Language of document : ECLI:EU:T:2022:426

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

6 ta’ Lulju 2022 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Kompetizzjoni EPSO/AD/363/18 għar-reklutaġġ ta’ amministraturi fil-qasam tat-tassazzjoni – Limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa li fiha jsiru l-eżamijiet – Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Ammissibbiltà – Diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa – Natura partikolari tal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew – Ġustifikazzjoni – Interess tas-servizz – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑631/20,

MZ, irrappreżentata minn M. Velardo, avukata,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Lilamand, D. Milanowska u A.‑C. Simon, bħala aġenti, assistiti minn A. Dal Ferro, avukat,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn J. Svenningsen (Relatur), President, R. Barents, C. Mac Eochaidh, T. Pynnä u J. Laitenberger, Imħallfin,

Reġistratur: P. Núñez Ruiz, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑1 ta’ Marzu 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrenti, MZ, titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal‑10 ta’ Diċembru 2019 li permezz tagħha l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AD/363/18 irrifjuta, wara eżami mill-ġdid, li jinkludi isimha fil-lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ amministraturi fil-grad AD 7 fil-qasam tat-tassazzjoni.

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Fil‑11 ta’ Ottubru 2018, l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet EPSO/AD/363/18 intiż għar-reklutaġġ ta’ amministraturi (AD 7) fl-oqsma tad-dwana u tat-tassazzjoni (ĠU 2018, C 368 A, p. 1, iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ kompetizzjoni”), bl-għan li jiġu kkostitwiti żewġ listi ta’ riżerva, li minnhom il-Kummissjoni Ewropea, u prinċipalment id-Direttorat Ġenerali (DĠ) għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, ser jirreklutaw membri ġodda tas-servizz pubbliku bħala amministraturi.

3        L-avviż ta’ kompetizzjoni kien jeħtieġ b’mod partikolari, bħala kundizzjoni għall-ammissjoni fil-kompetizzjoni, l-għarfien ta’ mill-inqas żewġ lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din il-kundizzjoni għal ammissjoni kienet ifformulata kif ġej:

“Irid ikollok għarfien ta’ mill-inqas żewġ (2) lingwi uffiċjali tal-UE; b’għarfien profond (livell C1) f’tal-anqas waħda minnhom u għarfien sodisfaċenti fl-oħra (livell minimu B2).

Jekk jogħġbok kun af li l-livelli minimi meħtieġa hawn fuq iridu japplikaw għal kull ħila lingwistika (taħdit, kitba, qari u smigħ) kif mitluba fil-formola tal-applikazzjoni. Dawn il-ħiliet jirriflettu dawk tal-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi […]

F’dan l-avviż ta’ kompetizzjoni nagħmlu referenza għal-lingwi bħala:

–        Lingwa 1: il-lingwa użata għat-testijiet b’mistoqsijiet b’għażla multipla bil-kompjuter.

–        Lingwa 2: il-lingwa użata għas-selezzjoni bbażata fuq il-kwalifiki (Talent Screener), għat-testijiet taċ-ċentru ta’ valutazzjoni u għall-komunikazzjoni bejn l-EPSO u l-kandidati li jkunu ppreżentaw applikazzjoni valida. Din il-lingwa trid tkun differenti mil-lingwa 1.

Il-lingwa 2 trid tkun l-Ingliż jew il-Franċiż.

4        L-avviż ta’ kompetizzjoni jippreċiża r-raġuni għal-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa għall-Ingliż jew għall-Franċiż kif ġej:

“Il-kandidati li jirnexxu u li jiġu rreklutati għal dawn l-oqsma partikolari huma meħtieġa li jkollhom għarfien sodisfaċenti (livell minimu B2) tal-Ingliż jew il-Franċiż. Filwaqt li l-għarfien ta’ lingwi oħrajn jista’ jkun vantaġġuż, il-biċċa l-kbira tad-dipartimenti tal-Kummissjoni fid-Dwana u t-Tassazzjoni jistgħu jirrikorru għall-Ingliż jew il-Franċiż għax-xogħol analitiku, għall-komunikazzjoni interna kif ukoll għall-komunikazzjoni mal-partijiet ikkonċernati esterni, pubblikazzjonijiet u rapporti, leġiżlazzjoni, jew dokumenti ekonomiċi, kif imsemmi taħt “Liema kompiti għandi nistenna li nagħmel?” u fl-Anness I. Għaldaqstant, għarfien sodisfaċenti tal-Ingliż jew il-Franċiż huwa essenzjali. B’konsegwenza, kandidat li jirnexxi u li ma jkollux għarfien sodisfaċenti tal-Ingliż jew il-Franċiż ma jkunx jista’ jibda jaħdem immedjatament.”

5        Taħt it-titolu “Kif se nintgħażel?”, fil-punt 5 huwa indikat li l-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni kienu jikkonsistu f’erba’ testijiet, jiġifieri intervista bbażata fuq il-kompetenzi ġenerali, intervista relatata mal-qasam, eżerċizzju fi grupp u studju ta’ każ. Kull waħda mit-tmien kompetenzi ġenerali (“Analiżi u soluzzjoni tal-problemi”, “Komunikazzjoni”, “Kwalità u riżultati”, “Tagħlim u żvilupp”, “Prijoritizzazzjoni u organizzazzjoni”, “Reżiljenza”, “Ħidma ma’ oħrajn”, “Ħiliet ta’ tmexxija”) kienet evalwata fuq għaxar punti u l-kompetenzi relatati mal-qasam kienu evalwati fuq mitt punt. Il-marki minimi meħtieġa kienu, fir-rigward tal-kompetenzi ġenerali, 3/10 għal kull kompetenza u 40/80 b’kollox, u, fir-rigward tal-kompetenzi relatati mal-qasam, 50/100.

6        Fl‑10 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrenti applikat għal din il-kompetizzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni.

7        Il-kompiti li jistgħu jwettqu mill-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni huma deskritti fl-avviż ta’ kompetizzjoni bil-mod li ġej:

“Bħala uffiċjal tal-politika fid-direttorat tat-taxxa indiretta jew diretta tad-[DĠ għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali] jew waħda mill-unitajiet tal-għajnuna fiskali fid-[DĠ għall-Kompetizzjoni] se jkun mistenni li tibda taħdem minnufih u, bl-għajnuna tal-ġerarkija tiegħek, se jkun mistenni li tikteb dokumenti dwar is-suġġett tiegħek u tattendi laqgħat mal-Istati Membri u ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn biex tispjega jew tippreżenta l-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Se jkun mistenni li tirrappreżenta l-unità tiegħek f’laqgħat ma’ servizzi oħrajn tal-Kummissjoni u li twieġeb mistoqsijiet mill-pubbliku u minn Membri tal-Parlament Ewropew. Se tkun mistenni wkoll li tikkontribwixxi għall-briefings li jsiru għall-Kummissarju, għad-Direttur Ġenerali jew id-Direttur tiegħek skont il-bżonn. Skont l-unità li tkun qed taħdem fiha, se jkun mistenni li tikteb leġiżlazzjoni, deċiżjonijiet, dokument ta’ ħidma jew dokumenti ekonomiċi.”

