Language of document : ECLI:EU:T:2013:404

Kawżi magħquda T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11

Deutsche Bahn AG et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni li tordna spezzjoni — Setgħat ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni — Drittijiet tad-difiża — Proporzjonalità — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla)
tas-6 ta’ Settembru 2013

1.      Proċedura ġudizzjarja — Motivi invokati — Ammissibbiltà u natura ineffettiva ta’ motiv jew ilment — Natura distintiva — Kunċetti ta’ motiv inammissibbli u ta’ motiv ineffettiv

2.      Proċedura ġudizzjarja — Ammissibbiltà tar-rikorsi — Evalwazzjoni tal-legalità ta’ att fid-dawl tas-sitwazzjoni eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tiegħu

3.      Eċċezzjoni ta’ illegalità — Portata — Atti li l-illegalità tagħhom tista’ tiġi eċċepita — Att ta’ natura ġenerali li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata — Neċessità ta’ ness legali bejn l-att ikkontestat u l-att ġenerali kkontestat

(Artikolu 277 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4))

4.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni — Ksur tal-ħajja privata — Ammissibbiltà — Assenza ta’ mandat ġudizzjarju minn qabel ta’ natura li twassal għall-illegalità tal-indħil amministrattiv — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet — Garanziji adegwati u suffiċjenti stabbiliti mis-sistema tar-Regolament Nru 1/2003

(Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 7; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4))

5.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni — Deċiżjoni li tordna spezzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4))

6.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħat ta’ verifika tal-Kummissjoni — Setgħa li tordna l-preżentazzjoni ta’ komunikazzjoni bejn avukat u klijent — Limiti — Protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ tali komunikazzjoni — Portata — Esklużjoni tal-komunikazzjonijiet mal-avukati interni tal-impriża

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4))

7.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni — Deċiżjoni li tintalab informazzjoni indirizzata lil impriża — Dritt ta’ rifjut li tiġi pprovduta risposta li timplika rikonoxximent ta’ ksur

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4))

8.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni — Portata u limiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4))

9.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni — Deċiżjoni li tordna spezzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata

Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4))

10.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħat ta’ verifika tal-Kummissjoni — Użu ta’ informazzjoni miġbura waqt verifika — Limiti

(Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003)

11.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni — Obbligi tal-impriżi li jagħmlu lmenti fir-rigward tal-ġestjoni tal-ispezzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20)

12.    Kompetizzjoni — Tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni — Dritt tal-Kummissjoni li tiddeċiedi li twettaq spezzjoni f’każ li jkun qed jiġi eżaminat quddiem awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni kif ukoll li tordna verifiki supplimentari

(Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE; Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003)

13.    Rikors għal annullament — Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni — Talbiet intiżi li tinkiseb ordni indirizzata lil istituzzjoni — Talbiet intiżi li tinkiseb sentenza dikjaratorja — Inammissibbiltà

(Artikolu 263 TFUE)

1.      Li wieħed jikklassifika motiv jew ilment bħala ineffettiv ifisser li wieħed jikkunsidra, mingħajr ħtieġa ta’ eżami tiegħu fil-mertu, li dan ma jistax jinfluwenza l-eżitu tat-tilwima. Għall-kuntrarju, motiv jew ilment inammissibbli, anki jekk jista’ jaffettwa l-eżitu tat-tilwima, ma tqajjimx taħt kundizzjonijiet li jippermettu lill-qorti tevalwah fil-mertu. Għalhekk, in-natura ineffettiva ta’ argument ma twassalx, fi kwalunkwe każ, għall-inammissibbiltà tiegħu.

