Language of document : ECLI:EU:C:2024:51

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Jannar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7 – Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Kumpens finanzjarju għall-ġranet ta’ leave mhux meħuda mħallas fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-ħlas ta’ din l-allowance fil-każ ta’ riżenja volontarja ta’ membru tal-persunal tas-servizz pubbliku – Kontroll tal-infiq pubbliku – Ħtiġijiet ta’ organizzazzjoni tal-persuna li timpjega fis-settur pubbliku”

Fil-Kawża C‑218/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Lecce (il-Qorti Distrettwali ta’ Lecce, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Marzu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Marzu 2022, fil-proċedura

BU

vs

Comune di Copertino

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal BU, minn A. Russo, avvocata,

–        għal Comune di Copertino, minn L. Caccetta, avvocata,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Fiandaca, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u D. Recchia, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Ġunju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), kif ukoll tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, BU, ex membru tal-persunal tas-servizz pubbliku tal-Comune di Copertino (il-Komun ta’ Copertino, l-Italja), u, min-naħa l-oħra, dan tal-aħħar dwar ir-rifjut li jħallas lil BU kumpens finanzjarju għall-ġranet ta’ leave annwali mħallas mhux meħud fid-data tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol wara r-riżenja volontarja ta’ BU sabiex jirtira kmieni.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-premessa 4 tad-Direttiva 2003/88 tipprovdi:

“It-titjib tas-sigurtà, l-iġene u s-saħħa tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol huwa għan li m’għandux ikun subordinat sempliċement għal raġunijiet ekonomiċi.”

4        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Leave annwali”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.      Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

 Iddritt Taljan

5        L-Artikolu 36(3) tal-Kostituzzjoni Taljana jipprevedi:

“Il-ħaddiem għandu dritt għal mistrieħ ta’ kull ġimgħa u għal leave annwali mħallas u ma jistax jirrinunzja għalihom.”

6        L-Artikolu 2109 tal-Codice civile (il-Kodiċi Ċivili), intitolat “Perijodu ta’ mistrieħ”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Il-ħaddiem għandu dritt għal ġurnata ta’ mistrieħ fil-ġimgħa, li normalment ikun il-Ħadd.

2.      Huwa għandu wkoll dritt għal perijodu annwali ta’ leave mħallas, possibbilment kontinwu, f’mument iddeterminat mill-persuna li timpjega, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-bżonnijiet tal-impriża u tal-interessi tal-ħaddiem. It-tul ta’ dan il-perijodu huwa stabbilit mil-liġi, mir-regoli korporattivi, mill-użanzi jew mill-ekwità.”

7        L-Artikolu 5 tad-decreto-legge no 95- Disposizioni urgenti per la revisione della spesa pubblica con invarianza dei servizi ai cittadini nonché misure di rafforzamento patrimale delle imprese del settore bancario (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 95, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet urġenti għar-reviżjoni tal-infiq pubbliku mingħajr bidla tas-servizzi għaċ-ċittadini u miżuri ta’ tisħiħ patrimonjali tal-impriżi tas-settur bankarju), tas‑6 ta’ Lulju 2012 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 156, tas‑6 ta’ Lulju 2012) ikkonvertit f’liġi, kif emendat, permezz tal-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nru 135 tas‑7 ta’ Awwissu 2012, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 95”), intitolat “Tnaqqis tal-infiq tal-amministrazzjonijiet pubbliċi”, jipprevedi fil-paragrafu 8 tiegħu:

