Language of document : ECLI:EU:T:2012:434

Kawża T-265/08

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“FEŻR — Tnaqqis tal-għajnuna finanzjarja — Programm operattiv li jaqa’ taħt l-objettiv Nru 1 (1994-1999), dwar il-Land ta’ Thüringen (il-Ġermanja)”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tad-19 ta’ Settembru 2012

1.      Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali — Interventi strutturali — Finanzjamenti Komunitarji mogħtija għal azzjonijiet nazzjonali — Prinċipji — Deċiżjoni ta’ sospensjoni, tnaqqis jew tneħħija ta’ għajnuna inizjalment mogħtija minħabba irregolaritajiet — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ irregolaritajiet li ma għandhomx effett finanzjarju preċiż — Ammissibbiltà — Kunċett ta’ irregolarità — Żbalji mwettqa minn amministrazzjonijiet nazzjonali — Inklużjoni

(Artikoli 10 KE u 274 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 4253/88, Artikolu 24(1) u (2))

2.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Interpretazzjoni — Prinċipji — Interpretazzjoni awtonoma u uniformi

3.      Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali — Interventi strutturali — Finanzjamenti Komunitarji mogħtija għal azzjonijiet nazzjonali — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tnaqqas għajnuna minħabba irregolaritajiet — Għażla tal-metodu għall-iddeterminar tal-ammont tat-tnaqqis — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni — Metodu ta’ estrapolazzjoni intiż sabiex jiġu stabbiliti korrezzjonijiet finanzjarji — Ammissibbiltà

(Artikolu 274 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 4253/88, Artikolu 24(1) u (2))

4.      Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali — Interventi strutturali — Finanzjamenti Komunitarji mogħtija għal azzjonijiet nazzjonali — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tnaqqas għajnuna minħabba irregolaritajiet — Oneru tal-prova — Tqassim bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru

(Regolament tal-Kunsill Nru 4253/88, Artikolu 24(2))

5.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Atti intiżi li joħolqu effetti ġuridiċi — Att li jirrifletti l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tadotta ċertu linja ta’ kondotta fil-kuntest tat-tnaqqis jew tas-sospensjoni ta’ għajnuna finanzjarja minn Fond Strutturali — Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 4253/88, Artikolu 24)

6.      Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali — Interventi strutturali — Finanzjament Komunitarju — Verifika fid-dettall mill-awtoritajiet nazzjonali tal-osservanza tal-obbligi finanzjarji tal-benefiċjarji ta’ għajnuna — Obbligu tal-Kummissjoni li twettaq investigazzjoni ġdida — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 4253/88, Artikolu 24(1) u (2))

7.      Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali — Interventi strutturali — Finanzjament Komunitarju — Kontrolli mwettqa mill-Kummissjoni u mill-Qorti tal-Awdituri — Istituzzjonijiet li għandhom rwoli u funzjonijiet differenti — Neċessità għall-Kummissjoni li tadotta d-deċiżjoni tagħha fuq il-bażi tal-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali u mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri

(Artikoli 246 KE u 248(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 4253/88, Artikolu 24(1))

8.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Kundizzjonijiet

9.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Proporzjonalità — Kanċellament ta’ għajnuna finanzjarja fil-każ ta’ ksur ta’ obbligi essenzjali — Ammissibbiltà

1.      Skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88, dwar dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2052/88 f’dak li jirrigwarda l-koordinazzjoni bejn l-interventi ta’ fondi strutturali differenti, minn naħa, u bejn dawn u dawk tal-Bank Ewropew tal-Investiment u ta’ strumenti finanzjarji oħra eżistenti, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni hija awtorizzata li tnaqqas jew tissospendi l-għajnuna finanzjarja għal intervent, jekk l-eżistenza ta’ irregolarità tkun ikkonfermata permezz tal-eżami mwettaq taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. Madankollu, dan l-artikolu ma jippreċiżax l-awtur tal-irregolarità mwettqa fl-implementazzjoni tal-azzjoni jew tal-miżura ffinanzjata mill-Fondi. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet nazzjonali huma kkunsidrati responsabbli għall-użu korrett tal-fondi Komunitarji, u li huma responsabbli li jiżguraw li jittieħdu, skont il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali, il-miżuri neċessarji sabiex fost affarijiet oħra, jiġi żgurat li l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi jkunu reali u regolari. Il-Kummissjoni fil-fatt teżerċita funzjoni kumplimentari.

