Language of document : ECLI:EU:T:2011:217

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

17 ta’ Mejju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-klorat tas-sodju – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Drittijiet tad-difiża – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet – Prinċipju ta’ legalità tal-pieni – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Użu ħażin ta’ poter – Multi – Ċirkustanza aggravanti – Dissważjoni – Ċirkustanza attenwanti – Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva – Valur miżjud sinjifikattiv”

Fil-Kawża T‑299/08,

Elf Aquitaine SA, stabbilita fi Courbevoie (Franza), irrappreżentata minn É. Morgan de Rivery u S. Thibault-Liger, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn X. Lewis, É. Gippini Fournier u R. Sauer, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 2626 finali, tal-11 ta’ Ġunju 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (Każ COMP/38.695 – Klorat tas-Sodju), sa fejn din tal-aħħar tikkonċernaha u, sussidjarjament, talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multi imposti fuqha fl-imsemmija deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe (Relatur) u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Ġunju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tad-Deċiżjoni C (2008) 2626 finali, tal-11 ta’ Ġunju 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (Każ COMP/38.695 – Klorat tas-Sodju, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issanzjonat, fost impriżi oħrajn, lir-rikorrenti, Elf Aquitaine SA, li kienet, sal-2006, il-kumpannija parent ta’ Arkema France (li kienet Elf Atochem SA, u sussegwentement Atofina SA u Arkema SA), minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom f’numru ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma li jikkonċernaw is-suq tal-klorat tas-sodju fiż-ŻEE, għall-perijodu mill-11 ta’ Mejju 1995 sad-9 ta’ Frar 2000 għal dak li jikkonċerna Arkema France u r-rikorrenti (premessi 12 sa 15 u l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

2        Il-klorat tas-sodju huwa aġent li jsaddad ħafna li jinkiseb bit-trattamenti elettrolitiċi ta’ soluzzjoni abbażi tal-ilma tal-klorur tas-sodju f’ċellula mingħajr dijaframma. Il-klorat tas-sodju jista’ jiġi prodott f’forma kkristallizzata jew f’soluzzjoni. Huwa prinċipalment użat fil-manifattura tad-diossidu tal-kloru, użat fl-industrija tal-polpa u tal-karti għall-ibbliċjar tal-polpa kimika. Dan jintuża wkoll, f’ammont ħafna iżgħar, fil-purifikazzjoni tal-ilma għax-xorb, fl-ibbliċjar tat-tessuti, fl-erbiċidi u fir-raffinar tal-uranju (premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

3        Fl-1999, il-kompetituri prinċipali fis-suq tal-klorat tas-sodju fiż-ŻEE kienu l-impriżi li ġejjin. L-ewwel nett, EKA Chemicals AB (iktar ’il quddiem “EKA”), li l-kapital azzjonarju tagħha kien kollu kemm hu miżmum mill-grupp Akzo Nobel, kellha sehem ta’ 49 % mill-imsemmi suq. Finnish Chemicals Oy, li l-kapital azzjonarju tagħha kien indirettament u kollu kemm hu miżmum minn Erikem Luxembourg SA (iktar ’il quddiem “ELSA”), kellha min-naħa tagħha sehem ta’ 30 % mill-imsemmi suq. Sussegwentement, Arkema France, li 97. 55 % tal-kapital azzjonarju tagħha kien miżmum mir-rikorrenti mill-1992 sal-2000, kellha sehem ta’ 9 % minn’ dan is-suq. Fl-aħħar nett, Aragonesas Industrias y Energia SAU (iktar ‘il quddiem “Aragonesas”), li l-integralità jew il-maġġoranza tal-kapital azzjonarju tagħha kien direttament jew indirettament miżmum bejn l-1992 u l-2000, minn Uralita SA, kellha, bħal Solvay SA/NV, sehem ta’ 5 % minn dan is-suq, filwaqt li produtturi oħrajn kellhom sehem kumulattiv ta’ 2 % mill-imsemmi suq (premessi 13, 14, 25 sa 30, 42 u 46 tad-deċiżjoni kkontestata).

4        Fit-28 ta’ Marzu 2003, EKA ppreżentat, lill-Kummissjoni, applikazzjoni għal immunità skont l-Avviż tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Frar 2002, dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ‘il quddiem l-“Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni”), dwar l-eżistenza ta’ akkordju fis-suq tal-klorat tas-sodju (iktar ’il quddiem l-“akkordju”). EKA sostniet l-imsemmija applikazzjoni permezz ta’ provi dokumentarji u dikjarazzjoni orali (premessi 54 u 55 tad-deċiżjoni kkontestata).

5        Fit-30 ta’ Settembru 2003, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tagħti immunità kundizzjonali minn multa lil EKA, skont il-punt 15 tal-Avviż tal-2000 dwar il-kooperazzjoni (premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Fl-10 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni għamlet talbiet għal informazzjoni lil Finnish Chemicals, lil Arkema France u lil Aragonesas, skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) (premessa 56 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Fit-18 ta’ Ottubru 2004, Arkema France ppreżentat, fit-tweġiba tagħha għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq, applikazzjoni skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni (premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Fid-29 ta’ Ottubru 2004, Finnish Chemicals ippreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni u pprovditilha oralment informazzjoni dwar l-akkordju. Finnish Chemicals ikkonfermat l-imsemmija applikazzjoni permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Novembru 2004 u fl-istess waqt ipprovdiet provi dokumentarji dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni (premessa 58 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Mill-4 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni għamlet talbiet għal informazzjoni, skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003, b’mod partikolari lil Arkema France, lil Aragonesas, lil EKA u lil Finnish Chemicals. Hija ltaqgħet ukoll mat-tnejn tal-aħħar. Fir-rigward tar-rikorrenti, hija għamlitilha talba għal informazzjoni għall-ewwel darba fil-11 ta’ April 2008 (premessa 59 sa 65 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni informat lil Arkema France bl-intenzjoni tagħha li tiċħad l-applikazzjoni tagħha skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni (premessa 563 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Permezz ta’ ittra tal-istess jum, il-Kummissjoni informat ukoll lil Finnish Chemicals bl-intenzjoni tagħha li tagħtiha, skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, tnaqqis ta’ 30 sa 50 % tal-ammont tal-multa li hija kienet ġiet esposta għaliha (premessa 583 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Fis-27 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li d-destinatarji tagħha kienu, minbarra r-rikorrenti, EKA, Akzo Nobel NV, Finnish Chemicals, ELSA, Arkema France, Aragonesas u Uralita. Huma rrispondewha fit-terminu stabbilit (premessi 66 u 67 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Fl-20 ta’ Novembru 2007, Arkema France u r-rikorrenti, b’mod partikolari, eżerċitaw id-dritt tagħhom li jinstemgħu oralment, waqt seduta, mill-uffiċjal tas-seduta (premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Fil-11 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li kienet ġiet innotifikata lir-rikorrenti fis-16 ta’ Ġunju 2008.

15      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment tirrileva li Arkema France, EKA, Finnish Chemicals u Aragonesas segwew strateġija biex jistabbilizzaw is-suq tal-klorat tas-sodju, bl-għan aħħari li jaqsmu bejniethom il-volum tal-bejgħ ta’ dan il-prodott, li jikkoordinaw il-politika tal-iffissar tal-prezzijiet fir-rigward tal-klijenti tagħhom u, b’hekk jimmassimizzaw il-marġni tagħhom. Il-funzjonament tal-akkordju kien ibbażat fuq kuntatti frekwenti bejn il-kompetituri taħt il-forma ta’ laqgħat bilaterali jew multilaterali u telefonati, madankollu mingħajr ma jsegwu skema stabbilita. Skont il-Kummissjoni, dawn il-prattiki kollużivi seħħew mill-21 ta’ Settembru 1994 għal EKA u għal Finnish Chemicals, mis-17 ta’ Mejju 1995 għal Arkema France, mis-16 ta’ Diċembru 1996 għal Aragonesas u mit-13 ta’ Frar 1997 għal ELSA. L-imsemmija prattiki baqgħu jippersistu sad-9 ta’ Frar 2000, għall-inqas għal dak li jikkonċerna Arkema France, EKA, Finnish Chemicals u Aragonesas (premessi 69 sa 71 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Fir-rigward b’mod partikolari tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ Arkema France, il-Kummissjoni tirrileva li l-fatti esposti fid-deċiżjoni kkontestata juru li din ipparteċipat direttament fil-prattiki antikompetittivi inkwistjoni. Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li, matul it-tul kollu tal-ksur, ir-rikorrenti kienet iżżomm iktar minn 97 % tal-kapital azzjonarju ta’ Arkema France. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tqis li hemm lok raġonevoli li jiġi maħsub li hija kellha tikkonforma ruħha mal-politika stabbilita mill-kumpannija parent tagħha u li għaldaqstant hija ma setgħetx taġixxi b’mod awtonomu. Għalhekk il-Kummissjoni tikkonkludi li jista’ jiġi preżunt li r-rikorrenti eżerċitat influwenza determinanti fuq Arkema France, u li dan huwa kkorroborat minn indizji addizzjonali li hija telenka (premessi 384 u 386 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta b’mod partikolari fuq Arkema France u fuq ir-rikorrenti, il-Kummisjsoni bbażat ruħha fuq il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’‘il quddiem il-“linji gwida”) (premessa 498 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Arkema France, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni ammont korrispondenti għal 19 % tal-valur tal-bejgħ tal-prodotti affettwati mill-akkordju inkwistjoni. Minn naħa, sa fejn Arkema France pparteċipat fil-ksur matul għall-inqas erba’ snin u tmien xhur, il-Kummissjoni tqis li dan l-ammont għandu jiġi mmultiplikat b’ħamsa sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur. Min-naħa l-oħra, sabiex tiddiswadi l-impriżi inkwistjoni, u b’mod partikolari lil Arkema France, milli jipparteċipaw fi ftehim orizzontali li jiffissaw il-prezzijiet, il-Kummissjoni tqis neċessarju li timponi ammont addizzjonali tal-multa li jikkorrispondi għal 19 % tal-valur tal-imsemmija bejgħ. Għaldaqstant, hija kkonkludiet li għandha tiġi imposta fuq Arkema France u fuq ir-rikorrenti, flimkien u in solidum, multa ta’ EUR 22 700 000 (premessi 510 u 521 sa 523 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Barra minn hekk, fir-rigward tal-aġġustamenti għall-ammont bażiku tal-multa, il-Kummissjoni tirrileva, bħala ċirkustanzi aggravanti, li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hija kienet diġà ssanzjonat lil Arkema France fi tliet deċiżjonijiet li fihom din tal-aħħar kienet inżammet responsabbli għal attivitajiet kollużivi preċedenti. Minn naħa, il-Kummissjoni tqis, essenzjalment, li l-aġir ta’ reċidivista ta’ Arkema France jiġġustifika li żieda ta’ 90 % tal-ammont bażiku tal-multi tkun imposta fuqha. Min-naħa l-oħra, hija ma tirrileva l-ebda ċirkustanza attenwanti favur Arkema France jew favur ir-rikorrenti li tiġġustifika tnaqqis ta’ multa. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tal-fatti kollha inkwistjoni, “l-ebda ċirkustanza eċċezzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma hija ta’ natura li tiġġustifika li Arkema France tingħata tnaqqis tal-multa li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni (premessi 525, 526, 538 u 544 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Sussegwentement, il-Kummissjoni tindika, essenzjalment, li, sabiex tiżgura ruħha li l-multi jkollhom effett dissważiv, u fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti għandha dħul mill-bejgħ b’mod partikolari sostanzjali, apparti mill-bejgħ ta’ prodotti li jirreferi għalih il-ksur u, fl-aħħar nett, li dan jeċċedi b’ħafna, f’termini assoluti, id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi l-oħra kkonċernati, hemm lok li tiġi imposta fuqha żieda ta’ 70 % tal-ammont bażiku tal-multa (premessa 545, 548 u 559 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonstata li l-multi li għandhom jiġu imposti fuq Arkema France u r-rikorrenti, b’mod partikolari, huma inqas minn 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali rispettivi tagħhom fl-2007 u li l-multi li jistgħu jiġu imposti fuqhom qabel l-applikazzjoni tal-Avviz tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jiżdiedu, minn naħa, għal Arkema France għal EUR 43 130 000 u, min-naħa l-oħra, għar-rikorrenti, għal EUR 38 590 000 (premessi 551 u 552 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li Arkema France ma għandha tibbenefika minn ebda tnaqqis ta’ multa skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, peress li l-informazzjoni li pprovditilha ma pprovdiet l-ebda valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punt 21 tal-imsemmi avviż. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tqis li Finnish Chemicals ipprovditilha provi ta’ valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punt 21 tal-istess avviz. Konsegwentement hija tagħtiha tnaqqis ta’ 50 % tal-ammont tal-multa li kieku kienet timponilha (premessi 580, 588 u 591 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      L-Artikoli 1 u 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata huma fformulati kif ġej:

“L-Ewwel Artikolu

L-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi ħadu sehem, għall-perijodi indikati, f’numru ta’ ftehim u prattiċi miftiehma bil-għan li jaqsmu bejniethom volumi ta’ bejgħ, jiffissaw il-prezzijiet, jiskambjaw informazzjoni kummerċjalment sensittiva dwar il-prezzijiet u l-volumi ta’ bejgħ u jissorveljaw l-eżekuzzjoni ta’ arranġamenti anti-kompetittivi dwar il-klorat tas-sodju fis-suq taż-ŻEE:

a) [EKA], mill-21 ta’ Settembru 1994 sad-9 ta’ Frar 2000;

b) Akzo Nobel […], mill-21 ta’ Settembru 1994 sad-9 ta’ Frar 2000;

c) Finnish Chemicals […], mill-21 ta’ Settembru 1994 sad-9 ta’ Frar 2000;

d) [ELSA], mit-13 ta’ Frar 1997 sad-9 ta’ Frar 2000;

e) Arkema France […], mis-17 ta’ Mejju 1995 sad-9 ta’ Frar 2000;

f) [ir-rikorrenti], mis-17 ta’ Mejju 1995 sad-9 ta’ Frar 2000;

g) Aragonesas […], mis-16 ta’ Diċembru 1996 sad-9 ta’ Frar 2000;

h) Uralita […], mis-16 ta’ Diċembru 1996 sad-9 ta’ Frar 2000.

Artikolu 2

L-emendi segwenti huma imposti għall-ksur msemmi fl-Artikolu 1:

a)      EKA […] u Akzo Nobel […], flimkien u in solidum: EUR 0;

b)       Finnish Chemicals […] :EUR 10 150 000 li minnhom flimkien u in solidum ma’ [ELSA] (fi stralċ): EUR 50 900;

c)       Arkema France […] u [r-rikorrenti], flimkien u in solidum: EUR 22 700 000;

d)       Arkema France […]: EUR 20 430 000;

e)       [ir-rikorrenti] : EUR 15 890 000;

f)       Aragonesas […] u Uralita […], flimkien u in solidum:EUR 9 900 000.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

24      Fl-Artikolu 3 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tordna lill-impriżi msemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni, minn naħa, itemmu, jekk huma jkunu għadhom ma għamlux dan, il-ksur inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, jastjenu minn kull att jew aġir bħal dak deskritt fl-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni, kif ukoll minn kwalunkwe att jew aġir li jkollu għan jew effetti identiċi jew simili.

25      L-Artikolu 4 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jelenka d-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, li huma l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

26      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Awwissu 2008, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

27      Fuq rapport tal-Imħallef relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Il-Qorti Ġenerali għamlet ċerti mistoqsijiet lir-rikorrenti u lill-Kummissjoni. Hija talbitha wkoll sabiex tipproduċi ċerti dokumenti. Suġġett għat-traskrizzjoni tal‑applikazzjoni orali għal immunità ta’ EKA, li l-Kumminissjoni rrifjutat li tipproduċi, il-partijiet wieġbu għal dawn it-talbiet fit-terminu stabbilit.

28      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-2 ta’ Ġunju 2010.

29      B’digriet tal-11 ta’ Ġunju 2010, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, (T‑299/08, mhux ippubblikat fil-Ġabra), il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi t-traskrizzjoni tal-applikazzjoni orali għal immunità ta’ EKA u, min-naħa l-oħra, awtorizzat li dan id-dokument jiġi kkonsultat mill-avukati tar-rikorrenti fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni pproduċiet fit-terminu stabbilit dan id-dokument, li l-avukati tar-rikorrenti kkonsultaw fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali. Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti indikat li, għalkemm hija ma kinitx f’pożizzjoni li tikkonferma l-identiċità ta’ dan id-dokument ma’ dak li kienet ingħatat aċċess għalih fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, hija ma kellha l-ebda raġuni li tiddubita li dan kien l-istess dokument.

30      Il-proċedura orali ngħalqet fis-16 ta’ Lulju 2010.

31      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla, abbażi tal-Artikolu 230 KE, id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċernaha;

–        sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas, abbażi tal-Artikolu 229 KE, l-ammont tal-multi li kienu ġew imposti fuqha fl-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq it-talbiet, imqajma prinċipalment, intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

33      Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċernaha, ir-rikorrenti tqajjem għaxar motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tar-regoli li jirregolaw l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għal ksur fi ħdan gruppi ta’ kumpanniji. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ sitt prinċipji fundamentali li jirriżulta mill-imputazzjoni li saritilha tar-responsabbiltà għall-aġir li jikkostitwixxi ksur inkwistjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-iżnaturament tas-serje ta’ provi li hija kienet ipproduċiet. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq kontradizzjoni ta’ motivi fid-deċiżjoni kkontestata. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq użu ħażin ta’ poter. It-tmien motiv huwa bbażat fuq in-natura infondata tal-impożizzjoni tal-multa imposta fuqha personalment. Id-disa’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji u tar-regoli li rregolaw il-kalkolu tal-multa imposta in solidum fuq Arkema Franca u fuqha stess. L-għaxar motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tar-regoli li jirregolaw l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għal ksur fi ħdan gruppi ta’ kumpanniji

34      L-ewwel motiv tar-rikorrenti, li l-Kummissjoni kisret, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-regoli li jirregolaw l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għal ksur fi ħdan gruppi ta’ kumpanniji, jinqasam f’ħames partijiet.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi fl-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-aġir li jikkostitwixxi ksur inkwistjoni lir-rikorrenti

–       L-argumenti tal-partijiet

35      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-premessa 369 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ma kinitx marbuta tikkorrobora permezz ta’ elementi konkreti l-preżunzjoni li tipprovdi, essenzjalment, li kumpannija parent li żżomm il-kapital azzjonarju kollu tas-sussidjarja tagħha, teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq din tal-aħħar (iktar ’il quddiem il-“preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti”).

36      L-ewwel nett, kemm minn ġurisprudenza abbundanti kif ukoll minn prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni jirriżulta li hija għandha tikkorrobora l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti b’indizji konkreti li jattestaw l-imsemmija influwenza. Dawn l-indizji għandhom juru jew li l-kumpannija parent kienet involuta fil-ksur, jew li hija kienet taf b’dan, jew li l-organizzazzjoni interna tal-grupp kienet tippermettilha tintervjeni konkretament fil-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, għal matul madwar erbgħin sena qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni C (2004) 4876 finali, tad-19 ta’ Jannar 2005, dwar il-proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/37.773 – AMCA) (ĠU 2006, L 353, p. 12, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni AMCA”), qieset indizji konkreti li jikkorroboraw il-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti. Hija tippreċiża wkoll li, fil-premessa 574 tad-Deċiżjoni tal-1 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/C.39181 – Xama’ għal xemgħat) (ĠU C 295, p. 17, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Xema għal xemgħat”, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li, qabel l-2005, hija ma kinitx timputa r-responsabbiltà għal ksur lill-kumpannija parent mingħajr ma tipprovdi indizji konkreti li jikkorroboraw l-imsemmija preżunzjoni.

37      It-tieni nett, ir-rikorrenti tosserva li, fid-Deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-2/37.857 – Perossidi organiċi) (ĠU 2005, L 110, p. 44, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Perossidi organiċi”, il-Kummissjoni ma imputatx ir-responsabbiltà għal ksur issanzjonat f’din id-deċiżjoni lir-rikorrenti, peress li kkunsidrat li Arkema France kienet kompletament awtonoma fis-suq.

38      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-obbligu għall-Kummissjoni li tipproduċi indizji addizzjonali li jikkorroboraw il-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE huwa sostnut mill-ġurisprudenza dwar l-imputazzjoni lill-Istat ta’ miżura adottata minn impriża pubblika taħt id-dritt tal-għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, Ġabra p. I‑4397), u għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ġunju 2008, SIC vs Il-Kummissjoni (T‑442/03, Ġabra p. II‑1161). Fl-opinjoni tagħha, skont l-Artikolu 295 KE, azzjonist privat ta’ grupp ta’ kumpanniji ma jistax, f’isem il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jiġi trattat b’mod inqas favorevoli minn azzjonist pubbliku.

39      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 369 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li din tal-aħħar ma għandhiex tikkorrobora l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti permezz ta’ indizji addizzjonali li jipprovaw il-kontroll ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha tipprekludi s-soluzzjonijiet adottati fil-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-Unjoni, bħall-Belġju, Franza, l-Italja u r-Renju Unit, li l-influwenza tagħhom fuq id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni hija innegabbli. Minn naħa, f’dawn l-Istati kollha, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu jirreferu għal serje ta’ indizji intiżi sabiex jiġi stabbilit l-aġir awtonomu ta’ sussidjarja fir-rigward tal-kumpannija parent tagħha. Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa veru li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta mis-soluzzjonijiet adottati mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha madankollu teħodhom inkunsiderazzjoni, fid-dawl tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni msaħħa li jirregolaw ir-relazzjonijiet tagħha mal-imsemmija awtoritajiet fi ħdan in-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni.

40      Il-Kummissjoni topponi għall-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

41      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, wara li fakkret, fil-premessi 369 sa 372 tad-deċiżjoni kkontestata, il-ġurisprudenza li tirrigwarda l-imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha, il-Kummissjoni tikkonstata, fil-premessi 386 u 387 tal-imsemmija deċiżjoni, is-segwenti:

“(386) Matul it-tul kollu tal-ksur, [ir-rikorrenti] żammet iktar minn 97 % tal-azzjonijiet ta’ [Arkema France]. Minħabba l-fatt li f’ċirkustanzi bħal dawn, hemm lok raġonevoli li jiġi maħsub li s-sussidjarja għandha tikkonforma ruħha mal-politika stabbilita mill-kumpannija parent tagħha (għaldaqstant ma tistax taġixxi b’mod awtonomu) u li l-kumpannija parent ma tiltaqa ma’ ebda ostakolu meta tistabbilixxi din il-politika għas-sussidjarja tagħha, jista’ jiġi preżunt (li r-rikorrenti) eżerċitat influwenza determinanti fuq [Arkema France]. Barra minn hekk jeżistu elementi oħrajn li jikkorroboraw il-preżunzjoni li tipprovdi li l-influwenza eżerċitata mi[r-rikorrenti] kienet ferm determinanti. L-ewwel nett, il-membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ [Arkema France] kienu magħżula kollha mi[r-rikorrenti]. Barra minn hekk, bejn l-1994 u l-1999, [P.] kien kemm membru tal-Kumitat Eżekuttiv ta’ [Arkema France] u ta[r-rikorrenti] kif ukoll membru tal-Bord tad-Diretturi ta’ [Arkema France]. L-istess kien japplika fil-każ ta’ [I.], li kien membru tal-Bord tad-Diretturi ta’ [Arkema France] bejn l-1994 u l-1998 u tal-Kumitat Eżekuttiv ta[r-rikorrenti] bejn l-1994 u l-1997. Bl-istess mod, [W.] kien jagħmel parti mill-Bord tad-Diretturi ta’ [Arkema France] bejn l-1994 u l-1999 u kien inħatar fil-Kumitat Eżekuttiv ta[r-rikorrenti] fl-1999. Barra minn hekk, diversi persuni oħrajn, bħal [D.] (1994-2000) u [R.] (1994-1997), kienu fl-istess waqt membri tal-Bordijiet tad-Diretturi ta’ [Arkema France] u ta[r-rikorrenti]. Fid-dawl tad-diversi sovrapożizzjonijiet ta’ persunal bejn il-korpi eżekuttivi u ta’ kontroll ta’ [Arkema France] li l-membri tagħha (fir-rigward tal-korpi eżekuttivi) kienu ntgħażlu u – hemm lok li dan jiġi preżunt – setgħu jiġu rrevokati mi[r-rikorrenti], huwa ċar li din tal-aħħar kienet informata bid-deċiżjonijiet kollha adottati minn [Arkema France] u setgħet tinfluwenzahom fi kwalunkwe waqt. Barra minn hekk, ma kien jeżisti ebda azzjonarju ieħor importanti li seta’ jeżerċita influwenza fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja.

(387) Fid-dawl tal-preżunzjoni li tirriżulta mis-sehem ta[r-rikorrenti] f’[Arkema France] fil-mument tal-ksur (ikbar minn 97 %) u mir-rabtiet organizzattivi, il-Kummissjoni tqis li [r-rikorrenti] eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha [Arkema France]”[traduzzjoni mhux uffiċjali].

42      Barra minn hekk, fil-premessi 396 sa 415 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti li Arkema France u r-rikorrenti qajmu fl-osservazzjonijiet tagħhom bħala risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li kienu intiżi sabiex tiġi kkontestata l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni lir-rikorrenti.

43      Għaldaqstant mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li huma esposti fil-punti 41 u 42 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni imputat ir-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni lir-rikorrenti abbażi tal-preżunzjoni li tipprovdi li kumpannija parent li żżomm iktar minn 97 % tal-kapital azzjonarju tas-sussidjarja tagħha teżerċita influwenza determinanti fuq din tal-aħħar. Il-Kummissjoni qieset ukoll, minn naħa, li din il-preżunzjoni kienet ikkorroborata minn indizji addizzjonali li hija kienet esponiet fid-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, li l-argumenti mressqa minn Arkema France u r-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħhom bħala risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinux jippermettu li tiġi kkonfutata l-imsemmija preżunzjoni.

44      Għaldaqstant hemm lok li jiġi eżaminat jekk, kif issostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqitx żball ta’ liġi billi kkonkludiet li l-fatt li hija żżomm iktar minn 97 % tal-kapital azzjonarju ta’ Arkema France kien biżżejjed, waħdu, sabiex timputalha r-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni.

45      Fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, (C‑97/08 P, Ġabra p. I-8237, punt 54), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li d-dritt tal-kompetizzjoni jkopri l-attivitajiet tal-impriżi (sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 59), u li l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali ta’ din l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 112; tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, Ġabra p. I-289, punt 107, u tal-11 ta’ Lulju 2006, FENIN vs Il-Kummissjoni, C‑205/03 P, Ġabra p. I-6295, punt 25).

