Language of document : ECLI:EU:T:2008:395

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

24 ta’ Settembru 2008 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna eżistenti jew għajnuna ġdida – Impriża f’diffikultà – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Kriterju tal-investitur privat – Kompatibbiltà mas-suq komuni – Kundizzjonijiet”

Fil-kawża T‑20/03

Kahla/Thüringen Porzellan GmbH, stabbilita f’Kahla (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Schütte u S. Zühlke, avukati,

rikorrenti

sostnuta minn

Freistaat Thüringen (Il-Ġermanja), inizjalment irrappreżentat minn A. Weitbrecht u A. van Ysendyck, u sussegwentement minn A. Weitbrecht u M. Núñez–Müller, avukati,

u minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn W.‑D. Plessing u M. Lumma, bħala aġenti,

intervenjenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Kreuschitz u V. Di Bucci, bħala aġenti, assistiti minn C. Koenig, Professur,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/643/KE, tat-13 ta’ Mejju 2003, dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Ġermanja favur Kahla Porzellan GmbH u Kahla/Thüringen Porzellan GmbH (ĠU L 227, p. 12), inkwantu din id-deċiżjoni tirrigwarda l-għajnuna finanzjarja mogħtija favur Kahla/Thüringen Porzellan GmbH,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn M. Vilaras, President, E. Martins Ribeiro, F. Dehousse, D. Šváby u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Ottubru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        L-impriża Kahla Porzellan GmbH (iktar ’il quddiem “Kahla I”), li l-attività tagħha hija l-produzzjoni ta’ platti u oġġetti tal-porċellana, tinsab fil-Land ta’ Thuringe, waħda mir-reġjuni li tista’ eventwalment tibbenifika mill-għajnuna skont l-Artikolu 87(3)(a) KE.

2        Kahla I kienet ġiet stabbilita fl-1990 permezz tat-trasformazzjoni ta’ fużjoni kummerċjali fl-ex-Repubblika Demokratika Ġermaniża (RDĠ), VEB Vereinigte Porzellanwerke Kahla, f’żewġ kumpanniji, li waħda minnhom saret Kahla I, li kienet ġiet ipprivatizzata f’April 1991 mit-Treuhandanstalt (iktar ’il quddiem it-“THA”). Kahla I iddikjarat ruħha falluta fid-9 ta’ Awwissu 1993 u l-proċedura ta’ stralċ imbdiet fid-29 ta’ Settembru 1993.

3        L-impriża Kahla/Thüringen Porzellan GmbH (iktar ’il quddiem “Kahla II” jew ir-“rikorrenti”) kienet ġiet stabbilita f’Novembru 1993 minn G. R. F’Jannar 1994, hija ħadet kontroll tal-artijiet, tal-makkinarju u tat-tagħmir, kif ukoll ta’ 380 impjegat tal-kumpannija fi stat ta’ stralċ Kahla I.

4        Iċ-ċessjoni tal-proprjetà immobbili ta’ Kahla I kienet ġie approvata mit-THA, li lilha din il-proprjetà immobbli kienet ġiet ċeduta lura, kif ukoll mill-entità li daħlet fid-drittijiet tagħha, il-Bundesanstalt für vereinigungsbedingte Sonderaufgaben (BvS).

5        Il-kuntratt ta’ bejgħ tal-assi ta’ Kahla I kien jipprevedi prezz totali ta’ Marki Ġermaniżi (DEM) 7,391 miljun Il-prezz ta’ DEM 2,05 miljun għat-tagħmir kellu jiġi ffinanzjat minn sussidju ta’ DEM 2,5 miljun mil-Land ta’ Thuringe. Id-drittijiet, it-trade marks, il-mudelli rreġistrati u l-proċessi kienu ġew ittrasferiti għas-somma simbolika ta’ DEM 1, filwaqt li l-lista tal-klijenti u l-ktieb tal-ordnijiet kienu ġew ittrasferiti b’xejn. Il-prezz mitlub għall-ħażniet ammonta għal DEM 2,136 miljun u l-proprjetà immobbli kellha tiġi ċeduta, mingħajr ħlas ta’ taxxi, għas-somma ta’ DEM 3,205 miljun. Sussegwentement, il-prezz tal-ħażniet ġie mnaqqas u l-prezz totali ammonta għal DEM 6,727 miljun.

6        Fil-5 ta’ Marzu 1994, l-impriża pubblika Thüringen Industriebeteiligungs GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “TIB”), ikkontrollata mil-Land ta’ Thuringe, akkwistat parteċipazzjoni ta’ 49 % fil-kapital tar-rikorrenti. Fil-31 ta’ Diċembru 1999, TIB ċediet din il-parteċipazzjoni lil G. R. u lit-tifel tiegħu, H. R., għal prezz iktar ogħli minn dak li TIB kienet ħallset f’Marzu 1994.

7        Wara li rċeviet ilmenti u wara ittri u laqgħat mar-rappreżentanti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fil-15 ta’ Novembru 2000, il-Kummissjoni bdiet l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2), KE dwar l-għajnuna ad hoc favur Kahla I u r-rikorrenti. Fid-9 ta’ Jannar 2001, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura kienet ġiet innotifikata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tat-30 ta’ Ġunju 2001 (ĠU C 185, p. 45). Il-Kummissjoni orndat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tgħaddilha d-dokumenti, l-informazzjoni u data kollha neċessarja għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna. B’mod partikolari, din kienet data li tippermetti li jiġi stabbilit jekk Kahla I u r-rikorrenti kinux impriżi indipendenti jew jekk ir-rikorrenti kellhiex tiġi meqjusa bħala li daħlet fid-drittijiet ta’ impriża jew bħala “soluzzjoni ta’ kontinwazzjoni” (Auffanglösung). Barra minn hekk, din kienet informazzjoni li tippermetti li jiġi stabbilit jekk ċerta għajnuna kinitx konformi mal-iskemi ta’ għajnuna approvati. Fl-aħħar nett, hija talbet il-pjanijiet kollha ta’ ristrutturazzjoni eżistenti li jikkonċernaw Kahla I u r-rikorrenti, li jiddeskrivu l-investimenti li saru jew ippjanati u l-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni l-oħra kollha ffinanzjati mill-għajnuna mill-Istat, li jikkummentaw il-bilanċi u r-riżultati tal-kontijiet (għal Kahla I), li jiddeskrivu l-iżvilupp tal-kapaċitajiet kif ukoll id-data li tippermetti li jiġi magħruf jekk l-investitur kienx għamel kontribuzzjoni. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet ikkonċernati jippreżentawlha l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-għajnuna inkwistjoni.

8        Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Marzu 2001, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rrispondiet għall-ordni billi provdiet informazzjoni dwar l-għajnuna inkwistjoni u billi informat lill-Kummissjoni dwar għajnuna ġdida. Fit-28 ta’ Mejju 2001, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali, li hija rċeviet fit-30 ta’ Ġunju 2001 u fid-9 ta’ Awwissu 2001. Fil-31 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet mingħand ir-rikorrenti.

9        Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Novembru 2001 (ĠU 2002, C 26, p.19), il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha li testendi l-proċedura formali ta’ investigazzjoni għall-għajnuna li ma kinitx konformi mal-iskemi ta’ għajnuna approvati, kif ukoll għall-għajnuna li ma kinitx ġiet innotifikata minn qabel. Il-Kummissjoni stiednet lill-persuni kkonċernati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

10      Fl-10 ta’ Diċembru 2001, il-kawża kienet ġiet diskussa mar-rappreżentanti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tal-impriża.

11      Fit-30 ta’ Jannar 2002, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet osservazzjonijiet fuq id-deċiżjoni ta’ estenzjoni tal-proċedura u ppreżentat informazzjoni ddettaljata. Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Frar 2002, ir-rikorrenti għaddiet l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni.

12      Wara li rċeviet ilment ġdid li jallega li r-rikorrenti kienet irċeviet għajnuna oħra, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, permezz ta’ ittra tat-30 ta’ April 2002, informazzjoni addizzjonali, li hija rċeviet fid-29 ta’ Mejju 2002.

13      Wara l-laqgħa tal-24 ta’ Lulju 2002 mar-rappreżentanti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fis-7 ta’ Awwissu 2002 hija provdiet spjegazzjonijiet adizzjonali. Fit-30 ta’ Lulju 2002, ir-rikorrenti bagħtet osservazzjonijiet u, permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Ottubru 2002, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bagħtet osservazzjonijiet ġodda.

14      Fit-tmiem tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni, fit-30 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2002) 4040 finali dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Ġermanja favur Kahla I u Kahla II, innotifikata fl-4 ta’ Novembru 2002 lill-Ġermanja u kkomunikata lir-rikorrenti fil-12 ta’ Novembru 2002.

15      Wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors (ara l-punt 39 iktar ’il quddiem), il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Mejju 2003, bl-emenda tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2002, b’mod partikolari, tal-Artikolu 1 tagħha, f’dak illi l-ordni għall-irkupru jikkonċerna l-miżura 22, tal-premessi 34, 37, 99, 101, 103 u 171, dwar il-miżura 16, u tal-premessi 146 u 147, dwar il-miżura 32. Konsegwentement, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ġdida, id-Deċiżjoni 2003/643/KE, tat-13 ta’ Mejju 2002, dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Ġermanja favur Kahla I u Kahla II (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Id-deċiżjoni kkontestata ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti fis-16 ta’ Mejju 2003 u ppubblikata fil-11 ta’ Settembru 2003 (ĠU L 227, p. 12).

 Id-deċiżjoni kkontestata

16      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tevalwa separatament il-miżuri finanzjari mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi lil Kahla I u lir-rikorrenti. Hija tfakkar, fil-premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata, li fl-estensjoni tal-proċedura ta’ investigazzjoni hija kkonkludiet li Kahla I u r-rikorrenti kienu persuni ġuridiċi distinti u li din tal-aħħar kienet ġiet meqjusa bħala “kumpannija ta’ kontinwazzjoni”, peress li G. R. ikkostitwiha bħala “kumpannija shell” bl-għan li jitkomplew l-attivitajiet ta’ Kahla I, fi stat ta’ stralċ, u li jittieħed kontroll tal-assi ta’ din tal-aħħar.

17      Rir-rigward ta’ Kahla I, il-Kummissjoni tindika fil-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata li, mill-mument tal-kostituzzjoni tagħha sal-mumemt tal-falliment tagħha, l-awtoritajiet pubbliċi tawha miżuri finanzjarji għal ammont totali ta’ DEM 115,736 miljun (miżuri 1sa 10).

18      Fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kummissjoni tidentifika 23 għajnuna finanzjarja li ġew mogħtija lilha bejn l-1994 u l-1999 għal ammont totali ta’ DEM 39,028 miljun (miżuri 11 sa 33). Fost dan il-miżuri, deskritti fil-premessi 34 sa 59 tad-deċiżjoni kkontestata, jissemmew b’mod partikolari s-segwenti:

–        Miżura 11: parteċipazzjoni ta’ 49 % fil-kapital tar-rikorrenti, li TIB ħadet fil-5 ta’ Marzu 1994, permezz tal-ħlas ta’ DEM 1,975 miljun;

–        Miżura 12: self azzjonarju ta’ DEM 6 miljun mogħti minn TIB f’Marzu 1994;

–        Miżura 13: garanzija ta’ kreditu, mogħtija f’Marzu 1994 mil-Land ta’ Thuringe għal krediti ta’ investiment, li kopriet is-self li jikkostitwixxi l-miżuri 18 sa 22;

–        Miżura 14: garanzija ta’ 90 % mogħtija f’Marzu 1994 mil-Land ta’ Thuringe għal krediti ta’ kapital tax-xogħol ta’ ammont ta’ DEM 6,5 miljun mogħtija f’Settembru 1995 minn bank privat;

–        Miżura 15: sussidju għall-investiment ta’ ammont inizjali ta’ DEM 2 miljun, miżjud għal DEM 2,5 miljun, imħallas f’Mejju 1994 mil-Land ta’ Thuringe;

–        Miżura 16: self minn bank pubbliku għall-kostituzzjoni ta’ kapital proprju (iktar ’il quddiem is-“self EKH”) ta’ DEM 0,2 miljun mogħti f’Ġunju 1994 lil G.R fil-kuntest tal-ħolqien tar-rikorrenti;

–        Miżura 21: self għall-investiment ta’ DEM 3,45 miljun mogħti f’April 1995;

–        Miżura 23: garanzija msemmija fil-mizura 13 li kopriet self ta’ 1 miljun ta’ DEM approvat fi Frar 1996 minn bank privat;

–        Miżura 26: sussidji favur l-impjieg assoċjati ma’ investimenti għall-ħarsien tal-ambjent għal ammont ta’ DEM 1,549 miljun, mogħtija mid-Direttorat Federali għall-Impjieg mill-1994 sal-1996;

–        Miżura 27: sussidji differenti għall-parteċipazzjoni f’fieri u wirjiet, ir-reklamar, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-integrazzjoni tal-ħaddiema, mogħtija mill-1994 sal-1996 għal ammont ta’ DEM 0,492 miljun;

–        Miżura 30: garanzija msemmija fil-miżura 13 li kopriet self ta’ DEM 2,32 miljun mogħtija minn bank privat f’Mejju 1999;

–        Miżura 32: sussidji differenti għall-parteċipazzjoni f’fieri u wirjiet, ir-reklamar, l-integrazzjoni tal-ħaddiema u l-ispejjeż tal-persunal fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp, mogħtija mill-1997 sal-1999 għal ammont ta’ DEM 0,352 miljun.

19      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri finanzjarji mogħtija lir-rikorrenti jikkostitwixxu għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE u tqis, f’dan il-kuntest, li l-entitajiet pubbliċi ma ġabux ruħhom bħala investituri f’ekonomija ta’ suq.

20      B’mod ġenerali, il-Kummissjoni tosserva, fil-premessi 94 sa 97 tad-Deċiżjoni kkontestata, li jirriżulta minn żewġ rapporti mħejjija minn ditta ta’ konsulenti, jiġifieri, ir-rapport Rölfs Bühler Stümpges Hauck & Partner (iktar ’il quddiem “RBSH&P”), ta’ Novembru 1993, u r-rapport Arthur Andersen (iktar ’il quddiem “AA”), ta’ Jannar 1994, li l-għan tal-Gvern tal-Land u tal-istituzzjonijiet finanzjarji tiegħu kien li jipproteġi impjiegi. Barra minn hekk, il-konsulenti pprevedew defiċit għall-inqas għal sentejn u ma pprevedew ebda kumpens eventwali għall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi.

21      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, il-parteċipazzjoni ta’ TIB ta’ 49 % fil-kapital tar-rikorrenti (miżura 11), il-Kummissjoni tippreċiża, fil-premessi 98 u 99 tad-Deċiżjoni kkontestata, li skont il-konsulenti r-riskji potenzjali kienu ogħla. Hija tosserva f’dan ir-rigward li ma kien sar xejn sabiex jiġu indirizzati dawn ir-riskji u li lanqas ma kienet saret ebda analiżi tad-dħul futur. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni ta’ TIB ma kinux kumparabbi mal-kundizzjonijiet mogħtija lil G.R. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tippreċiża li, kuntrarjarment għad-dikjarazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, G. R. ma investix DEM 2,055 miljun fir-rikorrenti, iżda DEM 0,055 miljun biss. Il-bqija tad-DEM 2 miljun kienu ġejjin minn riżorsi tal-Istat fl-għamla ta’ żewġ self mogħtija lil G. R., li l-Kummissjoni tqis bħala żewġ miżuri ta’ għajnuna favur ir-rikorrenti (ara l-punt 24 iktar ’il quddiem), li waħda minnhom kienet inkluża f’garanzija mogħtija mill-Istat lill-bank li kien ta s-self (miżura 16) u l-oħra kienet iggarantita minn ipoteka fuq il-proprjetà immobbli tar-rikorrenti (self ta’ DEM 1,8 miljun li kien jikkostitwixxi l-miżura 17). Ir-riskju assunt minn TIB, li qiegħdet għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti DEM 1,975 miljun fl-għamla ta’ parteċipazzjoni, kien konsegwentent ħafna ikbar minn dak sostnut mill-investitur privat. Barra minn hekk, dan kellu d-dritt li jxolji l-kuntratt jekk il-parteċipazzjoni ta’ TIB jew ta’ miżuri oħrajn ma jkunux effettivi.