Barra minn hekk, l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 ma jagħmel ebda distinzjoni ta’ natura kwantitattiva jew kwalitattiva f’dak li jirrigwarda l-irregolaritajiet li jistgħu jagħtu lok għat-tnaqqis ta’ għajnuna. Anki irregolaritajiet li ma għandhomx impatt finanzjarju speċifiku setgħu jippreġudikaw b’mod serju l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif ukoll l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, u għaldaqstant, jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji mill-Kummissjoni. Għalhekk żball amministrattiv marbut man-nuqqas ta’ koinċidenza bejn l-ammonti previsti fil-pjan ta’ finanzjament u dawk tat-talba għall-pagament jista’ jikkostitwixxi irregolarità li tiġġustifika t-tnaqqis tal-għajnuna. Barra minn hekk, il-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom rwol ċentrali fl-implementazzjoni tal-Fondi Strutturali jiffavorixxi interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “irregolarità”. Fil-fatt, żball imwettaq minn dawn tal-aħħar għandu jitqies bħala “irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 24(2) ta’ dan ir-regolament, fir-rigward tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba, imsemmija fl-Artikolu 274 KE, u ta’ kooperazzjoni leali, imsemmija fl-Artikolu 10 KE, li ma tawtorizzax immunità tal-Istati Membri, u fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 24 huwa l-unika dispożizzjoni li tippermetti t-tnaqqis tal-ammont ta’ għajnuna fil-każ fejn l-intervent ma seħħx kif oriġinarjament ippjanat.

Konsegwentement, interpretazzjoni tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88, li teskludi mill-kunċett ta’ “irregolaritajiet” żbalji mwettqa mill-amministrazzjonijiet nazzjonali tista’ ddgħajjef l-effettività tar-regola stabbilita minn din id-dispożizzjoni. Għalhekk, minn dan jirriżulta li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni attribwibbli lill-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali jaqgħu taħt l-Artikolu 24(2). Minħabba li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom rwol ċentrali fl-implementazzjoni tal-fondi strutturali, ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar għandu jiġi kkunsidrat bħala “irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 24(2).

(ara l-punti 35, 37-40, 42, 43)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 58)

3.      Jirriżulta mill-ifformular tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88, dwar dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2052/88 f’dak li jirrigwarda l-koordinazzjoni bejn l-interventi ta’ fondi strutturali differenti, minn naħa, u bejn dawn u dawk tal-Bank Ewropew tal-Investiment u ta’ strumenti finanzjarji oħra eżistenti, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni tista’ tnaqqas l-għajnuna finanzjarja għall-azzjoni jew għall-miżura kkonċernata, meta tiddetermina, insegwitu għal eżami kontradittorju previst taħt l-Artikolu 24(1), irregolarità, u b’mod partikolari bidla ta’ importanza li taffettwa n-natura jew il-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-azzjoni jew tal-miżura. L-Artikolu 24(2) ta’ dan ir-regolament ma jagħmel ebda distinzjoni ta’ natura kwantitattiva jew kwalitattiva f’dak li jirrigwarda l-irregolaritajiet li jistgħu jagħtu lok għat-tnaqqis ta’ għajnuna. Din id-dispożizzjoni għalhekk tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tnaqqas kif ukoll diskrezzjoni wiesgħa, mingħajr ma jissemmgħu limiti dwar l-għażla tal-metodi li l-Kummissjoni tista’ tuża sabiex tiddetermina l-ammont tat-tnaqqis.

