Language of document : ECLI:EU:T:2008:399

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)

24 ta’ Settembru 2008 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark Komunitarja verbali O STORE – Trade mark nazzjonali verbali preċedenti THE O STORE – Paragun ta’ servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut mal-prodotti korrispondenti – Raġuni relattiva għal rifjut – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Talba għal riforma magħmula mill-intervenjenti – Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza”

Fil-kawża T‑116/06,

Oakley, Inc., stabbilita f’One Icon, Foothill Ranch (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn M. Huth-Dierig u M. Nentwig, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija

Venticinque Ltd, stabbilita f’Hailsham, East Sussex (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn D. Caneva, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tas-17 ta’ Jannar 2006 (kawżi magħquda R 682/2004-1 u R 685/2004-1), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Venticinque Ltd u Oakley, Inc.,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tmien Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro (Relatur), President, S. Papasavvas u N. Wahl, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-13 ta’ April 2006,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-23 ta’ Ġunju 2006,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-25 ta’ Lulju 2006,

wara s-seduta tal-10 ta’ Jannar 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-7 ta’ Frar 2001, ir-rikorrenti, Oakley, Inc., ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha intalbet ir-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali O STORE.

3        Is-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 35 skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Servizzi ta’ bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa, inklużi servizzi ta’ bejgħ bl-imnut on-line; bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa ta’ nuċċalijiet, nuċċalijiet tax-xemx, prodotti u aċċessorji ottiċi, ħwejjeġ, kpiepel, żraben, arloġġi ta’ l-idejn, kronometri, ġojellerija, transfers, kartelluni, basktijiet ta’ l-isport, barżakki u portafolli”.

4        Din l-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulletin tat-trade marks Komunitarji Nru 77/01, tat-3 ta’ Settembru 2001.

5        Fil-11 ta’ Frar 2002, ir-rikorrenti kisbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja O STORE bin-numru 2 074 599.

6        Fl-14 ta’ Ottubru 2002, l-intervenjenti, Venticinque Ltd, ippreżentat talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li tikkonċerna s-servizzi kollha protetti permezz tar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, skont l-Artikolu 52(1)(a) u l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Din it-talba kienet ibbażata fuq l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark Komunitarja u t-trade mark verbali preċedenti THE O STORE, li kienet ġiet irreġistrata fit-28 ta’ Diċembru 2000 fi Franza bin-numru 3 073 591 għall-prodotti li ġejjin li huma inklużi fil-klassijiet 18 u 25 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nizza:

–        klassi 18: “Ġilda u imitazzjoni tal-ġilda u oġġetti ta’ dan il-materjal mhux inklużi fi klassijiet oħra, jiġifieri bagalji, boroż għall-kożmetiċi mibjugħa vojta, basktijiet għal filgħaxija, basktijiet ta’ l-idejn, basktijiet għax-xiri, barżakki, basktijiet ta’ l-isport għal użu multiplu, basktijiet b’kurdun, basktijiet li jingħalqu b’żipp, basktijiet tal-feltru, kartieri, portafolli u portmonijiet; ġlud ta’ l-annimali, ġlud; bagolli u basktijiet ta’ l-ivvjaġġar; ombrelli, parasolli u bsaten; frosti; xedd ta’ żiemel jew ta’ bhima oħra u sruġ”;

–        klassi 25: “Ħwejjeġ, jiġifieri lbiesi, qomoz ta’ filgħaxija, qliezet, ġkieket, ġkieket ta’ l-isport, ġersijiet, dbielet, blowsijiet, ġkieket tas-suf, kardiganijiet, kapotti, kowtijiet, kapep, ilbies ta’ l-isport, ġkieket qosra, inċirati, ilbies ta’ filgħaxija, tailcoats, xalpi, xalel, foulards, ingravajjet, ingwanti, ġkieket tal-fer, kowtijiet tal-fer, xalpi tal-fer, bermudas, tee-shirts, polo shirts, ilbies-blowsijiet, pareos, piġami, ilbies ta’ bil-lejl, dressing gowns, ilbies tal-banju, tajts tan-nisa, kalzetti, petticoats, malji, qliezet ta’ taħt, riċipetti u flokkijiet ta’ taħt; kpiepel u żraben”.

7        B’deċiżjoni tat-18 ta’ Ġunju 2004, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità f’dak li jirrigwarda, minn naħa, is-servizzi ta’ “bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa ta’ ħwejjeġ, kpiepel, żraben, basktijiet ta’ l-isport, barżakki u portafolli”, għar-raġuni li, minkejja li dawn is-servizzi għandhom natura, użu intenzjonat u użu differenti minn dawk tal-prodotti koperti bit-trade mark nazzjonali preċedenti, huwa possibbli li huma jaqsmu l-istess kanali ta’ distribuzzjoni u, min-naħa l-oħra, is-“servizzi bl-imnut u bl-ingrossa, inklużi [s-]servizzi ta’ bejgħ bl-imnut on-line”, għar-raġuni li, billi t-termini ta’ dawn is-servizzi huma ġeneriċi, huma jinkludu l-bejgħ ta’ kull tip ta’ prodotti, fosthom dawk koperti bit-trade mark preċedenti. Għall-kuntrarju, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità f’dak li jirrigwarda s-servizzi ta’ “bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa ta’ nuċċalijiet, nuċċalijiet tax-xemx, prodotti u aċċessorji ottiċi, arloġġi ta’ l-idejn, kronometri, ġojellerija, transfers, kartelluni”, għaliex hija qieset li s-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut ta’ dawn il-prodotti ma kinux jaqsmu l-istess kanali ta’ distribuzzjoni bħal dawk tal-prodotti tal-ġilda u tal-ħwejjeġ koperti bit-trade mark preċedenti.

8        Fil-5 u fis-6 ta’ Awwissu 2004, ir-rikorrenti u l-intervenjenti rispettivament appellaw mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

9        B’deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2006 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell ikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u għalhekk ċaħad iż-żewġ appelli.

10      Il-Bord tal-Appell irrileva, essenzjalment, li:

–        is-servizzi ta’ “bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa ta’ ħwejjeġ, kpiepel, żraben, basktijiet ta’ l-isport, barżakki u portafolli” koperti bit-trade mark Komunitarja kienu kkaratterizzati minn natura u minn użu intenzjonat li jixxiebhu ħafna u minn użu u minn kanali ta’ distribuzzjoni identiċi għal dawk tal-prodotti inklużi fil-klassijiet 18 u 25 koperti bit-trade mark preċedenti. Barra minn dan, dawn il-prodotti u dawn is-servizzi kienu komplementari. Kien hemm għalhekk xebh evidenti għall-prodotti mibjugħa bl-imnut li huma identiċi jew li jixxiebhu ma’ dawk mibjugħa taħt it-trade mark preċedenti. Fl-aħħar nett, is-sinjali kienu wkoll jixxiebhu ħafna, billi l-unika differenza kienet l-ommissjoni, f’wieħed miż-żewġ sinjali, tal-artiklu mhux distintiv “the”, b’mod li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni;