22      Fir-rigward tal-miżuri l-oħra favur ir-rikorrenti, il-Kummissjoni tosserva, fil-premessa 100 tad-Deċiżjoni kkontestata, li fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tal-impriża u tal-fatt li hija kienet topera f’suq ikkaratterizzat minn kapaċità strutturali żejda, investitur f’ekonomija tas-suq kien jagħti sostenn finanzjarju biss taħt kundizzjonijiet li jieħdu kont dawn il-fatti

23      B’hekk, fir-rigward, b’mod partikolari, tas-self azzjonarju mogħti minn TIB (miżura 12), il-Kummissjoni tosserva, fil-premessa 102 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rata ta’ interessi kienet ġiet stabbilita għal 12 %, iżda kienet ġiet mogħtija mingħajr ma kienu mitluba l-ebda sigurtajiet u suġġetta għar-rata ta’ interessi ta’ 0 % għall-inqas matul l-ewwel sentejn, bl-ammont tal-interessi limitat għal 50 % tal-profitt tas-sena kkonċernata. Barra minn hekk, is-self ma kienx jagħti lil TIB l-ebda drittijiet ta’ votazzjonijiet addizjonali u l-ebda primjum ta’ riskju ma kien ġie previst sabiex jikkumpensa għar-riskji previsti mill-konsulenti.

24      Fir-rigward tas-self differenti mogħtija minn banek pubbliċi (fosthom iż-żewġ self mogħtija lil G.R. u l-miżura 21), il-Kummissjoni tosserva, fil-premessa 102 tad-deċiżjoni kkontestata, li kollha kienu ġew mogħtija b’rata ta’ interessi iktar baxxa mir-rata ta’ referenza u li, meta sigurtajiet kienu ġew ipprovduti, dawn kienu ġew mogħtija jew mill-awtoritajiet pubbliċi jew huma l-istess assi li, f’diversi drabi, servew ta’ sigurtajiet sabiex jiggarantixxu self differenti. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tas-self EKH (miżura 16), il-Kummissjoni tosserva, fil-premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan kien ġie garantit mill-Istat u mhux minn garanzija personali u li, anki meta garanzija personali kienet ġiet stabbilita, din kienet tkun ta’ grad inferjuri mis-sigurtajiet l-oħrajn kollha u kienet tkopri biss parti żgħira ħafna tar-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas li huwa potenzjalment għoli. Fil-premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tosserva li, anki jekk kien ġie mogħti direttament lil G. R., l-għan ta’ dan is-self kien li jsostni impriża u li għandu għaldaqstant jiġi meqjus bħala għajnuna favur ir-rikorrenti.

25      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni teżamina d-diffikultajiet tar-rikorrenti.

26      L-ewwel, il-Kummissjoni tippreċiża, fil-premessi 106 u 107 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti hija “soluzzjoni ta’ kontinwazzjoni”, jiġifieri impriża maħluqa mill-ġdid fil-parti tal-Lvant tal-Ġermanja li ħadet kontroll tal-assi ta’ impriża fi stat ta’ stralċ. Skont il-Kummissjoni, s-“soluzzjonijiet ta’ kontinwazzjoni” ma jistgħux jiġi mqabbla ma’ impriżi oħra maħluqa mill-ġdid, peressi li dawn il-kumpanniji, li jieħdu kontroll tal-assi ta’ kumpannija fi stat ta’ stralċ u jkomplu l-attività tagħha, normalment mingħajr ma jagħmlu l-iċken ristrutturazzjoni aċċettabbli, jirtu numru ta’ difetti strutturali u għandhom bżonn ta’ bidliet sostanzjali sabiex ikunu jistgħu joperaw f’ekonomija tas-suq. Il-Kummissjoni tispjega li, b’kunsiderazzjoni għas-sitwazzjoni partikolari tal-Länder il-ġodda, hija adottat kunċett flessibbli u liberali li jippermetti lis-“soluzzjonijiet ta’ kontinwazzjoni” jibbenefikaw mill-għajnuna għar-ristrutturazzjoni u tosserva li dan l-approċċ kien ġie kkodifikat fin-nota 10 tan-Notifika tal-Kummissjoni 1999/C 288/02 dwar Linji Gwida Komunitarji dwar għajnuna ta’ [mil] l-Istat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti [impriżi] f’diffikultà (ĠU C 288, p. 2, iktar ’il quddiem “il-“Linji Gwida dwar għajnuna biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi f’diffikultà tal-1999”).

27      Sussegwentement, il-Kummissjoni tippreċiża, fil-premessi 108 sa 118 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet f’diffikultà mill-1994 sal-aħħar tal- 1996, sakemm hija kienet kisbet għall-ewwel darba riżultat kemm xejn pożittiv u s-sehem tal-kapital tagħha stess beda jiżdied, il-parti l-kbira probabbilment minħabba l-għajnuna mogħtija.

28      Il-Kummissjoni tosserva, fil-premessi 108 u 109 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kundizzjoni ġenerali prevista fil-punt 2.1 tan-Notifika tal-Kummissjoni 94/C 368/05 dwar Linji Gwida Komunitarji dwar għajnuna mill-Istat biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi f’diffikultà (ĠU C 368, p. 12, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar għajnuna biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi f’diffikultà tal-1994”) hija ssodisfata u tfakkar li impriża f’diffikultà hija definita bħala impriża li mhijiex kapaċi tiżgura l-irkupru tagħha permezz tar-riżorsi tagħha stess jew tal-fondi akkwistati mingħand l-azzjonisti tagħha jew minn self. Skont il-Kummissjoni, din is-sitwazzjoni, minn naħa, hija kkonstatata fiż-żmien tal-kostituzzjoni tar-rikorrenti u fil-mument tal-għotja tal-għajnuna fir-rapporti mħejjija minn RBSH&P u AA, li jikkunsidraw ir-rikorrenti f’diffikultà u jirrikmandaw ir-ristrutturazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, hija kkonfermata mill-fatt li l-impriża qatt ma kienet kisbet għajnuna finanzjarja minn banek privati mingħajr l-għajnuna mill-Istat.

29      Wara li fakkret, fil-premessa 110 tad-deċiżjoni kkontestata, li ċerti indikaturi tal-Linji Gwida dwar għajnuna biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi f’diffikultà tal-1994 mhumiex applikabbli għall-impriżi maħluqa mill-ġdid, il-Kummissjoni tippreċiża, fil-premessi 111 sa 113, li l-valur baxx tal-assi netti, in-numru eċċessiv ta’ ħaddiema, id-dħul tal-flus kontanti u d-dejn kbir tal-impriża jikkonfermaw li r-rikorrenti kienet f’diffikultà fil-mument tal-għoti tal-għajnuna. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tispjega, fil-premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata, li, għalkemm l-applikazzzjoni ta’ skema speċjali ta’ deprezzament (miżura 33) setgħet wasslet għal telf għola, mingħajr is-sostenn mill-Istat, ir-rikorrenti kienet iġġarrab telf ċertament għola u kienet probabbilment tgħib mis-suq.

30      Il-Kummissjoni tosserva, fil-premessi 115 u 116 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-konklużjoni tagħha ma tistax tiġi emendata ex post mill-fatt li d-diffikultajiet tar-rikorrenti kienu ġew megħluba minħabba l-għoti ta’ għajnuna sostanzjali f’perijodu qasir. B’hekk hija tikkontesta l-kontenut ta’ rapport tal-21 ta’ Jannar 2002, ippreżentat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u tfakkar li r-rapporti disponibbli fl-1994 ikkonkludew li s-sostenn mill-Istat kien assolutament determinanti għall-istabbiliment mill-ġdid tal-impriża.

31      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni teżamina jekk l-għajnuna mogħtija lir-rikorrenti kinitx konformi mal-iskemi ta’ għajnuna approvati, invokati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

32      Fl-aħħar ta’ dan l-eżami, il-Kummissjoni tikkonkludi, fil-premessa 148 tad-deċiżjoni kkontestata, li ħafna mill-miżuri mogħtija lir-rikorrenti, inkluża l-miżura 17 (ara l-punt 21 iktar ’il fuq), jikkostitwixxu għajnuna eżistenti li hija ma għandhiex bżonn teżamina mill-ġdid.

33      Minn naħa l-oħra, il-Kummissjoni tqis, fil-premessi 128 u 129 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sussidju għall-investiment tal-Land ta’ Thuringe (miżura 15) mhuwiex konformi mal-iskema li taħtha dan kien ġie allegatament mogħti, peress li fiż-żmien li ngħata s-sussidju r-rikorrenti kienet impriża f’diffikultà. Hija tippreċiża li, fl-estensjoni tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni, hija kienet osservat bi żball li l-iskema awtorizzata tapplika biss għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), iżda li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet indikat ġustament li l-impriżi l-kbar kienu wkoll eliġibbli għall-għajnuna skont din l-iskema, taħt ċerti kundizzjonijiet. Il-Kummssjoni tosserva li l-iskema, għall-kuntrarju, eskludiet espliċitament mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, l-impriżi f’diffikultà u tfakkar li hija kienet adottat deċiżjoni negattiva dwar din l-iskema minħabba l-użu abbużiv tagħha, għaliex hija kienet ġiet applikata, b’mod partikolari, għal impriżi f’diffikultà, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet partikolari approvati mill-Kummissjoni [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/225/KE, tad-19 ta’ Ġunju 2002, dwar il-programm tal-Land ta’ Thuringe favur l-investimenti tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju u l-implementazzjoni tiegħu (ĠU 2003, L 91, p. 1)].

34      F’dak li jirrigwarda s-self EKH (miżura 16), il-Kummissjoni tippreċiża, fil-premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan mhuwiex konformi mal-programm ta’ għajnuna għall-kostituzzjoni ta’ kapital proprju li taħtu dan kien ġie allegatament mogħti, peress li r-rikorrenti ma kinitx SME.

35      Fir-rigward tas-sussidji favur l-impjieg assoċjati ma’ investimenti għall-ħarsien tal-ambjent (miżura 26), il-Kummissjoni tqis, fil-premessi 134 sa 139 tad-deċiżjoni kkontestata, li huma ma jaqgħux taħt l-Artikolu 249 h tal-Arbeitsförderungsgesetz (Liġi dwar il-promozzjoni tal-impjieg, iktar ’il quddiem l-“AFG ”), skema li hija approvata bħala waħda li ma tikkostitwix skema tal-għajnuna. Il-Kummissjoni tosserva li, kif ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja spjegat fl-ittra tagħha tad-29 ta’ Lulju 1994, minn naħa, il-miżuri pprovduti fl-Artikolu 249 h tal-AFG fil-qasam tar-riabilitazzjoni u tat-titjib tal-ambjent huma indirizzati għall-persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku u fuq kollox għall-awtoritajiet reġjonali (bliet, distretti, komuni eċċ), kif ukoll għal dawk irregolati mit-THA u, min-naħa l-oħra, il-miżuri li huma fl-interess ta’ impriża privata ma jistgħux jibbenefikaw minn għajnuna. Issa, fil-mument tal-għoti tas-sussidji, ir-rikorrenti kienet impriża privata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li parti mis-sussidji kienet ġiet mogħtija mil-Land ta’ Thuringe, filwaqt li l-Bundesanstalt für Arbeit (Direttorat Federali għall-Impjieg) biss kien awtorizzat jagħti dawn is-sussidji. Barra minn hekk, is-sussidji ffavorixxew lir-rikorrenti peress li huma kienu ġew mogħtija sabiex jiġi mneħħi tagħmir qadim. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-liġi Ġermaniża tinvolvi element selettiv ċar ħafna li ma jippermettix li l-miżura inkwistjoni tiġi kkunsidrata bħala miżura ġenerali.

36      Rir-raba’ lok, il-Kummissjoni teżamina l-miżuri li allegatament jaqgħu taħt ir-regola msejħa “de minimis ”. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-perijodu mill-1997 sal-1999 (premessi 152 sa 154 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni tikkontesta li l-miżura 30 u parti mill-miżura 32 jaqgħu taħt ir-regola msejħa “de minimis”. Konsegwentement, dawn jikkostitwixxu għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

37      Fil-ħames lok, fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni, il-Kummissjoni tfakkar, fil-premessi 157 sa 174 tad-deċiżjoni kkontestata, f’dak li jirrigwarda l-għajnuna mogħtija sal-aħħar tal-1996, li r-rikorrenti kienet impriża f’diffikultà sal-1996. Konsegwentement, hija tqis li din l-għajnuna mhijiex għajnuna reġjonali kompatibbli mas-suq komuni. Sussegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-Linji Gwida dwar għajnuna biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi f’diffikultà tal-1994, invokati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kif jirriżulta mill-premessa 80 tad-deċiżjoni kkontestata, mhumiex issodisfati f’dan il-każ. Minn naħa, il-Kummissjoni tippreċiża li minkejja l-ordnijiet mibgħuta repetutament, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanija qatt ma bagħtet il-verżjoni definittiva tal-ebda pjan ta’ ristrutturazzjoni, lanqas indikat il-miżuri ta’ ristrutturazzjoni li kienu ġew effettivament implementati u, min-naħa l-oħra, li l-kontribuzzjoni privata għall-ispejjeż totali tar-ristrutturazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala sostanzjali, peress li l-kontribuzzjoni ta’ G.R. biss ta’ ammont ta’ DEM 0.055 miljun għandha natura purament privata. Fir-rigward tal-għajnuna ad hoc mogħtija wara l-1997, il-Kummissjoni tqis, fil-premessi 175 sa 184 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala kompatibbli mas-suq komuni fis-sens tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali (ĠU 1998, C 74, p. 9).

38      Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet kollha preċedenti, fl-Artikolu 1(2), tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddikjara inkompatibbli mas-suq komuni, il-parteċipazzjoni u s-self azzjonarju ta’ TIB (miżuri 11 u 12), il-garanziji tal-Land ta’ Thuringe ta’ 90 % (miżuri 13, 14, 23 u 30), is-sussidju tal-Land ta’ Thuringe (miżura 15), is-self ta’ bank pubbliku għall-kostituzzjoni ta’ kapital proprju (miżura 16), is-self ta’ bank pubbliku (miżura 21), is-sussidji favur l-impjieg (miżura 26), il-miżuri intiżi għall-integrazzjoni ta’ ħaddiema, għall-parteċipazzjoni f’fieri u wirjiet u għar-reklamar (miżura 27) u l-miżuri intiżi għar-riċerka u għall-iżvilupp, għall-integrazzjoni ta’ ħaddiema, għall-parteċipazzjoni f’fieri u wirjiet u għat-tnaqqis tal-ispejjeż (miżura 32). Fl-Artikolu 2(1), tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tordna lir-Repubblika Federal tal-Ġermanja tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra mingħand ir-rikorrenti l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmija deċiżjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

39      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Jannar 2003, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

40      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ April 2003, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

41      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 ta’ Mejju 2003, il-Land ta’ Thuringe (Freistaat Thüringen) talab jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

42      Permezz ta’ digriet tad-9 ta’ Lulju 2003, il-President tal-Ħames Awla Estiża laqa’ dawn it-talbiet.

43      Wara l-emenda tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ottubru 2002, ir-rikorrenti ppreżentat, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Lulju 2002, replika li tieħu inkunsiderazzjoni din l-emenda.

44      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fil-25 ta’ Awwissu 2003.

45      Il-Land ta’ Thuringe ppreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu fl-10 ta’ Settembru 2003.

46      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla Estiża) iddeċidiet, minn naħa, li tadotta miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura billi stiednet lill-partijiet jirrispondu bil-miktub għal domandi u jippreżentaw dokumenti u, min-naħa l-oħra, li tiftaħ il-proċedura orali. Il-partijiet ikkonformaw mat-talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza fiż-żmien mogħti lilhom.

47      Matul is-seduta tad-19 ta’ Ottubru 2006, instemgħu t-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

48      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dan jikkonċerna l-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmija deċiżjoni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż li jirriżultaw mill-emenda tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2002, u dan indipendentement mill-eżitu tal-kawża.

