Language of document : ECLI:EU:C:2009:671

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

29 ta’ Ottubru 2009 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Sitt Direttiva tal-VAT – Artikoli 2(1) u 4(1) u (2) – Kunċett ta’ ‘attivitajiet ekonomiċi’ – Uffiċċji pubbliċi ta’ għajnuna legali – Servizzi ta’ għajnuna legali mogħtija fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji bil-ħlas ta’ kontribuzzjoni parzjali min-naħa tal-benefiċjarju bħala korrispettiv – Kunċett ta’ ‘rabta diretta’ bejn is-servizz mogħti u l-korrispettiv riċevut”

Fil-Kawża C‑246/08,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-3 ta’ Ġunju 2008,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn P. Aalto u D. Triantafyllou, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tat-Tieni Awla, li qed jeżerċita l-funzjoni ta’ President tat-Tielet Awla, P. Lindh, A. Rosas, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh, (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Lulju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi naqset milli tissuġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”), inkonformità mal-leġiżlazzjoni Finlandiża dwar l-għajnuna legali, is-servizzi ta’ għajnuna legali mogħtija bi ħlas parzjali mill-uffiċċji pubbliċi ta’ għajnuna legali, jiġifieri mill-konsulenti legali pubbliċi impjegati minn dawn tal-aħħar, filwaqt li s-servizzi ekwivalenti huma suġġetti għall-VAT meta jingħataw minn konsulenti privati, ir-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 2(1) u taħt l-Artikolu 4(1), (2) u (5) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2        L-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għa[ll-VAT]:

1.      il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

2.      l-importazzjoni ta’ oġġetti.”

3        Skont l-Artikolu 4 tad-direttiva msemmija:

“1.       ‘Persuna taxxabbli’ tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

2.      L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu [servizzi], magħduda attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu wkoll jitqies bħala attività ekonomika.

[…]

5.      Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra regolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jitqiesu bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew operazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet.

Iżda meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet, huma għandhom jitqiesu taxxabbli fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet, billi jekk jitqiesu bħala persuni mhux taxxabbli dan iwassal għal distorzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni.

[…]”

4        L-Artikolu 6(1) tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

“1.       ‘Provvista tas-servizzi’ tfisser kull operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ oġġetti skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 5.

Operazzjonijiet bħal dawn jistgħu jinkludu inter alia:

–        assenjazzjoni ta’ proprjetà inkorporali, kemm jekk hija u kemm jekk mhix suġġetta għal att li jikkostitwixxi titolu,

–        obbligazzjoni biex ma jsirx jew biex ikun tollerat att jew sitwazzjoni,

–        l-eżekuzzjoni ta’ servizzi skond ordni magħmula minn jew f’isem awtorità pubblika jew skond il-liġi.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

 Il-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna legali

5        Fil-Finlandja, is-sistema tal-għajnuna legali hija bbażata fuq erba’ liġijiet adottati fl-2002, jiġifieri l-Liġi dwar l-għajnuna legali [oikeusapulaki (257/2002)], tal-5 ta’ April 2002, il-Liġi dwar l-uffiċċji ta’ għajnuna legali tal-Istat [laki valtion oikeusaputoimistoista (258/2002)], tal-5 ta’ April 2002, id-Digriet Ministerjali dwar l-għajnuna legali [valtioneuvoston asetus oikeusavusta (388/2002)], tat-23 ta’ Mejju 2002, u d-Digriet Ministerjali dwar il-kriterji tal-ħlas tal-għajnuna legali [valtioneuvoston asetus oikeusavun palkkioperusteista (389/2002)], tat-23 ta’ Mejju 2002.

6        Fl-Artikolu 1 tagħha, il-Liġi dwar l-għajnuna legali tipprovdi li din l-għajnuna għandha tingħata, mir-riżorsi pubbliċi, lil kull persuna li jkollha bżonn għajnuna f’kawża legali iżda li, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tagħha, ma tkunx tista’ tiffinanzja hija stess it-trattament tal-kawża tagħha. L-għajnuna legali tista’ tingħata kemm fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji u kemm fil-kuntest ta’ kawża mhux ġudizzjarja.