–        ma kinitx teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward tas-servizzi ta’ “bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa ta’ nuċċalijiet, nuċċalijiet tax-xemx, prodotti u aċċessorji ottiċi, kronometri, ġojellerija, transfers, kartelluni”, għaliex, minkejja x-xebh tat-trade marks inkwistjoni, dawn is-servizzi kienu differenti mill-prodotti inklużi fil-klassijiet 18 u 25 koperti bit-trade mark preċedenti;

–        fir-rigward tas-“servizzi ta’ bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa, inklużi [s-]servizzi ta’ bejgħ bl-imnut on-line”, il-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja ma kienx illimita dawn is-servizzi għal prodotti speċifiċi, b’mod li dawn it-termini ġeneriċi kellhom jinkludu l-prodotti koperti bit-trade mark preċedenti. Għaldaqstant, billi dawn is-servizzi u l-prodotti koperti bit-trade mark preċedenti jixxiebhu, kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

11      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

12      L-UASI jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

13      L-intervenjenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tirriforma d-deċiżjoni kkontestata safejn din teskludi l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn il-prodotti koperti bit-trade mark THE O STORE u s-servizzi ta’ “bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa ta’ nuċċalijiet, nuċċalijiet tax-xemx, prodotti u aċċessorji ottiċi, arloġġi ta’ l-idejn, kronometri, ġojellerija, transfers, kartelluni” li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark O STORE;

–        tirriforma d-deċiżjoni kkontestata safejn din ma tiddikjarax l-invalidità sħiħa tat-trade mark Komunitarja O STORE, irreġistrata fil-11 ta’ Frar 2002, fid-dawl tal-eżistenza tat-trade mark Franċiża THE O STORE, irreġistrata fit-28 ta’ Diċembru 2000.

14      Matul is-seduta, l-UASI ddikjara li rrinunzja għall-ilment ta’ inammissibbiltà li huwa kien qajjem fir-risposta tiegħu għat-talba tar-rikorrenti intiża wkoll għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata safejn il-Bord tal-Appell ikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li tiċħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark Komunitarja O STORE għas-servizzi ta’ “bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa ta’ nuċċalijiet, nuċċalijiet tax-xemx, prodotti u aċċessorji ottiċi, arloġġi ta’ l-idejn, kronometri, ġojellerija, transfers u kartelluni”, u ttieħdet nota ta’ dan fil-verbal tas-seduta.

 Id-dritt

15      Ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. L-intervenjenti fformulat talba taħt l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

16      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tallega li ma jeżisti ebda xebh bejn il-prodotti u s-servizzi kkonċernati, b’mod li huwa l-Bord tal-Appell żbalja meta kkonkluda favur l-eżistenza ta’ tali xebh. L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell interpreta ħażin in-natura tas-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut. It-tieni nett, huwa applika ħażin is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon (C-39/97, Ġabra p. I-5507). Fl-aħħar nett, huwa żbalja meta ċaħad l-argumenti tagħha favur in-neċessità li jiġi eskluż ix-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi, sabiex tiġi evitata protezzjoni wiesgħa wisq tat-trade marks li jkopru servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut inġenerali.

17      L-ewwel nett, fir-rigward tan-natura tas-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut, ir-rikorrenti tikkonstata li l-Bord tal-Appell jikkunsidra din biss bħala sempliċi transazzjoni ta’ bejgħ ta’ merkanzija, b’mod li huwa jittratta dawn is-servizzi u l-prodotti mibjugħa bl-imnut b’mod ugwali. Dan imur kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Lulju 2005, Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte (C‑418/02, Ġabra p. I‑5873). Issa r-rikorrenti tirrileva, minn naħa, li minn madwar għaxar snin ilu, l-idea li servizz li jaqa’ taħt il-kummerċ bl-imnut huwa servizz fih innifsu saret iktar u iktar komunement aċċettata u, min-naħa l-oħra, li s-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut jistgħu jikkostitwixxu servizzi li huma distinti mis-sempliċi transazzjoni li tikkonsisti fil-bejgħ ta’ prodott.

18      It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell għamel applikazzjoni inkorretta tal-kriterji tax-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell żbalja meta rrileva, fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ xebh mill-qrib mill-perspettiva tan-natura tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni, għar-raġuni li dawn it-tnejn għandhom l-istess għan, jiġifieri li joffru prodott għall-bejgħ lill-konsumatur finali, peress li l-prodotti u s-servizzi huma ta’ natura differenti, billi l-prodotti huma ta’ natura materjali u s-servizzi mhumiex. Fid-dawl tal-kompożizzjoni, tal-modi ta’ funzjonament u tal-karatteristiċi fiżiċi rispettivi tagħhom, is-servizzi u l-prodotti kkonċernati huma assolutament differenti, b’mod li ma jeżisti ebda xebh.

19      Bl-istess mod, l-użu intenzjonat tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni huwa differenti. Fil-fatt, l-użu intenzjonat tal-prodotti koperti bit-trade mark THE O STORE huwa deskritt bħala l-protezzjoni kontra l-maltemp u bħala li huwa l-oġġetti tal-moda, filwaqt li dak tas-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut koperti bit-trade mark O STORE jikkonsisti fl-għajnuna għall-konsumaturi sabiex iqisu, jagħżlu u jixtru l-prodotti bil-kumdità. Il-konstatazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata li skontha “l-użu intenzjonat tal-bejgħ bl-imnut u dak tal-prodotti li jinbiegħu bl-imnut jixxiebhu ħafna, jiġifieri l-offerta ta’ prodott għall-bejgħ lill-konsumatur finali” hija żbaljata u tikkonfondi l-kategoriji distinti “servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut” ma’ “prodott innifsu”.

20      Ir-rikorrenti tispeċifika li l-użu jindika l-modus operandi li jippermetti lill-prodott jissodisfa l-iskop tiegħu u jista’ ġeneralment jiġi dedott mill-mod ta’ funzjonament tal-prodotti jew mill-funzjoni li jwettqu l-prodotti jew is-servizzi fis-suq, jiġifieri l-użu intenzjonat tagħhom. Hija tirrileva li l-prodotti koperti bit-trade mark preċedenti għandhom il-funzjoni prinċipali li jservu bħala protezzjoni kontra l-maltemp u bħala oġġetti tal-moda, filwaqt li, għall-kuntrarju, is-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut jissodisfaw il-bżonn tal-konsumaturi li jingħataw parir fir-rigward ta’ diversi oġġetti u li jkunu f’pożizzjoni li jagħżlu u li jixtru diversi prodotti. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell żbalja meta kkonstata, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-konsumaturi ma jużawx b’mod differenti s-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut u l-prodotti.

21      Fir-rigward tal-kriterju tan-natura kompetittiva tal-prodotti u tas-servizzi, ir-rikorrenti tosserva li dawn tal-aħħar jikkompetu ma’ xulxin meta jiġu kkunsidrati mill-konsumaturi bħala skambjabbli, li mhuwiex il-każ f’dan il-każ. Fir-rigward tal-komplementarjetà tagħhom, ir-rikorrenti tikkunsidra li dan huwa l-każ meta wieħed minnhom huwa indispensabbli jew importanti għall-użu tal-ieħor, u mhuwiex sempliċement sussidjarju jew sekondarju, kif inhu l-każ f’dan il-każ.