46      Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ukoll li l-kunċett ta’ impriża, imqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva legali ġuridika, din l-unità ekonomika kienet magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Meta tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni għandu inekwivokament jiġi imputat lill-persuna ġuridika li fil-konfront tagħha jkunu jistgħu jiġu imposti multi u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tkun indirizzata lil din il-persuna. Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha wkoll tindika f’liema kapaċità l-persuna ġuridika tkun qed tiġi akkużata bil-fatti allegati (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta din is-sussidjarja, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Fil-fatt, dan huwa l-każ għaliex, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jifformaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jifformaw impriża waħda, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 45 u 46 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, il-fatt li kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE jippermetti lill-Kummissjoni tagħti deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital azzjonarju tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital azzjonarju kollu ta’ sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex jiġi preżunt li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm din il-kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Għalkemm huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja semmiet, fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (C‑286/98 P, Ġabra p. I-9925, punti 28 u 29), apparti ż-żamma ta’ 100 % tal-kapital azzjonarju tas-sussidjarja, ċirkustanzi oħra, bħan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-influwenza li l-kumpannija parent teżerċita fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha u r-rappreżentazzjoni komuni taż-żewġ kumpanniji matul il-proċedura amministrattiva, madankollu xorta jibqa l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat dawn iċ-ċirkustanzi biss bl-għan li tesponi l-elementi kollha li fuqhom il-Qorti Ġenerali kienet ibbażat ir-raġunament tagħha u mhux sabiex tissuġġetta l-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni għall-produzzjoni ta’ indizji addizzjonali relatati mal-fatt li l-kumpannija parent effettivament eżerċitat influwenza (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Minn dawn il-kunsiderazzjonjiet kollha jirriżulta li, meta kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital azzjonarju tas-sussidjarja tagħha, teżisti preżunzjoni juris tantum li tgħid li din il-kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li, jekk kumpannija parent iżżomm kważi l-kapital azzjonarju kollu tas-sussidjarja tagħha, jista’ jiġi raġonevolment konkluż li l-imsemmija sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq u li konsegwentement hija tifforma, mal-kumpannija parent tagħha, impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II-4071, punt 290, u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li r-rikorrenti ma tikkontestax, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 386 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet iżżomm iktar minn 97 % tal-kapital azzjonarju ta’ Arkema France fiż-żmien meta seħħew il-fatti inkwistjoni u, iktar speċifikament, li hija kienet iżżomm 97.55 % minnu, kif ġie kkonstatat fil-premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, għalkemm ir-rikorrenti ssostni li n-nuqqas ta’ azzjonist ieħor minbarra hija stess fil-kapital azzjonarju ta’ Arkema France ma huwiex ta’ natura li jikkorrobora l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti, madankollu hija ma tressaq l-ebda argument ta’ natura li jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 396 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li ż-żamma minn kumpannija parent ta’ kważi l-kapital azzjonarju kollu tas-sussidjarja tagħha tista’ titqabbel maż-żamma tal-imsemmi kapital kollu, peress li, bħala regola ġenerali, “l-azzjonisti minoritarji ma jibbenefikawx f’dan il-każ minn ebda dritt speċjali, minbarra s-sempliċi interess tagħhom fil-profitti tas-sussidjarja” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

57      Konsegwentement, huwa ġustament li, skont il-ġurisprudenza esposta fil-punti 45 sa 55 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ppreżumiet, fil-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet teżerċita influwenza determinanti fuq Arkema France, abbażi tal-konstatazzjoni li hija kienet iżżomm kważi l-kapital azzjonarju kollu tagħha.

58      L-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jinvalida din il-konklużjoni.

59      L-ewwel nett, fir-rigward tal-argumenti li jipprovdu li, minn naħa, kemm mill-ġurisprudenza kif ukoll mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni preċedenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni AMCA jirriżulta li l-Kummissjoni hija obbligata tikkorrobora l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti permezz ta’ indizji konkreti, hemm lok li dawn l-argumenti jiġu miċħuda bħala infondati. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 45 sa 55 iktar ’il fuq, huwa skont ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fis-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (punt 45 iktar ’il fuq), li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tikkorrobora l-imsemmija preżunzjoni permezz ta’ indizji addizzjonali. Barra minn hekk, anki jekk, kif il-Kummissjoni kienet indikat fid-deċiżjoni tagħha Xama’ għal xemgħat, il-prassi deċiżjonali tagħha preċedenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni AMCA kienet tikkonsisti li tikkorrobora l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti permezz ta’ indizji addizzjonali, tali konstatazzjoni xorta tibqa mingħajr influwenza fuq il-konklużjoni, imsemmija fil-punt 57 iktar ’il fuq, li tipprovdi li l-Kummissjoni setgħet, fid-deċiżjoni kkontestata, tibbaża ruħha, fuq iż-żamma biss tar-rikorrenti ta’ kważi l-kapital azzjonarju kollu ta’ Arkema France sabiex tippreżumi li hija kienet teżerċita fuq din tal-aħħar influwenza determinanti.

60      It-tieni nett, l-argument li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta imputat ir-responsabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi l-ksur inkwistjoni lir-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat, anki jekk hija ma kintix għamlet tali imputazzjoni fid-deċiżjoni Perossidi organiċi. Minn naħa, sa fejn, kif jirriżulta mill-punti 45 sa 55 iktar ’il fuq, huwa abbażi ta’ interpretazzjoni eżatta tal-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imputat ir-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni lir-rikorrenti, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ma għamlitx tali imputazzjoni f’deċiżjoni preċedenti li tissanzjona lil Arkema France ma jistax jikkonfuta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, peress li l-Kummissjoni għandha l-possibbiltà, iżda mhux l-obbligu, li timputa r-responsabbiltà għall-ksur lill-kumpannija parent (ara, f’dan is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P, Ġabra p. I-8681, punt 82, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II-5169, punt 331), is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ma għamlitx tali imputazzjoni fid-deċiżjoni Perossidi organiċi ma jimplikax li hija obbligata tagħmel l-istess evalwazzjoni f’deċiżjoni sussegwenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, imsejħa “PVC II”, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II-931, punt 990).

61      It-tielet nett, sa fejn ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li s-sentenza France vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq (punti 50 sa 52, 55 u 56), u s-sentenza SIC vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, (punti 94, 95, 98, 99, 101sa 105 u 107), huma intiżi li jikkonfermaw li l-Kummissjoin hija obbligata tipproduċi indizji addizzjonali li jikkorroboraw il-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti li fuqha hija tibbaża ruħha fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fil-fatt, il-punti inkwistjoni, li jirrigwardaw l-kwistjoni dwar jekk miżura adottata minn impriża pubblika hijiex imputabbli lill-Istat, u, għaldaqstant, jekk tali miżura tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 KE, minn naħa, ma għandhom l-ebda relazzjoni mal-kundizzjonijiet għal imputazzjoni tar-responsabbiltà għal ksur tal-Artikolu 81 KE lill-kumpannija parent, u, min-naħa l-oħra, ma jipprekludux l-eżistenza tal-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti fil-qasam ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE, li l-qrati tal-Unjoni rrikonoxxew espressament il-legalità tagħha, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza esposta fil-punti 45 sa 55 iktar ’il fuq.

62      Ir-raba’ nett, l-argument li jipprovdi, essenzjalment, li l-ġurisprudenza, f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea u fl-Istati Uniti, teħtieġ li l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha tkun ikkorroborata permezz ta’ indizji konkreti, jeħtieġ li jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fil-fatt, minbarra l-fatt li l-ġurisprudenza tal-imsemmija Stati ma torbotx lill-Kummissjoni u ma tikkostitwixxix il-kuntest legali rilevanti li fir-rigward tiegħu l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi eżaminata, in-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti permezz tal-ġurisprudenza tal-imsemmija Stati, anki jekk dan kien il-każ, ma jimplikax, f’kwalunkwe każ, li din hija illegali taħt id-dritt Komunitarju.

63      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċendenti, l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda parzjalment bħala infondata u parzjalment bħala ineffettiva.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ awtonomija ġuridika u ekonomika tal-kumpanniji

–       L-argumenti tal-partijiet

64      Ir-rikorrenti ssostni li, meta l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti ma hijiex, kif kien il-każ fil-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni preċedenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni AMCA, ikkorroborata permezz ta’ indizji addizzjonali li jikkonfermaw l-indħil tal-kumpannija parent fl-attività tas-sussidjarja tagħha fis-suq ikkonċernat mill-ksur, tali preżunzjoni hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ awtonomija tal-persuna ġuridika, peress li twassal għar-responsabbiltà awtomatika tal-kumpannija parent għall-ksur imwettqa mis-sussidjarja tagħha.

65      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li huwa biss permezz ta’ eċċezzjoni debitament iġġustifikata għall-prinċipju ta’ awtonomija ekonomika tal-persuna ġuridika li kumpannija tista’ tiġi rrikonoxxuta bħala li tifforma parti mill-perimetru tal-impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE. F’tali ipoteżi eċċezzjonali, kumpannija parent tista’ għalhekk tiġi imputata r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha u tiġi kkundannata in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq l-imsemmija sussidjarja, iżda hija ma tistax tiġi kkundannata għal multa personali.

66      Ir-rikorrenti tosserva li d-dritt tal-kumpanniji, fl-Istati Membri tal-Unjoni, jistabbilixxi l-prinċipju ta’ awtonomija ġuridika tal-persuni ġuridiċi, inkluż għas-sussidjarji li l-kapital azzjonarju tagħhom huwa kollu kemm hu miżmum mill-kumpannija parent tagħhom. Dan il-prinċipju jirriżulta mill-attributi tal-personalità ġuridika u b’mod partikolari jikkonferixxi kapaċità ġuridika sħiħa u partimonju proprju lil kull kumpannija, li tkun kompletament responsabbli għall-aġir tagħha stess, inkluż għall-konsegwenzi tal-attività ekonomika tagħha fis-suq. F’dan ir-rigward, hija tispeċifika li l-prinċipju ta’ awtonomija ekonomika ta’ sussidjarja, li jirriżulta mill-awtonomija ġuridika ta’ din tal-aħħar, kien ġie rrikonoxxut mill-ġurisprudenza. Dan il-prinċipju jikkostitwixxi wkoll element fundamentali tal-funzjonament tajjeb tal-ekonomiji moderni. Konsegwentement, ir-rikorrenti u Arkema France, bħala persuni ġuridiċi distinti, għandhom, it-tnejn li huma, awtonomija ġuridika u ekonomika proprja.

67      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-prinċipju ta’ awtonomija ekonomika tas-sussidjarja jikkostitwixxi t-tifsira konkreta tal-użu minnha tal-attributi ġuridiċi kollha tal-personalità ġuridika tagħha. Minn naħa, l-analiżi tad-dritt tal-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-Unjoni turi li l-prinċipju ta’ awtonomija tal-persuna ġuridika jifforma parti mill-bażijiet ġuridiċi fundamentali li fuqhom hija bbażata l-organizzazzjoni soċjali tagħhom, li tista’ ssir deroga minnhom biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, kif jirriżulta mid-diversi ġurisprudenzi nazzjonali. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni għandha l-obbligu, meta hija tapplika d-dritt tal-kompetizzjoni, li ma tinjorax il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Istati Membri tal-Unjoni, taħt piena li tqiegħed fil-perikolu l-konverġenza neċessarja tad-drittijiet differenti tal-kompetizzjoni fi ħdan in-netwerks Ewropej u internazzjonali tal-kompetizzjoni.

68      Il-Kummissjoni topponi għall-argumenti tar-rikorrenti

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

69      Essenzjalment, ir-rikorrenti ssostni li, billi imputatilha r-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni, il-Kummisjsoni kisret il-prinċipji ta’ awtonomija ġuridika u ekonomika tal-kumpanniji.

70      Issa, mingħajr ma huwa neċessarju li tittieħed deċiżjoni fuq il-portata tal-prinċipji ta’ awtonomija ġuridika u ekonomika tal-kumpannija, u lanqas fuq l-eżistenza tat-tieni wieħed minn dawn il-prinċipji, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jimplikaw li kumpannija li l-kapital azzjonarju kollu jew kważi kollu tagħha huwa miżmum minn kumpannija oħra taġixxi neċessarjament b’mod awtonomu fis-suq għar-raġuni biss li hija għandha personalità ġuridika jew mezzi ekonomiċi proprji. Fil-fatt, tali suppożizzjoni tinjora kompletament numru ta’ possibbiltajiet li jeżistu fil-prattika għal kumpannija parent li żżomm il-kapital azzjonarju kollu jew kważi kollu tas-sussidjarja tagħha li tinfluwenza l-aġir ta’ din tal-aħħar b’mod formali jew informali.

71      Għaldaqstant, l-allegati prinċipji ta’ awtonomija ġuridika u ekonomika li r-rikorrenti tinvoka f’din il-kawża ma kinux miksura mill-Kummissjoni.

72      L-argumenti li r-rikorrenti tqajjem f’dan ir-rigward ma jistgħux jiġu aċċettati. Minn naħa, fir-rigward tal-argumenti li jipprovdu li l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti hija kuntrarja għad-dritt applikabbli f’ċerti Stati Membri tal-Unjoni, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala infondati, għall-istess raġunijiet bħala dawk esposti fil-punt 62 iktar ’il fuq, jiġifieri b’mod partikolari li d-dritt tal-imsemmija Stati ma jikkostitwixxix il-kuntest ġuridiku rilevanti li fir-rigward tiegħu l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi evalwata. Min-naħa l-oħra, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li, billi imputatilha r-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni kisret id-dritt tal-kumpanniji applikabbli fl-Istati Membri tal-Unjoni, u għaldaqstant, il-prinċipju ta’ sussidjarità, għandu jiġi kkonstatat li huwa konformi mal-Artikolu 81(1) KE li, meta entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha tkun responsabbli għal dan il-ksur li l-Kummissjoni hija inkarigata li tissanzjona skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

73      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-ksur li jirrigwarda l-fatt li l-indizji li l-Kummissjoni qieset fid-deċiżjoni kkontestata ma jikkorroborawx il-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti

–       L-argumenti tal-partijiet

74      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li t-tielet elementi addizjonali esposti fil-premessa 386 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 41 iktar ’il fuq) jikkorroboraw l-preżunjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti. F’dan ir-rigward, hija ssostni, essenzjalment li, minn naħa, il-fatt li hija ħatret il-membri tal-Bord tad-Diretturi tas-sussidjarja tagħha u li, min-naħa l-oħra, il-fatt li ħames membri tal-Kumitat Eżekuttiv jew tal-Bord tad-Diretturi ta’ Arkema France jagħmlu parti mill-Bord tad-Diretturi jew mill-Kumitat Eżekuttiv tagħha ma jippermettux li tiġi kkorroborata l-imsemmija preżunzjoni.

75      Il-Kummissjoni topponi l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

76      Skont il-ġurisprudenza esposta fil-punti 52 sa 55 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tikkorrobora permezz ta’ elementi addizzjonali l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti li hija għandha d-dritt li tistabbilixxi meta kumpannija parent iżżomm il-kapital azzjonarju kollu jew kważi kollu tas-sussidjarja tagħha, iżda, min-naħa l-oħra, hija r-rikorrenti li għandha, sabiex tikkonfuta din il-preżunzjoni, tipproduċi provi suffiċjenti, ta’ natura li juru li s-sussidjarja tagħha aġixxiet b’mod awtonomu fis-suq.

77      Għaldaqstant, anki li kieku kellu jiġi kkunsidrat li, kif iddikjarat ir-rikorrenti, il-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod żbaljat, fil-premessa 386 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq indizji li ma setgħux jikkorroboraw il-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti, tali żball ma huwiex, fi kwalunkwe każ, ta’ natura li jikkonfuta l-fatt li hija setgħet ġustament tibbaża ruħha fuq il-konstatazzjoni biss taż-żamma mir-rikorrenti ta’ kważi l-kapital azzjonarju kollu tas-sussidjarja tagħha sabiex jiġi preżunt li hija eżerċitat influwenza determinanti fuq din tal-aħħar.

78      Għaldaqstant, it-tielet parti għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva, mingħajr ma huwa neċessarji li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti intiżi, essenzjalment, sabiex tiġi kkontestata r-rilevanza tal-indizji meqjusa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għall-finijiet li tiġi kkorroborata l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti.

 Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li r-rikorrenti ma kinitx ipprovdiet serje ta’ indizji li tikkonfuta l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti

–       L-argumenti tal-partijiet

79      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li hija ma kinitx ipproduċiet serje ta’ indizji konverġenti li jikkonfutaw il-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti u li jistabbilixxu, minn naħa, l-awtonomija ta’ Arkema France fis-suq u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ ndħil min-naħa tagħha fil-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha. Hija tispeċifika li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, s-serje ta’ indizji li hija pproduċiet ma tistabbilixxix biss il-fatt li hija ma kinitx ipparteċipat fl-akkordju jew li hija ma kinitx taf bih.

80      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li hija wriet permezz ta’ serje ta’ indizji konverġenti l-awtonomija ta’ Arkema France fis-suq.

81      L-ewwel nett, ir-rikorrenti tfakkar qabel kollox li, kif hija kienet osservat fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv (ara l-punt 37 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-awtonomija ta’ Arkema France fis-suq fid-deċiżjoni Perossidi organiċi. Barra minn hekk, hija ssostni li, jekk fid-deċiżjoni tagħha tat-3 ta’ Mejju 2006, Perossidu tal-idroġenu u perborat (Każ COMP/F/38.620), (ĠU L 353, p. 54, iktar ’il quddiem id-deċiżjoni “Perossidu tal-idroġenu”), il-Kummissjoni, fl-ebda mument, ma pprovat tikkorrobora permezz ta’ kwalunkwe element konkret il-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti, dan kien għaliex hija kienet dak iż-żmien ikkunsidrat li ma kien jeżisti ebda indizju li jippermetti li jikkonferma l-imsemmija preżunzjoni. Fl-aħħar nett, sa fejn il-klorat tas-sodju jappartjeni għall-istess familja ta’ prodotti bħal dawk imsemmija fid-deċiżjoni Perossidi organiċi u fid-deċiżjoni Perossidu tal-idroġenu u li kien immaniġġjat fi ħdan il-grupp Elf Aquitaine eżattament bl-istess mod bħall-prodotti kkonċernati minn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet, il-Kummissjoni ma tistax ġustament tallega, fil-kuntest ta’ din il-kawża, li r-rikorrenti interferiet fl-istrateġija kummerċjali ta’ Arkema France.

82      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li Arkema France kienet tappartjeni għal grupp ikkaratterizzat minn ġestjoni deċentralizzata tas-sussidjarji tagħha u li, konsegwentement, peress li r-rikorrenti kienet topera f’ras il-grupp biss bħala kumpannija holding mhux operazzjonali, hija ma kienet tintervjeni bl-ebda mod fil-ġestjoni operazzjonali tas-sussidjarji tagħha. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ma kienx imissha imputatilha r-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni, bl-istess mod li, għal raġuni identika, hija ma kinitx għamlet tali imputazzjoni fir-rigward ta’ waħda mill-kumpanniji parent issanzjonati fid-deċiżjoni tagħha tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/C.38.238, Tabakk mhux maħdum – Spanja) (ĠU 2007, L 102, p. 14, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Tabakk mhux maħdum Spanja”).

83      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li Arkema France dejjem iddefinit l-istrateġija kummerċjali tagħha b’mod awtonomu.

84      Minn naħa, kuntrarjament għal dak li ddikjarat il-Kummissjoni fil-punt 324 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u kif hija rrikonoxxiet waqt is-seduta mal-uffiċjal-awditur, ir-rikorrenti qatt ma adottat jew approvat il-pjan ta’ attività jew il-baġit tal-attivitajiet ta’ Arkema France speċifikament relatati mal-klorat tas-sodju. Għall-kuntrarju, Arkema France kellha, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, il-mezzi u r-riżorsi organizzattivi, ġuridiċi u finanzjarji kollha neċessarji għad-definizzjoni tal-istrateġija kummerċjali tal-attivitajiet relatati mal-klorat tas-sodju kif ukoll għall-ġestjoni ta’ dawn l-attivitajiet.

85      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tressaq serje ta’ argumenti intiżi sabiex jiġi stabbilit li Arkema France aġixxiet b’mod awtonomu fis-suq. Qabel kollox, Arkema France kellha s-setgħa sħiħa li tikkuntratta mingħajr l-awtorizzazzjoni preċedenti tal-kumpannija parent tagħha, fatt li taha l-possibbiltà li tiġġestixxi b’mod kompletament awtonomu l-politika kummerċjali tagħha. Sussegwentement, Arkema France dejjem iddefinit liberament il-gamma tal-prodotti jew tas-servizzi li hija kienet tikkummerċjalizza fis-suq tal-klorat tas-sodju, peress li r-rikorrenti qatt ma indirizzat ebda istruzzjoni jew direttiva lis-sussidjarja tagħha dwar il-produzzjoni tagħha, il-prezzijiet ipprattikati u s-swieq tal-produzzjoni tagħha. Barra minn hekk, peress li Arkema France bbenefikat b’mod sħiħ mil-libertà li tiddefinixxi, mingħajr intervent mill-kumpannija parent tagħha, l-għanijiet ta’ bejgħ tagħha u l-marġni gross tagħha, l-ebda persunal tar-rikorrenti ma seta’ jinterferixxi f’dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet. Barra minn hekk, ir-rikorrenti qatt ma kienet preżenti fis-swieq, la fl-istadji inizjali tal-katina kummerċjali u lanqas f’dawk finali, li fihom is-sussidjarja tagħha kienet topera. Fl-aħħar nett, Arkema France interveniet fis-suq tal-klorat tas-sodju f’isimha u għaliha nnifisha u mhux bħala r-rappreżentanti tagħha jew bħala l-aġent kummerċjali tagħha.

86      Ir-raba’ nett, skont ir-rikorrenti, Arkema France kellha awtonomija finanzjarja sħiħa. Tali konstatazzjoni tirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 81 sa 85 iktar ’il fuq kif ukoll min-natura modesta ħafna tal-attività tagħha li tirrigwarda l-klorat tas-sodju fi ħdan il-grupp fiż-żmien meta seħħew il-fatti kkontestati. Hija żżid li l-kontroll finanzjarju li hija kienet teżerċita fuq Arkema France kien ġenerali ħafna u għaldaqstant ma setax jirrigwarda l-attività li tirrigwarda l-klorat tas-sodju.

87      Il-ħames nett, ir-rikorrenti ssostni li Arkema France ma informatiex bl-attività tagħha fis-suq u li l-unika preżentazzjoni tal-kontijiet li Arkema France għamlet fil-konfront tagħha baqgħet strettament fil-limiti tal-obbligi ta’ holding fir-rigward tar-regoli tal-kontabbiltà u ta’ regolament finanzjarju applikabbli. Għalhekk, din il-preżentazzjoni tal-kontijiet baqgħet fuq livell ġenerali ħafna u ma kinitx ikkonċernat l-politika kummerċjali ta’ Arkema France.

88      Is-sitt nett, ir-rikorrenti tosserva li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti fil-punti 81 sa 87 iktar ’il fuq, minn naħa, il-Kummissjoni kellha tikkonstata li l-attività ta’ Arkema France ma kinitx suġġetta għall-istruzzjonijiet tal-kumpannija parent tagħha. Min-naħa l-oħra, kemm mill-ġurisprudenza kif ukoll mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni jirriżulta li l-indizji kollha mressqa mir-rikorrenti sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti huma rilevanti għall-finijiet li tintwera l-awtonomija tas-sussidjarja tagħha. Billi ċaħdet l-indizji li r-rikorrenti pprovditilha, il-Kummissjoni ċaħditha, de facto, dan il-mod ta’ prova sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti.

89      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ċaħdet b’mod żbaljat, fil-premessa 370 tad-deċiżjoni kkontestata, in-natura probatorja tan-nuqqas tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha kif ukoll ta’ dik tan-nuqqas ta’ għarfien tagħha tal-imsemmi ksur sabiex tiġi eskluża r-responsabbiltà tagħha u dan anki meta l-Kummissjoni rrikonoxxiet espressament fid-deċiżjoni kkontestata li r-rikorrenti qatt ma kienet involuta direttament jew indirettament fil-ksur inkwistjoni. Issa, il-parteċipazzjoni jew l-għarfien ta’ ksur huma meqjusa bħala indizju rilevanti, mill-Kummissjoni u mill-qrati tal-Unjoni, fil-kuntest tal-imputazzjoni tar-responsabbiltà għal dan il-ksur lil kumpannija parent.

90      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tirrileva li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat, fil-premessa 403 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-fatt li hija ma intervjenietx la fis-suq tal-klorat tas-sodju fiż-ŻEE u lanqas fis-swieq tal-input jew tal-output ta’ dan il-prodott ma kienx jikkostitwixxi prova tal-indipendenza tagħha. Tali pożizzjoni hija inkompatibbli mal-ġurisprudenza kif tirriżulta mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni (T‑30/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra).

91      Il-Kummissjoni topponi l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

92      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li hija pproduċiet serje ta’ indizji li turi l-awtonomija ta’ Arkema France fis-suq tal-klorat tas-sodju u n-nuqqas ta’ ndħil min-naħa tagħha fil-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha.

93      Minn naħa, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza esposta b’mod partikolari fil-punti 52 sa 55 iktar ’il fuq, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti sabiex timputa r-responsabbiltà għal ksur lill-kumpannija parent, hija din tal-aħħar li għandha tikkonfutaha billi tipproduċi provi suffiċjenti ta’ natura li juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq. Min-naħa l-oħra, sabiex tiġi stabbilita l-awtonomija tas-sussidjarja tagħha fis-suq u għaldaqstant biex tiġi kkonfutata l-imsemmija preżunzjoni, hija l-kumpannija parent li għandha tissottometti kull element li jirrigwarda r-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi bejnha u s-sussidjarja tagħha ta’ natura li juri li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika waħda.

94      F’din il-kawża, għaldaqstant hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni ġustament ikkunsidratx li l-elementi tas-serje ta’ indizji li r-rikorrenti pproduċiet jippermettux li tiġi stabbilita l-awtonomija ta’ Arkema France fis-suq u li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti.

95      L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni Perossidi organiċi u fid-deċiżjoni Perossidu tal-idroġenu turi li Arkema France kienet taġixxi b’mod awtonomu fis-suq, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat. Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li r-rikorrenti tinterpreta b’mod żbaljat l-imsemmija deċiżjonijiet, peress li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma kkonkludiet li Arkema France kienet taġixxi b’mod awtonomu jew, b’mod partikolari, fis-suq tal-klorat tas-sodju jew, b’mod ġenerali, fis-swieq l-oħrajn ta’ prodotti li hija kienet tikkummerċjalizza. Fil-fatt, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni Perossidi organiċi, il-Kummissjoni sempliċement issanzjonat lil Arkema France (preċedentement Atofina), mingħajr ma ddeċidiet fuq il-kwisjtoni dwar jekk kienx hemm lok li timputa r-responsabbiltà għal dan il-ksur lir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni Perossidi tal-idroġenu, il-Kummissjoni kkonkludiet essenzjalment, b’mod partikolari fil-premessa 427 tal-imsemmija deċiżjoni, li r-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni f’din id-deċiżjoni kellha tiġi imputata lir-rikorrenti. Għalhekk, la waħda u lanqas l-oħra minn dawn id-deċiżjonijiet ma jippermettu li jiġi konkluż li l-Kummissjoni qieset, f’ċirkustanzi simili għal dawk tal-kawża, li Arkema France kienet aġixxiet b’mod awtonomu fis-suq.

96      Barra minn hekk, sa fejn, kif ġie ikkonstatat fil-punt 60 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha s-setgħa, iżda mhux l-obbligu, li timputa r-responsabbiltà għal ksur lill-kumpannija parent u sa fejn huwa abbażi ta’ interpretazzjoni eżatta tal-Artikolu 81 KE li hija imputat, f’din il-kawża, ir-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni lir-rikorrenti, l-eventwali konstatazzjoni li l-Kummissjoni, f’kawżi preċedenti, jew kienet qieset li ma kienx hemm lok li tagħmel tali imputazzjoni, jew kienet ikkorroborat il-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti permezz ta’ indizji addizzjonali ma tippermettix, fi kwalunkwe każ, li jiġi konkluż f’din il-kawża li hija wettqet żball ta’ liġi meta imputat ir-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni lir-rikorrenti.

