Language of document : ECLI:EU:T:2008:379

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Settembru 2008 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark figurattiva Komunitarja Neurim PHARMACEUTICALS – Trade marks verbali Komunitarji u nazzjonali preċedenti EURIM-PHARM – Lingwa tal-proċedimenti ta’ appell – Termini – Ammissibbiltà tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Kontinwazzjoni tal-proċedimenti – Restitutio in integrum – Artikoli 59, 78 u 78a tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Regola 48(1)(ċ) u (2) – Regola 49(1) u Regola 96(1) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95”

Fil-kawża T‑218/06,

Neurim Pharmaceuticals (1991) Ltd, stabbilita f’Tel-Aviv (Iżrael), irrappreżentata minn M. Kinkeldey, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija

Eurim-Pharm Arzneimittel GmbH, stabbilita f’Piding (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Raab, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tat-2 ta’ Ġunju 2006 (Każ R 74/2006-1), dwar proċedimenti ta’ oppożiżżjoni bejn Eurim-Pharm Arzneimittel GmbH u Neurim Pharmaceuticals (1991) Ltd,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn V. Tiili, President, F. Dehousse u I. Wiszniewska-Białecka (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Awwissu 2006,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-20 ta’ Diċembru 2006,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-18 ta’ Diċembru 2006

wara s-seduta tat-12 ta’ Frar 2008

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 59 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat, jipprovdi:

“Għandha tiġi preżentata notifika ta’ l-appell bil-miktub lill-Uffiċċju fi żmien xagħrejn wara id-data tan-notifika tad-deċiżjoni appellata. In-notifika għandha titqies li ġiet preżentata biss meta l-miżata ta’ l-appell ikun ġie mħallas. Fi żmien erba’ xhur wara d-data tan-notifika tad-deċiżjoni, għandha tiġi preżentata dikjarazzjoni bil-miktub fejn jissemmew il-raġunijiet ta’ l-appell”.

2        L-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi kif ġej:

“Restitutio in integrum

1. L-applikant jew il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja jew kull parti oħra fi proċedimenti quddiem l-Uffiċċju, li ma jkunux f’pożizzjoni li josservaw terminu ta’ żmien fil-konfront ta’ l-Uffiċċju minkejja li jkunu għamlu dak kollu meħtieġ miċ-ċirkustanzi, għandhom, wara li ssir applikazzjoni, jingħataw lura d-drittijiet tagħhom jekk in-nuqqas ta’ osservanza in kwistjoni jkollha l-konsegwenza diretta, minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, li tikkawża t-telfien ta’ kull dritt jew mezz ta’ rimedju.

2. L-applikazzjoni għandha tiġi preżentata bil-miktub fi żmien xagħrejn mit-tneħħija tal-kawża ta’ non-konformità mat-terminu. L-att li ma jkunx sar għandu jsir fi żmien dan il-perjodu. […]

3. L-applikazzjoni għandha tistqarr ir-raġunijiet li fuqhom hija ibbażata u għandha tippreżenta l-fatti li fuqhom hija msejjsa. M’għandhiex titqies li ġiet preżentata qabel ma jsir il-ħlas dovut għall-istabbiliment mill-ġdid tad-drittijiet.

[…]”

3        L-Artikolu 78a tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi:

“Kontinwazzjoni tal-proċedimenti

1. Applikant għal, jew il-propjetarju ta’, trade-mark tal-Komunità jew xi parti oħra għall-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju li tkun naqset milli tosserva l-limitu taż-żmien vis-à-vis l-Uffiċċju tista’, b’talba, takkwista l-kontinwazzjoni tal-proċedimenti fil-waqt li tkun saret it-talba, li l-att imħolli barra jkun twettaq. It-talba għal-kontinwazzjoni tal-proċedimenti għandha tkun ammessibbli biss jekk din tkun ippreżentata fi żmien xahrejn wara l-iskadenza tal-limitu taż-żmien li ma jkunx ġie osservat. It-talba m’għandhiex tkun meqjusa bħala li kienet imwettqa sakemm il-miżata għall-kontinwazzjoni tal-proċedimenti tkun ġiet imħallsa.

[…]”

4        Ir-Regola 48 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU L 303, p. 1), kif emendat, tipprovdi:

“1. L-avviż tal-appell għandu jkun fih:

[…]

ċ) prospett li jidentifika d-deċiżjoni li hija kkontestata u safejn tkun qegħda tintalab li ssir l-emenda jew il-kanċellament.

2. L-avviż tal-appell għandu jkun ippreżentat fil-lingwa tal-proċedimenti li fihom ittieħdet id-deċiżjoni li hija soġġetta għall-appell”.

5        Ir-Regola 49(1) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi:

“Jekk l-appell ma jħarisx Artikoli 57, 58 u 59 tar-Regolament [Nru 40/94], u tar-Regola 48 (1)(ċ) u (2), il-Bord tal-appell għandu jirrifjutaħ bħala inammissibbli, għajr jekk kull nuqqas ikun rimedjat qabel ma jiskadi l-limitu ta’ żmien rilevanti stabbilit f’Artikolu 59 tar-Regolament [Nru 40/94]”.

6        Ir-Regola 70 tar-Regolament Nru 2868/95 dwar il-kalkolu tat-termini tipprovdi:

“[...]

2. Il-kalkolu għandu jibda mill-jum ta’ wara l-ġurnata li fiha seħħet l-okkorrenza rilevanti, bl-okkorrenza tkun pass proċedurali jew l-iskadenza ta’ perjodu ta’ żmien ieħor. Fejn il-pass proċedurali huwa Notifika, l-okkorrenza kunsidrata għandha tkun ir-riċeviment tad-dokument notifikat, sakemm ma jkunx provdut b’mod ieħor.