49      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, parti intervenjenti, titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1(2), u l-Artikolu 2(1), tad-Deċiżjoni kkontestata, għall-inqas f’dak li jikkonċerna s-sussidju tal-Land ta’ Thuringe;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

50      Il-Land ta’ Thuringe, parti intervenjenti, jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata, sa fejn dan jirrigwarda l-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmija deċiżjoni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-emenda tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2002 u dan indipendentement mill-eżitu tal-kawża;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-intervent.

51      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

52      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi għall-annullament.

53      L-ewwel tliet motivi huwa rispettivament ibbażati fuq il-ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, f’dak li jirrigwarda s-sussidju għall-investiment tal-Land ta’ Thuringe (miżura 15) u s-sussidji favur l-impjieg assoċjati ma’ investimenti għall-ħarsien tal-ambjent (miżura 26).

54      Ir-raba’ motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq żbalji ta’ fatti u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. Ir-rikorrenti taqsam ir-raba’ motiv f’sitt partijiet relattivi, l-ewwel nett, għall-ineżattezza materjali tal-fatti; it-tieni nett, għall-kwalifika bħala impriża f’diffikultà; it-tielet nett, għall-evalwazzjoni tal-aġir ta’ TIB fir-rigward tal-kriterju tal-investitur privat; ir-raba’ nett, għal-Linji Gwida dwar għajnuna biex jiġu salvati u ristrutturati impriż f’diffikultà; il-ħames nett, għall-irkupru tas-self li jikkostitwixxi l-miżura 22, u s-sitt nett, għall-għajnuna msejħa “de minimis” għall-perijodu mill-1997 sal-1999 (miżura 32). Madankollu, billi adottat id-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni neħħiet, b’mod partikolari, l-ordni ta’ rkupru tas-self li jikkostitwixxi l-miżura 22 (ara l-punt 15 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, il-partijiet ftehmu fuq il-kalkolu tas-sussidji li jikkostitwixxu l-miżura 32. B’risposta għal domanda tal-Qorti tal-Prim’Istanza, huma kkonfermaw li ma kienx hemm iktar punti kontenzjużi dwar il-miżura 32 (għajnuna msejħa “de minimis” bejn l-1997 u l-1999), li kien irreġistrat fil-proċess verbali tas-seduta. Għaldaqstant, mhemmx iktar lok li jiġu eżaminati l-aħħar żewġ partijiet tar-raba’ motiv.

55      Il-Qorti tal-Prim’Istanza ser teżamina, flimkien, l-ewwel tliet motivi, li jeffettwaw biss il-miżuri 15 u 26, u sussegwentement, separatament, ir-raba’ motiv, li jaffettwa l-miżuri l-oħrajn imsemmija fid-Deċiżjoni kkontestata.

A –  Fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet motivi, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

1.     F’dak li jirrigwarda s-sussidju għall-investiment tal-Land ta’ Thuringe (miżura 15)

a)     Argumenti tal-partijiet

 Fuq il-ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE

56      Ir-rikorrenti ssostni li s-sussidju għall-investiment tal-Land ta’ Thuringe kien ġie mogħti skont skema ġenerali ta’ għajnuna awtorizzata u tikkostitwixxi għaldaqstant għajnuna eżistenti. Hija ssostni, primarjament, li l-Kummissjoni introduċiet retroattivament kundizzjonijiet addizzjonali l-iskema awtorizzata u, sussidjarjament, li hija ma tistax tiġi meqjusa bħala impriża f’diffikultà.

–        Fuq il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-iskema

57      Ir-rikorrenti tisħaq li l-programm tal-Land ta’ Thuringe favur l-investimenti tal-SMEs kien applikabbli għall-impriżi kollha mingħajr riżerva u, għaldaqstant, għall-impriżi f’diffikultà u għas-“soluzzjonijiet ta’ kontinwazzjoni”. Tali riservi ma setgħux jiġu dedotti la mill-ittra ta’ approvazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Novembru 1993, u lanqas mill-komunikazzjoni pubblikata f’forma mqassra fil-Ġurnal Uffiċjali. Minn din il-pubblikazzjoni jirriżulta, kuntrarjament, li l-programm kien indirizzat preċiżament għall-impriżi maħluqa mill-ġdid, bħar-rikorrenti, u li wieħed mill-għanijiet kien li tiġi pprovduta għall-bidu.

58      Ir-rikorrenti tqis li l-preċiżjonijiet mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja f’komunikazzjoni tas-26 ta’ Awwissu 1993 kienu intiżi unikament sabiex jispjegaw l-iskema nnotifikata u ma setgħux ibiddlu l-kontenut ċar tal-programm. Jekk il-Kummissjoni kkunsidrat li t-test innotifikata kien ikopri ċerti sitwazzjonijiet li hija ma xtaqietx tawtorizza, hija kien imissha bdiet il-proċedura formali ta’ investigazzjoni u kien imissha eżiġiet f’dan il-kuntest l-emenda tal-iskema jew ipprovdiet għal obbligu ta’ notifika individwali. F’kull każ, il-komunikazzjoni tas-26 ta’ Awwissu 1993 ma eskludietx l-applikazzjoni tal-programm għal każijiet bħal dak tar-rikorrenti li akkwistat assi ta’ impriża u mmodernizzathom.

59      Skont ir-rikorrenti, restrizzjoni tal-programm ma tistax lanqas tiġi dedotta mill-approvazzjoni tiegħu bħala skema ta’ għajnuna b’għan reġjonali. Kuntrarjament, l-impriżi f’diffikultà jistgħu, skont il-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni, jiksbu għajnuna b’għan reġjonali [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/157/KE, tat-22 ta’ April 1998, dwar għajnuna mill-Istat favur Triptis Porzellan GmbH i. GV., Thuringe (ĠU 1999, L 52, p.48), u Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/383/KE, tat-2 ta’ Ottubru 2002, dwar għajnuna mill-Istat C 44/01 (ex NN 147/98) mogħtija mill-Ġermanja favur Technische Glaswerke Ilmenau GmbH (ĠU L 140, p. 30)], kif jidher ukoll fid-deċiżjoni kkontestata. Bl-istess mod, “soluzzjoni ta’ kontiwazzjoni” li taqa’ taħt in-nota 10 tal-Linji Gwida dwar għajnuna biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi f’diffikultà tal-1999 setgħet titlob is-sussidju mil-Land ta’ Thuringe, peress li l-imsemmija dispożizzjoni ma teskludix is-sostenn tal-impriżi maħluqa mill-ġdid taħt l-għajnuna reġjonali. Ir-rikorrenti tosserva, f’dan il-kuntest, li hija ma kisbitx is-sussidju għall-investiment għall-finijiet ta’ ristrutturazzjoni, iżda sabiex tagħmel investimenti eliġibbli b’mod konformi mal-programm awtorizzat.

60      Hija tosserva wkoll li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, il-programm, minkejja ismu, lanqas ma kien limitat għall-SMEs, peress li l-Kummissjoni awtorizzatu għal impriżi ta’ daqs akbar.

61      Fir-rigward tad-Deċiżjoni 2003/225 dwar l-applikazzjoni ħażina tal-programm, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni espressament irriżervat għad-deċiżjoni kkontestata l-eżami tal-applikazzjoni tal-iskema fir-rigward tar-rikorrenti u li għaldaqstant din id-deċiżjoni ma tistax tinżamm kontriha.

62      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tisħaq li l-eżami tal-Kummissjoni għandu jkun limitat jivverifika jekk l-evalwazzjoni magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-konformità ta’ għajnuna mal-iskema li taħtha din kienet ġiet mogħtija hijiex ivvizzjata bi żball manifest.

63      Ir-Repubblika Federal tal-Ġermanja ssostni li, anki jekk il-komunikazzjoni tal-Gvern Ġermaniż tas-26 ta’ Awwissu 1993 eskludiet l-għajnuna biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi, il-Kummissjoni xorta kienet għadha ma stabbilitix li s-sussidju kontenzjuż ma kienx osserva l-kundizzjonijiet tal-programm ta’ għajnuna awtorizzat. Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għandu jiġi eżaminat, mill-perspettiva ex ante ta’ Mejju 1994, jekk is-sussidju għall-investiment kontenzjuż jistax jiġi kkwalifikat bħala għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni eskluż mill-appplikazzjoni tal-programm. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis, f’dan ir-rigward, li fil-każ ta’ impriża maħluqa mill-ġdid li, peress li ma kinitx impriża f’diffikultà, ma tistax tibbenefika minn għajnuna biex jiġu ristrutturati impriżi, allura l-għoti tas-sussidju għall-investivment osserva l-kundizzjonijiet tal-programm, għaliex ma kienx għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

64      Il-Land ta’ Thuringe jsostni kompletament il-pożizzjoni tar-rikorrenti u jikkritika, b’mod partikolari, il-fatt li l-Kummissjoni tistabbilixxi distinzjoni artifiċjali bejn għajnuna b’għan reġjonali u għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

65      Il-Kummissjoni twieġeb li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet ippreċiżat espliċitament fil-komunikazzjoni tas-26 ta’ Awwissu 1993 li l-impriżi f’diffikultà kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema u li jirriżulta ċarament mill-iskema nnotifikata stess, kif ukoll mill-avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali, li l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ma kinitx inkluża.

–       Fuq il-kwalifika tar-rikorrenti bħala impriża f’diffikultà

66      Ir-rikorrenti ssostni li hija impriża maħluqa mill-ġdid li qatt ma kienet, la fit-termini tal-pjan ta’ direzzjoni, lanqas matul l-iżvilupp effettiv tagħha, impriża f’diffikultà.

67      Hija ssostni, fl-ewwel lok, li skont il-prinċipju konsistentement segwit mill-Kummissjoni, impriża maħluqa mill-ġdid ma tistax tkun ikkunsidrata impriża f’diffikultà anki jekk hija tieħu l-kontroll tal-assi ta’ kumpannija falluta. Barra minn hekk, il-kwalifika bħala impriża f’diffikultà tas-“soluzzjonijiet ta’ kontiwazzjoni“ kollha ma tistax tirriżultax min-nota 10 tal-Linji Gwida dwar għajnuna biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi f’diffikultà tal-1999. Skont ir-rikorrenti, il-fatt li s-“soluzzjonijiet ta’ kontinwazzjoni” kollha tal-Ġermanja tal-Lvant li kienu akkwistaw assi waqt stalċ ġudizzjarju jiġu kkunsidrati bħala impriżi f’diffikultà ikun manifestament ineżatt u jwassal għal diskriminazzjoni bejn l-impriżi maħluqa mill-ġdid fil-Ġermanja tal-Lvant u dawk tal-bqija tal-Unjoni Ewropea.

68      Ir-rikorrenti ssostni, fit-tieni lok, li hija ġiet maħluqa minn investitur indipendenti, espert magħruf fil-qasam tiegħu, li ma kienx jaf bid-diffikultajiet ta’ Kahla I. Il-Kummissjoni ma ġabet l-ebda prova insostenn tal-affermazzjoni tagħha li r-rikorrenti kienet effettivament “wirtet” id-diffikultajiet tal-kumpannija fi stat ta’ stralċ Kahla I. Skont ir-rikorrenti, ma jeżistu l-ebda indizji materjali li jippermettu li jiġi konkluż li hija kienet tifforma parti mill-istess “entità materjali” bħal Kahla I. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, żewġ impriżi ma jistgħux jiġu indistintament ikkunsidrati bħala l-unika u l-istess “unità legali”. Ir-rikorrenti tafferma li hija ma komplitx l-attività tal-impriża falluta, iżda hija sempliċement akkwistat, matul proċeduri amministrattivi ġudizzjarji, xi assi bil-prezz tas-suq u użathom fil-kuntest ta’ pjan ta’ direzzjoni koerenti u raġonevoli, li jirrigwarda suq kompletament differenti, li jeħtieġ struttura kompletament differenti u strateġija ta’ marketing kompletament differenti għal klijentela differenti ħafna. Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrenti kompliet tinvesti f’magni mixtrija li kienu użati ma jippruvax iktar li r-rikorrenti kienet “wirtet” id-diffikultajiet ta’ Kahla I.

69      Ir-rikorrenti ssostni, fit-tielet lok, li r-rapporti redatti minn RBSH&P, kif ukoll mid-ditta AA, jiddeskrivu l-ħolqien ta’ impriża ġdida. Dawn ir-rapporti ma jikkostitwixxux pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni u għaldaqstant ma jissostanzjawx it-teżi li r-rikorrenti kienet ġiet maħluqa immedjatament bħala impriża f’diffikultà. Il-pjanijiet ta’ direzzjoni juru, skont ir-rikorrenti, li ma kienx previst li l-impriża l-ġdida tiltaqa’ ma’ diffikultajiet. Għall-kuntrarju, il-konsulenti kienu kkonstataw ex ante li l-pjan ta’ direzzjoni kien ekonomikament realistiku. Dawn l-evalwazzjonijiet huma eżatti, anzi modesti ħafna, peress li l-impriża għamlet ħafna iktar suċċess minn dak li kien inizjalment previst, kif ikkonfermat mir-rapport tal-espert tad-ditta ta’ awdituri Saale/Revision. Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti titlob li espert maħtur mill-Qorti tal-Prim’Istanza jinstema’ fir-rigward ta’ din il-kwistjoni.

70      Ir-rikorrenti ssostni, fir-raba’ lok, li eżami tal-kriterji pprovduti fil-punt 2.1 tal-Linji Gwida dwar għajnuna biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi f’diffikultà tal-1994 jew fil-punti 4 et seq ta’ dawk tal-1999 juri li hija ma kinitx impriża f’diffikultà.

71      Billi ma eżaminatx kull waħda minn dawn il-kriterji fid-dettall, il-Kummissjoni ma aġixxietx f’konformità mal-prattika deċiżjonali kostanti tagħha. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni, fir-realtà, irrikonoxxiet li l-parti l-kbira tal-kriterji tal-Linji Gwida dwar għajnuna biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi f’diffikultà, bħall-profitt inqas, it-telf li dejjem jiżdied, in-nuqqas fid-dħul tal-flus kontanti, l-ispejjeż finanzjarji li qegħdin jiżdiedu, ma kinux sodisfati f’dan il-każ jew ikkonfermat li dawn ma kinux deċiżivi għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ impriża ġdida.

72      Ir-rikorrenti tqis li, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, id-data tal-pjan ta’ direzzjoni ma tikkorrispondix ma’ ċerti kriterji tal-Linji Gwida dwar għajnuna biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi f’diffikultà. Għall-kuntrarju, il-valur nett fil-kontijiet, id-dħul tal-flus kontanti u l-ispejjeż finanzjarji żviluppaw, kif wera r-rapport tal-espert tad-ditta Saale/Revision, skont il-previżjonijiet tal-pjan ta’ direzzjoni.

73      Fir-rigward tal-valur nett fil-kontijiet il-Kummissjoni ma provdietx prova ta’ dak li kien b’mod mhux tas-soltu baxx għal impriża b’saħħitha. Issa, ir-rikorrenti kienet diġà uriet li l-valur nett fil-kontijiet ma wera l-ebda diffikultà finanzjarja jew ekonomika. Ir-rikorrenti tafferma li hija stabbiliet li l-assi akkwistati ppermettewlha tibni impriża profittabbli, kemm fuq il-bażi tal-pjanijiet ta’ direzzjoni tagħha (ex ante) kif ukoll skont iċ-ċifri iktar promettenti tar-riżultati effettivi tagħha (ex post). Skont ir-rikorrenti, il-mod ta’ finanzjament tal-assi ma jagħti l-ebda indikazzjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk il-valur nett fil-kontijiet żviluppax b’mod negattiv jew jekk, mill-bidu, dan kienx baxx wisq għal impriża vijabbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li l-assi kienu ġew akkwistati bil-prezz tas-suq u ma spjegatx kif dan il-valur nett fil-kontijiet seta’ jkun baxx ħafna għalkemm dan kien jikkorrispondi mal-valur tas-suq.

74      Barra minn hekk, id-dħul tal-flus kontanti u l-ispejjeż finanzjarji rreġistrati fil-pjan ta’ direzzjoni kellhom jiġu meqjusa bħala normali. Ċertament il-pjan ta’ direzzjoni ma pprevediex li d-dħul tal-flus kontanti kien ser jonqos ftit ftit jew li l-ispejjeż finanzjarji kienu ser isiru wisq iebsin.