22      Minn dan ir-rikorrenti tikkonkludi li l-prodotti u s-servizzi kkonċernati ma jixxiebhux fir-rigward tan-natura, l-użu intenzjonat u l-użu tagħhom. Barra minn dan, ma teżisti bejniethom ebda relazzjoni ta’ komplementarjetà jew ta’ kompetizzjoni. L-uniku xebh jinsab fil-fatt li l-prodotti huma mibjugħa u s-servizzi proposti fl-istess postijiet tal-bejgħ.

23      Madankollu, dan il-fatt waħdu ma jistax jirrendi dawn il-prodotti u dawn is-servizzi simili fis-sens tal-kriterji msemmija fis-sentenza Canon, punt 16 iktar ’il fuq, billi l-Qorti tal-Ġustizzja ma ssemmix il-“kanali ta’ distribuzzjoni simili” bħala kriterju għall-evalwazzjoni tax-xebh tal-prodotti u/jew tas-servizzi. Skont ir-rikorrenti, billi l-biċċa l-kbira tal-prodotti huma mibjugħa fi stabbilimenti kbar, il-konsumaturi ma jagħtux iktar importanza lill-post tal-bejgħ meta huma jikkontemplaw l-oriġini komuni tal-prodotti. Barra minn dan, fir-rigward tas-seba’ premessa tar-Regolament Nru 40/94 u tal-ġurisprudenza, ir-rikorrenti tirrileva li l-linja rqiqa li tissepara l-prodotti u s-servizzi li jixxiebhu minn dawk li ma jixxiebhux għandha tinġibed billi ssir evalwazzjoni tax-xebh tagħhom li ma tkun limitata għal serje ta’ kriterji astratti u artifiċjali; il-perspettiva kummerċjali hija fundamentali. Fil-fatt, il-pubbliku ma jikkunsidrax li prodotti u servizzi jixxiebhu minħabba li dawn huma mibjugħa fl-istess post: il-prodotti u s-servizzi jkunu jixxiebhu biss jekk, f’każ li jintużaw sinjali identiċi, il-pubbliku jista’ jemmen li dawn joriġinaw mill-istess impriża jew minn impriżi ekonomikament marbuta. Madankollu, il-pubbliku jaf li mhumiex l-impriżi li joperaw fis-settur tal-kummerċ bl-imnut, bħal Marks & Spencer jew Galeries Lafayette, li jipproduċu l-merkanzija li huma jiddistribwixxu. Għaldaqstant, anki jekk ċerti prodotti jkunu offerti għall-bejgħ fl-istess post bħal ċerti servizzi marbuta mal-kummerċ bl-imnut, il-konsumatur finali jaf li dawn huma fundamentalment differenti fir-rigward tan-natura tagħhom u li ma joriġinawx mill-istess impriża jew impriżi ekonomikament marbuta.

24      It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Bord tal-Appell żbalja meta ċaħad l-argument tagħha li skontu huwa neċessarju li jiġi eskluż ix-xebh bejn il-prodotti koperti bit-trade mark preċedenti u s-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut ikkonċernati, u dan sabiex tiġi evitata protezzjoni wiesgħa wisq tat-trade marks ta’ servizzi li jaqgħu taħt il-kummerċ bl-imnut inġenerali. Altrimenti, il-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata għas-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut jista’ jitlob protezzjoni fir-rigward tal-prodotti kollha li jistgħu jinbiegħu bl-imnut. Dan ir-riskju marbut ma’ protezzjoni wiesgħa wisq ma ġiex evitat, kif madankollu kienu jirrikjedu l-kriterji msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte, punt 17 iktar ’il fuq, li fiha ġie indikat li kien neċessarju li jiġu speċifikati dettalji fir-rigward tal-prodotti jew tat-tipi ta’ prodotti kkonċernati mis-servizzi. Għadu fil-fatt possibbli li tinkiseb ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark li tkopri servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut li huma relatati mal-prodotti kollha li jaqgħu taħt il-klassijiet 1 sa 34.

25      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li t-trade mark preċedenti ftit għandha karattru distintiv. L-element “store” huwa magħruf mill-konsumaturi Ewropej kollha, inklużi dawk Franċiżi, b’mod li huwa sempliċement deskrittiv. L-elementi “the” u “o” għandhom karattru distintiv minimu, jew tabilħaqq ineżistenti. Minn dan isegwi li t-trade mark verbali preċedenti THE O STORE għandha tiġi kkunsidrata bħala trade mark li mhijiex distintiva ħafna, iktar u iktar billi l-intervenjenti ma pprovat li din it-trade mark kienet stabbilita sewwa fis-suq Franċiż.

26      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-paragun tas-sinjali, ir-rikorrenti tfakkar il-ġurisprudenza li skontha l-paragun, mill-perspettiva viżiva, fonetika jew kunċettwali, għandu jkun ibbażat fuq l-impressjoni ġlobali prodotta mit-trade marks, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-elementi distintivi u dominanti ta’ dawn tal-aħħar. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirrileva li, għalkemm it-trade marks inkwistjoni jippreżentaw ċertu xebh, il-Bord tal-Appell injora n-nuqqas ta’ xebh fl-elementi distintivi tagħhom. Issa, minħabba l-karattru purament deskrittiv tiegħu, l-element “store” huwa injorat mill-pubbliku rilevanti fl-impressjoni ġlobali tiegħu, b’mod li l-elementi li għandhom jiġu pparagunati huma “the” u “o”. Viżwalment, teżisti differenza konsiderevoli bejn dawn l-elementi (numru ta’ ittri u pronunzja). Anki jekk jitqies li l-pubbliku ma jinjorax totalment l-element “store” fl-impressjoni ġlobali prodotta mit-trade marks, l-artiklu “the” jikkaratterizza suffiċjentement it-trade mark preċedenti u jiddistingwiha mit-trade mark ikkontestata. Għalhekk, jeżistu differenzi perċettibbli bejn iż-żewġ trade marks minħabba l-preżenza tal-artiklu “the”, li huwa assenti fit-trade mark Komunitarja, u minħabba l-karattru mhux distintiv ħafna, jew tabilħaqq ineżistenti, tal-elementi l-oħra tat-trade mark preċedenti, jiġifieri l-ittra “o” u l-kelma “store”.

27      Fir-raba’ lok, wara li fakkret il-ġurisprudenza fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, ir-rikorrenti tispeċifika li, f’dan il-każ, il-kawża hija bejn is-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut u l-prodotti. Għandha tiġi evitata protezzjoni wiesgħa wisq tat-trade marks meta huma jirrigwardaw servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut. Għall-kuntrarju, huwa neċessarju li dawn tal-aħħar jiġu protetti kontra l-pretensjonijiet infondati ta’ proprjetarji ta’ trade marks irreġistrati għal ċerti prodotti, f’dan il-każ prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 18 u 25. Skont ir-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet espressament fis-sentenza Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte, punt 17 iktar ’il fuq, li l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tat-trade marks li jkopru s-servizzi li jaqgħu taħt il-kummerċ bl-imnut, li jirrikjedu interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

28      Ir-rikorrenti tikkonkludi billi tfakkar li jirriżulta mill-Komunikazzjoni Nru 3/01 tal-President tal-UASI li “[i]l-probabbiltà ta’ konfużjoni ftit li xejn hija probabbli bejn, minn naħa, servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut u, min-naħa l-oħra, prodotti speċifiċi, ħlief f’każijiet partikolari ħafna, b’mod partikolari meta t-trade marks inkwistjoni huma identiċi jew kważi identiċi, u huma stabbiliti sewwa fis-suq”.