97      It-tieni nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti li l-awtonomija ta’ Arkema France hija kkonfermata mill-ġestjoni deċentralizzata tal-grupp Elf Aquitaine u mill-fatt li r-rikorrenti kienet biss “holding mhux operazzjonali” li ma kinitx tintervjeni fil-ġestjoni operazzjonali tas-sussidjarji tagħha u, għaldaqstant li l-Kummissjoni ma kienx imissha imputat lilha r-responsabbiltà għall-ksur, kif hija barra minn hekk naqset li tagħmel, fir-rigward ta’ kumpannija parent oħra, fid-deċiżjoni Tabakk mhux maħdum Spanja, dawn għandhom ukoll jiġu miċħuda bħala infondati.

98      Qabel kollox, hemm lok li jiġi rrilevat, minn naħa, li l-affermazzjoni li r-rikorrenti hija kumpannija “holding mhux operazzjonali” ma hijiex sostnuta minn ebda element konkret ta’ natura li jistabbilixxi li hija ma kienet teżerċita ebda influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza esposta fil-punt 60 iktar ’il fuq, il-fatt li l-Kummissjoni ma imputatx, fid-deċiżjoni Tabakk mhux maħdum Spanja, ir-responsabbiltà għal ksur lil-kumpannija parent ma jistax jinvalida, fi kwalunkwe ipoteżi, il-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet ta’ tali imputazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata kienu sodisfatti.

99      Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji, kumpannija holding għandha l-għan li tiġbor flimkien partiċipazzjonijiet f’diversi kumpanniji u għandha l-funzjoni li tiżgura l-unità ta’ direzzjoni. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li r-rikorrenti eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha billi kkoordinat b’mod partikolari l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp Elf Aquitaine. Barra minn hekk, it-tqassim intern tal-attivitajiet differenti tar-rikorrenti, li jappartjeni għal ġestjoni deċentralizzata, bejn diviżjonijiet jew dipartimenti differenti jikkostitwixxi fenominu normali fi ħdan gruppi ta’ kumpanniji bħal dak li f’rasu tinsab ir-rikorrenti. Għaldaqstant, dan l-argument ma jikkonfuta l-ebda preżunzjoni li tipprovdi li r-rikorrenti u Arkema France jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

100    It-tielet nett, sa fejn ir-rikorrent issostni, minn naħa, li Arkema France dejjem iddefinit b’mod awtonomu l-istrateġija kummerċjali tagħha fis-suq tal-klorat tas-sodju, peress li hija qatt ma adottat jew approvat il-pjan ta’ attività u l-baġit tal-attivitajiet ta’ Arkema France speċifikament relatati ma’ dan il-prodott u li din tal-aħħar kellha, essenzjalment, il-kapaċità li taġixxi b’mod awtonomu fis-suq u, min-naħa l-oħra, li Arkema France kellha awtonomija finanzjarja sħiħa, peress li l-kontroll li hija kellha fuq is-sussidjarja tagħha kien ġenerali ħafna, dawn l-argumenti għandhom ukoll jiġi miċħuda bħala infondati.

101    Fil-fatt, minbarra l-fatt li l-argumenti tar-rikorrenti ma humiex sostnuti minn ebda element konkret, qabel kollox hemm lok li jiġi rrilevat li l-fatt li hija qatt ma adottat jew approvat il-pjan ta’ attività u l-baġit tal-attivitajiet ta’ Arkema France ma jippermettix li jiġi stabbilit li hija ma setgħetx la temendahom, la tiċħadhom, u lanqas tikkontrolla l-applikazzjoni tagħhom.

102    Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li r-rikorrenti eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha billi kkoordinat b’mod partikolari l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp Elf Aquitaine.

103    Fl-aħħar nett, jekk, kif sostniet barra minn hekk ir-rikorrenti fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara l-paġna 71 tal-imsemmija tweġiba) u kif jirriżulta mill-premessa 392 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kienet tikkontrolla l-impenji l-iktar importanti tas-sussidjarja tagħha, dan il-fatt sempliċement isaħħaħ il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-imsemmija sussidjarja ma kinitx awtonoma fir-rigward tar-rikorrenti.

104    Ir-raba’ nett, l-argument tar-rikorrenti li Arkema France ma kinitx informatha bl-attività tagħha fis-suq u kienet wettqet preżentazzjoni tal-kontijiet fir-rigward tagħha biss b’mod ġenerali ħafna, skont id-dritt Franċiż u l-istatuti tagħha, għandu jiġi miċħud bħala infondat. F’dan ir-rigward, minbarra l-fatt li għandu jiġi rrilevat li dan l-argumenti ma huwa sostnut b’ebda element konkret, ir-rikonnoximent mir-rikorrenti, kif iddikjarat fil-punt 103 iktar ’il fuq, tal-fatt li hija kienet tikkontrolla l-impenji l-aktar importanti tas-sussidjarja tagħha għandu t-tendenza li jikkontradixxi l-imsemmi argumenti.

105    Il-ħames nett, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li hija qatt ma pparteċipat fil-ksur, li hija ma kinitx taf bih u li hija ma kinitx intervjeniet la fl-istadji inizjali tal-katina kummerċjali tal-klorat tas-sodju u la f’dawk finali, u lanqas fl-imsemmi suq, li għaliha kien ta’ importanza żgħira, għandu jiġi kkonstatat li tali elementi ma jistgħux jistabbilixxu l-awtonomija ta’ Arkema France. Qabel kollox, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, ma hijiex relazzjoni ta’ instigazzjoni li tirrigwarda l-ksur bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja lanqas, a fortiori, involviment tal-ewwel fl-imsemmi ksur, iżda l-fatt li huma jikkostitwixxu impriża waħda li jawtorizza lill-Kummissjoni tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji (sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq, punt 290). Sussegwentement, l-ebda konklużjoni ma tista’ iktar u iktar tirriżulta mill-fatt li r-rikorrenti u Arkema France kienu joperaw f’swieqi distinti jew li s-suq tal-klorat tas-sodju kien, għar-rikorrenti, ta’ importanza żgħira. Fil-fatt, għandu jitqies li, fi grupp bħal dak li f’rasu tinsab ir-rikorrenti, id-diviżjoni tal-kompiti tikkostitwixxi fenomu normali, li ma jippermettix li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni li r-rikorrenti u Arkema France kienu jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE. Għaldaqstant, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

106    Is-sitt nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ċaħditha, de facto, id-dritt li tikkonfuta l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti billi qieset li l-indizji li hija kienet ipproduċiet ma kinux jippermettu li tiġi stabbilita l-awtonomija ta’ Arkema France, għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, mhux biss il-Kummissjoni ma kkontestatx id-dritt tar-rikorrenti li tipproduċi indizji ta’ natura li jikkonfutaw il-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti, iżda kien wara li eżaminat is-serje ta’ indizji li r-rikorrenti kienet ipprovditilha li hija ġustament kkonkludiet, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet esposti fil-punti 95 sa 105 iktar ’il fuq, li l-elementi tal-imsemmija serje ma kinux jippermettu li tiġi kkonfutata l-imsemmija preżunzjoni.

107    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ġustament qieset li r-rikorrenti ma kinitx ipproduċiet provi ta’ natura li jikkonfutaw il-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti.

108    Għaldaqstant, ir-raba’ parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda parzjalment bħala infondata u parzjalment bħala ineffettiva.

 Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq it-trasformazzjoni tal-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti fi preżunzjoni inkonfutabbli

–       L-argumenti tal-partijiet

109    Ir-rikorrenti ssostni li, billi ċaħdet is-serje ta’ indizji li hija pprovdiet lill-Kummissjoni, din tal-aħħar ittrasformat il-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti, li għandha tkun preżunzjoni konfutabbli, fi preżunzjoni inkonfutabbli.

110    Fil-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li t-trasformazzjoni ta’ preżunzjoni sempliċi fi preżunzjoni inkonfutabbli tippreġudika l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza. Qabel kollox, din it-trasformazzjoni tikkostitwixxi probatio diabolica, jiġifieri prova impossibli li tiġi kkontestata u għaldaqstant prova inammissibbli fir-rigward tal-ġurisprudenza. Sussegwentement, waqt is-seduta, ir-rikorrenti speċifikat li tali preżunzjoni kienet tmur kontra l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza stabbilit, minn naħa, permezz tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ‘il quddiem il-“KEBD”), kif kien interpretat mill-Qorti Ewropea ta-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza tagħha Salabiaku vs France, tas-7 ta’ Ottubru 1988 (Serje A Nru 141-A, § 28), u, min-naħa l-oħra, permezz tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1), u li għandha l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE. Fl-aħħar nett, f’risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali fis-seduta, hija speċifikat li hija tqis li s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, kienet inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

111    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni rendiet il-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti li hija għamlet fid-deċiżjoni kkontestata impossibbli li tiġi kkonfutata.

112    L-ewwel nett, mill-premessi 396 u 412 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni tqis hija stess li l-konfutazzjoni tal-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti hija, fil-prattika, kważi impossibbli li ssir, peress li l-Kummissjoni hemm tindika b’mod partikolari li “din il-preżunzjoni tirriżulta kważi f’kull każ” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

113    It-tieni nett, il-Kummissjoni rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-indizji li r-rikorrenti kienet ipproduċiet sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti, għalkemm dawn l-indizji, meta huma invokati mill-Kummissjoni, jippermettu lil din tal-aħħar tikkorrobora l-imsemmija preżunzjoni.

114    It-tielet nett, mill-premessa 401, in fine, tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset, b’mod żbaljat, li kumpannija parent għandha titqies responsabbli għal ksur, kemm jekk hija interferiet jew le fl-attività tas-sussidjarja tagħha, kemm jekk ħallietha taġixxi liberament jew le, u kemm jekk hija kienet taf jew le bil-ksur imwettaq mill-imsemmija sussidjarja.

115    Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni naqset milli tislet il-konsegwenzi xierqa mill-iżball ta’ interpretazzjoni tagħha, li hija rrikonoxxiet waqt is-seduta mal-uffiċjal-awditur, tal-osservazzjonijiet ifformulati minn Arkema France fit-18 ta’ Ottubru 2004, b’tweġiba għat-talba għal informazzjoni li hija kienet bagħtitilha fl-10 ta’ Settembru 2004, u li fiha hija kienet ħawdet Elf Atochem u r-rikorrenti.

116    Il-ħames nett, il-Kummissjoni bbażat ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, mhux fuq elementi konkreti determinanti li juru l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tar-rikorrenti fuq il-ġestjoni kummerċjali ta’ Arkema France, iżda fuq sempliċi dikjarazzjonijiet mhux issostanzjati, li jikkostitwixxu preżunzjonijiet u suppożizzjonijiet oħrajn li hija qatt ma kienet ivverifikat.

117    Is-sitt nett, għandu jiġi dedott miċ-ċaħda tal-elementi tas-serje ta’ indizji kollha prodotti mir-rikorrenti li l-Kummissjoni teżiġi provi dokumentarji negattivi tan-nuqqas ta’ ndħil ta’ kumpannija parent fil-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha.

118    Il-Kummissjoni topponi l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

119    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, billi ċaħdet l-indizji li hija pprovditilha, il-Kummissjoni ttrasformat il-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti fi preżunzjoni inkonfutabbli. Issa, tali preżunzjoni hija illegali kemm fir-rigward tal-KEBD u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni Ewropea u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

120    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma kinitx meħtieġa tipproduċi prova tan-nuqqas ta’ ndħil tagħha fil-ġestjoni tas-sussidjarja tagħha, iżda biss li hija tipproduċi provi suffiċjenti biex turi li s-sussidjarja tagħha kienet taġixxi b’mod awtonomu fuq is-suq inkwistjoni.

121    Issa, il-fatt li f’din il-kawża r-rikorrenti ma pproduċietx provi ta’ natura li jikkonfutaw il-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti, kif jirriżulta mill-eżami tar-raba’ parti tal-ewwel motiv (ara l-punti 95 sa 106 iktar ’il fuq), ma jfissirx li l-imsemmija preżunzjoni ma tistax, fl-ebda każ, tiġi kkonfutata.

122    Għal din ir-raġuni, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi miċħud bħala ineffettiv l-argument tar-rikorrenti espost fil-punt 110 iktar ’il fuq, li, essenzjalment, il-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti li l-Kummissjoni għamlet fid-deċiżjoni kkontestata u li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-legalità tagħha fis-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, hija kuntrarja għall-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza kif rikonoxxut, minn naħa, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fil-KEBD u, min-naħa l-oħra, kif kien interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-qrati tal-Unjoni. It-tieni nett, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati l-argumenti esposti fil-punti 111 sa 117 iktar ’il fuq, li jipprovdu, essenzjalment, li l-Kummissjoni qieset, b’mod żbaljat, li l-indizji li r-rikorrenti pprovditilha jistabbilixxu li hija ma kinitx teżerċita influwenza determinanti fuq Arkema France, peress li, kif kien ikkonstatat fil-kuntest tal-eżami tar-raba’ parti tal-ewwel motiv (ara l-punti 95 sa 106 iktar ’il fuq), huwa minħabba l-fatt li l-ebda wieħed mill-indizji li r-rikorrenti pproduċiet ma kien jippermetti li tiġi konkluża, f’dan il-każ, l-awtonomija fis-suq ta’ Arkema France li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, imputat ir-responsabbiltà għall-ksur lir-rikorrenti.

123    Għaldaqstant, il-ħames parti tal-ewwel motiv u sussegwentement, l-ewwel motiv kollu kemm hu, għandhom jiġi miċħuda, parzjalment, bħala infondati u parzjalment bħala ineffettivi.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ sitt prinċipji fundamentali, li jirriżultaw mill-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-aġir li jikkostitwixxi ksur inkwistjoni lir-rikorrenti

124    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret sitt prinċipji fundamentali meta imputatilha l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ Arkema France. Għaldaqstant dan il-motiv huwa maqsum f’sitt partijiet.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti

–       L-argumenti tal-partijiet

125    Ir-rikorrenti tqis, essenzjalment, li d-drittijiet tad-difiża tagħha kienu ġew miksura qabel u wara ma ġiet innotifikata lilha d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

126    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni qabel kollox li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 406 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li hija ma kinitx obbligata twettaq fir-rigward tagħha diliġenzi speċifiċi qabel in-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija invalidata mill-ġurisprudenza kif tirriżulta mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni (C‑194/99 P, Ġabra p. I‑10921), u tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni (C‑105/04 P, Ġabra p. I‑8725). Fil-fatt, hija tikkunsidra li l-Kummissjoni kellha tuża s-setgħat investigattivi tagħha, qabel tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, biex tiġbor mir-rikorrenti indizji li jikkorroboraw il-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti, minflok ma kkuntentat ruħha b’dawk ipprovduti minn Arkema France. Fis-seduta, hija speċifikat li tali obbligu jirriżulta wkoll mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni (T‑99/04, Ġabra, p. II‑1501), u mill-Kodiċi ta’ prattiki tajbin tal-Kummissjoni, li jirrigwarda l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE (iktar ‘il quddiem il-“Kodiċi ta’ prattiki tajbin”), li, fid-data tas-seduta, kien disponibbli fuq is-sit internet tal-Kummissjoni.

127    Sussegwentement, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ investigazzjoni diliġenti fir-rigward tagħha, ir-rikorrenti kienet ġiet miċħuda mid-dritt tagħha li tispjega, qabel l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-mod ta’ funzjonament tal-grupp Elf Aquitaine, ir-relazzjonijiet tagħha ma’ Arkema France u r-rwol purament passiv tagħha fil-ġestjoni tal-attività tagħha li tirrigwarda l-klorat tas-sodju. Hija wkoll ma setgħetx tikkontrolla l-veraċità tal-informazzjoni pprovduta minn Arkema France u li fir-rigward tagħha din tal-aħħar kienet talbet il-kunfidenzjalità, bħal, pereżempju, talu dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti li Arkema France kienet ipprovdiet lill-Kummissjoni b’tweġiba għal talba għal informazzjoni.

128    Barra minn hekk, peress li l-investigazzjoni kienet tikkonċerna l-perijodu sussegwenti għat-tluq ta’ Arkema France mill-grupp Elf Aquitaine, fit-18 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni ma setgħetx tiġbor tweġibiet kompleti għall-mistoqsijiet li hija kienet għamlitilha. Għalhekk, ir-rikorrenti tilfet opportunità, minn naħa, li temenda l-ilmenti sostnuti kontriha, billi turi, fl-istadju tal-investigazzjoni, l-impossibbiltà li jiġi imput lilha l-ksur imwettaq minn Arkema France u, min-naħa l-oħra, li tevita li jiġu imposti fuqha żewġ multi distinti. Hija żiedet, fis-seduta, li, sa fejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet waslet għandha f’data li fiha Arkema France ma kinitx għadha tifforma parti mill-grupp Elf Aquitaine u li kienu għaddew erba’ snin mill-bidu tal-investigazzjoni, hija ma għadx kellha provi li jippermettulha tiddefendi ruħha b’mod xieraq fil-jum tan-notifika tal-imsemmija dikjarazzjoni.

129    Fl-aħħar nett, id-dgħjufija tal-kapaċità tar-rikorrenti li tiddenfendi ruħha kienet ġiet aggravata min-natura inkoerenti u kontradittorja tal-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni AMCA, fid-Deċiżjoni C (2006 finali), tal-31 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.645 – Methacrylate) ( ĠU 2006, L 322, p. 20, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Methacrylate”), fid-deċiżjoni Perossidu tal-idroġenu u fid-deċiżjoni kkontestata.

130    Barra minn hekk, fis-seduta, ir-rikorrenti osservat, minn naħa li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrikonoxxiet in-natura kriminali tal-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni fis-sentenzi tagħha tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni (C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287), tat-22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill (C‑266/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra), u tat-23 ta’ Diċembru 2009, Spector Photo Group u Van Raemdonck (C‑45/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), u min-naħa l-oħra, li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009, kellha applikazzjoni immedjata għall-kawżi pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali. F’dan il-kuntest, hija ssostni li d-drittijiet fundamentali tagħha kienu nkisru, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li “kienet l-impriża, u mhux kull persuna ġuridika meqjusa separatament, li kellha tibbenefika mid-drittijiet fundamentali”.

131    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li mill-premessi 402 sa 406 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni naqset milli teżamina b’reqqa, bi ksur tar-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza, l-elementi kollha tas-serje tal-indizji li hija kienet ipproduċiet sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti, peress li hija llimitat ruħha tiċħad l-imsemmija elementi permezz ta’ dikjarazzjonijiet mhux motivati, suppożizzjonijiet u preżunzjonijiet purament teoritiċi, li ma jikkorrispondux għar-realtà tal-funzjonament tal-grupp Elf Aquitaine fil-moment tal-fatti inkwistjoni.

132    Il-Kummissjoni topponi l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

133    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha, minn naħa, billi ma wettqet ebda miżura ta’ investigazzjoni qabel innotifikatilha d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, min-naħa l-oħra, billi naqset milli teżamina b’reqqa, wara n-notifika tal-imsemmija dikjarazzjoni, l-elementi kollha tas-serje ta’ indizji li hija kienet ipproduċiet sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti.

134    Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-impriża kkonċernata tkun tqegħdet, matul il-proċedura amministrattiva, f’pożizzjoni li tispjega sew il-fehma tagħha fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur tat-Trattat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 10, u tas-6 ta’ April 1995, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummisjoni, C‑310/93 P, Ġabra p. I‑865, punt 21).

135    Bħar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), li kien tħassar u ssostitwit bir-Regolament Nru 1/2003, dan tal-aħħar jipprovdi, fl-Artikolu 27(1) tiegħu, li għandha tintbagħat lill-partijiet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li għandha turi, b’mod ċar, l-elementi essenzjali kollha li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni f’dan l-istadju tal-proċedura (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 67), sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu effettivament jidentifikaw l-aġir li huma qegħdin jiġu akkużati bih mill-Kummissjoni u sabiex ikunu jistgħu jsostnu utilment id-difiża tagħhom qabel ma hija tadotta deċiżjoni definittiva. Din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tikkostitwixxi l-garanzija proċedurali li tapplika l-prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li jeżiġi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, Ġabra p. I‑7191, punt 35).

136    Dan il-prinċipju jirrikjedi b’mod partikolari li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata mill-Kummissjoni lil impriża li fil-konfront tagħha hija għandha l-intenzjoni timponi sanzjoni għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tinkludi l-elementi essenzjali miġjuba kontra din l-impriża, bħall-fatti allegati, il-klassifikazzjoni li tingħatalhom u l-provi li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha, sabiex din l-impriża tkun f’pożizzjoni li ssostni l-argumenti tagħha b’mod utli fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mibdija kontriha (ara s-sentenza Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, punt 135 iktar ’il fuq, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata).

137    B’mod partikolari, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tispeċifika b’mod inekwivoku l-persuna ġuridika li fuqha jistgħu jiġu imposti multi, din għandha tiġi indirizzata lil din tal-aħħar u għandha tindika f’liema kwalità din il-persuna ser tiġi akkużata bil-fatti allegati (ara, f’dan is-sens, Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, punt 135 iktar ’il fuq, punti 37 u 38).

138    Huwa fil-fatt permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-impriża kkonċernata hija informata bl-elementi kollha essenzjali li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha f’dan l-istadju tal-proċedura. Konsegwentement, huwa biss wara li tintbagħat l-imsemmija dikjarazzjoni li l-impriża kkonċernata tista’ teżerċità kompletament id-drittijiet tad-difiża tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza AC‑Treuhand vs Il-Kummissjoni, punt 126 iktar ’il fuq, punt 48).

139    Fir-rigward tal-ewwel ilment tar-rikorrenti, li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha billi ma wettqet ebda miżura ta’ investigazzjoni fir-rigward tagħha qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma ġiet innotifikata lilha, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-partijiet ma pprovdewx lill-Qorti Ġenerali l-imsemmija dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, madankollu jirriżulta b’mod ċar mill-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tas-27 ta’ Settembru 2007, bi tweġiba għall-imsemmija dikjarazzjoni, li l-Kummissjoni informatha li hija kellha l-intenzjoni timputalha l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ Arkema France abbażi tal-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti. Għaldaqstant, ir-rikorrenti kienet taf bl-ilment sostnut kontriha fl-imsemmija dikjarazzjoni u hija kienet tqegħdet f’pożizzjoni li twieġeb, u fil-fatt wieġbet bil-miktub, għall-imsemmija dikjarazzjoni. Barra minn hekk, hija ma tikkontestax li hija kienet tqegħdet f’pożizzjoni li tippreżenta, u li hija fil-fatt ippreżentat, l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-imsemmija dikjarazzjoni waqt is-seduta mal-uffiċjal-awditur.

140    Il-fatt li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda miżura ta’ investigazzjoni fil-konfront tar-rikorrenti qabel innotifikatilha d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jew ukoll li, kif din tal-aħħar barra minn hekk tosserva, f’deċiżjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni imputatilha jew le r-responsabbiltà għal ksur ieħor imwettaq mis-sussidjarja tagħha, ma jistax jikkonfuta l-konklużjoni li l-Kummissjoni setgħet tinformaha bl-ilmenti meqjusa fil-konfront tagħha, għall-ewwel darba, fl-imsemmija dikjarazzjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti tqegħdet f’pożizzjoni li tgħarraf sew il-perspettiva tagħha matul il-proċedura amministrattiva fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u ċ-ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, kemm fl-osservazzjonijiet tagħha bi tweġiba għall-imsemmija dikjarazzjoni kif ukoll waqt is-seduta mal-uffiċjal-awditur.

141    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kisritx id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti billi ma wettqet l-ebda miżura ta’ investigazzjoni fil-konfront tagħha qabel innotifikatilha d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

142    L-argumenti l-oħra mqajma mir-rikorrenti ma jinvalidawx din il-konklużjoni.

143    L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument imqajjem mir-rikorrenti waqt is-seduta, li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet fundamentali tagħha bħal dawk rikonoxxuti mill-ġurisprudenza Komunitarja u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, billi qieset b’mod żbaljat li kienet l-impriża, u mhux kull persuna ġuridika meqjusa separatament, li kellha tibbenefika minn dawn id-drittijiet fundamentali, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, minbarra l-fatt li la mid-deċiżjoni kkontestata u lanqas mill-atti tagħha ma jirriżulta li l-Kummissjoni fformulat tali kunsiderazzjoni, għandu jiġi kkonstatat, kif jirriżulta mill-premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-Artikolu 4 tad-dispożittiv tal-imsemmija deċiżjoni, li huwa lir-rikorrenti u lil Arkema France, kull waħda meqjusa separatament, li l-Kummissjoni indirizzat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li, waqt il-proċedura amministrattiva kif ukoll fit-tmien tagħha, hija rrispettat id-drittijiet tad-difiża ta’ kull waħda minn dawn il-kumpanniji.

144    It-tieni nett, l-argument li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 126 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat, f’dan il-każ, li hija ma kinitx obbligata twettaq diliġenzi speċifiċi fil-konfront tar-rikorrenti, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

145    Qabel kollox, fis-sentenza Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 126 iktar ’il fuq (punt 31), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kellu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tikser id-drittijet tad-difiża ta’ kumpannija meta teżisti possibbiltà li, minħabba irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni, il-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal eżitu differenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll, fl-imsemmi punt, li impriża kienet tistabbilixxi li tali ksur kien seħħ meta hija turi b’mod suffiċjenti, mhux li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kellha kontenut differenti, iżda li hija setgħet tiżgura aħjar id-difiża tagħha fin-nuqqas ta’ irregolarità, pereżempju minħabba l-fatt li hija setgħet tuża għad-difiża tagħha dokumenti li hija kienet ġiet irrifjutata l-aċċess għalihom waqt il-proċedura amministrattiva. Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tistabbilixxix li l-fatt li l-Kummissjoni ma indirizzatilha ebda miżura ta’ investigazzjoni qabel innotifikatilha d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet seta’ jwassal lil din tal-aħħar tasal għal eżitu differenti fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li hija ssostni, hija kellha l-possibbiltà tgħarraf, abbażi tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-mod ta’ funzjonament tal-grupp Elf Aquitaine, ir-relazzjonijiet tagħha ma’ Arkema France kif ukoll l-allegat rwol purament passiv tagħha fil-ġestjoni tal-attività tagħha li tirrigwarda l-klorat tas-sodju.

146    Sussegwentement, fis-sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, punt 126 iktar ’il fuq, (punti 48 sa 50 u 56), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li kellu jiġi evitat li d-drittijiet tad-difiża jistgħu jiġu irrimedjabilment kompromessi minħabba t-tul eċċessiv tal-fażi istruttorja u li dan it-tul jista’ jostakola l-istabbiliment ta’ provi intiżi sabiex jikkonfutaw l-eżistenza ta’ aġir ta’ natura li tista’ tagħti lok għar-responsabbiltà tal-impriżi kkonċernati. Issa, f’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda element konkret li jistabbilixxi li l-fażi istruttorja tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet ta’ tul eċċessiv, u minħabba dan il-fatt, kienet tikkostitwixxi ostakolu biex hija tkun tista’ tipprovdi indizji ta’ natura li jikkonfutaw il-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti.

