Language of document : ECLI:EU:T:2022:430

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

6 ta’ Lulju 2022 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea NEHERA – Raġuni assoluta ta’ invalidità – Assenza ta’ mala fide – Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 59(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001)”

Fil-Kawża T‑250/21,

Ladislav Zdút, residenti fi Bratislava (ls-Slovakkja), irrappreżentat minn Y. Echevarría García, avukata,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Gája, bħala aġent,

konvenut,

il-partijiet l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li huma

Isabel Nehera, residenti f’Sutton, Ontario (il-Kanada),

Jean-Henri Nehera, residenti f’Burnaby, British Columbia (il-Kanada),

Natacha Sehnal, residenti f’Montferrier-sur-Lez (Franza),

irrappreżentati minn W. Woll, avukat,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

komposta minn A. Kornezov, President, E. Buttigieg, K. Kowalik-Bańczyk (Relatur), G. Hesse u D. Petrlík, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat li ma kienx hemm talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrent, Ladislav Zdút, jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal‑10 ta’ Marzu 2021 (Każ R 1216/2020‑2) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Fis‑6 ta’ Mejju 2013, ir-rikorrent ippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-EUIPO, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

3        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

4        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu, b’mod partikolari, taħt il-klassijiet 18, 24 u 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu b’mod partikolari, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 18: “Ġilda u imitazzjoni tal-ġilda, oġġetti magħmula minn dawn il-materjali u mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud tal-annimali; bagolli u valiġġi; umbrelel u umbrelel tax-xemx, bsaten”;

–        klassi 24: “Throws għas-sodda; tvalja”;

–        klassi 25: “Ħwejjeġ, xedd tas-saqajn u xedd ir-ras”.

5        L-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 2013/107, tal‑10 ta’ Ġunju 2013.

6        It-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata fit‑13 ta’ Ottubru 2014 bin-numru 11794112 għall-prodotti msemmija fil-punt 4 iktar ’il fuq.

7        Fis‑17 ta’ Ġunju 2019, l-intervenjenti, Isabel Nehera, Jean-Henri Nehera u Natacha Sehnal, ressqu talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kontra l-imsemmija trade mark, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 59(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, għall-prodotti kollha koperti minn din it-trade mark. Huma sostnew li r-rikorrent kien in mala fide meta ppreżenta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata. Huma esponew b’mod partikolari li n-nannu tagħhom, Jan Nehera, kien ħoloq fiċ-Ċekoslovakkja fis-snin 30, impriża li tikkummerċjalizza ħwejjeġ u aċċessorji u kien ippreżenta u uża trade mark nazzjonali identika għat-trade mark ikkontestata (iktar ’il quddiem it-“trade mark preċedenti Ċekoslovakka”).

8        Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ April 2020, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, għar-raġuni li l-mala fide tar-rikorrent waqt il-preżentata tat-trade mark ikkontestata ma kinitx ġiet stabbilita.

9        Fil‑15 ta’ Ġunju 2020, l-intervenjenti ppreżentaw appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

10      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO laqa’ l-appell tal-intervenjenti, annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ddikjara l-invalidità tat-trade mark ikkontestata.

11      Essenzjalment, il-Bord tal-Appell osserva li t-trade mark preċedenti Ċekoslovakka kienet trade mark magħrufa sew u kienet is-suġġett ta’ użu ġenwin fiċ-Ċekoslovakkja fis-snin 30. Huwa kkonstata li r-rikorrent kien jaf bl-eżistenza u bil-fama kemm ta’ Jan Nehera kif ukoll tat-trade mark preċedenti Ċekoslovakka, li kellha ċerta reputazzjoni residwa. Il-Bord tal-Appell indika wkoll li r-rikorrent kien ipprova jistabbilixxi rabta bejnu u din it-trade mark. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa qies li l-intenzjoni tar-rikorrent kienet li jieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni ta’ Jan Nehera u mit-trade mark preċedenti Ċekoslovakka. Minn dan huwa kkonkluda li r-rikorrent aġixxa b’mala fide meta ppreżenta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

 Ittalbiet talpartijiet

12      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO.

13      L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Iddritt

 Fuq lammissibbiltà taddokumenti prodotti għallewwel darba quddiem ilQorti Ġenerali

14      Bħala anness mar-rikors, ir-rikorrent ipproduċa, l-ewwel, estratt mir-reġistru kummerċjali Slovakk dwar il-kumpannija Jandl u, it-tieni, fuljett ippreparat minn din il-kumpannija u li jippromwovi t-trade mark ikkontestata.

15      Kif josserva ġustament l-EUIPO, dawn id-dokumenti, prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż sabiex tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO fis-sens tal-Artikolu 72 tar-Regolament 2017/1001, b’tali mod li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Għaldaqstant, id-dokumenti fuq imsemmija għandhom jiġu mwarrba mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat il-valur probatorju tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T‑346/04, EU:T:2005:420, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq ilmertu

16      Qabelxejn, għandu jiġi ppreċiżat li, fid-dawl tad-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni inkwistjoni, jiġifieri s‑6 ta’ Mejju 2013, li hija determinanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tad-dritt sostantiv applikabbli, il-fatti tal-kawża huma rregolati mid-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 207/2009 (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Alcon vs UASI, C‑192/03 P, EU:C:2004:587, punti 39 u 40, u s-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2020, Sky et, C‑371/18, EU:C:2020:45, punt 49). Konsegwentement, f’dan il-każ, għal dak li jirrigwarda r-regoli sostantivi, ir-riferimenti magħmula għall-Artikolu 59(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata u mill-partijiet fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għall-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li għandu kontenut identiku.

