Language of document :

Appell imressaq fid-19 ta' Settembru 2007 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kontra s-sentenza mogħtija fil-5 ta' Lulju 2007 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-26/06, Bertolete et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-359/07 P)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: D. Martin u L. Lozano Palacios, aġenti)

Il-partijiet l-oħra fil-kawża: M. Bertolete (Wolowé-Saint-Lambert, il-Belġju), A. P. Cunha Correia (Koekelberg, il-Belġju), M. Lichteveld (Wavre, il-Belġju), M. Mozelsio (Enghien, il-Belġju), F. Orlando (Anderlecht, il-Belġju), F. Pendville (Etterbeek, il-Belġju), B. Simons (Bocholt, il-Belġju), D. Sneessens (Auderghem, il-Belġju), S. Voisin (Forest, il-Belġju)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-5 ta' Lulju 2007 fil-kawża F-26/06;

tirrinvija l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

tirriżerva l-ispejjeż;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-5 ta' Lulju 2007 fil-kawża F-26/06 u, filwaqt li tiddeċiedi hija stess fuq il-kawża, tilqa' t-talbiet ippreżentati mill-konvenuta fl-ewwel istanza u, għaldaqstant, tiċħad ir-rikors fil-kawża F-26/06; tordna lill-konvenuta fl-appell tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Bis-sentenza tal-5 ta' Lulju 2007 mogħtija fil-kawża F-26/06, Bertolette et vs Il-Kummissjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) annulla id-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni stabbiliet il-klassifikazzjoni u r-remunerazzjoni tar-rikorrenti permezz ta' kuntratti ta' persunal bil-kuntratt. Ir-rikorrenti, li qabel kienu ħaddiema impjegati taħt il-liġi tal-Belġju, kienu impjegati bħala għalliema fi skola ta' tfal żgħar wara bdil fil-kondizzjonijiet ta' l-impieg ta' ħaddiema oħra tal-Komunitajiet.

L-ewwel motiv invokat mill-Kummissjoni in sostenn ta' l-appell tagħha huwa bbażat fuq żball ta' dritt peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien naqas milli jieħu in kunsiderazzjoni il-portata tal-prinċipju ta' trattament ugwali permezz ta' l-interpretazzjoni tagħha tad-dispożizzjonijiet applikabbli, b'mod partikolari fir-rigward tal-kunċett stabbilit mill-Kummissjoni li jikkonsisti fl-integrazzjoni tal-benefiċċji tal-familja fil-kunċett ta' remunerazzjoni.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta' motivazzjoni peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma ddeċidiex fuq il-kunċett ta' remunerazzjoni.

____________