Language of document : ECLI:EU:T:2014:361

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

21 ta’ Mejju 2014 (*

“Proċedura — Intaxxar tal-ispejjeż”

Fil-Kawża T‑145/08 DEP,

Atlas Transport GmbH, stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja), irrappreżentata minn U. Hildebrandt, K. Schmidt-Hern, B. Weichhaus u A. Feutlinske, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI),

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Atlas Air, Inc., stabbilita f’Wilmington, Delaware (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn R. Dissmann, avukat,

li għandha bħala suġġett talba għal intaxxar tal-ispejjeż wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Mejju 2011, Atlas Transport vs UASI – Atlas Air (ATLAS) (T‑145/08, Ġabra p. II‑2073),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Prek, President, I. Labucka u V. Kreuschitz (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet (1)

[omissis]

 Id-dritt

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali

10      Preliminarjament, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Qorti Ġenerali għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq it-talba tal-intervenjenti dwar l-ispejjeż li hija sostniet fil-proċeduri quddiem din il-qorti tal-aħħar, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kkundannat lir-rikorrenti għall-ispejjeż fid-digriet tagħha Atlas Transport vs UASI, punt 3 iktar ’il fuq.

11      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikoli 137 u 184 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll tal-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlqu l-istanza.

12      F’din il-kawża, permezz tad-digriet tagħha Atlas Transport vs UASI, punt 3 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell tar-rikorrenti u kkundannatha għall-ispejjeż. Din il-kundanna għandha tiġi interpretata li tinkludi biss l-ispejjeż tal-appell. Fil-fatt, iċ-ċaħda tal-appell timplika li l-Qorti tal-Ġustizzja ma annullatx id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-ispejjeż. Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-ammonti li jistgħu jinġabru fir-rigward tal-proċedura mressqa quddiemha fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza ATLAS, punt 3 iktar ’il fuq, u li għaliha ġiet ammessa l-intervenjenti (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Novembru 2005, Matratzen Concord vs UASI, C‑3/03 P-DEP, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti 2 u 12 sa 14, u tal-11 ta’ Jannar 2008, CEF u CEF Holdings vs Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie, C‑105/04 P‑DEP u C‑113/04 P‑DEP, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 22).

13      Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi t-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż tal-proċeduri mressqa quddiemha u li wasslu għas-sentenza ATLAS, punt 3 iktar ’il fuq.

 Fuq l-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u quddiem il-Bord tal-Appell

14      Wara li ddikjarat ir-rati għal kull siegħa tal-persuni li assistewha waqt id-diversi proċedimenti, l-intervenjenti telenka n-numru ta’ sigħat imwettqa minn dawn il-persuni kif ukoll il-ħlasijiet marbuta mal-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal‑Kanċellazzjoni u quddiem il-Bord tal-Appell. Skont l-intervenjenti, it-total ta’ dawn l-ispejjeż jammonta għal EUR 83 261.48. Ir-rikorrenti tikkontesta n-natura li jistgħu jinġabru dawn l-ispejjeż peress li ma humiex ippreċiżati suffiċjentement.

15      L-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li:

“Fil-każ ta’ kontestazzjoni dwar l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi permezz ta’ digriet li mhuwiex appellabbli, fuq talba tal-parti interessata, u wara li tisma’ l-osservazzjonijiet tal-parti bl-osservazzjonijiet tagħha.”

16      L-Artikolu 136(2) tar-Regoli tal-Proċedura jispeċifika li huma meqjusa bħala spejjeż li jistgħu jinġabru “[l]-ispejjeż indispensabbli indikati mill-partijiet għall-fini tal-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell kif ukoll l-ispejjez indikati sabiex isiru t-traduzzjonijiet tas-sottomissjonijiet jew dokumenti bil-miktub, kif previst mit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 131(4), fil-lingwa tal-kawża, għandhom jiġu kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru.”

17      Peress li t-talba tal-intervenjenti kienet tirrigwarda l-ispejjeż li hija sostniet quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, mill-Artikolu 136(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq l-ispejjeż marbuta mal-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI. Għaldaqstant, it-talba tal-intervenjenti għandha, f’dan ir-rigward, tiġi ddikjarata inammissibbli [ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Lulju 2012, Budějovický Budvar vs UASI – Anheuser-Busch (BUD), T‑60/04 DEP sa T‑64/04 DEP, punt 9, u l-ġurisprudenza ċċitata].