“Il-leave għal vaganzi, ħin ta’ mistrieħ u leave ieħor li huwa intitolat għalih il-persunal, inkluż dak tat-tmexxija, tal-amministrazzjonijiet pubbliċi inklużi fil-kont ekonomiku kkonsolidat tal-amministrazzjoni pubblika, kif identifikati mill-[Istituto nazionale di statistica – ISTAT (Istitut Nazzjonali tal-Istatistika, l-Italja)] skont l-Artikolu 1(2) tal-Liġi Nru 196 tal‑31 ta’ Diċembru 2009, kif ukoll tal-awtoritajiet indipendenti, inkluż [il-Commissione nazionale per le società e la borsa – Consob (il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Kumpanniji u l-Borża, l-Italja), għandu jittieħed skont id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti rispettivi ta’ dawn l-amministrazzjonijiet, u fl-ebda każ ma jista’ jagħti lok għall-ħlas ta’ kumpens. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll fil-każ fejn ir-relazzjoni ta’ xogħol tintemm minħabba mobbiltà, riżenja, tkeċċija, irtirar u meta tintlaħaq l-età massima tal-irtirar. Kwalunkwe dispożizzjoni legali u kuntrattwali iktar favorevoli ma tibqax tapplika mid-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet leġiżlattiv. Il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni, minbarra li jwassal għall-irkupru tas-somom imħallsa indebitament, iwassal għal responsabbiltà dixxiplinari u amministrattiva għad-direttur responsabbli. Dan il-paragrafu ma għandux japplika għall-għalliema u l-persunal amministrattiv, tekniku u awżiljarju li għandu l-kwalità ta’ sostitut temporanju u okkażjonali jew ta’ għalliem bil-kuntratt sat-tmiem tal-korsijiet jew tal-attivitajiet ta’ tagħlim, sa limitu tad-differenza bejn il-ġranet ta’ leave dovuti u l-ġranet li fihom il-persunal inkwistjoni huwa awtorizzat jieħu l-leave tiegħu.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

8        BU kien impjegat, mill‑1 ta’ Frar 1992 sal‑1 ta’ Ottubru 2016 mill-Komun ta’ Copertino, fejn kien jokkupa pożizzjoni ta’ “Istruttore direttivo” (għalliem eżekuttiv).

9        Mill‑1 ta’ Ottubru 2016, BU, wara riżenja volontarja, waqaf jaħdem sabiex jirtira kmieni.

10      Peress li qies li huwa kellu dritt għal kumpens finanzjarju għal 79 ġurnata ta’ leave annwali mħallas miksub matul il-perijodu bejn is-sena 2013 u s-sena 2016, BU adixxa lit-Tribunale di Lecce (il-Qorti Distrettwali ta’ Lecce, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’talba għal kumpens finanzjarju ta’ dawn il-ġranet ta’ leave mhux meħuda.

11      Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Komun ta’ Copertino kkontesta din it-talba bl-invokazzjoni tal-Artikolu 5(8) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 95. Skont dan tal-aħħar, il-fatt li BU ħa leave matul is-sena 2016 juri li huwa kien jaf bl-obbligu tiegħu, skont din id-dispożizzjoni, li jieħu l-ġranet ta’ leave li huwa kien intitolat għalihom qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol. Barra minn hekk, huwa naqas milli jieħu l-leave rimanenti tiegħu minkejja li kien irriżenja.

12      Il-qorti tar-rinviju tesponi li d-79 ġurnata ta’ leave mhux meħud invokati minn BU jikkorrispondu għal ġranet ta’ leave annwali mħallas previsti mid-Direttiva 2003/88, li minnhom 55 huma dovuti għas-snin ta’ qabel l‑2016 u l-bqija għal din l-aħħar sena ta’ impjieg. Din il-qorti żżid li BU ħa leave matul is-sena 2016, li jikkorrispondi għal ġranet li huwa kien eliġibbli għalihom fis-snin ta’ qabel, li kienu ġew ittrasferiti għas-sena 2013 u għas-snin segwenti. Madankollu, din is-sitwazzjoni ma timplika ebda aġir abbużiv min-naħa ta’ BU, li jista’ jikkorrispondi għal dak indikat fil-punt 48 tas-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874).

13      Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li l-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja), fis-sentenza Nru 95/2016, iddeċidiet li l-Artikolu 5(8) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 95, applikabbli għall-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku u li jipprevedi, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet, li ebda kumpens finanzjarju ma jista’ jitħallas għal-leave mħallas mhux meħud, kien konformi mal-prinċipji stabbiliti mill-Kostituzzjoni Taljana, mingħajr preġudizzju għal dawk tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll għar-regoli tad-dritt internazzjonali. Din il-qorti waslet għal din il-konklużjoni billi identifikat diversi eċċezzjonijiet għal din ir-regola, li ma humiex rilevanti f’dan il-każ.