75      F’dak li jirrigwarda d-dħul tal-flus kontanti, ir-rikorrenti ssostni li, fir-rigward ta’ “start up”, dan huwa dejjem dgħajjef fil-bidu u jista’ anki jkun fin-negattiv. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li ma teżisti l-ebda prova li, fid-dawl tal-attivitajiet operattivi tar-rikorrenti, il-“cash‑flow” kien baxx wisq. Diffikultajiet ta’ likwidità ma kinux ġew ipprovati u effettivament ma qamux matul l-implementazzjoni tal-pjan. Barra minn hekk, kuntrarjament għall-opinjoni tal-Kummisjsoni, il-“cash-flow” tal-kumpannija jirriżulta mill-attivitajiet operattivi tagħha u mhux mill-għajnuna u, f’kull każ, is-sors tal-“cash‑flow” ma jistax jipprova n-natura baxxa wisq tiegħu peress li, anki wara t-tnaqqis tal-għajnuna kollha, l-impriża rreġistrat “cash-flow” pożittiv.

76      Fir-rigward tal-ispejjeż finanzjarji, ir-rikorrenti ssostni li dawn ma jirriżultawx mill-krediti imposti mid-diffikultajiet ekonomiċi tal-passat, ipotesi li fuqha huma bbażati l-kriterji tal-Linji Gwida dwar għajnuna biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi f’diffikultà. Dawn l-ispejjeż, għall-kuntrarju, jirriżultaw unikament minn investimenti f’assi produttivi li, fil-kuntest ta’ pjan ta’ direzzjoni sodisfaċenti, jagħmlu profitt fi żmien qasir, kif ikkonferma l-iżvilupp effettiv tal-attività tagħha. Il-Kummissjoni tipprova taħbi din ir-realtà billi tinvoka l-allegat bżonn ta’ evalwazzjoni ex ante.

77      Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-numru ta’ ħaddiema kien kbir wisq. Hija tfakkar li, meta reġgħet bdiet l-attività, il-kumpannija impjegat biss 380 mis-696 ħaddiem impjegat minn Kahla I fl-1993. Fir-rigward tat-tnaqqis żgħir tan-numru ta’ ħaddiema għal 322 ħaddiem, fil-bidu ta’ 1996, dan ma jirriżultax mid-diffikultajiet ekonomiċi, iżda mill-implementazzjoni ta’ organizzazzjoni iktar effiċjenti, fil-bidu tal-ewwel fażi ta’ attività u wara t-twettiq tal-ewwel investimenti.

78      Fir-rigward tat-telf previst mill-konsulenti għas-snin 1994-1996, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li ma eżaminatx jekk it-telf kienx marbut mal-istruttura tal-impriża u ssostni li kien telf marbut mal-bidu tal-attività. Skont ir-rikorrenti, l-implementazzjoni tal-pjan ta’ direzzjoni ma ġab miegħu ebda telf operattiv; kien biss telf tal-kontijiet li jirriżulta mir-rikors għal amortizzamenti fiskali eċċezjonali skont skema ta’ għajnuna awtorizzata. Kieku r-rikorrenti kienet ipproċediet għal amortizzamenti skont ir-regoli ġenerali applikabbli f’dan il-qasam, hija kienet tkun irreġistrat profitti mill-ewwel sena. Skont ir-rikorrenti, dan jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet li hija pprovdiet matul il-proċedura formali ta’ investigazzjoni u mir-rapport ta’ espert tal-kontijiet li hija ppreżentat.

79      Ir-rikorrenti ssostni, fil-ħames lok, li impriża mhijex ukoll f’diffikultà sempliċiment għaliex tirċievi fondi pubbliċi. Dan iċ-ċirku vizzjuż jwassal biex irendi kull impriża li tibbenefika minn għajnuna għall-investiment għall-akkwist ta’ oġġetti użati, impriża f’diffikultà. Madankollu, fil-konfront ta’ pjan li jinkludi programm ta’ finanzjament li jkun fih dispożizzjonijiet adegwati kontra r-riskji prevedibbli, sabiex l-impriża tkun tista’ teżisti mingħajr għajnuna wara l-fażi ta’ ħolqien, l-impriża hekk maħluqa ma tistax tiġi meqjusa bħala impriża f’diffikultà.

80      Barra minn hekk, TIB u G. R. qiegħdu għad-dispożizzjoni tal-impriża fondi tagħhom stess ta’ ammont sostanzjali li ma jistgħux jiġu mqabbla ma’ għajnuna. Fir-rigward tal-fondi kkontribwiti G.R., ir-rikorrenti ssostni li, sabiex tingħata risposta għall-kwistjoni dwar jekk l-impriża hijiex impriża f’diffikultà, il-kwistjoni tal-mod ta’ finanzjament tal-investitur li jinsab wara l-impriża ma hijiex determinanti. Inkwantu għall-fondi kkontribwiti minn TIB, ir-rikorrenti tqis li dawn ma jistgħux jiġu mqabbla ma’ għajnuna u ssostni li l-kwalifika ta’ għajnuna mill-Istat ta’ dawn il-fond ma jkollha, f’kull każ, ebda influwenza fuq il-legalità ta’ sussidji oħrajn jew fuq il-kompatibbiltà tas-sussidju għall-investiment mal-iskema li taħtha dan kien ġie mogħti.

81      Il-Land ta’ Thuringe josserva, b’mod partikolari, li l-fażi li matulha r-rikorrenti kienet tinsab allegatament f’diffikultà kienet partikolarment qasira u tispjega, barra minn hekk, li l-reġistrazzjoni tar-rikorrenti fuq lista ta’ impriżi f’diffikultà fil-kuntest ta’ proċedura oħra saret bi żball, u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja sussegwentement irrettifikat tali żball.

82      Il-Kummissjoni tqis li l-argument ppreżentat mir-rikorrenti u mil-Land ta’ Thuringe għandu jiġi miċħud kompletament bħala infondata.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

83      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni introduċiet a posteriori kundizzjonijiet ġodda fi skema awtorizzata li kienu żvantaġġużi għaliha u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni emendat retroattivament, għad-detriment tagħha, il-pożizzjoni ġuridika tagħha, bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Peress li l-għajnuna mogħtija fil-kuntest ta’ programmi awtorizzati ma teħtieġx approvazzjoni, restrizzjonijiet eventwali kellhom ikun inklużi, jew fl-iskema nnifisha, jew fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni.

84      Ir-Repubblika Federalil tal-Ġermanja tqis li huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ ċertezza legali li l-Kummissjoni tiddisapprova, expost, l-interpretazzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti, li rriżultat mill-perspettiva ex ante rilevanti, li bbażata ruħha fuq il-liġi dwar l-għajnuna fis-seħħ fil-mument tal-għoti tal-għajnuna. F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li kien raġonevoli, mill-perspettiva ex ante ta’ Mejju 1994, li tikkwalifika lir-rikorrenti bħala impriża maħluqa mill-ġdid, li ma kinitx taqa’ taħt il-Linji Gwida dwar għajnuna biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi tal-1994 u li, għalhekk, ma kinitx irċeviet għajnuna għar-ristrutturazzjoni fil-forma ta’ sussidju għall-investiment. Barra minn hekk, skont il-punt 18(1), tal-Anness tan-Notifika tal-Kummissjoni tal-1979, intitolat “Modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-prinċipji ta’ koordinazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna b’għan reġjonali” (ĠU 1979, C 31), “ investiment f’assi fissi mwettaq fil-forma ta’ teħid ta’ kontroll ta’ stabbiliment li kien ingħalaq jew li kien jingħalaq mingħajr dan it-teħid ta’ kontroll jista’ wkoll ikun meqjus bħala investiment inizjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fl-aħħar nett, peress li r-rikorrenti akkwistat l-assi bil-prezz tas-suq, il-Linji Gwida dwar għajnuna biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi tal-1994 ma jeskludux il-kwalifika ta’ għajnuna b’għan reġjonali f’dak li jirrigwarda s-sussidju għall-investiment kontenzjuż mogħti għall-akkwist ta’ dawn l-assi.

85      Il-Land ta’ Thuringe jsostni l-argument tar-rikorrenti u jżid li l-Kummissjoni għandha tillimita ruħha, skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali, sabiex tikkonstata jekk, skont il-każ, l-awtorità nazzjonali applikatax b’mod abbużiv il-programm approvat.

86      Il-Kummissjoni twieġeb li d-deċiżjoni kkontestata ma emendatx retroattivament il-pożizzjoni ġuridika tar-rikorrenti, peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura kien limitat mill-bidu nett.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi

87      Ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi inkwantu l-Kummissjoni ma tieħux kont tal-fatt li l-approvazzjoni tal-programm, kif ippubblikata, ma ppermettitx li jiġu żvelati r-ristrizzjonijiet severi li hija applikat fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti tqis li operatur li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu bħala padre familias jista’ jippreżumi n-natura eżistenti ta’ għajnuna meta l-kundizzjonijiet kollha ta’ programm awtorizzat huma sodisfati.

88      Peress li ebda riżerva ma tinsab fit-test tal-programm jew tal-approvazzjoni, ir-rikorrenti ma setgħetx tiskoprihom anki billi teżerċita d-diliġenza kollha neċessarja. Il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali disponibbli ma tipprovdi ebda indizju li jista’ jwassal lir-rikkorenti tiddubita mill-kontenut tal-programm awtorizzat. Għaldaqstant hija ma kellha ebda raġuni u lanqas obbligu ġuridiku li tistaqsi lill-Kummissjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet tal-programm kinux attwalment ġew sodisfatti.

89      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li operatur ekonomiku diliġenti ma setax jipprevedi li l-Kummissjoni, b’deroga mill-prattika kostanti tagħha u bi ksur tal-kliem stess tal-linji gwidi ppubblikati minnha stess, kienet ser tikkwalifika impriża maħluqa mill-ġdida bħala impriża f’diffikultà.

90      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 Fuq il-ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE

91      Sostanzjalment, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li skontha s-sussidju għall-investiment li jikkostitwixxi l-miżura 15 mhuwiex kopert mill-programm tal-Land ta’ Thuringe favur l-investimenti tal-SMEs.

92      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, ladarba skema ġenerali ta’ għajnuna kienet ġiet approvata, il-miżuri individwali ta’ eżekuzzjoni ma għandhomx għalfejn jiġu nnotifikati lilha, ħlief jekk id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni kienet suġġetta għal riżervi f’dan is-sens mill-Kummissjoni. Fil-fatt, peress li l-għajnuna individwali hija sempliċi miżura ta’ eżekuzzjoni tal-iskema ġenerali ta’ għajnuna, il-fatturi li l-Kummissjoni għandha tqis biex tevalwaha huma l-istess bħal dawk li hija applikat fl-eżami tal-iskema ġenerali. Huwa b’hekk inutli li l-għajnuna individwali tiġi suġġetta għall-eżami mill-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1994, Italja vs Il-Kummissjoni, C‑47/91, Ġabra p. I‑4635, punt 21).

93      Għaldaqstant għajnuna li tikkostiwixxi applikazzjoni stretta u previdibbli tal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni li tapprova l-iskema ġenerali ta’ għajnuna titqies bħala għajnuna eżistenti, li ma teħtieġx li tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni u lanqas li tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 87 KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2002, ARAP et vs Il-Kummissjoni, C‑321/99 P, Ġabra p. I‑4287, punt 83, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Novembru 2004, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, T‑176/01, Ġabra p. II‑3931, punt 51).

94      Minn naħa l-oħra, jekk dawn il-miżuri m’humiex koperti mill-iskemi ġenerali invokati, dawn jikkostitwixxu għajnuna ġdida li l-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni għandha tkun suġġetta għall-eżami tal-Kummissjoni.

95      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddeċiedi fuq il-konformità ta’ għajnuna mal-iskema kkonċernata taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-obbligu tagħha li tiżgura l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 KE u 88 KE. Għaldaqstant, l-eżami mill-Kummissjoni tal-konformità ta’ għajnuna ma’ din l-iskema ma jikkostitwixxix inizjattiva li tmur lil hinn mill-kuntest tal-kompetenzi tagħha. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma tistax tiġi limitata minn dik tal-awtoritajiet nazzjonali li taw l-għajnuna.

96      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-eżami tal-allegazzjonijiet l-oħrajn ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 87 KE u 88 KE għandu jsir f’żewġ stadji. L-ewwel nett, għandha tiġi vverifikata l-portata eżatta tal-programm tal-Land ta’ Thuringe u, sussegwentement, fid-dawl ta’ dan l-eżami, jekk l-għanjuna mogħtija lir-rikorrenti ssodisfatx il-kundizzjonijiet tal-għoti stabbiliti mill-imsemmi programm.

–       Fuq il-portata tal-iskema awtorizzata

97      Għandu jiġi mfakkar li l-programm tal-Land ta’ Thuringe favur l-investimenti tal-SMEs kien ġie nnotifikat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fl-1 ta’ Lulju 1993, bħala skema b’għan reġjonali.

98      Skont it-test tad-direttiva li tirregola l-programm tal-Land ta’ Thuringe u l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-formula ta’ notifika tiegħu, il-benefiċjarji eliġibbli taħt l-iskema kienu, bħala regola ġenerali, SMEs tas-settur tal-manifattura u impriżi oħrajn komparabbli tal-Land ta’ Thuringe. Impriżi ta’ daqs akbar setgħu, madankollu, b’deroga għar-regola msemmija iktar ’il fuq, jibbenefikaw minn għajnuna taħt il-programm.

99      Skont id-direttiva msemmija iktar ’il fuq, din l-għajnuna kienet tkopri investimenti ta’ kull tip u ta’ kull għan, bl-eċċezzjoni tal-għajnuna għar-riċerka u għall-iżvilupp. L-ispejjeż eliġibbli taħt dan il-programm, kif imsemmija fil-punt 11 tal-formula ta’ notifika, ikopru kemm l-investimenti produttivi (bl-eċċezzjoni tax-xiri ta’ artijiet) kif ukoll l-investimenti magħmula fil-kuntest ta’ programm ta’ ristrutturazzjoni.

100    Jirriżulta wkoll mit-test tad-direttiva u mill-formula ta’ notifika li l-għajnuna kienet marbuta ma’ pjan u li din setgħat tkun mogħtija biss fuq il-kundizzjoni li jeżisti “pjan għal żmien twil u solidu, b’kunsiderazzjoni għas-sussidji mħallsa taħt din id-direttiva, u li dan ikun ikkonfermat mill-bank tal-impriża fil-kuntest tal-miżuri globali ta’ finanzjament”.

101    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja invokat fin-notifika tal-programm id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 87(2)(c) KE u tal-Artikolu 87(3)(a) KE, u mmotivat il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni billi rreferiet għad-diffikultajiet speċifiċi li jiltaqgħu magħhom l-SMEs tal-Ġermanja tal-Lvant minħabba t-tranżizzjoni lejn l-ekonomija tas-suq. Hija tippreċiża f’dan il-kuntest li “l-istat irvinat tal-bini u tat-tagħmir li intiret mill-ekonomija ppjanata tal-passat u n-nuqqas, inġenerali, ta’ flus kontanti wass[lu] għal bżonnijiet finanzjarji disproporzjonati għall-[SMEs] ta’ Thuringe u għaldaqstant [fixklu] l-aċċess tagħhom għas-suq taħt kundizzjonijiet ġusti”. F’dan il-kuntest, il-miżuri kienu intiżi sabiex tiġi mibnija mill-ġdid l-istruttura tradizzjonali tal-SMEs fil-Land ta’ Thuringe.

102    Peress li kienu neċessarji iktar kjarifiki fir-rigward tal-kunċett tal-“programm ta’ ristrutturazzjoni” imsemmi fil-punt 11 tal-formula ta’ notifika (ara l-punt 99 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Awwissu 1993, talbet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja informazzjoni addizzjonali.

