Language of document : ECLI:EU:T:2019:95

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

14 ta’ Frar 2019 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għal trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea li tirrappreżenta qalb – Raġuni assoluta għal rifjut – Assenza ta’ karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001”

Fil-Kawża T‑123/18,

Bayer Intellectual Property GmbH, stabbilita f’Monheim am Rhein (il-Ġermanja), irrappreżentata minn V. von Bomhard u J. Fuhrmann, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Graul, S. Hanne u D. Walicka, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO tas‑7 ta’ Diċembru 2017 (Każ R 145/2017‑1), dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal figurattiv li jirrappreżenta qalb bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, K. Kowalik-Bańczyk (Relatur) u C. Mac Eochaidh, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Frar 2018,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Mejju 2018,

wara li rat li ma kienx hemm talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis‑27 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrenti, Bayer Intellectual Property GmbH, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni huwa s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        Is-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-Klassijiet 42 u 44 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        Klassi 42: “Eżekuzzjoni ta’ studji xjentifiċi fil-qasam tal-mard kardjovaskulari;

–        Klassi 44: “Servizzi mediċi fil-qasam tal-mard kardjovaskulari” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

4        Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Novembru 2016, l-eżaminatur irrifjuta l-applikazzjoni għat-trade mark mitluba għas-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001).

5        Fl‑20 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur mal-EUIPO, taħt l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001).

6        Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Diċembru 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO rrifjuta r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti, abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, għar-raġuni li t-trade mark mitluba kienet ser tiġi pperċepita, mill-pubbliku rilevanti, bħala r-rappreżentazzjoni ta’ qalb u, konsegwentement, bħala riferiment għall-fatt li s-servizzi inkwistjoni jirrigwardaw il-qasam tal-kardjoloġija.

 It-talbiet tal-partijiet

7        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tirriforma d-deċiżjoni kkontestata billi tilqa’ r-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

8        L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

9        Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 u, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001

10      Insostenn tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, żewġ motivi. Permezz tal-ewwel ilment tagħha, ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni, fl-analiżi tiegħu, tal-livell ta’ attenzjoni għoli tal-pubbliku rilevanti. Permezz tat-tieni lment, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li qies li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv.

11      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Osservazzjonijiet preliminari

12      Skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, trade marks li ma għandhomx karattru distintiv ma jistgħux jiġu rreġistrati. L-Artikolu 7(2) ta’ dan l-istess regolament jistipula li l-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament huwa applikabbli minkejja li r-raġunijiet għal rifjut japplikaw biss f’parti tal-Unjoni Ewropea.

13      Skont ġurisprudenza stabbilita, trade mark ikollha karattru distintiv, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, meta din it-trade mark tippermetti li l-prodott jew is-servizz li għalih tkun saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġi identifikat bħala li joriġina minn impriża partikolari u għaldaqstant li tiddistingwi dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk ta’ impriżi oħra (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Smart Technologies vs UASI, C‑311/11 P, EU:C:2012:460, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

14      Il-karattru distintiv ta’ trade mark għandu jiġi evalwat, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom tkun saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, minn naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti, li huwa magħmul mill-konsumatur medju ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, għandu ta’ dan il-karattru distintiv (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Smart Technologies vs UASI, C‑311/11 P, EU:C:2012:460, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

15      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati wara xulxin iż-żewġ ilmenti mqajma mir-rikorrenti insostenn tal-ewwel motiv.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni tal-livell ta’ attenzjoni għoli tal-pubbliku rilevanti

16      Permezz tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti targumenta li, minkejja li l-Bord tal-Appell indika, ġustament, li l-livell ta’ attenzjoni mill-pubbliku rilevanti kien għoli, dan ma ħax inkunsiderazzjoni ta’ dan il-livell ta’ attenzjoni fl-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

17      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li trade mark għandha tippermetti lill-pubbliku rilevanti jiddistingwi l-prodotti li hija tindika minn dawk ta’ impriżi oħrajn, mingħajr dan il-pubbliku ma jkollu juri attenzjoni partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs UASI, C‑136/02 P, EU:C:2004:592, punt 32), b’mod illi l-grad ta’ distintività meħtieġ għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma jistax jiddependi fuq il-livell ta’ attenzjoni tal-imsemmi pubbliku (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Smart Technologies vs UASI, C‑311/11 P, EU:C:2012:460, punti 48 sa 50).

