni ta’ ċittadini ma tistax tiġi maħsuba sabiex tiġi prekluża l-adozzjoni ta’ att legali. Ċertament, għalkemm, konformement mal-Artikolu 11(4) TUE u mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 211/2011, l-att legali maħsub għandu jikkontribwixxi għall-implementazzjoni tat-Trattati, dan huwa tassew il-każ tal-atti li għandhom bħala għan li tiġi prekluża l-konklużjoni tat-TTIP u tas-CETA, li huma initżi sabiex ibiddlu l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

42      Hekk kif ir-rikorrenti rrilevaw ġustament, l-għan ta’ parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-Unjoni mfittxija bil-mekkaniżmu tal-IĊE jinkludi manifestament il-fakulta li tintalab l-emenda tal-atti legali fis-seħħ jew l-irtirar tagħhom, totalment jew parzjalment.

43      Għalhekk, xejn lanqas ma jiġġustifika li jiġu esklużi mid-dibattitu demokratiku l-atti legali intiżi għall-irtirar ta’ deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati fid-dawl tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, l-istess bħall-atti li għandhom bħala għan li jiġu preklużi l-firma u l-konklużjoni ta’ tali ftehim, li, kuntrarjament għall-argument difiż mill-Kummissjoni, jipproduċu inkontestabbilment effetti legali awtonomi billi jipprekludu, skont il-każ, emenda mħabbra tad-dritt tal-Unjoni.

44      L-argument difiż mill-Kummissjoni, hekk kif kien jidher li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, jimplika b’mod definittiv li IĊE tista’ tkun relatata biss mad-deċiżjoni tal-Kunsill li tiġi konkluża jew awtorizzata l-firma ta’ ftehimiet internazzjonali li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu ħadu l-inizjattiva dwarhom u li huma kienu nnegozjaw minn qabel, filwaqt li ċ-ċittadini tal-Unjoni jiġi preklużi milli jirreferu għall-mekkaniżmu tal-IĊE sabiex jipproponu bidliet jew l-abbandun ta’ tali ftehimiet. Ċertament, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni sostniet li IĊE setgħet, skont il-każ, tinkludi wkoll proposta ta’ ftuħ ta’ negozjati fid-dawl tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali. Issa, xejn ma jiġġustifika, f’din l-aħħar ipoteżi, li l-awturi ta’ proposta ta’ IĊE jiġu obbligati li jistennew il-konklużjoni ta’ ftehim sabiex ikunu jistgħu sussegwentement jikkontestaw biss l-opportunità.

45      L-argument tal-Kummissjoni, li l-atti li l-proposta ta’ IĊE tistedinha li tippreżenta lill-Kunsill, iwasslu għal interferenza inammissibbli fl-iżvolġiment ta’ proċedura leġiżlattiva is-seħħ, ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, l-għan li għandu jintlaħaq mill-IĊE huwa li ċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu jistgħu jipparteċipaw iktar fil-ħajja demokratika tal-Unjoni, b’mod partikolari, billi jiġu esposti fid-dettall lill-Kummissjoni l-kwistjonijiet imqajma mill-IĊE, billi din l-istituzzjoni tiġi mistiedna sabiex tressaq proposta ta’ att legali tal-Unjoni wara li, skont il-każ, tkun ippreżentat l-IĊE matul smigħ pubbliku organizzat fil-Parlament, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 211/2011, għaldaqstant, billi jitqajjem dibattitu demokratiku mingħajr ma tiġi mistennija l-adozzjoni tal-att legali li l-emenda jew l-abbandun tiegħu huma definittivament mixtieqa.

46      Li tiġi ammessa possibbiltà parrallela wkoll ma jippreġudikax il-prinċipju tal-ekwilibriju istituzzjonali, karatteristika tal-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 2015 Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni, C‑409/13, EU:C:2015:217, punt 64), sa fejn hija l-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi jekk hija tagħtix jew le eżitu favorevoli lill-IĊE billi tippreżenta, skont l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011, permezz ta’ komunikazzjoni, il-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha dwar l-IĊE, l-azzjoni li hija għandha l-intenzjoni tieħu, jekk ikun il-każ, kif ukoll ir-raġunijiet li hija għandha sabiex tieħu jew ma tiħux din l-azzjoni.

47      Konsegwentement, mhux talli ma tirrappreżentax interferenza fl-iżvolġiment ta’ proċedura leġiżlattiva fis-seħħ, iżda l-proposta ta’ IĊE tikkostitwixxi espressjoni tal-parteċipazzjoni effettiva taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-ħajja demokratika tagħha, mingħajr ma jiġi kkontestat l-ekwilibriju istituzzjonali mixtieq mit-Trattati.

48      Fl-aħħar nett, ebda raġuni ma tipprekludi li l-azzjoni li l-Kummissjoni “biħsiebha tieħu, jekk ser tieħu”, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011, tista’ tikkonsisti li tipproponi lill-Kunsill li jadotta l-atti maħsubin mill-proposta ta’ IĊE.Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, xejn ma jipprekludi, jekk ikun il-każ, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni milli jinnegozjaw u li jikkonkludu proġetti ta’ ftehimiet transatlantiċi ta’ kummerċ ħieles ġodda wara l-adozzjoni mill-Kunsill tal-atti li huma s-suġġett tal-proposta ta’ IĊE.

49      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 11(4) TUE kif ukoll l-Artikolu 4(2)(b), flimkien mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 211/2011, billi rrifjutat li tirreġistra l-proposta ta’ IĊE.

50      Konsegwentement, hemm lok li l-ewwel motiv jiġi milqugħ u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni motiv.

 Fuq l-ispejjeż

51      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż ta’ din l-istanza kif ukoll dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji, kif mitlub mir-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (L‑Ewwel Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 6501 finali, tal-10 ta’ Settembru 2014, li tiċħad it-talba għal reġistrazzjoni tal-proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Europej intitolata “Stop TTIP ” hija annullata.

2)      Il‑Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti minn Michael Efler u mir-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness, inklużi l-ispejjeż relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Kanninen

Buttigieg

Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Mejju 2017.

Firem


1      Il-lista tar-rikorrenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.