7        Skont l-Artikolu 8 ta’ din il-liġi, l-għajnuna legali għandha, bħala regola ġenerali, tingħata mill-konsulenti legali impjegati mill-uffiċċji pubbliċi ta’ għajnuna legali (iktar ’il quddiem l-“uffiċċji pubbliċi”). Dawn l-uffiċċji, li fl-2008 kienu 60, jimpjegaw madwar 220 konsulent legali li huma uffiċjali mħallsa mill-Istat. L-ispejjeż meħtieġa għall-operat ta’ dawn l-uffiċċji pubbliċi huma ffinanzjati mir-riżorsi pubbliċi. Madankollu, l-onorarji mħallsa mill-benefiċjarji tal-għajnuna legali huma kkunsidrati, għall-finijiet tal-kontabbiltà, bħala dħul fil-baġit ta’ kull uffiċċju u ma jingħata ebda finanzjament pubbliku fir-rigward tal-ispejjeż tal-operat koperti b’dan il-mod.

8        Madankollu, skont l-istess Artikolu 8 tal-Liġi dwar l-għajnuna legali, fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji, jista’ jinħatar ukoll konsulent privat, jiġifieri avukat jew ġurista ieħor privat, li jkun ta l-kunsens tiegħu f’dan is-sens. Meta l-benefiċjarju tal-għajnuna legali jkun ippropona huwa stess persuna li jkollha l-kwalifiki professjonali meħtieġa sabiex tirrappreżentah, din il-persuna għandha tiġi maħtura sakemm ma jkunx hemm raġunijiet partikolari li jipprekludu dan.

9        L-Artikolu 17 tal-Liġi dwar l-għajnuna legali tirregola l-onorarji tal-konsulent privat. Skont din id-dispożizzjoni, il-konsulent privat huwa ggarantit onorarji raġonevoli kif ukoll kumpens għall-ispejjeż, li jitħallsu mill-Istat wara li titnaqqas il-kontribuzzjoni dovuta mill-benefiċjarju. Minbarra din il-kontribuzzjoni, il-konsulent privat ma jista’ jirċievi ebda ħlas jew kumpens min-naħa tal-benefiċjarju tal-għajnuna legali.

10      Id-Digriet Ministerjali dwar l-għajnuna legali jirregola b’mod iktar dettaljat il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ din l-għajnuna legali.

11      L-Artikolu 1 ta’ dan id-digriet jipprovdi li l-assistenza legali għandha tingħata fuq il-bażi tar-riżorsi disponibbli kif ukoll tal-patrimonju tal-applikant u li, fuq din il-bażi, din l-għajnuna tista’ tingħatalu jew bla ħlas jew, u din hija waħda mill-emendi introdotti fl-2002 li bidlet is-sitwazzjoni meta mqabbla mal-leġiżlazzjoni li kienet fis-seħħ qabel, bil-ħlas ta’ kontribuzzjoni min-naħa tal-applikant bħala korrispettiv, liema ħlas jibqa’ r-responsabbiltà tal-applikant. Id-digriet inkwistjoni jiddistingwi f’dan ir-rigward bejn il-“kontribuzzjoni bażika” (“perusomavastuu”) u l-“kontribuzzjoni addizzjonali” (“lisäomavastuu”).

12      Skont l-Artikolu 5 tad-Digriet Ministerjali dwar l-għajnuna legali, il-kontribuzzjoni bażika tikkorrispondi għal perċentwali mill-onorarji u l-ispejjeż kurrenti tal-konsulent ikkonsultat, bil-VAT inkluża jekk tkun ittieħdet inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ispejjeż. Din il-perċentwali hija stabbilita skont il-livelli ta’ dħul fix-xahar disponibbli li ġejjin:

“Fir-rigward ta’ persuna li mhijiex konjuġi jew konviventi:

massimu ta’ EUR 650: 0 %

massimu ta’ EUR 850: 20 %

massimu ta’ EUR 1 000: 30 %

massimu ta’ EUR 1 200: 40 %

massimu ta’ EUR 1 300: 55 %

massimu ta’ EUR 1 400: 75 %

Fir-rigward ta’ konjuġi jew konviventi:

massimu ta’ EUR 550: 0 %

massimu ta’ EUR 650: 20 %

massimu ta’ EUR 800: 30 %

massimu ta’ EUR 1 000: 40 %

massimu ta’ EUR 1 100: 55 %

massimu ta’ EUR 1 200: 75 %”.

13      L-Artikolu 6 tad-Digriet Ministerjali dwar l-għajnuna legali jispeċifika li, fi kwalunkwe każ, din ma tingħatax meta r-riżorsi disponibbli jaqbżu l-EUR 1 400 fil-każ ta’ persuna li mhijiex konjuġi jew konviventi u l-EUR 1 200 għal kull persuna fil-każ ta’ koppja.

14      Skont l-Artikolu 7 tal-istess digriet ministerjali, kontribuzzjoni addizzjonali għandha tintalab meta l-benefiċjarju jkollu depożiti jew elementi patrimonjali oħra simili li jistgħu jiġu likwidati faċilment u li l-valur tagħhom ikun ta’ iktar minn EUR 5 000. Din il-kontribuzzjoni għandha tkun ugwali għal nofs l-imsemmija depożiti u elementi patrimonjali li l-valur tagħhom ikun ta’ iktar mis-somma msemmija.