(ara l-punti 47, 107)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 49)

3.      Sa fejn l-Artikolu 277 TFUE ma għandux l-għan li jippermetti li parti tikkontesta l-applikabbiltà ta’ att ta’ natura ġenerali insostenn ta’ kwalunkwe rikors, il-portata ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tkun limitata għal dak li huwa indispensabbli għas-soluzzjoni tat-tilwima. Minn dan jirriżulta li l-att ġenerali li l-legalità tiegħu tkun ikkontestata għandu jkun applikabbli, direttament jew indirettament, għall-kwistjoni li tkun is-suġġett tar-rikors u għandu jkun hemm ness legali dirett bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali inkwistjoni.

(ara l-punti 56-58)

4.      L-eżerċizzju tal-poteri ta’ spezzjoni mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 fuq impriża jikkostitwixxi ndħil ċar fid-dritt ta’ din tal-aħħar għar-rispett tal-ħajja privata tagħha, tad-domiċilju tagħha u tal-korrispondenza tagħha. Anki jekk stess l-assenza ta’ mandat ġudizzjarju minn qabel ma hijiex ta’ natura li twassal, bħala tali, għall-illegalità ta’ ndħil, is-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 1/2003, speċifikament l-Artikolu 20(4) ta’ dan ir-regolament u l-mod kif dan ġie implementat, tipprovdi garanziji adegwati u suffiċjenti li jikkorrispondu għal superviżjoni suffiċjentement stretta tal-poteri tal-Kummissjoni permezz ta’ ħames kategoriji ta’ garanziji. Dawn jikkonċernaw, l-ewwel nett, il-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni, it-tieni nett, il-limiti imposti fuq il-Kummissjoni matul il-kors tal-ispezzjoni, it-tielet nett, l-impossibbiltà għall-Kummissjoni li timponi spezzjoni sfurzata, ir-raba’ nett, l-intervent tal-awtoritajiet nazzjonali, u, il-ħames nett, l-eżistenza ta’ rimedji a posteriori. L-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju komplet a posteriori huwa partikolarment importanti peress li dan jista’ jikkumpensa għall-assenza ta’ mandat ġudizzjarju minn qabel.

(ara l-punti 65, 73, 74, 97)

5.      L-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jiddefinixxi l-elementi essenzjali li għandhom ikunu inklużi f’deċiżjoni li tordna spezzjoni, billi jobbliga lill-Kummissjoni tindika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni ordnata, id-data li fiha din għandha tinbeda, il-pieni previsti mill-Artikoli 23 u 24 tal-imsemmi regolament u r-rimedju disponibbli kontra tali deċiżjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni. Ir-rekwiżit li l-Kummissjoni tindika s-suġġett u l-għan ta’ spezzjoni jammonta fil-fatt għal garanzija fundamentali tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati u, għaldaqstant, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni ma tistax tiġi limitata abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet marbuta mal-effikaċja tal-investigazzjoni. F’dan ir-rigward, minkejja li huwa veru li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tikkomunika lid-destinatarju ta’ tali deċiżjoni l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-preżunti okkorrenzi ta’ ksur, jew li tiddefinixxi preċiżament is-suq inkwistjoni, jew li tagħmel klassifikazzjoni legali eżatta ta’ dawn l-istanzi ta’ ksur, jew li tindika l-perijodu li matulu seħħew l-okkorrenzi ta’ ksur, hija għandha, madankollu, tindika, bl-iktar mod preċiż possibbli, il-preżunzjonijiet li hija tkun bi ħsiebha tivverifika, jiġifieri dak li huwa mfittex u l-fatturi li dwarhom l-ispezzjoni għandha ssir.

Il-Kummissjoni hija wkoll marbuta li, f’deċiżjoni li tordna spezzjoni, tipprovdi deskrizzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tal-ksur issuspettat, billi tindika s-suq preżunt inkwistjoni u n-natura tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni ssuspettati, spjegazzjonijiet fir-rigward tal-mod li bih l-impriża kkonċernata mill-ispezzjoni hija preżunta li hija implikata fil-ksur, kif ukoll il-poteri mogħtija lill-investigaturi tal-Unjoni.

