Language of document : ECLI:EU:C:2020:1028

Kawżi magħquda C597/18 P u C598/18 P, C603/18 P u C604/18 P

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

vs

Dr. K. Chrysostomides & Co. LLC et

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas16 ta’ Diċembru 2020

“Appell – Politika ekonomika u monetarja – Programm ta’ sostenn għall-istabbiltà tar-Repubblika ta’ Ċipru – Ristrutturazzjoni tad-dejn Ċiprijott – Deċiżjoni tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) dwar il-provvista ta’ likwidità b’urġenza wara talba tal-Bank Ċentrali tar-Repubblika ta’ Ċipru – Dikjarazzjonijiet tal-Grupp tal-Euro tal‑25 ta’ Marzu, tat‑12 ta’ April, tat‑13 ta’ Mejju u tat‑13 ta’ Settembru 2013 – Deċiżjoni 2013/236/UE – Memorandum ta’ qbil dwar il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ politika ekonomika konkluż bejn ir-Repubblika ta’ Ċipru u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) – Dritt għall-proprjetà – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Ugwaljanza fit-trattament – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”

1.        Rikors għad-danni – Suġġett – Talba għal kumpens għal dannu kkawżat mill-Grupp tal-Euro – Korp intergovernattiv ta’ natura informali – Assenza ta’ kompetenzi tiegħu stess – Assenza ta’ kwalità ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni – Inammissabbiltà

(Artikoli 3 u 13(1) TUE; Artikoli 119(2) u 137 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Protokoll Nru 14 anness mat-Trattati UE u FUE, Artikolu 1)

(ara l-punti 78 sa 80, 84 sa 98)

2.        Rikors għad-danni – Suġġett – Talba għal kumpens għal dannu imputabbli lill-Unjoni – Kompetenza tal-qorti tal-Unjoni – Talba għal kumpens minħabba danni kkawżati mill-awtoritajiet nazzjonali – Ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali

(Artikolu 13(1) TUE; Artikolu 268 u t-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 340 TFUE)

(ara l-punti 106, 107)

3.        Politika ekonomika u monetarja – Politika monetarja – Implimentazzjoni – Miżuri speċifiċi għall-kisba mill-ġdid ta’ stabbiltà finanzjarja u tkabbir sostenibbli f’Ċipru – Integrazzjoni tal-attivitajiet ta’ bank nazzjonali f’bank nazzjonali ieħor u konverżjoni f’azzjonijiet tad-depożiti mhux assigurati f’dan tal-aħħar – Modalitajiet partikolari għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istat Membru kkonċernat

(Artikolu 136(1) TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/236, Artikolu 2(6)(b))

(ara l-punti 110 sa 116, 134)

4.        Appell – Aggravji – Sempliċi repetizzjoni tal-motivi u tal-argumenti mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali – Assenza ta’ identifikazzjoni tal-iżball ta’ liġi invokat – Inammissibbiltà manifesta

(Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikoli 168(1)(d) u 169)

(ara l-punti 127, 158, 169, 179, 199, 201, 205, 206)

5.        Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-provi – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-provi – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

(ara l-punti 128, 130, 158, 167, 206)

6.        Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Koordinazzjoni tal-politika ekonomika – Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà – Attribuzzjoni ta’ kompetenzi fil-qasam tal-għoti ta’ assistenza finanzjarja – Imputabbiltà lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew ta’ atti mwettqa minnhom bis-saħħa ta’ funzjonijiet mogħtija mit-Trattat dwar il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà – Esklużjoni

(Trattat li Jistabbilixxi l-Mekkaniżmu ta’ Stabbiltà, Artikolu 13(4))

(ara l-punti 131, 132)

7.        Appell – Aggravji – Motivazzjoni insuffiċjenti jew kontradittorja – Ammissibbiltà – Portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni – Portata tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali

(Artikolu 256 TFUE, Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

(ara l-punti 142 sa 145)