147    Fl-aħħar nett, fis-sentenza AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, punt 126 (punt 56), il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tinforma lill-impriża kkonċernata, fl-istadju tal-ewwel miżura adottata fir-rigward tagħha, inkluż it-talbiet għal informazzjoni li hija tindirizzalha skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, b’mod partikolari dwar is-suġġett u tal-għan tal-istruttorja. Fil-punt 58 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali fakkret ukoll li mill-ġurisprudenza jirriżulta li huwa biss jekk l-irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni kienet ta’ natura li taffettwa b’mod konkret id-drittijet tad-difiża tal-impriża inkwistjoni fil-proċedura amministrattiva li tali irregolarità kienet tista’ twassal għall-annullament tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni. Issa f’dan il-każ, minbarra l-fatt li minn din is-sentenza ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni hija obbligata, kif tiddikjara r-rikorrenti, tadotta miżuri ta’ investigazzjoni fir-rigward ta’ impriża qabel tintbagħat dikjrazzjoni tal-oġġezzjonijiet meta hija tqis li għandha barra minn hekk informazzjoni li tiġġustifika li tintbagħat tali dikjarazzjoni, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda element konkret li jistabbilixxi li hija kienet, minħabba dan il-fatt, miċħuda mill-possibbiltà li tipprovdi l-prova li hija ma kinitx eżerċitat influwenza determinanti fuq Arkema France.

148    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni kisret il-Kodiċi ta’ prattiki tajbin billi ma indirizzitilha ebda miżura ta’ investigazzjoni, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-imsemmi kodiċi, li, skont il-punt 5 tiegħu, għandu jiġi applikat biss għall-kawżi pendenti u futuri mill-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kien ġie adottat wara d-deċiżjoni kkontestata u, għaldaqstant, ma huwiex applikabbli għall-fatti tal-każ. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-punt 14 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi, b’riferiment għas-sentenza AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, punt 126 iktar ’il fuq (punt 56) li, “fil-mument tal-ewwel miżura ta’ investigazzjoni (normalment talba għal informazzjoni jew ispezzjoni), l-impriżi huma informati bil-fatt li dwaru huma s-suġġett ta’ investigazzjoni preliminari kif ukoll bis-suġġett u bl-għan ta’ tali investigazzjoni”. Għaldaqstant, mingħajr ma huwa neċessarju li tittieħed deċiżjoni fuq il-portata legali tal-imsemmi kodiċi, għandu jiġi kkonstatat, fi kwalunkwe każ, li dan il-kodiċi ma joħloq l-ebda obbligu fuq il-Kummissjoni li tindirizza miżuri ta’ investigazzjoni lill-impriżi qabel l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

149    Għaldaqstant, l-ewwel ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

150    Fir-rigward tat-tieni lment tar-rikorrenti, li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha sa fejn hija ma eżaminatx b’reqqa l-elementi kollha tas-serje ta’ indizji li hija kienet ipproduċiet sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, kif tosserva l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma tidentifika ebda punt ta’ fatt jew ta’ liġi msemmi fid-deċiżjoni kkontestata li fir-rigward tiegħu hija ma setgħetx tispjega ruħha fit-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Min-naħa l-oħra, għandu jsir riferiment għall-premessi 397 sa 415 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni wieġbet għall-argumenti mqajma minn Arkema France u mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħhom bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet b’mod motivat u eżawrjenti. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti f’dan ir-rigward.

151    Għaldaqstant, it-tieni lment tar-rikorrenti u l-ewwel parti kollha kemm hi għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet


 L-argumenti tal-partijiet

152    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċpju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet. F’din il-kawża, dan il-ksur jirriżulta mill-fatt li, minflok ma pproduċiet elementi konkreti li jippermettu li jingħata dawl differenti għall-fatti tal-każ kif jirriżultaw mis-serje ta’ indizji li r-rikorrenti kienet ipprovdiet, il-Kummissjoni sempliċement ressqet suppożizzjonijiet u preżuppożizzjonijiet ġodda, għalkemm, skont il-ġurisprudenza, ir-rikorrenti kienet tat spjegazzjoni oħra plawsibbli tal-fatti li topponi dik sostnuta mill-Kummissjoni.

153    Fis-seduta, ir-rikorrenti żiedet li l-fatt li l-Kummissjoni naqset milli twettaq investigazzjoni fil-konfront tagħha wassal għal ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, sa fejn hija setgħet “iżżomm il-provi” u “tipproteġi lilha nnifisha kontra akkuża ta’ indħil mas-sussidjarja tagħha”.

154    Il-Kummissjoni topponi l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

155    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, sa fejn, peress li hija kienet ipprovdiet serje ta’ indizji li jikkostitwixxu spjegazzjoni plawsibbli tal-fatt li Arkema France kienet eżerċitat l-attività tagħha b’mod awtonomu, għalhekk hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi elementi li jikkorroboraw il-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti.

156    Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, bħal, b’mod partikolari, dak tal-kontradittorju, ma huwiex ħlief korollarju tal-kunċett innifsu ta’ smigħ xieraq (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C‑305/05, Ġabra p. I‑5305, punt 31; tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑89/09 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 50, u tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Réexamen M vs EMEA, C‑197/09 RX‑II, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 39 u 40). B’mod partikolari dan jimplika l-obbligu li kull parti tiġi offruta possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha f’kundizzjonijiet li ma jpoġġuhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ ċar meta mqabbla mal-avversarju tagħha (ara Il-Qorti Ewropea tad-Drittjiet tal-Bniedem, sentenzi Dombo Beheer BV vs Il-Pajjiżi l-Baxxi tas-27 ta’ Ottubru 1993, Serje A Nru 274, § 33 ; Ernst et v. Il-Belġju tal-15 ta’ Lulju 2003, § 60, u Vezon vs Franza tat-18 ta’ April 2006, § 31).

157    F’din il-kawża, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, hija ma kinitx tinsab f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ ċar fir-rigward tal-Kummissjoni minħabba l-fatt li din tal-aħħar kienet applikat fir-rigward tagħha l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ rabtiet kapitalistiċi ma’ Arkema France.

158    Fil-fatt, peress li, minn naħa, kif ġie kkonstatat fil-punt 57 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ġustament ippreżumiet l-eżerċizzju ta’ l-influwenza determinanti tar-rikorrenti fuq Arkema France abbażi tal-fatt li hija kienet iżżomm kważi l-kapital azzjonarju kollu tagħha u, min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet ifformulati fil-punti 139 u 140 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti setgħet, fl-osservazzjonijiet tagħha bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u waqt is-seduta mal-uffiċjal-awditur, tippreżenta l-punti kollha ta’ liġi u ta’ fatt bil-għan li tikkonfuta din il-preżunzjoni, f’dan il-każ il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet.

159    L-argument tar-rikorrenti, imqajjem waqt is-seduta, li l-Kummissjoni kisret il-prinċpju ta’ opportunijiet ugwali għall-partjiet sa fejn hija setgħet, fil-każ li tkun inbdiet investigazzjoni fir-rigward tagħha, “iżżomm il-provi” li Arkema France kienet aġixxiet b’mod awtonomu u, b’hekk “tipproteġi lilha nnifisha kontra akkuża ta’ indħil mas-sussidjarja tagħha” għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li r-rikorrenti, li kienet il-kumpannija parent ta’ Arkema France meta l-Kummissjoni indirizzat lil din l-aħħar talba għal informazzjoni, fl-10 ta’ Settembru 2004, setgħet minn din id-data tiġbor eventwali provi tal-awtonomija tas-sussidjarja tagħha. Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti f’dan ir-rigward ma huwiex sostnut b’ebda element konkret li jistabbilixxi li provi li kienu utli għad-difiża tagħha kienu ntilfu jew li d-deċiżjoni kkontestata setgħet kienet differenti jekk miżura ta’ investigazzjoni kienet ġiet indirizzatha lilha qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fl-aħħar nett, u fi kwalunkwe każ, l-imsemmi argument ma jinvalidax il-konklużjoni, sostnuta fil-punt 158 iktar ’il fuq, li tipprovdi li r-rikorrenti setgħet, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u waqt is-seduta mal-uffiċjal-awditur, tippreżenta l-punti kollha ta’ liġi u ta’ fatt utli għall-finijiet li tikkonfuta l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti.

160    Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza

–       L-argumenti tal-partijiet

161    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-preżunzjoni tal-innoċenza, li hija dritt fundamentali ggarantit permezz tat-Trattat KE u permezz tal-Artikolu 6(2) tal-KEDB.

162    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tosserva li, fil-premessi 409 sa 411 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssanzjonatha għal ksur tal-Artikolu 81 KE, abbażi ta’ preżunzjoni li ma kienet issostanzjata b’ebda element konkret u li wasslet lill-Kummissjoni tinjora l-provi kuntrarji li hija kienet ipproduċiet. Tali konstatazzjoni formali ta’ responsabbiltà hija bbażata fuq sempliċi allużjonijiet, li l-Qorti Ġenerali kkundannat fis-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni (T‑22/02 u T‑23/02, Ġabra p. II‑4065, punt 106).

163    Qabel kollox, il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi l-ħtija, minn naħa, ta’ Arkema France u, min-naħa l-oħra, tar-rikorrenti, b’mod speċifiku u separat. Sussegwentement, u fi kwalunkwe każ, il-ħtija tar-rikorrenti ma kinitx ġiet stabbilita, peress li r-responsabbiltà tagħha ġiet ikkonstatata bi ksur, minn naħa, tar-regoli li jirregolaw l-imputazzjoni tar-responsabbilta għal ksur lil kumpannija parent, u min-naħa l-oħra, tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

164    Fl-aħħar nett, fis-seduta, ir-rikorrenti osservat li n-nuqqas ta’ investigazzjoni mibdija fil-konfront tagħha juri li l-Kummissjoni aġixxiet abbażi ta’ dannu. Fl-opinjoni tagħha, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq dan id-dannu, li “baqa’ għaddej minħabba l-proċedura quddiem il-Kummissjoni li [hija] totalment inaċċettabli llum fir-rigward tal-imperattivi tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea” sa fejn id-deċiżjoni finali hija adottata minn istituzzjoni li hija fl-istess ħin “inkarigata mill-investigazzjoni, mis-segwitu, mid-deċiżjoni”.

165    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni l-ewwel nett li, billi applikatilha b’mod awtomatiku l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti, il-Kummissjoni imponitilha preżunzjoni inkonfutabbli ta’ ħtija, li tikkostitwixxi probatio diabolica u hija inammissabbli. Hija tosserva li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kull preżunzjoni għandha tkun limitata minn limiti li jippreżervaw id-drittijiet tad-difiża (ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Salabiaku vs Franza, punt 110 iktar ’il fuq, § 28, u s-sentenza Janosevic vs L-Isvezja tat-23 ta’ Lulju 2002, Nru 34619/97, § 101). Sussegwentement, skont il-ġurisprudenza Komunitarja, kull rikors sistematiku għal preżunzjonijiet ta’ ħtija għandu jiġi eskluż u kull preżunzjoni ta’ ħtija għandha tkun tista’ tiġi kkonfutata b’mod effettiv mill-persuna li għaliha hija applikata.

166    Il-Kummissjoni topponi l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

167    Ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza, sa fejn il-Kummissjoni ssanzjonatha għall-ksur imwettaq minn Arkema France, minn naħa, mingħajr ma kkorroborat il-preżunjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti u billi injorat is-serje ta’ indizji li hija kienet ipproduċietilha, ta’ natura li fl-opinjoni tagħha jikkonfutaw l-imsemmija preżunzjoni, u, min-naħa, billi kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha.

168    Skont il-ġurisprudenza, il-preżunzjoni tal-innoċenza timplika li kull persuna akkużata għandha titqies bħala innoċenti sakemm ma tiġix pprovata l-ħtija tagħha skont il-liġi. Din il-preżunzjoni b’hekk tipprekludi kwalunkwe konstatazzjoni formali kif ukoll kwalunkwe allużjoni għar-responsabbiltà ta’ persuna akkużata bi ksur partikolari f’deċiżjoni li ttemm l-azzjoni, mingħajr ma din il-persuna tkun setgħet tibbenefika mill-garanziji kollha inerenti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża f’kuntest ta’ proċeduri li jissoktaw b’mod normali u li jwasslu għal deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-kwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il-Kummissjoni, T‑474/04, Ġabra p. II‑4225, punt 76).

169    F’din il-kawża, huwa paċifiku li l-ksur inkwistjoni kien ġie rrikonoxxut mis-sussidjarja tar-rikorrenti. Sussegwentement, kif ġie sostnut fil-punt 57 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ġustament ippreżumiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet responsabbli għall-aġir tas-sussidjarja tagħha, minħabba l-fatt li hija kienet iżżomm iktar minn 97 % mill-kapital azzjonarju. Sa fejn, kif ġie kkonstatat fil-punt 107 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma kkonfutatx il-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti, għaldaqstant huwa ġustament li l-Kummissjoni imputatilha r-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma kinitx ġiet issanzjonata minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, iżda għaliex hija kienet responsabbli, bħala kumpannija parent, għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha.

170    Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha (ara l-punti 139 u 140 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti kienet tqegħdet f’pożizzjoni li tesprimi l-fehma tagħha, waqt il-proċedura amministrattiva, fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kemm fl-osservazzjonijiet tagħha bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll waqt is-seduta mal-uffiċjal-awdituri, b’tali mod li hija bbenefikat mill-garanziji kollha inerenti għall-eżerċiżżju tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest ta’ proċeduri li jissoktaw b’mod normali u li jwasslu għal deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-kwistjoni.

171    Fl-aħħar nett, kif kien sostnut fil-kuntest tal-eżami tal-ħames parti tal-ewwel motiv (ara l-punt 121 iktar ’il fuq), il-fatt li f’dan il-każ ir-rikorrenti ma pproduċietx prova ta’ natura li tikkonfuta l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti ma jfissirx li l-imsemmija preżunzjoni ma tistax, fl-ebda każ, tiġi kkonfutata u li, kif tosserva wkoll ir-rikorrenti, il-Kummissjoni imponiet fuqha preżunzjoni inkonfutabbli ta’ ħtija, li tikkostitwixxi probatio diabolica, jew li hija ssanzjonatha biss abbażi ta’ “dannu” li r-rikorrenti ma kellhiex l-opportunità li tikkonfuta.

172    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma kisritx il-preżunzjoni tal-innoċenza billi ppreżumiet l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti tar-rikorrenti fuq is-sussidjarja tagħha.

173    Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti sostniet fis-seduta, essenzjalment, li l-preżunzjoni tal-innoċenza, kif rikonoxxuta fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kienet inkisret f’dan il-każ, peress li l-Kummissjoin hija istituzzjoni inkarigata mill-“investigazzjoni, mis-segwitu u mid-deċiżjoni”, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kif il-Kummissjoni sostniet oralment, dan l-ilment tqajjem tard, peress li kien ġie ifformulat għall-ewwel darba fl-istadju tas-seduta u li dan ma jistax jitqies bħala estensjoni ta’ dan il-motiv kif stabbilit fir-rikors, li jipprovdi li l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti li fuqha l-Kummissjoni bbażat ruħha fid-deċiżjoni kkontestata hija kuntrarja għall-preżunzjoni tal-innoċenza. Għaldaqstant hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud bħala inammissibbli, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

174    Għaldaqstant, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda parzjalment bħala infondata u parzjalment bħala inammissibbli.

 Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali u ta’ individwalità tal-pieni

–       L-argumenti tal-partijiet

175    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali u tal-korrollarju tiegħu, il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni, minn naħa, billi sostniet l-eżistenza u r-responsabbiltà tal-allegata impriża fformata minnha stess u Arkema France, u, min-naħa l-oħra, billi kkundannatha tħallas, l-ewwel nett, multa li ġiet imposta fuqha in solidum ma’ Arkema France u, it-tieni nett, multa personali, filwaqt li hija kellha tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ żewġ entitajiet ekonomiċi distinti fin-nuqqas ta’ elementi konkreti li jistgħu jikkorroboraw il-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti. Il-ksur tal-imsemmija prinċipji huwa kkonfermat mill-premessi 313 sa 315 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirreferu għall-kunċetti ta’ koawtur u ta’ awtur tal-ksur. Għaldaqstant il-Kummissjoni kienet b’mod żbaljat ikklassifikat lir-rikorrenti bħala koawtriċi tal-ksur inkwistjoni.

176     Il-Kummissjoni topponi l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

177    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, billi imputatilha r-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ responsabbiltà personali u ta’ individwalità tal-pieni.

178    Skont il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, persuna fiżika jew ġuridika ma għandhiex tiġi ssanzjonata ħlief għall-fatti li hija tiġi akkużata bihom individwalment (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni,T‑45/98 u T‑47/98, Ġabra p. II‑3757, punt 63), prinċipju li huwa applikabbli f’kull proċedura amministrattiva li tista’ tagħti lok għal sanzjonijiet skont ir-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il-Kummissjoni, T‑304/02, Ġabra p. II‑1887, punt 118).

179    Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 45 sa 50 iktar ’il fuq, dan il-prinċipju għandu jiġi kkonċiljat mal-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE. Għaldaqstant, meta l-entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, tirrispondi għal dan il-ksur.

180    Issa, kif diġà ntqal fil-punt 105 iktar ’il fuq, ma hijiex relazzjoni ta’ instigazzjoni li tirrigwarda l-ksur bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja lanqas, a fortiori, involviment tal-kumpannija parent fl-imsemmi ksur, iżda l-fatt li huma jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE li jawtorizza lill-Kummissjoni tagħti deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq, punt 290). Għaldaqsant, ir-rikorrenti kienet personalment ikkundannata għal ksur li hija qieset li wettqet hija nnifisha minħabba rabtiet ekonomiċi u legali li jgħaqqduha ma’ Arkema France u li jippermettulha tiddetermina l-aġir ta’ din tal-aħħar fis-suq.

181    Minn dan isegwi li l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni lir-rikorrenti ma jiksirx il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet.

182    F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li mill-premessi 313 u 315 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidratha b’mod żbaljat bħala koawtriċi jew awtriċi tal-ksur għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, minbarra l-fatt li, fl-imsemmija premessi, il-Kummissjoni ma tagħmilx tali klassifikazzjonijiet fir-rigward tar-rikorrenti, mill-qari flimkien, b’mod partikolari, tal-premessi 367 sa 375, 386, 387, 396 u 415 tad-deċiżjoni kkontestata li hija qieset li, sa fejn ir-rikorrenti kienet teżerċita influwenza determinanti fuq Arkema France u li għaldaqstant huma kienu għalhekk jikkostitwixxu impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE, dawn il-kumpanniji li kienu jifformaw l-impriża, fis-sens tal-Artikolu 81 KE, li kienet wettqet il-ksur għandhom jitqiesu responsabbli għal dan.

183    Għaldaqstant, ir-raba’ parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

  Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni

–       L-argumenti tal-partijiet

184    Ir-rikorrenti ssostni li, billi kisret il-prinċipji ta’ responsabbiltà personali u ta’ individwalità tal-pieni, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ legalità tal-pieni. Hija ssostni li hija kienet ġiet ikkundannata minkejja n-nuqqas ta’ kull dispożizzjoni legali li tissanzjona ksur li ma kienx ġie stabbilit kontra impriża. Minn naħa waħda, l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jawtorizza biss lill-Kummissjoni li tissanzjona l-impriżi li “qed jipparteċipaw [fi] ksur”. Min-naħa l-oħra, il-linji gwida jipprovdu li s-setgħa tal-Kummissjoni li tissanzjona għandha tiġi eżerċitata biss “fil-limiti previsti [mir-Regolament Nru 1/2003]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

185    Il-Kummissjoni topponi l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

186    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ legalità tal-pieni billi ssanzjonatha, għalkemm l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-linji gwida ma jipprovdux għal sanzjoni bħal din.

187    Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ legalità tal-pieni jeżiġi li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u l-pieni li hija tissanzjona. Din il-kundizzjoni hija sodisfatta meta l-persuna suġġetta għal-liġi tkun tista’ tagħraf, mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u, jekk meħtieġ, bl-għajnuna tal-interpretazzjoni tagħha mill-qrati, liema atti jew ommissjonijiet jimplikaw ir-responsabbiltà kriminali tagħha (sentenza Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, punt 130 iktar ’il fuq, punt 39).

188    Għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’, b’deċiżjoni, timponi multi fuq l-impriżi li jwettqu b’mod partikolari ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE.

189    F’din il-kawża, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt 188 iktar ’il fuq u sa fejn kien meqjus li r-rikorrenti u s-sussidjarja tagħha Arkema France kienu jifformaw impriża, fis-sens tal-Artikolu 81 KE, huwa mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ legalità tal-pieni li l-Kummissjoni setgħet timponi, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 50 iktar ’il fuq, multa fuq il-persuni ġuridiċi li jifformaw parti mill-imsemmija impriża.

190    Għaldaqstant, il-ħames parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

  Fuq is-sitt parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

–       L-argumenti tal-partijiet

191    Ir-rikorrenti ssostni li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jipprovdi li, skont il-ġurisprudenza, sitwazzjonijiet paragunabbli ma jistgħux jiġu ttrattati b’mod differenti, inkiser f’dan il-każ għal żewġ raġunijiet.

192    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn, fid-deċiżjoni Perossidi organiċi, ir-responsabbiltà għall-ksur li għalih Arkema France kienet ipparteċipat ma kinitx ġiet imputata lilha, għalkemm, fiż-żmien meta seħħew il-fatti inkwistjoni f’din id-deċiżjoni, il-grupp Elf Aquitaine kien ġestit bl-istess mod bħaż-żmien meta seħħew il-fatti inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, hija żżid li l-Kummissjoni kisret ukoll minħabba dan il-fatt il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

193    B’mod partikolari, ir-rikorrenti tosserva li l-argumenti tal-Kummissjoni li jipprovdu li l-fatt li hija ma imputatilhiex preċedentement ir-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni ma jimpedilhiex li tipproċedi għal tali imputazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li hija għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ għal dak li jirrigwarda multi u li hija ma hijiex marbuta mill-prassi deċiżjonali tagħha stess, għandhom jiġu miċħuda. Minn naħa waħda, ikun inkoerenti li, f’sitwazzjonijiet identiċi, il-Kummissjoni tista’ jew le timponilha r-responsabbiltà għal ksur. Min-naħa l-oħra, tali fakultà ma taqax taħt is-setgħa diskrezzjonali rikonoxxuta lilha sabiex tiżgura applikazzjoni effikaċja tar-regoli tal-kompetizzjoni, iżda hija purament u sempliċement arbitrarja, mingħajr stħarriġ possibbli mill-qrati tal-Unjoni.

194    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, minn naħa, bejnha u, min-naħa, bejn Akzo Nobel u ELSA, inkiser. F’dan ir-rigward, hija tosserva li, fil-premessi 378 sa 382 u 481 sa 483 tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li l-Kummissjoni kellha serje ta’ indizji konkreti sabiex tikkorrobora l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti fil-konfront ta’ EKA u ta’ ELSA, hija toqgħod lura milli tipproduċi indizji konkreti kontriha sabiex timputalha l-ksur imwettaq minn Arkema France. Issa, xejn ma jiġġustifika tali differenza ta’ trattament.

195    Il-Kummissjoni topponi l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

196    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza Advocaten voor de Wereld, C‑303/05, Ġabra p. I‑3633, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

197    Fir-rigward tal-ewwel ilment tar-rikorrenti, li l-Kummissjoni kisret kemm il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa fejn hija ma imputatilhiex ir-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni fid-deċiżjoni Perossidi organiċi, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, minn naħa waħda, peress li l-Kummissjoni kienet, bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni Perossidi organiċi u dik tad-deċiżjoni kkontestata, diġà imputat lir-rikorrenti r-responsabbiltà għall-ksur ikkonstatati fi tliet deċiżjonijiet lir-rikorrenti, jiġifieri d-deċiżjoni AMCA, id-deċiżjoni Perossidi tal-idroġenu u d-deċiżjoni Methacrylate, hija ma setgħetx tinjora l-kundizzjonijiet ta’ tali imputazzjoni. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, kif kien imsemmi fil-punt 60 iktar ’il fuq, peress li l-Kummissjoni għandha l-fakultà, iżda mhux l-obbligu, li timputa r-responsabbiltà għall-ksur lill-kumpannija parent u l-kundizzjonijiet ta’ tali imputazzjoni kienu sodisfatti u mhux peress li l-Kummissjoni għandha l-fakultà, iżda mhux l-obbligu, li timputa r-responsabbiltà għall-ksur lill-kumpannija parent u li l-kundizzjonijiet ta’ tali imputazzjoni kienu sodisfatti f’dan il-każ, il-fatt biss li l-Kummissjoni ma pproċedietx għal tali imputazzjoni fid-deċiżjoni Perossidi organiċi ma kienx jimplika li hija obbligata tagħmel l-istess evalwazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

198    Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li l-fatt li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali li tawtorizzaha timputa ksur imwettaq minn sussidjarja lill-kumpannija parent huwa arbitrarju għandu jiġi miċħuda bħala infondat. Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni għandha, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 60 iktar ’il fuq, marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tiddeċiedi jekk hemmx lok li tiġi imputata r-responsabbiltà għal ksur lil kumpannija parent, xorta jibqa’ l-fatt li d-deċiżjoni tagħha li tipproċedi għal tali imputazzjoni ma taħrabx, bħal f’dan il-każ, mill-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni, li għandhom jivverifikaw li l-kundizzjonijiet ta’ tali imputazzjoni huma sodisfatti.

199    Għaldaqstant, l-ewwel ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

200    Fir-rigward tat-tieni lment tar-rikorrenti, li hija kienet is-suġġett ta’ trattament diskriminatorju fid-deċiżjoni kkontestata meta mqabbla ma’ Akzo Nobel u ma’ ELSA, sa fejn, b’differenza minn dawn tal-aħħar, il-Kummissjoni qagħdet lura milli tipproduċi elementi konkreti kontra r-rikorrenti sabiex timputalha r-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat.

201    Minn naħa waħda, dan l-ilment jibbaża fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, bl-istess mod il-Kummissjoni pproduċiet indizji addizzjonali sabiex tikkorrobora l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti ta’ Akzo Nobel fuq is-sussidjarja tagħha EKA (premessa 378 tad-deċiżjoni kkontestata) u ta’ ELSA fuq is-sussidjarja tagħha Finnish Chemicals (premessa 481 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni rrilevat ukoll indizji intiżi sabiex jikkorroboraw il-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti tar-rikorrenti fuq Arkema France (premessa 386 tad-deċiżjoni kkontestata).

202    Minn naħa waħda, anki li kieku, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet ikkorroborat il-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti unikament fir-rigward ta’ Akzo Nobel u tas-sussidjarja tagħha EKA, kif ukoll fir-rigward ta’ ELSA u tas-sussidjarja tagħha Finnish Chemicals, iżda mhux fir-rigward tar-rikorrenti u tas-sussidjarja tagħha, dan il-fatt ma joħloqx dubji dwar il-legalità tal-imsemmija deċiżjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-evalwazzjoni esposta iktar ’il fuq fil-punt 77, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tikkorrobora l-imsemmija preżunzjoni, meta jiġi kkunsidrat il-fatt li Elf Aquitaine kienet iżżomm kważi l-kapital azzjonarju kollu tas-sussidjarja tagħha. Peress li, anki jekk jiġi ppresuppost li l-imsemmija impriżi kienu ser isibu ruħhom f’sitwazzjoni simili, il-fatt li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tikkorrobora l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti unikament fir-rigward ta’ wħud minn dawn l-impriżi ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

203    Għaldaqstant, it-tieni lment tar-rikorrenti u s-sitt parti kollha kemm hi għandhom jiġi miċħuda bħala infondati.

204    Sa fejn is-sitt partijiet tat-tieni motiv għandhom jiġu miċħuda parzjalment bħala infondati, parzjalment bħala inammissibbli u parzjalment bħala ineffettivi, hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq użu ħażin tas-serje ta’ indizji prodotti mir-rikorrenti

 L-argumenti tal-partijiet

205    Ir-rikorrenti ssostni li l-motivi esposti mill-Kummissjoni, fil-premessi 400 sa 404 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tiċħad l-elementi tas-serje ta’ indizji li hija pproduċiet, juru li l-Kummissjoni użat ħażin uħud minn dawn l-indizji billi rrikorriet għal estrapolazzjonijiet, għal suppożizzjonijiet u għal preżunzjonijiet mhux ipprovati. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 404 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-fatti tal-każ huma konformi ma’ tali suppożizzjonijiet, tirrinforza l-fatt li hija użat ħażin l-imsemmija indizji.