F’dan ir-rigward , fl-eżerċizzju tas-setgħa li timponi korrezzjonijiet finanzjarji, il-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-ammont li għandu jingħata lura għandu jkun konformi mal-għan imfittex taħt l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88. Dan l-għan jippermetti korrezzjoni finanzjarja, meta l-ispejjeż tal-finanzjament mitlub ma jkunux saru skont ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni. Fid-dawl ta’ dan il-għan, dan l-Artikolu 24(2) għandu jiġi interpretat b’mod li jippermetti lill-Kummissjoni li tnaqqas l-għajnuna b’mod adegwat. B’mod iktar preċiż, l-ammont tal-korrezzjoni tiddependi mit-telf finanzjarju sostnut mill-baġit tal-Unjoni, stabbilit mill-verifika. Dan it-telf għandu jiġi korrett fl-intier tiegħu peress li kull nuqqas ta’ eżekuzzjoni tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba, li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jirrispettaw bis-saħħa tal-Artikolu 274 KE. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tnaqqas l-għajnuna f’miżura li tirrifletti d-daqs tal-irregolarità li stabbiliet fil-kuntest tal-proċeduri kontradittorji skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 4253/88.

Id-deċiżjoni ta’ tnaqqis għandha tirrifletti din id-dimensjoni sistematika tal-irregolaritajiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma għandhiex informazzjoni dwar l-kontrolli kollha mwettqa mill-Istat Membru kkonċernat. F’każ bħal dan, l-użu tal-metodu tal-estrapolazzjoni jirrappreżenta l-iktar mezz xieraq biex jiġu żgurati l-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88. Billi l-irregolaritajiet sistematiċi ġew stabbiliti, it-tnaqqis tal-għajnuna għalhekk ma hijiex ibbażata fuq sempliċi preżunzjoni tal-Kummissjoni, iżda fuq fatt stabbilit. Il-Kummissjoni, madankollu, tibqa’ suġġetta għall-obbligu li tirrispetta r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Għalhekk, l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88 ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli tuża l-metodu ta’ estrapolazzjoni sabiex tistabbilixxi korrezzjoni finanzjarja.

(ara l-punti 85, 86, 89-91, 95-97)

4.      Billi din hija deċiżjoni ta’ tnaqqis ta’ għajnuna finanzjarja minħabba f’irregolaritajiet, il-Kummissjoni ma tistax sempliċement tassumi l-irregolaritajiet inkwistjoni, iżda għandha tistabbilixxi, kif meħtieġ mil-liġi, li dawn l-irregolaritajiet ma kinux limitati għal każijiet konkreti li eżaminat. Għalhekk, sabiex jintwera li l-irregolaritajiet ma humiex limitati għal każijiet speċifiċi li eżaminat, huwa biżżejjed li tippreżenta provi li jħallu wieħed jiddubita, b’mod serju u raġonevoli, ir-regolarità tal-kontrolli kollha mwettqa mill-Istat Membru kkonċernat. Hija ma hijiex meħtieġa li turi b’mod eżawrjenti n-nuqqasijiet tal-kontrolli kollha. Dan it-tħaffif tal-oneru tal-prova huwa spjegat mill-fatt li s-sistema tar-Regolament Nru 4253/88, dwar dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2052/88 f’dak li jirrigwarda l-koordinazzjoni bejn l-interventi ta’ fondi strutturali differenti, minn naħa, u bejn dawn u dawk tal-Bank Ewropew tal-Investiment u ta’ strumenti finanzjarji oħra eżistenti, min-naħa l-oħra, ma tipprovdix għal kontroll sistematiku mill-Kummissjoni, li billi din ma hijiex f’pożizzjoni li tikseb l-informazzjoni li teħtieġ mill-aġenti ekonomiċi, ikun għalhekk fiżikament impossibbli li dan jiġi żgurat. Meta l-Kummissjoni tkun ippreżentat provi biżżejjed sabiex ikun hemm dubju serju u raġonevoli fuq il-kontrolli kollha nazzjonali, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu juri l-ineżattezza tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni billi jippreżenta provi iktar iddettaljati dwar ir-realtà tal-kontrolli tagħha. Jekk l-Istat Membru ma jipprovdix tali provi, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-irregolaritajiet ma kinux limitati għall-każijiet konkreti li eżaminat.