8.        Politika ekonomika u monetarja – Politika monetarja – Implimentazzjoni – Miżuri speċifiċi għall-kisba mill-ġdid ta’ stabbiltà finanzjarja u tkabbir sostenibbli f’Ċipru – Konklużjoni ta’ memorandum ta’ qbil li jipprevedi r-ristrutturazzjoni ta’ żewġ banek nazzjonali – Restrizzjoni mhux iġġustifikata tad-dritt għall-proprjetà tad-depożitanti, tal-azzjonisti u tad-detenturi tal-bonds tal-banek ikkonċernati – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 17 u 52(1)).

(ara l-punti 154 sa 157)

9.        Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Koordinazzjoni tal-politika ekonomika – Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà – Konklużjoni ta’ memorandum ta’ qbil li jipprevedi r-ristrutturazzjoni ta’ żewġ banek nazzjonali – Kompatibbiltà mad-dritt għall-proprjetà – Obbligu ta’ konsultazzjoni minn qabel tad-depożitanti u tal-azzjonisti tal-banek ikkonċernati – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 17 u 52(1); Trattat li Jistabbilixxi l-Mekkaniżmu ta’ Stabbiltà, Artikolu 12)

(ara l-punt 159)

10.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Koordinazzjoni tal-politika ekonomika – Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà – Konklużjoni ta’ memorandum ta’ qbil li jipprevedi r-ristrutturazzjoni ta’ żewġ banek nazzjonali – Konklużjoni ta’ memorandum ta’ qbil li jipprevedi l-konverżjoni f’azzjonijiet tad-depożiti mhux assigurati ta’ bank nazzjonali u l-iffriżar temporanju ta’ depożiti oħra mhux assigurati ta’ dan il-bank – Kompatibbiltà mad-dritt għall-proprjetà tad-depożitanti – Evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ miżuri inqas restrittivi – Teħid inkunsiderazzjoni tal-urġenza tas-sitwazzjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 17(1) u 52(1); Trattat li Jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, Artikolu 12)

(ara l-punti 160 sa 164)

11.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Kundizzjonijiet – Assigurazzjonijiet preċiżi pprovduti mill-amministrazzjoni – Kunċett


(ara l-punti 178 sa 182)

12.      Politika ekonomika u monetarja – Politika monetarja – Implimentazzjoni – Miżuri speċifiċi għall-kisba mill-ġdid ta’ stabbiltà finanzjarja u tkabbir sostenibbli f’Ċipru – Konklużjoni ta’ memorandum ta’ qbil li jipprevedi r-ristrutturazzjoni ta’ żewġ banek nazzjonali – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Assenza

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/236; Memorandum ta’ qbil tas26 ta’ April 2013)

(ara l-punti 191 sa 197)

Sunt

Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali sa fejn dawn ċaħdu r-rikorsi għad-danni ppreżentati minn diversi individwi u kumpanniji minħabba atti u aġir tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni adottati fil-kuntest ta’ assistenza finanzjarja mogħtija lir-Repubblika ta’ Ċipru u suġġetta għall-kundizzjoni tar-ristrutturazzjoni tas-settur bankarju tagħha. Mill-banda l-oħra, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Grupp tal-Euro jikkostitwixxi entità tal-Unjoni stabbilita mit-Trattati li l-atti jew l-aġir tagħha jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