18      Dan in-nuqqas ta’ effett tal-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti fuq l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa barra minn hekk ikkorroborat mill-fatt li r-rikorrenti ma tispeċifikax fir-rikors tagħha l-konsegwenzi li l-Bord tal-Appell kien imissu ħa, f’dan il-każ, mil-livell ta’ attenzjoni għoli tal-pubbliku rilevanti.

19      Konsegwentement, hemm lok li l-ewwel ilment tal-ewwel motiv jiġi miċħud bħala ineffettiv.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq l-assenza ta’ karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni

20      Permezz tat-tieni ilment, ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell qies b’mod żbaljat li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv. B’mod iktar partikolari, hija targumenta li l-pubbliku rilevanti ser jipperċepixxi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, mhux bħala r-rappreżentazzjoni ta’ qalb, iżda bħala dik tal-ittra “v” tal-kelma “vericiguat”. Hija żżid li, anki jekk wieħed jassumi li t-trade mark ikkontestata tiġi pperċepita bħala r-rappreżentazzjoni ta’ qalb, fi kwalunkwe każ il-Bord tal-Appell injora l-karattru mhux tas-soltu tagħha, b’mod partikolari fid-dawl tal-użi tas-settur tas-servizzi inkwistjoni.

21      Fl-ewwel lok, għandu jiġu nnutat li r-rikorrenti ma tikkontestax d-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti mogħtija mill-Bord tal-Appell, li tipprovdi li l-pubbliku kkonċernat mill-perċezzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa b’mod partikolari l-pubbliku tal-Unjoni speċjalizzat fil-qasam tal-mard kardjovaskulari.

22      Fit-tieni lok, l-ewwel nett, hemm lok jiġi kkonstatat li s-servizzi inkwistjoni rrigwardaw il-mard kardjovaskulari.

23      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, it-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni probabbilment mhux ser tiġi pperċepita bħala r-rappreżentazzjoni tal-ittra “v” tal-kelma “vericiguat”. Fil-fatt, il-forma b’kurvatura lejn ġewwa tas-sinjal taż-żewġt itruf tal-element iswed tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, minn naħa, hija differenti mir-rappreżentazzjoni normali tal-ittra “v” u, min-naħa l-oħra, iġġibha eqreb dik ta’ qalb. F’dawn il-kundizzjonijiet, u fid-dawl tal-fatt li s-servizzi inkwistjoni jirrigwardaw il-qalb, għandu jitqies li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ser tiġi pperċepita, mill-pubbliku rilevanti, bħala r-rappreżentazzjoni ta’ qalb, u dan, anki fl-ipoteżi li jiġi stabbilit li dan il-pubbliku għandu għarfien tal-ingredjent attiv vericigaut.

24      Konsegwentement, għandu jitqies, bħall-Bord tal-Appell, li l-pubbliku rilevanti ser jipperċepixxi t-trade mark mitluba bħala indikazzjoni li s-servizzi inkwistjoni jirrigwardaw il-qalb, u dan għalkemm din it-trade mark ma tirrappreżentax qalb fiżjoloġika.

25      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell qies, ġustament, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma setgħetx tindika l-oriġini kummerċjali tas-servizzi inkwistjoni u, konsegwentement, li din it-trade mark ma kinitx distintiva fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001.

26      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti.