14      Il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) ħadet inkunsiderazzjoni kemm in-neċessità li jiġi kkontrollat l-infiq pubbliku, kif ukoll ir-restrizzjonijiet organizzattivi għall-persuna li timpjega fis-settur pubbliku, filwaqt li rrilevat li din il-leġiżlazzjoni kienet intiża sabiex ittemm l-użu mingħajr kontroll tal-“kumpens finanzjarju” għal-leave mhux meħud kif ukoll sabiex tafferma mill-ġdid l-importanza tat-teħid effettiv tal-leave. Skont din tal-aħħar, il-projbizzjoni li jitħallas kumpens finanzjarju hija eskluża meta l-leave ma jkunx ittieħed għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tal-ħaddiem, bħall-marda, iżda mhux fil-każ ta’ riżenja volontarja.

15      Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-Artikolu 5(8) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 95, b’mod partikolari fid-dawl tas-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, job-medium (C‑233/20, EU:C:2021:960), iktar u iktar peress li l-għan ta’ kontroll tal-infiq pubbliku jirriżulta mit-titolu stess tal-Artikolu 5 ta’ dan id-Digriet Leġiżlattiv u li l-paragrafu 8 ta’ dan l-artikolu jagħmel parti minn numru ta’ miżuri intiżi għall-iffrankar finanzjarju fis-settur tal-amministrazzjoni pubblika.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Lecce (il-Qorti Distrettwali ta’ Lecce) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1.      L-Artikolu 7 tad-Direttiva [2003/88] u l-Artikolu 31(2) tal- [Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik diskussa fil-kawża prinċipali, (jiġifieri l-Artikolu 5(8) [tad-Digriet-Leġiżlattiv Nru 95] li, għal rekwiżiti ta’ kontroll tal-infiq pubbliku kif ukoll organizzattivi tal-persuna pubblika li timpjega, tipprevedi l-projbizzjoni tal-pagament ta’ kumpens finanzjarju għal leave fil-każ ta’ riżenja volontarja tal-uffiċjal pubbliku? u, barra minn hekk,

2.      fil-każ ta’ risposta affermattiva [għall-ewwel domanda], l-Artikolu 7 tad-Direttiva [2003/88] u l-Artikolu 31(2) tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirrikjedu li l-uffiċjal pubbliku jipproduċi l-prova tal-impossibbiltà li jibbenefika mil-leave matul ir-relazzjoni ta’ xogħol?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lammissibbiltà

17      Ir-Repubblika Taljana ssostni li d-domandi preliminari huma inammissibbli, peress li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenzi tal‑20 ta’ Lulju 2016, Maschek (C‑341/15, EU:C:2016:576), u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874), tindika b’mod ċar b’liema mod għandu jiġi interpretat id-dritt nazzjonali sabiex ikun konformi mad-dritt tal-Unjoni, liema interpretazzjoni ġiet adottata mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali). Barra minn hekk, it-tieni domanda tinkludi affermazzjonijiet kontradittorji.

18      F’dan ir-rigward, qabelxejn għandu jitfakkar li, fid-dawl tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li qorti nazzjonali ma hijiex obbligata tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew li r-risposta għal talba għal deċiżjoni preliminari tkun allegatament evidenti fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni ma għandu ebda effett fuq l-ammissibbiltà ta’ tali talba (sentenza tal-25 ta’ Novembru 2021, job-medium, C‑233/20, EU:C:2021:960, punt 16).

19      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq it-tilwima u li għandha tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sa fejn id-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal-25 ta’ Novembru 2021, job-medium, C‑233/20, EU:C:2021:960, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-25 ta’ Novembru 2021, job-medium, C‑233/20, EU:C:2021:960, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Skont il-qorti tar-rinviju, abbażi tal-Artikolu 5(8) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 95, BU ma jistax jingħata kumpens finanzjarju li qiegħed jitlob, għall-ġranet ta’ leave annwali mħallas mhux meħud fid-data tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, minħabba li huwa temm din ir-relazzjoni b’mod volontarju. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni mal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 u mal-Artikolu 31(2) tal-Karta.

22      Għalhekk, id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mitluba minn din il-qorti ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża u lanqas li l-problema hija ta’ natura ipotetika. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi neċessarji biex tirrispondi b’mod utli għal dawn id-domandi.