[…]

4. Meta perjodu ta’ żmien huwa espress bħala xahar wieħed jew ċertu numru ta’ xhur, dan għandu jiskadi fix-xahar sussegwenti rilevanti fil-jum bl-istess numru bħall-jum li fih tkun seħħet l-okkorrenza msemmija […]”

7        Ir-Regola 96(1) tar-Regolament Nru 2868/95, inkluża fit-taqsima li fiha dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-lingwi, tipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għal Artikolu 115(4) u (7) tar-Regolament [Nru 40/94], u sakemm ma jingħadx mod ieħor f’dawn ir-Regoli, fi proċeduri bil-miktub quddiem l-Uffiċċju kull parti tista’ tuża kwalunkwe lingwa tal-Uffiċċju. Jekk il-lingwa magħżula ma tkunx il-lingwa tal-proċedimenti, il-parti għandha tagħti traduzzjoni f’dik il-lingwa fi żmien xahar mid-data tal-għoti tad-dokument oriġinali […]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

8        Fl-1 ta’ Awwissu 2002, ir-rikorrenti, Neurim Pharmaceuticals (1991) Ltd, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament Nru 40/94.

9        It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

10      Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu fil-klassijiet 5 u 10 skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti:

–        Klassi 5: “Prodotti farmaċewtiċi, preparazzjonijiet farmaċewtiċi, pilloli għal użu farmaċewtiku, preparazzjonijiet kimiċi għal użu farmaċewtiku, preparazzjonijiet kimiċi għal użu mediku, droga għal użu mediku”;

–        Klassi 10: “Dispożittivi mediċi”.

11      Ir-rikorrenti ppreżentat l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja bl-Ingliż u indikat il-Ġermaniż bħala lingwa sekondarja.

12      L-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 28/03, tal-31 ta’ Marzu 2003.

13      Fis-27 ta’ Ġunju 2003, l-intervenjenti, Eurim-Pharm Arzneimittel GmbH, ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

14      L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark verbali EURIM-PHARM, li hija s-suġġett tar-reġistrazzjoni Komunitarja Nru 667 899, għall-“prodotti mediċinali” li jaqgħu fil-klassi 5 u tar-reġistrazzjoni Ġermaniża Nru 1 068 926 għall-“prodotti mediċinali veterinarji u għall-użu tal-bniedem” li jaqgħu wkoll fil-klassi 5, kif ukoll fuq l-isem kummerċjali Ġermaniż Eurim-Pharm użat fil-Ġermanja sabiex tiġi identifikata l-fabbrikazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti mediċinali, b’mod partikolari l-bejgħ bl-ingrossa ta’ prodotti mediċinali.

15      L-att tal-oppożizzjoni ġie ppreżentat bil-Ġermaniż. Din il-lingwa saret il-lingwa tal-proċedimenti skont l-Artikolu 115(6) tar-Regolament Nru 40/94.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Novembru 2005, innotifikata lill-partijiet permezz ta’ faks fl-istess ġurnata, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni u ċaħdet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

17      Fis-6 ta’ Jannar 2006, ir-rikorrenti appellat kontra din id-deċiżjoni. Għal dan il-għan hija użat il-formularju ta’ att ta’ appell bl-Ingliż ipprovdut mill-UASI fejn, fil-punt 31 intitolat “Portata tal-appell” hija kitbet, bl-Ingliż, is-sentenza segwenti:

“Id-deċiżjoni għandha tiġi annullata fit-totalità tagħha u l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għandha tiġi aċċettata.”

18      Fit-18 ta’ Jannar 2006, ir-Reġistratur tal-UASI bagħat lir-rikorrenti, permezz ta’ faks, żewġ dokumenti: ittra ta’ żewġ paġni li kienet tikkonferma r-riċezzjoni tal-att ta’ appell u komunikazzjoni ta’ paġna li informatha dwar irregolarità fir-rigward tal-lingwa li fiha l-att ta’ appell kien ġie ppreżentat fid-dawl tar-Regola 48(2) tar-Regolament Nru 2868/95. Din il-komunikazzjoni tal-aħħar stiednet lir-rikorrenti sabiex tipproduċi traduzzjoni tal-att ta’ appell fil-lingwa tal-proċedimenti f’terminu ta’ xahar mill-preżentata tal-oriġinali, jiġifieri sa mhux iktar tard mis-6 ta’ Frar 2006, skont ir-Regola 96(1) tar-Regolament Nru 2868/95.

19      L-estratt tar-rapport ta’ trażmissjoni tal-faksijiet ippreżentat mill-UASI jindika “OK” għat-trażmissjoni taż-żewġ dokumenti mibgħuta lir-rappreżentanti tar-rikorrenti f’dik id-data.

20      Fl-14 ta’ Marzu 2006, ir-rikorrenti ppreżentat nota fejn esponiet il-motivi tal-appell tagħha bil-Ġermaniż.

21      Fit-22 ta’ Marzu 2006, aġent tal-UASI kkuntattja bit-telefown lil wieħed mir-rappreżentanti tar-rikorrenti u informah bl-irregolarità fir-rigward tal-lingwa tal-appell u bil-komunikazzjoni li l-UASI kien bagħat f’dan ir-rigward fit-18 ta’ Jannar 2006. Ir-rappreżentant tar-rikorrenti indika li ma kienx irċieva din il-komunikazzjoni.

22      B’ittra tas-7 ta’ April 2006, mibgħuta lill-UASI permezz ta’ faks, ir-rappreżentant tar-rikorrenti, filwaqt li rrefera għal konverżazzjoni telefonika preċedenti ma’ aġent tal-UASI, afferma li huwa kien irċieva ittra waħda biss mingħand l-UASI fit-18 ta’ Jannar 2006, jiġifieri dik li kkonfermat ir-riċezzjoni tal-att ta’ appell. In sostenn ta’ din l-affermazzjoni huwa ppreżenta estratt ta’ rapport elettroniku b’lista tal-faksijiet li kien irċieva fit-18 ta’ Jannar 2006. Huwa talab ukoll li terġa’ tintbagħatlu kopja tal-ittra tat-18 ta’ Jannar 2006 dwar l-irregolarità fir-rigward tal-lingwa tal-att ta’ appell.

23      B’ittra tas-7 ta’ April 2006, ir-rappreżentant tar-rikorrenti bagħat lill-UASI att ta’ appell ġdid, din id-darba miktub kompletament bil-Ġermaniż, fejn talab il-kontinwazzjoni tal-proċedimenti skont l-Artikolu 78a tar-Regolament Nru 40/94 u awtorrizza lill-UASI sabiex jieħu mill-kont kurrenti tiegħu l-ammont tal-miżata li kellha titħallas.

