Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (L-Italja) fil-15 ta’ Diċembru 2020 – Unilever Italia Mkt. Operations Srl vs Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato

(Kawża C-680/20)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Unilever Italia Mkt. Operations Srl

Konvenut: Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato

Domandi preliminari

Barra mill-każijiet ta’ kontroll ta’ kumpanniji, liema huma l-kriterji rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-koordinazzjoni kuntrattwali bejn operaturi ekonomiċi formalment awtonomi u indipendenti jagħti lok għal unità ekonomika fis-sens tal-Artikoli 101 u 102 TFUE; b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ ċertu grad ta’ interferenza fl-għażliet kummerċjali ta’ impriża oħra, li tikkaratterizza normalment ir-relazzjonijiet ta’ kollaborazzjoni kummerċjali bejn produttur u intermedjarji ta’ distribuzzjoni, tista’ tiġi kkunsidrata bħala suffiċjenti sabiex wieħed jqis dawn l-entitajiet bħala li jappartjenu lill-istess unità ekonomika; jew għandu jkun hemm rabta “ġerarkika” bejn iż-żewġ impriżi, li tista’ tiġi kkonstatata fil-preżenza ta’ kuntratt li bis-saħħa tiegħu diversi impriżi awtonomi “jissottomettu ruħhom” għall-attività ta’ direzzjoni u ta’ koordinazzjoni ta’ waħda minnhom, b’mod li l-Awtorità ta’ kompetizzjoni għandha tipproduċi l-prova ta’ pluralità sistematika u kostanti ta’ atti ta’ gwida li jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ta’ ġestjoni tal-impriża, jiġifieri fuq l-għażliet strateġiċi u operazzjonali ta’ natura finanzjarja, industrijali u kummerċjali?

Għall-finijiet li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti implimentata permezz ta’ klawżoli ta’ esklużività, l-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi implimentat fi-sens li jeżisti għall-Awtorità ta’ kompetizzjoni obbligu li tivverifika jekk l-effett ta’ dawn il-klawżoli huwa li jeskludu mis-suq kompetituri daqstant effikaċji, u li tiġi eżaminata b’mod dettaljat l-analiżi ekonomiku prodott mill-parti fir-rigward tal-kapaċità konkreta tal-aġir inkwistjoni li jitkeċċew mis-suq kompetituri daqstant effikaċji? Jew, fil-każ ta’ klawżoli ta’ esklużività intiżi li jkeċċu jew ta’ aġir ikkaratterizzat minn diversi prattiki abużivi (skontijiet ta’ lealtà u klawżoli ta’ esklużività), l-obbligu legali għall-Awtorità ta’ kompetizzjoni li tapplika l-kriterju tal-kompetitur daqstant effikaċji biex tikkonstata ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni hija ineżistenti?”

____________