206    Il-Kummissjoni topponi dan l-argument.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

207    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li, in sostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ma tipproduċi ebda element konkret li jsostni d-dikjarazzjoni tagħha li l-Kummissjoni użat ħażin is-serje ta’ indizji li hija kienet ipproduċiet sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti. Sussegwentement, sa fejn ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li s-serje ta’ indizji li hija pprovditilha ma kinitx tikkonfuta l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv jikkostitwixxi riformulazzjoni tar-raba’ parti tal-ewwel motiv u, għaldaqstant, li għandu jiġi miċħud għall-istess motivi bħal dawk imsemmija fil-punti 95 sa 107 iktar ’il fuq, li jipprovdu li ġie deċiż li s-serje ta’ indizji prodotta mir-rikorrenti ma kinitx tippermetti li tiġi kkonfutata l-imsemmija preżunzjoni.

208    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ kontradizzjonijiet ta’ motivi fid-deċiżjoni kkontestata

209    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi tliet kontradizzjonijiet li jrenduha nulla. B’risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali fis-seduta, hija kkonfermat li f’dan ir-rigward hija invokat nuqqas ta’ motivazzjoni. Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq kontradizzjoni ta’ motivi fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE

–       L-argumenti tal-partijiet

210    Ir-rikorrenti ssostni li teżisti kontradizzjoni ta’ motivi fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

211    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm mill-premessi 1 u 320 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li d-destinatarji tal-imsemmija deċiżjoni kienu ssanzjonati minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur inkwistjoni, hija tirrileva, fl-istess waqt, b’mod kontradittorju, fil-premessi 69, 384 u 385 tal-istess deċiżjoni, li hija qatt ma pparteċipat fil-ksur inkwistjoni.

212    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi kontradizzjoni ta’ motivi fuq il-“perimetru” tal-impriża, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, li l-Kummissjoni sostniet.

213    L-ewwel nett, il-Kummissjoni ddefiniet, fil-premessi 16 u 385 tad-deċiżjoni kkontestata, lil Arkema France bħala l-impriża unikament responsabbli għall-ksur, filwaqt li, fil-premessi 375 u 415 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkunsidrat li kellha timputalha l-ksur imwettaq minn Arkema France.

214    It-tieni nett, jeżistu, fid-deċiżjoni kkontestata, kontradizzjonijiet fil-motivi li jirreferu għall-kalkolu taż-żewġ multi li ġew imposti fuq ir-rikorrenti. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni imponitilha multa personali, għalkemm hija ma pparteċipatx fil-ksur u ma kinitx taf b’dan u li ż-żewġ multi imposti fuqha kienu ġew ikkalkolati abbażi ta’ parametri li kienu speċifiċi għal Arkema France u li hija ma setgħet teżerċita ebda influwenza fuqhom.

215    Il-Kummissjoni topponi l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

216    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adatta għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni awtriċi tal-att b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma hemmx bżonn li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, billi l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss b’riferiment għall-kliem tagħha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p.I‑1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza Hoek Loos vs Il-Kummissjoni, punt 178 iktar ’il fuq, punt 58).

217    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, meta deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 81 KE tikkonċerna diversi destinatarji u tqajjem problema ta’ imputabbiltà tal-ksur, hija għandha tagħti motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari ta’ dawk fosthom li, skont din id‑deċiżjoni, għandhom jerfgħu r-responsabbiltà għal dan il-ksur (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 1994, AWS Benelux vs Il-Kummissjoni, T-38/92, Ġabra p. II-211, punt 26). B’hekk, sabiex tkun suffiċjentement immotivata fir-rigward tal-kumpanniji parent tas-sussidjarji li wettqu l-ksur, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tinkludi espożizzjoni ssostanzjata tal-motivi ta’ natura li tiġġustifika l-imputabbiltà tal-ksur lil dawn il-kumpanniji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T‑327/94, Ġabra p. II‑1373, punt 80).

218    F’din il-kawża, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata kull premessa tad-deċiżjoni kkontestata li r-rikorrenti tinvoka, għandu jiġi kkonstatat li mill-premessi 386 u 387 tad-deċiżjoni kkontestata, msemmija fil-punti 41 u 42 iktar ’il fuq, jirriżulta b’mod ċar li huwa abbażi tal-konstatazzjoni li r-rikorrenti u Arkema France jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE li l-Kummissjoni ddeċidiet li timputalha l-ksur imwettaq minn Arkema France u li timponilha multi.

219    Issa, anki jekk il-kontradizzjonijiet ta’ motivi fid-deċiżjoni kkontestata invokati mir-rikorrenti kienu vera, xorta jibqa’ l-fatt li l-motivazzjoni li tinsab fl-imsemmija deċiżjoni ppermettiet, minn naħa waħda, lir-rikorrenti tidentifika l-ġustifikazzjonijiet tal-kundanna tagħha u tal-multi imposti fuqha, fatt li huwa stabbilit mill-fatt li hija tikkontesta b’mod partikolari fl-ewwel żewġ motivi tagħha l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni imputatilha r-responsabbiltà għall-ksur in kwistjoni u fit-tmien u d-disa’ motivi l-fatt li kienet ġiet imposta fuqha multa in solidum ma’ Arkema France u personalment, u, min-naħa l-oħra, lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha.

220    Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti ssostni kontradizzjoni ta ‘motivi li jirriżultaw mill-fatt li l-multi li kienu imposti fuqha fl-Artikolu 2(c) u (e) tad-deċiżjoni kkontestata kienu ġew ikkalkolati abbażi ta’ “parametri speċifiċi” għal Arkema France, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, f’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, minbarra l-fatt li r-rikorrenti ma indikatx b’liema mod tali kalkolu tal-multi huwa kontradittorju, l-impożizzjoni ta’ multa personali u l-fatt li din hija kkalkolata abbażi ta’ parametri speċifiċi għal Arkema France jirriżultaw direttament mill-applikazzjoni tal-linji gwida u għaldaqstant ma jeħtieġu ebda motivazzjoni partikolari fid-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq kontradizzjoni ta’ motivi fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-għarfien mir-rikorrenti tal-ksur inkwistjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

221    Ir-rikorrenti ssostni li teżisti kontradizzjoni ta’ motivi fid-deċiżjoni kkontestata rigward l-għarfien li hija seta’ jkollha tal-ksur imwettaq minn Arkema France. Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kienet iddikjarat fl-imsemmija deċiżjoni li r-rikorrenti kienet neċessarjament informata bl-attività ta’ Arkema France, minħabba l-preżenza, fi ħdan tal-persunal tar-rikorrenti u ta’ Arkema France, tal-istess persuni, u sussegwentement, fit-tieni lok, hija rrilevat b’mod kontradittorju, fil-premessa 401 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti setgħet injorat l-aġir antikompettiv tas-sussidjarji tagħha.

222    Il-Kummissjoni topponi l-argument tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

223    Sa fejn ir-rikorrenti sssostni li ċerti motivi tad-deċiżjoni kkontestata huma kontradittorji fir-rigward tal-fatt li hija kienet taf bil-ksur inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk tali kontradizzjonijiet kienu vera, dan ma għandux rilevanza fuq il-fatt li, peress li Arkema France u r-rikorrenti kienu jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni setgħet timputa, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 45 sa 55 iktar ’il fuq, ir-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni lir-rikorrenti, irrispettivament mill-fatt li hija kienet taf bih jew li hija kienet ipparteċipat direttament fl-imsemmi ksur, fatt li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tistabbilixxi. Għaldaqstant, eventwali kontradizzjoni ta’ motivi fid-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward hija, fi kwalunkwe każ, mingħajr rilevanza fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

224    Għaldaqstant, it-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq kontradizzjoni ta’ motivi fir-rigward tan-natura tal-kontroll li kumpannija parent teżerċita fuq is-sussidjarja tagħha sabiex jiġi imputat lilha l-ksur imwettaq minn din tal-aħħar

–       L-argumenti tal-partijiet

225    Ir-rikorrenti ssostni kontradizzjoni doppja ta’ motivi fid-deċiżjoni kkontestata.

226    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tirrileva li l-Kummissjoni ġustament tiddikjara, fil-premessa 407 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-imputazzjoni tar-responsabbiltà ksur lill-kumpannija parent hija suġġetta għall-prova ta’ kontroll effettiv ta’ din tal-aħħar fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha. Issa, l-eżami mill-Kummissjoni tas-serje ta’ indizji prodott mir-rikorrenti, kif jirriżulta mill-premessi 403 u 404 tad-deċiżjoni kkontestata, juri li l-Kummissjoni estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kontroll effettiv tar-rikorrenti lil hinn mill-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha.

227    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-premessi 403 u 404 tad-deċiżjoni kkontestata jmorru kontra l-premessa 413 tal-imsemmija deċiżjoni, li fiha l-Kummissjoni ssostni li, hija bbażat ruħha, fid-deċiżjoni Perossidu tal-idroġenu, biss fuq preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti tar-rikorrenti fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha.

228    Il-Kummissjoni topponi l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

229    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, permezz taż-żewġ ilmenti li hija tqajjem, li jeżistu kontradizzjonijiet fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata rigward in-natura tal-kontroll li għandu jiġi eżerċitat minn kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ timputalha r-responsabbiltà ta’ ksur.

230    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk il-kontradizzjonijiet ta’ motivi fid-deċiżjoni kkontestata kienu vera, dawn huma bla effett fuq il-konstatazzjoni li l-Kummissjoni ma kisritx l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, peress li, minn naħa waħda, kif jirriżulta mill-eżami tar-raba’ parti tal-ewwel motiv (ara l-punti 95 sa 107 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti kienet tqegħdet f’pożizzjoni li tidentifika l-motivi li waslu lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-indizji li hija kienet pproduċiet ma kinux jippermettu li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti u għaldaqstant, li tiġi kkontestata l-legalità tagħha, u min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kienet f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha.

231    Għaldaqstant, it-tielet parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata u r-raba’ motiv kollu kemm hu għandu jiġi miċħud parzjalment bħala infondat u parzjalment bħala ineffettiv.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċpju ta’ amministrazzjoni tajba

 L-argumenti tal-partijiet

232    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

233    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma kinitx eżaminat b’reqqa u imparzjalità l-punti kollha ta’ fatt rilevanti u, b’mod partikolari, l-informazzjoni li r-rikorrenti kienet ipprovditilha fl-osservazzjonijiet tagħha b’tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li tistabbilixxi b’mod ċar u preċiż l-awtonomija ekonomika ta’ Arkema France fis-suq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kinitx wettqet eżami individwali u konkret tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti.

234    Fit-tieni lok, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jimponi lill-Kummissjoni tapplika fuq l-impriżi r-regoli li hija tapplika fuqha nnifisha. Issa, fil-premessa 358 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret li hija setgħet tibbaża ruħha fuq serje ta’ indizji sabiex tistabbilixxi ksur għalkemm hija tiċħad, de facto, dan il-mod ta’ prova lir-rikorrenti f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għar-raba’ u l-ħames partijiet tal-ewwel motiv.

235    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għal dak li tirrileva l-Kummissjoni fil-premessa 314 tad-deċiżjoni kkontestata, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jeżiġi, kif hija ddikjarat fl-osservazzjonijiet tagħha b’tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-Kummissjoni tissospendi l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sakemm il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikorsi li hija kienet ippreżentat kontra d-deċiżjoni AMCA, kontra d-deċiżjoni Perossidu tal-idroġenu u kontra d-deċiżjoni Methacrylate. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li l-fatt li tobbliga rikorrenti tippreżenta rikors ġdid għal annullament intiż kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni jista’ jkun kuntrarju għar-rekwiżit tal-ekonomija tal-ġudizzju, kif il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Ottubru 2004, Lenzig vs Il-Kummissjoni (T‑36/99, Ġabra p. II‑3597).

236    Il-Kummissjoni topponi l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

237    Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każijiet fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali sabiex ikunu f’pożizzjoni li jgħaqdu l-funzjonijiet tagħhom, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju fil-proċeduri amministrattivi tassumi importanza iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji jinsab b’mod partikolari l-obbligu tal-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14 ; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Jannar 1992, La Cinq vs Il-Kummissjoni, T‑44/90, Ġabra p. II‑1, punt 86, tal-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, T‑31/99, Ġabra p. II‑1881, punt 99).

238    F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat kull wieħed mit-tliet ilmenti intiżi sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

239    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’reqqa u imparzjalità l-indizji li hija kienet ipproduċiet sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti u ma eżaminatx is-sitwazzjoni konkreta tagħha, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, minbarra l-fatt li r-rikorrenti ma tressaq ebda argument jew ma pproduċiet ebda prova speċifika li ssostni dan l-ilment, mill-premessi 396 sa 415 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat u ċaħdet espliċitament l-argumenti mqajma mir-rikorrenti għall-finijiet li tikkonfuta l-imsemmija preżunzjoni.

240    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li, essenzjalment, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, sa fejn, f’dan il-każ, hija ċaħdet de facto l-mod ta’ prova permezz ta’ serje ta’ indizji sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti, filwaqt li l-Kummissjoni użat tali mod ta’ prova, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li, kif ġie espost fil-kuntest tar-raba’ parti tal-ewwel motiv (ara l-punti 95 sa 107 iktar ’il fuq), kien wara li eżaminat l-elementi tas-serje ta’ indizji prodott mir-rikorrenti li l-Kummissjoni qieset li huma ma kinux ta’ natura li jikkonfutaw l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti. Għaldaqstant f’dan ir-rigward il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

241    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kellha, skont il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ekonomija tal-ġudizzju, tissospendi l-proċedura mibdija kontriha f’din il-kawża, sakemm il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikorsi li hija kienet ippreżentat kontra d-deċiżjoni AMCA, kontra d-deċiżjoni Perossidu tal-idroġenu u kontra d-deċiżjoni Methacrylate, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, l-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li, minbarra l-fatt li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ validità sakemm ma jkunux ġew annullati jew irtirati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, Ġabra p. I‑2555, punt 48), ebda dispożizzjoni legali ma timponi lill-Kummissjoni tissospendi l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet f’każijiet li jirrigwardaw fatti differenti. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, mis-sentenza Lenzing vs Il-Kummissjoni punt 236 iktar ’il fuq (punt 56) ma jirriżultax li l-Kummissjoni kellha l-obbligu, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, tissospendi l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sakemm il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikorsi li r-rikorrenti kienet ippreżentat kontra deċiżjoni oħra li jissanzjonawha. Fil-fatt, fil-punt 58 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment li, meta deċiżjoni li tkun is-suġġett ta’ rikors tiġi emendata, il-partijiet jistgħu jiġu awtorizzati jadattaw it-talbiet tagħhom minħabba li seħħ dan il-fatt il-ġdid sa fejn “fil-fatt, li kieku r-rikorrenti kienet obbligata tressaq rikors ġdid għal annullament quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza [li issa saret il-Qorti Ġenerali] [...] dan kien imur kontra l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u rekwiżit ta’ ekonomija proċedurali [ta’ ġudizzju].

242    Għaldaqstant, it-tielet ilment tar-rikorrenti u l-ħames motiv kollu kemm hu għandhom jiġi miċħuda bħala infondati.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

 L-argumenti tal-partijiet

243    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata tqiegħed serjament f’periklu ċ-ċertezza legali li hija setgħet leġittament tippretendi, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita li hija semmiet fil-kuntest tal-ewwel motiv.

244    Fl-ewwel lok, l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni lir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata tibbaża fuq kriterju kemm ġdid kif ukoll inkomprensibbli, li jiddependi fuq ir-rieda tajba tal-Kummissjoni fin-nuqqas ta’ kwalunkwe prova konkreta ta’ eventwali ndħil tal-kumpannija parent fil-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha.

245    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kienet kkundannat, fid-deċiżjoni kkontestata, għall-ewwel darba, u mingħajr ebda bażi legali, lir-rikorrenti għal żewġ multi, distinti iżda kumulattivi, fosthom waħda personali, għall-istess fatti.

246    Fit-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni, kif hija diġà sostniet fil-kuntest tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, li, sa fejn ir-rabtiet li jorbtuha ma’ Arkema France huma identiċi f’din il-kawża u fil-kawża li wasslet lill-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni Perossidi organiċi, huwa inkomprensibbli li l-Kummissjoni adottat soluzzjonijiet kompletament differenti f’dawn iż-żewġ kawżi.

247    Il-Kummissjoni topponi dawn l-argumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

248    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li hija ddeċidiet li timputalha r-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni skont kriterju “ġdid” u “inkomprensibbli”, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, minn naħa waħda, kif ġie kkonstatat fil-punt 197 iktar ’il fuq, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imputat lir-rikorrenti r-responsabbiltà għall-ksur issanzjonat fit-tliet deċiżjonijiet, jiġifieri id-deċiżjoni AMCA, id-deċiżjoni Perossidu tal-idroġenu u d-deċiżjoni Methacrylate. Għaldaqstant, hija ma tistax tallega b’mod ġust li hija ma kinitx taf bil-kundizzjonijiet għall-imputazzjoni tar-responsabbiltà għal ksur lill-kumpannija parent. Minn naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 45 sa 55 iktar ’il fuq, il-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti li fuqha l-Kummissjoni bbażat ruħha fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tissanzjona lir-rikorrenti la hija “ġdida” u lanqas “inkomprensibbli”.

249    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li l-Kummisjsoni kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali meta kkundannatha għall-ewwel darba, u mingħajr ebda bażi legali, għal żewġ multi distinti iżda kumulattivi, li waħda minnhom hija personali, għall-istess fatti, għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li, skont is-sanzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi multi fuq l-impriżi li jwettqu ksur tal-Artikolu 81 KE. Huwa stabbilit li s-sanzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 u fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 għandhom l-għan li jeliminaw l-aġir illegali kif ukoll li jipprevjenu li dan l-aġir jiġi rrepetut (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T15/02, Ġabra p. II‑497, punt 218, u l-ġurisprudenza ċċitata).

250    Skont il-ġurisprudenza, bħala prinċipju, hija l-persuna fiżika jew ġuridika li kienet tmexxi lill-impriża kkonċernata fil-mument meta jkun twettaq il-ksur li għandha tirrispondi għalih, anki jekk, fil-ġurnata tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur, it-tmexxija tal-impriża tkun tqegħdet taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni, C-‑279/98 P, Ġabra p. I‑9693, punt 78).

251    Għall-finijiet tal-applikazzjoni u tal-eżekuzzjoni tagħhom, id-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 81 KE għandhom madankollu jiġu indirizzati lil entitajiet li għandhom personalità ġuridika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 59, u PVC II, punt 60 iktar ’il fuq, punt 978). B’hekk, meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 81(1) KE, hija għandha tidentifika l-persuna jew il-persuni, fiżiċi jew ġuridiċi, li jistgħu jinżammu responsabbli għall-aġir tal-impriża inkwistjoni u li jistgħu jiġu ssanzjonati f’dan ir-rigward, u li lilhom hija indirizzata d-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm Gerätebau, 170/83, Ġabra p. 2999, punt 11).

252    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-linji gwida li l-Kummissjoni tadotta sabiex tikkalkola l-ammont tal-multi jiżguraw iċ-ċertezza legali tal-impriżi, peress li dawn jiddeterminaw il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha għall-iffissar tal-ammont tal-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, iktar ’il quddiem is-“sentenza Danone tal-Qorti tal-Ġustizzja”, punt 23). L-amministrazzjoni ma tistax ma ssegwihomx, f’każ speċifiku, mingħajr ma tagħti raġunijiet li huma kompatibbli mat-trattament ugwali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punt 91).

253    Skont il-punti 9 sa 11 tal-linji gwida, id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi ssir f’żewġ stadji. Fl-ewwel lok, skont il-punti 12 sa 26 tal-imsemmija linji gwida, il-Kummissjoni għandha tiffissa ammont bażiku tal-multa li huwa kkalkolat abbażi ta’ perċentwali tal-valur tal-bejgħ tal-impriżi inkwistjoni mmultiplikat bit-tul tal-parteċipazzjoni fl-akkordju u li miegħu hija miżjuda somma li tikkorrispondi għal perċentwali tal-valur tal-imsemmi bejgħ sabiex huma jiġu dissważi milli jipparteċipaw f’akkordji. Fit-tieni lok, skont il-punti 27 sa 29 tal-imsemmija linji gwida, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li jwasslu għal tnaqqis jew għal żieda tal-ammont tal-multa. Il-punt 28 tal-imsemmija linji gwida jsostni, b’mod partikolari, li, essenzjalment, ir-reċidività tista’ tiġi ssanzjonata b’żieda ta’ 100 % tal-ammont bażiku tal-multa għal kull ksur identiku jew simili preċendentement ikkonstatat. Barra minn hekk, il-punti 30 u 31 tal-imsemmija linji gwida jipprevedu, f’ċerti ċirkustanzi, ammont addizzjonali ta’ żieda. B’mod partikolari, skont il-punt 30 tal-imsemmija linji gwida, “il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari għal ħtieġa li jiġi żgurat li l-multi jippreżentaw effett suffiċjentement dissważiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u “għal dan il-għan, hija tista’ żżid il-multa li għandha tiġi imposta fuq l-impriżi li d-dħul mill-bejgħ tagħhom, apparti mill-bejgħ ta’ oġġetti u ta’ servizzi li jirreferi għalihom il-ksur, huwa b’mod partikolari sostanzjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali qieset li, sa fejn impriża għandha dħul mill-bejgħ globali kunsiderevolment ogħla minn dak ta’ membri oħrajn tal-akkordju hija f’pożizzjoni li timmobilizza iktar faċilment il-fondi neċessarji għall-ħlas tal-multa tagħha, il-Kummissjoni għandha d-dritt li żżid għal dan il-għan l-imsemmija multa sabiex tiżgura effett dissważiv suffiċjenti għal din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 241).

254    F’din il-kawża, minn naħa waħda, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 18 sa 23 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni imponiet fid-deċiżjoni kkontestata, skont id-dispożizzjonijiet tal-linji gwida, li l-kliem tagħhom huwa miġbur fil-qosor fil-punt 253 iktar ’il fuq, multa, l-ewwel nett, ta’ ammont ta’ EUR 22 700 000 fuq Arkema France u fuq ir-rikorrenti in solidum, li jikkorrispondi għall-ammont bażiku tal-multa [ara l-Artikolu 2(c) tal-imsemmija deċiżjoni], it-tieni nett, ta’ ammont ta’ EUR 20 430 000 fuq Arkema France biss, li jikkorrispondi għal żieda ta’ 90 % tal-ammont bażiku tal-multa minħabba r-reċidività [ara l-Artikolu 2(d) tal-imsemmija deċiżjoni] u, it-tielet nett, ta’ ammont ta’ EUR 15 890 000 fuq ir-rikorrenti biss [ara l-Artikolu 2(e) tal-imsemmija deċiżjoni], li jikkorrispondi għal żieda ta’ 70 % tal-ammont bażiku tal-multa marbuta mas-sostanzjalità tad-dħul mill-bejgħ tagħha, apparti mill-bejgħ ta’ oġġetti li jirreferi għalih il-ksur.

255    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm fiż-żmien meta seħħ il-ksur inkwistjoni r-rikorrenti u Arkema France kienu jifformaw impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE, l-imsemmija impriza ma kinitx għadha teżisti fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress li, kif ġie ddikjarat fil-punt 1 iktar ’il fuq, mis-sena 2006, Arkema France ma kinitx għadha kkontrollata mir-rikorrenti.

256    F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa konformi mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 li l-Kummissjoni setgħet, minn naħa waħda, timponi multa in solidum fuq ir-rikorrenti u fuq Arkema France, li kienu ż-żewġ impriżi, fiż-żmien meta seħħew il-fatti inkwistjoni, li kienu jifformaw l-impriża, fis-sens tal-Artikolu 81 KE, u li kellhom jirrispondu għall-ksur inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt imsemmi fil-punt 255 iktar ’il fuq, timponi żieda tal-ammont bażiku tal-multa skont il-punt 30 tal-linji gwida fuq ir-rikorrenti biss, li, kif il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat fil-premessi 548 sa 549 tad-deċiżjoni kkontestata, id-dħul mill-bejgħ tagħha b’mod partikolari sostanzjali meta mqabbel mal-entitajiet l-oħra ssanzjonati fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ppermettilha li timmobilizza iktar faċilment il-fondi neċessarji għall-ħlas ta’ multa.

257    Għaldaqstant, il-Kummissjoni, billi imponiet multa in solidum fuq Arkema France u fuq ir-rikorrenti, multa li hija sussegwentement żiedet l-ammont tagħha b’70 % għar-rikorrenti biss, aġixxiet skont is-setgħa ta’ ffissar tal-ammont tal-multi li hija kellha skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u li hija ntrabtet li tapplika skont id-dispożizzjonijiet tal-linji gwida. L-ilment tar-rikorrenti li jipprovdi li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali meta kkundannata, mingħajr ebda bażi legali, għal ħlas ta’ żewġ multi differenti iżda kumulattivi, għaldaqstant għandu jiġi miċħud bħala infondat.

258    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali minħabba r-“raġunament b’ġeometrija varjabbli” li hija għamlet fid-deċiżjoni kkontestata u fid-deċiżjoni Perossidu tal-idroġenu, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, minbarra l-fatt li, f’dawn iż-żewġ deċiżjonijiet, il-Kummissjoni imputat b’mod identiku r-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni lir-rikorrenti abbażi tal-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti, għandu jitfakkar li fi kwalunkwe każ, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 60 iktar ’il fuq, għalkemm il-Kummissjoni, f’deċiżjoni preċedenti, ma kinitx għamlet tali imputazzjoni, dan bl-ebda mod ma jipprekludiha milli tagħmel dan f’deċiżjoni sussegwenti.

259    Għaldaqstant, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter

 L-argumenti tal-partijiet

260    Ir-rikorrenti ssostni li, billi imputatilha r-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni u billi kkundannatha għal żewġ multi kumulattiv, il-Kummissjoni għamlet użu ħażin tal-poter li hija għandha skont ir-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, is-sanzjonijiet li kienu imposti fuqha ma ntużawx għall-għan leġittimu tagħhom fir-rigward tal-imsemmi regolament, peress li l-Kummissjoni kienet ipprovat timmassimizza s-sanzjoni ta’ impriża oħra li ma hijiex ir-rikorrenti, f’dan il-każ dik tas-sussidjarja tagħha, li rrikonoxxiet ir-responsabbiltà tagħha fil-ksur inkwistjoni.

261    Il-Kummissjoni topponi dan l-argument.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

262    Skont ġurisprudenza stabbilita, deċiżjoni hija vvizzjata b’użu ħażin ta’ poter biss jekk din tkun tidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u uniformi, li tkun ittieħdet sabiex jintlaħqu għanijiet li ma jkunux dawk iddikjarati (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Settembru 1998, IECC vs Il-Kummissjoni, T‑133/95 u T‑204/95, Ġabra II‑3645, punt 188, u l-ġurisprudenza ċċitata).