15      Id-Digriet Ministerjali dwar il-kriterji tal-ħlas tal-għajnuna legali jiddefinixxi l-kriterji applikabbli fir-rigward tal-ħlas tal-onorarji. L-Artikoli 2 sa 7 ta’ dan id-digriet jinkludu f’dan ir-rigward dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-kalkolu tal-onorarji ordinarji filwaqt li l-Artikoli 8 u 9 tiegħu jirregolaw is-sitwazzjonijiet fejn l-onorarji jiġu stabbiliti f’ammont ogħla jew, għall-kuntrarju, inqas, minn dak tal-onorarji ordinarji. Skont l-Artikolu 11 tad-digriet imsemmi, l-istess kriterji japplikaw meta uffiċċju pubbliku jipprovdi servizzi ta’ għajnuna legali fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji.

 Il-leġiżlazzjoni dwar il-VAT

16      Skont l-Artikolu 1 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud [arvonlisäverolaki (1501/1993)], tat-30 ta’ Diċembru 1993, l-għajnuna legali mogħtija minn konsulent privat fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji hija suġġetta għall-VAT bħala provvista ta’ servizzi legali. Għall-kuntrarju, l-għajnuna legali mogħtija mill-uffiċċji pubbliċi bla ħlas jew bil-ħlas ta’ kontribuzzjoni parzjali bħala korrispettiv mhijiex attività suġġetta għal din it-taxxa.

 Il-proċedura prekontenzjuża

17      Fit-13 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Finlandiżi ittra dwar it-trattament differenti, fir-rigward tas-sistema tal-VAT, mogħti lil servizzi ta’ għajnuna legali tal-istess tip skont jekk dawn is-servizzi jingħatawx minn konsulenti privati jew minn uffiċċji pubbliċi. Skont l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni, din is-sistema toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni ta’ ċertu sinjifikat għad-detriment tal-konsulenti privati.

18      B’ittra tas-17 ta’ Diċembru 2004, l-awtoritajiet Finlandiżi ddeskrivew is-sistema tal-VAT applikabbli għas-servizzi ta’ għajnuna legali u spjegaw li d-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa minn din is-sistema kienet biss distorsjoni negliġibbli peress li fatturi oħra minbarra l-VAT, bħall-esperjenza professjonali jew il-volum ta’ xogħol tal-uffiċċji pubbliċi, għandhom influwenza determinanti fejn tidħol l-għażla magħmula mill-benefiċjarju tal-għajnuna legali bejn l-uffiċċji pubbliċi u l-konsulenti privati.

19      Billi kkunsidrat li dawn l-ispjegazzjonijiet ma kinux biżżejjed, fid-19 ta’ Diċembru 2005 l-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Finlandja, skont l-Artikolu 226 KE ittra ta’ intimazzjoni fejn sostniet li, meta l-benefiċjarju tal-għajnuna legali jħallas huwa stess korrispettiv parzjali u meta din l-għajnuna tista’ tingħata wkoll minn konsulent privat, jiġifieri fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji, is-servizzi offruti mill-uffiċċji pubbliċi għandhom ikunu suġġetti għall-VAT. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, f’tali każ, l-uffiċċji pubbliċi ma jaġixxux bħala awtoritajiet pubbliċi fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva u l-fatt li s-servizzi inkwistjoni mhumiex suġġetti għall-VAT joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni ta’ ċertu sinjifikat fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-istess artikolu.

20      Fit-tweġiba tagħha tas-16 ta’ Frar 2006, ir-Repubblika tal-Finlandja tenniet l-argumenti tagħha filwaqt li enfasizzat in-natura artifiċjali tal-premessa tal-Kummissjoni li l-uffiċċji pubbliċi jaġixxu bħala awtorità pubblika meta jintervjenu f’kuntest li ma jkunx dak ta’ proċeduri ġudizzjarji iżda ma jaġixxux bħala tali meta dan l-intervent isir fil-kuntest ta’ tali proċeduri, u li jaġixxu bħala awtorità pubblika meta l-għajnuna legali tingħata bla ħlas iżda mhux meta tingħata bil-ħlas ta’ kontribuzzjoni parzjali min-naħa tal-benefiċjarju bħala korrispettiv.

