Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein oikeus (il-Finlandja) fit-23 ta’ April 2021 – A vs B

(Kawża C-262/21)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: A

Konvenut: B

Domandi preliminari

Il-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 1 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell IIa”), dwar it-tneħħija inġusta ta’ minuri, għandu jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni fejn wieħed mill-ġenituri, mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor, ineħħi lill-minuri mill-post ta’ residenza tiegħu u jieħdu fi Stat Membru ieħor, li jkun l-Istat Membru responsabbli taħt deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda minn awtorità b’applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida 2 , għandha tiġi kklassifikata bħala tneħħija inġusta?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, il-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Brussell IIa, dwar iż-żamma inġusta, għandu jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni fejn qorti tal-Istat ta’ residenza tal-minuri tkun annullat id-deċiżjoni meħuda minn awtorità sabiex tittrasferixxi l-eżami tal-każ, iżda fejn il-minuri li r-ritorn tiegħu jkun ġie ordnat ma jkunx għad għandu dokument ta’ residenza attwali validu fl-Istat ta’ residenza tiegħu, jew id-dritt li jidħol jew li jibqa’ fl-Istat inkwistjoni, għandha tiġi kklassifikata bħala żamma inġusta?

Jekk, fid-dawl tar-risposta għall-ewwel jew għat-tieni domanda, ir-Regolament Brussell IIa għandu jiġi interpretat fis-sens li hemm tneħħija inġusta jew żamma inġusta tal-minuri u li dan il-minuri għandu għalhekk jiġi rritornat lejn l-Istat ta’ residenza tiegħu, il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi r-ritorn tal-minuri għar-raġuni li:

hemm riskju gravi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li r-ritorn ta’ minuri mhux akkumpanjat li ommu kienet tieħu ħsiebu personalment ser jesponi lil dan il-minuri għal dannu fiżiku jew psikoloġiku jew inkella ser iqiegħed lill-minuri f’sitwazzjoni intollerabbli; jew

il-minuri, fl-Istat ta’ residenza tiegħu, ser jittieħed taħt kura u mqiegħed f’faċilità, waħdu jew ma’ ommu, sitwazzjoni din li tindika li hemm riskju gravi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li r-ritorn tal-minuri ser jesponih għal dannu fiżiku jew psikoloġiku jew inkella ser iqiegħed lill-minuri f’sitwazzjoni intollerabbli; jew

mingħajr dokument ta’ residenza attwali validu, il-minuri ser jitqiegħed f’sitwazzjoni intollerabbli fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?

Jekk, fid-dawl tar-risposta għat-tielet domanda, huwa possibbli li r-raġuni għal rifjut prevista fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 tiġi interpretata fis-sens li hemm riskju gravi li r-ritorn tal-minuri ser jesponih għal dannu fiżiku jew psikoloġiku jew inkella ser iqiegħed lill-minuri f’sitwazzjoni intollerabbli, l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Brussell IIa, flimkien mal-kunċett tal-aħjar interessi tal-minuri, imsemmi fl-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u f’dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn la l-minuri u lanqas l-omm ma jkollhom dokument ta’ residenza attwali validu fl-Istat ta’ residenza tal-minuri, u fejn għalhekk la għandhom id-dritt li jidħlu u lanqas id-dritt li jibqgħu f’dan l-Istat, l-Istat ta’ residenza tal-minuri għandu jagħmel arranġamenti adegwati sabiex jiżgura li l-minuri u ommu jkunu jistgħu jibqgħu legalment fl-Istat Membru inkwistjoni? Jekk l-Istat ta’ residenza tal-minuri għandu tali obbligu, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat li jirritorna l-minuri jista’, skont dan il-prinċipju, jippreżumi li l-Istat ta’ residenza tal-minuri ser jissodisfa dawn l-obbligi, jew l-interessi tal-minuri jeżiġu li jinkisbu, mingħand l-awtoritajiet tal-Istat ta’ residenza, dettalji dwar il-miżuri speċifiċi li ttieħdu jew li ser jittieħdu għall-protezzjoni tal-minuri, b’tali mod li l-Istat Membru li jirritorna l-minuri jkun jista’ jevalwa, b’mod partikolari, in-natura adegwata ta’ dawn il-miżuri fid-dawl tal-interessi tal-minuri?

Jekk l-Istat ta’ residenza tal-minuri ma jkollux l-obbligu, imsemmi iktar ’il fuq fir-raba’ domanda, li jieħu miżuri adegwati, huwa meħtieġ, fid-dawl tal-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 jiġi interpretat, fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti (i) sa (iii) tat-tielet domanda, fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi r-ritorn tal-minuri minħabba li r-ritorn tal-minuri jista’ jitqies li jmur kontra, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-prinċipji fundamentali marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63.

2     ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50.