103    B’risposta għal din id-domanda, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja indikat fil-komunikazzjoni tagħha tas-26 ta’ Awwissu 1993 (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni tas-26 ta’ Awwissu 1993”), irċevuta mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Awwissu 1993, dan li ġej:

“Fir-rigward tal-punt 11 tan-notifika (kunċett ta’ ‘ristrutturazzjoni’), hemm manifestament nuqqas ta’ ftehim. Il-Gvern [Ġermaniż] jippreċiża li dan il-programm ta’ għajnuna ma jippermettix l-għoti ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni. Għal dawn l-għanijiet partikolari, il-Land ta’ Thuringe diġà nnotifika separatament żewġ direttivi […]. Il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna jikkorrispondu għall-ispirtu u għall-kliem tar-regolamenti relattivi għall-fondi strutturali tal-Komunità. […] Kif diġà ġie espost fin-[notifika] tal-1 ta’ Lulju 1993, l-għan ta’ dawn il-miżuri huwa li jsostnu l-investimenti neċessarji u l-isforzi ta’ addattazzjoni għar-rekwiżiti għoljin tas-suq tal-[SMEs] ipprivatizzati wara l-1989 u li, għalkemm b’saħħithom, jinsabu ħafna drabi f’sitwazzjoni finanzjarja prekarja. Il-’programm ta’ ristrutturazzjoni’ għandu jkun meqjus f’dan il-kuntest bħala programm ta’ għajnuna għall-investimenti għall-finijiet ta’ ħolqien ta’ impriża ġdida, ta’ tkabbir u ta’ modernizzazzjoni.”

104    Fl-aħħar nett, permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Novembru 1993, il-Kummissjoni ddeċidiet, billi tirreferi espliċitament għall-komunikazzjoni tas-26 ta’ Awwissu 1993, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-implementazzjoni tal-programm innotifikat.

105    Jirriżulta mill-elementi msemmija iktar ’il fuq li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet tat lill-Kummissjoni, qabel ma din approvat l-iskema, indikazzjonijiet, l-ewwel nett, fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-benefiċjarji li l-programm indirizza, billi ppreċiżat li dawn kienu impriżi privatizzati wara l-1989, li “għalkemm b’saħħithom, jinsabu ħafna drabi f’sitwazzjoni finanzjarja prekarja”.

106    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-referenza għas-“sitwazzjoni finanzjarja prekarja” tal-impriżi eliġibbli, interpretata b’mod strett fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kliem tagħha, tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑277/00, Ġabra I‑3925, punti 20 u 21, u l-ġurisprudenza ċċitata), ma tistax tkun meqjusa bħala li tirreferi għas-sitwazzjoni tal-impriżi f’diffikultà. Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li, kif ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet spjegat dan fin-notifika tal-iskema, l-impriżi tal-Land ta’ Thuringe, kif, barra minn hekk, il-parti l-kbira tal-impriżi tal-ex RDĠ, iltaqgħu ma’ diffikultajiet partikolari minħabba t-tranżizzjoni ta’ ekonomija ppjanata għal ekonomija tas-suq. Huwa f’dan il-kuntest li għandha tiġi mifhuma r-referenza għas-“sitwazzjoni finanzjarja prekarja” li fiha setgħu eventwalment isibu ruħhom il-benefiċjarji eliġibbli taħt dan il-programm. L-użu tal-espressoni “sitwazzjoni finanzjarja prekarja” għaldaqstant tirreferi għad-diffikultajiet marbuta mat-tranżizzjoni ta’ ekonomija ppjanata għal ekonomija ta’ suq u mhux għal dawk li huma karatteristiċi ta’ impriża f’diffikultà. Dan jirriżulta wkoll mir-rabta inseparabbli bejn l-espressjoni “sitwazzjoni finanzjarja prekarja” u dik ta’ “impriża b’saħħitha” użata fl-istess sentenza. Fil-fatt, l-espressjoni “impriża b’saħħitha” hija bla dubju ta’ xejn intiża sabiex tindika li l-prekarjetà finanzjarja tal-impriżi eliġibbli ma tistax tkun tali li l-impriża ma tibqax tkun meqjusa b’saħħitha.

107    Għandu wkoll jiġi rrilevat li, fil-komunikazzjoni tagħha tas-26 ta’ Awwissu 1993, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet tat indikazzjonijiet, it-tieni nett, fir-rigward tan-natura tal-għajnuna mogħtija taħt l-iskema, billi ppreċiżat li “l-programm [...] ma [ppermettiex] l-għoti ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni”.

108    Din il-preċiżjoni, marbuta mal-fatt li l-Land ta’ Thuringe kien ukoll innotifika programm speċifikatament maħsub għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà, għandha tiġi interpretata, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, bħala indikazzjoni li tikkonferma li l-programm eskluda lill-impriżi f’diffikultà. Fil-fatt, ma jkunx loġiku li jiġi kkunsidrat li l-intenzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitix li teskludi mill-programm lill-impriżi f’diffikultà filwaqt li eskludiet espliċitament l-għajnuna li hija maħsuba speċifikatament għalihom.

109    Għaldaqstant mhuwiex importanti li jiġi ddeterminat jekk, bħal ma jippretendu r-rikorrenti u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għajnuna għall-investiment favur impriżi f’diffikultà setatx, f’dak iż-żmien, tiġi mogħtija taħt skema b’għan reġjonali, peress li, billi ppreċiżat fil-komunikazjzoni tagħha tas-26 ta’ Awwissu 1993 li l-iskema kienet indirizzata għall-impriżi b’saħħithom, minn naħa, u li ma ppermettietx l-għoti ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja espliċitmanet eskludiet mill-iskema lill-impriżi f’diffikultà.

110    Ir-rikorrenti tqis, madankollu, li l-komunikazzjoni tas-26 ta’ Awwissu 1993 ma tistax temenda t-test tal-programm kif innotifikat lill-Kummissjoni fl-1 ta’ Lulju 1993. Il-komunikazjoni tas-26 ta’ Awwissu 1993 tifforma parti mill-programm awtorizzat, sa fejn l-informazzjoni addizzjonali u l-preċiżjonijiet tagħha kienu ġew ikkunsidrati rilevanti mill-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi li tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-implementazzjoni tal-pjan innotifikat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni, kif tallega r-rikorrenti, sabiex teżiġi f’dan il-kuntest l-emenda tal-programm jew in-notifika ta’ ċerti każijiet ta’ applikazzjoni. Fil-fatt, peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja pprovdiet preċiżjonijiet li ppermettew lill-Kummissjoni tikkonvinċi ruħha, wara l-ewwel investigazzjoni, li l-pjan innotifikat kien kompatibbli mat-Tratttat, il-ftuħ tal-proċedura formali kien bla bżonn u mingħajr skop.

111    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kienet korretta tqis li l-impriżi f’diffikultà kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Land ta’ Thuringe.

–       Fuq is-sussidju mogħti lir-rikorrenti

112    Jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni tqis li s-sussidju mogħti lir-rikorrenti ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-programm tal-Land ta’ Thuringe, minħabba l-fatt li din kienet f’diffikultà mill-1994 sal-aħħar tal-1996, sakemm din kienet irreġistrat għall-ewwel darba riżultat kemmxejn pożittiv u s-sehem tal-kapital proprju beda jiżdied (premessi 118 u 129 tad-deċiżjoni kkontestata).

113    Il-Kummissjoni tesponi fid-deċiżjoni kkontestata li, fid-dawl tar-rapporti disponibbli fil-mumemt rilevanti u skont il-prattika kostanti tagħha, hija qieset lir-rikorrenti, li kienet “soluzzjoni ta’ kontinwazzjoni” bħala impriża f’diffikultà (premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata).

114    Minn naħa l-oħra, ir-rikorrenti tisħaq li hija kisbet is-sussidju intiż sabiex jiffavorixxi l-bidu tal-impriża u li hija kienet, mill-bidu nett, ekonomikament vijabbli.

115    L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-investigazzjoni li l-Kummissjoni trid twettaq timplika t-teħid inkunsiderazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ fatti u ta’ ċirkustanzi ekonomiċi kumplessi. Peress li l-qorti Komunitarja ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti u taċ-ċirkustanzi ekonomiċi kumplessi għal dik tal-Kummissjoni, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandu konsegwentement ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Mejju 2005, Saxonia Edelmetalle vs Il-Kummissjoni, T‑111/01 u T‑133/01, Ġabra p. II‑1579, punt 91, u tal-ġurisprudenza ċċitata).

116    F’dan il-każ, is-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti fil-mument meta l-għajnuna inkwistjoni kienet ġiet mogħtija hija evalwata fid-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi ta’ żewġ rapporti ta’ ditti ta’ konsulenti disponibbli fiż-żmien meta r-rikorrenti kienet stabbilita, jiġifieri r-rapport tad-ditta RBSH&P, tad-29 ta’ Novembru 1993 u r-rapport redatt minn AA , tal-11 ta’ Jannar 1994.

117    L-għan tar-rapport ta’ RBSH&P kien li jiġi mħejji pjan ta’ direzzjoni sabiex tiġi stabbilita “soluzzjoni ta’ kontinwazzjoni” tal-impriża falluta Kahla 1 li bdiet l-attivitajiet tagħha fl-1 ta’ Jannar 1994. Dan il-pjan, żviluppat bil-kollaborazzjoni ta’ G. R., kellu jservi ta’ bażi għad-diskussjonijiet bejn il-likwidatur ġudizzjarju, il-Land ta’ Thuringe, il-Gvern Federali, il-banek u l-investituri potenzjali.

118    Il-pjan ta’ direzzjoni kien ikkaratterizzat minn diversi elementi. B’mod partikolari, kien previst li s-“soluzzjoni ta’ kontinwazzjoni” tieħu kontroll tal-attivitajiet kummerjali ta’ bażi ta’ Kahla I, jiġifieri l-produzzjoni ta’ oġġetti tal-porċellana tad-dar, li jkunu żviluppati fis-settur tal-oġġetti tal-porċellana tad-dar tal-livell għoli u fis-settur tal-porċellana għal-lukandi. Dan il-pjan kien jipprevedi li l-impriża l-ġdida tieħu kontroll tal-istokkijiet kollha u tat-380 ħaddiem, kif ukoll l-użu tal-assi fissi kollha ta’ Kahla I (artijiet, bini, magni u tagħmir) meqjusa bħala neċessarji għall-funżjoni tajba tas-“soluzzjoni ta’ kontinwazzjoni”. Fuq dan l-aħħar punt, il-konsulenti indikaw li, sabiex tkun tista’ tiġi ssuperata l-fażi ta’ ristrutturazzjoni neċessarja fl-istennija ta’ investitur potenzjali, l-assi fissi kellhom jitqiegħu għad-dispożizzjoni tal-kumpannija futura b’xejn matul l-ewwel erba’ snin. Il-pjan ta’ direzzjoni kien ikkaratterizzat, barra minn hekk, mit-twettiq tal-ewwel investimenti ta’ sostituzzjoni, ta’ tkabbir u ta’ razzjonalizzar. Fl-aħħar nett, ir-rapport kien iserraħ fuq il-parteċipazzjoni ta’ G.R. bħala soċju ta’ referenza, li l-kontribuzzjoni tiegħu ta’ fondi kienet tammonta għal DEM 50 000, kif ukoll fuq il-kontribuzzjoni ta’ fondi ta’ soċju mingħajr drittijiet ta’ votazzjoni għall-ammont ta’ DEM 9,5 miljun.

119    Fir-rigward tar-rapport tad-ditta AA, dan kien sar fuq it-talba ta’ TIB sabiex tiġi evalwata l-parteċipazzjoni tagħha bħala soċju potenzjali fis-“soluzzjoni ta’ kontinwazzjoni”. Dan ir-rapport eżamina l-pjan ta’ direzzjoni kif redatt mid-ditta RBSH&P billi ħa inkunsiderazzjoni l-bidliet sostenzjali li saru sa dak iż-żmien fl-istruttura ta’ bażi. B’mod partikolari, il-pjan ta’ direzzjoni kien ibbażat fuq l-ipoteżi, minn naħa, tal-parteċipazzjoni ta’ TIB li ma tagħtix drittijiet ta’ votazzjoni u ta’ impenn finanzjarju tal-ammont ta’ DEM 7,95 miljun li jippermettu, fil-każ ta’ suċċess tal-pjan, li jiġi ġgarantit 365 impjieg għall-inqas sal-1997, u, min-naħa l-oħra, tal-akkwist tal-assi fissi ta’ Kahla I imsemmija fl-ewwel rapport għal ammont ta’ DEM 5,2 miljun. F’dan ir-rapport kien previst li parti minn dawn l-assi fissi, jiġifieri t-tagħmir u l-magni neċessarji għall-funzjonament tal-impriża, tkun iffinanzjata mis-sussidju għall-investiment tal-Land ta’ Thuringe inkwistjoni.

120    Għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, l-konsulenti evalwaw ir-riskji marbutin mal-pjan ta’ direzzjoni bħala għoljin. Fil-fatt, kif jirriżulta mir-rapport ta’ RBSH&P, diversi elementi tal-istruttura għadhom iridu jiġu definiti u l-konsulenti jenfasizzaw d-diffikultajiet kbar ħafna li ser jiltaqa’ magħhom il-pjan. Ir-rapport redatt minn AA, minn naħa tiegħu, ikkunsidra li l-objettivi assenjati lill-impriża kienu wisq ambizzjużi u li kien hemm numru kbir ta’ riskji li setgħu jwasslu għall-falliment tal-pjan. Skont il-konsulenti ta’ dan l-aħħar rapport, l-analiżi wrew li anki diverġenza żgħira miċ-ċifri mmirati setgħat tfisser il-falliment tal-pjan ta’ kontinwazzjoni.

121    Fid-dawl ta’ dawn ir-rapporti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni ma wettqietx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qieset, fil-premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sostenn tal-awtoritajiet pubbliċi kien determinanti sabiex tiġi garantita, wara proċess ta’ ristrutturazzjoni, il-vijabbiltà tar-rikorrenti.

122    Fil-fatt, kif jirriżulta mingħajr ambigwita mir-rapport redatt minn RBSH&P, l-impriża “ma [kinitx] f’pożizzjoni li ssostni waħedha l-ispejjeż għoljin ħafna ta’ finanzjament fid-dawl tal-fatturat mistenni, relatati mal-proċess ta’ ristrutturazzjoni (bżonn ta’ investimenti, pjanijiet ġodda għall-uffiċċji, tagħmir għall-produzzjoni ta’ daqs kbir ħafna, eċċ.)”. Il-konsulenti enfasizzaw, barra minn hekk, li “n-neċessità ta’ dan il-proċess ta’ ristrutturazzjoni [oriġina] fil-passat u għaldaqstant is-‘soluzzjoni ta’ kontinwazzjoni’ ma tistax titrattaha” u li “sostenn mill-awtoritajiet pubbliċi, fil-mument meta għotjiet ta’ kapital saru neċessarji, fil-forma ta’ garanziji reġjonali tal-Land jew oħrajn, [kienet] il-kundizzjoni neċessarja għall-adattament tal-istrutturi ta’ [Kahla] għar-rekwiżiti tal-ekonomija tas-suq”.

123    Il-fatt imsemmi mir-rikorrenti, li hija kienet impriża maħluqa mill-ġdid li ħadet kontroll biss ta’ ċerti elementi ta’ Kahla I u li l-attività tagħha kienet ġiet orjentata mill-ġdid, ma jistax jinvalida l-konklużjoni li r-rikorrenti kellha tiġi ristrutturata sabiex tkun żgurata l-vijabbiltà tagħha. Fil-fatt jirriżulta miż-żewġ rapport li l-orjentazzjoni mill-ġdid ta’l-attivitajiet lejn is-setturi iktar profittabbli tal-oġġetti tal-porċellana tad-dar ta’ livell għoli u tal-porċellana għal-lukandi kienet teżiġi, b’mod partikolari, it-twettiq minn qabel ta’ investimenti ta’ sostituzzjoni, ta’ tkabbir u ta’ razzjonalizzar. Il-konsulenti nnifishom ikkwalifikaw dan il-proċess ta’ adattament ta’ erba’ snin bħala ristrutturazzjoni.

124    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li, essenzjalment, minn naħa, l-impriża kellha fondi tagħha stess ta’ ammont sostanzjali mingħajr ma tirrikorri għall-għajnuna u, min-naħa l-oħra, il-fondi pubbliċi kienu ġew allokati fil-kuntest ta’ skemi approvati, dan ma jistax jiġi milqgħuħ.