21      Peress li ma kinitx sodisfatta b’din it-tweġiba, il-Kummissjoni, fil-15 ta’ Diċembru 2006, ħarġet opinjoni motivata indirizzata lir-Repubblika tal-Finlandja fejn, minn naħa, ikkonkludiet li din kienet kisret l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 4(1), (2) u (5) tas-Sitt Direttiva fir-rigward ta’ ċerti servizzi mogħtija mill-uffiċċji pubbliċi bi ħlas parzjali bħala korrispettiv u, min-naħa l-oħra, stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tagħha.

22      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Frar 2007, ir-Repubblika tal-Finlandja wieġbet għal din l-opinjoni motivata billi żammet il-pożizzjoni difiża minna fit-tweġiba tagħha għall-ittra ta’ intimazzjoni.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

24      Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni tispeċifika li l-uniku lment tagħha fir-rigward tar-Repubblika tal-Finlandja huwa li din ma ssuġġettatx għall-VAT is-servizzi ta’ għajnuna legali meta dawn jingħataw mill-uffiċċji pubbliċi fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji bil-ħlas ta’ kontribuzzjoni parzjali mill-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna bħala korrispettiv. Għaldaqstant, l-iskop ta’ dan ir-rikors mhuwiex li jikkontesta l-fatt li l-istess servizzi mhumiex suġġetti għal-VAT meta dawn jingħataw mill-uffiċċji pubbliċi mingħajr ħlas, minkejja li s-servizzi mogħtija minn konsulent privat huma, min-naħa tagħhom u fi kwalunkwe każ, suġġetti għall-VAT, fejn l-Istat iħallas l-onorarji u l-VAT iffatturati mill-konsulent. Fil-fatt, il-fatt li l-uffiċċji pubbliċi mhumiex suġġetti għall-VAT jirriżulta, f’dan il-każ tal-aħħar, mill-fatt li l-imsemmija servizzi jingħataw mingħajr ħlas min-naħa tal-benefiċjarju tal-għajnuna legali bħala korrispettiv, u dan peress li l-ġuristi impjegati minn dawn l-uffiċċji jirċievu biss is-salarju normali tagħhom bħala remunerazzjoni. Għaldaqstant, tali servizzi ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala mogħtija bi ħlas fis-sens tal-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva.

25      Mill-banda l-oħra, skont il-Kummissjoni, meta l-uffiċċji pubbliċi jipprovdu servizzi ta’ għajnuna legali fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji bil-ħlas ta’ kontribuzzjoni parzjali mill-benefiċjarju bħala korrispettiv, huma jkunu qegħdin jeżerċitaw attività ekonomika fis-sens tas-Sitt Direttiva. Din l-attività ekonomika tagħti lok għal provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva peress li teżisti rabta diretta bejn is-servizz offrut mill-uffiċċju pubbliku u l-korrispettiv imħallas mill-benefiċjarju.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li huwa meħtieġ li tiġi eżaminata l-applikabbiltà tad-derogi previsti fl-Artikolu 4(5) ta’ din id-direttiva.

27      F’dan ir-rigward hija ssostni li, fejn jidħlu s-servizzi inkwistjoni, l-uffiċċji pubbliċi ma jaġixxux bħala awtoritajiet pubbliċi fis-sens tal-ewwel subparagrafu tad-dispożizzjoni msemmija peress li dawn is-servizzi ma jitwettqux taħt sistema legali li hija partikolari għalihom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2000, Fazenda Pública, C‑446/98, Ġabra p. I‑11435, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, l-uffiċċji pubbliċi ma jipprovdux tali servizzi taħt dispożizzjonijiet speċifiċi li ma japplikawx għall-konsulenti privati iżda jaġixxu fl-istess qafas legali bħal dawn tal-aħħar. F’dan id-dawl, is-sitwazzjoni tkun differenti meta l-uffiċċji pubbliċi jipprovdu servizzi ta’ għajnuna legali f’kuntest li ma jkunx ta’ proċeduri ġudizzjarji. Fil-fatt, peress li tali attività mhijiex miftuħa għall-konsulenti privati, hija mhijiex eżerċitata mill-uffiċċji pubbliċi fl-istess kundizzjonijiet legali bħal dawk applikabbli għal dawn il-konsulenti.