24      Fit-23 ta’ Mejju 2006, ir-rappreżentant tar-rikorrenti ppreżenta applikazzjoni għal restitutio in integrum skont l-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 40/94 u awtorrizza lill-UASI sabiex jieħu mill-kont kurrenti tiegħu l-ammont tal-miżata li kellha titħallas. Huwa allega li kien ta struzzjonijiet lil segretarja sabiex il-verżjoni Ġermaniża tal-att ta’ appell tintbagħat lill-UASI fis-6 ta’ Jannar 2006 u li, minħabba raġunijiet li ma setax jispjega u mingħajr ma dan jammonta għal nuqqas mill-obbligu ta’ sorveljanza tiegħu, it-tieni paġna tal-formularju tal-att ta’ appell intbagħtet bl-Ingliż. Huwa ppreċiża wkoll li din is-segretarja, li kellha esperjenza u li qatt ma kien hemm xi dubju dwar ix-xogħol tagħha qabel, kienet għaddejja minn problemi serji fil-familja tagħha f’dak iż-żmien, ħaġa din li min jimpjegaha kien injora.

25      Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Ġunju 2006 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell bħala inammissibbli skont ir-Regola 49(1) tar-Regolament Nru 2868/95, moqrija flimkien mar-Regola 48(1)(ċ) u (2) tal-istess regolament. Huwa kkunsidra wkoll li t-talba għall-kontinwazzjoni tal-proċedimenti fformulata skont l-Artikolu 78a tar-Regolament Nru 40/94 u l-applikazzjoni għal restitutio in integrum ifformulata skont l-Artikolu 78 tal-istess regolament kienu “meqjusa li ma ġewx ippreżentati” peress li l-ħlas tal-miżati li kellhom jitħallsu ma sarx fil-ħin.

 It-talbiet tal-partijiet

26      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

27      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

28      L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

29      In sostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka erba’ motivi bbażati, fl-ewwel lok, fuq ksur tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, tar-Regola 48(1)(ċ) u (2), tar-Regola 49(1) u tar-Regola 96(1) tar-Regolament Nru 2868/95, fit-tieni lok, fuq ksur tal-Artikolu 78a tar-Regolament Nru 40/94, fit-tielet lok, fuq ksur tal-Artikolu 78 tal-istess regolament u, fir-raba’ lok, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

30      Peress li r-raba’ motiv jirrigwarda l-ammissibbiltà tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, l-istess bħall-ewwel motiv, hemm lok li jiġi eżaminat wara l-eżami tal-ewwel motiv. It-tieni u t-tielet motivi, peress li huma marbuta, rispettivament, ma’ l-ammissibbiltà tat-talba għall-kontinwazzjoni tal-proċedimenti u mal-preżentata tal-applikazzjoni għal restitutio in integrum fit-terminu mogħti, se jiġu eżaminati fit-tielet u r-raba’ lok.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, tar-Regola 48(1)(ċ) u (2), tar-Regola 49(1) u tar-Regola 96(1) tar-Regolament Nru 2868/95

 L-argumenti tal-partijiet

31      Ir-rikorrenti ssostni li hija ressqet appell kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, fit-terminu mogħti u fil-forma ġusta u dovuta u li kienet biss l-espożizzjoni tal-portata tal-appell li saret fil-lingwa tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni minflok fil-lingwa tal-proċedimenti. Ir-rikorrenti ma rċeviet ebda komunikazzjoni bil-miktub min-naħa tal-UASI li tinformaha bl-irregolarità fir-rigward tal-lingwa li fiha ġie fformulat l-appell.

32      Hija ssostni li, minn naħa, abbażi tar-rapport ta’ trażmissjoni ta’ faksijiet tat-18 ta’ Jannar 2006 ippreżentat mill-UASI, li fih l-indikazzjoni “OK” għat-trażmissjoni tal-komunikazzjoni dwar l-irregolarità fir-rigward tal-lingwa tal-att ta’ appell, jista’ jiġi preżunt biss li din il-komunikazzjoni kienet ġiet riċevuta. Skont il-ġurisprudenza u d-direttivi tal-UASI dwar il-proċeduri quddiemu, tali preżunzjoni tista’ tiġi megħluba jekk id-destinatarju ta’ komunikazzjoni tal-UASI juri li ma kienx irċeviha. F’din il-kawża, ir-rikorrenti għelbet din il-preżunżjoni meta pproduċiet rapport tal-faksijiet riċevuti fit-18 ta’ Jannar 2006 li juri li hija kienet irċeviet biss komunikazzjoni waħda ta’ żewġ paġni mill-UASI, li kienet tikkorrispondi għad-dikjarazzjoni ta’ riċezzjoni tal-att ta’ appell. Għaldaqstant, il-komunikazzjoni rigward l-irregolarità fir-rigward tal-lingwa tal-att ta’ appell għandha tiġi kkunsidrata li ma saritx.

33      Min-naħa l-oħra, hija tqis li l-prassi kostanti tal-UASI hija li japplika r-Regola 96(1) tar-Regolament Nru 2868/95 għall-iżbalji fir-rigward tal-lingwa li fiha jiġi ppreżentat att ta’ appell, prassi li timplika l-possibbiltà li tiġi pprovduta traduzzjoni tad-dokument oriġinali fil-lingwa tal-proċedimenti f’terminu ta’ xahar wara l-preżentata tiegħu. Hija wkoll prassi kostanti tal-UASI li r-rikorrenti jiġu informati b’mod espress, permezz ta’ komunikazzjoni, bl-iżbalji tagħhom fir-rigward tal-lingwa tal-proċedimenti u bit-terminu li fih għandhom jiġu rrimedjati dawn l-iżbalji, previst mir-Regola 96(1) tar-Regolament Nru 2868/95.