23      Minn dan jirriżulta li d-domandi magħmula huma ammissibbli.

 Fuq ilmertu

24      Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, li, għal raġunijiet relatati mal-kontroll tal-infiq pubbliku u mal-ħtiġijiet organizzattivi tal-persuna li timpjega fis-settur pubbliku, tipprevedi l-projbizzjoni li l-ħaddiem jitħallas kumpens finanzjarju għall-ġranet ta’ leave annwali mħallas miksuba, kemm matul l-aħħar sena ta’ impjieg kif ukoll matul snin preċedenti, li ma ttiħdux fid-data tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, meta dan itemm din ir-relazzjoni b’mod volontarju u ma jkunx wera li huwa ma kienx ħa l-leave tiegħu matul l-imsemmija relazzjoni ta’ xogħol għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tiegħu.

25      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ kull ħaddiem għandu jitqies li huwa prinċipju ta’ dritt soċjali tal-Unjoni Ewropea li għandu importanza partikolari, li minnu ma tistax issir deroga u li l-implimentazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tista’ ssir biss fil-limiti espressament stipulati fid-Direttiva 2003/88 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 19).

26      Għalhekk, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li kull ħaddiem jibbenefika minn leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat, skont il-kundizzjonijiet għall-kisba u għall-għoti previsti mil-leġiżlazzjonijiet u/jew prattiki nazzjonali, jirrifletti u jikkonkretizza d-dritt fundamentali għal perijodu annwali ta’ leave mħallas, stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, job-medium, C‑233/20, EU:C:2021:960, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      F’dan ir-rigward, mill-kliem stess tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu, fil-leġiżlazzjoni interna tagħhom, il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju u għall-implimentazzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas, billi jippreċiżaw iċ-ċirkustanzi konkreti li fihom il-ħaddiema jistgħu jagħmlu użu mill-imsemmi dritt (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, LB (Preskrizzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas), C‑120/21, EU:C:2022:718, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Madankollu, dawn tal-aħħar għandhom jastjenu milli jissuġġettaw għal xi kundizzjoni l-kostituzzjoni stess tal-imsemmi dritt li jirriżulta direttament minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2021, job-medium, C‑233/20, EU:C:2021:960, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Għandu jingħad ukoll li d-dritt għal-leave annwali jikkostitwixxi biss wieħed miż-żewġ aspetti tad-dritt għal-leave annwali mħallas bħala prinċipju fundamentali ta’ dritt soċjali tal-Unjoni. Dan id-dritt fundamentali għaldaqstant jinvolvi wkoll dritt għal ksib ta’ ħlas kif ukoll, bħala dritt inerenti għal dan id-dritt għal-leave annwali “imħallas”, id-dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mhux meħud fit-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol (sentenza tal-25 ta’ Novembru 2021, job-medium, C‑233/20, EU:C:2021:960, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta r-relazzjoni ta’ impjieg tkun intemmet, it-teħid effettiv tal-leave annwali mħallas li għalih il-ħaddiem kellu dritt ma għadux possibbli. Sabiex jiġi evitat li, minħabba din l-impossibbiltà, kull tgawdija mill-ħaddiem ta’ dan id-dritt, anki fil-forma ta’ flus, tkun eskluża, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi li, fil-każ tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, il-ħaddiem għandu dritt għal kumpens finanzjarju għall-ġranet ta’ leave annwali mhux meħuda (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 ma jistabbilixxi ebda kundizzjoni għall-għoti tad-dritt għal kumpens finanzjarju ħlief dik relatata mal-fatt, minn naħa, li r-relazzjoni ta’ impjieg tkun intemmet u, min-naħa l-oħra, li l-ħaddiem ma jkunx ħa l-leave annwali kollu li għalih huwa kien intitolat fid-data meta din ir-relazzjoni ntemmet (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan id-dritt jingħata direttament mill-imsemmija direttiva u ma jistax jiddependi fuq kundizzjonijiet oħra minbarra dawk li huma espliċitament previsti fiha (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Kreuziger, C‑619/16, EU:C:2018:872, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Minn dan isegwi li, konformement mal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, ħaddiem li ma setax jagħmel użu mid-drittijiet kollha tiegħu għal leave annwali mħallas qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, għandu dritt għal allowance għal leave annwali mħallas mhux meħud. F’dan ir-rigward, ma hijiex rilevanti r-raġuni li għaliha r-relazzjoni ta’ xogħol intemmet. Għaldaqstant, il-fatt li l-ħaddiem itemm, fuq talba tiegħu stess, ir-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, ma għandux jaffettwa d-dritt tiegħu, skont il-każ, għal kumpens finanzjarju għad-drittijiet għal leave annwali mħallas li ma setax jieħu qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu (sentenzi tal‑20 ta’ Lulju 2016, Maschek, C‑341/15, EU:C:2016:576, punti 28 u 29, kif ukoll tal‑25 ta’ Novembru 2021, job-medium, C‑233/20, EU:C:2021:960, punti 32 u 34).