17      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

18      Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell żbalja meta qies li huwa kien in mala fide meta ppreżenta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata. Fil-fatt, minn naħa, l-intervenjenti ma wrewx li t-trade mark preċedenti Ċekoslovakka kienet għadha rreġistrata jew użata f’din id-data, b’tali mod li huma ma għandhom l-ebda dritt fuq is-sinjal u l-isem Nehera. Min-naħa l-oħra, l-intervenjenti lanqas ma stabbilixxew li Jan Nehera u t-trade mark preċedenti Ċekoslovakka kienu għadhom igawdu minn fama jew minn reputazzjoni residwa fl-imsemmija data. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ma jista’ jiġi akkużat b’ebda intenzjoni diżonesta jew prattika żleali.

19      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argument tar-rikorrent.

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

20      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, l-invalidità tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea tiġi ddikjarata wara li titressaq applikazzjoni quddiem l-EUIPO jew fuq kontrotalba f’azzjoni għal kontrafazzjoni, fil-każ fejn l-applikant kien in mala fide meta ppreżenta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark.

21      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-kunċett ta’ “mala fide”, imsemmi fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, la huwa definit, la huwa delimitat u lanqas huwa deskritt b’xi mod fil-leġiżlazzjoni (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Cipriani vs EUIPO – Hotel Cipriani (CIPRIANI), T‑343/14, EU:T:2017:458, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Madankollu, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali għamlu diversi preċiżazzjonijiet dwar il-mod kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ mala fide kif imsemmi fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u kif għandha tiġi evalwata l-eżistenza ta’ din tal-aħħar.

23      Fl-ewwel lok, konformement mas-sens abitwali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, il-kunċett ta’ mala fide jippreżupponi l-preżenza ta’ stat tal-moħħ jew ta’ intenzjoni diżonesta (sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2019, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO, C‑104/18 P, EU:C:2019:724, punt 45, u tad‑29 ta’ Jannar 2020, Sky et, C‑371/18, EU:C:2020:45, punt 74).

24      Il-kunċett ta’ mala fide għandu barra minn hekk jinftiehem fil-kuntest tad-dritt tat-trade marks, li huwa dak tal-kummerċ. F’dan ir-rigward, ir-regoli dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea huma intiżi, b’mod partikolari, li jikkontribwixxu għas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta fl-Unjoni Ewropea, li fiha kull impriża għandha, sabiex tattira il-klijentela permezz tal-kwalità tal-prodotti jew tas-servizzi tagħha, tkun fil-pożizzjoni li tirreġistra bħala trade marks sinjali li jippermettu lill-konsumatur jagħmel distinzjoni mingħajr konfużjoni possibbli bejn dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi u dawk li għandhom provenjenza oħra (sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2019, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO, C‑104/18 P, EU:C:2019:724, punt 45, u tad‑29 ta’ Jannar 2020, Sky et, C‑371/18, EU:C:2020:45, punt 74).

25      Konsegwentement, ir-raġuni assoluta ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 tapplika meta minn indizji rilevanti u konkordanti jirriżulta li l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea ppreżenta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark mhux bil-għan li jipparteċipa b’mod leali fil-kompetizzjoni iżda bl-intenzjoni li jippreġudika, b’mod li ma jkunx konformi mal-użanzi onesti, l-interessi ta’ terzi, jew bl-intenzjoni li jikseb, mingħajr ma jimmira lejn terzi b’mod partikolari, dritt esklużiv għal skopijiet differenti minn dawk li jaqgħu taħt il-funzjonijiet ta’ trade mark, b’mod partikolari l-funzjoni essenzjali ta’ indikazzjoni ta’ oriġini mfakkra fil-punt 24 iktar ’il fuq (sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2019, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO, C‑104/18 P, EU:C:2019:724, punt 46, u tad‑29 ta’ Jannar 2020, Sky et, C‑371/18, EU:C:2020:45, punt 75).

26      Fit-tieni lok, l-intenzjoni tal-applikant ta’ trade mark hija element suġġettiv li għandu madankollu jiġi ddeterminat b’mod oġġettiv mill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji kompetenti. Għaldaqstant, kwalunkwe allegazzjoni ta’ mala fide għandha tiġi evalwata globalment, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. Huwa biss b’dan il-mod li l-allegazzjoni ta’ mala fide tista’ tiġi evalwata oġġettivament (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO, C‑104/18 P, EU:C:2019:724, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Għal dan il-għan, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni, l-ewwel, il-fatt li l-applikant jaf jew għandu jkun jaf li terz juża, tal-inqas fi Stat Membru wieħed, sinjal identiku jew simili għal prodott jew servizz identiku jew simili, li jista’ jwassal għal konfużjoni mas-sinjal li għalih qed issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni, it-tieni, l-intenzjoni tal-applikant li jipprekludi lil dan it-terz milli jkompli juża tali sinjal kif ukoll, it-tielet, il-livell ta’ protezzjoni legali li jgawdu minnha s-sinjal tat-terz u s-sinjal li għalih qed issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, C‑529/07, EU:C:2009:361, punt 53).

28      Madankollu, il-fatturi elenkati fil-punt 27 iktar ’il fuq huma biss eżempji fost ġabra ta’ elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni bil-għan li tingħata deċiżjoni dwar l-eventwali mala fide ta’ applikant għal reġistrazzjoni fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2017, CIPRIANI, T‑343/14, EU:T:2017:458, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Għalhekk, jistgħu jeżistu każijiet fejn l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tista’ titqies li ġiet ippreżentata b’mala fide minkejja l-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjal użat minn terz u t-trade mark ikkontestata jew l-assenza ta’ użu, minn terz, ta’ sinjal identiku jew simili għat-trade mark ikkontestata. Fil-fatt, ċirkustanzi fattwali oħra jistgħu, jekk ikun il-każ, jikkostitwixxu indizji rilevanti u konkordanti li jistabbilixxu l-mala fide tal-applikant (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO, C‑104/18 P, EU:C:2019:724, punti 52 sa 56).