8        Barra minn hekk, l-Anness I tal-avviż ta’ kompetizzjoni, intitolat “Kompiti”, jispeċifika dawn il-kompiti kif ġej:

“Ir-rwol ġenerali tal-amministraturi (AD 7) fil-qasam tat-tassazzjoni huwa li jappoġġaw lil min jieħu d-deċiżjonijiet biex iwettqu l-missjoni tal-istituzzjoni tagħhom, li jipprovdu analiżi legali, ekonomika u/jew statistika meħtieġa għall-bidu, l-iżvilupp, il-ġestjoni u/jew l-evalwazzjoni ta’ politiki tal-UE fit-tassazzjoni diretta u/jew indiretta, inkluż l-ipprezzar tat-trasferimenti jew l-għajnuna fiskali.

Il-kandidati ammessi se jintalbu janalizzaw kwistjonijiet ta’ tassazzjoni diretta u/jew indiretta, jagħmlu valutazzjoni legali skont ir-regoli u proċeduri dwar it-taxxa jew l-għajnuna mill-istat applikabbli, janalizzaw l-impatt tagħhom u jippreżentaw abbozzi legali jew iħejju analiżi ekonomika ta’ dawn il-kwistjonijiet. Jistgħu jintalbu wkoll jiżviluppaw attivitajiet ta’ komunikazzjoni fil-qasam tax-xogħol tagħhom, jieħdu sehem f’konferenzi u attivitajiet oħrajn, jagħmlu kompiti ta’ koordinazzjoni u negozjar fil-livell internazzjonali, b’rabta mal-politika tat-taxxa tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma [tal-analiżi ekonomika u evalwazzjoni tat-taxxi, tat-tassazzjoni diretta jew indiretta, tat-taxxa fuq il-valur miżjud u taxxi indiretti oħra (ambjent, trasport, enerġija u dazji tas-sisa)] […]”

9        Ir-rikorrenti, ta’ nazzjonalità Taljana, għażlet it-Taljan bħala l-lingwa 1 u l-Franċiż bħala l-lingwa 2 (iktar ’il quddiem it-“tieni lingwa”), lingwa li hija użat sabiex tħejji l-kandidatura tagħha. F’din l-okkażjoni, hija ddikjarat li l-livell ta’ għarfien tagħha tal-Franċiż huwa tal-istess livell bħat-Taljan, jiġifieri l-livell “C2” skont il-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi, ħlief fir-rigward tal-espressjoni bil-miktub, li fir-rigward tagħha hija ddikjarat li l-livell ta’ għarfien tagħha bil-Franċiż kien tal-livell “C1”.

10      Fl‑4 ta’ April u fl‑4 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrenti pparteċipat fl-eżamijiet fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni li kienu jikkonsistu fi studju ta’ każ, eżerċizzju fi grupp u żewġ intervisti individwali mal-Bord tal-Għażla. Dawn l-eżamijiet saru fit-tieni lingwa.

11      Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Lulju 2019, il-President tal-Bord tal-Għażla informa lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li isimha ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva minħabba li hija madankollu ma kinitx kisbet il-marka minima meħtieġa għal kull wieħed mill-eżamijiet (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2019”). Din l-ittra kienet akkumpanjata minn passaport ta’ kompetenzi li minnu jirriżulta b’mod partikolari li r-rikorrenti kisbet, minn naħa, marka eliminatorja ta’ 37/80 għall-evalwazzjoni tat-tmien kompetenzi ġenerali u, min-naħa l-oħra, marka ta’ 80/100 għall-evalwazzjoni tal-kompetenzi relatati mal-qasam li hija kienet għażlet.

12      Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Lulju 2019, ir-rikorrenti ressqet quddiem il-Bord tal-Għażla talba għal eżami mill-ġdid, imfassla bil-Franċiż, li ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-10 ta’ Diċembru ta’ wara (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑10 ta’ Diċembru 2019”).

13      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tad‑9 ta’ Marzu 2020, ir-rikorrenti, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), adixxiet lill-Awtorità tal-Ħatra bi lment imfassal bit-Taljan.

14      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal‑1 ta’ April 2020, l-EPSO informa lir-rikorrenti li, skont il-punt 4.3.1 tal-Anness III tal-avviż ta’ kompetizzjoni, l-ilment tagħha kellu jitressaq fit-tieni lingwa, jiġifieri l-Franċiż, u li l-ilment tagħha, imfassal bit-Taljan, konsegwentement ma kienx ser jittieħed inkunsiderazzjoni jekk ma tiġix trażmessa traduzzjoni bil-Franċiż lill-Awtorità tal-Ħatra qabel l‑1 ta’ Mejju ta’ wara.

15      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tad‑9 ta’ April 2020, ir-rikorrenti bagħtet traduzzjoni Franċiża tal-ilment tagħha lill-Awtorità tal-Ħatra, li ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat‑8 ta’ Lulju 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”).

II.    Talbiet talpartijiet

16      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet tas‑17 ta’ Lulju u tal‑10 ta’ Diċembru 2019, kif ukoll id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

17      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Iddritt

A.      Fuq issuġġett tattilwima

18      Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, meta kandidat għal kompetizzjoni jitlob l-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni meħuda minn Bord tal-Għażla, hija d-deċiżjoni meħuda minn dan tal-aħħar wara eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tal-kandidat li tikkostitwixxi l-att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) jew, jekk ikun il-każ, tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Id-deċiżjoni meħuda wara eżami mill-ġdid tissostitwixxi, b’dan il-mod, id-deċiżjoni inizjali tal-Bord tal-Għażla (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2018, Villeneuve vs Il‑Kummissjoni, T‑671/16, EU:T:2018:519, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      F’dan il-każ, l-att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrenti huwa d-deċiżjoni tal‑10 ta’ Diċembru 2019, meħuda wara eżami mill-ġdid, li isimha ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

20      Fir-rigward tat-talbiet formalment imressqa kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, għandu jitfakkar li r-rikors, anki jekk formalment ippreżentat kontra ċ-ċaħda tal-ilment, għandu l-effett li jressaq quddiem il-Qorti Ġenerali l-att li jikkawża preġudizzju li kontrih ikun sar l-ilment (sentenza tas‑17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punt 8), ħlief fil-każ fejn iċ-ċaħda tal-ilment ikollha portata differenti minn dik tal-att li kontrih ikun sar l-ilment (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2014, Mocová vs Il‑Kummissjoni, T‑347/12 P, EU:T:2014:268, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      F’dan il-każ, peress li hija tiċħad l-ilment u tikkonferma d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li isem ir-rikorrenti ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment ma għandhiex kontenut awtonomu tad-deċiżjoni kkontestata. F’każ bħal dan, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata għandha għalhekk tiġi eżaminata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, peress li din il-motivazzjoni hija meqjusa li tikkoinċidi mal-imsemmi att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2021, BK vs EASO, T‑277/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:161, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

B.      Fuq ilmertu

22      Ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi insostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tas-sistema lingwistika prevista mill-avviż ta’ kompetizzjoni, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ stabbiltà tal-Bord tal-Għażla, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-avviż ta’ kompetizzjoni, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal u l-ħames wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

23      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tinvoka l-illegalità tad-dispożizzjonijiet tal-avviż ta’ kompetizzjoni li, minn naħa, jillimitaw l-għażla tat-tieni lingwa li fiha jsiru l-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni għall-Franċiż u għall-Ingliż (iktar ’il quddiem il-“limitazzjoni kontenzjuża”) u, min-naħa l-oħra, jobbligaw lill-kandidati jużaw din il-lingwa fil-korrispondenza tagħhom mal-EPSO (iktar ’il quddiem l-“obbligu kontenzjuż”).