34      Skont il-prinċipju tat-trattament ugwali, ir-rikorrenti għandha tkun tista’ tistenna li jiġu adottati dawn il-prassi amministrattivi kostanti li jorbtu lill-UASI, iktar u iktar peress li, f’din il-kawża, kien diġà ġie ppreżentat att ta’ appell u peress li kien faċli li tiġi nnotifikata mill-ġdid bl-irregolarità inkwistjoni fil-forma ġusta u dovuta qabel l-iskadenza tat-terminu previst. Dan intalab diversi drabi bla suċċess mir-rappreżentanti tar-rikorrenti waqt diversi konverżazzjonijiet telefoniċi. Fil-preżenza ta’ tali modifikazzjoni ta’ prassi amministrattiva kostanti, bi ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali, il-preżentata mill-ġdid tal-att ta’ appell, fis-7 ta’ April 2006, din id-darba bil-Ġermaniż, kellha tiġi kkunsidrata bħala rimedju validu għall-irregolarità fir-rigward tal-lingwa tal-att ta’ appell.

35      L-UASI jsostni li mir-Regola 48(2), mir-Regola 49 u mir-Regola 96(1) tar-Regolament Nru 2868/95 jirriżulta li appell li, bħal f’din il-kawża, ġie ppreżentat f’lingwa li mhijiex il-lingwa tal-proċedimenti mingħajr ma t-traduzzjoni tiegħu ġiet prodotta fit-terminu previst, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Id-dokument prodott mir-rikorrenti ma jikkostitwixxix prova suffiċjenti tan-nuqqas ta’ riċezzjoni tal-faks mibgħuta mill-UASI li informatha bl-irregolarità fir-rigward tal-lingwa tal-att ta’ appell.

36      L-intervenjenti tikkunsidra li, peress li l-att ta’ appell kien ġie ppreżentat f’lingwa li mhijiex il-lingwa tal-proċedimenti, bi ksur tar-Regola 48(2) tar-Regolament Nru 2868/95, l-appell ġie miċħud ġustament skont ir-Regola 49(1) tal-istess regolament. Il-prassi tal-Bord tal-Appell li tikkostitwixxi fl-indikazzjoni lill-partijiet tad-difetti formali tal-atti tagħhom mhijiex obbligu u, għaldaqstant, ma għandha ebda effett fuq it-terminu previst. Il-prolongazzjoni ta’ dawn it-termini tista’ toħloq nuqqas ta’ trattament ugwali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

37      Mir-Regola 48(1)(ċ) u (2) tar-Regolament Nru 2868/95 jirriżulta li l-att tal-appell għandu jkun fih dikjarazzjoni li tippreċiża sa fejn id-deċiżjoni li tkun qiegħda tiġi kkontestata għandha tiġi rriformulata jew annullata u li dan l-att għandu jiġi ppreżentat fil-lingwa tal-proċedimenti ta’ din id-deċiżjoni.

38      Skont ir-Regola 49(1) tar-Regolament Nru 2868/95, jekk l-appell ma jissodisfax, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regola 48(1)(ċ) u (2) tal-istess regolament, il-Bord tal-Appell għandu jiċħdu bħala inammissibbli, sakemm dawn l-irregolaritajiet ma jiġux irrimedjati qabel l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, jiġifieri f’terminu ta’ xahrejn li jibdew jiddekorru mill-ġurnata tan-notifika tad-deċiżjoni kkontestata.

39      Skont ir-Regola 96(1) tar-Regolament Nru 2868/95, bla ħsara għal dispożizzjoni kuntrarja f’dan l-istess regolament, kull parti tista’ tuża waħda mil-lingwi tal-UASI apparti l-lingwa tal-proċedimenti jekk din il-parti tipproduċi traduzzjoni f’din il-lingwa f’terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri mid-data tal-preżentata tad-dokument oriġinali.

40      F’din il-kawża, id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kkontestata ġiet innotifikata lir-rikorrenti permezz ta’ faks fl-14 ta’ Novembru 2005. Peress li l-att ta’ appell ġie ppreżentat fis-6 ta’ Jannar 2006, l-appell tressaq fit-terminu ta’ xahrejn previst mill-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94. Madankollu, l-att ta’ appell, li, skont ir-Regola 48(1)(ċ) tar-Regolament Nru 2868/95, kien jippreċiża sa fejn id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kellha tiġi annullata, ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni prevista fir-Regola 48(2) tar-Regolament Nru 2868/95 peress li din il-preċiżazzjoni saret bl-Ingliż u mhux fil-lingwa tal-proċedimenti, jiġifieri l-Ġermaniż.

41      B’applikazzjoni tar-Regola 96(1) tar-Regolament Nru 2868/95, kien possibbli li tiġi ppreżentata traduzzjoni tal-att ta’ appell fil-lingwa tal-proċedimenti f’terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri mill-preżentata tiegħu, jiġifieri mhux iktar tard mis-6 ta’ Frar 2006. Madankollu, kien biss permezz ta’ att ta’ appell ġdid bil-Ġermaniż, ippreżentat fis-7 ta’ April 2006, jiġifieri iktar minn xahrejn wara li skada t-terminu previst, li din it-traduzzjoni waslet għand l-UASI

42      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma wettaq ebda żball ta’ liġi meta ċaħad l-appell bħala inammissibbli skont ir-Regola 49(1) tar-Regolament Nru 2868/95 u r-Regola 48(1)(ċ) u (2) tal-istess regolament.

43      Din il-konstatazzjoni ma tistax tiddaħħal inkwistjoni mill-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ notifika mill-UASI tal-irregolarità fir-rigward tal-lingwa tal-att ta’ appell u fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Fil-fatt, mir-Regola 49(1) tar-Regolament Nru 2868/95 jirriżulta li nuqqas ta’ osservanza tar-Regola 48(1)(ċ) u (2) tal-istess regolament ikollu bħala konsegwenza diretta u mingħajr notifika minn qabel iċ-ċaħda tal-appell bħala inammissibbli, u dan, jekk ikun il-każ, wara l-iskadenza tat-terminu previst mir-Regola 96(1) tal-istess regolament. La mir-regolamenti applikabbli u lanqas mill-ġurisprudenza ma jirriżulta li l-UASI għandu l-obbligu li jgħarraf lir-rikorrenti eventwali quddiem il-Bord tal-Appell bil-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tal-formalitajiet stabbiliti minn dawn ir-regolament [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta’ Mejju 2005, Solo Italia vs UASI - Nuova Sala (PARMITALIA), T-373/03, Ġabra p. II-1881, punt 59].