33      L-imsemmija dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni jew prattiki nazzjonali li jipprevedu li, meta tintemm ir-relazzjoni ta’ xogħol, l-ebda kumpens finanzjarju għal leave annwali mħallas mhux meħud ma jitħallas lill-ħaddiem li ma setax jieħu l-leave annwali kollu li għalih huwa kien intitolat qabel it-tmiem ta’ din ir-relazzjoni ta’ xogħol, b’mod partikolari minħabba li kien bil-leave tal-mard matul il-perijodu ta’ referenza kollu jew parti minnu u/jew matul il-perijodu ta’ trasferiment tal-leave (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Barra minn hekk, billi jipprevedi li l-perijodu minimu ta’ leave annwali mħallas ma jistax jiġi ssostitwit b’kumpens finanzjarju, ħlief f’każ tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 huwa intiż b’mod partikolari sabiex jiżgura li l-ħaddiem ikun jista’ jibbenefika minn mistrieħ effettiv, bl-intenzjoni ta’ protezzjoni effikaċi tas-sigurtà tiegħu u tas-saħħa tiegħu (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 33).

35      Għalhekk, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma jipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali mħallas espressament mogħti minn din id-direttiva, li tinkludi wkoll it-telf tal-imsemmi dritt fi tmiem ta’ perijodu ta’ referenza jew ta’ perijodu ta’ trasferiment, sakemm madankollu l-ħaddiem li d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas kellu effettivament il-possibbiltà li jeżerċita d-dritt mogħti lilu mill-imsemmija direttiva (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li l-ħaddiem kiseb ġranet ta’ leave annwali mħallas fuq diversi perijodi ta’ referenza, li jidhru li ġew akkumulati, fosthom parti minn dawn il-ġranet, miksuba kemm mis-sena 2013 kif ukoll matul is-sena 2016, li ma kinitx għadha ttieħdet meta r-relazzjoni ta’ xogħol intemmet fl‑1 ta’ Ottubru 2016. Min-naħa l-oħra, jidher li, skont l-Artikolu 5(8) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 95, dan il-ħaddiem ma għandux dritt għall-kumpens finanzjarju relatat ma’ dawn il-ġranet kollha ta’ leave mhux meħuda għas-sempliċi raġuni li huwa temm b’mod volontarju r-relazzjoni ta’ xogħol billi rtira kmieni, ħaġa li huwa kien f’pożizzjoni li jipprevedi minn qabel.

37      F’dan ir-rigward, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, skont il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali), din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex ittemm l-użu mhux ikkontrollat tal-“kumpens finanzjarju” għal-leave mhux meħud. Għalhekk, b’mod parallel ma’ miżuri ta’ kontroll tal-infiq pubbliku, ir-regola li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi għandha l-għan li tafferma mill-ġdid l-importanza tat-teħid effettiv tal-leave fil-konfront tal-ħlas ta’ kumpens finanzjarju.

38      Dan l-aħħar għan jikkorrispondi għal dak imfittex mid-Direttiva 2003/88, b’mod partikolari mill-Artikolu 7(2) tagħha, li, kif imfakkar fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, huwa intiż b’mod partikolari sabiex jiżgura li l-ħaddiem ikun jista’ jibbenefika minn mistrieħ effettiv, bl-għan ta’ protezzjoni effettiva tas-sigurtà u tas-saħħa tiegħu.