24      Il-Kummissjoni titlob li din l-eċċezzjoni ta’ illegalità tiġi miċħuda bħala inammissibbli u fi kwalunkwe każ infondata.

1.      Fuq lammissibbiltà talewwel motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità talavviż ta’ kompetizzjoni

25      Fid-dawl tal-portata rispettiva tagħhom, l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni għandha tiġi ttrattata separatament sa fejn dan jistabbilixxi, minn naħa, il-limitazzjoni kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, l-obbligu kontenzjuż.

a)      Fuq lammissibbiltà taleċċezzjoni ta’ illegalità talavviż ta’ kompetizzjoni sa fejn dan jistabbilixxi llimitazzjoni kontenzjuża

26      Il-Kummissjoni ssostni, billi tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2017, PB vs Il‑Kummissjoni (T‑609/16, EU:T:2017:910), li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-limitazzjoni kontenzjuża għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

27      F’dan ir-rigward, hija ssostni li, fl-assenza ta’ rabta mill-qrib bejn il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u l-ewwel motiv ibbażat fuq l-illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni, l-imsemmi motiv għandu jiġi miċħud minħabba tardività. Skont il-Kummissjoni, sabiex ikun ammissibbli li jiġu kkontestati d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu s-sistema lingwistika tal-eżamijiet tal-kompetizzjoni, kandidat għandu jressaq ilment kontra l-avviż ta’ kompetizzjoni fi żmien tliet xhur mill-pubblikazzjoni tiegħu.

28      Il-Kummissjoni tqis li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq elementi marbuta mill-qrib mas-sistema lingwistika tal-eżamijiet, iżda biss fuq il-marka insuffiċjenti li ngħatat lir-rikorrenti għall-evalwazzjoni tal-kompetenzi ġenerali tagħha, b’tali mod li ma hemmx rabta mill-qrib bejn il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata u l-motiv ibbażat fuq l-illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

29      Hija żżid li d-dgħufijiet sinjifikattivi kkonstatati waqt l-eżamijiet fl-għarfien ta’ ċerti kompetenzi ġenerali kienu jiġu osservati wkoll li kieku r-rikorrenti għamlet l-eżamijiet f’lingwa oħra. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma wrietx, permezz ta’ indizji konkreti, li hija kienet ġiet ippenalizzata bl-użu tal-lingwa Franċiża matul l-eżamijiet jew li setgħet tikseb riżultati aħjar li kieku hija għamlet dawn l-eżamijiet b’lingwa oħra.

30      Ir-rikorrenti tikkontesta dan l-argument.

31      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 277 TFUE huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiżgura li kull parti jkollha d-dritt li tikkontesta, sabiex tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni li tikkonċernaha direttament u individwalment, il-validità tal-atti istituzzjonali preċedenti, li jikkostitwixxu l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, jekk din il-parti ma kellhiex, mingħajr ebda dubju, id-dritt li tippreżenta rikors diretta kontra dawn l-atti, li hija b’hekk iġġarrab il-konsegwenzi tagħhom mingħajr ma kienet f’pożizzjoni li titlob l-annullament tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs BĊE, C‑11/00, EU:C:2003:395, punt 75; tas‑17 ta’ Diċembru 2020, BP vs FRA, C‑601/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1048, punt 26, u tat‑22 ta’ April 2004, Schintgen vs Il‑Kummissjoni, T‑343/02, EU:T:2004:111, punt 26).

32      F’dan il-każ, sa fejn l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni hija bbażata fuq il-premessa li r-rikorrenti ma kkontestatx l-avviż ta’ kompetizzjoni fi żmien xieraq, jiġifieri fi żmien tliet xhur mill-pubblikazzjoni tiegħu, l-ewwel għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti kellhiex, mingħajr ebda dubju, tali possibbiltà.

33      F’dan il-każ, ma jistax jitqies li l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrenti kontra l-avviż ta’ kompetizzjoni sa fejn dan jistabbilixxi l-limitazzjoni kontenzjuża kienet evidenti. Fil-fatt, għandu jitfakkar li huwa b’mod eċċezzjonali li avviż ta’ kompetizzjoni jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament meta, billi jimponi kundizzjonijiet li jeskludu l-kandidatura ta’ parti, jikkostitwixxi deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju fis-sens tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 1975, Küster vs Il‑Parlament, 79/74, EU:C:1975:85, punti 5 sa 8, u d-digriet tal‑24 ta’ Ġunju 2013, Mateo Pérez vs Il‑Kummissjoni, F‑144/11, EU:F:2013:86, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Issa, il-limitazzjoni kontenzjuża ma għandhiex l-effett li teskludi l-kandidatura ta’ kandidat li, bħar-rikorrenti, iqis li għandu għarfien ta’ mill-inqas żewġ lingwi uffiċjali tal-Unjoni fil-livelli meħtieġa mill-avviż ta’ kompetizzjoni. Għalhekk, peress li ma jimponix kundizzjonijiet li jeskludu l-kandidatura tar-rikorrenti, l-avviż ta’ kompetizzjoni ma jikkostitwixxix deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju u ma setax, minħabba f’hekk, ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament min-naħa tar-rikorrenti.

35      Fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jimplika li att li ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 270 TFUE għandu jkun jista’ jkun is-suġġett ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE, l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ att ta’ portata ġenerali hija, f’tali każ, biss suġġetta għall-kundizzjoni doppja li l-att individwali kkontestat ikun ġie adottat b’applikazzjoni diretta tal-att ta’ portata ġenerali u li r-rikorrent ikollu interess li jikkontesta d-deċiżjoni individwali li hija s-suġġett tal-azzjoni prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2007, Wils vs Il‑Parlament, F‑105/05, EU:F:2007:128, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni intiża sabiex jiġi stabbilit jekk id-deċiżjoni kkontestata ttiħditx b’applikazzjoni diretta tal-avviż ta’ kompetizzjoni, għandu jiġi ppreċiżat li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li jistgħu jkunu b’mod validu s-suġġett ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità d-dispożizzjonijiet ta’ att ta’ portata ġenerali li jikkostitwixxu l-bażi tad-deċiżjoni individwali jew li jkollhom rabta legali diretta ma’ tali deċiżjoni (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, peress li t-termini tal-avviż ta’ kompetizzjoni jikkostitwixxu kemm il-kuntest ta’ legalità kif ukoll il-kuntest ta’ evalwazzjoni għall-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2018, UR vs Il‑Kummissjoni, T‑761/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:968, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-imsemmi avviż huwa, jekk mhux il-bażi legali nnifsu tad-deċiżjoni kkontestata, tal-inqas wieħed mill-atti li jikkostitwixxu l-kuntest ġuridiku li fih din kellha tiġi adottata.