27      Qabelxejn il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat li ma bbażax ruħu fuq il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 20 tar-rikors, li tipprovdi li trade mark li, b’mod sinjifikattiv, tvarja mill-istandards jew mid-drawwiet tas-settur tista’ tkun distintiva, kif applikata fis-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Novartis vs EUIPO (Rappreżentazzjoni ta’ kurva griża u rappreżentazzjoni ta’ kurva ħadra) (T‑678/15 u T‑679/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:749, punti 23 u 24). Fil-fatt, din il-ġurisprudenza tirrigwarda l-ipoteżi li fiha t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tkun, jew trade mark tridimensjonali kkostitwita mill-apparenza tal-prodott li hija tindika, jew trade mark figurattiva kkostitwita mir-rappreżentazzjoni bidimensjonali tal-imsemmi prodott. Issa, f’dan il-każ, hemm lok jiġi kkonstatat li, sa fejn is-servizzi ma għandhomx, bħala tali, konsistenza tanġibbli, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tistax tiġi kkostitwita mill-apparenza tas-servizzi inkwistjoni jew rappreżentazzjoni bidimensjonali tagħhom.

28      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-karattru stilizzat tal-qalb irrappreżentat mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jistax, fi kwalunkwe każ, waħdu, jikkonferixxi fuq din it-trade mark karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001.

29      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti targumenta, essenzjalment, li l-karattru stilizzat tal-qalb irrappreżentat mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jirriżulta, l-ewwel nett, mill-ħxuna miżjuda tal-parti ta’ isfel tax-xellug tal-bordura ta’ din il-qalb, it-tieni nett, mill-fatt li din il-qalb hija inqas simettrika mit‑306 rappreżentazzjoni ta’ qalb li hija invokat quddiem il-Bord tal-Appell u, it-tielet nett, mill-fatt li l-parti ta’ fuq tax-xellug tal-imsemmija qalb ma tippuntax ’l isfel.

30      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-karatteristiċi ma jistgħux jgħaddu messaġġ li l-pubbliku rilevanti jista’ jiftakar, b’mod illi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni sempliċement tindika lill-pubbliku rilevanti li s-servizzi inkwistjoni jikkonċernaw il-qalb. Konsegwentement, bħalma jirriżulta mill-punti 24 u 25 iktar ’il fuq, għandu jitqies li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tistax tindika l-oriġini kummerċjali tas-servizzi inkwistjoni minkejja l-karattru stilizzat tal-qalb irrappreżentat minn din it-trade mark.

31      Barra minn hekk, għandu jiġi mwarrab ukoll l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li, b’differenza għar-rappreżentazzjoni ta’ qalb mhux stilizzata, il-qalb irrappreżentata fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija distintiva għar-raġuni li ma tistax tinvoka l-idea ta’ “fejqan”. Fil-fatt, tali affermazzjoni, li barra minn hekk ma hijiex sostnuta, ma tistax timmina l-fatt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni sempliċement ser tindika lill-pubbliku rilevanti li s-servizzi li hija tindika jirrigwardaw il-qalb.

32      Għaldaqstant, mill-konstatazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni lment tat-tieni motiv huwa infondat. Minn dan isegwi li dan l-ilment u, konsegwentement, l-ewwel motiv kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba

33      Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti targumenta, essenzjalment, li l-EUIPO kiser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba meta rrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni minkejja li qabel huwa kien aċċetta r-reġistrazzjoni ta’ trade mark identika li tindika preparazzjonijiet farmaċewtiċi li jaqgħu taħt il-Klassi 5.