(ara l-punti 92-94)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 107-110)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 123-125)

7.      Fir-rigward tar-rwol tagħha ta’ kontroll tal-użu tal-fondi Komunitarji, huwa meħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-garanziji proċedurali u l-konsegwenzi prattiki tal-kontrolli mwettqa mill-Qorti tal-Awdituri u mill-Kummissjoni huma ekwivalenti. Għal dak li jirrigwarda l-garanziji proċedurali, iż-żewġ tipi ta’ kontrolli — effettwati mill-Kummissjoni u mill-Qorti tal-Awdituri — huma komparabbli. Fiż-żewġ każijiet, id-drittijiet tad-difiża għandhom jiġu rrispettati, għandhom jiġu applikati standards ta’ verifika għolja, l-Istat Membru għandu jkun informat qabel ma jseħħ kontroll fuq il-post, il-persunal tal-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jipparteċipaw fil-kontroll u l-Istat Membru kkonċernat għandu jiġi mistieden jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar ir-riżultati tal-eżami. Bil-kontra, il-konsegwenzi prattiki prevedibbli taż-żewġ tipi ta’ kontrolli ma humiex komparabbli, peress li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri ma għandha l-ebda forza vinkolanti u billi l-korrezzjonijiet finanzjarji ma jistgħux jiġu imposti direttament fuq il-bażi tiegħu.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Awdituri u l-Kummissjoni għandhom rwol separat fil-proċeduri tal-baġit tal-Komunità. Skont l-Artikolu 246 KE, il-Qorti tal-Awdituri għandha tiżgura l-kontroll tal-kontijiet. Skont l-Artikolu 248(1) KE, hija teżamina d-dħul kollu u l-infiq tal-Komunità u tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dikjarazzjoni ta’ garanzija tal-affidabbiltà tal-kontijiet kif ukoll il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti. Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Awdituri għandha, b’mod partikolari, tivverifika l-ġestjoni tar-riżorsi mill-Kummissjoni tal-fondi Komunitarji. Il-Qorti tal-Awdituri tikkonstata s-sitwazzjoni u tifformula wkoll rakkomandazzjonijiet sabiex tottimizza l-ġestjoni finanzjarja. Il-Kummissjoni għandha funzjoni addizzjonali, li huwa l-irkupru tar-riżorsi fil-każ fejn l-irregolaritajiet ġew ikkonstatati fl-implementazzjoni tal-proġetti.

Konsegwentement, mill-perspettiva sistematika, ir-rwoli u l-funzjonijiet taż-żewġ istituzzjonijiet ma humiex identiċi, u l-Kummissjoni ma tistax awtomatikament tagħmel użu mill-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri. Bħala regola ġenerali, jirriżulta li l-kontroll mitlub mill-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 4253/88, dwar dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2052/88 f’dak li jirrigwarda l-koordinazzjoni bejn l-interventi ta’ fondi strutturali differenti, minn naħa, u bejn dawn u dawk tal-Bank Ewropew tal-Investiment u ta’ strumenti finanzjarji oħra eżistenti, min-naħa l-oħra, ma għandux bilfors isir minn uffiċjali jew membri tal-persunal tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni hija madankollu obbligata, minn naħa, li tiżgura li din twettaq korrezzjonijiet fuq il-bażi ta’ kontrolli mwettqa minn terzi li ma humiex awtomatiċi, iżda bbażati fuq l-analiżi bi sħubija mal-Istat Membru kkonċernat, tad-data u tar-riżultati ta’ kontrolli, u min-naħa l-oħra, li tadotta d-deċiżjoni tagħha fuq il-bażi ta’ dawn il-kontrolli u tal-konsultazzjonijiet konsegwenti.

(ara l-punti 126-131)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 142, 150)

9.      Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għan imfittex. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ dan il-prinċipju, il-ksur ta’ obbligi li l-osservanza tagħhom huwa ta’ importanza fundamentali għall-funzjonament tajjeb ta’ sistema Komunitarja jista’ jkun issanzjonat bit-telf ta’ dritt mogħti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, bħad-dritt għall-għajnuna finanzjarja. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta t-teħid ta’ responsabbiltà mill-fondi tal-ispejjeż kollha inkorsi, jekk tikkonstata li ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu ta’ kontroll biżżejjed. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità. Jekk, fil-kuntest tal-missjoni tagħha ta’ clearance tal-kontijiet, il-Kummissjoni, minflok tirrifjuta l-finanzjament tal-ispejjeż kollha, tfittex li tistabbilixxi regoli li jiddifferenzjaw skont il-grad ta’ riskju ta’ livelli differenti ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni ta’ kontroll, l-Istat Membru għandu juri li dawn il-kriterji huma arbitrarji u li ma humiex ekwi.

(ara l-punti 152, 153)