29      L-UASI jitlob li l-motiv waħdieni jiġi miċħud u jispeċifika, filwaqt li jirreferi għall-punti 19 u 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li, f’kull każ, peress li s-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut huma marbuta mal-prodotti jew huma dipendenti fuqhom, in-natura, l-użu intenzjonat u l-użu rispettivi tagħhom huma marbuta, jekk mhux b’mod oġġettiv, tal-inqas fil-perċezzjoni soġġettiva tal-konsumaturi.

30      L-intervenjenti titlob ukoll li l-imsemmi motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

31      L-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi b’mod partikolari:

“1. It-trade mark Komunitarja għandha tiġi dikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni,

a)      meta jkun hemm trademark preċedenti kif msemmi fl-Artikolu 8(2) u l-kundizzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 5 ta’ dak l-Artikolu jkunu sodisfatti;

[...]”

32      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa “jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti”.

33      Barra minn dan, skont l-Artikolu 8(2)(a)(i) u (ii) tar-Regolament Nru 40/94, trade marks preċedenti tfisser trade marks Komunitarji kif ukoll trade marks irreġistrati fi Stat Membru li d-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom tiġi qabel dik tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

34      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jemmen li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Canon, punt 16 iktar ’il fuq, punt 29, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C‑193/06 P, Ġabra p. I-114, punt 32; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Oberhauser vs UASI – Petit Liberto (Fifties), T‑104/01, Ġabra p. II‑4359, punt 25, u tal-11 ta’ Lulju 2007, Mülhens vs UASI – Minoronzoni (TOSCA BLU), T‑150/04, Ġabra p. II-2353, punt 25].

35      Barra minn dan, skont ġurisprudenza stabbilita, il-probabbiltà ta’ konfużjoni fil-moħħ tal-pubbliku għandha tiġi evalwata globalment fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C‑251/95, Ġabra p. I‑6191, punt 22, u Nestlé vs UASI, punt 34 iktar ’il fuq, punt 33; sentenzi Fifties, punt 34 iktar ’il fuq, punt 26, u TOSCA BLU, punt 34 iktar ’il fuq, punt 26).

36      Din l-evalwazzjoni globali timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, ix-xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. B’hekk, livell ta’ xebh dgħajjef bejn il-prodotti u s-servizzi koperti jista’ jkun ikkumpensat b’livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u bil-maqlub [sentenzi Canon, punt 16 iktar ’il fuq, punt 17, u tat-22 ta’ Ġunju 2000, Marca Mode, C‑425/98, Ġabra p. I‑4861, punt 40; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T‑6/01, Ġabra p. II‑4335, punt 25, ikkonfermata fuq appell permezz ta’ digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 2004, Matratzen Concord vs UASI, C‑3/03 P, Ġabra p. I‑3657]. L-interdipendenza bejn dawn il-fatturi tissemma fis-seba’ premessa tar-Regolament Nru 40/94 li tgħid li l-kunċett ta’ xebh għandu jingħata interpretazzjoni marbuta mal-probabbiltà ta’ konfużjoni, li l-evalwazzjoni tagħha tiddependi fuq diversi fatturi u, b’mod partikolari, fuq l-għarfien tat-trade mark fuq is-suq, l-assoċjazzjoni li tista’ ssir bejn is-sinjal użat u dak irreġistrat, il-livell ta’ xebh bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-prodotti jew servizzi identifikati (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Ġunju 2004, BMI Bertollo vs UASI – Diesel (DIESELIT), T‑186/02, Ġabra p. II‑1887, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Barra minn dan, l-evalwazzjoni globali, fir-rigward tax-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali konfliġġenti, għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni globali li joħolqu dawn tal-aħħar, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Fil-fatt, mit-termini tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, li jgħid li “[…] teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku […]”, jirriżulta li l-perċezzjoni tat-trade marks li għandu l-konsumatur medju tat-tip ta’ prodott jew servizz inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Issa l-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark bħala unità waħda u ma joqgħodx jeżamina d-diversi dettalji tagħha (ara, f’dan is-sens, sentenzi SABEL, punt 35 hawn fuq, punt 23, u Nestlé vs UASI, punt 34 hawn fuq, punt 34; sentenza DIESELIT, punt 36 hawn fuq, punt 38).

38      Għall-finijiet tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-konsumatur medju tal-prodotti inkwistjoni jitqies li jkun ordinarjament informat u raġonevolment attent u prudenti. Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-każijiet meta l-konsumatur medju jkollu l-possibbiltà li jagħmel paragun dirett bejn id-diversi trade marks huma rari iżda huwa jkollu jistrieħ fuq l-istampa imperfetta tagħhom li jkun żamm f’moħħu. Hemm lok li jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni l-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi kkonċernati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 26; sentenzi Fifties, punt 34 iktar ’il fuq, punt 28, et DIESELIT, punt 36 iktar ’il fuq, punt 38).

39      F’dan il-każ, billi t-trade mark preċedenti li fuqha hija bbażata t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark Komunitarja hija trade mark nazzjonali rreġistrata fi Franza, l-eżami għandu jiġi ristrett għat-territorju Franċiż.

40      Fid-dawl tan-natura tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati, il-pubbliku rilevanti huwa kkostitwit mill-konsumatur medju li għandu jitqies li jkun ordinarjament informat u raġonevolment attent u prudenti, kif ikkonstata l-Bord tal-Appell fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata.

41      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandha tiġi eżaminata l-evalwazzjoni mwettqa mill-Bord tal-Appell tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali konfliġġenti.

–       Fuq ix-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi

42      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn prodotti jew servizzi, hemm lok li jiġu kkunsidrati l-fatturi kollha rilevanti li jikkaratterizzaw ir-rabta li tista’ teżisti bejniethom. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, it-tip, l-użu intenzjonat, l-użu kif ukoll in-natura kompetittiva jew komplementari tagħhom [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Canon, punt 16 iktar ’il fuq, punt 23, u tal-11 ta’ Mejju 2006, Sunrider vs UASI, C‑416/04 P, Ġabra p. I‑4237, punt 85; ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Jannar 2003, Mystery Drinks vs UASI – Karlsberg Brauerei (MYSTERY), T‑99/01, Ġabra p. II‑43, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-15 ta’ Marzu 2006, Eurodrive Services and Distribution vs UASI – Gómez Frías (euroMASTER), T‑31/04, Ġabra p. II-27, punt 31].