38      Barra minn hekk, peress li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata skont il-proċedura prevista mill-avviż ta’ kompetizzjoni, minn dan jirriżulta li l-limitazzjoni kontenzjuża għandha wkoll rabta legali diretta mad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, Carbajo Ferrero vs Il‑Parlament, T‑670/19, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2021:435, punt 56).

39      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni dwar l-interess ġuridiku u jekk jiġi preżunt li l-argument tal-Kummissjoni jista’ jinftiehem bħala kontestazzjoni tal-interess li r-rikorrenti jkollha sabiex titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba li l-limitazzjoni kontenzjuża tkun illegali, għandu jitfakkar li rikorrent ċertament ma huwiex awtorizzat jaġixxi fl-interess tal-liġi jew tal-istituzzjonijiet u jista’ jsostni biss, insostenn ta’ rikors għal annullament, l-ilmenti li huma personali għalih (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 1983, Schloh vs Il‑Kunsill, 85/82, EU:C:1983:179, punt 14).

40      Madankollu, dan ir-rekwiżit jimplika biss li l-ilmenti tar-rikorrenti jistgħu jkunu l-bażi ta’ annullament li minnu huwa jista’ jibbenefika, jiġifieri, f’dan il-każ, li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tista’, permezz tar-riżultat tagħha, tagħti benefiċċju lill-parti li tkun qajmitha (sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il‑Kummissjoni, T‑135/05, EU:T:2006:366, punt 132). Skont il-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni, huwa biss, fi kwalunkwe każ, fin-nuqqas ta’ rabta mill-qrib bejn il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata u l-motiv ibbażat fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni li dan tal-aħħar għandu jiġi ddikjarat inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2017, PB vs Il‑Kummissjoni, T‑609/16, EU:T:2017:910, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Issa, fuq dan il-punt, bir-riskju li jiġi impost fuqha oneru ta’ prova li hija impossibbli li tiġi prodotta, ma jistax jiġi rikjest li r-rikorrenti turi li, b’eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament skont l-Artikolu 266 TFUE, hija kienet neċessarjament tikseb marka aħjar fl-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, iżda biss li tali possibbiltà ma hijiex eskluża, peress li barra minn hekk għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Għażla bl-evalwazzjoni tagħha.

42      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-avviż ta’ kompetizzjoni ma jobbligax lill-kandidati li jagħżlu l-lingwa li għandhom l-iktar għarfien tagħha bħala l-lingwa 1. Għaldaqstant, il-preferenza mogħtija lill-Ingliż jew lill-Franċiż, bl-esklużjoni tal-lingwi uffiċjali l-oħra kollha tal-Unjoni, tista’, kif issostni r-rikorrenti, tkun tat vantaġġ fl-eżamijiet lill-kandidati li għalihom waħda minn dawn iż-żewġ lingwi hija l-lingwa li għandhom l-iktar għarfien tagħha, għad-detriment tal-kandidati l-oħra li għalihom dan ma huwiex il-każ.

43      Fil-fatt, diġà ġie deċiż li l-livell ta’ għarfien tat-tieni lingwa tal-kandidati huwa rifless inevitabbilment u neċessarjament fl-eżamijiet intiżi sabiex jiġu ttestjati l-kompetenzi ġenerali u speċifiċi previsti mill-kompetizzjoni inkwistjoni li jsiru f’din il-lingwa (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2021, Calhau Correia de Paiva vs Il‑Kummissjoni, T‑202/17, taħt appell, EU:T:2021:323, punt 55).

44      F’dan il-kuntest, jista’ b’mod partikolari jiġi rrilevat li mill-formoli użati għall-evalwazzjoni tal-kompetenzi ġenerali, trażmessi mill-Kummissjoni bi tweġiba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jirriżulta li l-għarfien ta’ lingwa jista’ jkollu influwenza fuq il-marki tal-kompetenzi ġenerali tal-kandidati.

45      B’mod partikolari, waqt l-intervista bbażata fuq il-kompetenzi ġenerali, il-Bord tal-Għażla kellu jieħu inkunsiderazzjoni, għall-evalwazzjoni tal-kompetenza “Komunikazzjoni”, id-diffikultà tal-kandidat li jesprimi ruħu oralment b’mod li jinftiehem jew suffiċjentement preċiż. L-istess japplika għall-evalwazzjoni ta’ din il-kompetenza waqt l-istudju ta’ każ peress li huwa previst li l-Bord tal-Għażla jagħti marka iktar baxxa lill-kandidati jekk iqis li “l-lingwa, il-vokabularju, l-istil u r-reġistru użati ma humiex xierqa”.

46      Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 9 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti stess iddikjarat fl-att tal-kandidatura tagħha li l-għarfien tagħha tal-espressjoni bil-miktub bil-Franċiż hija inqas tajba milli bit-Taljan, il-lingwa li għandha l-iktar għarfien tagħha, u għalhekk ma jistax jiġi eskluż li l-għarfien imperfett ta’ din it-tieni lingwa seta’ jaffettwa l-marka tagħha waqt l-eżami bil-miktub.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż qabel kollox li r-rikorrenti, li, meta mqabbla mal-kompetenzi ġenerali, kisbet marka globali, jiġifieri 37/80, nettament iktar baxxa minn dik miksuba meta mqabbla mal-kompetenzi relatati mal-qasam, jiġifieri 80/100, u li kisbet b’mod partikolari l-marka ta’ 4.5/10 għall-evalwazzjoni tal-kompetenza “Komunikazzjoni”, ukoll iktar baxxa mill-marka għall-evalwazzjoni tal-kompetenzi relatati mal-qasam, kien ikollha ċ-ċans li tikseb marka aħjar li kieku hija setgħet tagħmel l-eżamijiet bil-lingwa materna tagħha, jiġifieri t-Taljan. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 44 u 45 iktar ’il fuq, l-għarfien ta’ lingwa, lil hinn minn terminoloġija teknika li tikkonċerna qasam speċifiku, jista’ b’mod partikolari jaffettwa l-marki tal-kompetenzi ġenerali tal-kandidati. Barra minn hekk, id-differenza kunsiderevoli bejn il-marka tar-rikorrenti fir-rigward tal-kompetenzi ġenerali u l-marka tagħha fir-rigward tal-kompetenzi relatati mal-qasam tirrappreżenta indikazzjoni konkreta tal-fatt li dan seta’ kien il-każ hawnhekk.