30      Għalhekk, għandu jitqies li, fil-kuntest tal-analiżi globali mwettqa skont l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni l-oriġini tas-sinjal ikkontestat u l-użu tiegħu sa mill-ħolqien tiegħu, il-loġika kummerċjali li ntużat għall-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-kronoloġija tal-avvenimenti li wasslu għall-imsemmija preżentata (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2016, Copernicus-Trademarks vs EUIPO – Maquet (LUCEO), T‑82/14, EU:T:2016:396, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Bl-istess mod, huwa possibbli li jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell ta’ reputazzjoni li jgawdi minnha s-sinjal inkwistjoni fil-mument meta saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, C‑529/07, EU:C:2009:361, punt 51), b’mod partikolari meta dan is-sinjal ikun ġie preċedentement irreġistrat jew użat minn terz bħala trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, Simca Europe vs UASI – PSA Peugeot Citroën (Simca), T‑327/12, EU:T:2014:240, punt 40).

32      Fil-fatt, il-fatt li l-użu ta’ sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jippermetti lill-applikant jieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni ta’ trade mark jew ta’ sinjal preċedenti jew ukoll mill-isem ta’ persuna famuża huwa ta’ natura li jistabbilixxi l-mala fide tal-applikant (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2014, Simca, T‑327/12, EU:T:2014:240, u tal‑14 ta’ Mejju 2019, Moreira vs EUIPO – Da Silva Santos Júnior (NEYMAR), T‑795/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:329).

33      Fit-tielet lok, meta l-mala fide tal-applikant għal trade mark tkun ibbażata fuq l-intenzjoni tiegħu li jieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni ta’ sinjal jew ta’ isem preċedenti, il-pubbliku rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ din ir-reputazzjoni u tal-vantaġġ indebitu miksub mill-imsemmija reputazzjoni huwa dak kopert mit-trade mark ikkontestata, jiġifieri l-konsumatur medju tal-prodotti li għalihom din ġiet irreġistrata (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punt 36).

34      Fir-raba’ u l-aħħar lok, għandu jitfakkar li huwa l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li għandu jistabbilixxi ċ-ċirkustanzi li jippermettu li jiġi konkluż li l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea kien in mala fide meta ppreżenta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ din tal-aħħar (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, Simca, T‑327/12, EU:T:2014:240, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata), peress li l-bona fide hija preżunta sakemm tingħata prova kuntrarja (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, pelicantravel.com vs UASI – Pelikan (Pelikan), T‑136/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:689, punt 57).

35      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preliminari li għandha tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Bord tal-Appell ikkonkluda li r-rikorrent kien in mala fide meta ppreżenta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

 Eżistenza talmala fide tarrikorrent

36      Mill-punti 35 u 37 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex jikkonkludi li r-rikorrent kien in mala fide, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq il-fatt li, meta talab ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, ir-rikorrent fir-realtà ried juża b’mod parassitiku r-reputazzjoni ta’ Jan Nehera u tat-trade mark preċedenti Ċekoslovakka u b’hekk jikseb vantaġġ indebitu minn din ir-reputazzjoni. Għalhekk, hija l-intenzjoni li jiġi adottat aġir ta’ parassitiżmu (free-riding) fir-rigward tal-imsemmija reputazzjoni li fuqha hija bbażata l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell.

37      F’dan il-kuntest, fost il-fatturi differenti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata globalment il-bona fide jew il-mala fide tar-rikorrent, huwa partikolarment rilevanti li jiġi eżaminat, minbarra l-kuntest fattwali u storiku tat-tilwima, il-livell ta’ protezzjoni legali, ta’ użu effettiv u ta’ reputazzjoni kemm tat-trade mark preċedenti Ċekoslovakka kif ukoll tal-isem ta’ Jan Nehera kif ukoll il-livell ta’ għarfien ta’ dawn l-elementi mir-rikorrent.

38      Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 33 iktar ’il fuq, il-pubbliku rilevanti f’dan il-każ sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti Ċekoslovakka u tal-isem ta’ Jan Nehera kif ukoll ta’ vantaġġ indebitu miksub minn din ir-reputazzjoni huwa kompost minn konsumaturi medji tal-prodotti msemmija fil-punt 4 iktar ’il fuq, jiġifieri l-pubbliku ġenerali tal-Unjoni.

–       Ilkuntest fattwali u storiku

39      Huwa paċifiku li Jan Nehera, imwieled fl‑1899 f’Kostelec na Hané (illum fir-Repubblika Ċeka), kien imprenditur fis-settur tal-moda, attiv fiċ-Ċekoslovakkja fis-snin 20, 30 u 40. B’mod partikolari, fil-bidu tas-snin 30, huwa ħoloq fi Prostějov (illum fir-Repubblika Ċeka) impriża li l-isem kummerċjali tagħha jirreferi għal kunjomu u li kienet timmanifattura u tikkummerċjalizza ħwejjeġ lesti biex jintlibsu għan-nisa, għall-irġiel u għat-tfal kif ukoll aċċessorji. Bis-saħħa tal-metodi moderni ta’ tmexxija u ta’ użu intensiv tar-reklamar, din l-impriża kellha ċertu suċċess fiċ-Ċekoslovakkja u barra mill-pajjiż. Ftit qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, hija kienet timpjega kważi 1 000 impjegat u kellha network ta’ iktar minn 130 ħanut tal-bejgħ bl-imnut fl-Ewropa, fl-Istati Uniti u fl-Afrika. L-imsemmija impriża kompliet l-attività tagħha matul it-Tieni Gwerra Dinjija, taħt il-kontroll effettiv ta’ ċittadin Ġermaniż wara “amalgamazzjoni” imposta fuq Jan Nehera. Fl‑1 ta’ Jannar 1946, hija ġiet nazzjonalizzata u l-proprjetà ġiet ittrasferita lill-Istat Ċekoslovakk. Sussegwentement, hija kompliet l-attività tagħha taħt isem imprenditorjali ġdid li ma għamilx iktar riferiment għall-kunjom tal-fundatur tagħha. Dak iż-żmien, Jan Nehera kien diġà telaq miċ-Ċekoslovakkja u kien stabbilixxa ruħu fil-Marokk, pajjiż fejn kompla jopera żewġ ħwienet tal-ħwejjeġ u fejn miet fl‑1958.