263    Minn naħa waħda, sa fejn ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet użu ħażin ta’ poter billi imponietilha r-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni, għandu jitfakkar li, kif ġie eżaminat fil-kuntest tal-ħames partijiet tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni ġustament setgħet tipproċedi għal tali imputazzjoni, peress li Arkema France u r-rikorrenti kienu jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

264    Min-naħa l-oħra, sa fejn ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet użu ħażin ta’ poter billi imponietilha multa personali fl-Artikolu 2(e) tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tat-tieni lment tas-sitt motiv (ara l-punti 249 sa 257 iktar ’il fuq, huwa skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u skont il-punt 30 tal-linji gwida li l-Kummissjoni imponiet żieda tal-ammont bażiku tal-multa fuq ir-rikorrenti biss.

265    Għaldaqstant, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq in-natura infondata tal-impożizzjoni ta’ multa personali fuq ir-rikorrenti

 L-argumenti tal-partijiet

266    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-multa imposta fuqha fl-Artikolu 2(e) tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex fondata fid-dritt.

267    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tqis li l-multa ta’ EUR 15 890 000 imposta fuqha, ma għandha ebda bażi legali u tikser diversi dispożizzjonijiet u prinċipji ta’ dritt Komunitarju.

268    L-ewwel nett, l-impożizzjoni ta’ multa personali fuq ir-rikorrenti hija kuntrarja għall-Artikolu 81(1) KE u għall-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Minn naħa waħda, fin-nuqqas ta’ unità ekonomika ma’ Arkema France, il-multa personali imposta fuq ir-rikorrenti ma tistax tiġi ġġustifikata, peress li hija ma pparteċipatx fil-ksur inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, huwa kontradittorju li jiġi sostnut li r-rikorrenti u Arkema France jifformaw l-istess u unika impriża u li l-ewwel impriża ċċitata tiġi ssanzjonata b’mod personali, fatt li jwassal sabiex tiġi aċċettata l-eżistenza ta’ żewġ impriżi fi ħdan tal-istess grupp. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni diretta fi ksur biss timplika responsabbiltà li teħtieġ sanzjoni personali. Fis-seduta, ir-rikorrenti tosserva wkoll li tali multa twassal sabiex hija tiġi ssanzjonata darbtejn għall-istess ksur, u dan huwa kuntrarju għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

269    It-tieni nett, l-impożizzjoni ta’ multa personali fuq ir-rikorrenti tikser il-punt 30 tal-linji gwida peress li l-imsemmi punt jirreferi biss għall-possibbiltà li tiżdied “il-multa li għandha tiġi imposta fuq l-impriżi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u, f’din il-każ, l-unika impriża “rilevanti” hija, fi ħdan il-grupp Elf Aquitaine, Arkema France.

270    It-tielet nett, ir-rikorrenti tqis qabel kollox li l-multa personali imposta fuqha tikser, fin-nuqqas ta’ kull bażi legali, il-preżunzjoni ta’ innoċenza, il-prinċipji ta’ awtonomija tal-persuna ġuridika, ta’ legalità, ta’ responsabbiltà personali u ta’ individwalità tal-pieni. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni wettqet ksur ieħor tal-prinċipju ta’ legalità, peress li l-punt 30 tal-linji gwida ma jispeċifikax il-parametri ta’ kalkolu ta’ “ż-żieda speċifika tal-multa minħabba n-natura dissważiva” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Iż-żieda tal-ammont tal-multa ta’ 70 % imposta fuq ir-rikorrenti ma tibbaża għaldaqstant fuq ebda bażi legali, bi ksur li l-prinċipju ta’ legalità, li jimponi livell ta’ speċifikazzjoni suffiċjenti għal test repressiv. Fis-seduta, hija osservat ukoll li l-imsemmija linji gwida ma kellhomx, fi kwalunkwe każ, is-saħħa ġuridika ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva.

271    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, billi bbażat, fil-premessi 545 sa 549 tad-deċiżjoni kkontestata, il-multa personali imposta fuq Arkema France fuq l-allegata neċessità li tiġi żgurata n-natura dissważiva “minħabba s-sostanzjalità tad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża apparti mill-bejgħ ta’ oġġetti u servizzi li jirreferi għalih l-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Kummissjoni kisret id-dritt Komunitarju għal żewġ raġunijiet.

272    L-ewwel nett, minn naħa waħda, huwa inġust li tiġi imposta multa personali fuq ir-rikorrenti bħala dissważjoni, filwaqt li l-imsemmija multa hija kkalkolata skont l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Arkema France, li diġà tinkludi żieda speċifika bħala dissważjoni. Min-naħa l-oħra, l-impożizzjoni ta’ multa personali fuq ir-rikorrenti ma għandha ebda rilevanza, peress li l-impriża li Arkema France u r-rikorrenti jikkostitwixxu, skont il-Kummissjoni, ma għadhiex teżisti iktar mis-sena 2006. Barra minn hekk, għalkemm id-dissważjoni hija fattur li l-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-multa, din madankollu ma tikkostitwixxix il-bażi legali tal-multa stess.

273    It-tieni nett, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ globali tagħha biss sabiex timponilha multa personali u kellha tieħu inkunsiderazzjoni biss il-proporzjon żgħir tad-dħul mill-bejgħ tal-prodott inkwistjoni fid-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li, skont il-ġurisprudenza, is-sostanzjalità tad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża jikkostitwixxi biss kriterju approssimattiv u imperfett sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-multa. Issa, sa fejn hija ma hijiex preżenti fis-suq tal-klorat tas-sodju fiż-ŻEE, il-kapaċità ekonomika tagħha li tikkawża dannu lill-kompetitizzjoni hija kompletament nulla.

274    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tirreferi għad-deċiżjoni Methacrylate sabiex tiġġustifika n-neċessità ta’ multa li kienet ġiet imposta fuqha personalment peress li l-imsemmija deċiżjoni hija attwalment is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali.

275    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li huwa inġust li l-multa imposta fuqha personalment tiġi kkalkolata abbażi ta’ fatturi ta’ gravità, ta’ tul u ta’ effetti dissważivi msemmija fil-premessi 511 sa 523 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-parametri tagħhom ma japplikawx għaliha, peress li hija ma kinitx taf bil-ksur inkwistjoni u ma setgħetx ikollha influwenza fuq l-imsemmija parametri.

276    Fil-ħames lok, il-Kummissjoni ma ħaditx suffiċjentement inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-multa imposta fuqha personsalment fuq ir-rikorrenti, l-erba’ fatturi. L-ewwel nett, hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li Arkema France kienet involuta fil-ksur inkwistjoni għal żmien iqsar minn dak ta’ EKA u ta’ Finnish Chemicals. Sussegwentement, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza attenwanti rrilevata fil-premessa 401 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-eventwali negliġenza li hija pproduċiet prova tagħha fir-rigward tas-sussidjarja tagħha. Barra minn hekk, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-irregolaritajiet proċedurali li jikkostitwixxu ksur ta’ drittijiet fundamentali elenkati fit-tieni motiv tagħha. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni mogħtija minn Arkema France matul il-proċedura amministrattiva.

277    Fis-sitt lok, l-impożizzjoni ta’ multa personali fuq ir-rikorrenti tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għal żewġ raġunijiet.

278    L-ewwel nett, ir-rikorrenti hija l-unika kumpannija parent, fost il-kumpanniji parent l-oħra inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri Akzo Nobel, ELSA u Uralita, li ġiet imposta multa personali fuqha bħala effett dissważiv, filwaqt li din il-multa tibbaża b’mod inġust fuq teħid inkunsiderazzjoni doppjament tal-effett dissważiv.

279    It-tieni nett, ir-rikorrenti tosserva li mill-premessa 524 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta lil-Kummissjoni naqset l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Arkema France u fuqha stess biss b’EUR 54 000 euros, filwaqt li l-ammonti bażiċi tal-multi imposti fuq Finnish Chemicals u fuq EKA kienu tnaqqsu b’EUR 660 000 u b’EUR 213 500 rispettivament. Issa, huwa abbażi ta’ dan l-ewwel ammont bażiku li l-multa imposta fuq ir-rikorrenti personalment kienet ġiet ikkalkolata.

280    Il-Kummissjoni topponi l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

281    Ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, il-multa ta’ EUR 15 890 000 li l-Kummissjoni imponitilha fl-Artikolu 2(e) tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan il-kuntest, hija tqajjem sitt ilmenti.

282    Permezz tal-ewwel ilment tagħha, ir-rikorrenti tressaq tliet argumenti li jirrigwardaw in-nuqqas ta’ bażi legali li tippermetti lill-Kummisjsoni timponilha multa personali.

283    L-ewwel nett, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-multa ta’ EUR 15 890 000 li kienet ġiet impostha fuqha fl-Artikolu 2(3) tad-deċiżjoni kkontestata, ma tibbaża fuq ebda bażi legali u tikser l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 fin-nuqqas ta’ unità ekonomika ma’ Arkema France u li l-impożizzjoni ta’ din il-multa tikser il-punt 30 tal-linji gwida, peress li l-imsemmi punt jirreferi biss għall-possibbiltà li tiżdied “il-multa li għandha tiġi imposta fuq l-impriżi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li, f’dan il-każ, l-unika impriża “rilevanti” hija, fi ħdan tal-grupp Elf Aquitaine, Arkema France, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument jikkostitwixxi riformulazzjoni tat-tieni lment tas-sitt u tas-seba’ motivi li għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punti 249 sa 257 u 264 iktar ’il fuq. Fil-fatt, huwa konformi mas-setgħa tagħha li tiffissa l-ammont tal-multi li hija għandha skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 li hija ntrabtet li tapplika skont id-dispożizzjonijiet tal-linji gwida li l-Kummissjoni imponiet lir-rikorrenti żieda ta’ 70 % tal-ammont bażiku tal-multa, fid-dawl tal-fatt li fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, id-dħul mill-bejgħ tagħha b’mod partikolari sostanzjali kien jippermettilha li timmobilizza iktar faċilment il-fondi neċessarji għall-ħlas tal-multa.

284    It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-impożizzjoni, fir-rigward tagħha, tal-multa ta’ EUR 15 890 000 tikser il-preżunzjoni ta’ innoċenza, il-prinċipji ta’ awtonomija tal-persuna ġuridika, ta’ responsabbiltà personali u ta’ individwalità tal-pieni, għandu jiġi rrilevat li, minbarra l-fatt li l-ksur li hija tinvoka ma huwiex sostnut minn ebda argument speċifiku, dan l-argument għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-kuntest tat-tieni parti (ara l-punti 69 sa 73 iktar ’il fuq) tal-ewwel motiv kif ukoll fil-kuntest tat-tielet (ara l-punt 167 sa 174), tar-raba’ (ara l-punti 177 sa 183 iktar ’il fuq) u tal-ħames (ara l-punti 186 sa 190 iktar ’il fuq) partijiet tat-tieni motiv. Fil-fatt, peress li Arkema France u r-rikorrenti jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE, huwa mingħajr ma tikser il-prinċipji ta’ awtonomija tal-persuna ġuridika, tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, ta’ responsabbiltà personali, u ta’ individwalità tal-pieni, li l-Kummissjoni setgħet timponi lir-rikorrenti biss żieda tal-ammont bażiku tal-multa minħabba d-dħul mill-bejgħ tagħha b’mod partikolari għoli fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

285    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-ksur tal-prinċipju ta’ legalità huwa iktar ikkaratterizzat f’dan il-każ peress li l-punt 30 tal-linji gwida ma jispeċifikax b’livell ta’ preċiżjoni suffiċjenti li żieda ta’ 70 % tal-ammont bażiku tal-multa tista’ tiġi imposta f’każ simili, għandu jitfakkar, minn naħa waħda, li l-linji gwida ma jikkostitwixxux il-bażi legali għall-iffissar tal-ammont tal-multa, iżda jippreċiżaw biss l-applikazzjoni tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, b’analoġija, is-sentenza Danone tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 253 iktar ’il fuq, punt 28), u, min-naħa l-oħra, li, filwaqt li l-ammont bażiku tal-multa huwa ffissat skont il-ksur, il-gravità tiegħu hija ddeterminata b’riferiment għal numri ta’ fatturi oħra, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni (sentenza Danone tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 252 iktar ’il fuq, punt 25). Għaldaqstant huwa skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u, skont il-punt 30 tal-linji gwida li l-Kummissjoni ntrabtet li tapplika fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, li din tal-aħħar setgħet timponi żieda ta’ 70 % tal-ammont bażiku tal-multa lir-rikorrenti minħabba l-fatt li hija kienet f’pożizzjoni, minħabba d-dħul mill-bejgħ tagħha b’mod partikolari sostanzjali, timmobilizza fondi iktar faċilment għall-ħlas tal-multa mill-impriżi l-oħrajn issanzjonati f’din il-kawża.

286    Għaldaqstant f’dan il-każ il-Kummissjoni aġixxiet mingħajr ma kisret il-prinċipju ta’ legalità. Għalhekk hemm lok li l-ewwel ilment tar-rikorrenti jiġi miċħud bħala infondat.

287    Permezz tat-tieni lment tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, l-ammont tal-multa personali li kienet ġiet imposta fuqha fl-Artikolu 2(e) tad-deċiżjoni kkontestata.

288    Fil-fatt, l-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li, essenzjalment, huwa “inġust” li hija tiġi imposta multa personali bħala dissważjoni, filwaqt li l-imsemmija multa hija kkalkolata fir-rigward tal-ammont bażiku tal-multa imposta in solidum lil Arkema France u lir-rikorrenti, u li diġà tinkludi żieda speċifika bħala dissważjoni, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 523 tad-deċiżjoni kkontestata, il-multa ta’ EUR 22 700 000 imposta in solidum fuq ir-rikorrenti u fuq Arkema France tikkorrispondi għall-ammont bażiku tal-multa li jinkludi ammont addizjonali ta’ 19 % tal-valur tal-bejgħ ta’ Arkema France (ara l-punt 18 iktar ’il fuq), skont il-punt 25 tal-linji gwida “sabiex l-impriżi stess jiġu dissważi milli jipparteċipaw fi ftehim orizzontali ta’ iffissar tal-prezzijiet, ta’ tqassim tas-suq u ta’ limitazzjoni ta’ produzzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Min-naħa l-oħra, il-multa ta’ EUR 15 890 000 imposta fuq ir-rikorrenti biss tikkorrispondi għal 70 % tal-ammont bażiku tal-multa u hija intiża, skont il-punt 30 tal-imsemmija linji gwida sabiex “jiġi żgurat li l-multi jippreżentaw effett suffiċjentement dissważiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għall-impriżi li d-dħul mill-bejgħ tagħhom, apparti mill-bejgħ ta’ oġġetti u ta’ servizzi li jirreferi għalih l-ksur, huwa b’mod partikolari sostanzjali.

289    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa waħda, l-ammont addizzjonali ta’ 19 % tal-valur tal-bejgħ ta’ Arkema France meħud inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, skont il-punt 25 tal-linji gwida, u min-naħa l-oħra, iż-żieda speċifika imposta fuq ir-rikorrenti skont il-punt 30 tal-imsemmija linji gwida, jissodisfaw żewġ għanijiet distinti ta’ dissważjoni, li l-Kummissjoni ġustament setgħet tieħu inkunsiderazzjoni tagħhom fid-determinazzjoni tal-multa li kellha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti. Għaldaqstant l-argument ta’ din tal-aħħar f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud bħala infondat.

290    It-tieni nett, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni biss il-proporzjon żgħir tad-dħul mill-bejgħ tal-prodott inkwistjoni fid-dħul mill-bejgħ globali tal-impriżi sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa personali imposta fuqha, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 30 tal-linji gwida, huwa speċifikament fil-każ meta l-ammont globali tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża inkwistjoni jaqbeż b’mod “b’mod partikolari sostanzjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] il-valur tal-bejgħ tal-oġġetti kkonċernati mill-ftehim li l-Kummissjoni għandha dritt timponi ammont addizzjonali bħala dissważjoni.

291    Għaldaqstant, it-tieni lment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

292    Permezz tat-tielet ilment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tirreferi għad-deċiżjoni Methacrylate sabiex tiġġustifika n-neċessità li timponilha multa personali, peress li l-imsemmija deċiżjoni hija attwalment is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali. F’dan ir-rigward, minn naħa waħda, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza esposta fil-punt 241 iktar ’il fuq, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ validità sakemm ma jkunux ġew annullati jew irtirati. Għaldaqstant, l-ebda dispożizzjoni legali ma tipprekludi li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għad-deċiżjoni Methacrylate sabiex issostni r-raġunament tagħha. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, anki jekk id-deċiżjoni Methacrylate kienet annullata mill-qrati tal-Unjoni, dan ma jkollu ebda rilevanza fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata peress li, kif ġie espost fil-punti 256 u 257 iktar ’il fuq, huwa skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u skont il-punt 30 tal-linji gwida, li l-Kummissjoni imponiet multa personali fuq ir-rikorrenti f’dan il-każ.

293    Għaldaqstant, it-tielet ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

294    Permezz tar-raba’ lment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li huwa inġust li l-multa personali imposta fuqha tiġi kkalkolata fuq fatturi ta’ gravità, ta’ tul u ta’ effetti dissważivi speċifiċi għal Akrema France, li l-parametri tagħhom ma japplikawx għaliha, u dan, filwaqt li hija ma kinitx taf bil-ksur inkwistjoni u ma setgħetx tinfluwenza l-imsemmija parametri.

295    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tressaq ebda argument jew prova intiża sabiex tikkonfuta li, kif ġie kkonstatat fil-punti 256 u 257 iktar ’il fuq, huwa skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u skont il-punt 30 tal-linji gwida, li l-Kummissjoni imponiet multa personali fuq ir-rikorrenti. Il-fatt li din tal-aħħar kienet taf jew le bil-ksur inkwistjoni u li l-multa personali imposta fuqha tibbaża fuq data speċifika għal Arkema France ma jistax jikkonfuta din il-kunsiderazzjoni.

296    Għaldaqstant, ir-raba’ lment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

297    Permezz tal-ħames ilment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni erba’ fatturi fil-kalkolu tal-multa personali imposta fuqha. Fl-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni, l-ewwel nett, il-fatt li Arkema France kienet involuta fil-ksur inkwistjoni għal żmien iqsar minn dak ta’ EKA u ta’ Finnish Chemicals, it-tieni nett, iċ-ċirkustanza attenwanti rrikonoxxuta mill-Kummissjoni, fil-premessa 401 tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażata fuq l-eventwali negliġenza li r-rikorrenti pproduċiet prova tagħha fir-rigward tas-sussidjarja tagħha, it-tielet nett, fuq irregolaritajiet proċedurali li jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha elenkati fit-tieni motiv u, ir-raba’ nett, fuq il-kooperazzjoni pprovduta minn Arkema France matul il-proċedura amministrattiva.

298    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie espost fil-punt 254 iktar ’il fuq, il-multa imposta fuq ir-rikorrenti ta’ EUR 15 890 000 tikkorrispondi esklużivament għaż-żieda ta’ 70 % tal-ammont bażiku tal-multa prevista fil-punt 30 tal-linji gwida. Issa, skont l-imsemmi punt, anki jekk il-fatti elenkati fil-punt 297 iktar ’il fuq kienu vera, il-Kummissjoni ma kienet b’ebda mod marbuta li teħodhom inkunsiderazzjoni sabiex tapplika tali rata ta’ żieda.

299    Għaldaqstant, il-ħames ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

300    Permezz tas-sitt ilment, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li multa personali kienet ġiet imposta fuqha jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għal żewġ raġunijiet.

301    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament inkiser sa fejn hija hi l-unika impriża fost il-kumpanniji parent l-oħra inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri Akzo Nobel, ELSA u Uralita, li ġiet imposta multa personali skont il-punt 30 tal-linji gwida, filwaqt li din il-multa tibbaża b’mod inġust fuq teħid inkunsiderazzjoni darbtejn tal-effett dissważiv.

302    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza Advocaten voor de Wereld, punt 196 iktar ’il fuq, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

303    Issa, f’din il-kawża għandu jiġi kkonstatat li, kif il-Kummissjoni rrilevat fil-premessi 548 u 549 tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma hija kkontestata mir-rikorrenti, din tal-aħħar għandha dħul mill-bejgħ ħafna ikbar mill-impriżi l-oħra li fuqhom hija imposta multa fid-deċiżjoni kkontestata, peress li dan huwa ta’ EUR 139 389 miljun filwaqt li dawk ta’ EKA, ta’ ELSA, u ta’ Uralita jammontaw għal EUR 550 miljun, għal EUR 509 000 u għal EUR 1 095 miljun rispettivament. Għaldaqstant, minħabba d-dħul mill-bejgħ tagħha kunsiderevolment ogħla minn dak tal-impriżi oħrajn issanzjonati, ir-rikorrenti ma kinitx f’sitwazzjoni paragunabbi magħhom, fatt li jiġġustifika li l-Kummissjoni ttrattatha b’mod differenti mill-imsemmija impriżi.

304    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta żiedet il-multa imposta fuq ir-rikorrenti skont il-punt 30 tal-linji gwida. Għaldaqstant, l-ewwel argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

305    It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrrenti li mill-premessa 524 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni naqset l-ammont tal-multa imposta fuqha in solidum ma’ Arkema France biss b’EUR 54 000, filwaqt li l-ammonti tal-multi imposti fuq Finnish Chemicals u fuq EKA tnaqqsu b’EUR 666 000 u b’EUR 213 500 rispettivament, għandu jitfakkar qabel kollox li, skont il-punt 26 tal-linji gwida, “fid-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa, il-Kummissjoni għandha tuża l-eqreb numru sħiħ” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

306    Sussegwentement, kif jirriżulta mill-qari tar-risposta tal-Kummissjoni għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali u mid-dokument intern li hija pproduċiet f’dan ir-rigward li jispjega l-metodoloġija li hija użat sabiex tnaqqas l-ammonti tal-multi imposti fuq l-entitajiet inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa waħda, li l-Kummissjoni naqset l-ammont tal-multa ta’ EKA u ta’ AKO Nobel minn EUR 116 243 541 għal EUR 116 000 000, dak ta’ Finnish Chemicals minn EUR 68 773 445 għal EUR 68 000 000, dak ta’ ELSA minn EUR 42 322 120 għal EUR 42 000 000, dak ta’ Arkema France u tar-rikorrenti minn EUR 22 754 400 għal EUR 22 700 000 u fl-aħħar nett, dak ta’ Aragonesas u ta’ Uralita minn EUR 9 969 300 għal EUR 9 900 000. Min-naħa l-oħra, minn dan it-tnaqqis jirriżulta li, kif il-Kummissjoni tispjega essenzjalment fl-imsemmi dokument, hija naqset l-ammonti ta’ kull multa inkwistjoni, b’miljun euro inqas, meta t-tnaqqis ma kienx iwassal għal tnaqqis ogħla minn 2 % tal-ammont tal-imsemmija multa, u, b’mitt elf euro inqas, fil-każ meta t-tnaqqis b’miljun euro inqas kien iwassal għal tnaqqis ogħla minn 2 % tal-ammont tal-imsemmija multa.

307    Għaldaqstant, għalkemm EKA u Akzo Nobel, Finnish Chemicals u ELSA bbenefikaw minn tnaqqis ta’ multa, jiġifieri b’ammont ta’ EUR 243 541, ta’ EUR 773 445 u ta’ EUR 322 120 rispettivament, li huwa ikbar, f’termini assoluti, minn dak riċevut, minn naħa waħda, minn Arkema France u mir-rikorrenti, u, min-naħa l-oħra, minn Aragonesas u Uralita, jiġifieri EUR 54 400 u EUR 69 300 rispettivament, wara l-applikazzjoni tal-punt 26 tal-linji gwida, jibqa’ xorta waħda l-fatt li l-metodoloġija użata mill-Kummissjoni ġiet applikata b’mod koerenti għal kull impriża ssanzjonata u l-imsemmija metodoloġija hija oġġettivament iġġustifikata sa fejn il-Kummissjoni setgħet, skont is-setgħa diskrezzjonali tagħha fil-kuntest tal-iffissar tal-ammonti tal-multa, tqis li t-tnaqqis tal-ammonti tal-imsemmija multi ma kellux iwassal, fi kwalunkwe każ, għal tnaqqis ta’ multa ogħla minn 2 %.

308    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-kuntest tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta in solidum fuq ir-rikorrenti u fuq Arkema France. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tmien motiv kollu kemm hu għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji u tar-regoli li rregolaw il-kalkolu tal-multa imposta in solidum fuq Arkema France u fuq ir-rikorrenti

309    Ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, l-ammont tal-multa imposta fuqha in solidum ma’ Arkema France fl-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata. Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żbalji fil-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta in solidum fuq Arkema France u fuq ir-rikorrenti

–       L-argumenti tal-partijiet

310    Ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ċerti elementi fil-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuqha in solidum ma’ Arkema France fl-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata.

311    Fl-ewwel lok, ir-rikorrent tikkontesta l-ammont tal-multa imposta fuqha in solidum ma’ Arkema France fl-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata billi tirreferi għall-erba’ argumenti li hija ressqet fil-ħames ilment tat-tmien motiv li fih hija topponi għall-multa imposta fuqha fl-Artikolu 2(e) tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 297 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, hija ssostni, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li Arkema France kienet involuta fil-ksur inkwistjoni għal tul inqas minn dak ta’ EKA u ta’ Finnish Chemicals. It-tieni nett, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza attenwanti li hija rrilevat, fil-premessa 401 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-eventwali negliġenza li r-rikorrenti pproduċiet prova tagħha fir-rigward tas-sussidjarja tagħha. It-tielet nett, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-irregolaritajiet proċedurali li jikkostitwixxu ksur ta’ drittijiet fundamentali elenkati fit-tieni motiv tagħha. Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni pprovduta minn Arkema France matul il-proċedura amministrattiva.

312    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tirreferi għall-ewwel argument li hija ressqet fis-sitt ilment tat-tmien motiv (ara l-punt 278 iktar ’il fuq) li permezz tiegħu hija ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi imponiet fuqha biss multa personali filwaqt li fir-rigward tal-kumpanniji parent l-oħra fid-deċiżjoni ġiet imposta biss multa in solidum mas-sussidjarji tagħhom.

313    Il-Kummissjoni topponi dan l-argument.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

314    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-erba’ argumenti mqajma mir-rikorrenti intiżi sabiex tikkontesta l-kalkolu tal-multa imposta fl-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel nett, l-argument tagħha li l-imsemmija multa kellha titnaqqas minħabba l-fatt li din tal-aħħar kienet involuta fil-ksur inkwistjoni għal tul inqas minn EKA u minn Finnish Chemicals għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, f’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta b’mod espress fil-premessa 522 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, skont il-punt 24 tal-linji gwida, fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 5 għal Arkema France u r-rikorrenti li jikkorrispondi għat-tul ta’ parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju ta’ 4 snin u 8 xhur, filwaqt li hija użat fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 5.5 għal EKA u l-kumpannija parent tagħha minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom għall-ksur inkwisjtoni għal perijodu ta’ 5 snin u 4 xhur. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud bħala infondat.

