Language of document : ECLI:EU:T:2012:593

Kawża T-278/11

ClientEarth et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Rifjut impliċitu ta’ aċċess — Terminu għall-preżentata ta’ rikors — Tardività — Inammissibbiltà manifesta”

Sommarju — Digriet tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat-13 ta’ Novembru 2012

1.      Rikors għal annullament — Termini — Natura ta’ ordni pubbliku — Eżami ex officio mill-qorti tal-Unjoni — Impenji meħuda minn istituzzjoni — Assenza ta’ effett

(is-sitt subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 102(2); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 8(1) sa (3))

2.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Kunċett — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Silenzju jew nuqqas ta’ azzjoni minn istituzzjoni — Assimilazzjoni ma’ deċiżjoni impliċita ta’ rifjut — Esklużjoni — Limiti — Assenza ta’ risposta għal applikazzjoni konfermattiva fit-terminu mogħti

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 8(3))

3.      Rikors għal annullament — Termini — Bidu tad-dekorrenza — Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda dwar talba għal aċċess għal dokumenti

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 8(1) sa (3))

4.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Responsabbiltà — Motivi eċċezzjonali — Qbiż manifest min-naħa ta’ istituzzjoni tat-terminu previst sabiex tirrispondi għal applikazzjoni konfermattiva — L-istituzzjoni kkonċernata obbligata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll tliet kwarti mill-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3))

1.      It-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa kwistjoni ta’ ordni pubbliku, peress li ġie stabbilit sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi u sabiex tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, u huwa l-obbligu tal-qorti tal-Unjoni li tivverifika, ex officio, jekk ġiex irrispettat. It-termini għall-preżentata ta’ rikors la huma għad-diskrezzjoni tal-qorti u lanqas tal-partijiet.

Il-fatt li istituzzjoni tkun ħadet impenji espliċiti bil-miktub, li permezz tagħhom hija tkun immanifestat l-intenzjoni tagħha li, f’terminu speċifiku, tadotta risposta definittiva għal applikazzjoni konfermattiva, fis-sens tal-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni ma jistax jirriżulta f’li d-data tat-tnissil tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda, fis-sens tal-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament tiġi pposponuta u, konsegwentement, id-data li minnha beda jiddekorri t-terminu mogħti lir-rikorrenti sabiex jippreżentaw ir-rikors għal annullament kif ukoll dik li fiha dan it-terminu skada.

(ara l-punti 30, 31, 43-46)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 32, 33)

3.      Fir-rigward ta’ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda, fis-sens tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, li tirriżulta min-nuqqas ta’ risposta tal-istituzzjoni fit-terminu stipulat għal applikazzjoni konfermattiva, fis-sens tal-Artikolu 8(1) u (2) tal-imsemmi regolament, it-terminu għall-preżentata tar-rikors għal annullament ippreżentat kontra tali deċiżjoni skont l-Artikolu 263 TFUE għandu jibda jiddekorri mid-data li fiha d-deċiżjoni tnisslet legalment.

L-użu mill-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament tal-kunċett ta’ terminu għall-preżentata tar-rikors, minflok dak ta’ terminu fiss, huwa spjegat mill-fatt li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(1) u (2) tal-imsemmi regolament, it-tul tal-perijodu tal-ipproċessar ta’ applikazzjoni konfermattiva jista’ jvarja bejn mhux inqas minn 15-il jum tax-xogħol u mhux iktar minn 30 jum tax-xogħol mir-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni. Konsegwentement, it-tul tat-terminu stipulat, fis-sens tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li mat-tmiem tiegħu tirriżulta d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda, għandu jiġi kkalkolat fid-dawl tal-iżvolġiment, f’kull każ ineżami, tal-proċedura tal-ipproċessar min-naħa tal-istituzzjoni kkonċernata, tal-applikazzjonijiet konfermattivi li jkollha quddiemha, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(1) u (2) ta’ l-istess regolament.

(ara l-punti 36-38)

4.      Għal dak li jirrigwarda sitwazzjoni fejn id-diversi impenji espliċiti meħuda mill-istituzzjoni konvenuta setgħu jnisslu aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-rikorrenti u jħalluhom jaħsbu, ċertament b’mod żbaljat iżda b’mod li jinftiehem peress li l-impenji meħuda kienu espliċiti, li d-data tal-iskadenza tat-terminu stipulat kienet ġiet ipposponuta u, fejn l-istituzzjoni konvenuta tkun ħadet id-deċiżjoni tagħha sena wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu u b’hekk tkun tat lok għad-dritt għall-eżerċizzju ta’ rikors għal annullament kontra r-risposta negattiva ta’ din l-istituzzjoni għal applikazzjoni tar-rikorrenti, li jaqbeż manifestament u b’mod serju dan it-terminu, huwa ġust li l-istituzzjoni konvenuta tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, tliet kwarti tal-ispejjeż subiti mir-rikorrenti.

(ara l-punti 49-51)