40      Huwa paċifiku wkoll li, permezz tal-impriża tiegħu, Jan Nehera ppreżenta fiċ-Ċekoslovakkja trade mark identika għat-trade mark ikkontestata, jiġifieri t-trade mark preċedenti Ċekoslovakka (ara l-punt 7 iktar ’il fuq). Din it-trade mark ġiet irreġistrata f’Ġunju 1936 bin-numru 6414 fir-reġistru Ċekoslovakk tal-kmamar tal-kummerċ, li silta minnu hija prodotta mill-intervenjenti. Jan Nehera uża l-imsemmija trade mark fis-snin 30 u 40 sabiex jikkummerċjalizza, fiċ-Ċekoslovakkja u barra mill-pajjiż, il-prodotti mmanifatturati mill-impriża tiegħu. Huwa uża wkoll din it-trade mark fil-ħwienet tal-ħwejjeġ Marokkini tiegħu sa mis-snin 50.

41      Min-naħa tiegħu, ir-rikorrent huwa imprenditur Slovakk, attiv fil-qasam tar-reklamar u tal-kummerċjalizzazzjoni. Huwa ma għandu l-ebda relazzjoni ta’ parentela ma’ Jan Nehera u mal-familja ta’ dan tal-aħħar. Fl‑2006, huwa talab u kiseb fir-Repubblika Ċeka r-reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali identika għat-trade mark preċedenti Ċekoslovakka u għat-trade mark ikkontestata; din it-trade mark Ċeka skadiet fl‑2016. Fis‑6 ta’ Mejju 2013, huwa talab ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea; din it-trade mark ġiet irreġistrata fil‑31 ta’ Ottubru 2014 (ara l-punti 2, 3 u 6 iktar ’il fuq). Fl‑2014, huwa beda jippreżenta kollezzjonijiet ta’ ħwejjeġ għan-nisa f’wirjiet tal-moda u jikkummerċjalizzahom bl-użu tat-trade mark ikkontestata.

–       Protezzjoni ġuridika tattrade mark preċedenti Ċekoslovakka u talisem ta’ Jan Nehera

42      Mill-proċess ma jirriżultax – u barra minn hekk ma huwa allegat minn ebda waħda mill-partijiet – li t-trade mark preċedenti Ċekoslovakka kienet għadha rreġistrata f’isem terz fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata. Għall-kuntrarju, minn naħa, l-EUIPO jirrikonoxxi li t-trade mark preċedenti Ċekoslovakka ma baqgħatx tintuża fl‑1946. Fil-fatt, mill-estratt tar-reġistru Ċekoslovakk tal-kmamar tal-kummerċ prodott mill-intervenjenti jirriżulta li din it-trade mark tħassret f’Ġunju 1946. Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li, għalkemm trade mark nazzjonali identika għat-trade mark preċedenti Ċekoslovakka ġiet irreġistrata f’isem terz fir-Repubblika Ċeka bejn l‑1992 u l‑2002, din it-trade mark kienet skadiet qabel il-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

43      Lanqas ma ġie stabbilit jew allegat li l-isem ta’ Jan Nehera kien igawdi minn protezzjoni legali speċifika fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

–       Użu tattrade mark preċedenti Ċekoslovakka u talisem ta’ Jan Nehera

44      Lanqas ma jirriżulta mill-proċess – u barra minn hekk ma huwa allegat minn ebda waħda mill-partijiet – li t-trade mark preċedenti Ċekoslovakka jew l-isem ta’ Jan Nehera kienu għadhom jintużaw minn terz sabiex jikkummerċjalizza ħwejjeġ fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata. Fil-fatt, minn naħa, l-EUIPO jirrikonoxxi li, bl-eċċezzjoni ta’ ċertu użu fil-Marokk fis-snin 50 minn Jan Nehera, din it-trade mark ma ntużatx iktar wara l‑1946. L-intervenjenti lanqas ma jinvokaw xi użu tal-imsemmija trade mark, kemm jekk fl-Ewropa wara n-nazzjonalizzazzjoni tal-impriża ta’ Jan Nehera fl‑1946 jew fil-Marokk wara l-mewt ta’ dan tal-aħħar fl‑1958. Min-naħa l-oħra, ma jidhirx li t-terz li huwa l-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali identika għat-trade mark preċedenti Ċekoslovakka u rreġistrata fir-Repubblika Ċeka bejn l‑1992 u l‑2002 qatt użaha.