48      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni sa fejn dan jistabbilixxi l-limitazzjoni kontenzjuża hija ammissibbli.

b)      Fuq lammissibbiltà taleċċezzjoni ta’ illegalità talavviż ta’ kompetizzjoni sa fejn dan jistabbilixxi lobbligu kontenzjuż

49      Il-Kummissjoni ssostni li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni sa fejn dan jistabbilixxi l-obbligu kontenzjuż hija inammissibbli, peress li r-rikorrenti ma għandha l-ebda interess li tinvoka din l-allegata illegalità. Hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata la tiddependi mill-fatt li r-rikorrenti kienet obbligata tikkomunika mal-EPSO fit-tieni lingwa u lanqas li hija kellha tressaq l-ilment tagħha bil-Franċiż.

50      Ir-rikorrenti tikkontesta dan l-argument.

51      Għandu jitfakkar li l-portata ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tkun limitata għal dak li huwa indispensabbli għas-soluzzjoni tat-tilwima (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2020, Oosterbosch vs Il‑Parlament, T‑131/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:250, punt 54). Peress li l-Artikolu 277 TFUE ma huwiex intiż li jippermetti lil parti tikkontesta l-applikabbiltà ta’ kwalunkwe att ta’ portata ġenerali insostenn ta’ kwalunkwe rikors, l-att li titqajjem l-illegalità tiegħu għandu jkun applikabbli, direttament jew indirettament, għall-każ li jkun is-suġġett tar-rikors (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      F’dan ir-rigward, indipendentement mill-fatt li l-Artikolu 20(2)(d) TFUE u l-Artikolu 41(4) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxu d-dritt li wieħed jindirizza lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’waħda mil-lingwi tat-Trattati u li jirċievi tweġiba bl-istess lingwa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-obbligu kontenzjuż ma eżerċita l-ebda influwenza, diretta jew indiretta, fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li isem ir-rikorrenti ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva wara l-eżamijiet ma għandhiex rabta, diretta jew indiretta, mal-obbligu ta’ komunikazzjoni mal-EPSO fit-tieni lingwa tal-kompetizzjoni.

53      Fl-assenza ta’ kull rabta, a fortiori ta’ rabta legali diretta, bejn id-deċiżjoni kkontestata u l-obbligu kontenzjuż, ma jistax għalhekk jiġi kkunsidrat li din id-deċiżjoni tikkostitwixxi miżura ta’ applikazzjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni sa fejn dan jistabbilixxi l-imsemmi obbligu.

54      L-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni sa fejn dan jistabbilixxi l-obbligu kontenzjuż għandha għalhekk tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

55      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-ewwel motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli biss sa fejn dan jikkonċerna l-limitazzjoni kontenzjuża.

2.      Fuq ilfondatezza taleċċezzjoni ta’ illegalità talavviż ta’ kompetizzjoni sa fejn dan jistabbilixxi llimitazzjoni kontenzjuża

56      Insostenn tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, ir-rikorrenti ssostni li l-limitazzjoni kontenzjuża tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa pprojbita mill-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan il-kuntest, għandu jiġi vverifikat, qabelxejn, jekk il-limitazzjoni kontenzjuża tagħmilx differenza fit-trattament ibbażata fuq il-lingwa u, jekk dan ikun il-każ, sussegwentement, jekk din id-differenza fit-trattament hijiex iġġustifikata minn għan leġittimu u mbagħad, fl-aħħar nett, jekk din hijiex proporzjonata għat-twettiq tal-għan leġittimu possibbilment imfittex.

a)      Fuq leżistenza ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq illingwa

57      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-limitazzjoni kontenzjuża żvantaġġatha matul l-eżamijiet meta mqabbla mal-kandidati li għalihom l-Ingliż jew il-Franċiż huwa l-lingwa materna jew prinċipali tagħhom, jiġifieri l-lingwa li għandhom l-iktar għarfien tagħha.

58      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument billi targumenta, essenzjalment, li l-għarfien ta’ lingwa f’livell ogħla mil-livell minimu meħtieġ mill-avviż ta’ kompetizzjoni ma jagħmilx parti mill-għarfien u mill-kompetenzi evalwati mill-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni.

59      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li fl-applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar hija pprojbita kull diskriminazzjoni, bħal, b’mod partikolari, id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa.

60      F’dan il-każ, il-fatt li l-kandidati ġew obbligati jagħżlu t-tieni lingwa tal-kompetizzjoni minn fost l-Ingliż jew il-Franċiż biss jikkostitwixxi differenza fit-trattament ibbażata fuq il-lingwa, li bħala prinċipju hija pprojbita bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni.

61      Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-avviż ta’ kompetizzjoni ma kienx jipprojbixxi lill-kandidati li għalihom l-Ingliż jew il-Franċiż huwa l-lingwa li għandhom l-iktar għarfien tagħha sabiex jagħżlu din il-lingwa bħala t-tieni lingwa. Minn dan isegwi li, kif ġie kkonstatat fil-punt 42 iktar ’il fuq, il-preferenza mogħtija lill-Ingliż jew lill-Franċiż, bħala t-tieni lingwa, tista’ tkun ta’ vantaġġ, fl-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, għall-kandidati li waħda minn dawn iż-żewġ lingwi hija l-lingwa li għandhom l-iktar għarfien tagħha, għad-detriment tal-kandidati l-oħra li, filwaqt li jkollhom għarfien suffiċjenti ta’ mill-inqas żewġ lingwi uffiċjali tal-Unjoni, madankollu ma kellhomx il-possibbiltà li jagħmlu l-eżamijiet fil-lingwa li għandhom l-iktar għarfien tagħha.

62      Madankollu, mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni huma possibbli, bil-kundizzjoni li jkunu “iġġustifikat[i] fuq bażijiet oġġettivi u raġonevoli” u li jissodisfaw għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal.

63      Għalhekk, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom u, b’mod partikolari, fid-determinazzjoni tal-kriterji ta’ kapaċità meħtieġa mill-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew u, skont dawn il-kriterji u fl-interess tas-servizz, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ organizzazzjoni tal-kompetizzjoni, hija rregolata b’mod obbligatorju mill-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, b’tali mod li d-differenzi fit-trattament ibbażati fuq il-lingwa li jirriżultaw minn limitazzjoni tas-sistema lingwistika tal-kompetizzjoni għal numru ristrett ta’ lingwi uffiċjali jistgħu jiġu ġġustifikati biss jekk tali limitazzjoni tkun oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-bżonnijiet reali tas-servizz (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa li tirriżulta mil-limitazzjoni kontenzjuża hijiex iġġustifikata minn għan leġittimu u, jekk ikun il-każ, proporzjonata mal-bżonnijiet reali tas-servizz kif deskritti fl-avviż ta’ kompetizzjoni.

b)      Fuq ilġustifikazzjoni taddiskriminazzjoni bbażata fuq illingwa

65      Ir-rikorrenti ssostni li hija l-Awtorità tal-Ħatra li għandha tipprova li l-limitazzjoni kontenzjuża hija ġġustifikata u proporzjonata għall-bżonnijiet reali tas-servizz billi tibbaża ruħha fuq elementi marbuta mar-rekwiżiti tal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew li jkunu, minn naħa, verifikabbli mill-qorti u, min-naħa l-oħra, jinftiehmu mill-kandidati.