44      Anki jekk il-fatt li r-rikorrenti jiġu informati bin-nuqqasijiet formali tal-atti tagħhom jikkostitwixxi prassi abitwali tal-UASI, dan ma għandu ebda importanza f’din il-kawża. Fil-fatt, din il-prassi ma tistax timmodifika l-mument li fih jibda jiddekorri t-terminu previst mir-Regola 96(1) tar-Regolament Nru 2868/95 [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Settembru 2003, Classen Holding vs UASI – International Paper (BECKETT EXPRESSION), T‑71/02, Ġabra p. II-3181, punt 41]. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli dwar it-termini ġew stabbiliti sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u sabiex tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju (ara d‑digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Novembru 2005, Tramarin vs Il‑Kummissjoni, T‑426/04, Ġabra p. II-4765, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-konstatazzjoni ġenerali tapplika wkoll għat-termini previsti mir-regolamenti dwar it-trade mark Komunitarja. Għaldaqstant, peress li applika bla modifikazzjoni t-terminu previst mir-Regola 96(1) tar-Regolament Nru 2868/95, il-Bord tal-Appell ma kisirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

45      Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

 L-argumenti tal-partijiet

46      Ir-rikorrenti ssostni li ċ-ċaħda tal-appell tagħha mill-Bord tal-Appell bħala inammissibbli, meta kien tressaq fit-terminu previst u fil-forma dovuta, bl-eċċezzjoni ta’ sentenza waħda bl-Ingliż, peress li ċċaħħadha mill-possibbiltà ta’ kontinwazzjoni tal-proċedimenti u mill-possibbiltà li tiddefendi l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha, tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

47      Fl-ewwel lok, meta jiġu bbilanċjati, minn naħa, l-interess tal-intervenjenti li tifhem faċilment l-appell u li jkun hemm kontinwità fil-lingwa tal-proċedimenti u, min-naћa l-oћra, l-interess tar-rikorrenti li tiddefendi l-applikazzjoni gћar-reġistrazzjoni tagћha, ikun eċċessiv li appell jiġi miċћud minћabba s-sempliċi fatt li r-rekwiżit proċedurali fir-rigward tal-preżentata l-att ta’ appell fil-lingwa tal-proċedimenti ma ġiex irrispettat.

48      Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell stess irrikonoxxa qabel li s-sistema lingwistika prevista mir-Regolamenti Nru 40/94 u 2868/95 mhijiex ċara. Ikun inutilment strett u formali jekk tiġi applikata tali sistema għall-att ta’ appell li ftit mill-elementi essenzjali tiegħu jeћtieġu traduzzjoni. Fil-fatt, l-indikazzjonijiet li gћandhom jiġu pprovduti fil-formularju ta’ att ta’ appell huma minimali, inkluża dik fir-rigward tal-portata tal-appell, li fil-verżjoni attwali tal-formularju tinsab f’sempliċi kaxxa li gћandha tiġi mmarkata.

49      Fit-tielet lok, l-gћażla tal-lingwa tal-proċedimenti hija limitata gћal-lingwi l-iktar magħrufa fil-Komunità, preċiżament sabiex jiġi evitat li l-lingwa tal-proċedimenti tkun lingwa totalment mhux magћrufa minn waћda mill-partijiet fil-proċedura. F’din il-kawża, l-intervenjenti kienet f’pożizzjoni li tifhem il-kontenut tal-att ta’ appell, inkluża l-indikazzjoni dwar il-portata tal-appell magћmula bl-Ingliż peress li l-applikazzjoni gћar-reġistrazzjoni li kontriha hija ressqet l-oppożizzjoni tagħha kienet ukoll magћmula bl-Ingliż. Il-ftehim tal-Ingliż min-naћa ta’ din il-parti ma jistax jiġi ddubitat, iktar u iktar meta din hija impriża farmaċewtika u mhux individwu.

50      L-UASI, filwaqt li jenfasizza li l-Bord tal-Appell mhuwiex kompetenti sabiex jistħarreġ il-proporzjonalità tar-regoli li jipprovdu gћaċ-ċaћda ta’ appell imressaq f’lingwa li mhijiex il-lingwa tal-proċedimenti, jirrileva li l-eżistenza stess ta’ mezzi legali differenti li jippermettu li jiġu rrimedjati d-difetti proċedurali jew termini mhux osservati ssaћћaħ il-proporzjonalità ta’ tali leġiżlazzjoni. Peress li r-rikorrenti ma użatx il-mezzi legali li kienu disponibbli gћaliha, u fid-dawl tan-nuqqas ripetut ta’ osservanza tat-termini, li joħloq dubju dwar id-diliġenza tar-rappreżentanti tagћha, mhemmx lok li tiġi kkontestata l-proporzjonalità tal-bażijiet legali inkwistjoni.

51      Skont l-intervenjenti, mhuwiex sproporzjonat li jiġi meћtieġ li jkunu rrispettati r-regoli dwar it-termini u l-lingwa tal-proċedimenti, li l-applikazzjoni tagћhom mhijiex suġġetta gћal ibbilanċjar bejn l-interessi tal-partijiet. Barra minn hekk, peress li r-rikorrenti kellha l-possibbiltà li tressaq applikazzjoni gћal reġistrazzjoni oћra, iċ-ċaћda tal-appell tagћha mhijiex inġusta.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

52      Meta ċaћad l-appell bћala inammissibbli, il-Bord tal-Appell applika r-Regola 96(1), ir-Regola 49(1) u r-Regola 48(1)(ċ) u (2) tar-Regolament Nru 2868/95. Dawn ir-regoli, li huma fis-seћћ u li jirregolaw l-ammissibbiltà tal-appell f’din il-kawża, kellhom jiġu applikati mill-Bord tal-Appell. Rifjut li jiġu osservati dawn ir-regoli kien jikser il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ legalità, li jipprovdi li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tibqa’ kompletament effikaċi sakemm l-illegalità tagћha ma tiġix stabbilita minn qorti kompetenti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Kik vs UASI (Kik), T-120/99, Ġabra p. II-2235, punt 55].