28      Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li l-fatt li l-uffiċċji pubbliċi ma jkunux suġġetti għall-VAT fir-rigward tas-servizzi ta’ għajnuna legali mogħtija bil-ħlas ta’ kontribuzzjoni parzjali bħala korrispettiv iwassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ta’ ċertu sinjifikat fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva. Fil-fatt, fid-dawl tal-livelli massimi baxxi tad-dħul u tal-patrimonju li għalihom huwa suġġett l-għoti ta’ din l-għajnuna, differenza ta’ 22 %, li hija r-rata tal-VAT applikabbli fil-Finlandja, fil-ħlas li jkollu jsir bħala korrispettiv toħloq distorsjoni kunsiderevoli tal-kompetizzjoni, u dan iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li l-konsumaturi finali ma għandhomx id-dritt li jnaqqsu din it-taxxa. Din id-distorsjoni tal-kompetizzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala “ikbar minn distorsjoni negliġibbli” fis-sens tal-ġurisprudenza (ara s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2008, Isle of Wight Council et, C-288/07, Ġabra p. I‑7203, punt 79), peress li iktar minn 4 000 persuna fis-sena jużaw is-servizzi ta’ għajnuna legali bil-ħlas ta’ kontribuzzjoni parzjali bħala korrispettiv.

29      Il-Gvern Finlandiż isostni li s-servizzi ta’ għajnuna legali mogħtija mill-uffiċċji pubbliċi jifformaw unità indiviżibbli li ma tistax tiġi kkunsidrata bħala attività ekonomika fis-sens tal-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva. Fil-fatt, dawn is-servizzi ma jiġux ipprattikati b’mod li jkopri l-ispejjeż li jiġġeneraw iżda huma ffinanzjati, prinċipalment, mir-riżorsi pubbliċi. L-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet, għalhekk, mhuwiex affettwat mir-riskju ekonomiku li jikkaratterizza l-attività kummerċjali normali. Barra minn hekk, il-kontribuzzjonijiet ma jkoprux, lanqas parzjalment, l-ispejjeż marbuta ma’ tali servizzi. Huwa impossibbli li tiġi distinta, bħala attività ekonomika speċifika, parti iżolata tal-attività tal-uffiċċji msemmija. Tali distinzjoni la tista’ tiġi ġġustifikata mill-kontribuzzjoni minima li jkollhom iħallsu, skont is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, ċerti benefiċjarji tal-għajnuna u lanqas mill-kontenut ta’ dawn is-servizzi.

30      Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, il-Gvern Finlandiż jenfasizza li l-għajnuna legali tista’ tingħata biss fuq il-bażi tas-sistema legali partikolari għaliha. Fil-fatt, l-uffiċċji pubbliċi jwettqu l-kompitu speċifiku mogħti lilhom mil-liġi u, skont din l-istess liġi, huma għandhom l-obbligu li jagħtu din l-għajnuna. Huwa minnu li l-possibbiltà, għal konsulent privat, li jipprovdi tali għajnuna legali hija bbażata wkoll fuq l-istess liġi. Madankollu, f’dan il-każ, din l-għajnuna tingħata wara deċiżjoni minn uffiċċji pubbliku u l-konsulent privat ikollu jagħti l-kunsens tiegħu. B’hekk, l-awtorità pubblika tkun qiegħda tiddelega lil persuna terza indipendenti sabiex teżerċita attività li tagħmel parti mill-prerogattivi tal-awtorità pubblika.

31      Fi kwalunkwe każ, il-Gvern Finlandiż jikkunsidra li l-fatt li s-servizzi inkwistjoni mhumiex suġġetti għall-VAT ma joħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni ta’ ċertu sinjifikat fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva. Fil-fatt, minbarra l-fatt li mhuwiex ċert li jista’ jkun hemm kwistjoni ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni peress li l-benefiċċju tal-għajnuna legali jeħtieġ deċiżjoni f’dan il-qasam u peress li r-remunerazzjonijiet huma rregolati mil-leġiżlazzjoni, mid-data tal-istatistika jirriżulta li l-klijenti li jħallsu kontribuzzjoni parzjali għas-servizzi ta’ għajnuna legali jikkostitwixxu minorità ċara fost il-klijenti tal-għajnuna legali tal-konsulenti privati. Barra minn hekk, fir-rigward tal-kawżi li taw lok għal korrispettiv parzjali, il-proporzjon bejn dawk il-kawżi li ġew eżaminati minn konsulent privat u dawk li ġew ittrattati minn konsulent pubbliku fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji baqa’ stabbli matul il-perijodu ta’ bejn l-2004 u l-2006. Fl-aħħar nett, hemm elementi oħra minbarra l-VAT li jinfluwenzaw l-għażla tal-konsulent, b’mod partikolari r-relazzjoni ta’ klijentela preċedenti u l-għarfien speċjalizzat tal-konsulent.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

32      Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni mhijiex tikkontesta l-fatt li s-servizzi ta’ għajnuna legali mogħtija mill-uffiċċji pubbliċi mhumiex suġġetti għall-VAT meta dawn is-servizzi jingħataw, minn naħa, bla ħlas fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji u, min-naħa l-oħra, barra mill-kuntest ta’ tali proċeduri u irrispettivament minn jekk jingħatawx bla ħlas jew le.