43      Fir-rigward, b’mod partikolari, tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark li tkopri servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 34 tas-sentenza Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte, punt 17 iktar ’il fuq, li l-għan tal-kummerċ bl-imnut huwa l-bejgħ ta’ merkanzija lill-konsumaturi, kummerċ li jinkludi, barra l-att ġuridiku tal-bejgħ, kull attività magħmula min-negozjant bl-iskop li jinkoraġġixxi l-konklużjoni ta’ tali att u li din l-attività tikkonsisti, b’mod partikolari, fl-għażla ta’ taħlita ta’ merkanzija mqiegħda għall-bejgħ u fl-offerta ta’ diversi servizzi intiżi sabiex iwasslu lill-konsumatur sabiex jikkonkludi l-imsemmi att man-negozjant inkwistjoni iktar milli ma’ kompetitur. Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, fil-punt 35 tal-imsemmija sentenza, li l-ebda raġuni imperattiva bbażata fuq l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru, 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1), jew fuq il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju ma tipprekludi lil dawn is-servizzi milli jkunu koperti mill-kunċett ta’ “servizzi” fis-sens tad-Direttiva u, konsegwentement, lin-negozjant milli jkollu d-dritt li jikseb, permezz tar-reġistrazzjoni tat-trade mark tiegħu, il-protezzjoni ta’ din tal-aħħar bħala indikazzjoni tal-oriġini tas-servizzi pprovduti minnu.

44      Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, fis-sentenza Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte, punt 17 iktar ’il fuq (punti 49 u 50), li, għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark li tkopri servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut, mhuwiex meħtieġ li jiġu speċifikati fid-dettall is-servizz jew servizzi li għalihom tintalab din ir-reġistrazzjoni. Mill-banda l-oħra, l-applikant għandu jiġi mitlub jispeċifika l-merkanzija jew it-tipi ta’ merkanzija li għalihom jirreferu dawn is-servizzi.

45      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni tax-xebh bejn is-servizzi ta’ “bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa ta’ ħwejjeġ, kpiepel, żraben, basktijiet ta’ l-isport, barżakki u portafolli” koperti bit-trade mark Komunitarja kkontestata, minn naħa, u l-prodotti koperti bit-trade mark preċedenti, jiġifieri l-“ħwejjeġ, kpiepel, żraben, barżakki, basktijiet ta’ l-isport għal użu multiplu, basktijiet ta’ l-ivvjaġġar, portafolli”, min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punti 18 sa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien jeżisti xebh kbir bejn l-imsemmija servizzi u prodotti minħabba n-natura, l-użu intenzjonat, l-użu, il-kanali ta’ distribuzzjoni u l-komplementarjetà tagħhom.

46      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-fatturi li jikkonsistu fin-natura, fl-użu intenzjonat u fl-użu ta’ servizzi u ta’ prodotti inkwistjoni, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-imsemmija servizzi u prodotti jixxiebhu.

47      Fil-fatt, kif barra minn dan irrilevat id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni fil-punti 21 u 22 tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Ġunju 2004, in-natura tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati, minħabba n-natura funġibbli tal-prodotti u n-natura mhux funġibbli tas-servizzi, hija differenti. L-użu intenzjonat tagħhom huwa wkoll differenti, billi servizz ipprovdut fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut jinsab f’punt li jiġi qabel dak li għalih prodott huwa intiż u jikkonċerna l-attività użata min-negozjant bl-għan li jinkoraġixxi l-konklużjoni tal-att ta’ bejgħ ta’ dan il-prodott. B’hekk, pereżempju, oġġett ta’ lbies huwa intiż b’mod partikolari sabiex ilibbes lill-persuna li tkun akkwistatu, filwaqt li servizz marbut mal-bejgħ ta’ oġġetti ta’ lbies huwa intiż, fost l-oħrajn, sabiex joffri l-għajuna lil din il-persuna li tkun interessata fix-xiri ta’ oġġett ta’ lbies. L-istess japplika għall-użu tagħhom, billi l-użu ta’ oġġett ta’ lbies jikkonsisti fil-fatt li jintlibes, filwaqt li l-użu ta’ servizz marbut mal-bejgħ ta’ oġġetti ta’ lbies jikkonsisti, b’mod partikolari, fil-kisba ta’ informazzjoni dwar l-oġġetti ta’ lbies sabiex isir ix-xiri tagħhom.

48      It-tieni nett, fir-rigward tal-kanali ta’ distribuzzjoni tas-servizzi u tal-prodotti inkwistjoni, huwa veru, kif ġustament irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut jistgħu jiġu offerti fl-istess postijiet bħal dawk li fihom jinbiegħu l-prodotti inkwistjoni, kif ammess ukoll mir-rikorrenti. Il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell, li skontha s-servizzi marbuta mal-bejgħ bl-imnut huma rarament offerti f’postijiet differenti minn dawk li fihom isir il-bejgħ bl-imnut tal-prodotti u l-konsumaturi m’għandhomx għalfejn imorru f’postijiet differenti biex jiksbu s-servizz marbut mal-bejgħ bl-imnut u l-prodott li huma jixtru, għandha għalhekk tiġi kkonfermata.

49      Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-fatt li s-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut jinsabu fl-istess postijiet tal-bejgħ bħall-prodotti huwa kriterju rilevanti għall-finijiet tal-eżami tax-xebh bejn is-servizzi u l-prodotti kkonċernati. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 23 tas-sentenza Canon, punt 16 iktar ’il fuq, li, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti jew servizzi inkwistjoni, għandhom jiġu kkunsidrati l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-rabta bejn il-prodotti u s-servizzi. Hija speċifikat li dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura, l-użu intenzjonat, l-użu kif ukoll in-natura kompetittiva jew komplementari tagħhom, b’mod li hija qatt ma kkunsidrat li dawn il-fatturi kienu l-uniċi li setgħu jiġu kkunsidrati, billi l-enumerazzjoni tagħhom sar biss bl-iskop li jingħataw eżempji. Għalhekk il-Qorti tal-Prim’Istanza minn dan iddeduċiet li fatturi rilevanti oħra biex jikkaratterizzaw ir-rabta li tista’ teżisti bejn il-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati, bħall-kanali ta’ distribuzzjoni tal-prodotti kkonċernati [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 2007, El Corte Inglés vs UASI – Bolaños Sabri (PiraÑAM diseño original Juan Bolaños), T‑443/05, Ġabra p. II-2579, punt 37; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-1 ta’ Marzu 2005, Sergio Rossi vs UASI – Sissi Rossi (SISSI ROSSI), T‑169/03, Ġabra p. II‑685, punt 65, ikkonfermata fuq appell permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2006, Rossi vs UASI, C‑214/05 P, Ġabra p. I‑7057, u tat-22 ta’ Marzu 2007, Saint-Gobain Pam vs UASI – Propamsa (PAM PLUVIAL), T‑364/05, Ġabra p. II‑757, punt 95].

50      Barra minn dan, kuntrarjament għall-affermazzjoni tar-rikorrenti, li ma ġietx sostnuta, li skontha, billi l-parti l-kbira tal-prodotti inkwistjoni huma mibjugħa fi stabbilimenti kbar, il-konsumaturi ma jagħtux iktar importanza lill-post tal-bejgħ meta huma jikkontemplaw l-oriġini komuni tal-prodotti, għandu jiġi kkonstatat li, kif sostna l-UASI, il-manifatturi tal-prodotti inkwistjoni ġeneralment ikollhom il-postijiet tal-bejgħ tagħhom sabiex ibiegħu l-prodotti tagħhom jew jirrikorru għal ftehim ta’ distribuzzjoni li jawtorizzaw lill-fornitur ta’ servizzi marbuta mal-kummerċ bl-imnut sabiex juża l-istess trade mark bħal dik imqiegħda fuq il-prodotti mibjugħa.