39      Fid-dawl ta’ tali għan, u peress li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma jipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali mħallas espressament mogħti minn din id-direttiva, li tinkludi wkoll it-telf tal-imsemmi dritt fi tmiem perijodu ta’ referenza jew ta’ perijodu ta’ trasferiment tal-leave, din id-direttiva ma tistax, bħala prinċipju, tipprojbixxi dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi li, fi tmiem tali perijodu, il-ġranet ta’ leave annwali mħallas mhux meħud ma jkunux jistgħu jiġu ssostitwiti iktar b’kumpens finanzjarju, inkluż fil-każ ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol sussegwentement, peress li l-ħaddiem kellu l-possibbiltà jeżerċita d-dritt li l-imsemmija direttiva tagħtih.

40      Ir-raġuni li għaliha r-relazzjoni ta’ xogħol intemmet ma hijiex rilevanti fir-rigward tad-dritt għal kumpens finanzjarju previst fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, job-medium, C‑233/20, EU:C:2021:960, punt 32 u 34).

41      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif interpretata mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali), li tipprevedi l-projbizzjoni li jitħallas lill-ħaddiem kumpens finanzjarju għall-ġranet ta’ leave annwali mħallas mhux meħud fid-data tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol minħabba li dan tal-aħħar temm b’mod volontarju r-relazzjoni ta’ xogħol li torbtu mal-persuna li timpjegah, tistabbilixxi kundizzjoni li tmur lil hinn minn dawk espliċitament previsti fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, kif imfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, din il-projbizzjoni tkopri, b’mod partikolari, l-aħħar sena ta’ impjieg kif ukoll il-perijodu ta’ referenza li matulu r-relazzjoni ta’ xogħol tkun intemmet. Konsegwentement, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tillimita d-dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol li jikkostitwixxi wieħed mill-elementi tad-dritt għal-leave annwali mħallas, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 ta’ din is-sentenza.

42      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għad-dritt għal leave mħallas sakemm il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta jiġu osservati, jiġifieri li dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, josservaw il-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt u li, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, LB (Preskrizzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas), C‑120/21, EU:C:2022:718, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      F’dan il-każ, il-limitazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-eżerċizzju tad-dritt fundamentali msemmi fl-Artikolu 31(2) tal-Karta hija prevista mil-liġi, b’mod iktar partikolari fl-Artikolu 5(8) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 95.

44      Fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur nazzjonali, li dwarhom il-qorti tar-rinviju qegħda tistaqsi b’mod partikolari, mill-formulazzjoni tal-ewwel domanda jirriżulta li dawn, kif jirriżultaw mit-titolu tal-Artikolu 5 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 95 u kif interpretati mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali), huma, minn naħa, il-kontroll tal-infiq pubbliku, u, min-naħa l-oħra, il-ħtiġijiet organizzattivi tal-persuna li timpjega fis-settur pubbliku, inkluż l-ippjanar razzjonali tal-perijodu ta’ leave u l-inkoraġġiment tal-adozzjoni ta’ aġir xieraq tal-partijiet fir-relazzjoni ta’ xogħol.

45      L-ewwel nett, fir-rigward tal-għan intiż tal-kontroll tal-infiq pubbliku, huwa biżżejjed li jitfakkar li mill-premessa 4 tad-Direttiva 2003/88 jirriżulta li l-protezzjoni effettiva tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema ma tistax tkun suġġetta għal kunsiderazzjonijiet purament ekonomiċi (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO, C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      It-tieni nett, fir-rigward tal-għan marbut mal-ħtiġijiet organizzattivi tal-persuna li timpjega fis-settur pubbliku, għandu jiġi rrilevat li dan jirrigwarda, b’mod partikolari, l-ippjanar razzjonali tal-perijodu ta’ leave u l-inkoraġġiment tal-adozzjoni ta’ aġir xieraq tal-partijiet fir-relazzjoni ta’ xogħol, b’tali mod li jista’ jinftiehem bħala intiż li jinċentiva lill-ħaddiema jieħdu l-leave tagħhom u li jindirizza l-għan tad-Direttiva 2003/88, kif jirriżulta mill-punt 38 ta’ din is-sentenza.

47      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Istati Membri ma jistgħux jidderogaw mill-prinċipju li jirriżulta mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, moqri fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta, li jistabbilixxi li dritt għal-leave annwali mħallas miksub ma jintilifx mal-iskadenza tal-perijodu ta’ referenza u/jew ta’ perijodu ta’ trasferiment stabbilit mid-dritt nazzjonali meta l-ħaddiem ma kienx f’pożizzjoni li jieħu l-leave tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 54).