53      Gћaldaqstant, hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ dawn ir-regoli fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn, billi ssostni li l-inammissibbiltà tal-appell tagћha skont dawn ir-regoli tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-rikorrenti ssostni impliċitament li dawn ir-regoli jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

54      F’dan ir-rigward, gћandu jiġi mfakkar li dawn ir-regoli huma parti mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw is-sistema lingwistika stabbilita mir-Regolament Nru 40/94. Issa, skont il-ġurisprudenza, din is-sistema hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 2003, Kik vs UASI, C‑361/01P, Ġabra p. I-8283, punti 92 sa 94, u s-sentenza Kik, iċċitata fil-punt 52 iktar ’il fuq, punti 62 u 63). Gћaldaqstant, dawn ir-regoli ma jistgћux jitqiesu li jmorru kontra dan il-prinċipju.

55      Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ rispett ta’ obbligi bћalma hija l-osservanza tat-termini ta’ appell, li huma fundamentali gћall-funzjonament tajjeb tas-sistema Komunitarja, jista’ jiġi ssanzjonat mil-leġiżlazzjoni Komunitarja permezz tat-telf ta’ dritt, mingћajr ma dan ikun inkompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2003, APOL vs Il-Kummissjoni, T‑61/00 u T‑62/00, Ġabra p. II-635, punti 96 u 08).

56      Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li jiċћad l-appell bћala inammissibbli, b’applikazzjoni tar-Regola 96(1), tar-Regola 49(1) u tar-Regola 48(1)(ċ) u (2) tar-Regolament Nru 2868/95, ma tistax tiġi kkunsidrata bћala sproporzjonata. Gћaldaqstant, dan il-motiv gћandu jiġi miċћud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 78a tar-Regolament Nru 40/94 

 L-argumenti tal-partijiet

57      Ir-rikorrenti ssostni li r-Regola 72(1) tar-Regolament Nru 2868/95 dwar l-iskadenza tat-termini gћandha tiġi applikata wkoll gћad-determinazzjoni tal-mument li fih jibdew jiddekorru t-termini sabiex appellant ma jiġix żvantaġġat minћabba l-mezz ta’ komunikazzjoni użat gћall-preżentata tal-appell tiegћu. Din ir-regola tipprovdi li, jekk terminu jiskadi f’ġurnata meta ma jistgћux jiġu ppreżentati dokumenti quddiem l-UASI jew f’ġurnata meta l-posta ma titqassamx fil-lokalità fejn gћandu s-sede tiegћu l-UASI, it-terminu jiġi mressaq sa l-ewwel ġuranta meta dokumenti jistgћu jiġi ppreżentati jew meta l-posta titqassam. F’din il-kawża, it-terminu ta’ xahar previst mir-Regola 96(1) tar-Regolament Nru 2868/95 gћaldaqstant ma bediex jiddekorri l-Ġimgћa, 6 ta’ Jannar 2006, jiġifieri fil-ġurnata tal-preżentata tal-att ta’ appell, peress li din il-ġurnata kienet ġurnata ta’ vaganza skont il-lista ta’ ġranet ta’ gћeluq tal-UASI gћas-sena 2006. L-att ta’ appell gћandu jiġi kkunsidrat bћala li ġie ppreżentat nhar it-Tnejn 9 ta’ Jannar 2006. Minn dan jirriżulta li t-terminu ta’ xahar gћall-preżentata tat-traduzzjoni tal-att ta’ appell fil-lingwa tal-proċedimenti skada fid-9 ta’ Frar 2006, u mhux fis-6 ta’ Frar 2006, kif isostni l-UASI.

58      Gћaldaqstant, it-talba għall-kontinwazzjoni tal-proċedimenti, ippreżentata fis-7 ta’ April 2006 bit-traduzzjoni bil-Ġermaniż tal-att ta’ appell u flimkien ma’ l-ordni tal-ћlas tal-miżata gћall-kontinwazzjoni tal-proċedimenti, saret skont l-Artikolu 78a tar-Regolament Nru 40/94. Konsegwentement, meta ma laqax din it-talba, l-UASI kiser l-Artikolu 78a tar-Regolament Nru 40/94.

59      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti u jaffermaw li, peress li l-att ta’ appell ġie ppreżentat bl-Ingliż fis-6 ta’ Jannar 2006, it-terminu previst mir-Regola 96(1) tar-Regolament Nru 2868/95 skada fis-6 ta’ Frar 2006 u t-terminu gћall-preżentata ta’ talba gћall-kontinwazzjoni tal-proċedimenti previst fl-Artikolu 78a tar-Regolament Nru 40/94 skada fis-6 ta’ April 2006. It-talba gћall-kontinwazzjoni tal-proċedimenti, ippreżentata fis-7 ta’ April 2006, kienet gћaldaqstant ippreżentata ġurnata wara l-iskadenza tat-terminu previst.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

60      Permezz tal-motiv tagћha dwar l-ammissibbiltà tat-talba gћall-kontinwazzjoni tal-proċedimenti, ir-rikorrenti essenzjalment takkuża lill-Bord tal-Appell li ma laqax din it-talba billi kkunsidraha bћala li ma ġietx ippreżentata.

61      Skont l-Artikolu 78a tar-Regolament Nru 40/94, parti fil-proċedura quddiem l-UASI li tonqos milli tosserva terminu tista’ tikseb il-kontinwazzjoni tal-proċedimenti permezz ta’ talba bil-kundizzjoni li, fil-mument meta ssir it-talba, l-att li tћalla barra jkun twettaq. It-talba hija ammissibbli biss meta tiġi ppreżentata f’terminu ta’ xahrejn li jibdew jiddekorru mid-data ta’ skadenza tat-terminu mhux osservat u titqies li ġiet ippreżentata biss wara l-ћlas tal-miżata dovuta gћall-kontinwazzjoni tal-proċedimenti.