66      Hija ssostni f’dan ir-rigward li l-ġustifikazzjoni mressqa mill-Awtorità tal-Ħatra fl-avviż ta’ kompetizzjoni, intiża sabiex tippermetti r-reklutaġġ ta’ uffiċjali immedjatament operattivi, ma tippreċiżax ir-rabta li teżisti bejn il-limitazzjoni kontenzjuża u n-natura tal-funzjonijiet li għandhom jiġu eżerċitati, kif deskritt fl-Anness I tal-avviż ta’ kompetizzjoni. Ma huwiex eskluż li ċerti kompiti jistgħu jitwettqu b’mod partikolari bit-Taljan. Barra minn hekk, fid-dawl tal-formulazzjoni ġenerali tagħha, il-limitazzjoni kontenzjuża lanqas ma tista’ tiġi ġġustifikata min-natura tal-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni.

67      Fir-rigward tad-data prodotta mill-Kummissjoni matul il-proċedura, ir-rikorrenti tqis li din ma hijiex rilevanti u, fi kwalunkwe każ, li ma huwiex stabbilit li l-Ingliż u l-Franċiż huma l-lingwi l-iktar użati fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew, bl-esklużjoni tal-lingwi l-oħra kollha tal-Unjoni.

68      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument billi targumenta, essenzjalment, li l-limitazzjoni kontenzjuża hija ġġustifikata minn żewġ għanijiet leġittimi, li huma ssostanzjati mill-provi, ikkostitwiti minn tabella li tispeċifika l-lingwi mitkellma mill-membri tal-persunal tad-DĠ għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali u tad-DĠ għall-Kompetizzjoni, tabelli li jispeċifikaw il-lingwi użati fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet mill-membri tal-persunal ta’ dawn id-direttorati ġenerali u l-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti ppubblikati minnhom bejn l‑1 ta’ Jannar 2016 u d‑9 ta’ Jannar 2020.

69      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għalkemm l-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li ħadd ma jista’ jinħatar bħala uffiċjal jekk jipproduċi evidenza ta’ għarfien profond ta’ waħda mil-lingwi tal-Unjoni u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Unjoni “sal-punt meħtieġ biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu”, dan l-artikolu ma jindikax il-kriterji li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi limitata l-għażla ta’ din il-lingwa fost il-lingwi uffiċjali msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal‑15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3) kif emendat (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495, punt 85 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tal‑5 ta’ Settembru 2019, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑313/15 u T‑317/15, mhux ippubblikat, EU:T:2019:582, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Tali kriterji lanqas ma jirriżultaw mill-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-ewwel paragrafu tiegħu jiddisponi, mingħajr ma jagħmel riferiment għall-għarfien lingwistiku, li “[i]r-reklutaġġ għandu jkollu l-mira li jiżgura li l-istituzzjoni jkollha s-servizzi ta’ uffiċjali tal-ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità, magħżula mill-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli minn fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni” u li “[l]-ebda pożizzjoni ma tkun riservata għal ċittadini ta’ xi Stat Membru speċifiku”. L-istess japplika għat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, li sempliċement jiddikjara li “[i]l-prinċipju tal-ugwaljanza taċ-ċittadini tal-Unjoni għandu jippermetti li kull istituzzjoni tadotta miżuri xierqa wara li jkun osservat li jkun jeżisti żbilanċ dejjiemi u sinfikanti bejn iċ-ċittadinanzi fost l-uffiċjali li ma jkunx ġustifikat minn kriterji oġġettivi”, billi jippreċiża, b’mod partikolari, li “[d]awk il-miżuri xierqa jridu jkunu ġustifikati u qatt ma għandhom jirriżultaw fi kriterji ta’ reklutaġġ għajr dawk imsejsa fuq il-mertu”.

71      Għalkemm mill-Artikolu 1(1)(f) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-avviż ta’ kompetizzjoni jista’ possibbilment jispeċifika l-għarfien lingwistiku meħtieġ min-“natura speċjali tal-posizzjonijiet li għandhom jimtlew”, din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma tikkostitwixxi awtorizzazzjoni ġenerali li tippermetti li l-għażla tat-tieni lingwa ta’ kompetizzjoni tiġi limitata għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali fost dawk imsemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495, punt 86 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll id-digriet tal‑5 ta’ Settembru 2019, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑313/15 u T‑317/15, mhux ippubblikat, EU:T:2019:582, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      F’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat li l-limitazzjoni kontenzjuża hija ġġustifikata, minn naħa, kif jirriżulta mill-Linji gwida ġenerali tal-Kulleġġ tal-Kapijiet tal-Amministrazzjoni dwar l-użu tal-lingwi fil-kompetizzjonijiet tal-EPSO, li jinsabu fl-Anness II tar-Regoli Ġenerali li Jirregolaw il-Kompetizzjonijiet Miftuħa (ĠU 2015, C 70A, p. 1, iktar ’il quddiem l-“Anness II”), min-natura tal-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni u, min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-kontenut tal-avviż ta’ kompetizzjoni riprodott fil-punt 4 iktar ’il fuq, mill-għan li jkun hemm uffiċjali immedjatament operattivi.

1)      Fuq ilġustifikazzjoni bbażata fuq innatura tależamijiet taċċentru ta’ evalwazzjoni

73      Skont il-Linji gwida ġenerali tal-Kulleġġ tal-Kapijiet tal-Amministrazzjoni dwar l-użu tal-lingwi fil-kompetizzjonijiet tal-EPSO li jinsabu fl-Anness II, li għalihom tirreferi l-Kummissjoni, il-limitazzjoni kontenzjuża hija ġġustifikata min-natura tal-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, peress li din teżiġi li, “[s]abiex jiġi żgurat li l-kandidati jkunu jistgħu jiġu evalwati b’mod ġust u jkunu jistgħu jikkomunikaw direttament mal-evalwaturi u l-kandidati l-oħra li jkunu qed jieħdu sehem fl-eżerċizzju, l-applikazzjoni ta’ dan il-metodu titlob, b’mod partikolari, li ċ-ċentru ta’ evalwazzjoni jsir f’lingwa komuni jew, f’ċerti ċirkostanzi, fil-lingwa waħda ewlenija tal-kompetizzjoni”.

74      Madankollu, dan il-motiv ma jistax jintlaqa’ peress li, minħabba l-formulazzjoni ġenerali tagħha, din il-ġustifikazzjoni tista’ tapplika għal kwalunkwe proċedura ta’ kompetizzjoni, indipendentement min-natura partikolari tal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew fi tmiem il-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni.