18      Peress li t-talba tal-intervenjenti kienet tirrigwarda l-ispejjeż li hija sostniet quddiem il-Bord tal-Appell, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 81(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146) [li sar Artikolu 85(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)], il-parti telliefa fi proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha tbati l-ispejjeż li jkunu saru mill-parti l-oħra kif ukoll l-ispejjeż kollha tagħha li huma essenzjali għall-proċedimenti, u dawn jinkludu l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u ta’ sussistenza u ta’ remunerazzjoni ta’ aġent, konsulent jew avukat, fil-limiti tal-iskali stabbiliti għal kull kategorija ta’ spejjeż taħt il-kundizzjonijiet mniżżla fir-Regolament ta’ Implimentazzzjoni.

19      Skont l-Artikolu 81(6) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 85(6) tar-Regolament Nru 207/2009):

“[I]l-Board ta’ l-Appell għandu jiffissa l-ammont tal-ispejjeż li għandhom ikunu mħallsa [...] meta l-ispejjeż li għandhom ikunu mħallsa huma limitati għall-miżati mħallsa lill-U[ASI] u ta’ l-ispejjeż rappreżentattivi. Fil-każi l-oħrajn kollha, ir‑reġistru tal-Board ta’ l-Appell [...] għand[u] jistabbilixx[i] l-ispejjez li għandhom ikunu [rimborsati] b’talba. It-talba hija amm[i]ssibbli biss fi żmien xahrejn mid-data li fiha d-deċiżjoni li dwarha l-applikazzjoni kienet saret u għall-ispejjeż li għandhom ikunu stabiliti, tkun saret finali. L-ammont hekk iddeterminat jista jkun revedut b’deċiżjoni [...] tal-Board ta’ l-Appell fuq talba li tkun imressqa matul il-perijodu preskritt.”

20      F’din il-kawża, il-Bord tal-Appell ċaħad l-appell tar-rikorrenti mingħajr ma ddeċieda fuq l-ispejjeż tal-proċedimenti quddiemu. Skont dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, hija l-intervenjenti li għandha tippreżenta appell quddiem ir-Reġistru tal-Bord tal-Appell intiż għall-iffissar tal-ammont tal-ispejjeż li għandu jiġi rrimborsat għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

21      Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u l-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jaffettwawx din l-evalwazzjoni, peress li la s-sentenza tal-Qorti Ġenerali u lanqas id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jqiegħdu inkwistjoni l-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. Dawn il-proċeduri ġudizzjarji dewmu biss id-data li fiha d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li kienet is-suġġett tat-talba għall-iffissar tal-ispejjeż saret definittiva.

22      Għaldaqstant, permezz ta’ analoġija mal-każ li fih, peress li l-Bord tal-Appell kien iddeċieda fuq l-ispejjeż u peress li d-deċiżjoni tiegħu baqgħet valida wara ċ-ċaħda tar-rikors tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali, din il-qorti ma tiddeċidix fuq l-ispejjeż imġarrba quddiem il-Bord tal-Appell [ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2013, Polsko-Amerykański dom inwestycyjny vs UASI ‑ Pfizer (VIAGUARA), T‑332/10 DEP, punti 61 u 62, u l-ġurisprudenza ċċitata], ma hemmx lok li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi, f’din il-kawża, fuq l-ispejjeż quddiem il-Bord tal-Appell. Fil-fatt, hija l-intervenjenti li għandha titlob lir-Reġistru tal-Bord tal-Appell, skont l-Artikolu 85(6) tar-Regolament Nru 207/2009, sabiex jiffissa l-ispejjeż li għandhom jiġu rrimborsati għall-proċedimenti quddiem dan tal-aħħar f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tad-digriet Atlas Air vs Atlas Transport, punt 8 iktar ’il fuq, li jirrendi d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell definittiva.

23      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tosserva li, fin-nota ta’ intervent tagħha fil-kuntest tal-proċeduri quddiemha li wasslu għas-sentenza ATLAS, punt 3 iktar ’il fuq, l-intervenjenti titlobha li tikkundanna lir-rikorrenti “għall-ispejjeż tal-proċeduri inklużi [dawk tagħha]”, skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Peress li l-imsemmija proċeduri kienu dawk quddiem il-Qorti Ġenerali, din il-qorti tista’ tikkundanna lir-rikorrenti biss għall-ispejjeż biss sostnuti quddiemha. Għal din l-istess raġuni, it-talba tal-intervenjenti li r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż marbuta mal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell għandha tiġi miċħuda.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

tordna:

L-ammont totali tal-ispejjeż li għandu jiġi rrimborsat minn Atlas Transport GmbH lil Atlas Air, Inc. huwa ffissat għal EUR 9 000.

Il-Lussemburgu,

Reġistratur

 

      Il-President

E. Coulon

 

      M. Prek


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


1 – Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-pubblikazzjoni tagħhom tqieset li hija utli mill-Qorti Ġenerali.