125    Minn naħa, għandu jiġi mfakkar li, kif il-Kummissjoni diġà kkonstatat dan fid-Deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt mir-rikorrenti, l-ispiża totali tal-miżuri neċessarji proposti mill-konsulenti ammontat, skont ir-rapport tad-ditta RBSH&P, għal DEM 30,945 miljun u, skont ir-rapport tad-ditta AA, għal DEM 27,727 miljun (premessa 167 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn dan isegwi li, sabiex tkun żgurata l-vijabbiltà tar-rikorrenti, l-ispiża total tal-miżuri proposti kienet konsiderevolment għola mill-fondi kkontribwiti mill-azzjonisti tagħha (ara l-punt 118 in fine iktar ’il fuq).

126    Min-naħa l-oħra, l-allegata kompatibbiltà mas-suq komuni tas-sussidji mogħtija lir-rikorrenti ma tistax tinvalida l-konklużjoni li l-vijabbiltà tar-rikorrenti kienet tiddependi fuq is-sostenn tal-awtoritajiet pubbliċi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ddeduċietx id-diffikultajiet li fihom kienet tinsab ir-rikorrenti mill-fatt li hija kienet irċeviet għajnuna. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li dan il-fatt kien biss jikkonferma li r-rikorrenti kienet tinsab f’diffikultà. Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrenti setgħet tikseb għajnuna finanzjarja mingħand il-banek mingħajr għajnuna mill-Istat (ara l-punti 24 u 28 iktar ’il fuq), fatt li hija ma tikkontestax, juri li minħabba s-sitwazzjoni tal-impriża, l-istituzzjonijiet finanzjarji ma kinux lesti jipprovduha b’riżorsi bil-kundizzjonijiet tas-suq. Bl-istess mod, f’dak li jirrigwarda l-investitur privat, il-kontribuzzjoni ta’ G. R. ma kinitx żgura, peress li huwa kellu d-dritt ixolji l-kuntratt jekk l-impriża ma rċevietx l-għajnuna mistennija.

127    Fir-rigward tar-regoli applikabbli fil-mument tal-għoti tas-sussidju għall-investiment tal-Land ta’ Thuringe, għandu jiġi rrilevat li huwa kostanti li l-Linji Gwida dwar għajnuna biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi tal-1994, applikati mill-Kummissjoni f’dan il-każ, huma l-espressjoni tal-prattika komuni tal-Kummissjoni fil-materja ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni, kif definita fil-punti 227, 228 u 177 tat-tmien rapport tal-Kummissjoni fuq il-politika ta’ kompetizzjoni tal-1979 u approvata mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il-Kummissjoni, 323/82, Ġabra p. 3809; tal-10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, u tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑301/87, Ġabra p. I‑307).

128    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni, ġustament, qieset li d-definizzjoni li tinsab fil-punt 2.1 tal-Linji Gwida dwar għajnuna biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi tal-1994, li abbażi tagħha impriża f’diffikultà “mhijiex kapaċi tassigura l-irkupru tagħha permezz tar-riżorsi tagħha stess jew ta’ fondi miksuba mingħand l-azzjonisti tagħha jew bis-self” [traduzzjoni mhux uffiċjali], kienet tikkorrispondi għall-fatti ta’ dan il-każ.

129    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-indikaturi msemmija fil-Linji Gwida dwar għajnuna biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi tal-1994, għandu jiġi mfakkar li l-importanza mogħtija mill-Kummissjoni lill-indikaturi ta’ tendenza ma ċċaħadx neċessarjament mir-rilevanza ta’ tipi oħrajn ta’ indikaturi (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T‑171/02, Ġabra p. II‑2123, punt 111).

130    B’hekk, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, tibbaża ruħha fuq indikaturi bħall-valur baxx tal-assi netti u d-dħul tal-flus kontanti jew id-dejn kbir, sabiex tikkonstata li r-rikorrenti kienet impriża f’diffikultà. Fil-fatt, fid-dawl tal-ispiża totali tal-miżuri neċessarji proposti mill-konsulenti fir-rapporti rispettivi tagħhom, l-evalwazzjoni li l-valur tal-assi netti u d-dħul tal-flus kontanti kienu baxxi wisq sabiex jiżguraw il-finanzjament ta’ dawn il-miżuri u, għaldaqstant, il-vijabbiltà tar-rikorrenti, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala manifestament żbaljata. L-istess, ir-rikorrenti ma turix li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qieset li, mingħajr is-sostenn mill-Istat, ir-rikorrenti ma setgħetx issostni spejjeż finanzjarji bħal dawk.

131    Fir-rigward tan-numru ta’ ħaddiema tal-impriża l-ġdida, ir-rapporti tal-konsulenti kkunsidrawh kompatibbli mas-suċċess tal-pjan ta’ direzzjoni tar-rikorrenti. Madankollu, kif il-Kummissjoni ppreċiżat fil-premessa 112 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sostenn tal-awtoritajiet pubbliċi kien marbut maż-żamma tan-numru ta’ ħaddiema. Barra minn hekk jirriżulta miż-żewġ rapporti tal-konsulenti li l-livell tan-numru ta’ ħaddiema kien ġie influwenzat minn kunsiderazzjonijiet soċjali. Ir-rapport tad-ditta RBSH&P jinnota barra minn hekk li l-fatturat għal kull ħaddiem li r-rikorrenti kellha tilħaq fl-ewwel sena kien inqas minn dak li l-industrija taċ-ċeramika laħqet fis-snin preċedenti. Għaldaqstant,dan kien taħt il-medja. Dan mhux karatteristika tal-approċċ ta’ impriża ġdida li trid tagħmel profitt.

132    Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-telf previst mill-konsulenti, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni ppreċiżat, fil-premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata, li “mingħajr is-sostenn mill-Istat, l-impriża kienet issostni telf konsidervolment iktar għoli u kienet probabbilment tegħeb mis-suq” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li, għaldaqstant, il-fatt li l-applikazzjoni ta’ skema speċjali ta’ amortizzament setgħet twassal għal telf iktar għoli huwa mingħajr importanza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjoni tar-rikorrenti, li, kieku hija kienet ipproċediet għal amortizzamenti skont ir-regoli ġenerali applikabbli f’dan il-qasam, hija kienet tirreġistra profitti mill-ewwel sena, kienet mingħajr rilevanza. Din l-allegazzjoni hija, barra min hekk, f’kuntradizzjoni mal-affermazzjoni li dan huwa telf marbut mal-bidu tal-attività.

133    Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjoni kollha li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkonstatat li r-rikorrenti kienet impriża f’diffikultà.

134    Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni kienet korretta tikkunsidra li l-kundizzjonijiet li jippermettu l-għoti ta’ għajnuna għall-investimenti tal-SMEs ma kinux sodisfati f’dan il-każ u li l-ħlas mil-Land ta’ Thuringe tas-somma ta’ DEM 2,5 miljun taħt il-forma ta’ sussidju ma kienx konformi mad-deċiżjoni li tapprova l-iskema. Konsegwentement, il-Kummissjoni kkunsidrat ġustament li dan is-sussidju kellu jiġi kkwalifikat bħala għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 88(3) KE.

135    Għaldaqstant, għandom jiġu miċħuda l-argumenti kollha li jikkonċernaw il-ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE f’dak li jirrigwarda s-sussidju għall-investiment tal-Land ta’ Thuringe (miżura 15).

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

136    Għandu jiġi mfakkar li r-rekwiżit fondamentali taċ-ċertezza legali, fl-espressjonijiet differenti tagħha, ifittex li jassigura li sitwazzjonijiet u relazzjonijiet ġuridiċi koperti mid-dritt Komunitarju jkunu prevedibbli (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Frar 1996, Duff et, C‑63/93, Ġabra p. I‑569, punt 20, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Marzu 1997, Oliveira vs Il-Kummissjoni, T‑73/95, Ġabra p. II‑381, punt 29).

137    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, f’dan il-każ, ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

138    L-ewwel nett, l-allegazzjoni tar-rikorrenti, li l-Kummissjoni kienet, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, introduċiet retroattivament kundizzjonijiet addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-programm tal-Land ta’ Thuringe favur l-investimenti tal-SMEs, mhijiex fondata. Fil-fatt, jirriżulta mill-punti 97 sa 111 iktar ’il fuq li fl-evalwazzjoni tagħha tal-konformità tas-sussidju li jikkostitwixxi l-miżura 15, il-Kummissjoni illimitat ruħha strettament għall-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 1993 li tapprova l-programm tal-Land ta’ Thuringe.

139    It-tieni nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li, essenzjalment, il-Kummissjoni ddisapprovat, ex post, l-interpretazzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti, li rriżultat mill-perspettiva ex ante rilevanti, liema awtorità nazzjonali kienet ibbażat ruħha fuq il-liġi dwar l-għajnuna fis-seħħ fil-mument tal-għoti tal-għajnuna u kienet raġonevolment qieset lir-rikorrenti bħala impriża maħluqa mill-ġdid li ma taqax taħt il-Linji Gwida dwar għajnuna biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi f’diffikultà tal-1994.

140    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar il-kuntest li fih il-programm tal-Land ta’ Thuringe kien ġie approvat mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, għandu jiġi mfakkar li, billi ppreċiżat li l-programm kien indirizzat għall-impriżi b’saħħithom, minn naħa, u li ma kienx jippermetti l-għoti ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja espliċitament eskludiet lill-impriżi f’diffikultà mill-iskema (ara l-punt 109 iktar ’il fuq).

141    Għaldaqstant, anki jekk, kif tallega r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għajnuna għall-investiment favur impriżi f’diffikultà setgħet tiġi mogħtija taħt il-programm innotifikat bħala skema ta’ għajnuna b’għan reġjonali, kien ċar li, fid-dawl tal-komunikazzjoni tas-26 ta’ Awwissu 1993, tali impriżi ma setgħux ikunu l-benefiċjarji ta’ għajnuna skont il-programm approvat.

142    Bl-istess mod, il-fatt li l-impriżi l-ġodda mhumiex ġeneralment eliġibbli għall-benefiċċju ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ma jistax jikkostitwixxi, wara l-komunikazzjoni tas-26 ta’ Awwissu 1993, element ta’ inċertezza fir-rigward tal-portata tal-programm li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-impriżi f’diffikultà indipendentement mill-fatt li dawn huma impriżi maħluqa mill-ġdid.

143    F’kull każ, l-allegat nuqqas ta’ ċarezza, anki jekk jitqies bħala stabbilit, ma jistax, b’kunsiderazzjoni għall-portata limitata ħafna tiegħu, jippreġudika ċ-ċertezza leġali.

144    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma aġixxietx b’mod li huwa kuntrarju għal dan il-prinċipju billi kkonstatat li s-sussidju mogħti lir-rikorrenti ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-programm tal-Land ta’ Thuringe minħabba l-fatt li dak iż-żmien din kienet impriża f’diffikultà.

145    Konsegwentement, l-argumenti kollha dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali f’dak li jirrigwarda s-sussidju għall-investiment tal- Land ta’ Thuringe (miżura 15) għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi

146    Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, id-dritt li tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Komunità, huwa miftuħ għal dawk li jinsabu f’sitwazzzjoni li fiha jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunitarja, billi tathom assigurazzjonijiet preċiżi, ħolqot aspettativi leġittimi fil-konfront tagħhom. Jikkostitwixxu dawn l-assigurazzjonijiet, tkun xi tkun il-forma li taħthom jiġu kkomunikati, informazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjoni u konsistenti li ġejja minn sorsi awtorizzati u affidabbli (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Lulju 1998, Mellett vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑66/96 u T‑221/97, Ġabra SP p. I‑A‑449 u II‑1305, punti 104 u 107). Min-naħa l-oħra, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Jannar 2000, Mehibas Dordtselaan vs Il-Kummissjoni, T‑290/97, Ġabra p. II‑15, punt 59, u tad-19 ta’ Marzu 2003, Innova Privat‑Akademie vs Il-Kummissjoni, T‑273/01, Ġabra p. II‑1093, punt 26).

147    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, in-natura eżistenti tal-għajnuna sabiex tibbaża l-aspettativi leġittimi tagħha.

148    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-fatt il-Qorti tal-Prim’Istanza ppreċiżat li ma jistax jiġi aċċettat li l-Kummissjoni timponi s-sanzjoni ta’ restituzzjoni ta’ għajnuna bi ħsara għal benefiċjarju ta’ għajnuna li osserva l-kundizzjonijiet tal-għajnuna kif imposti mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Frar 2002, Kvaerner Warnow Werft vs Il-Kummissjoni, T‑227/99 u T‑134/00, Ġabra p. II‑1205, punt 92).

149    Madankollu, kif diġà kien ikkonstatat fil-punt 134 iktar ’il fuq, is-sussidju għall-investiment mogħti lir-rikorrenti ma josservax b’mod strett il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-programm tal- Land ta’ Thuringe.

150    Fir-rigward tan-nuqqas ta’ restrizzjoni espliċita fl-iskema kkonċernata, kif ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li hija ma tistax tibbaża l-aspettativi leġittimi tar-rikorrenti fir-regolarità tas-sussidju għall-investiment tal-Land ta’ Thuringe. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma kinitx eżentata milli żżomm ruħha informata fuq ir-regolarità tal-għoti tal-għajnuna li kienet ġiet mogħtija lilha. F’kull każ, il-fatt imressaq mir-rikorrenti b’ebda mod ma jista jitqabbel ma’ assigurazzjonijiet preċiżi eventwali pprovduti mill-Kummissjoni fis-sens li l-programm kontenzjuż kien applikabbli għall-impriżi f’diffikultà.

151    Fir-rigward tal-argument li l-impriżi maħluqa mill-ġdid ma setgħux jiġu meqjusa, f’dak iż-żmien, bħala impriżi f’diffikultà, għandu jiġi rrilevat li dan il-fatt ma għandux jiġi interpretat fis-sens li dawn ma jistgħux isibu ruħhom, bħal f’dan il-każ, f’sitwazzjoni ta’ diffikultà.

152    Minn dan isegwi li l-argumenti kollha li jikkonċernaw il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi għandhom jiġu miċħuda bħala infondati f’dak li jirrigwarda s-sussidju għall-investiment tal-Land ta’ Thuringe.

2.     Fuq dak li jirrigwarda s-sussidji favur l-impjieg assoċjati ma’ investimenti għall-ħarsien tal-ambjent (miżura 26)

a)     Argumenti tal-partijiet

 Fuq il-ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE

153    Ir-rikorrenti tikkontesta, l-ewwel nett, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-miżuri implementati mir-rikorrenti mhumiex konfomi mal-iskema tal-Artikolu 249 h tal-AFG.

154    Ir-rikorrenti tallega li, skont it-termini inekwivoċi tal-Artikolu 249 h tal-AFG, l-impriżi privati, u mhux biss l-impriżi li jaqgħu taħt it-THA, setgħu jimplementaw dawn il-miżuri. Dan huwa kkonfermat minn dispożizzjonijiet li l-Kummissjoni ma injoratx, bħaċ-ċirkolari ta’ applikazzjoni tas-27 ta’ Jannar 1993 u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 92(2) tal-AFG. Skont ir-rikorrenti, limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema għall-impriżi tat-THA biss ma tirriżultax la mid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-Kummissjoni, la mir-referenza ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, u lanqas mill-komunikazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tad-29 ta’ Lulju 1994, li l-ispjegazzjonijiet tagħha ma jistgħux, f’kull każ, ibbidlu l-portata inekwivoka tat-test li jistabbilixxi l-iskema. Sabiex isir dan, kienet tkun neċessarja jew emenda espressa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jew il-ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni.

155    Fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti tippreżenta rapport ta’ espert sabiex issostni t-teżi tagħha li hija kellha d-dritt timplementa l-miżuri taħt l-Artikolu 249 h tal-AFG, li hija għamlet sabiex timpjega ħadddiema preċedentement mingħajr impjieg, u dan, għaldaqstant, fl-interess pubbliku. Ir-rikorrenti titlob li d-Direttur, ta’ dak iż-żmien, tal-Arbeitsamt Jena (Uffiċċju tal-Impjieg ta’ Jena, il-Ġermanja), jinstema’ fuq dan il-punt.