33      Fil-fatt, dan ir-rikors tal-Kummissjoni jikkonċerna esklużivament il-fatt li s-servizzi ta’ għajnuna legali mogħtija mill-uffiċċji pubbliċi mhumiex suġġetti għall-VAT meta jingħataw fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji bil-ħlas ta’ kontribuzzjoni parzjali min-naħa tal-benefiċjarju bħala korrispettiv, u dan meta d-dħul disponibbli ta’ dan tal-aħħar jaqbeż il-limitu stabbilit sabiex jibbenefika mill-għajnuna legali bla ħlas iżda huwa inqas mil-limitu li jeskludi l-benefiċċju ta’ kull għajnuna legali. Għalhekk, jidher li r-rikors tal-Kummissjoni huwa dovut għall-estensjoni, bi ħlas parzjali mill-benefiċjarji bħala korrispettiv, tas-sistema tal-għajnuna legali fis-seħħ fil-Finlandja għal persuni li għandhom dħul li, għalkemm wieħed modest, huwa madankollu ogħla minn dak ta’ persuni li jibbenefikaw mill-għajnuna legali bla ħlas. Għaldaqstant, il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin jikkonċernaw biss din il-parti tal-attivitajiet ta’ għajnuna legali tal-uffiċċji pubbliċi.

34      Għandu jiġi mfakkar li, għalkemm is-Sitt Direttiva tagħti kamp ta’ applikazzjoni wiesgħa ħafna lill-VAT, huma biss l-attivitajiet ta’ natura ekonomika li huma koperti minn din it-taxxa (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, Régie dauphinoise, C-306/94, Ġabra p. I-3695, punt 15; tas-26 ta’ Ġunju 2003, MKG-Kraftfahrzeuge-Factoring, C-305/01, Ġabra p. I-6729, punt 39, u tas-26 ta’ Ġunju 2007, Hutchison 3G et, C-369/04, Ġabra p. I-5247, punt 28).

35      Fil-fatt, skont l-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, dwar it-tranżazzjonijiet taxxabbli, minbarra l-importazzjoni ta’ oġġetti, hija suġġetta għall-VAT il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(1) tad-direttiva msemmija, hija kkunsidrata bħala persuna taxxabbli kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq attività ekonomika, irrispettivament mill-iskop jew ir-riżultat ta’ din l-attività (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, 235/85, Ġabra p. I-1471, punt 6; tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-260/98, Ġabra p. I-6537, punt 24, u Isle of Wight Council et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 26 u 27).

36      Il-kunċett ta’ “attivitajiet ekonomiċi” huwa ddefinit fl-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva bħala li jinkludi l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjant u persuni li jagħtu servizzi, u b’mod partikolari t-tranżazzjonijiet li jinvolvu l-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop li jsir dħul minnha fuq bażi kontinwa (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Mejju 2005, Kretztechnik, C-465/03, Ġabra p. I-4357, punt 18, kif ukoll Hutchison 3G et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

37      Minn analiżi ta’ dawn id-definizzjonijiet toħroġ fiċ-ċar il-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ attivitajiet ekonomiċi kif ukoll in-natura oġġettiva ta’ dan il-kunċett, fis-sens li l-attività hija kkunsidrata fiha nfisha, irrispettivament mill-għanijiet jew mir-riżultati tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26, u tal-21 ta’ Frar 2006, University of Huddersfield, C-223/03, Ġabra p. I-1751, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, bħala regola ġenerali, attività hija kklassifikata bħala ekonomika meta tkun ta’ natura kontinwa u ssir bl-għoti ta’ remunerazzjoni lill-awtur tat-tranżazzjoni (sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq, punti 9 u 15, kif ukoll tat-13 ta’ Diċembru 2007, Götz, C-408/06, Ġabra p. I-11295, punt 18).

38      Mill-banda l-oħra, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li jsir ħlas mhuwiex tali, fih innifsu, li jagħti natura ekonomika lil attività partikolari (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Hutchison 3G et, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Götz, punt 21).

39      Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tar-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni, għandu għalhekk jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk is-servizzi ta’ għajnuna legali mogħtija mill-uffiċċji pubbliċi fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji bi ħlas parzjali bħala korrispettiv jikkostitwixxux attivitajiet ekonomiċi fis-sens tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva.