62      Ir-Regola 96(1) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi li t-terminu ta’ xahar sabiex tiġi ppreżentata traduzzjoni fil-lingwa tal-proċedimenti ta’ dokument oriġinali miktub f’lingwa oћra jibda jiddekorri mid-data tal-preżentata tad-dokument oriġinali. Skont ir-Regola 70(4) tar-Regolament Nru 2868/95, meta terminu jkun espress f’xahar jew f’diversi xhur, huwa jiskadi, fix-xahar li gћandu jiġi kkunsidrat, fil-jum li jkollu l-istess numru bħall-jum li fih tkun seħħet l-okkorrenza msemmija.

63      F’din il-kawża huwa paċifiku li l-att ta’ appell, fil-verżjoni tiegћu bl-Ingliż, kien ġie ppreżentat permezz ta’ faks mibgћuta lill-UASI fis-6 ta’ Jannar 2006. Gћaldaqstant, il-Bord tal-Appell ikkunsidra ġustament li t-terminu ta’ xahar għall-preżentata ta’ traduzzjoni tal-att ta’ appell fil-lingwa tal-proċedimenti kien skada t-Tnejn, 6 ta’ Frar 2006.

64      Peress li t-terminu mhux osservat skada fis-6 ta’ Frar 2006, it-talba gћall-kontinwazzjoni tal-proċedimenti kellha tiġi ppreżentata u l-ћlas tal-miżata kellu gћaldaqstant jiġi awtorizzat sa mhux iktar tard mis-6 ta’ April 2006. Issa, kien biss fis-7 ta’ April 2006 li ġew ippreżentati t-talba gћall-kontinwazzjoni tal-proċedimenti u t-traduzzjoni tal-att ta’ appell fil-lingwa tal-proċedimenti u li ġie awtorizzat il-ћlas tal-miżata li kellha titћallas.

65      Gћaldaqstant, billi kkunsidra li t-talba gћall-kontinwazzjoni tal-proċedimenti kellha titqies li ma saritx, il-Bord tal-Appell ma wettaq l-ebda żball ta’ liġi.

66      Din il-konstatazzjoni ma tiddaћћalx inkwistjoni mill-argument tar-rikorrenti li d-data li minnha beda jiddekorri t-terminu ta’ xahar kienet id-9 ta’ Jannar 2006 u mhux is-6 ta’ Jannar 2006, id-data li fiha kienet riċevuta l-faks bl-att ta’ appell. Dan l-argument huwa bbażat fuq ir-regoli li jirrigwardaw l-iskadenza tat-termini f’każijiet partikolari, li mhumiex applikabbli f’din il-kawża. Fil-fatt, hija r-Regola 70(2) tar-Regolament Nru 2868/95, li tirrigwarda l-mument li fih jibdew jiddekorru t-termini f’każ ta’ notifika, li gћandha tiġi applikata. Din tipprovdi li r-riċezzjoni ta’ dokument innotifikat tikkostitwixxi l-okkorrenza li tiskatta t-terminu. Barra minn hekk, ir-Regola 79 tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi li kull komunikazzjoni indirizzata lill-UASI tista’ tintbagћat permezz ta’ faks u tirreferi gћar-Regola 80 ta’ dan ir-regolament, li tqis bћala data ta’ riferiment id-data ta’ riċezzjoni tal-faks. Gћaldaqstant, peress li l-każ jirrigwarda t-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni indirizzata lill-UASI permezz ta’ faks, l-okkorrenza li tiskatta t-terminu hija r-riċezzjoni mill-UASI ta’ din il-faks, indipendentement mill-fatt li din id-data ta’ riċezzjoni kienet ġurnata ta’ vaganza.

67      Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li dan il-motiv gћandu jiġi miċћud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

68      Ir-rikorrenti tafferma li l-komunikazzjoni ta’ irregolarità fir-rigward tal-lingwa tal-att ta’ appell ma tistax issir b’mod validu ћlief bil-miktub, peress li d-data ta’ komunikazzjoni informali waqt konverżazzjoni telefonika ma tistax tiġi kkunsidrata bћala dik meta tneħħiet il-kawża tan-nuqqas ta’ osservanza li minnha beda jiddekorri t-terminu gћall-preżentata ta’ applikazzjoni gћal restitutio in integrum. Peress li l-irregolarità fir-rigward tal-lingwa tal-att ta’ appell qatt ma ġiet ikkomunikata bil-miktub lir-rikorrenti, in-nuqqas ta’ osservanza qatt ma waqaf u l-applikazzjoni gћal restitutio in integrum ma setgħetx tiġi kkunsidrata bћala tardiva.

69      L-UASI u l-intervenjenti jsostnu li l-kawża tan-nuqqas ta’ osservanza f’dan il-każ tneħħiet, l-iktar tard, fit-22 ta’ Marzu 2006, meta wieћed mir-rappreżentanti tar-rikorrenti ġie informat waqt konverżazzjoni telefonika dwar l-irregolarità fir-rigward tal-lingwa tal-att ta’ appell. It-terminu ta’ xahrejn previst mill-Artikolu 78(2) tar-Regolament Nru 40/94 kien skada l-iktar tard fit-22 ta’ Mejju 2006. Gћaldaqstant, l-applikazzjoni gћal restitutio in integrum ġiet ippreżentata ġurnata tard, fit-23 ta’ Mejju 2006. B’hekk il-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidra l-applikazzjoni gћal restitutio in integrum bћala li ma ġietx ippreżentata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

70      Skont l-Artikolu 78(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, applikazzjoni gћal restitutio in integrum għandha tiġi ppreżentata bil-miktub fi żmien xahrejn mit-tneħħija tal-kawża tan-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu li kellu bћala konsegwenza diretta t-telf ta’ dritt jew ta’ mezz ta’ rimedju. L-applikazzjoni għandha tistqarr ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata u għandha tippreżenta l-fatti u l-ġustifikazzjonijiet li fuqhom hija msejsa u ma titqiesx bћala li ġiet ippreżentata qabel ma jsir il-ħlas tal-miżata dovuta għal restitutio in integrum.