156    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tistħaq li l-miżuri li hija implementat bis-saħħa tal-Artikolu 249 h tal-AFG ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.

157    L-ewwel, hija tallega li miżura tal-Istat ma tistax tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat minħabba l-fatt li hija kienet ġiet implementata minn impriża privata u mhux minn impriża pubblika. Skont ir-rikorrenti, l-impriżi tat-THA implementaw ukoll il-miżuri taħt l-Artikolu 249 h tal-AFG fis-siti operattivi tagħhom stess.

158    Sussegwentement, ir-rikorrenti tikkontesta li hija kienet ġiet iffavorizzata bl-implementazzjoni tal-miżuri u titlob li G. R. jinstema’ f’dan ir-rigward. Skont ir-rikorrenti, taħt dawn l-imsemmija miżuri, hija kisbet biss ir-rimbors tal-ispejjeż korrispondenti mas-salarji mħallsa biss lill-ħaddiema impjegati fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ dawn il-miżuri jew tal-materjal użat. Skontha, il-miżuri kienu ġew implementati sabiex jgħinu lill-persuni qegħda u ma kinux ikunu implementati mingħajr l-Artikolu 249 h tal-AFG. Lanqas ma kien ġie stabbilit vantaġġ indirett. Biss parti mix-xogħlijiet ta’ tbattil kienet neċessarja għall-preparazzjoni ta’ investimenti u, barra minn hekk, l-ispiża għat-twettiq ta’ dawn ix-xogħlijiet kienet ħafna inqas mill-ammont kontribwit mir-rikorrenti nnifisha (DEM 613 031,01 ), b’mod li kull vantaġġ eventwali kien diġà paċut. Fir-rigward tax-xogħlijiet ta’ tbattil li ma kienx neċessarju, hija ma wettqithomx għal kollox jew wettqithom fuq perijodu itwal mingħajr spejjeż addizzjonali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta li dawn ix-xogħlijiet diġà kienu ġew mwettqa minn Kahla I. Skont ir-rikorrenti, hija pproponiet lill-Kummissjoni żżur is-sit jew tevalwah b’xi mod ieħor sabiex tiddetermina jekk hija kinitx verament ġiet ivvantaġġata. Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni kienu affermaw li huma kellhom l-informazzjoni kollha neċessarja għal dan il-għan. Skont ir-rikorrenti, ir-rapport ta’ espert li hija pprovdiet jikkontradixxi l-allegazzjonijiet superfiċjali u mhux motivati tal-Kummissjoni.

159    Ir-rikorrenti żżied li, skont l-Artikolu 249 h tal-AFG, l-istess skema kienet applikabbli għall-impriżi tal-ex-Länder u li, għaldaqstant id-dispożizzjoni magħquda tal-Artikoli 249 h u 242 s tal-AFG jikkostitwixxu miżura ġenerali.

160    Fl-aħħar nett, hija ssotni li l-fatt li l-Kummissjoin kienet awtorizzat fl-1997 l-Artikolu 249 h tal-AFG emendat bħala għajnuna mill-Istat ma jistax jiġi invokat bħala prova tal-eżistenza ta’ elementi ta’ għajnuna mill-Istati fil-miżuri kollha implementati taħt l-Artikolu 249 h tal-AFG .

161    Il-Kummissjoni twieġeb li l-miżuri ma jaqgħux taħt l-Artikolu 249 h tal-AFG peress li r-rikkorenti ma kinitx waħda mill-ġestjonarji msemmija fil-komunikazzjoni tal-Gvern Ġermaniż tad-29 ta’ Lulju 1994, li ppreċiżat, barra minn hekk, li l-miżuri kellhom jiġu sseparati minn kull interess partikolari. Il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrenti implementat il-miżuri inkwistjoni sabiex tnaddaf is-sit tagħha stess u li dawn jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat favoriha.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

162    Ir-rikorrenti tistħaq li l-Kummissjoni introduċiet a posteriori fi skema awtorizzata kundizzjonijiet ġodda żvantaġġużi għaliha u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni mmodifikat retroattivament, bi ħsara għaliha, il-pożizzjoni legali tagħha bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Peress li l-għajnuna mogħtija fil-kuntest ta’ programmi awtorizzati ma teħtieġx approvazzjoni, għandu jkun hemm restrizzjonijiet eventwali, jew fl-iskema nnifsha jew fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni.

163    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument kollu tar-rikorrenti.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi

164    Ir-rikorrenti tallega li, peress li l-Kummissjoni kkonstatat li l-Artikolu 249 h tal-AFG ma kienx jinkludi elementi ta’ għajnuna, operatur diliġenti seta’ jibbaża ruħu, waqt l-implementazzjoni tal-miżuri adottati taħt din id-dispożizzjoni, fuq il-fatt li l-miżuri ma jinkludux elementi ta’ għajnuna li jeħtieġu approvazzjoni partikolari mill-Kummissjoni.

165    Ir-rikorrenti ssostni li l-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 249 h tal-AFG u tad-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tiegħu kienu ġew osservati u titlob li, fil-każ ta’ dubji f’dan ir-rigward, jiġi maħtur espert. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni stess ħolqot sitwazzjoni ta’ aspettativi peress li hija kien imissha espressament semmiet, fl-ittra tagħha ta’ approvazzjoni jew fil-pubblikazzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali, li din id-dispożizzjoni kienet limitata għall-impriżi tat-THA. Fir-rigward tal-fatt li r-rikorrenti rċeviet sussidji, minbarra mill-Istat Federali, mill-Land ta’ Thuringe, ir-rikorrenti ssostni, li peress li l-miżuri meħuda mill-Istat Federali ma kinux jinkludu elementi ta’ għajnuna, industrijalist raġonevoli seta’ jassumi li dan kien l-istess fir-rigward tal-fondi tal-Land ta’ Thuringe.

166    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument kollu tar-rikorrenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 Fuq il-ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE

–        Fuq il-konformità mal-iskema tal-Artikolu 249 h tal-AFG

167    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk s-sussidji favur l-impjieg mogħtija lir-rikorrenti jikkostiwixxux miżura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 249 h tal-AFG, għandu jiġi mfakkar, preliminarjament, li permezz tal-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1993, il-leġiżlatur Ġermaniż adotta leġiżlazzjoni ġdida dwar il-ħolqien ta’ impjieg, limitata għat-territorju tal-ex-RDĠ.

168    Skont l-Artikolu 249h (1), tal-AFG, “ [l-Uffiċċju Federali għall-Impjieg] jista’ jinkoraġġixxi l-impjieg ta’ persuni qegħda f’kompiti li l-eżekuzzjoni tagħhom […] hija intiża għat-titjib tal-ambjent, tas-servizzi soċjali jew l-għajnuna għaż-żgħażagħ, permezz tal-għoti ta’ sussidji għal min iħaddem”.

169    Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 249 h tal-AFG, il-“kompiti li huma intiżi għar-riabilitazzjoni tal-ambjent jew għat-titjib tal-ambjent, tas-servizzi soċjali jew tal-għajnuna għaż-żgħażagħ jistgħu jiġu inkoraġġuti, b’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, permezz ta’ sussidji li jikkontribwixxu għall-ispejjeż tas-salarji tal-ħaddiema li l-aġenzija għall-impjieg assenjat lil min iħaddem meta dawn il-kompiti għandhom jiġu eżegwiti malajr minħabba l-bżonn ta’ riabilitazzjoni jew ta’ titjib u meta dawn ma jistgħux jitwetqu fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ inkoraġġament previsti minn din id-dispożizzjoni […]. B’mod ġenerali, fil-qasam tar-riabilitazzjoni tal-ambjent jew tat-titjib tal-ambjent, jistgħu jiġu inkoraġġuti biss kompiti li l-eżekuzzjoni tagħhom hija fdatt lil impriża industrijali jew kummerċjali; għaldaqstant dan japplika b’mod partikolari għall-kompiti tal-persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku. Eċċezzjonalment, kompiti eżegwiti mill-benefiċjarju nnifsu jistgħu jiġu inkoraġġuti meta dawn ma jkunux eżegwiti b’mod ieħor.”

170    Wara diversi talbiet għal informazzjoni, il-Kummissjoni kienet ġiet informata, b’mod partikolari permezz tal-komunikazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tat-2 ta’ Diċembru 1992, dwar l-elementi li jikkostitwixxu din il-leġiżlazzjoni.

171    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bagħtet ukoll lill-Kummissjoni, permezz ta’ komunikazzjoni tal-11 ta’ Mejju 1993, iċ-ċirkolari tal-Kunsill ta’ Amministrazzjoni tal-Uffiċċju Federali għall-Impjieg “favur l-impjieg permezz ta’ miżuri ta’ titjib tal-ambjent, tas-servizzi soċjali u tal-għajnuna soċjali għaż-żgħażagħ u għat-tfal”, tas-27 ta’ Jannar 1993, li fiha katalogu ta’ eżempji ta’ miżuri eliġibbli għas-sostenn previst mill-Artikolu 249 h tal-AFG.

172    Barra minn hekk, informazzjoni addizzjonali dwar l-iskema tal-Artikolu 249 h tal-AFG ġiet mogħtija permezz ta’ komunikazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fl-4 ta’ Ottubru 1993 u fid-29 ta’ Lulju 1994.

173    Huwa fid-dawl tal-informazzjoni preċedenti li l-Kummissjoni ddeċidiet, permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Jannar 1995, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet għall-implementazzjoni tal-imsemmija miżuri “peress li dawn il-miżuri ma jaqgħux taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [87] (1), KE”.

174    Ir-rikorrenti tallega, essenzjalemnt, li hija implementat miżuri ta’ promozzjoni għall-impjieg fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 249 h tal-AFG u li persuna qegħda kienu ġew impjegati f’dan il-kuntest għal xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni tal-ambjent bħal tindif ta’ ħadid għar-rimi u ta’ mażkan li joriġina mill-attività tal-ex-konglomerata, VEB Vereinigte Porzellanwerke Kahla.

175    Il-Kummissjoni qieset fid-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-komunikazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tad-29 ta’ Lulju 1994, li l-impriżi privati ma kinux eliġibbli għall-miżuri stipulati fl-Artikolu 249 h tal-AFG u li l-miżuri li kienu meħuda fl-interess ta’ impriża ma jistgħux jibbenefikaw mis-sostenn previst minn din id-dispożizzjoni (premessa 134 tad-deċiżjoni kkontestata ).

176    F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud, mill-ewwel, l-argument tar-rikorrenti li, essenzjalment, il-Kummissjoni ma kellhiex dritt tibbaża ruħha fuq il-komunikazzjoni tal-Gvern Ġermaniż tad-29 ta’ Lulju 1994. Fil-fatt, jirriżulta mill-elementi invokati iktar ’il fuq li l-informazzjoni addizzjonali u l-preċiżjonijiet f’din il-komunikazzjoni, imsemmija espliċitament fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni, kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, li qisithom rilevanti sabiex tikkonstata li l-miżuri eżaminati ma jikkostitwixxux għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87 KE. Għaldaqstant dawn huma rilevanti sabiex tiġi vverifikata l-portata eżatta tal-iskema awtorizzata. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni, kif tallega r-rikorrenti, sabiex teżiġi f’dan il-kuntest l-emenda tal-iskema nnotifikata. Fil-fatt, peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja pprovdiet preċiżjonijiet li jippermettu lill-Kummissjoni tikkonvinċi ruħha, fit-tmiem tal-ewwel investigazzjoni, li l-miżuri eżaminati ma jikkostitwixxux għajnuna fis-sens tal-Artikolu, il-ftuħ tal-proċedura formali kien superfluwu, u mhux neċessarju.

177    Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat, fid-dawl tal-komunikazzjoni tad-29 ta’ Lulju 1994, jekk il-kompiti eżegwiti mir-rikorrenti setgħux jibbenefikaw mis-sostenn previst mill-Artikolu 249 h tal-AFG.

178    L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet indikat fil-komunikazzjoni tagħha tad-29 ta’ Lulju 1994 li l-“korpi promoturi tal-miżuri adottti bis-saħħa tal-Artikkolu 249 h tal-AFG fil-qasam tar-riabilitazzjoni ekoloġika u tat-titjib tal-ambjent huma persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku, b’mod partikolari awtoritajiet reġjonali u lokali (partikolarment muniċipalitajiet, distretti, komuni) kif ukoll impriżi rregolati mit-[THA] u entitajiet oħrajn, pereżempju kumpanniji ta’ bini jew kumpanniji li jippromwovu x-xogħol u l-impjieg. L-impriża li lilha l-kuntratt huwa mogħti mhijiex l-entità promotriċi tal-miżura. Il-miżuri li jservu interessi partikolari, jiġifieri, miżuri li jikkostitwixxu vantaġġ mogħti lill-entità promottriċi tal-miżura, mhumiex eliġibbli bis-saħħa tal-AFG”.

179    Barra minn hekk, jirriżulta mill-komunikazzjoni tad-29 ta’ Lulju 1994 li l-“entitajiet promoturi” kienu obbligati jagħtu x-xogħlijiet lil impriża li kienet teżegwihom, kif ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet spjegat preċedentement, b’mod partikolari, fil-komunikazzjoni tagħha tal-4 ta’ Ottubru 1993, imsemmija wkoll fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-Kummissjoni. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreċiżat f’din il-komunikazzjoni tal-aħħar li “skont it-tielet sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 249 h tal-AFG, l-uniċi xogħlijiet eliġibbli għall-għajnuna fil-qasam tar-riabilitazzjoni u tat-titjib tal-ambjent (riabilitazzjoni tas-siti kontaminati) [kienu], fil-prinċipju, dawk li l-eżekuzzjoni tagħhom [kienet] fdata lil impriża federali ta’ natura industrijali u kummerċjali (Wirtschaftsunternehmen) [u li bħala] regola ġenerali, dawn ix-xogħlijiet [kienu] s-suġġett ta’ sejħa għal offerti mill-entità responsabbli (pereżempju, il-Land, komun, jew waħda mill-impriżi li taqa’ taħt it-THA)”.

180    Jirriżulta direttament minn dak li jippreċedi li l-impriżi privati ma kinux eliġibbli bħala “entitajiet promoturi” tal-miżuri adottati bis-saħħa tal-Artikolu 249 h tal-AFG fil-qasam tal-ambjent. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni kienet tikkonċerna lill-impriżi privati biss b’mod indirett, sa fejn l-“entitajiet promoturi” kienu obbligati jafdaw l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet lil impriża industrijali jew kummerċjali.

181    It-tieni nett, għandu jiġi mfakkar li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet ippreċiżat, fil-komunikazzjoni tad-29 ta’ Lulju 1994, l-ewwel, li dawn “il-miżuri ma jservux l-interessi partikolari, jiġifieri li dawn huma adottati addizzjonalment, fl-interess ġenerali. […] Dan ifisser li l-miżuri adottati fl-interess ta’ impriża mhumiex eliġibbli”. Sussegwentement, hija kienet ippreċiżat li l-“eżempji enlenkati fil-katalogu jaqgħu taħt l-oqsma marbuta mal-amministrazzjoni diretta tar-riskji li għalihom hija esposta l-populazzjoni (pereżempju r-riabilitazzjoni ta’ parkijiet ta’ attività u/jew it-titjib tal-kwalità ta’ ħajja tal-popolazzjoni (xogħlijiet ta’ demolizzjoni, tneħħija ta’ risidwi tal-kostruzzjoni li jniġġsu permezz ta’ tagħmir ta’ riċiklaġġ li jaqa’ għal dan il-għan taħt il-miżuri ta’ riabilitazzjoni […]). Dawn il-miżuri huma neċessarji fil-perspettiva tat-trattament u tal-preparazzjoni taż-żoni industrijali, sabiex jiġu limitati jew eliminati r-riskji diretti. Dawn jippreċedu l-iżvilupp effettiv taż-żoni industrijali, u fin-nuqqas ta’ dawn il-miżuri, dan l-iżvilupp ma kienx isseħħ minħabba r-riskji marbuta mal-ambjent”.

182    Għaldaqstant, il-miżuri eliġibbli taħt l-iskema kienu xogħlijiet ta’ interess ġenerali li ma kinux jitwettqu jekk il-miżuri ta’ sostenn previsti fl-Artikolu 249 h tal-AFG ma kinux jeżistu.