40      Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li, fid-dawl tan-natura oġġettiva li għandu l-kunċett ta’ attivitajiet ekonomiċi, il-fatt li din l-attività tal-uffiċċji pubbliċi tikkonsisti fl-eżerċizzju ta’ funzjonijiet mogħtija u rregolati mil-liġi, b’għan ta’ interess ġenerali u mingħajr ebda għan imprenditorjali jew kummerċjali, huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti. Fil-fatt, fl-Artikolu 6 tagħha, is-Sitt Direttiva tipprovdi espressament li ċerti attivitajiet imwettqa skont il-liġi għandhom ikunu suġġetti għas-sistema tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs L-Olanda, punt 10, u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, punt 28).

41      Barra minn hekk, huwa paċifiku li s-servizzi ta’ għajnuna legali inkwistjoni huma mogħtija b’mod kontinwu mill-uffiċċji pubbliċi.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk is-servizzi msemmija jistgħux jitqiesu bħala mogħtija mill-uffiċċji pubbliċi bil-ħlas ta’ remunerazzjoni.

43      F’dan id-dawl, għandu jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tas-sistema tal-VAT, it-tranżazzjonijiet taxxabbli jippreżumu l-eżistenza ta’ tranżazzjoni bejn il-partijiet fejn ikun stipulat prezz jew korrispettiv. B’hekk, meta l-attività ta’ prestatarju tikkonsisti esklużivament fil-provvista ta’ servizzi mingħajr korrispettiv dirett, ma jkunx hemm bażi ta’ stima u għalhekk dawn is-servizzi ma jkunux suġġetti għall-VAT (ara s-sentenzi tal-1 ta’ April 1982, Hong-Kong Trade Development Council, 89/81, Ġabra p. 1277, punti 9 u 10, kif ukoll tat-3 ta’ Marzu 1994, Tolsma, C-16/93, Ġabra p. I-743, punt 12).

44      Minn dan jirriżulta, skont il-ġurisprudenza, li provvista ta’ servizzi ssir “bi ħlas” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva biss meta jkun hemm relazzjoni legali bejn il-prestatarju u l-benefiċjarju li matulha jkun hemm skambju ta’ prestazzjonijiet reċiproċi, fejn il-ħlas li jirċievi l-prestatarju jkun il-korrispettiv effettiv tas-servizz mogħti lill-benefiċjarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Tolsma, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14; tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC, C-2/95, Ġabra p. I-3017, punt 45, u MKG-Kraftfahrzeuge-Factoring, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

45      Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ provvista ta’ servizzi bi ħlas fis-sens tal-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva tippreżumi rabta diretta bejn is-servizz mogħti u l-korrispettiv riċevut (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 1988, Apple and Pear Development Council, 102/86, Ġabra p. 1443, punti 11 u 12; tas-16 ta’ Ottubru 1997, Fillibeck, C-258/95, Ġabra p. I-5577, punt 12, u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

46      F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li s-servizzi ta’ għajnuna legali koperti minn dan ir-rikors ma jingħatawx mill-uffiċċji pubbliċi bla ħlas u, għaldaqstant, mingħajr ebda korrispettiv, peress li l-benefiċjarji ta’ dawn is-servizzi huma obbligati jagħmlu ħlas lill-uffiċċji pubbliċi.

47      Madankollu, huwa paċifiku li dan il-ħlas huwa biss wieħed parzjali fis-sens li ma jkoprix l-ammont kollu tal-onorarji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, skont in-natura tal-kawża, bħala r-remunerazzjoni għas-servizzi ta’ għajnuna legali mogħtija mill-uffiċċji pubbliċi u l-konsulenti privati. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 12 sa 14 ta’ din is-sentenza, il-ħlas ikkostitwit mill-kontribuzzjoni bażika jirrappreżenta perċentwali, li tvarja bejn l-20 % u s-75 %, tal-ammont imsemmi. Huwa minnu li dan il-ħlas jista’, skont il-patrimonju tal-benefiċjarju, ikun ikkompletat minn kontribuzzjoni addizjonali. Madankollu, il-Kummissjoni ma ssostnix, u kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa improbabbli, fid-dawl tal-limiti ta’ dħul stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-għoti tal-għajnuna legali, li din il-kontribuzzjoni addizzjonali tista’ twassal għall-ħlas, mill-benefiċjarju, ta’ ħlas ekwivalenti għall-onorarji kollha stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni għall-provvista ta’ servizzi ta’ għajnuna legali.

