Language of document :

Appell ippreżentat minn Luigi Marcuccio fid-9 ta' Ġunju 2010 mid-digriet mogħti fil-25 ta' Marzu 2010 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-102/08, Marcuccio vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-256/10 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellant: Luigi Marcuccio (Tricase, l-Italja) (rappreżentanti: G. Cipressa, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellant

F'kull każ, tannulla d-digriet ikkontestat fl-intier tiegħu.

Tiddikjara li r-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza u li kien is-suġġett tad-digriet ikkontestat kien perfettament ammissibbli.

Prinċipalment: tilqa', fl-intier tagħhom, it-talbiet imressqa mill-appellant fl-ewwel istanza.

Tikkundanna lill-appellata tirrimborsa lill-appellant l-ispejjeż ġudizzjarji u l-onorarji kollha, li huwa sostna u li għadu qed isostni inkonnessjoni kemm mal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll ma' dik tal-appell preżenti.

Sussidjarjament: tirrinvija l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jiddeċiedi mill-ġdid, b'kompożizzjoni ġdida, dwar il-mertu ta' din il-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell preżenti jirrigwarda d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) tal-25 ta' Marzu 2010. Permezz ta' dan id-digriet, it-TSP ċaħad bħala, parzjalment manifestament inammissibbli u, parzjalment manifestament nieqes minn kull bażi legali, rikors li għandu bħala suġġett il-fatt li tiġi kkonstatata l-ineżistenza jew minn tal-inqas l-illegalità tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni rrifjutat li tikkomunikalu kopja tar-ritratti miġbuda matul it-trasferiment mill-akkomodazzjoni, pprovduta lilu minn min kien jimpjegah, li kien jokkupa f'Luanda (l-Angola) u, li jiġu meqruda d-dokumenti kollha marbuta ma' dan it-trasferiment, kif ukoll li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tikkumpensah għad-dannu li jirriżulta mill-fatt li hija pproċediet bl-imsemmi trasferiment kontra l-volontà tiegħu.

Insostenn tat-talbiet tiegħu, l-appellant isostni kemm nuqqas totali ta' motivazzjoni kif ukoll ksur tar-regoli proċedurali dwar il-produzzjoni tal-prova, tal-prinċipju ta' ugwaljanza bejn il-partijiet fil-kawża, tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tat-TSP, tad-dmir ta' premura li l-Kummissjoni għandha fir-rigward tal-appellant u tal-obbligu ta' amminstrazzjoni tajba.

L-appellant isostni wkoll li t-TSP naqas milli jiddeċiedi fuq tlieta mit-talbiet tiegħu.

____________