71      F’din il-kawża, il-kawża ta’ nuqqas ta’ osservanza tat-terminu gћall-preżentata tal-att ta’ appell fil-lingwa tal-proċedimenti tad-deċiżjoni li kienet is-suġġett tal-appell, kif allegat mir-rikorrenti fl-applikazzjoni tagћha gћal restitutio in integrum, hija li r-rappreżentanti tagћha ma kinux jafu bil-fatt li l-att ta’ appell intbagћat fis-6 ta’ Jannar 2006 lill-UASI fil-verżjoni bl-Ingliż tiegћu. L-applikazzjoni gћal restitutio in integrum ġiet ippreżentata fit-23 ta’ Mejju 2006

72      Fit-22 ta’ Marzu 2006, waqt konverżazzjoni telefonika bejn aġent tal-UASI u wieћed mir-rappreżentanti tar-rikorrenti, dan tal-aћћar ġie informat bl-irregolarità fir-rigward tal-lingwa tal-att ta’ appell, kif afferma l-UASI f’nota interna tal-24 ta’ Marzu 2006 u kif affermat ir-rikorrenti fir-rikors tagћha.

73      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti indikat li tiddubita jekk din il-konverżazzjoni tistax tikkostitwixxi t-tneħħija tal-kawża tan-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu u allegat li pjuttost dan seћћ fis-27 ta’ April 2006, waqt konverżazzjoni telefonika bejn ir-relatur tal-Bord tal-Appell u wieћed mir-rappreżentanti tar-rikorrenti.

74      Din l-allegazzjoni, anki jekk jitqies li hija ammissibbli, ma tistax tintlaqa’.

75      Fil-fatt, mill-affermazzjonijiet li jaqblu tal-UASI u tar-rikorrenti deskritti iktar ’il fuq u li jirrigwardaw il-konverżazzjoni telefonika tat-22 ta’ Marzu 2006 jirriżulta li kien waqt din il-konverżazzjoni li r-rikorrenti ġiet informata bl-irregolarità fir-rigward tal-lingwa tal-att ta’ appell. Barra minn hekk, mill-inkartament amministrattiv jirriżulta li l-ewwel waħda miż-żewġ ittri mibgћuta minn wieћed mir-rappreżentanti tar-rikorrenti lill-aġent tal-UASI fis-7 ta’ April 2006 tirreferi gћall-konverżazzjoni telefonika tagћhom u gћall-fatt li din kienet ikkonċernat il-komunikazzjoni tal-UASI tat-18 ta’ Jannar 2006 li ma kinitx ġiet riċevuta mir-rikorrenti. Fid-dawl tal-fatt li din il-komunikazzjoni ta’ paġna kienet tikkonċerna esklużivament l-irregolarità fir-rigward tal-lingwa tal-att ta’ appell, huwa raġonevoli li minn dan jiġi dedott li l-irregolarità inkwistjoni kienet tqajmet waqt din il-konverżazzjoni telefonika. Barra minn hekk, it-tieni ittra tas-7 ta’ April 2006, mibgћuta immedjatament wara l-ewwel waћda, tindika li att ġdid ta’ appell bil-Ġermaniż intbagћat bћala prekawzjoni, fid-dawl tal-irregolarità fir-rigward tal-lingwa tal-att ta’ appell allegata mill-UASI.

76      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell seta’ ġustament jikkunsidra li l-kawża tan-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu, kif allegata mir-rikorrenti, kienet intemmet, l-iktar tard, fit-22 ta’ Marzu 2006 u gћaldaqstant li t-terminu ta’ xahrejn previst mill-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 40/94 kien skada, l-iktar tard, fit-22 ta’ Mejju 2006.

77      Din il-konstatazzjoni ma tistax tiddaћћal inkwistjoni mill-argument tar-rikorrenti li huwa biss mill-mument li l-UASI jinnotifika bil-miktub l-irregolarità fir-rigward tal-lingwa tal-att tal-appell li t-terminu previst fl-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 40/94 jibda jiddekorri. Fil-fatt, tali komunikazzjoni bil-miktub mhijiex prevista fl-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 40/94. Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-UASI mhuwiex obbligat jinforma lill-parti kkonċernata bl-irregolaritajiet fil-proċedura u li, gћaldaqstant, tali komunikazzjoni min-naћa tal-UASI ma jista’ jkollha ebda impatt fuq il-mument li fih jibda jiddekorri t-terminu previst gћall-preżentata ta’ applikazzjoni gћal restitutio in integrum (sentenza BECKETT EXPRESSION, iċċitata fil-punt 44 iktar ’il fuq, punt 41).

78      Gћaldaqstant, peress li kien biss fit-23 ta’ Mejju 2006 li ġie awtorizzat il-ћlas tal-miżata dovuta, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ liġi meta kkunsidra li l-applikazzjoni gћal restitutio in integrum kellha titqies li ma ġietx ippreżentata.

79      F’kull każ, skont l-Artikolu 78(1) tar-Regolament Nru 40/94, ir-restitutio in integrum huwa suġġett ukoll gћall-kundizzjoni li tintwera kull viġilanza meћtieġa miċ-ċirkustanzi. Anki jekk jitqies li, kif allegat mir-rikorrenti, l-iżball meta ntbagћat l-att ta’ appell, imwettaq minn segretarja u li tiegћu r-rappreżentanti tar-rikorrenti ma kellhomx konoxxenza, jikkostitwixxi kawża ta’ nuqqas ta’ osservanza tat-terminu fis-sens tal-Artikolu 78(1) tar-Regolament Nru 40/94, ir-rikorrenti kienet marbuta turi quddiem il-Bord tal-Appell li hija kienet użat il-viġilanza neċessarja fiċ-ċirkustanzi. Madankollu, l-ebda element ta’ prova ma tressaq mir-rikorrenti f’dan ir-rigward. B’hekk, il-Bord tal-Appell ma wettaq l-ebda żball ta’ liġi meta kkonkluda li ma ġiex stabbilit li r-rikorrenti wriet li użat il-viġilanza neċessarja fiċ-ċirkustanzi.

80      Minn dan isegwi li dan il-motiv gћandu jiġi miċћud u, gћaldaqstant, ir-rikors fit-totalità tiegћu.

 Fuq l-ispejjeż

81      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata gћall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Neurim Pharmaceuticals (1991) Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż.

Tiili

Dehousse

Wiszniewska-Białecka

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu.

E. Coulon

 

       V. Tiili

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.