75      Barra minn hekk, mill-imsemmi Anness II jirriżulta li l-proċedura ta’ selezzjoni stabbilita mill‑2010 u, b’mod partikolari, l-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni għandhom l-għan li jipprevedu aħjar jekk il-kandidati humiex f’pożizzjoni li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom. Minn dan jirriżulta li dan l-argument ibbażat fuq in-natura tal-proċedura ta’ selezzjoni huwa marbut mill-qrib mal-motiv ibbażat fuq in-neċessità li l-persuni l-ġodda rreklutati jkunu immedjatament operattivi. Għaldaqstant, jekk ma jkunx hemm dan l-aħħar motiv, l-argument ibbażat fuq in-natura tal-proċedura ta’ selezzjoni ma jistax, waħdu, jiġġustifika l-limitazzjoni tan-numru ta’ lingwi li jistgħu jintgħażlu bħala t-tieni lingwa tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2021, Calhau Correia de Paiva vs Il‑Kummissjoni, T‑202/17, taħt appell, EU:T:2021:323, punt 98 (mhux ippubblikata)).

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tan-natura partikolari tal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew, riprodotti fil-punti 7 u 8 iktar ’il fuq, in-neċessità li jkun hemm uffiċjali immedjatament operattivi tikkostitwixxix ġustifikazzjoni leġittima tal-limitazzjoni kontenzjuża.

2)      Fuq ilġustifikazzjoni bbażata fuq inneċessità li jkun hemm uffiċjali immedjatament operattivi

77      Skont il-ġurisprudenza, huwa ċertament aċċettat li jeżisti interess tas-servizz li l-persuni rreklutati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni wara proċedura ta’ selezzjoni, bħall-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni, ikunu jistgħu jkunu immedjatament operattivi u, għalhekk, kapaċi jassumu malajr il-funzjonijiet li l-imsemmija istituzzjonijiet għandhom l-intenzjoni li jafdawlhom (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2021, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑554/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:554, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      F’dan ir-rigward, anki jekk jitqies li huwa neċessarju li jiġi previst ħin għall-adattament għal kompiti ġodda u għal użanzi ġodda tax-xogħol kif ukoll iż-żmien neċessarju għall-integrazzjoni f’dipartiment ġdid, huwa leġittimu għal istituzzjoni li tfittex li tirrekluta persuni li jkunu, sa mit-teħid ta’ funzjonijiet tagħhom, kapaċi, tal-inqas, minn naħa, li jikkomunikaw mal-ġerarkija tagħhom u mal-kollegi tagħhom u li jkollhom, għalhekk, il-kapaċità li jwettqu kemm jista’ jkun malajr u kemm jista’ jkun perfettament il-portata tal-funzjonijiet li jiġu fdati lilhom u l-kontenut tal-kompiti li ser ikollhom iwettqu u, min-naħa l-oħra, li jiskambjaw informazzjoni mal-kollaboraturi u mal-korrispondenti esterni tad-dipartimenti inkwistjoni. Fil-fatt, kif ġie deċiż, l-għarfien lingwistiku tal-uffiċjali huwa aspett essenzjali tal-karriera tagħhom. Għaldaqstant, għandu jitqies li huwa leġittimu għal istituzzjoni li tfittex li tirrekluta persuni li jkunu jistgħu jużaw b’mod effikaċi u jifhmu kemm jista’ jkun possibbli l-lingwa jew il-lingwi użati fil-kuntest professjonali li fih dawn il-persuni ser ikunu integrati (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2021, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑554/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:554, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Madankollu, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha twettaq eżami in concreto tar-regoli li jistabbilixxu s-sistema lingwistika tal-kompetizzjonijiet bħal dik inkwistjoni fl-avviż ta’ kompetizzjoni kontenzjuż, peress li tali eżami biss jista’ jippermetti li jiġi stabbilit l-għarfien lingwistiku li jista’ oġġettivament jintalab, fl-interess tas-servizz, mill-istituzzjonijiet, fil-każ ta’ funzjonijiet speċifiċi, u, għaldaqstant, jekk il-limitazzjoni possibbli fl-għażla tal-lingwi li jistgħu jintużaw sabiex jieħdu sehem f’dawn il-kompetizzjonijiet hijiex oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-bżonnijiet reali tas-servizz (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, C‑621/16 P, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, EU:C:2019:251, punt 94).

80      B’mod iktar partikolari, il-qorti tal-Unjoni għandha mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn il-provi humiex tali li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li jirriżultaw minnhom (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat qabel kollox li s-sempliċi deskrizzjoni tan-natura tal-funzjonijiet li tinsab fl-avviż ta’ kompetizzjoni u fl-Anness I ta’ dan l-avviż ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li huma biss iż-żewġ lingwi li għalihom hija limitata l-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni inkwistjoni li jippermettu lill-kandidati li għaddew minn kompetizzjoni li jkunu immedjatament operattivi. Fil-fatt, l-ebda element tal-avviż ta’ kompetizzjoni ma jippermetti li jintwera użu effettiv ta’ dawn iż-żewġ lingwi fit-twettiq tal-kompiti elenkati fl-imsemmi avviż ta’ kompetizzjoni u fl-Anness I tiegħu.

82      Għall-kuntrarju, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Anness I tal-avviż ta’ kompetizzjoni, li jispeċifika l-kompiti tipiċi li għandhom jitwettqu, jirreferi għal diversi kompiti, li jinkludu, b’mod partikolari, il-“monitoraġġ tal-politika tat-tassazzjoni fl-Istati Membri […] kif ukoll tal-leġiżlazzjoni fiskali u l-implimentazzjoni tar-Regoli tal-UE tal-Istati Membri”, il-“[v]alutazzjoni tat-taxxi nazzjonali diretti minn perspettiva ta’ għajnuna mill-Istat”, il-“monitoraġġ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-VAT tal-Istati Membri” u l-“valutazzjoni tat-taxxi nazzjonali indiretti minn perspettiva ta’ għajnuna mill-Istat”. Dawn id-diversi kompiti pjuttost jindikaw li, mingħajr ma tiġi eskluża l-possibbiltà li l-għarfien ta’ lingwa partikolari huwa indispensabbli, ir-reklutaġġ ta’ uffiċjali bi profili lingwistiċi varjati jippreżenta vantaġġ għall-funzjonament tas-servizz, peress li dawn ikunu kapaċi jeżaminaw il-politiki u l-leġiżlazzjonijiet fiskali tal-Istati Membri fil-lingwa jew fil-lingwi uffiċjali ta’ dawn tal-aħħar.

