Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mid-Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis (il-Greċja) fit-3 ta’ Ottubru 2023 – FO vs Ypourgos Metanastefsis kai Asylou

(Kawża C-610/23, Al Nasiria1 )

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Qorti tar-rinviju

Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: FO

Konvenut: Ypourgos Metanastefsis kai Asylou (il-Ministru għall-Immigrazzjoni u għall-Ażil)

Domandi preliminari

Fid-dawl tal-importanza ta’ rimedju fis-sens tal-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali 1 , il-leġiżlatur jista’ jiddeduċi preżunzjoni ta’ preżentata mhux xierqa tal-appell u, konsegwentement, il-possibbiltà li dan l-appell jiġi miċħud mingħajr eżami sħiħ u ex nunc tal-każ, bħala manifestament infondat (li għandu wkoll bħala konsegwenza n-nuqqas ta’ għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju skont l-Artikolu 22(4) tal-Liġi Nru 3907/2011 u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/115 2 ) għar-raġuni li l-applikant [għal protezzjoni internazzjonali] ma deherx personalment quddiem il-kumitat li eżamina l-każ?

(a) Jekk titqies li l-kwistjoni kellha taqa’ taħt il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, għandhom jiġu kkunsidrati regoli proċedurali nazzjonali simili, fil-kuntest tal-eżami tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, ir-regoli li jirregolaw il-proċeduri quddiem il-kumitati amministrattivi responsabbli mill-appelli taħt id-dritt nazzjonali jew ir-regoli proċedurali li jirregolaw il-preżentata ta’ rikorsi fil-mertu (jew rikorsi ta’ annullament) quddiem il-qrati amministrattivi?

(b) Il-fatt li jkun hemm previst l-obbligu li parti tidher personalment (jew li jintbagħat iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 78 tal-Liġi Nru 4636/2019 f’każijiet fejn ikun meħtieġ) hija kompatibbli mal-prinċipju tal-effettività tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari mal-eżerċizzju effikaċi tad-dritt għal rimedju effettiv? F’dan il-kuntest, huwa rilevanti, minn naħa, li l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju mhux xieraq tad-dritt għall-preżentata ta’ appell imsemmi fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 97 tal-Liġi Nru 4636/2019 jikkorrispondi għat-tagħlim tal-esperjenza komuni u, min-naħa l-oħra, għall-fatt li, fil-kuntest tal-eżami (fl-ewwel istanza) tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, l-istess aġir iwassal għal preżunzjoni ta’ revoka taċita u mhux għal ċaħda tal-applikazzjoni bħala manifestament infondata.

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU 2013, L 180, p. 60.

1     ĠU 2008, L 348, p. 98.