Matul l-ewwel xhur tas-sena 2012, diversi banek stabbiliti f’Ċipru, fosthom Cyprus Popular Bank (iktar ’il quddiem “Laïki”) u t-Trapeza Kyprou Dimosia Etaireia (Bank of Cyprus, iktar ’il quddiem “BoC”), iltaqgħu ma’ diffikultajiet finanzjarji. Għalhekk, fil‑25 ta’ Ġunju 2012, ir-Repubblika ta’ Ċipru ressqet talba għal assistenza finanzjarja quddiem il-President tal-Grupp tal-Euro, li indika li din l-assistenza kienet ser tingħata jew mill-Fond Ewropew ta’ Stabbiltà Finanzjarja, jew mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) fil-kuntest ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku li kellu jiġi kkonkretizzat f’memorandum ta’ qbil. In-negozjati ta’ dan il-memorandum tmexxew, minn naħa, mill-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u, min-naħa l-oħra, mill-awtoritajiet Ċiprijotti. Fis‑26 ta’ April 2013, ġie ffirmat memorandum ta’ qbil mill-Kummissjoni, f’isem il-MES, mill-Ministru tal-Finanzi tar-Repubblika ta’ Ċipru u mill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru, li ppermetta l-għoti mill-MES ta’ assistenza finanzjarja lil dan l-Istat Membru.

Diversi individwi u kumpanniji, detenturi ta’ depożiti ma’ Laïki u ma’ BoC, azzjonisti jew detenturi tal-bonds tagħhom, qiesu li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni, il-BĊE kif ukoll il-Grupp tal-Euro kienu, fil-kuntest ta’ dan il-memorandum ta’ qbil, eżiġew li l-awtoritajiet Ċiprijotti jadottaw, iżommu jew jimplimentaw b’mod kontinwu miżuri li pprovokaw tnaqqis sostanzjali fil-valur tad-depożiti tagħhom, tal-azzjonijiet tagħhom jew tal-bonds tagħhom. Għalhekk huma ppreżentaw rikorsi għad-danni mhux kuntrattwali quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġu kkumpensati għat-telf li huma jallegaw li ġarrbu minħabba dawn il-miżuri.

Permezz ta’ żewġ sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2018, K. Chrysostomides & Co. et vs Il‑Kunsill et kif ukoll Bourdouvali et vs Il‑Kunsill et (1), il-Qorti Ġenerali, qabelxejn, ċaħdet l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill dwar ir-rikorsi għad-danni ppreżentati mill-individwi u mill-kumpanniji kkonċernati kontra l-Grupp tal-Euro. Sussegwentement, fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, li hija marbuta mal-illegalità tal-aġir ikkritikat fil-konfront tal-istituzzjoni tal-Unjoni u li teżiġi li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, hija ddeċidiet li l-individwi u l-kumpanniji li ppreżentaw dawn ir-rikorsi ma rnexxilhomx juru l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt għall-proprjetà tagħhom, tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jew tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Peress li l-ewwel kundizzjoni għall-kontestazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma kinitx issodisfatta f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-imsemmija rikorsi.

Adita b’appelli ppreżentati mill-Kunsill (Kawżi C‑597/18 P u C‑598/18 P) u mill-individwi u mill-kumpanniji kkonċernati (Kawżi C‑603/18 P u C‑604/18 P), kif ukoll appelli inċidentali ppreżentati mill-Kunsill (fil-Kawżi C‑603/18 P u C‑604/18 P), il-Qorti tal-Ġustizzja, b’deċiżjoni tal-Awla Manja, tannulla s-sentenzi appellati tal-Qorti Ġenerali sa fejn jiċħdu l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill sa fejn dawn jirrigwardaw ir-rikorsi ta’ dawn l-individwi u l-kumpanniji kontra l-Grupp tal-Euro u l-Artikolu 2(6)(b) tad-Deċiżjoni 2013/236 (2). Mill-banda l-oħra, hija tiċħad l-appelli tal-imsemmija individwi u kumpanniji.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-appelli ppreżentati mill-Kunsill fil-Kawżi C‑597/18 P u C‑598/18 P, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, jippreżumi li aġir illegali jista’ jiġi attribwit lil “istituzzjoni tal-Unjoni”, li huwa kunċett li jinkludi mhux biss l-istituzzjonijiet tal-Unjoni elenkati fl-Artikolu 13(1) TUE, iżda wkoll il-korpi u l-organi kollha tal-Unjoni stabbiliti mit-Trattati, jew bis-saħħa tagħhom, u intiżi li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva, l-ewwel, li l-Grupp tal-Euro jikkostitwixxi organu intergovernattiv ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar ’il quddiem l-“IMME”). It-tieni, il-Grupp tal-Euro ma jistax jiġi assimilat ma’ formazzjoni tal-Kunsill u huwa kkaratterizzat min-natura informali tiegħu. It-tielet, huwa ma għandu l-ebda kompetenza tiegħu stess u ma għandux is-setgħa li jissanzjona n-nuqqas ta’ osservanza tal-ftehimiet politiċi konklużi fi ħdanu. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li l-Grupp tal-Euro kien entità “tal-Unjoni” stabbilita mit-Trattati, li l-aġir tagħha jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