–       Reputazzjoni tattrade mark preċedenti Ċekoslovakka u talisem ta’ Jan Nehera

45      Kuntrarjament għad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, il-Bord tal-Appell qies, fil-punti 33 u 34 tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, li Jan Nehera kien “famuż” u, min-naħa l-oħra, li t-trade mark preċedenti Ċekoslovakka kienet għadha tgawdi, tal-inqas, minn “ċerta reputazzjoni residwa” u għalhekk kellha “valur storiku” fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

46      Il-partijiet jaqblu fuq il-fatt li t-trade mark preċedenti Ċekoslovakka u l-isem ta’ Jan Nehera kienu jgawdu, tal-inqas, minn ċerta reputazzjoni jew minn ċerta fama fiċ-Ċekoslovakkja fis-snin 30 u 40. Min-naħa l-oħra, dawn ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk din ir-reputazzjoni jew din il-fama kinitx għadha tippersisti fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

47      Fil-fatt, ir-rikorrent huwa tal-opinjoni li Jan Nehera u t-trade mark preċedenti Ċekoslovakka llum huma totalment minsija. L-EUIPO jammetti wkoll li mal-ewwel daqqa ta’ għajn ma jidher li hemm ebda prova li dawn għad għandhom reputazzjoni residwa fir-Repubblika Ċeka jew fis-Slovakkja. Huma biss l-intervenjenti li jsostnu li fl‑2013 kien għad għadhom reputazzjoni f’dawn iż-żewġ Stati Membri.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li, sabiex tiġi stabbilita l-persistenza ta’ din ir-reputazzjoni, l-intervenjenti sempliċement, quddiem il-Qorti Ġenerali, jirreferu għal żewġ provi, jiġifieri, minn naħa, artikolu tal-enċiklopedija Wikipedia ddedikata għal Jan Nehera u, min-naħa l-oħra, dissertazzjoni universitarja ta’ studenta Ċeka dwar in-nazzjonalizzazzjoni tal-impriża ta’ Jan Nehera u l-istorja ta’ din l-impriża matul il-perijodu 1945‑1948. L-intervenjenti jinvokaw b’mod partikolari silta minn din id-dissertazzjoni universitarja li tgħid li “[l]-isem ta’ Jan Nehera huwa mfakkar bħala wieħed mill-ikbar imprendituri Ċekoslovakki fis-settur tal-ħwejjeġ tal-ewwel Repubblika [Ċekoslovakka]”.

49      Issa, għalkemm iż-żewġ provi invokati mill-intervenjenti jinkludu informazzjoni dwar l-istorja ta’ Jan Nehera u tal-impriża tiegħu fis-snin 30 u 40, huma ma jipprovdu ebda informazzjoni ddettaljata li tista’ tistabbilixxi li Jan Nehera jew it-trade mark preċedenti Ċekoslovakka kienu għadhom magħrufa fl‑2013 minn parti sinjifikattiva tal-pubbliku rilevanti. Barra minn hekk, l-EUIPO stess iqis li dawn iż-żewġ provi ma humiex probatorji.

50      Sussegwentement, ir-rikorrent ġustament josserva li l-provi l-oħra prodotti mill-intervenjenti quddiem l-EUIPO lanqas ma jistgħu jistabbilixxu l-persistenza tar-reputazzjoni ta’ Jan Nehera jew tat-trade mark preċedenti Ċekoslovakka. L-intervenjenti kienu inkludew fil-fajl tal-EUIPO, pereżempju, l-ewwel, ritratt meħud fil-Marokk fis-snin 50 u li juri ħanut li kellu t-trade mark preċedenti Ċekoslovakka, it-tieni, fuljett kommemorattiv ippubblikat fl‑2000 mill-impriża Slovakka Ozeta fl-okkażjoni tal-għeluq tas-sittin sena tagħha u li jsemmi l-ftuħ fl‑1940 ta’ fabbrika f’Trenčín (illum fis-Slovakkja) mill-impriża ta’ Jan Nehera jew ukoll, it-tielet, diversi artikli tal-istampa u dokumenti oħra relatati mal-attività tar-rikorrent. Issa, dawn id-diversi provi ma jinkludu ebda informazzjoni li tistabbilixxi għarfien attwali ta’ Jan Nehera jew tat-trade mark preċedenti Ċekoslovakka mill-pubbliku rilevanti fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

51      B’mod partikolari, ir-rikorrent jiġbed l-attenzjoni tal-Qorti Ġenerali għall-intervista ma’ disinjatur tal-moda prodotta mill-intervenjenti. F’din l-intervista mogħtija fl‑2015, jiġifieri ħafna qabel il-preżentata tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kontra t-trade mark ikkontestata u, konsegwentement, mingħajr ebda rabta magħha, Samuel Drira, kofondatur u editur ewlieni ta’ rivista tal-moda Franċiża, spjega li huwa kien ġie informat bl-eżistenza tat-trade mark Nehera biss jum qabel ma wasal fi Bratislava u qabel ma ltaqa’ mar-rikorrent, li kien ipproponilu li jsir id-direttur kreattiv fi ħdan l-impriża tiegħu. B’hekk, jidher li anki speċjalist tas-settur tal-moda rreklutat mir-rikorrent sabiex jibda l-attività tiegħu ta’ fabrikazzjoni ta’ ħwejjeġ għan-nisa ma kienx assolutament jaf bl-eżistenza tat-trade mark preċedenti Ċekoslovakka.

