Language of document :

Appell ippreżentat fl-24 ta’ Novembru 2020 mir-Renju ta’ Spanja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fit-23 ta’ Settembru 2020 fil-Kawża T-370/19, Spanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-632/20 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellant: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentant: S. Centeno Huerta, aġent)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tilqa’ dan l-appell u tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Settembru 2020, fil-kawża T-370/19, Ir-Renju ta’ Spanja vs Il-Kummissjoni Ewropea;

tiddeċiedi r-rikors għal annullament, billi tipproċedi għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Marzu 2019 dwar il-parteċipazzjoni tal-Awtorità Regolatorja Nazzjonali tal-Kosovo fil-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi 1 , u

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Ir-Renju ta’ Spanja qiegħed jappella mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Settembru 2020, fil-kawża T-370/19, Ir-Renju ta’ Spanja vs Il-Kummissjoni Ewropea, għar-raġunijiet li ġejjin:

- Żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż terz” għall-finijiet tal-Artikolu 35 tar-Regolament 2018/1971 2 , fid-dawl tat-Trattati tal-Unjoni Ewropea u fid-dawl tad-dritt internazzjonali.

- Żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 111 tal-AEA Kosovo b’rabta mal-Artikolu 35 tar-Regolament 2018/1971 talli ġew interpretati b’mod żbaljat il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar l-Istatus tal-Kosovo fid-dritt internazzjonali.

- Żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 35 tar-Regolament 2018/1971 flimkien mal-Artikolu 111 tal-AEA Kosovo sa fejn il-kooperazzjoni msemmija ma tinkludix il-parteċipazzjoni fil-BEREC u fil-Kunsill ta’ Amministrazzjoni tal-Uffiċċju tal-BEREC.

- Żball ta’ liġi meta tqies li l-Artikolu 17 TUE kien bażi legali valida għall-għoti tad-deċiżjoni kkontestata.

- Żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 meta tqies li r-regoli tax-xogħol tista’ tistabbilixxihom il-Kummissjoni Ewropea unilateralment.

L-evalwazzjoni ta’ kwalunkwe wieħed minn dawn l-aggravji għandha twassal sabiex jintlaqa’ l-appell, u konsegwentement, sabiex ir-rikors għal annullament jiġi evalwat u jintlaqa’, u tiġi annullata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Marzu 2019 dwar il-parteċipazzjoni tal-Awtorità Regolatorja Nazzjonali tal-Kosovo fil-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi.

____________

1 ĠU 2019, C 115, p. 26.

2 Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC), li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2120 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 (ĠU 2018, L 321, p. 1).