315    It-tieni nett, sa fejn ir-rikorrenti tinvoka ċ-ċirkustanza attenwanti li l-Kummissjoni kienet irrikonoxxitilha, fil-premessa 401 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirriżulta mill-“eventwali negliġenza” li hija pproduċiet prova tagħha fir-rigward tas-sussidjarja tagħha, minn naħa waħda, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument jibbaża fuq qari żbaljat tal-imsemmija premessa. Fil-fatt, fl-imsemmija premessa, il-Kummissjoni ma tindikax, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, li n-negliġenza li din tal-aħħar ipprovat fil-kontroll tal-aġir tas-sussidjarja tagħha tikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti, iżda għall-kuntrarju li “n-nuqqas ta’ diliġenza li pprovaw id-Diretturi ta’ [Arkema France] u ta[r-rikorrenti] fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, jikkonkretizza l-fatt li l-korpi statutorji u ta’ amministrazzjoni taż-żewġ kumpanniji allegatament injoraw kull azzjoni meħuda mill-impjegati tagħhom, ma jistax jintuża bħala argument minnhom sabiex jevitaw ir-responsabbiltà għall-aġir tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Min-naħa l-oħra, fi kwalunke każ, ir-rikorrenti ma tressaq ebda argument insostenn tat-talba tagħha li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li “n-negliġenza eventwali” tagħha fis-sorveljanza tas-sussidjarja tagħha setgħet tiġġustifika l-għoti ta’ tnaqqis ta’ multa. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

316    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha li hija esponiet fit-tieni motiv tagħha sabiex jingħatalha tnaqqis tal-multa hija li imponitilha in solidum ma’ Arkema France, għandu jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tal-imsemmi motiv (ara l-punt 204 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ma wettqet ebda wieħed mill-ksur li tinvoka r-rikorrenti. Għaldaqstant, dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

317    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni pprovduta minn Arkema France matul il-proċedura amministrattiva, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tressaq, f’dan il-motiv, ebda argument speċifiku intiż li jikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni, fil-premessi 543 u 544 u 561 sa 580 tad-deċiżjoni kkontestata, li jipprovdu li, essenzjalment, il-kooperazzjoni offruta minn Arkema France ma kinitx tiġġustifika li hija tingħata tnaqqis ta’ multa fil-kuntest jew barra l-kuntest tal-applikazzjoni tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

318    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn hija l-unika, fost il-kumpanniji parent l-oħrajn issanzjonati, li ġiet imposta fuqha multa personali, hemm lok li dan jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-kuntest tas-sitt motiv (ara l-punt 254 iktar ’il fuq), il-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 2(e) tad-deċiżjoni kkontestata tikkorrispondi għaż-żieda ta’ 70 % tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuqha in solidum ma’ Arkema France fl-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba l-fatt li d-dħul mill-bejgħ tagħha b’mod partikolari sostanzjali meta mqabbel ma’ dak tal-entitajiet l-oħrajn issanzjonati fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kien jippermettilha timmobilizza iktar faċilment il-fondi neċessarji għall-ħlas tal-imsemmija multa. Issa, sa fejn huwa paċifiku li l-kumpanniji parent l-oħrajn issanzjonati fid-deċiżjoni kkontestata ma kellhomx dħul mill-bejgħ li kien jiġġustifika tali żieda, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma kinitx tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-imsemmija kumpanniji li għandha twassal lill-Kummissjoni sabiex tittrattahom b’mod identiku.

319    Għaldaqstant, l-ewwel parti tad-disa’ motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament marbut mal-multa imposta in solidum fuq Arkema France u fuq ir-rikorrenti.

–       L-argumenti tal-partijiet

320    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali, fid-dawl tal-fatt li l-multa imposta in solidum fuqha stess u fuq Arkema France hija l-iktar għolja fost dawk imposti fuq l-impriżi ssanzjonati fid-deċiżjoni kkontestata.

321    Fl-ewwel lok, kif ir-rikorrenti sostniet barra minn hekk fil-kuntest tas-sitt ilment tat-tmien motiv tagħha (ara l-punt 279 iktar ’il fuq), it-tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa imposta in solidum fuqha stess u fuq Arkema France kien ħafna iżgħar minn dak tal-ammonti bażiċi imposti fuq Finnish Chemicals u fuq EKA.

322    Fit-tieni lok, il-multa imposta in solidum fuq Arkema France u fuq ir-rikorrenti ma tiħux suffiċjentement inkunsiderazzjoni, skont il-linji gwida, żewġ fatturi. L-ewwel nett, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni b’mod insuffiċjenti d-dħul mill-bejgħ baxx ta’ Arkema France fis-suq ŻEE tal-klorat tas-sodju meta mqabbel ma’ dak ta’ EKA li tibbenefika minn immunità minn multa u ta’ Finnish Chemicals li hija kkundannata għal multa li hija erba’ darbiet inqas minn dik imposta fuq Arkema France. It-tieni nett, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti s-sehem żgħir fis-suq ta’ Arkema France, li kien ta’ 9 % fis-suq tal-klorat tas-sodju meta mqabbel, minn naħa waħda, ma’ dak ta’ EKA li huwa ħames darbiet ikbar u, min-naħa l-oħra, dak ta’ Finnish Chemicals li huwa tliet darbiet ikbar. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni wkoll li teżisti biss differenza ta’ erba’ punti bejn l-ishma fis-suq ta’ Arkema France u dawk ta’ Aragonesas u ta’ Solvay.

323    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-multa imposta fuqha in solidum ma’ Arkema France ħadet inkunsiderazzjoni b’mod insuffiċjenti l-involviment żgħir ta’ Arkema France fil-ksur inkwistjoni meta mqabbel ma’ dak ta’ EKA u ta’ Finnish Chemicals.

324    Il-Kummissjoni topponi dawn l-argumenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

325    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li t-tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa imposta in solidum fuqha stess u fuq Arkema France huwa ħafna inqas minn dak tal-ammonti bażiċi tal-multi imposti fuq Finnish Chemicals u fuq EKA, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment huwa strettament identiku għas-sitt ilment tat-tmien motiv (ara l-punt 279 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 305 sa 308 iktar ’il fuq, li fihom ġie kkonstatat, essenzjalment, li l-metodoloġija ta’ tnaqqis tal-ammont tal-imsemmija multa kienet ġiet applikata b’mod koerenti għal kull impriża ssanzjonata fid-deċiżjoni kkontestata u li l-imsemmija metodoloġija kienet oġġettivament iġġustifikata.

326    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorenti li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn hija ħadet inkunsiderazzjoni b’mod insuffiċjenti, minn naħa waħda, id-dħul mill-bejgħ żgħir ta’ Arkema France fis-suq ŻEE tal-klorat tas-sodju meta mqabbel ma’ EKA u ma’ Finnish Chemical u, min-naħa l-oħra, tas-sehem żgħir mis-suq ta’ Arkema France fl-imsemmi suq, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat.

327    Minn naħa waħda, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti la tressaq argument u lanqas tipproduċi prova sabiex jiġi stabbilit li, fid-dawl tal-elementi li hija ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tiffissa l-multa imposta in solidum fuqha stess u fuq Arkema France, il-Kummissjoni applikat b’mod diskriminatorju d-dispożizzjonijiet tal-linji gwida fid-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, għalkemm teżisti differenza sostanzjali bejn l-ammont tal-multa imposta fuq Arkema France u fuq ir-rikorrenti u l-ammonti tal-multi imposti in solidum fuq EKA u fuq Akzo Nobel kif ukoll fuq ELSA u fuq Finnish Chemicals, minkejja l-fatt li Arkema France kellha sehem mis-suq tal-klorat tas-sodju fiż-ŻEE inqas minn dak ta’ EKA u ta’ Finnish Chemicals, din id-differenza hija ġġustifikata minħabba l-fatt li EKA u Akzo Nobel kisbu eżenzjoni totali minn multa u l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Finnish Chemicals, li kisbet tnaqqis ta’ 50 % mill-multa fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, kien kważi inqas min-nofs minn dak tar-rikorrenti (ara t-tabbelli li jinsabu fil-premessi 524 u 552 tad-deċiżjoni kkontestata).

328    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li l-multa li l-Kummissjoni imponiet fuqha in solidum ma’ Arkema France ma tiħux inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-involviment żgħir ta’ din tal-aħħar fil-ksur meta mqabbel ma’ dak ta’ EKA u ta’ Finnish Chemicals, għandu jiġi rrilevat li, minbarra l-fatt li r-rikorrenti ma tressaq l-ebda argument jew ma pproduċiet ebda prova fl-atti tagħha li jsostnu dan l-ilment, hija ma tikkontestax ir-raġunijiet li l-Kummissjoni esponiet fil-premessa 536 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward, li jipprovdu b’mod partikolari li, “hija żammet kuntatti frekwenti mal-kompetituti tagħha matul iż-żmien kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju” [traduzzjoni mhux uffiċjali], “dawn il-kuntatti inizjali juru diġà l-parteċipazzjoni attiva tagħha fil-ftehim antikompettivi [inkwistjoni]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jew ukoll li d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tipprovdi li “hija ma setgħetx tilgħab rwol ta’ medjatur bejn EKA u Finnish Chemicals minħabba s-sehem tagħha mis-suq limitat huwa kkonfutat b’mod ċar mill-provi prodotti [fid-deċiżjoni kkontestata]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

329    Għaldaqstant, it-tielet ilment u, b’hekk, id-disa’ motiv kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni

330    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ fatt u ta’ liġi billi ma tathiex tnaqqis ta’ multa skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni. Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażat fuq ir-rifjut tal-għoti ta’ tnaqqis ta’ multa skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

331    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni meta ma naqsitx il-multa imposta in solidum fuqha stess u fuq Arkema France, minħabba l-fatt li l-provi pprovduti minn din tal-aħħar kienu insuffiċjenti. F’dan ir-rigward hija tqis li, sa fejn il-Kummissjoni hija marbuta bid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi avviż, din tal-aħħar ma kinitx iġġustifikata tiċħad, kemm b’mod mhux motivat, kif ukoll b’mod astratt u “kapriċċuż”, kull tnaqqis għaż-żewġ multi imposti fuq ir-rikorrenti.

332    Fl-ewwel lok, mill-premessi 554, 561, 581 u 584 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li huwa paċifiku li Arkema France kienet l-ewwel impriża, wara EKA, li pproduċiet provi tal-akkordju lill-Kummissjoni.

333    Fit-tieni lok, skont ir-rikorrenti, mill-motivi stess tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, kuntrarjament għall-evalwazzjonijiet fformulati mill-Kummissjoni fil-premessi 568 sa 580 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-provi prodotti minn Arkema France sabiex tistabbilixxi l-ksur inkwistjoni. F’dan ir-rigward hija tirreferi, fid-deċiżjoni kkontestata, għall-premessi 38 u 46 tagħha u għan-nota ta’ qiegħ il-paġna 63 tagħha, għall-premessa 76 tagħha u għan-nota ta’ qiegħ il-paġna 116 tagħha, għall-premessa 94 tagħha u għan-nota ta’ qiegħ il-paġna 136 tagħha, għall-premessa 98 u għan-nota ta’ qiegħ il-paġna 142 tagħha, għall-premessi 243 u 251 tagħha u għan-nota ta’ qiegħ il-paġna 302 tagħha, għall-premessi 254, 255, 259, 260, 273, 314, 344, 355, 589, 593 u 594 u għan-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 118, 259, 293, 337, 540 u 542 tagħhom. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-provi prodotti minn Arkema France ppermettew li jiġi kkonfermat ċertu numru ta’ fatti relatati mall-ksur inkwistjoni, kif jirriżulta mill-premessi 568, 569, 571 sa 573, 575 u 576 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, mill-premessa 344, in limine, tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Aragonesas qieset li l-informazzjoni pprovduta minn Arkema France kellha valur miżjud sinjifikattiv.

334    Il-Kummissjoni topponi l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

335    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni billi ma tatx lil Arkema France tnaqqis tal-multa ta’ 30 sa 50 % għalkemm hija kienet l-ewwel impriża, wara EKA li kisbet l-immunità mill-multa, li pproduċitilha provi ta’ valur miżjud sinjifikattiv.

336    Skont il-punt 20 tal-Avviż 2002 dwar il-kooperazzjoni, “[l]-impriżi li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet [sabiex tinkiseb eżenzjoni minn multa] jistgħu jkunu eliġibbli biex jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ kull l-multi li, kieku kienet tkun imposta fuqhom”.

337    Fil-punt 21 tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jipprovdi li, “[b]iex tikkwalifika [għal tnaqqis ta’ multa skont il-punt 20 tal-imsemmi avviż] impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur tal-liġi ssospettat li jirrapreżentaw valur miżjud b’rispett għall-evidenza li diġa’ tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għanda twaqqaf l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssuspettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi”.

338    Fl-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni huma stabbiliti tliet parametri ta’ tnaqqis ta’ multa. Fil-fatt, l-ewwel impriża li tissodisfa l-kundizzjoni tal-punt 21 tal-imsemmi avviż għandha d-dritt li tikseb tnaqqis tal-multa bejn 30 u 50 %, it-tieni impriża, tnaqqis tal-multa bejn 20 u 30 %, u l-impriżi oħra, tnaqqis ta’ multa sa 20 %.

339    It-tieni paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jipprovdi li, “[b]iex jiġi ddeterminat il-livell ta’ tnaqqis f’kull waħda minn dawn il-faxex, il-Kummissjoni ser tieħu kont taż-żmien li fih ġew mressqin il-provi li jissodisfaw il-punt 21 [tal-imsemmija deċiżjoni] u l-punt sa fejn jirrappreżentaw valur miżjud” u li “[t]ista’ wkoll tieħu kont tal-miżura u tal-kontinwità ta’ kull kooperazzjoni ipprovduta mill-impriża wara d-data tas-sottomissjoni tagħħa”.

340    Skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi u tista’, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi, fosthom il-kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati matul l-investigazzjoni mwettqa mid-dipartimenti ta’ din l-istituzzjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjonijiet fattwali kumplessi, bħal dawk li jirrigwardaw il kooperazzjoni rispettiva ta’ dawn l-impriżi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑328/05 P, Ġabra p. I‑3921, punt 81, u tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2010, Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, T‑456/05 u T‑457/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 219).

341    Barra minn hekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni pprovduta mill-membri ta’ akkordju, huwa biss żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni li jista’ jkun iċċensurat peress li hija tibbenefika minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni pprovduta minn impriża, b’mod partikolari, meta mqabbla mal-kontribuzzjonijiet ta’ impriżi oħrajn (ara s-sentenza SGL Carbon vs Il Kummissjoni, punt 341 iktar ’il fuq, punt 88).C‑328/05P, Ġabra p. I‑3921, point 88). F’dan ir-rigward għandu għandu jitfakkar li, għalkemm il-Kummissjoni għandha timmotiva r-raġunijiet li għalihom hija tqis li elementi pprovduti minn impriżi fil-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni jikkostitwixxu kontribuzzjoni li tiġġustifika jew le tnaqqis tal-multa imposta, min-naħa l-oħra huma l-impriżi li jixtiequ jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward li għandhom juru li din, fin-nuqqas ta’ tali informazzjoni pprovduta volontarjament minn dawn l-impriżi, ma kinitx fil-pożizzjoni li turi l-aspett essenzjali tal-ksur u għalhekk sabiex tadotta deciżjoni li timponi multi (sentenza Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 60 iktar ’il fuq, punt 297).

342    Barra minn hekk, it-tnaqqis tal-multi f’każ ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-impriżi li jipparteċipaw fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni huwa ġġustifikat mill-fatt li din il-kooperazzjoni tiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni intiż sabiex tikkonstatata l-eżistenza ta’ ksur, u skont il-każ, sabiex ittemmu (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 399, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Finnboard vs Il-Kummissjoni, T 338/94, Ġabra p. II‑1617, punt 363). Fid-dawl tar-ratio tat-tnaqqis, il-Kummissjoni ma tistax tinjora l-utilità tal informazzjoni pprovduta, li neċessarjament tiddependi fuq il-provi li hija diġà għandha (sentenza Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, punt 341 iktar ’il fuq, punt 220).

343    Barra minn hekk, mill-ġurisprduenza jirriżulta li meta, abbażi tal-kooperazzjoni, impriża sempliċement tikkonferma, b’mod inqas preċiż u espliċitu, ċerta informazzjoni diġà pprovduta minn impriża oħra abbażi tal-kooperazzjoni, il-grad ta’ kooperazzjoni pprovdut minn din l-impriża, minkejja li jista’ xorta waħda jkun ta’ ċertu utilità għall-Kummissjoni, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala paragunabbli għal dak ipprovdut mill-ewwel impriża li pprovdiet l-imsemmija informazzjoni. Dikjarazzjoni li tillimita ruħha li, essenzjalment, tikkorrobora dikjarazzjoni li l-Kummissjoni diġà kellha, effettivament, ma tiffaċilitax ix-xogħol tal-Kummissjoni b’mod sinjifikattiv. Għaldaqstant, din ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal-kooperazzjoni (ara, f’dan is sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punt 301; tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, iktar ‘il quddiem is-“sentenza Danone tal-Qorti Ġenerala”, punt 455, Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, punt 341 iktar ’il fuq, punt 222).

344    Fl-aħħar nett, il-kollaborazzjoni ta’ impriża fl-investigazzjoni ma tatiha l-ebda dritt għal tnaqqis tal-multa meta din il-kollaborazzjoni ma tkunx marret lil hinn minn dak li kien jirriżulta mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 1992, Solvay vs Il-Kummissjoni, T‑12/89, Ġabra p. II‑907, punti 341 u 342, u Danone, punt 344 iktar ’il fuq, punt 451).

345    F’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li huwa paċifiku li, kif jirriżulta mill-premessa 561 tad-deċiżjoni kkontestata, Arkema France hija t-tieni impriża li ppreżentat applikazzjoni skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni wara EKA. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, kif sostniet ir-rikorrenti, mill-qari ta’ kull premessa tad-deċiżjoni kkontestata li hija telenka u li huma esposti fil-punt 333 iktar ’il fuq jirriżultax li Arkema France pprovdiet elementi ta’ valur miżjud sinjifikattiv lill-Kummissjoni fis-sens tal-punt 21 tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni.

346    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li, essenzjalment, hija kellha tikseb tnaqqis tal-multa skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, sa fejn hija kienet l-ewwel impriża li pprovdiet l-informazzjoni msemmija fil-premessi 38, 46, 344, 355 u 589 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63 konnessa magħhom, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li tali informazzjoni ma kinitx ta’ valur miżjud sinjifikattiv.

347    L-ewwel nett, fir-rigward tal-premessi 38 u 47 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll tan-nota ta’ qiegħ il-paġna 63 konnessa magħhom, għandu jiġi rrilevat li dawn jikkonċernaw informazzjoni pprovduta minn Arkema France li tirrigwarda l-kapaċitajiet tagħha ta’ produzzjoni kif ukoll il-valur tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-impriżi preżenti fis-suq ŻEE tal-klorat tas-sodju. Issa, sa fejn l-imsemmija informazzjoni ma tmurx lil hinn, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 344 iktar ’il fuq, minn dak li jirriżulta mill-obbligi imposti fuq Arkema France taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jiġi kkonstatat li din ma hijiex ta’ valur miżjud sinjifikattiv.

348    It-tieni nett, fir-rigward tal-premessa 344 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tirreferi hemmhekk għal argument ippreżentat minn Aragonesas li jipprovdi li “ [l]-provi prodotti mill-Kummissjoni jibbażaw essenzjalment fuq l-applikazzjonijiet [skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni] ippreżentati minn EKA, Finnish Chemicals u [Arkema France]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, peress li, fl-imsemmija premessa, il-Kummissjoni sempliċement tfakkar argument ifformulat minn Aragonesas, l-imsemmi argument ma jistax jitqies bħala r-rikonoxximent mill-Kummissjoni li Arkema France pprovdiet lill-Kummissjoni informazzjoni ta’ valur miżjud sinjifikattiv jew bħala li jistabbilixxi li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi eskludiet li l-informazzjoni pprovduta minn Arkema France hija ta’ valur miżjud sinjifikattiv.

349    It-tielet nett, fir-rigward tal-premessa 355 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrileva hemmhekk essenzjalment li “d-dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi tad-dikjarant għandhom, fil-prinċipju, jitqiesu bħala provi b’mod partikolari dgħajfa” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li tali evalwazzjoni ta’ ordni ġenerali tal-Kummissjoni ma tippermettix li jiġi konkluż li l-informazzjoni pprovduta minn Arkema France ffaċilitat, f’dan il-każ, x-xogħol tal-Kummissjoni b’mod sinjifikattiv billi ppermettitilha tistabbilixxi l-fatti tal-ksur u, għaldaqstant, li din kellha valur miżjud sinjifikattiv.

350    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-premessa 589 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrileva hemmhekk li, “għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-valur tal-provi prodotti minn Finnish Chemicals, għandu jiġi enfasizzat li mill-mument li [hija] bdiet kuntatt mal-Kummissjoni, [din tal-aħħar] diġà kellha elementi probatorji li kienu ġew sottomessi lilha minn EKA, [minn] Finnish Chemicals (fir-risposta tagħha għat-talba tagħha għal informazzjoni tal-10 ta’ Settembru 2004, sa fejn [Finnish Chemicals] ma kinitx eċċediet dak li kien mitlub minnha) u [minn Arkema France]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-kliem tal-imsemmija premessa setgħu jiġu interpretati fis-sens li l-Kummissjoni qieset li Arkema France pprovdiet “elementi probatorji”, tali interpretazzjoni ma tistax madankollu tiġi sostnuta f’dan il-każ, fid-dawl tal-kuntest li fih din l-evalwazzjoni ġiet ifformulta mill-Kummissjoni u tal-konstatazzjonijiet li hija tagħmel barra minn hekk fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, qabel kollox, sa fejn din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni saret fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-valur miżjud tal-informazzjoni pprovduta minn Finnish Chemicals, din hija intiża sabiex tenfasizza li huwa fid-dawl tal-informazzjoni diġà disponibbli fil-fajl tagħha li l-Kummissjoni hija marbuta teżamina jekk l-informazzjoni pprovduta minn Finnish Chemicals għandhiex valur miżjud sinjifikattiv iżda mhux li Arkema France pprovdiet informazzjoni ta’ valur miżjud sinjifikattiv. Barra minn hekk, l-imsemmija evalwazzjoni ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet ifformulati mill-Kummissjoni, fil-premessi 561 sa 580 tad-deċiżjoni kkontestata, li jipprovdu li hemm lok li jiġu esklużi l-argumenti kollha tar-rikorrenti u ta’ Arkema France esposti fid-deċiżjoni kkontestata, intiżi sabiex isostnu li din tal-aħħar ipproduċiet elementi ta’ informazzjoni li għandhom valur miżjud sinjifikattiv. Fl-aħħar nett, fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni fformulata mill-Kummissjoni fil-premessa 589 tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ta’ natura li tistabbilixxi li, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta minn Arkema France, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qieset li l-imsemmija informazzjoni ma kellhiex valur miżjud sinjifikattiv.

351    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-premessi 76, 254, 255, 259 u 273 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll tan-noti ta’ qiegħ il-paġna 116 u 337 konnnessi magħhom, li r-rikorrenti tirreferi għalihom, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qieset li huma ma kellhomx valur miżjud sinjifikattiv.

352    L-ewwel nett, fir-rigward tal-premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata u tan-nota ta’ qiegħ il-paġna 116 konnessa magħha, il-Kummissjoni tiddeskrivi hemmhekk il-funzjonament ġenerali tal-akkordju li kien ikkaratterizzat b’mod partikolari minn “kuntatti frekwenti taħt il-forma ta’ laqgħat bilaterali jew multilaterali u ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi, mingħajr madankollu ma tiġi segwita skema speċifika” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Kummissjoni tikkonstatata wkoll li, “skont [Arkema France], lista ta’ klijenti komuni u ta’ volumi ta’ bejgħ li kull wieħed mill-produtturi tal-klorat tas-sodju membri tal-akkordju kienu awtorizzati jipprovdilhom kienet stabbilita mill-bidu nett tal-akkordju” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li “madankollu [Arkema France] ma ppreżentatx il-lista inkwistjoni lill-Kummissjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward, minbarra l-fatt li mill-applikazzjoni orali għal immunità ta’ EKA jirriżulta li din tal-aħħar kienet diġà informat lill-Kummissjoni bin-natura ta’ kuntatti li kienu jeżistu bejn l-impriżi inkwistjoni, din l-informazzjoni li Arkema France ma sostniet b’ebda prova dokumentarja, ma kinitx, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 343 iktar ’il fuq, ta’ valur miżjud sinjifikattiv.

353    It-tieni nett, fir-rigward tal-premessa 254 tad-deċiżjoni kkontestata u tan-nota ta’ qiegħ il-paġna 305 tagħha, il-Kummissjoni tirrileva hemmhekk li Arkema France ddikjarat li “[r-rappreżentant tagħha L.] jaħseb li jiftakar b’laqgħa bejn Finnish Chemicals u [Arkema France] sabiex jiġi mifhum għaliex ir-regoli ta’ tqassim applikabbli [għall-klijent] MODO ma kinux għadhom qed jiġu osservati” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li “matul din il-laqgħa, li [L.] jaħseb li seħħet fl-ewwel tliet xhur tal-1999 fil-Finlandja, Finnish Chemicals iddikjarat li saret il-fornitriċi esklużiva ta’ [MODO], wara li sar ftehim mill-kumpannija parent tagħha ma’ MODO, u b’hekk kisret il-ftehim eżistenti bejn EKA, Finnish Chemicals u [r-rikorrenti] dwar dan il-klijent” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 255 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tgħid ukoll li “madankollu, peress li l-kuntratt bejn MODO u Finnish Chemicals ġie konkluż biss f’Settembru 1999, il-Kummissjoni tqis li [L.] ħa żball fid-dati u fil-postijiet u li huwa jinvoka fir-realtà l-laqgħa tad-9 ta’ Novembru 1999 f’Kopenħagen” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant, apparti l-fatt li l-informazzjoni orali pprovduta mir-rikorrenti hija, skont kif sostniet hija stess, inċerta (“[L] jaħseb li jiftakar” [traduzzjoni mhux uffiċjali]), iżda wkoll mhux preċiża, għandu jiġi kkonstatat, fi kwalunkwe każ, li l-Kummissjoni tirrileva espressament, fil-premessa 255 tad-deċiżjoni kkontestata, li din l-informazzjoni hija żbaljata, fatt li barra minn hekk ir-rikorrenti ma tikkontestax. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni billi eskludiet li din l-informazzjoni jista’ jkollha valur miżjud sinjifikattiv.

354    It-tielet nett, fir-rigward tal-premessa 259 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi hemmhekk għal dikjrazzjonijiet ta’ spejjeż tal-ivvjaġġar tar-rappreżentat ta’ Arkema France, L., li jkopru l-perijodu mix-xahar ta’ Ottubru sax-xahar ta’ Diċembru 1999 u li ġew ipprovduta lilha minn Arkema France. Fl-imsemmija premessa huwa wkoll indikat li dawn id-dokumenti jinkludu r-referenza “15/12 EKA Roissy” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li minn dan Arkema France tiddeduċi li “din ir-referenza tista’ tirreferi għal laqgħa ma’ rappreżentanti ta’ EKA fl-ajruport ta’ Roissy-Charles de Gaulle f’Pariġi fil-15 ta’ Diċembru 1999” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għandu jiġi kkonstatat li, fl-imsemmija premessa, il-Kummissjoni rrilevat li EKA ma tiftakarx f’din il-laqgħa. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qieset li din l-informazzjoni li Arkema France ma kinitx ċerta minnha u li ma kinitx ġiet ikkorroborata, ma kellhiex valur miżjud sinjifikattiv. F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li l-Kummissjon ma kkunsidratx, fid-dawl tan-nuqqas ta’ provi suffiċjenti sabiex jikkorroboraw din l-informazzjoni, il-laqgħa li seħħet fl-ajruport ta’ Roissy-Charles de Gaulle fil-lista ta’ laqgħat u ta’ telefonati li jikkonċernaw l-akkordju (ara l-Anness 1 tad-deċiżjoni kkontestata) jikkonferma li din l-informazzjoni ma għandhiex valur miżjud sinjifikattiv.