52      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li għaddew kważi seba’ deċennji bejn l‑1946, is-sena li matulha t-trade mark preċedenti Ċekoslovakka waqfet tintuża fl-Ewropa, u l‑2013, is-sena li matulha r-rikorrent applika għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-intervenjenti ma pproduċewx il-prova, li huma għandhom jipproduċu skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 34 iktar ’il fuq, li, fl‑2013, it-trade mark preċedenti Ċekoslovakka kienet għadha tgawdi minn ċerta reputazzjoni fir-Repubblika Ċeka, fis-Slovakkja jew fi Stati Membri oħra jew li l-isem ta’ Jan Nehera kien għadu famuż ma’ parti sinjifikattiva tal-pubbliku rilevanti. Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta qies li din it-trade mark kienet żammet “ċerta reputazzjoni residwa” u li dan l-isem kien għadu famuż fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

–       Għarfien mirrikorrent tależistenza u tarreputazzjoni preċedenti tattrade mark preċedenti Ċekoslovakka u talisem ta’ Jan Nehera

54      Huwa paċifiku li, kif ikkonstata l-Bord tal-Appell fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent kellu għarfien tal-eżistenza u tar-reputazzjoni preċedenti ta’ Jan Nehera u tat-trade mark preċedenti Ċekoslovakka fil-mument meta ppreżenta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

55      Fil-fatt, mill-proċess, u b’mod partikolari mill-ispjegazzjonijiet tar-rikorrent li jinsabu fir-rikors kif ukoll f’posta elettronika mibgħuta minnu lis-Sinjura Sehnal fis‑16 ta’ Frar 2016, jirriżulta li huwa kien qiegħed ifittex trade mark antika, mhux użata u minsija, li huwa seta’ juża sabiex iniedi l-attività tiegħu ta’ fabrikazzjoni ta’ ħwejjeġ għan-nisa. Wara li kkunsidra diversi ismijiet, huwa ddeċieda li juża t-trade mark Nehera Praguea, u sussegwentement it-trade mark preċedenti Ċekoslovakka, sabiex “jagħti omaġġ” liż-“żmien tad-deheb tal-industrija tessili Ċekoslovakka tas-snin 30” u b’mod partikolari lil Jan Nehera, li huwa kien iqis bħala “figura kbira” u “simbolu” ta’ dan il-“perijodu mbierek” għas-settur tal-ħwejjeġ Ċekoslovakka.

–       Evalwazzjoni globali

56      Mill-punti 42 sa 53 iktar ’il fuq jirriżulta li, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, it-trade mark preċedenti Ċekoslovakka u l-isem ta’ Jan Nehera ma kinux għadhom la rreġistrati jew protetti, la użati minn terz sabiex jiġu kkummerċjalizzati ħwejjeġ, u lanqas kellhom reputazzjoni mal-pubbliku rilevanti.

57      Issa, aġir ta’ parassitiżmu fir-rigward tar-reputazzjoni ta’ sinjal jew ta’ isem, bħal dak invokat mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata sabiex jiġġustifika l-konstatazzjoni ta’ mala fide tar-rikorrent, huwa, bħala prinċipju, possibbli biss jekk dan is-sinjal jew dan l-isem ikollu effettivament u attwalment ċerta reputazzjoni jew ċerta fama (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, Iron & Smith, C‑125/14, EU:C:2015:539, punt 29).

58      B’hekk, il-qorti tal-Unjoni diġà kkonstatat, fir-rigward ta’ persuna li titlob ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, intenzjoni li jittieħed vantaġġ inġust mir-reputazzjoni residwa ta’ trade mark preċedenti, inkluż meta din ma kinitx għadha użata (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, Simca, T‑327/12, EU:T:2014:240), jew dwar il-fama attwali tal-isem ta’ persuna fiżika (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, NEYMAR, T‑795/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:329), f’każijiet fejn din ir-reputazzjoni residwa jew din il-fama kienet ġiet debitament stabbilita. Min-naħa l-oħra, hija kkonstatat l-assenza ta’ użu ħażin tar-reputazzjoni ta’ terminu invokat minn terz u, għaldaqstant, l-assenza ta’ mala fide tal-applikant għal trade mark meta dan it-terminu la kien irreġistrat, la kien jintuża u lanqas kellu reputazzjoni fl-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, Khadi and Village Industries Commission vs EUIPO – BNP Best Natural Products (Khadi Ayurveda), T‑683/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:860, punti 68 sa 71).

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-assenza ta’ reputazzjoni residwa tat-trade mark preċedenti Ċekoslovakka u tal-fama attwali tal-isem ta’ Jan Nehera fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, l-użu sussegwenti mir-rikorrent ta’ din l-aħħar trade mark ma setax, bħala prinċipju, jikkostitwixxi aġir ta’ parassitiżmu li juri l-mala fide tar-rikorrent.

60      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li r-rikorrent kien jaf bl-eżistenza u bir-reputazzjoni preċedenti ta’ Jan Nehera u tat-trade mark preċedenti Ċekoslovakka (ara l-punti 54 u 55 iktar ’il fuq). Fil-fatt, is-sempliċi fatt li l-applikant għal trade mark jaf jew għandu jkun jaf li terz uża, fil-passat, trade mark identika jew simili għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-mala fide ta’ dan l-applikant (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 2013, Malaysia Dairy Industries, C‑320/12, EU:C:2013:435, punti 36 u 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑29 ta’ Novembru 2018, Khadi Ayurveda, T‑683/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:860, punt 69).

61      Madankollu, għad hemm lok li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra tal-EUIPO u tal-intervenjenti, intiżi, essenzjalment, sabiex tiġi stabbilita l-intenzjoni ta’ parassitiżmu u l-mala fide tar-rikorrent indipendentement mill-eżistenza ta’ reputazzjoni residwa tat-trade mark preċedenti Ċekoslovakka u mill-isem ta’ Jan Nehera.

62      Fl-ewwel lok, l-EUIPO, sostnut mill-intervenjenti, jikkritika, essenzjalment, lir-rikorrent talli pprova joħloq assoċjazzjoni bejn l-attività tiegħu, minn naħa, u t-trade mark preċedenti Ċekoslovakka u Jan Nehera, min-naħa l-oħra. Skont l-EUIPO, ir-rikorrent kiseb vantaġġ fis-suq billi bena l-immaġni tal-impriża tiegħu fuq rabta espliċita ma’ trade mark li qabel kellha reputazzjoni u ma’ imprenditur li qabel kien famuż.