Sabiex tistabbilixxi n-natura ġġustifikata tal-ispezzjoni, il-Kummissjoni hija marbuta li, fid-deċiżjoni li tordna spezzjoni, turi b’mod iddettaljat li hija għandha informazzjoni u indizji materjali serji li wassluha sabiex tissuspetta l-ksur mill-impriża li ser tiġi spezzjonata.

(ara l-punti 75-78, 87, 168-172, 174)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 81)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 82)

8.      Waqt spezzjoni, il-Kummissjoni tista’ tfittex b’mod eżawrjenti l-kontenut ta’ ċerti uffiċċji jew mobbli, anki jekk ma jkun hemm ebda indikazzjoni ċara li dawn ikollhom fihom informazzjoni dwar is-suġġett tal-investigazzjoni, meta jkun hemm provi li jissuġġerixxu dan. Fil-fatt, jekk hija tillimita ruħha li tidħol biss fil-postijiet jew teżamina biss mobbli li għandhom b’mod ċar konnessjoni mas-suġġett tal-investigazzjoni, hija tkun qiegħda tirriskja li ma tkunx tista’ ssib provi importanti. Dawn il-provi jistgħu, pereżempju, jinħbew jew jiġu rreferenzjati b’mod mhux korrett. Barra minn hekk, ir-rabta mas-suġġett tal-investigazzjoni ma hijiex neċessarjament faċilment identifikabbli immedjatament u jista’ jkun li jkun biss eżami fid-dettall li jista’ jippermetti li din tiġi identifikata.

(ara l-punti 86-90, 92-94, 139, 140)

9.      L-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi għal tali stħarriġ mill-qrati tal-Unjoni u jimponi li dan jiġi indikat fid-deċiżjoni li tordna impriża tissottometti ruħha għal spezzjoni fil-postijiet tagħha. Il-qorti tal-Unjoni, meta tiddeċiedi fuq rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni, teżerċita stħarriġ kemm fid-dritt u kif ukoll fil-fatt u għandha l-poter li tevalwa l-provi u tannulla d-deċiżjoni kkontestata. Fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni, il-qorti tal-Unjoni tista’ titwassal sabiex tiżgura l-eżistenza ta’ indizji suffiċjentement serji li jippermettu li jiġi ssuspettat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mill-impriżi kkonċernati.

(ara l-punti 111, 112)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 124-128)

11.    Huwa l-kompitu tar-rappreżentanti tal-impriżi kkonċernati li jirreġistraw b’mod formali l-ilmenti kollha tagħhom fl-istess żmien li jitwettqu l-abbużi u li jużaw kull mezz għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jikkonservaw il-provi tanġibbli. Fin-nuqqas ta’ tali provi formali, il-prova tal-eżistenza ta’ tfittxija b’mira li tmur lil hinn mill-ambitu tal-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni hija neċessarjament iktar diffiċli.

(ara l-punt 136)

12.    Sabiex tissodisfa r-rwol assenjat lilha mit-Trattat, il-Kummissjoni ma tistax tkun marbuta minn deċiżjoni mogħtija minn qorti nazzjonali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 102 TFUE. Il-Kummissjoni għandha d-dritt li tieħu, f’kull mument, deċiżjonijiet individwali għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, anki meta ftehim jew prattika tkun diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali u d-deċiżjoni prevista mill-Kummissjoni tikkontradiċi lil din id-deċiżjoni ġudizzjarja. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ regoli settorjali hija irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni. Dan il-prinċipju japplika kemm għal deċiżjoni finali kif ukoll għal deċiżjoni ta’ spezzjoni filwaqt li ż-żamma ta’ laqgħat preċedenti bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti, jew il-fatt li awtorità nazzjonali tiġi adita b’kawża, ma hijiex ta’ natura li taffettwa l-poteri investigattivi mogħtija lill-Kummissjoni taħt ir-Regolament Nru 1/2003.

(ara l-punti 200-202, 216)

13.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 227)