48      Għall-kuntrarju, meta l-ħaddiem ikun naqas milli jieħu l-leave annwali mħallas tiegħu deliberatament u b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti u tal-konsegwenzi li jirriżultaw minnhom, wara li kien f’pożizzjoni li jeżerċita effettivament id-dritt tiegħu għal dan, l-Artikolu 31(2) tal-Karta ma jipprekludix it-telf ta’ dan id-dritt jew, f’każ tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, l-assenza korrelattiva ta’ kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud, mingħajr ma l-persuna li timpjega tkun obbligata li ġġiegħel lil dan il-ħaddiem jeżerċita effettivament l-imsemmi dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 56).

49      Għal dan l-għan, il-persuna li timpjega hija b’mod partikolari obbligata, fid-dawl tan-natura imperattiva tad-dritt għal-leave annwali mħallas u sabiex jiġi żgurat l-effett utli tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, li tiżgura b’mod konkret u trasparenti li l-ħaddiem ikun effettivament imqiegħed f’pożizzjoni li jieħu l-leave annwali mħallas tiegħu, billi tinċentivah, formalment, fejn meħtieġ, li jagħmel dan, filwaqt li tinformah, b’mod preċiż u fi żmien xieraq, sabiex tiżgura li l-imsemmi leave jkun għadu jista’ jiggarantixxi l-mistrieħ u r-rilassament tal-persuna kkonċernata, li, jekk din ma tiħdux, dan il-leave jintilef fi tmiem il-perijodu ta’ referenza jew il-perijodu ta’ trasferiment awtorizzat, jew ma jkunx jista’ jiġi ssostitwit minn kumpens finanzjarju. L-oneru tal-prova huwa impost fuq il-persuna li timpjega (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punti 45 u 46).

50      Minn dan isegwi li, jekk il-persuna li timpjega ma tkunx tista’ turi li tat prova ta’ kull diliġenza meħtieġa li l-ħaddiem ikun effettivament imqiegħed f’pożizzjoni li jieħu l-leave annwali mħallas li għalih huwa kellu dritt, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, hemm lok li jitqies li t-telf tad-dritt għall-imsemmi leave fit-tmiem tal-perijodu ta’ referenza jew il-perijodu ta’ trasferiment awtorizzat u, f’każ tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, l-assenza korrelattiva ta’ ħlas ta’ kumpens finanzjarju għal-leave annwali mhux meħud, jiksru, rispettivament, l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, kif ukoll l-Artikolu 31(2) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punti 46 u 55).

51      Fi kwalunkwe każ, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-projbizzjoni li jitħallas kumpens finanzjarju għall-ġranet ta’ leave annwali mħallas mhux meħud tkopri dawk li nkisbu matul l-aħħar sena ta’ impjieg kurrenti.

52      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, li, għal raġunijiet relatati mal-kontroll tal-infiq pubbliku u mal-ħtiġijiet organizzattivi tal-persuna li timpjega fis-settur pubbliku, tipprevedi l-projbizzjoni li l-ħaddiem jitħallas kumpens finanzjarju għall-ġranet ta’ leave annwali mħallas miksuba, kemm matul l-aħħar sena ta’ impjieg kif ukoll matul snin preċedenti, li ma ttieħdux fid-data tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, meta dan itemm din ir-relazzjoni ta’ xogħol b’mod volontarju u ma weriex li huwa ma kienx ħa l-leave tiegħu matul l-imsemmija relazzjoni ta’ xogħol għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tiegħu.

 Fuq lispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, li, għal raġunijiet relatati mal-kontroll tal-infiq pubbliku u mal-ħtiġijiet organizzattivi tal-persuna li timpjega fis-settur pubbliku, tipprevedi l-projbizzjoni li l-ħaddiem jitħallas kumpens finanzjarju għall-ġranet ta’ leave annwali mħallas miksuba, kemm matul l-aħħar sena ta’ impjieg kif ukoll matul snin preċedenti, li ma ttiħdux fid-data tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, meta dan itemm din ir-relazzjoni ta’ xogħol b’mod volontarju u ma weriex li huwa ma kienx ħa l-leave tiegħu matul l-imsemmija relazzjoni ta’ xogħol għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tiegħu.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.