34      F’dan ir-rigward, hemm lok jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita sew, l-EUIPO għandu jeżerċita l-kompetenzi tiegħu b’konformità mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Minkejja li, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba, l-EUIPO għandu jieħu inkunsiderazzjoni tad-deċiżjonijiet diġà meħuda fil-konfront ta’ applikazzjonijiet simili u jistħarreġ b’attenzjoni partikolari l-punt dwar jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedi fl-istess sens, l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għandha madankollu tiġi rrikonċiljata mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità. Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u, b’mod preċiż, ta’ amministrazzjoni tajba, l-eżami ta’ kwalunkwe applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu jkun strett u komplet bl-għan li jiġi evitat li trade marks jiġu rreġistrati jew annullati b’mod illeġittimu. Huwa għalhekk li għandu jsir tali eżami f’kull każ konkret. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tiddependi minn kriterji speċifiċi, applikabbli fil-kuntest taċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ ineżami, maħsuba sabiex jiġi vverifikat jekk is-sinjal inkwistjoni jaqax taħt xi raġuni għal rifjut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punti 73 sa 77, u digriet tas‑26 ta’ Mejju 2016, Hewlett Packard Development Company vs EUIPO, C‑77/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:373, punt 4).

35      Minn dawn il-prinċipji jirriżulta, minn naħa, li huwa l-kompitu tal-Bordijiet tal-Appell, meta dawn jiddeċiedu li jadottaw evalwazzjoni differenti minn dik adottata f’deċiżjonijiet preċedenti dwar applikazzjonijiet simili invokati quddiemhom, li jimmotivaw espliċitament din id-diverġenza fil-konfront tal-imsemmija deċiżjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, EUIPO vs Puma, C‑564/16 P, EU:C:2018:509, punt 66). Madankollu, tali obbligu ta’ motivazzjoni dwar diverġenza fil-konfront ta’ deċiżjonijiet preċedenti huwa inqas importanti fir-rigward ta’ eżami li jiddependi strettament mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, milli fir-rigward ta’ konstatazzjonijiet fattwali li ma jiddependux minn din l-istess trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, EUIPO vs Puma, C‑564/16 P, EU:C:2018:509, punti 77 u 81).

36      Min-naħa l-oħra, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq li d-deċiżjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, li jittieħdu mill-Bordijiet tal-Appell bis-saħħa tar-Regolament 2017/1001, jaqgħu taħt kompetenza limitata u mhux taħt setgħa diskrezzjonali, b’tali mod li l-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ dawn l-istess Bordijiet tal-Appell għandha tiġi evalwata biss abbażi ta’ dan ir-regolament, kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Bundesverband Souvenir – Geschenke – Ehrenpreise vs EUIPO, C‑488/16 P, EU:C:2018:673, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, il-Bordijiet tal-Appell ma jistgħux ikunu marbuta b’deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO.

37      F’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-eżami tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jiddependi strettament fuqha, u mhux fuq konstatazzjonijiet fattwali invokati mir-rikorrenti. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell seta’ sempliċement jindika li r-rikorrenti ma setgħetx validament tinvoka deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO sabiex tinvalida l-konklużjoni li tipprovdi li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet konfliġġenti għar-raġuni għal rifjut ibbażata fuq l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001. Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkontestat li l-Bord tal-Appell, fi kwalunkwe każ, espliċitament immotiva r-raġuni li għaliha huwa ċaħad is-soluzzjoni mogħtija fid-deċiżjoni preċedenti invokata mir-rikorrenti. Fil-fatt, huwa rrileva, essenzjalment, li l-prodotti inkwistjoni ma kinux jirrigwardaw speċifikament il-kardjoloġija, b’mod illi dawn il-prodotti ma kellhomx, b’differenza għas-servizzi inkwistjoni f’dawn il-proċedimenti, “relazzjoni diretta u li tingħaraf immedjatament mal-qalb umana”.

38      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tistax tikkontesta l-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni mingħajr ma tikkontesta l-fondatezza tar-rifjut tar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Issa, għandu jiġi nnutat li, bħalma jirriżulta mill-punti 21 sa 32 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell qies, ġustament, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet konfliġġenti għar-raġuni għal rifjut ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001.

39      Konsegwentement, minn dan kollu preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat u, konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

40      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-EUIPO.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Bayer Intellectual Property GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.

Gervasoni

Kowalik-Bańczyk

Mac Eochaidh

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Frar 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.