51      Għalhekk ma sar ebda żball meta, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, ittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-paragun tal-prodotti u tas-servizzi koperti bit-trade marks konfliġġenti, il-fatt li dawn il-prodotti u servizzi kienu kkumerċjalizzati, bħala regola ġenerali, fl-istess postijiet tal-bejgħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi SISSI ROSSI, punt 49 iktar ’il fuq, punt 68, u PiraÑAM diseño original Juan Bolaños, punt 49 iktar ’il fuq, punt 37).

52      It-tielet nett, fir-rigward tal-komplementarjetà tas-servizzi u tal-prodotti inkwistjoni, ikkonstatata mill-Bord tal-Appell fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prodotti komplementari huma dawk li bejniethom teżisti rabta stretta, fis-sens li wieħed huwa indispensabbli jew importanti għall-użu tal-ieħor, b’mod li l-konsumaturi jistgħu jaħsbu li r-responsabbiltà ta’ dawn il-prodotti taqa’ fuq l-istess impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi SISSI ROSSI punt 49 iktar ’il fuq, punt 60; PAM PLUVIAL, punt 49 iktar ’il fuq, punt 94, u PiraÑAM diseño original Juan Bolaños, punt 49 iktar ’il fuq, punt 48).

53      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-prodotti koperti bit-trade mark preċedenti, jiġifieri l-ħwejjeġ, il-kpiepel, iż-żraben, il-basktijiet tal-isport għal użu multiplu, il-barżakki u l-portafolli, huma identiċi għal dawk li jirrigwardaw is-servizzi tar-rikorrenti.

54      Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, minn naħa, ir-relazzjoni bejn is-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut u l-prodotti koperti bit-trade mark preċedenti hija kkaratterizzata minn rabta stretta fis-sens li l-prodotti huma indispensabbli jew, tal-inqas, importanti għall-użu ta’ dawn is-servizzi, billi dawn tal-aħħar huma preċiżament ipprovduti meta jsir il-bejgħ ta’ dawn il-prodotti. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 34 tas-sentenza Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte, punt 17 iktar ’il fuq, l-għan tal-kummerċ bl-imnut huwa l-bejgħ ta’ merkanzija lill-konsumaturi, u barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li dan il-kummerċ jinkludi, barra l-att ġuridiku tal-bejgħ, kull attività magħmula min-negozjant bl-iskop li jinkoraġġixxi l-konklużjoni ta’ tali att. Tali servizzi, li huma għalhekk ipprovduti bl-għan li jinbiegħu ċerti prodotti partikolari, ma jagħmlux sens fin-nuqqas ta’ dawn tal-aħħar.

55      Min-naħa l-oħra, ir-relazzjoni bejn il-prodotti koperti bit-trade mark preċedenti u s-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut ta’ prodotti identiċi għal dawk koperti bit-trade mark preċedenti hija wkoll ikkaratterizzata mill-fatt li dawn is-servizzi għandhom, mill-perspettiva tal-konsumatur rilevanti, rwol importanti meta huwa jgħaddi biex jixtri l-prodotti offerti għall-bejgħ.

56      Minn dan isegwi li, minħabba li s-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut, li għandhom bħala għan, bħal f’dan il-każ, prodotti identiċi għal dawk koperti bit-trade mark preċedenti, huma strettament marbuta ma’ dawn il-prodotti, ir-relazzjoni eżistenti bejn dawn is-servizzi u dawn il-prodotti hija kkaratterizzata minn komplementarjetà fis-sens indikat fil-punti 54 u 55 iktar ’il fuq. Dawn is-servizzi ma jistgħux għalhekk jiġu kkunsidrati, kif jallega r-rikorrenti, bħala li huma sussidjarji jew sekondarji meta mqabbla mal-prodotti inkwistjoni.

57      Għalhekk, minkejja l-konstatazzjoni ineżatta magħmula mill-Bord tal-Appell li skontha s-servizzi u l-prodotti inkwistjoni kellhom l-istess natura, l-istess użu intenzjonat u l-istess użu, dawn is-servizzi u l-prodotti inkontestabbilment jixxiebhu, fid-dawl tal-fatt li huma komplementari u li s-servizzi huma ġeneralment offerti fl-istess postijiet bħal dawk li fihom il-prodotti jiġu offerti għall-bejgħ.

58      Jirriżulta għalhekk mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni għandhom ċertu livell ta’ xebh bejniethom, b’mod li l-konstatazzjoni magħmula fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata li tikkonkludi favur l-eżistenza ta’ tali xebh għandha tiġi kkonfermata.

59      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-paragun tas-“servizzi ta’ bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa, inklużi [s-]servizzi ta’ bejgħ bl-imnut on-line” mal-prodotti inkwistjoni, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 50 tas-sentenza Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte, punt 17 iktar ’il fuq, li l-applikant għal trade mark Komunitarja għandu jiġi mitlub jispeċifika l-prodotti jew tipi ta’ prodotti kkonċernati minn dawn is-servizzi.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti qatt ma speċifikat, kif ġustament indika l-Bord tal-Appell fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, il-prodotti jew tipi ta’ prodotti kkonċernati mis-“servizzi ta’ bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa, inklużi [s-]servizzi ta’ bejgħ bl-imnut on-line”.

61      Għandu jiġi kkonstatat li, minħabba t-termini ġeneriċi ħafna tagħhom, is-“servizzi ta’ bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa, inklużi [s-] servizzi ta’ bejgħ bl-imnut on-line” jistgħu jinkludu l-prodotti kollha, inklużi dawk koperti bit-trade mark preċedenti. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li hemm xebh bejn is-“servizzi ta’ bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa, inklużi [s-]servizzi ta’ bejgħ bl-imnut on-line” u l-prodotti kkonċernati.

62      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li l-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidra li s-servizzi ta’ “bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa ta’ ħwejjeġ, kpiepel, żraben, basktijiet ta’ l-isport, barżakki u portafolli”, kif ukoll is-“servizzi ta’ bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa, inklużi [s-]servizzi ta’ bejgħ bl-imnut on-line”, kienu jixbhu lill-prodotti koperti bit-trade mark preċedenti.

–       Fuq ix-xebh tas-sinjali

63      Kif ġie indikat fil-punt 37 iktar ’il fuq, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, fir-rigward tax-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks inkwistjoni, għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni globali li joħolqu dawn tal-aħħar, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-elementi distintivi u dominanti tagħhom [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja SABEL, punt 35 iktar ’il fuq, punt 23, u tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziaria vs UASI, C‑234/06 P, Ġabra p. I‑7333, punt 33; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T‑292/01, Ġabra p. II‑4335, punt 47, u tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T‑256/04, Ġabra p. II‑449, punt 52].

64      B’mod ġenerali, żewġ trade marks ikunu jixxiebhu meta, mill-perspettiva tal-pubbliku kkonċernat, huma jkunu almenu parzjalment identiċi f’dak li jikkonċerna aspett rilevanti wieħed jew iktar [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza MATRATZEN, punt 36 iktar ’il fuq, punt 30, u tat-12 ta’ Settembru 2007, Koipe vs UASI – Aceites del Sur (La Española), T‑363/04, Ġabra p. II-3355, punt 98].

