Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja) fid-19 ta’ Jannar 2021 – Eurocostruzioni Srl vs Regione Calabria

(Kawża C-31/21)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte suprema di cassazione

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Eurocostruzioni Srl

Konvenut: Regione Calabria

Domandi preliminari

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1685/2000 tat-28 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 1 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-eliġibbilità ta’ l-infiq ta’ operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fondi Strutturali, u b’mod partikolari tal-ewwel paragrafu tal-punt 2 tar-regola Nru 1, fir-rigward tal-“prova ta’ nfiq”, jimponi li l-prova tal-pagamenti mwettqa mill-benefiċċjarji finali għandha neċessarjament tiġi prodotta permezz ta’ fatturi mħallsa, anki fil-każ li fih il-finanzjament ikun ingħata lill-benefiċċjarju bil-għan li jibni bini b’materjali, strumenti u persunal tiegħu jew tista’ ssir deroga, differenti minn dik prevista espressament f’każ ta’ impossibbiltà, li tirrikjedi l-preżentazzjoni ta’ “dokumenti ta’ żamma ta’ kontijiet ta’ valur probattiv ekwivalenti”?

Liema hija l-interpretazzjoni korretta tal-frażi ċċitata iktar ’il fuq “dokumenti ta’ żamma ta’ kontijiet ta’ valur probattiv ekwivalenti”?

B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ċċitati iktar ’il fuq tar-Regolament jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali u reġjonali u atti amministrattivi konsegwenti li jattwaw fil-każ li fih il-finanzjament ikun ingħata lill-benefiċċjarju sabiex jibni bini b’materjali, strumenti u persunal tiegħu, jipprovdu għal sistema ta’ kontroll tal-ispiża suġġetta għall-finanzjament min-naħa tal-amministrazzjoni pubblika kkostitwita minn:

a)    kwantifikazzjoni preliminari tax-xogħolijiet abbażi ta’ lista ta’ prezzijiet reġjonali marbuta max-xogħolijiet pubbliċi u fir-rigward ta’ dawk l-elementi mhux previsti f’tali strument, abbażi tal-prezzijiet tas-suq attwali stabbiliti mill-persuna responsabbli mid-disinn tekniku,

b)    rendikont suċċessiv, bil-preżentata tal-kontijiet tax-xogħolijiet, komposti mill-pjan tax-xogħolijiet u mir-reġistru tal-kontabbiltà, regolarment iffirmati f’kull paġna mid-direttur tax-xogħolijiet u mill-impriża benefiċċjarja u l-verifika u l-validazzjoni ta’ dak li jkun ġie eżegwit, fuq il-bażi tal-prezzijiet unitarji msemmija fil-punt a) minn kummissjoni ta’ verifika maħtura mill-amministrazzjoni reġjonali kompetenti.

____________

1     Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31).