Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' April 2008 - Deutsche Rockwool Mineralwoll vs L-UASI - Redrock Construction (REDROCK)

(Kawża T-146/08)

Lingwa tar-rikors: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Deutsche Rockwool Mineralwoll GmbH & Co. OHG (Gladbeck, il-Ġermanja) (rappreżentanta: S. Beckmann, Rechtsanwältin)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord ta' l-Appell: Redrock Construction s.r.o. (Praga, ir-Repubblika Ċeka)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni R 506/2007-4 tal-konvenuta tat-18 ta' Frar 2008;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: Redrock Construction s.r.o.

Trade mark Komunitarja kkonċernata: it-trade mark figurattiva "REDROCK" għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 1, 2, 17, 19, 36 u 37 (applikazzjoni Nru 3 866 365).

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat in sostenn ta' l-oppożizzjoni: ir-rikorrenti.

Trade mark jew sinjal invokat in sostenn ta' l-oppożizzjoni: it-trade mark verbali Ġermaniża "Rock" għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 1, 6-8, 17, 19, 37 u 42 (Nru 302 29 274), fejn l-oppożizzjoni kienet diretta kontra r-reġistrazzjoni fil-klassijiet kollha ħlief għall-klassi 36.

Deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni: tilqa' l-oppożizzjoni u tiċħad parzjalment l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

Deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell: tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tiċħad l-oppożizzjoni.

Motivi invokati: Ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 1, minħabba l-eżistenza ta' riskju ta' konfużjoni jew, għall-inqas, ta' assoċjazzjoni bejn it-trade marks in kwistjoni.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, p. 1).