63      F’dan ir-rigward, huwa ċertament minnu li, kif osserva essenzjalment il-Bord tal-Appell fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent stabbilixxa rabta bejn l-impriża tiegħu u t-trade mark preċedenti Ċekoslovakka. Fil-fatt, huwa paċifiku li, diversi drabi, huwa rrefera għal din it-trade mark u għal Jan Nehera fil-kuntest tal-istrateġija ta’ komunikazzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-impriża tiegħu. Għalhekk, diversi annessi tal-proċess, bħal, pereżempju, is-sit internet tal-impriża tar-rikorrent, il-paġna ta’ din l-impriża fuq in-network soċjali Facebook u diversi artikli tal-istampa jirreferu għall-fatt li l-imsemmija impriża “reġgħet niedet” u “tat ħajja ġdida” lit-trade mark preċedenti Nehera, maħluqa minn Jan Nehera fis-snin 30.

64      Madankollu, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ rabta f’moħħ il-pubbliku rilevanti bejn trade mark sussegwenti u sinjal jew isem preċedenti ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex jiġi konkluż li jeżisti vantaġġ indebitu miksub mir-reputazzjoni tas-sinjal jew tal-isem preċedenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punt 32, u tat‑3 ta’ Settembru 2015, Iron & Smith, C‑125/14, EU:C:2015:539, punt 31).

65      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ vantaġġ indebitu miksub mir-reputazzjoni ta’ sinjal jew ta’ isem ikopri l-ipoteżi li fiha terz japprofitta minn sinjal jew minn isem preċedenti li kellu reputazzjoni sabiex jibbenefika mis-setgħa ta’ attrazzjoni tiegħu, mir-reputazzjoni tiegħu u mill-prestiġju tiegħu u juża, mingħajr ebda kumpens finanzjarju u mingħajr ma jkollu juża r-riżorsi tiegħu stess għal dan il-għan, l-isforz kummerċjali li wettaq il-proprjetarju jew l-utent ta’ dan is-sinjal jew ta’ dan l-isem (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et, C‑487/07, EU:C:2009:378, punt 49).

66      Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrent isostni, mingħajr ma ġie kontradett mill-EUIPO u mill-intervenjenti, li t-trade mark preċedenti Ċekoslovakka u l-isem ta’ Jan Nehera kienu totalment minsija mill-pubbliku rilevanti fl‑2013 u li huwa stess iddedika ħafna riżorsi, ħin u flus sabiex jagħti ħajja ġdida lit-trade mark Nehera u sabiex l-istorja ta’ Jan Nehera u tal-impriża tiegħu ssir magħrufa. Minn dan isegwi li, mhux talli ma llimitax ruħu li juża b’mod parassitiku r-reputazzjoni preċedenti tat-trade mark preċedenti Ċekoslovakka u tal-isem ta’ Jan Nehera, iżda r-rikorrent għamel sforz kummerċjali proprju sabiex jagħti ħajja ġdida lill-immaġni ta’ din it-trade mark u b’hekk jirrestawra, bi spejjeż tiegħu, l-imsemmija reputazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi fatt li għamel riferiment, għall-finijiet tal-promozzjoni tat-trade mark ikkontestata, għall-immaġni storika ta’ Jan Nehera u tat-trade mark preċedenti Ċekoslovakka ma jidhirx li jmur kontra l-prattiki onesti fil-qasam industrijali jew kummerċjali.

67      Fit-tieni lok, l-EUIPO u l-intervenjenti jsostnu li r-rikorrent fittex li jqarraq bil-pubbliku billi tah x’jifhem li huwa kien il-kontinwatur u s-suċċessur leġittimu ta’ Jan Nehera. B’mod partikolari, l-intervenjenti jikkritikaw lir-rikorrent li ried joħloq “illużjoni ta’ kontinwità” u “relazzjoni falza ta’ wirt” bejn l-impriża tiegħu u dik ta’ Jan Nehera. L-intervenjenti jsemmu wkoll l-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament 2017/1001, li jipprevedi li ma jistgħux jiġu rreġistrati trade marks li huma ta’ natura li tqarraq bil-pubbliku, pereżempju fir-rigward tax-xorta, tal-kwalità jew l-oriġini ġeografika tal-prodott jew tas-servizz.

68      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti ċirkustanzi partikolari, l-użu mill-ġdid minn terz ta’ trade mark preċedenti li darba kellha reputazzjoni jew tal-isem ta’ persuna li darba kien famuż jista’ jagħti impressjoni falza ta’ kontinwità jew ta’ wirt ma’ din it-trade mark preċedenti jew ma’ din il-persuna. Dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari meta l-applikant għal trade mark jippreżenta ruħu mal-pubbliku rilevanti bħala s-suċċessur legali jew ekonomiku tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti, filwaqt li ma tkun teżisti ebda relazzjoni ta’ kontinwità jew ta’ wirt bejn il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti u l-applikant għal trade mark. Tali ċirkustanza tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita, jekk ikun il-każ, il-mala fide tal-applikant għal trade mark u sabiex tiġi kkonstatata, konsegwentement, l-invalidità tat-trade mark ġdida abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

69      Madankollu, f’dan il-każ, qabelxejn, għandu jiġi osservat li l-Bord tal-Appell ma bbażax ir-raġunament tiegħu fuq intenzjoni tar-rikorrent li joħloq impressjoni falza ta’ kontinwità jew ta’ wirt bejn l-impriża tiegħu u dik ta’ Jan Nehera.