65      F’dan ir-rigward, is-sinjali li għandhom jiġu pparagunati huma dawn li ġejjin:


Trade mark nazzjonali preċedenti


Trade mark Komunitarja kkontestata


THE O STORE


O STORE


66      Fir-rigward tal-paragun viżiv, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ikkunsidra ġustament, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sinjali konfliġġenti kienu jixxiebhu ħafna minħabba li t-tnejn li huma jikkontjenu l-isem O STORE, u l-unika differenza hija l-ommissjoni, f’wieħed miż-żewġ sinjali, tal-artiklu mhux distintiv “the”. Fil-fatt, is-sinjal O STORE huwa interament inkluż fit-trade mark nazzjonali preċedenti THE O STORE.

67      Minn dan isegwi li t-trade mark Komunitarja kkontestata tippreżenta xebh viżiv qawwi mat-trade mark nazzjonali preċedenti.

68      Fir-rigward tal-paragun fonetiku tas-sinjali inkwistjoni, dawn tal-aħħar għandhom inkomuni s-sinjal O STORE. Għalkemm it-trade mark nazzjonali preċedenti tikkontjeni wkoll l-artiklu mhux distintiv “the”, il-pronunzja ta’ dawn iż-żewġ sinjali hija prattikament identika u żgur ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li teżisti differenza fonetika bejniethom.

69      Is-sinjali konfliġġenti għalhekk jixxiebhu wkoll mill-perspettiva fonetika.

70      Fir-rigward tal-paragun kunċettwali, għandu jiġi kkonstatat li dawn iż-żewġ sinjali jagħmlu wkoll riferenza, fil-lingwa Ingliża, għall-kunċett ta’ ħanut u li ebda differenzjar ma jista’ jsir bejniethom.

71      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ikkunsidra ġustament li s-sinjali konfliġġenti kienu jixxiebhu ħafna peress li s-sinjali konfliġġenti jinkludu l-element identiku “o store”, u peress li l-unika differenza tinsab fl-ommissjoni, fit-trade mark Komunitarja kkontestata, tal-artiklu mhux distintiv “the”.

–       Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

72      Kif ġie kkonstatat fil-punti 42 sa 62 iktar ’il fuq, is-servizzi kkonċernati u l-prodotti koperti bit-trade mark preċedenti jixxiebhu. Barra minn dan, l-impressjoni globali li jipproduċu s-sinjali konfliġġenti tista’ toħloq, fid-dawl tax-xebh kbir bejniethom, probabbiltà ta’ konfużjoni fil-moħħ tal-konsumatur.

73      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fil-punt 48 tas-sentenza Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte, punt 17 iktar ’il fuq, li, skont il-ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-każ u speċifikat li, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni globali, huwa possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-bżonn, il-karatteristiċi partikolari tal-kunċett ta’ “servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut” li huma marbuta mal-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tiegħu, filwaqt li jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha kkonċernati.

74      Issa, f’dan il-każ, mhuwiex eskluż li l-prodotti inkwistjoni jinbiegħu fl-istess postijiet tal-bejgħ bħal dawk li fihom jiġu offerti s-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut, ħaġa li tista’ b’mod partikolari sseħħ jekk il-prodotti koperti bit-trade mark THE O STORE jinbiegħu permezz ta’ servizzi O STORE koperti bit-trade mark Komunitarja kkontestata, u b’hekk tinħoloq probabbiltà ta’ konfużjoni fil-moħħ tal-konsumaturi.

75      Anki jekk jitqies li, f’dan il-każ, il-prodotti koperti bit-trade mark preċedenti THE O STORE ma jinbiegħux permezz tas-servizzi O STORE koperti bit-trade mark Komunitarja kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li l-pubbliku rilevanti, meta kkonfrontat bis-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut, b’mod partikolari ta’ ħwejjeġ jew ta’ żraben, u koperti bit-trade mark O STORE jista’ jemmen li dawn is-servizzi huma offerti għall-bejgħ mill-istess impriża bħal dik li tbiegħ dawn l-istess prodotti taħt it-trade mark THE O STORE jew minn impriża li hija marbuta magħha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, iridu jittieħdu bħala referenza l-modalitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni “normali” tal-prodotti u tas-servizzi koperti bit-trade marks konfliġġenti, jiġifieri dawk li normalment wieħed jistenna fir-rigward tal-kategorija tal-prodotti jew tas-servizzi koperti bit-trade marks inkwistjoni [ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Jannar 2006, Devinlec vs UASI – TIME ART (QUANTUM), T‑147/03, Ġabra p. II‑11, punt 103, ikkonfermata fuq appell permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 2007, T.I.M.E. ART vs Devinlec u UASI, C‑171/06 P, Ġabra p. I-41].

76      It-teħid inkunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet oġġettivi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi koperti bit-trade marks konfliġġenti hija totalment iġġustifikata. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li l-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni li l-awtoritajiet tal-UASI huma msejħa li jwettqu huwa eżami prospettiv. Issa, peress li l-modalitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni partikolari tal-prodotti u tas-servizzi koperti bit-trade marks jistgħu jvarjaw fiż-żmien u skont il-volontà tal-proprjetarji ta’ dawn it-trade marks, l-analiżi prospettiva tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn żewġ trade marks, li għandha għan ta’ interess ġenerali, jiġifieri dak li l-pubbliku rilevanti ma jistax ikun espost għar-riskju li jiġi żgwidat fir-rigward tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti inkwistjoni, ma tistax tiddependi mill-intenzjonijiet kummerċjali, imwettqa jew le, u li min-natura tagħhom huma suġġettivi, tal-proprjetarji tat-trade marks [sentenzi (QUANTUM), punt 75 iktar ’il fuq, punt 104, u T.I.M.E. ART vs Devinlec u UASI, punt 75 iktar ’il fuq, punt 59).

77      Fl-aħħar nett, rigward l-argument tar-rikorrenti li skontu l-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi eskluża minħabba l-karattru distintiv minimu, jew tabilħaqq ineżistenti, tal-elementi “the” u “o” tat-trade mark preċedenti THE O STORE, u dan iktar u iktar billi l-intervenjenti ma pprovatx li din it-trade mark kienet stabbilita sewwa fis-suq Franċiż, għandu jiġi rrilevat li, kif indika ġustament l-UASI, għalkemm dawn l-elementi, meħuda waħedhom, għandhom karattru distintiv dgħajjef, jibqa’ l-fatt li dawn l-elementi flimkien, li tnejn minnhom joħorġu mil-lingwa Ingliża, jirriżultaw li huma normalment distintivi għall-konsumaturi Franċiżi fir-rigward tal-prodotti koperti. Billi t-trade mark preċedenti hija normalment disintiva, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat fil-fatt.

78      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li l-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidra li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni u li ġustament ikkonferma l-invalidità tat-trade mark Komunitarja O STORE għas-servizzi ta’ “bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa ta’ ħwejjeġ, kpiepel, żraben, basktijiet tal-isport, barżakki u portafolli”, u għas-“servizzi ta’ bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa, inklużi [s-]servizzi ta’ bejgħ bl-imnut on-line”.