48      Issa, għalkemm l-ammont ta’ dan il-ħlas parzjali jirrappreżenta parti minn dawn l-onorarji, dan l-ammont mhuwiex ikkalkolat biss fuq il-bażi tal-onorarji iżda jiddependi wkoll mid-dħul u mill-patrimonju tal-benefiċjarju. B’hekk, huwa l-livell ta’ dawn tal-aħħar, u mhux pereżempju n-numru ta’ sigħat ta’ xogħol ipprovdut mill-uffiċċji pubbliċi jew il-grad ta’ diffikultà tal-kawża kkonċernata, li jiddetermina l-parti tal-onorarji li tibqa’ r-responsabbiltà tal-benefiċjarju.

49      Minn dan jirriżulta li l-ħlas parzjali mħallas lill-uffiċċji pubbliċi mill-benefiċjarji tas-servizzi ta’ għajnuna legali jiddependi biss parzjalment mill-valur reali tas-servizzi mogħtija, fejn ir-relazzjoni ma’ dan il-valur hija iktar imbiegħda iktar ma d-dħul u l-patrimonju ta’ dawn il-benefiċjarji jkunu modesti.

50      Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 50 u 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li, skont id-data mogħtija mill-Gvern Finlandiż fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, l-ammont tal-ħlasijiet parzjali magħmula fl-2007 mill-benefiċjarji ta’ servizzi ta’ għajnuna legali mogħtija mill-uffiċċji pubbliċi, li jikkorrispondu biss għal terz mis-servizzi kollha mogħtija mill-uffiċċji pubbliċi, huwa ta’ EUR 1.9 miljuni filwaqt li l-ispejjeż tal-operat grossi għal dawn l-uffiċċji kienu ta’ EUR 24.5 miljuni. Anki jekk din id-data tinkludi wkoll is-servizzi ta’ għajnuna legali mogħtija f’kuntest li mhuwiex dak tal-proċeduri ġudizzjarji, tali differenza hija ta’ natura li tissuġġerixxi li l-ħlas parzjali min-naħa tal-benefiċjarji għandu jiġi kkunsidrat iktar bħala miżata, li l-ħlas tagħha mhuwiex tali, fih innifsu, li jagħti natura ekonomika lil attività partikolari, milli bħala remunerazzjoni fil-veru sens tal-kelma.

51      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għalhekk, ma jidhirx li r-rabta bejn is-servizzi ta’ għajnuna legali mogħtija mill-uffiċċji pubbliċi u l-korrispettiv li għandu jitħallas mill-benefiċjarji għandha n-natura diretta meħtieġa sabiex dan il-korrispettiv ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala ħlas għal dawn is-servizzi u, għalhekk, sabiex l-imsemmija servizzi jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi fis-sens tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva.

52      Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma ressqitx elementi oħra li jistgħu juru li s-servizzi inkwistjoni jikkostitwixxu tali attivitajiet ekonomiċi. B’mod partikolari, għalkemm fir-rikors tagħha l-Kummissjoni ssostni li teżisti rabta diretta bejn il-ħlas parzjali magħmul mill-benefiċjarji tas-servizzi ta’ għajnuna legali u s-servizzi mogħtija mill-uffiċċji pubbliċi, hija ma ressqet, insostenn ta’ din l-allegazzjoni, ebda argument speċifiku u ma ressqet ebda prova ta’ natura li tiġġustifika l-eżistenza ta’ tali rabta diretta, u dan minkejja l-fatt li, sabiex tiġi ddeterminata din il-kontribuzzjoni, jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont tad-dħul u tal-patrimonju tal-benefiċjarji. Skont ġurisprudenza stabbiliti, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, hija madankollu l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas allegat. Hija l-Kummissjoni li għandha tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-elementi neċessarji għall-verifika, min-naħa tagħha, tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, u dan mingħajr ma tkun tista’ tibbaża ruħha fuq xi preżunzjonijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-494/01, Ġabra p. I-3331, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fin-nuqqas ta’ attività ekonomika tal-uffiċċji pubbliċi u peress li l-applikabbiltà tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva teħtieġ il-konstatazzjoni minn qabel tan-natura ekonomika tal-attività kkunsidrata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Hutchison 3G et, punt 42, kif ukoll Götz, punt 15), mhuwiex meħtieġ li jiġi eżaminat, fit-tieni lok, l-argument tal-Kummissjoni dwar il-kwistjoni ta’, minn naħa, jekk dawn l-uffiċċji jeżerċitawx l-attività ta’ provvista ta’ servizzi ta’ għajnuna legali inkwistjoni bħala awtoritajiet pubbliċi fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-artikolu msemmi u, min-naħa l-oħra, jekk il-fatt li din l-attività mhijiex suġġetta għall-VAT iwassalx, fi kwalunkwe każ, għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ta’ ċertu sinjifikat fis-sens tat-tieni subparagrafu tad-dispożizzjoni msemmija.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

55      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-Repubblika tal-Finlandja.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.