70      Sussegwentement, u fi kwalunkwe każ, ma huwiex stabbilit jew anki allegat li r-rikorrent invoka rabta ta’ parentela ma’ Jan Nehera jew li ppreżenta ruħu bħala l-eredi u s-suċċessur legali ta’ dan tal-aħħar jew tal-impriża tiegħu. Barra minn hekk, billi indika li reġa’ nieda u ta ħajja ġdida lil trade mark ta’ suċċess fis-snin 30, ir-rikorrent pjuttost issuġġerixxa interruzzjoni u, għaldaqstant, nuqqas ta’ kontinwità bejn l-attività ta’ Jan Nehera u dik tiegħu stess. Għaldaqstant, ma jidhirx li r-rikorrent deliberatament ipprova jistabbilixxi impressjoni falza ta’ kontinwità jew ta’ wirt bejn l-impriża tiegħu u dik ta’ Jan Nehera.

71      Fl-aħħar nett, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament 2017/1001 huma kompletament irrilevanti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell iddikjara l-invalidità tat-trade mark ikkontestata mhux abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 7(1)(g) tal-istess regolament, dwar it-trade marks ta’ natura li tqarraq bil-pubbliku, iżda biss fuq dawk tal-Artikolu 52(1)(b) tal-imsemmi regolament, dwar il-mala fide.

72      Fit-tielet lok, l-intervenjenti jsostnu li r-rikorrent ipprova jwettaq frodi fil-konfront tad-dixxendenti u tal-werrieta ta’ Jan Nehera u li juża b’mod ħażin id-drittijiet tagħhom billi ma kisibx il-kunsens tagħhom qabel ma talab ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

73      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Bord tal-Appell ma bbażax ir-raġunament tiegħu fuq intenzjoni tar-rikorrent li jwettaq frodi fil-konfront tad-dixxendenti u tal-werrieta ta’ Jan Nehera jew li juża b’mod ħażin id-drittijiet tagħhom.

74      Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, it-trade mark preċedenti Ċekoslovakka u l-isem ta’ Jan Nehera ma kienu għadhom is-suġġett ta’ ebda protezzjoni legali favur terz fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata (ara l-punti 42 u 43 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li d-dixxendenti u l-werrieta ta’ Jan Nehera ma kellhom ebda dritt li jista’ jkun is-suġġett ta’ frodi jew ta’ użu ħażin mir-rikorrent. Għaldaqstant, ma jidhirx li, meta talab ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, ir-rikorrent kellu l-intenzjoni li jwettaq frodi fil-konfront tad-dixxendenti u tal-werrieta ta’ Jan Nehera jew li juża b’mod ħażin id-drittijiet tagħhom.

75      Fir-raba’ lok, l-intervenjenti jsostnu li Jan Nehera ġie illegalment u inġustament imċaħħad mill-beni tiegħu waqt in-nazzjonalizzazzjoni tal-impriża tiegħu fl‑1946. Huma jqisu li, skont il-prinċipju li jgħid li dritt ma jistax jitnissel minn fatt illegali (ex injuria jus non oritur), ħadd ma jista’ jibbenefika llum minn din l-inġustizzja sabiex jarrikkixxi ruħu billi juża l-isem ta’ Jan Nehera.

76      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li n-nazzjonalizzazzjoni tal-impriża ta’ Jan Nehera fl‑1946 ma hijiex imputabbli lir-rikorrent. L-istess japplika għall-assenza ta’ protezzjoni u ta’ użu tat-trade mark preċedenti Ċekoslovakka matul kważi seba’ deċennji kif ukoll għall-għajbien tar-reputazzjoni ta’ din it-trade mark u tar-reputazzjoni tad-disinjatur tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li Jan Nehera kien ġie illegalment jew inġustament imċaħħad mill-beni tiegħu ma jistax jistabbilixxi l-mala fide tar-rikorrent.

77      Fil-ħames u fl-aħħar lok, l-EUIPO jsostni li, kif indika l-Bord tal-Appell fil-punt 36 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kunċett ta’ mala fide ma jimplikax neċessarjament xi grad ta’ depravità morali.

78      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 23 iktar ’il fuq, il-kunċett ta’ mala fide jippreżumi l-preżenza ta’ stat tal-moħħ jew ta’ intenzjoni diżonesta. Issa, f’dan il-każ, l-EUIPO u l-intervenjenti ma stabbilixxewx li r-rikorrent kien immotivat minn stat tal-moħħ jew minn intenzjoni diżonesta waqt il-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

79      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Bord tal-Appell żbalja meta qies li r-rikorrent kellu l-intenzjoni li jieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni ta’ Jan Nehera u tat-trade mark preċedenti Ċekoslovakka u meta minn dan ikkonkluda li huwa kellu mala fide meta ppreżenta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

80      Għaldaqstant, il-motiv uniku tar-rikorrent għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq lispejjeż

81      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’din il-kawża, l-EUIPO u l-intervenjenti tilfu. Peress li r-rikorrent talab biss il-kundanna tal-EUIPO għall-ispejjeż quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-EUIPO jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrent fil-kuntest ta’ din l-istanza.

82      Barra minn hekk, ir-rikorrent talab li l-EUIPO jiġi kkundannat għall-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell għandhom jitqiesu li huma spejjeż li jistgħu jinġabru. Għaldaqstant, l-EUIPO għandu jiġi kkundannat ibati ukoll l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mir-rikorrent għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

83      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), tal10 ta’ Marzu 2021 (Każ R 1216/20202), hija annullata.

2)      L-EUIPO huwa kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk sostnuti minn Ladislav Zdút, inklużi l-ispejjeż indispensabbli sostnuti għall-finijiet tal-proċedimenti ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell.

3)      Isabel Nehera, Jean-Henri Nehera u Natacha Sehnal għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Kornezov

Buttigieg

Kowalik-Bańczyk

Hesse

 

      Petrlík

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑6 ta’ Lulju 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.