355    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-premessa 273 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni speċifikat hemmhekk li Arkema France tirreferi għal laqgħa bejn EKA, Finnish Chemicals u Arkema France “fir-Rebbiegħa 2000” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tikkonstata wkoll fl-imsemmija premessa li la EKA u lanqas Finnish Chemicals ma kkonfermaw li seħħet din il-laqgħa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva hemmhekk li għandu jiġi kkunsidrat, abbażi ta’ informazzjoni pprovduta minn EKA bħala dik esposta fil-premessa 283 tad-deċiżjoni kkontestata, li fir-realtà din tirrigwarda l-laqgħa li seħħet fid-9 ta’ Frar 2000. Għaldaqstant, minbarra l-fatt li din l-informazzjoni pprovduta minn Arkema France hija impreċiża, il-Kummissjoni rrilevat mingħajr ma hija kkontestata mir-rikorrenti, li din ma kinitx ġiet ikkorroborata minn elementi oħrajn li jippermettu lill-Kummissjoni tipprovaha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni billi eskludiet li din l-informazzjoni kellha valur miżjud sinjifikattiv.

356    Il-ħames nett, fir-rigward tan-nota ta’ qiegħ il-paġna 337 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tippreċiża hemmhekk il-kontenut tal-premessa 284 tad-deċiżjoni kkontestata li fiha l-Kummissjoni rrilevat b’mod partikolari li, “anki jekk kien għad hemm xi telefonati u laqgħat bejn xi kompetituri f’Jannar u Frar 2000 […], il-livell ta’ kooperazzjoni [abitwali] li essenzjalment kienet tinkludi sforzi intiżi sabiex jitqassmu l-volumi ta’ bejgħ u sabiex jiġu ffissati l-prezzijiet, ma reġax ġie stabbilit [fl-2000] minħabba t-telf ta’ fiduċja ta’ xulxin u għal kull raġuni oħra konnessa msemmija mill-kompetituri fid-diversi dikjarazzjonijiet tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 337 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni tindika, fir-rigward tad-data tat-tmiem tal-akkordju, li “EKA u [Arkema France] jirreferu għall-programmi [ta’ rispett tad-dritt tal-kompetizzjoni] rispettivi li ġew introdotti fl-1999 u fl-2000” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li “Finnish Chemicals tindika li l-kuntatti mal-kompetituri tagħha spiċċaw la darba ġie konkluż il-kuntratt ma[l-klijent] MODO” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tindika, fil-premessa 575 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rappreżentant ta’ Arkema France, L., “sempliċement ikkonferma d-dikjarazzjoni ta’ EKA dwar l-effett tal-adozzjoni ta’ programmi [dwar ir-rispett tad-dritt tal-kompetizzjoni], ta’ tqegħid f’konformità, mingħajr ma pproduċa provi ġodda f’dan ir-rigward” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, fil-premessa 593 tad-deċiżjoni kkontestata u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna tagħha 540, il-Kummissjoni tirrileva li, “meta hija rċeviet it-tweġiba għat-talba għal informazzjonu u għat-talba għal [kooperazzjoni] ta’ Finnish Chemicals, il-fajl tagħha kien jinkludi diġà informazzjoni, ġejja minn żewġ sorsi indipendenti [EKA u Arkema France], li tindika li l-ksur ma kienx intemm qabel ir-Rebbiegħa 2000” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fl-aħħar nett, fil-premessa 594 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fin-nota ta’ qiegħ il-paġna tagħha 542, il-Kummissjoni tispeċifika li hija “kienet diġà ddeduċiet mi[l]l-kontribuzzjoni [ta’ EKA]” li din tal-aħħar kienet żammet id-distanzi tagħha fil-konfront tal-akkordju fir-Rebbiegħa 2000.

357    Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-premessi tad-deċiżjoni kkontestata esposti fil-punt 356 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-informazzjoni pprovduta minn Arkema France f’dan ir-rigward ma kellhiex valur miżjud sinjifikattiv fil-ġurnata meta hija pprovdietha lill-Kummissjoni. Fil-fatt, minbarra l-fatt li l-informazzjoni pprovduta minn Arkema France li tipprovdi li l-akkordju ntemm wara l-introduzzjoni ta’ programmi ta’ rispett tad-dritt tal-kompetizzjoni ma hijiex preċiża fir-rigward tad-data eżatt meqjusa mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi t-tmiem tal-ksur, jiġifieri d-9 ta’ Frar 2002 [Artikolu 1(e) tad-deċiżjoni kkontestata], huwa abbażi ta’ speċifikazzjonijiet magħmula minn EKA, kif jirriżulta mill-premessa 290 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi li l-ksur kien intemm bil-laqgħa tal-assoċċjazzjoni professjonali CEFIC li kienet seħħet fid-9 ta’ Frar 2000.

358    Fit-tielet lok, fir-rigward, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-premessa 94 u tan-nota ta’ qiegħ il-paġna tagħha 196, tal-premessa 98 u tan-nota ta’ qiegħ il-paġna tagħha 142, tal-premessa 243 u tan-nota ta’ qiegħ il-paġna tagħha 293, tal-premessa 251 u tan-nota ta’ qiegħ il-paġna tagħha 302, tal-premessi 260 u tal-premessa 594 u tan-nota ta’ qiegħ il-paġna tagħha 540, tal-premessa 594 u tan-nota ta’ qiegħ il-paġna tagħha 542), kif ukoll tan-noti ta’ qiegħ il-paġna tagħha Nri 118 u 259, għandu jiġi kkonstatat li dawn jirreferu jew għal informazzjoni li fir-rigward tagħha mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din diġà kienet fil-pussess tal-Kummissjoni fil-jum meta Akema France ppreżentat l-applikazzjoni tagħha skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, jew għal informazzoni mhux preċiża jew sostnuta biżżejjed sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-fatti tal-ksur jew, fl-aħħar nett, għal informazzjoni li l-Kummissjoni setgħet takkwista skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003.

359    L-ewwel nett, fir-rigward tal-premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata u tan-nota ta’ qiegħ il-paġna tagħha 136, il-Kummissjoni tiddikjara hemmhekk li “[s]kont Finnish Chemical, seħħet laqgħa fis-17 ta’ Mejju [1995] fil-lukanda SAS Royal ta’ Kopenħagen, li fiha pparteċipaw [EKA, Finnish Chemicals u Arkema France]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Kummissjoni hemmhekk tosserva li d-dikjarazzjonijiet ta’ spejjeż tal-ivvjaġġar tar-rappreżentant ta’ Arkema France, D., ikkonfermaw il-preżenza tiegħu f’din il-laqgħa. F’dan ir-rigward, minn naħa waħda, għandu jiġi rrilevat li mill-premessi 95 u 96 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza ta’ din il-laqgħa billi kkunsidrat il-provi prodotti minn Finnish Chemicals, fatt li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti. Fil-fatt, fil-premessa 96 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispeċifika li n-noti meħuda waqt il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1995 mir-rappreżentant ta’ Finnish Chemicals, S., “jipprovaw il-parteċipazzjoni ta’ [Arkema France] fl-akkordju” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ spejjeż tal-ivvjaġġar tar-rappreżentant ta’ Arkema France biss li jippermettu li tiġi kkonfermata l-preżenza tiegħu fil-laqgħa inkwistjoni tikkostitwixxi kooperazzjoni li ma tmurx lil hinn, skont il-ġurisprudenza stabbilita fil-punt 344 iktar ’il fuq, minn dak li jirriżulta mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qieset li Arkema France ma pprovdietx elementi ta’ valur miżjud sinjifikattiv f’dan ir-rigward.

360    It-tieni nett, fir-rigward tal-premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata u tan-nota ta’ qiegħ il-paġna tagħha142, il-Kummissjoni tiddikjara hemmhekk b’mod partikolari li “EKA tirrapporta wkoll li lejn l-1995 kien ġie deċiż ma’ Finnish Chemicals u [Arkema France] li ‘jagħmlu żieda sostanzjali fil-prezzijiet li irnexxiet’ għall-Portugall fid-dawl tal-iżvalutar tal-iskud” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u żżid li “l-provi prodotti minn EKA juru li fl-1995, l-impriża żiedet it-tariffi li kienet tapplika fil-konfront tal-klijienti Portugiżi tagħha b’31 % u b’ 44 % meta mqabbla mal-prezzijiet applikati fl-1993”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Barra minn hekk, il-Kummissjoni tindika li “[Arkema France] tirreferi wkoll għal żieda fil-prezzijiet li rnexxiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant, mit-test tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din iż-żieda fil-prezzijiet fl-1995 ġiet stabbilita abbażi ta’ informazzjoni orali u ta’ dokumenti pprovduti minn EKA, fatt li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti. Għaldaqstant, anki jekk l-informazzjoni orali pprovduta minn Arkema France tikkonferma dik ta’ EKA, għandu jiġi kkonstatat, kif sostniet il-Kummissjoni, li din l-informazzjoni ma tistax titqies, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 343 iktar ’il fuq, li għandha valur miżjud sinjifikattiv peress li Arkema France ma pprovdietx dettalji fuq din iż-żieda ta’ prezzjiet addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk ipprovduti minn EKA.

361    It-tielet nett, fir-rigward tal-premessa 243 tad-deċiżjoni kkontestata u tan-nota ta’ qiegħ il-paġna 293, il-Kummissjoni tirrileva hemmhekk li “fid-dikjarazzjonijiet tagħhom, EKA u [Arkema France] indikaw li kienet saret laqgħa bejn ir-rappreżentanti tagħhom fi Frar jew f’Marzu 1999” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li “[Arkema France] kkonfermat li [W.] kien irrappreżenta lil EKA waqt din il-laqgħa” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fl-imsemmija premessa, il-Kummissjoni tirriproduċi espressament l-informazzjoni orali pprovduta minn EKA. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni rrilevat ukoll, fil-premessa 245 tad-deċiżjoni kkontestata, li “anki jekk ma kienx possibbli li jiġi stabbilit b’ċertezza totali li l-laqgħa seħħet, il-Kummissjoni tqis li huwa probabbli li d-diskussjonijiet bejn il-kompetituri tkomplew hekk kif iddiskriviet EKA” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant, minbarra l-fatt li huwa fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta minn EKA biss li l-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tkun taf bl-imsemmija laqgħa u bil-kontenut tagħha, hija tqis, mingħajr ma hija kkontestata mir-rikorrenti, li din l-informazzjoni ma tippermettix li jiġu stabbiliti l-fatti tal-ksur b’ċertezza. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball billi eskludiet li l-informazzjoni pprovduta minn Arkema France f’dan ir-rigward kellha valur miżjud sinjifikattiv.

362    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-premessa 251 tad-deċiżjoni kkontestata u tan-nota ta’ qiegħ il-paġna tagħha 302 konnessa magħha, il-Kummissjoni tirrileva hemmhekk li “Finnish Chemicals informat lill-Kummissjoni b’laqgħa li seħħet f’Kopenħagen fid-9 ta’ Novembru 1999” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li fiha kienu preżenti r-rappreżentanti ta’ Arkema France u ta’ Finnish Chemicals. Hemmhekk huwa ukoll speċifikat li Arkema France “kkonfermat li din il-laqgħa seħħet tassew u [li hija] bagħtet lill-Kummissjoni d-dikjarazzjonijiet ta’ spejjeż tal-ivvjaġġar tar-[rappreżentant tagħha, L.], li juru li huwa mar Kopenħagen fid-9 ta’ Novembru 1999”.[traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa waħda, li l-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ spejjeż tal-ivvjaġġar tar-rappreżentant ta’ Arkema France biss li jippermettu li tiġi kkonfermata l-preżenza tiegħu fil-laqgħa inkwistjoni tikkostitwixxi koperazzjoni li ma tmurx lil hinn, skont il-ġurisprudenza stabbilita fil-punt 344 iktar ’il fuq, minn dak li jirriżulta mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tirriproduċi kelma b’kelma, fil-premessa 252 tad-deċiżjoni kkontesata, l-informazzjoni preċiża pprovduta minn Finnish Chemicals li tesponi l-kontenut tad-diskussjonijiet li saru waqt din il-laqgħa, filwaqt li l-premessa 254 tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi għal dikjarazzjonijiet impreċiżi min-naħa ta’ Arkema France li jikkonċernaw din il-laqgħa. Fl-aħħar nett, mill-imsemmija premessi jirriżulta li l-informazzjoni pprovduta minn Arkema France ma ppermettietx li jiġu kkorroborati elementi fil-fajl tal-Kummissjoni fil-jum meta din ġiet provduta iżda li hija l-informazzjoni pprovduta minn Finnish Chemicals li ppermettiet lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-imsemmija fatti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qieset li l-informazzjoni pprovduta minn Arkema France f’dan ir-rigward ma kellhiex valur miżjud sinjifikattiv.

363    Il-ħames nett, fir-rigward tal-premessa 260 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrileva hemmhekk li “Finnish Chemicals iddikjarat [permezz tar-rappreżentant tagħha, S.] li r-rappreżentanti ta’ [Arkema France] u ta’ Finnish Chemicals kienu ltaqgħu darb’oħra fil-21 ta’ Diċembru 1999 […] fi Stokkolma” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li “din il-laqgħa hija kkonfermata wkoll mid-dikjarazzjonijiet ta’ spejjeż tal-ivvjaġġar ta’ [L.] mibgħuta minn [Arkema France]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, minbarra l-fatt li, kif jirriżulta mill-imsemmija premessa, il-Kummissjoni pprovat din il-laqgħa biss fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta minn Finnish Chemicals, il-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ spejjeż tal-ivvjaġġar tar-rappreżentant ta’ Arkema France biss li jippermettu li tiġi kkonfermata l-preżenza tiegħu fil-laqgħa inkwistjoni tikkostitwixxi koperazzjoni li ma tmurx lil hinn, skont il-ġurisprudenza stabbilita fil-punt 344 iktar ’il fuq, minn dak li jirriżulta mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003.

364    Is-sitt nett, fir-rigward tan-nota ta’ qiegħ il-paġna 118 tad-deċiżjoni kkontesata, il-Kummissjoni tirrileva hemmhekk li “[Arkema France] kkonfermat l-eżistenza tal-mekkaniżmu tat-tqassim tas-suq u tas-sistema ta’ kumpens deskritti minn EKA [u stabbiliti permezz tad-dikjarazzjoni orali magħmula minn EKA]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minbarra l-fatt li minn din il-premessa jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet orali ta’ EKA sabiex tistabbilixxi l-fatti tal-ksur, fatt li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, il-korroborazzjoni orali u impreċiża ta’ din l-informazzjoni biss ma tistax titqies, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 343 iktar ’il fuq, bħala li hija ta’ valur miżjud sinjifikattiv.

365    Is-seba’ nett, fir-rigward tal-premessa 207 tad-deċiżjoni kkontesata u tan-nota ta’ qiegħ il-paġna 259 konnessa magħha, il-Kummissjoni tirrileva hemmhekk li “għandu jiġi nnotat li fil-kuntest ta’ diskussjonijiet bejn Finnish Chemicals u [Arkema France] dwar [il-klijent] MODO, [L., ir-rappreżentant ta’ Arkema France] ċempel lil [B.] (ir-rappreżentant ta’ Quadrimex, l-importatur ta’ Finnish Chemicals fi Franża) sabiex jiġu diskussi l-volumi mitlufa minn [Arkema France]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li “meta saru dawn it-telefonati, fit-2 u fil-5 ta’ Ottubru 1998, M. [L.] ilmenta dwar l-aggressività Skandinava u talab kumpens f’volum għal [Arkema France]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fan ir-rigward, mid-dokumenti ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 257 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-punt 4.3.1.20 intitolata “1998 – kunflitt dwar il-klijent MODO” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u fil-premessi 205 sa 216 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li sabiex tistabbilixxi n-natura preċiża tal-kuntatti magħmula bejn il-kompetituri fir-rigward tal-provvista tal-klijent MODO, id-dati ta’ dawn il-kuntatti u l-volumi mqassma, il-Kummissjoni bbażat ruħha kompletament fuq l-informazzjoni preċiża li Finnish Chemicals kienet ipprovditilha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni billi eskludiet li l-informazzjoni pprovduta minn Akrema France f’dan ir-rigward seta’ jkollha valur miżjud sinjifikattiv.

366    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-premessi 568, 569, 571 sa 573, 575 u 576 tad-deċiżjoni kkontestata li r-rikorrenti ssemmi, għandu jiġi rrilevat li mill-imsemmija premessi jirriżulta li l-Kummissjoni kellha din l-informazzjoni “li kienet ġejja minn żewġ sorsi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fil-mument meta Arkema France pprovditilha, (premessa 568 tad-deċiżjoni kkontestata), li hija “kkonfermat l-eżistenza tas-sistema ta’ tqassim f’termini ġenerali iżda ma pproduċiet ebda prova bil-miktub li tmur lura għall-perijodu li miegħu jirrelataw il-fatti, li saħħet il-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-fatti inkwistjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 569 tad-deċiżjoni kkontestata), li l-informazzjoni pprovduta minn Arkema Franca li tikkonċerna kuntatti mal-kompetituri kienet “elementari u ma pperemttewlhiex tistabbilixxi l-fatti inkwistjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 571 tad-deċiżjoni kkontestata), li l-informazzjoni li tirrigwarda ż-żieda ta’ prezzijiet mill-1993 sal-1995 ikkonfermat “f’termini ġenerali ħafna” [traduzzjoni mhux uffiċjali] l-informazzjoni diġà għad-dispożizzjoni tagħha (premessa 572 tad-deċiżjoni kkontestata), li l-informazzjoni dwar il-provvista tal-klijent MODO kienet “diġà ġiet attestata sew bid-dokumenti pprovduti minn EKA” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 573 tad-deċiżjoni kkontestata), li Arkema France “sempliċement ikkonfermat id-dikjarazzjoni ta’ EKA dwar l-effett tal-adozzjoni tal-programmi ta’ tqegħid f’konformità, mingħajr ma pproduċiet provi ġodda f’dan ir-rigward” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 575 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li “għalkemm [Arkema France] setgħet tikkonferma ċerti aspetti tal-funzjonament tal-akkordju b’mod ġenerali ħafna, madankollu, hija ma għamiltx dan b’mod li tista’ tissaħħaħ il-kapaċità tal-Kummissjoni li tipprova l-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 579 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li ebda waħda minn dawn il-premessi ma tistabbilixxi li l-informazzjoni pprovduta minn Arkema France kellha valur miżjud sinjifikattiv.

367    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma tatx lil Arkema France tnaqqis tal-multa skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni. Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-għaxar motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

–       L-argumenti tal-partijiet

368    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi ma tat lil Arkema France, bid-differenza ta’ Finnish Chemicals, ebda “kreditu” għall-informazzjoni li hija pprovditilha u li fir-rigward tagħha madankollu l-Kummissjoni rikonoxxiet, fil-premessi 568, 569, 571, 572, 573, 575 u 576 tad-deċiżjoni kkontestata, li din kienet tippermetti li jiġu kkonfermati l-fatti tal-ksur. Din id-differenza ta’ trattament kellha l-effett li “żżid” il-multi imposti fuq ir-rikorrenti, li kellha tibbenefika flimkien ma’ Arkema France minn tnaqqis mill-ammont tal-multa ta’ 30 sa 50 % fir-rigward tal-multi imposti fuq l-impriżi inkwistjoni u b’mod partikolari fuq Finnish Chemicals.

369    Il-Kummissjoni topponi dan l-argument.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

370    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament peress li hija tat lil Finnish Chemical, iżda mhux lil Arkema France, tnaqqis ta’ multa skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni.

371    Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 196 iktar ’il fuq, il-prinċpju ta’ trattament ugwali jeżiġi li sitwazzjonijiet paruganabbli ma jiġux ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

372    F’dan il-każ, peress li, minn naħa waħda, kif ġie konkluż fit-tmiem tal-eżami tal-ewwel parti tal-għaxar motiv (ara l-punt 367 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ma wettqtix żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qieset li l-provi prodotti minn Arkema France ma kellhomx valur miżjud sinjifikattiv u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tikkontestax, f’dan il-kuntest, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-informazzjoni pprovduta minn Finnish Chemicals kellha, fir-rigward tagħha, valur miżjud sinjifikattiv, għandu jiġi kkonstatat li Arkema France u Finnish Chemicals ma kinux jinsabu f’sitwazzjoni identika fir-rigward tal-għoti ta’ tnaqqis ta’ multa skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni.

373    Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi ma tat ebda tnaqqis ta’ multa lil Arkema France skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni.

374    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-għaxar motiv, u għalhekk l-għaxar motiv kollu kemm hu kif ukoll l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

2.     Fuq it-talbiet, imqajma sussidjarjament, intiżi għal bidla tal-ammont tal-multi

 L-argumenti tal-partijiet

375    Fil-kuntest tal-ħdax-il motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, li, fil-każ li l-Qorti Ġenerali ma tannullax id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tal-aħħar tikkonċernaha, il-multi imposti fuqha għandhom jiġu annullati jew imnaqqsa.

376    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li huwa inġust li hija tiġi imposta l-multa l-iktar għolja fost dawk imposti fuq l-impriżi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li r-responsabbiltà ta’ Arkema France fil-ksur hija kunsiderevolment inqas minn dik ta’ EKA u ta’ Finnish Chemicals. F’dan ir-rigward, hija tosserva li ż-żewġ atturi prinċipali tal-akkordju kienu EKA u Finnish Chemicals, kif jirriżulta mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata u li kien b’mod partikolari b’reazzjoni għall-ġlied bejn dawn iż-żewġ kompetituri sabiex jaqsmu bejniethom is-swieq nordiċi li l-partijiet l-oħra fl-akkordju bħal Arkema France twasslu jirreaġixxu u jipproteġu s-swieq tagħhom fiż-żoni tagħhom.

377    It-tieni nett, ir-rikorrenti tqis li, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali ġenerali tagħha, il-Qorti Ġeneral għandha tieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, ir-responsabbiltà żgħira ta’ Arkema France fil-ksur inkwistjoni meta mqabbla ma’ dik ta’ EKA u ta’ Finnish Chemicals u, min-naħa l-oħra, il-fatturi li hija semmiet fl-ewwel u t-tieni ilmenti tat-tmien motiv (ara l-punti 267 sa 273 iktar ’il fuq), fil-ewwel u t-tieni partijiet tad-disa’ motiv (ara l-punti 310 sa 312 u 320 sa 323 iktar ’il fuq) u fl-għaxar motiv (ara l-punti 331 sa 333 u 368 iktar ’il fuq).

378    Il-Kummissjoni topponi l-argument tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

379    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, fir-rigward tal-istħarriġ mill-qorti tal-Unjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni, iktar milli sempliċi stħarriġ ta’ legalità, li jippermetti biss li r-rikors għal annullament jiġi miċħud, jew li l-att ikkontestat jiġi annullat, il-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija, skont l-Artikolu 229 KE, lill-Qorti Ġenerali permezz tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, tawtorizza lil din il-qorti tibdel l-att ikkontestat, anki jekk ma jiġix annullat, billi tikkunsidra ċ-ċirkustanzi fattwali kollha, sabiex temenda, pereżempju, l-ammont tal-multa (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 86, u l-ġurisprudenza ċċitata).

380    L-ewwel nett, fir-rigward tat-talba għall-bidla tal-ammont tal-multa imposta in solidum fuq ir-rikorrenti u fuq Arkema France minħabba l-fatt li din ma tiħux inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-involviment żgħir ta’ Arkema France fl-akkordju meta mqabbla ma’ EKA u ma’ Finnish Chemicals, il-Qorti Ġenerali tqis li ma hemmx lok li tali talba tintlaqa’ peress li, kif ġie kkonstatat fil-punt 328 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tressaq ebda argument jew prova li tistabbilixxi li Arkema France kellha rwol żgħir fl-akkordju li jiġġustifika li jingħatalha tnaqqis fl-ammont tal-multa f’dan ir-rigward.

381    It-tieni nett, fir-rigward tat-talba għall-bidla tal-multi imposti in solidum fuq Arkema France u fuq ir-rikorrenti kif ukoll fuq ir-rikorrenti personalment, fid-dawl tal-argumenti mqajma fl-ewwel u t-tieni lmenti tat-tmien motiv, fl-ewwel u t-tieni partijiet tad-disa’ motiv, u fl-għaxar motiv, il-Qorti Ġenerali tqis, fid-dawl tal-motivi kollha esposti iktar ’il fuq u fin-nuqqas ta’ argumenti oħra mressqa mir-rikorrenti f’dan ir-rigward, li xejn ma jiġġustifika tali tnaqqis.

382    Għaldaqstant it-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud kif ukoll ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

383    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall ispejjeż, kif mitlub mill‑Kummissjoni

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Elf Aquitaine SA għandha tbati l-ispejjeż.

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Mejju 2011.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq it-talbiet, imqajma prinċipalment, intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tar-regoli li jirregolaw l-imputazzjoni tar-responsabbiltŕ għal ksur fi ħdan gruppi ta’ kumpanniji

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi fl-imputazzjoni tar-responsabbiltŕ għall-aġir li jikkostitwixxi ksur inkwistjoni lir-rikorrenti

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ awtonomija ġuridika u ekonomika tal-kumpanniji

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-ksur li jirrigwarda l-fatt li l-indizji li l-Kummissjoni qieset fid-deċiżjoni kkontestata ma jikkorroborawx il-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li r-rikorrenti ma kinitx ipprovdiet serje ta’ indizji li tikkonfuta l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq it-trasformazzjoni tal-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti fi preżunzjoni inkonfutabbli

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ sitt prinċipji fundamentali, li jirriżultaw mill-imputazzjoni tar-responsabbiltŕ għall-aġir li jikkostitwixxi ksur inkwistjoni lir-rikorrenti

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ responsabbiltŕ personali u ta’ individwalitŕ tal-pieni

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ legalitŕ tal-pieni

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq is-sitt parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq użu ħażin tas-serje ta’ indizji prodotti mir-rikorrenti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ kontradizzjonijiet ta’ motivi fid-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq kontradizzjoni ta’ motivi fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq kontradizzjoni ta’ motivi fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-għarfien mir-rikorrenti tal-ksur inkwistjoni

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq kontradizzjoni ta’ motivi fir-rigward tan-natura tal-kontroll li kumpannija parent teżerċita fuq is-sussidjarja tagħha sabiex jiġi imputat lilha l-ksur imwettaq minn din tal-aħħar

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċpju ta’ amministrazzjoni tajba

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq in-natura infondata tal-impożizzjoni ta’ multa personali fuq ir-rikorrenti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji u tar-regoli li rregolaw il-kalkolu tal-multa imposta in solidum fuq Arkema France u fuq ir-rikorrenti

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żbalji fil-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta in solidum fuq Arkema France u fuq ir-rikorrenti

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament marbut mal-multa imposta in solidum fuq Arkema France u fuq ir-rikorrenti.

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni

Fuq l-ewwel parti, ibbażat fuq ir-rifjut tal-għoti ta’ tnaqqis ta’ multa skont l-Avviż tal-2002 dwar il-kooperazzjoni

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq it-talbiet, imqajma sussidjarjament, intiżi għal bidla tal-ammont tal-multi

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.