Hija żżid li, sa fejn il-ftehimiet politiċi konklużi fi ħdan il-Grupp tal-Euro jikkonkretizzaw ruħhom u jiġu implimentati, b’mod partikolari, permezz ta’ atti u ta’ aġir tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari, tal-Kunsill u tal-BĊE, il-partijiet fil-kawża ma jiġux imċaħħda mid-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, peress li, kif barra minn hekk għamlu f’dan il-każ, huma jistgħu jippreżentaw rikors għad-danni mhux kuntrattwali tal-Unjoni kontra dawn l-istituzzjonijiet abbażi tal-atti jew tal-aġir li dawn tal-aħħar jadottaw b’riżultat ta’ tali ftehimiet politiċi. Hija tenfasizza, b’mod partikolari, li hija l-Kummissjoni, fil-kwalità tagħha ta’ gwardjana tat-Trattati, li għandha tiżgura l-konformità tal-imsemmija ftehimiet mad-dritt tal-Unjoni u li l-passività eventwali tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward tista’ twassal għal kontestazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-appelli inċidentali tal-Kunsill fil-Kawżi C‑603/18 P u C‑604/18 P, dawn kienu intiżi li jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li, minn naħa, il-Kunsill kien, permezz tal-Artikolu 2(6)(b) tad-Deċiżjoni 2013/236, eżiġa li l-awtoritajiet Ċiprijotti jżommu jew jimplimentaw b’mod kontinwu l-konverżjoni f’azzjonijiet tad-depożiti mhux assigurati ta’ BoC u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija awtoritajiet ma kellhom l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li l-Artikolu 2(6)(b) tad-Deċiżjoni 2013/236 ma jiffissax modalitajiet partikolari għall-implimentazzjoni tal-imsemmija konverżjoni, b’tali mod li l-awtoritajiet Ċiprijotti kellhom marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv f’dan ir-rigward, b’mod partikolari sabiex jiddeterminaw in-numru u l-valur tal-azzjonijiet attribwiti lid-depożitanti ta’ BoC bi skambju mad-depożiti tagħhom mhux assigurati minn dan il-bank. Konsegwentement, hija tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li r-Repubblika ta’ Ċipru ma kellha l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, sabiex tiddefinixxi l-modalitajiet partikolari ta’ din il-konverżjoni.

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-appelli ppreżentati mill-individwi u mill-kumpanniji kkonċernati fil-Kawżi C‑603/18 u C‑604/18 P, dawn qiesu li ksur suffiċjentement serju tad-dritt għall-proprjetà tagħhom, tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kien imputabbli għall-atti u għall-aġir tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’tali mod li l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni kienet issodisfatta.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar, qabelxejn, li d-dritt għall-proprjetà (3) ma huwiex prerogattiva assoluta u li jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet (4). Hija tqis, b’mod partikolari, li, kif diġà ddeċidiet fis-sentenza tagħha Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE (5), il-miżuri msemmija fil-memorandum ta’ qbil tas‑26 ta’ April 2013 ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu intervent sproporzjonat u intollerabbli li jikser id-dritt għall-proprjetà tal-individwi u tal-kumpanniji kkonċernati.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-fatt li, matul il-fażijiet preċedenti tal-kriżi finanzjarja internazzjonali, l-għoti ta’ assistenza finanzjarja lil IMME oħra ma kienx suġġett għall-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi ma jistax jitqies li huwa assigurazzjoni li tista’ tagħti lok għall-aspettattivi leġittimi tal-azzjonisti, tad-detenturi tal-bonds u tad-depożitanti ta’ Laïki u ta’ BoC li dan ikun ukoll il-każ fil-kuntest tal-għoti ta’ assistenza finanzjarja lir-Repubblika ta’ Ċipru.