79      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv waħdani invokat mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet tagħha għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-talba tal-intervenjenti bbażata fuq l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura

 L-argumenti tal-partijiet

80      L-intervenjenti titlob ir-riforma tad-deċiżjoni kkontestata safejn fiha l-Bord tal-Appell ikkonstata li ma kien jeżisti ebda xebh bejn, minn naħa, il-ħwejjeġ u l-oġġetti koperti bit-trade mark THE O STORE u, min-naħa l-oħra, is-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut relattivi għan-nuċċalijiet u għal prodotti oħra mibjugħa taħt l-indikazzjoni O STORE. Fil-fatt, għandha ssir analiżi konkreta fir-rigward tax-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni, b’mod konformi mas-sentenza Canon, punt 16 iktar ’il fuq. Issa n-nuċċalijiet, il-ġojellerija u l-arloġġi tal-idejn jistgħu jixbhu l-oġġetti ta’ lbies jew ikunu komplementari għalihom. Fil-fatt, l-impriżi tas-settur tal-moda jwaħħlu t-trade mark tagħhom mhux biss fuq il-ħwejjeġ, iżda wkoll fuq basktijiet, nuċċalijiet u arloġġi tal-idejn; dan jirrigwarda l-impriżi kollha tal-moda. Jeżisti għalhekk xebh bejn is-settur tan-nuċċalijiet u dak tal-ħwejjeġ.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

81      Bil-fatt li titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tirriforma d-deċiżjoni kkontestata safejn il-Bord tal-Appell ikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li permezz tagħha dan tal-aħħar ċaħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark Komunitarja fir-rigward tas-servizzi ta’ “bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa ta’ nuċċalijiet, nuċċalijiet tax-xemx, prodotti u aċċessorji ottiċi, arloġġi ta’ l-idejn, kronometri, ġojellerija, transfers, kartelluni”, l-intervenjenti tagħmel użu mill-possibbiltà mogħtija lilha permezz tal-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura li tifformula, fir-risposta tagħha, talbiet intiżi għar-riforma tad-deċiżjoni kkontestata fuq kap li ma jkunx tqajjem fir-rikors [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Frar 2006, Royal County of Berkshire Polo Club vs UASI – Polo vs Lauren (ROYAL COUNTY OF BERKSHIRE POLO CLUB), T‑214/04, Ġabra p. II‑239, punt 50].

82      F’każ bħal dan, il-partijiet l-oħra jistgħu, skont l-Artikolu 135(3) tar-Regoli tal-Proċedura, f’terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri min-notifika tar-risposta li tkun saretilhom, jippreżentaw sottomissjonijiet li jkollhom bħala għan li jirrispondu għat-talbiet ippreżentati l-ewwel darba fin-nota tal-intervenjent (ara, f’dan is-sens, sentenza ROYAL COUNTY OF BERKSHIRE POLO CLUB, punt 81 iktar ’il fuq, punt 51). La r-rikorrenti u lanqas l-UASI ma’ għamlu użu minn din il-possibbiltà, għalkemm dan tal-aħħar diġà ħa pożizzjoni fuq dan il-punt fir-risposta tiegħu, sabiex jitlob il-konferma sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, fis-seduta, kemm ir-rikorrenti kif ukoll l-UASI ħadu pożizzjoni fuq it-talba tal-intervenjenti u stiednu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiċħad din it-talba bħala infondata.

83      Il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li ftit kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward tas-servizzi ta’ “bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa ta’ nuċċalijiet, nuċċalijiet tax-xemx, prodotti u aċċessorji ottiċi, arloġġi ta’ l-idejn, kronometri, ġojellerija, transfers, kartelluni”. Fil-fatt, in-natura tal-bejgħ bl-imnut ta’ dawn il-prodotti u dik ta’ oġġetti ta’ lbies u ta’ prodotti tal-ġilda hija differenti, il-bejgħ ma jissodisfax l-istess bżonnijiet, mhemmx komplementarjetà u l-kanali ta’ distribuzzjoni huma differenti (punti 28 sa 30 tad-deċiżjoni kkontestata).

84      Din il-konklużjoni għandha tiġi kkonfermata.

85      Fil-fatt, minkejja l-fatt li, kif ġie kkonstatat fil-punti 63 sa 70 iktar ’il fuq, is-sinjali jixxiebhu ħafna, ma jeżisti ebda xebh bejn, b’mod partikolari, is-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut ta’ nuċċalijiet, minn naħa, u l-prodotti ta’ lbies u l-prodotti tal-ġilda, min-naħa l-oħra. It-trade mark preċedenti ma tkoprix, direttament jew indirettament, prodotti li jixbhu lin-“nuċċalijiet, nuċċalijiet tax-xemx, prodotti u aċċessorji ottiċi, arloġġi ta’ l-idejn, kronometri, ġojellerija, transfers u kartelluni”.

86      L-argument tal-intervenjenti li skontu n-nuċċalijiet, il-ġojellerija u l-arloġġi tal-idejn jistgħu jixbhu l-oġġetti ta’ lbies jew ikunu kkunsidrati bħala komplementari ma jistax jirnexxi, billi, kif irrileva ġustament l-UASI, ir-rabta bejn dawn il-prodotti hija wisq indiretta sabiex tiġi kkunsidrata bħala determinanti. Għandu, fil-fatt, jiġi mfakkar li t-tfittxija ta’ ċerta armonija estetika fl-ilbies tikkostitwixxi karatteristika komuni fil-qasam kollu tal-moda u tal-ilbies u tikkostitiwixxi fattur ġenerali wisq sabiex tista’ tiġġustifika, fiha nfisha, il-konklużjoni li l-prodotti kollha kkonċernati huma komplementari u, għaldaqstant, jixxiebhu (sentenza SISSI ROSSI, punt 49 iktar ’il fuq, punt 62).

87      Għalhekk, il-prodotti kkonċernati mis-servizzi kkonċernati pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut u l-prodotti koperti bit-trade mark preċedenti, imsemmija fil-punt 85 iktar ’il fuq, ma jistgħux jiġu kkunsidrati li jixxiebhu fid-dawl tal-kriterji msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Canon, punt 16 iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li parir dwar nuċċalijiet ma jistax jiġi kkunsidrat bħala komplementari għal ħwejjeġ. Barra minn dan, il-kanali ta’ distribuzzjoni tas-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut inkwistjoni u l-prodotti kkonċernati huma differenti, u, barra minn dan, kif irrileva ġustament l-UASI, il-konsumaturi ma jistennewx li manifattur ta’ ħwejjeġ u ta’ prodotti tal-ġilda jmexxi direttament jew indirettament il-postijiet tal-bejgħ ta’ nuċċalijiet, nuċċalijiet tax-xemx jew prodotti optiċi jew viċi-versa, li ma jikkorispondux għall-attività prinċipali tiegħu.

88      Minn dan isegwi li t-talba tal-intervenjenti bbażata fuq l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

89      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-UASI, kif mitlub minn dan tal-aħħar. L-intervenjenti, li ma talbitx li r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Oakley, Inc., hija kkundannata għall-ispejjeż, ħlief dawk sostnuti mill-intervenjenti.

3)      Venticinque Ltd għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Wahl

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Settembru 2008.

Reġistratur

 

       President

E. Coulon

 

      M. E. Martins Ribeiro


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.