83      Minkejja din il-konstatazzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk it-tliet dokumenti pprovduti mill-Kummissjoni matul il-proċedura, bħala annessi mar-risposta, jistgħux jistabbilixxu l-għarfien lingwistiku li seta’ oġġettivament jintalab, fid-dawl tan-natura partikolari tal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew, mill-Kummissjoni, għall-finijiet tar-reklutaġġ ta’ “uffiċjal tal-politika” fid-Direttorat tat-Taxxa Indiretta jew Diretta tad-DĠ għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali jew ta’ uffiċjal inkarigat f’waħda mid-diviżjonijiet tal-għajnuna mill-Istat ta’ natura fiskali fid-DĠ għall-Kompetizzjoni, li jkunu immedjatament operattivi.

84      F’dan ir-rigward, meħuda fit-totalità tagħhom, jista’ jiġi kkunsidrat li d-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni juru li l-Ingliż u l-Franċiż huma probabbilment iż-żewġ lingwi li l-għarfien tagħhom huwa l-iktar komuni fi ħdan id-direttorati ġenerali li fihom il-kandidati li għaddew minn kompetizzjoni jistgħu jiġu rreklutati.

85      Madankollu, din il-konstatazzjoni ma hijiex biżżejjed, fiha nnifisha, sabiex tistabbilixxi l-għarfien lingwistiku li seta’ oġġettivament ikun meħtieġ fir-rigward tal-funzjonijiet partikolari li l-persuni rreklutati ser jintalbu jwettqu. Fil-fatt, għandu jiġi vverifikat jekk, fid-dawl tan-natura partikolari tal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew, l-għarfien ta’ waħda biss minn dawn iż-żewġ lingwi, bħala t-tieni lingwa, jippermettix effettivament lil uffiċjal irreklutat li jkun “immedjatament operattiv” u, jekk ikun il-każ, li jiġi vverifikat li l-obbligu li jagħmel l-eżamijiet kollha taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni fit-tieni lingwa kienx xieraq sabiex jissodisfa tali bżonn.

86      Fir-rigward tan-natura partikolari tal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew, analiżi ddettaljata tad-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni turi li, fl-eżerċizzju ta’ kuljum tal-funzjonijiet li l-kandidati li għaddew minn kompetizzjoni ser jintalbu jwettqu, l-għarfien sodisfaċenti ta’ waħda minn dawn iż-żewġ lingwi biss, jiġifieri l-Ingliż, jista’ jitqies bħala indispensabbli sabiex kandidat li għadda minn kompetizzjoni jkun “immedjatament operattiv”.

87      Fil-fatt, id-deskrizzjoni tal-pożizzjoni tal‑34 avviż ta’ pożizzjoni vakanti ppubblikata fid-direttorati ġenerali kkonċernati bejn l‑1 ta’ Jannar 2016 u d‑9 ta’ Jannar 2020, li tinsab fl-Anness B.3 tar-risposta, turi li, jekk l-għarfien tal-Ingliż huwa indispensabbli, tali rekwiżit ma huwiex meħtieġ f’termini simili għall-Franċiż, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni.

88      Fil-fatt, jista’ jiġi rrilevat li d-deskrizzjoni tal-pożizzjoni ta’ diversi avviżi ta’ pożizzjoni vakanti tipprevedi li “il-lingwi tax-xogħol tad-diviżjoni huma (prinċipalment) l-Ingliż u (sa ċertu punt) il-Franċiż”. Fl-istess sens, avviż ta’ pożizzjoni vakanti jipprevedi li l-“għarfien tal-Ingliż huwa neċessarju” u li “għarfien bażiku tal-Franċiż” huwa biss “mixtieq”. Barra minn hekk, minn diversi avviżi ta’ pożizzjoni vakanti jirriżulta li, jekk il-lingwa tax-xogħol tat-tim tkun l-Ingliż, l-għarfien sodisfaċenti ta’ lingwi oħra, bħall-Ġermaniż, l-Ispanjol, it-Taljan, il-Pollakk jew lingwi uffiċjali oħra jikkostitwixxi vantaġġ.

89      Għalhekk, jekk l-għarfien mifrux tal-Franċiż fi ħdan id-direttorati ġenerali kkonċernati ma jippermettix li jiġi eskluż li kandidat li għadda minn kompetizzjoni li jkollu biss għarfien sodisfaċenti tal-Franċiż jista’, eventwalment, ikun operattiv, madankollu ma jistax jitqies, fid-dawl tan-natura partikolari tal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew, li tali kandidat li għadda minn kompetizzjoni jkun “immedjatament operattiv” kif meħtieġ mill-avviż ta’ kompetizzjoni.

90      Meta ġiet mistoqsija dwar dan il-punt waqt is-seduta, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tidentifika għal liema impjieg kandidat li għadda minn kompetizzjoni li kellu biss għarfien suffiċjenti tal-Franċiż, bħala t-tieni lingwa, seta’ jinħatar u jiġi kkunsidrat bħala “immedjatament operattiv”.

91      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-kliem tal-avviż ta’ kompetizzjoni, il-limitazzjoni kontenzjuża hija essenzjali, għaliex “il-biċċa l-kbira tad-dipartimenti tal-Kummissjoni fid-Dwana u t-Tassazzjoni jistgħu jirrikorru għall-Ingliż jew il-Franċiż għax-xogħol analitiku, għall-komunikazzjoni interna kif ukoll għall-komunikazzjoni mal-partijiet ikkonċernati esterni, pubblikazzjonijiet u rapporti, leġiżlazzjoni, jew dokumenti ekonomiċi, kif imsemmi taħt ‘Liema kompiti għandi nistenna li nagħmel?’ u fl-Anness I”. Huwa abbażi ta’ dan il-kliem li l-avviż ta’ kompetizzjoni jikkonkludi li kandidat li għadda minn kompetizzjoni li ma jkollux għarfien sodisfaċenti tal-Ingliż jew tal-Franċiż ma jkunx immedjatament operattiv.

92      Minn dan jirriżulta li l-għan li jiġu rreklutati uffiċjali “immedjatament operattivi” huwa mifhum essenzjalment fir-rigward tal-kompetenzi relatati mal-qasam iktar milli fir-rigward tal-kompetenzi ġenerali.

93      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-erba’ eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni kellhom isiru fit-tieni lingwa, minkejja li ma jidhirx li kien strettament neċessarju, sabiex jintlaħaq l-għan intiż li jiġu rreklutati uffiċjali “immedjatament operattivi”, li t-tliet eżamijiet, intiżi biss sabiex jittestjaw il-kompetenzi ġenerali, isiru wkoll fl-imsemmija tieni lingwa.

94      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni sa fejn dan jistabbilixxi l-limitazzjoni kontenzjuża, huwa fondat. Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra.

 Fuq lispejjeż

95      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal10 ta’ Diċembru 2019 li permezz tagħha l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AD/363/18 irrifjuta, wara eżami mill-ġdid, li jinkludi isem MZ fil-lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ amministraturi fil-grad AD 7 fil-qasam tat-tassazzjoni, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Svenningsen

Barents

Mac Eochaidh

Pynnä

 

      Laitenberger

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑6 ta’ Lulju 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.