Fl-aħħar nett, wara li fakkret li l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament jimponi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-eżistenza ta’ ksur ta’ dan il-prinċipju. Fil-fatt, hija tikkonstata li l-kumpanniji u l-individwi kkonċernati ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru, li huwa esklużivament iggwidat minn għanijiet ta’ interess pubbliku, għal dik tad-depożitanti fil-fergħat Griegi ta’ Laïki u f’BoC, għal dik tad-depożitanti ta’ dawn iż-żewġ banek li d-depożiti tagħhom ma kinux jeċċedu EUR 100 000, għal dik tad-depożitanti u tal-azzjonisti tal-banek tal-IMME l-oħra li bbenefikaw minn assistenza finanzjarja qabel ir-Repubblika ta’ Ċipru jew lanqas għal dik tal-membri tas-settur bankarju kooperattiv Ċiprijott.

Bħala konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad fl-intier tagħhom l-appelli ppreżentati mill-kumpanniji u mill-individwi kkonċernati (Kawżi C‑603/18 P u C‑604/18 P), tannulla s-sentenzi appellati tal-Qorti Ġenerali fis-sens li tiċħad l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill sa fejn dawn jirrigwardaw ir-rikorsi ppreżentati kontra l-Grupp tal-Euro u kontra l-Artikolu 2(6)(b) tad-Deċiżjoni 2013/236, u, filwaqt li tagħti deċiżjoni definittiva dwar dawn l-eċċezzjonijiet (6), hija tilqagħhom.


1      Sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Lulju 2018, K. Chrysostomides & Co. et vs Il‑Kunsill et (T‑680/13, EU:T:2018:486) u Bourdouvali et vs Il‑Kunsill et (T‑786/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:487) (iktar ’il quddiem is-“sentenzi appellati”).


2      Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/236/UE tal‑25 ta’ April 2013 indirizzata lil Ċipru dwar miżuri speċifiċi għall-kisba mill-ġdid ta’ stabbiltà finanzjarja u tkabbir sostenibbli (ĠU 2013, L 141, p. 32, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2013/236”). Din id-deċiżjoni tipprevedi sensiela ta’ miżuri u ta’ riżultati bl-għan li jiġi kkorreġut id-defiċit baġitarju tar-Repubblika ta’ Ċipru u li tiġi stabbilita mill-ġdid is-solidità tas-sistema finanzjarja ta’ dan l-Istat Membru. L-appelli inċidentali ppreżentati mill-Kunsill kienu speċifikament jikkonċernaw l-Artikolu 2(6)(b) ta’ din id-deċiżjoni, li jistabbilixxi li l-programm ta’ aġġustament makroekonomiku għar-Repubblika ta’ Ċipru kien jipprevedi li “ssir valutazzjoni indipendenti tal-assi [ta’ BoC] u [ta’ Laïki] u li jiġu integrati malajr l-operazzjonijiet [ta’ Laïki] ma’ dawk [ta’ BoC]. Din il-valutazzjoni trid isseħħ malajr sabiex il-konverżjoni tad-depożiti f’azzjonijiet tkun tista’ titlesta [f’BoC]”.


3      Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


4      Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


5      Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE (C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701).


6      Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.