183    Ir-rikorrenti ma tressaq ebda element li jippermetti li jiġi stabbilit fuq liema bażi s-sussidji favur l-impjieg kienu ġew mogħtija lilha, iżda tillimita ruħha tisħaq, essenzjalment, li hija kisbet, taħt dawn l-imsemmija miżuri, biss ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ salarji mħallsa lill-ħaddiema impjegati fil-kuntest tax-xogħlijiet eliġibbli taħt l-Artikolu 249 h tal-AFG.

184    Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata, li r-rikorrenti ma taqax taħt iċ-ċirku tal-“entitajiet promoturi” tal-miżuri taħt l-Artikolu 249 h tal-AFG u li, għaldaqstant, is-sussidji kontenzjużi ma jistgħux jiġu mogħtija lilha taħt din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, bħala impriża privata, ir-rikorrenti setgħet tibbenifika mis-sostenn previst fl-Artikolu 249 h tal-AFG biss sa fejn hija eżegwiet xogħlijiet ta’ interess ġenerali mogħtija minn entità promottriċi.

185    Huwa għaldaqstant mingħajr importanza li jiġi determinat jekk, kif tallega r-rikorrenti, hija implementatx il-miżuri kontenzjużi sabiex timpjega ħaddiema preċedentement mingħajr impjieg. Fil-fatt, barra l-għan ta’ natura soċjali msemmi mill-Artikolu 249 h tal-AFG, din id-dispożizzjoni teżiġi li x-xogħlijiet li għalihom kienu assunti l-persuni qegħda jkunu, barra minn hekk, kompiti ta’ interess ġenerali.

186    Barra minn hekk, ix-xogħlijiet eżegwiti mir-rikorrenti fuq is-siti tagħha stess ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala marbuta mal-ġestjoni diretta tar-riskji li għalihom hija esposta l-popolazzjoni u/jew għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjoni u, għaldaqstant, bħala miżuri ta’ interess ġenerali fis-sens tal-Artikolu 249 h tal-AFG. Il-fatt li ċ-ċirkolari tas-27 ta’ Jannar 1993 semmiet, bħala miżura eliġibbli għas-sostenn previst mill-Artikolu 249 h tal-AFG, it-tneħħija ta’ mażkan u ta’ ħadid għar-rimi f’siti industrijali, kummerċjali u artiġjanali ma jistax jinvalida l-konklużjoni li x-xogħlijiet eżegwiti mir-rikorrenti ma kinux ta’ interess ġenerali. Fil-fatt, jirriżulta mill-katalogu ta’ eżempji ta’ miżuri eliġibbli għas-sostenn previst fl-Artikolu 249 h tal-AFG imsemmi fiċ-ċirkolari tas-27 ta’ Jannar 1993 li, fil-qasam tal-ambjent, il-miżuri fil-livell tal-impriża, bħar-riabilitazzjoni ekoloġika ta’ bini u ta’ kostruzzjonijiet oħrajn, ix-xogħlijiet ta’ tindif, iż-żarmar tat-tagħmir, id-demolizzjoni ta’ kostruzzjonijiet, fondazzjonijiet u bini, kienu marbuta mar-riabilitazzjoni ta’ siti abbandunati.

187    Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-rapport tal-espert ippreżentat mir-rikorrenti fl-istadju tar-replika tagħha, għandu jiġi kkonstatat li peress li din l-informazzjoni ma ngħatatx u, minħabba f’hekk, ma setgħetx tiġi kkunsidrata, fl-abbozzar tad-deċiżjoni kkontestata, din ma tistax tiġi invokata sabiex tiġi kkontestata l-legalità ta’ din id-deċiżjoni (ara s-sentenza Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 11 u 16).

188    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kienet korretta meta qieset li s-sussidji kontenzjużi ma kinux konformi mal-iskema prevista fl-249 h tal-AFG.

–       Fuq il-kwalifika ta’ għajnuna mill-Istat tas-sussidji favur l-impjieg

189    Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 87 KE għandu bħala għan li jevita li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jkun effettwat minn vantaġġi awtorizzati mill-awtoritajiet pubbliċi, li taħt forom differenti, iwasslu għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi javvantaġġaw ċertu impriżi jew ċertu produtturi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 173/73, Ġabra p. 709, punt 26).

190    Hemm lok għaldaqstant li jiġu eżaminati s-sussidji favur l-impjieg inkwistjoni fid-dawl tal-kundizzjonijiet li għalihom l-Artikolu 87(1) KE jissuġġetta l-kwalifika ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, jiġifieri l-finanzjament ta’ tali miżura mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, l-eżistenza ta’ vantaġġ għal impriża, is-selettività tal-imsemmija miżura, kif ukoll l-effett ta’ din tal-aħħar fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta minnha.

191    Preliminarjament, għandu jiġi miċħud mill-bidu nett l-argument bbażat fuq il-fatt li l-Artikolu 249 h tal-AFG ma jaqax taħt l-Artikolu 87(1) KE. Fil-fatt, kif ukoll jirriżulta mill-punti 167 sa 188 iktar ’il fuq, is-sussidji mogħtija lir-rikorrenti mhumiex konformi mal-Artikolu 249 h tal-AFG, l-unika miżura li l-Kummissjoni qieset li ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

192    L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda r-rekwiżit li l-għajnuna għandha tingħata permezz ta’ riżorsi tal-Istat u tkun attribwita lill-Istat, huwa kostanti li din hija ssodisfata f’dan il-każ peress li r-rikorrenti rċeviet DEM 1,549 miljun mid-Direttorat Federali għall-Impjieg u mil-Land ta’ Thuringe, jiġifieri awtoritajiet pubbliċi.

193    It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ vantaġġ favur ċerti impriżi, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat huwa iktar ġenerali minn dak ta’ sussidju għaliex dan jinkludi mhux biss prestazzjonijiet pożittivi bħas-sussidji nnifishom, iżda wkoll interventi li, taħt forom differenti, itaffu l-ispejjeż li normalment huma ta’ piż għall-baġit ta’ impriża u li, għaldaqstant mingħajr ma jkunu sussidji fit-tifsira stretta tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior, C‑387/92, Ġabra p. I‑877, punt 13, u tal-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade, C‑200/97, Ġabra p. I‑7907, punt 34).

194    Minn dan jirriżulta li intervent tal-awtoritajiet pubbliċi intiż sabiex jeħles din l-ispiża jidher bħala vantaġġ ekonomiku kif imsemmi fl-Artikolu 87(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Novembru 2003, GEMO, C-126/01, Ġabra p. I‑13769, punt 33). Dan huwa l-każ, f’dan il-każ, tal-ispiża finanzjarja kkaġunata mit-tneħħija ta’ mażkan u ta’ ħadid għar-rimi, li għandha tiġi kkunsidrata bħala spiża inerenti għall-attività ekonomika tal-impriża.

195    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, kif ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreċiżat fil-komunikazzjoni tagħha tad-29 ta’ Lulju 1994, “sejħa għall-offerti relattiva għall-miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 249 h tal-AFG hija mwettqa skont id-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ […] Il-kuntratt huwa mogħti lill-aħħjar offerent. L-entità promottriċi tal-miżura għandha tiġġustifika l-finanzjament kollu. L-għanjuna taħt l-Artikolu 249 h ta’l-AFG [mogħtija mill-Uffiċċju Federali għall-Impjieg] hija mogħtija lill-entità promottriċi, bir-responsabbiltà għal din tal-aħħar li tħallas l-għajnuna għall-ispejjeż tas-salarji lill-impriża eżekutriċi għall-ħaddiema impjegati […]. Għaldaqstant m’hemm ebda vantaġġ mogħti lill-impriża inkarigata mir-riabilitazzjoni”.

196    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma eżegwietx xogħlijiet ta’ interess ġenerali mogħtija minn entità promottriċi fil-kuntest ta’ sejħa għall-offerti, iżda, għall-kuntrarju, ġiet meħlusa minn parti tal-ispejjeż (spejjeż tas-salarji) relatati max-xogħlijiet li hija eżegwiet fl-interess tagħha stess. Il-fatt li hija implementat il-miżuri sabiex timpjega ħaddiema preċedentement mingħajr impjieg ma jistax jikkonferixxi lix-xogħlijiet li hija eżegwiet in-natura ta’ interess ġenerali.

197    Barra minn hekk, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-miżuri li r-rikorrenti implementat jistgħux jitqabblu ma’ dawk adottati b’applikazzjoni tal-Artikolu 249 h tal-AFG, għandu jiġi enfasizzat li n-natura soċjali ta’ interventi statali mhijiex suffiċjenti sabiex teskludihom mill-ewwel milli jiġu kkwalifikati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87 KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑310/99, Ġabra p. I‑2289, punt 50).

198    Il-fatt li r-rikorrenti kkontribwiet għall-finanzjament tax-xogħlijiet sabiex tneħħi l-mażkan u l-ħadid għar-rimi mis-sit tagħha mhuwiex rilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, kif tosserva l-Kummssjoni, jibqa’ l-fatt li attwalment ir-rikorrenti ma sostnitx il-parti tal-ispiża li tikkorrispondi għall-ammont tas-sussidju li hija rċeviet, indipendentement mill-fatt li hija kienet iffinanzjat, kif hija tallega, parti minn dawn ix-xogħlijiet.

199    It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda s-selettività, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-istess skema kienet applikabbli għall-impriżi tal-ex-Länder. B’dan l-argument, ir-rikorrenti tipprova, fir-realtà, turi l-portata ġenerali tal-Artikolu 249 h tal-AFG. Il-kwistjoni li tqum f’dan il-każ hija dik dwar jekk is-sussidji mogħtija lir-rikorrenti barra kull skema kinux selettivi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, kif issostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti bbenefikat minn tnaqqis li impriżi oħrajn ma setgħux jibbenefikaw minnu.

200    Ir-raba’ nett, fir-rigward tar-rekwiżit li l-iskema ta’ għajnuna għandha teffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u tiddistorta jew thedded li tiddistorta l-kompetizzjoni, jirriżulta mill-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni qieset, mingħajr ma kienet kontradetta mir-rikorrenti, li s-suq tal-porċellana kien suq ta’ prodotti Ewropej kompetittiv ħafna u affettwat minn produzzjoni żejda u li, għaldaqstant, il-vantaġġi finanzjarji li jiffavorixxu impriża meta mqabbla mal-kompetituri tagħha jheddu li jiddisortaw il-kompetizzjoni u jeffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

201    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li s-sussidji favur l-impjieg mogħtija lir-rikorrenti jikkostitwixxu għanjuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 KE.

202    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa korrett li dawn is-sussidji kellhom jiġu kkwalifikati bħala għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 88(3) KE.

203    Minn dan isegwi li l-argumenti kollha dwar il-ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE f’dak li jirrigwarda s-sussisdji favur l-impjieg li jikkostitwixxu l-miżura 26 għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma bħala infondati.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

204    Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, introduċiet retroattivament kundizzjonijiet addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni relattiva għall-Artikolu 249 h tal-AFG.

205    Jjirriżulta mill-punti 167 sa 188 iktar ’il fuq li din l-allegazzjoni mhijiex fondata. Fil-fatt, il-Kummissjoni llimitat ruħha strettament tevalwa l-konformità tas-sussidji favur l-impjieg tal-miżura 26, mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni tat-13 ta’ Jannar 1995 li tawtorizza l-Artikolu 249 h tal-AFG. Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni kienet espliċitament semmiet fl-imsemmija deċiżjoni l-komunikazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jppreċiżaw il-portata tal-Artikolu 249 h tal-AFG, b’mod partikolari dik tad-29 ta’ Lulju 1994, li hija kienet interpretat u applikat korrettament, fid-Deċiżjoni kkontestata, għas-sussidji inkwistjoni.

206    Minn dan isegwi li l-argument dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali f’dak li jikkonċerna s-sussidji favur l-impjieg li jikkostitwixxu l-miżura 26 għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi

207    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li s-sussidji tal-miżura 26 jaqgħu taħt l-Artikolu 249 h tal-AFG. Kif kien ġie kkunsidrat fil-punti 167 sa 188 iktar ’il fuq, is-sussidji favur l-impjieg tal-miżura 26 mhumiex konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni relattiva għall-Artikolu 249 h tal-AFG.

208    Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ limitazzjoni espliċita fl-Artikolu 249 h tal-AFG u fir-referenza ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, il-Qorti tal-Prim’Istanza tossera, fid-dawl tal-prinċipji msemmija fil-146 iktar ’il fuq, li hija ma tistax tistabbilixxi l-aspettivati leġittimi tar-rikorrenti fir-regolarità tal-għoti tas-sussidji tal-miżura 26. Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza ma tistax tiġi bl-ebda mod imqabbla ma’ assigurazzjonijiet eventwali preċiżi mogħtija mill-Kummissjoni fis-sens li l-impriżi privati jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna taħt l-Artikolu 249 h tal-AFG.

209    Minn dan isegwi li l-argument dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi f’dak li jikkonċerna s-sussidji favur l-impjieg li jikkostitwixxu l-miżura 26 għandu jiġi miċħud.

B –  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ dritt manifesti

1.     Fuq l-istabbiliment żbaljat tal-fatti

a)     Argumenti tal-partijiet

210    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’żbalji ta’ fatt li kellhom effett fuq l-evalwazzjoni li t-TIB ma aġixxietx bħala investitur f’ekonomija tas-suq u fuq l-evalwazzjoni li l-kontribuzzjoni personali ta’ G. R. għall-ispiża tar-ristrutturazzjoni ma kinitx sostanzjali.

211    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li ma kienx ġie previst kumpens għall-impenn ta’ TIB fl-impriża (miżuri 11 u 12) u tqis li dan imur kontra konstatazzjonijietjiet li l-Kummissjoni nnifsha għamlet fid-deċiżjoni kkontestata. Rigward b’mod iktar partikolari l-akkwist ta’ parteċipazzjoni ta’ 49 % fil-kapital tar-rikorrenti (miżura 11), ir-rikorrenti tallega li, skont il-kuntratt (“Gesellschaftsvertrag ”) tat-23 ta’ Marzu 1994, G.R. seta’ jixtri lura l-parteċipazzjoni ta’ TIB permezz tal-ħlas ta’ interessi annwali ta’ 6 % mid-data tal-pagament, dan huwa dak li ġara fl-aħħar tal-1999. Fir-rigward tas-self azzjonarju approvat minn TIB (miżura 12), ir-rikorrenti tafferma li hija kellha tirreġistra 12 % interessi kull sena, limitati għan-nofs il-profitti annwali, u li dawn l-interessi kienu ġew imħallsa mir-rikorrenti sal-fidi tas-self fl-aħħar tal-1999.

212    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żbalji ta’ fatt f’dak li jikkonċerna l-fondi mqegħda għad-dispożizzjoni tal-impriża minn G. R. Ir-rikorenti tafferma li l-konstatazzjoni li s-self ta’ DEM 0,2 miljun (miżura 16) meħud minn G. R. sabiex jiffinanzja l-parteċipazzjoni tiegħu fil-kapitial tar-rikorrenti bbenifika minn garanzija tal-Istat hija ineżatta. Tali garanzija qatt ma eżistiet, G. R. u martu kienu personalment u in solidum responsabbli għal dan is-self. Barra minn hekk, G. R. kien iffinanzja l-interessi u l-amortizzament tal-kapitali relattivi għal dan is-self, kif ukoll għal dak ta’ DEM 1,8 miljun li huwa wkoll ħa sabiex jiffinanzja l-parteċipazzjoni tiegħu fl-impriża, fatt li għandu jkollu iktar valur minn sempliċi garanzija. Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni għarfet li s-self ma kienx ikkonċernat mill-garanzija ta 90 % favur ir-rikorrenti, iżda li, madankollu, il-Kummissjoni injorat il-fatt li l-Istat Federali kien aċċetta li jipprovdi din il-garanzija lill-bank li jiffinanzja l-programm kollu.

213    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

214    Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti minn T.I.B (miżuri 11 u 12), għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni affermat, fil-premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata, li “ir-rapporti […] ma [kienu] jipprovdu għal ebda kumpens eventwali għall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet, kif kellu jkun il-każ għal kwalunkwe investitur f’ekonomija tas-suq”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

215    Għalkemm huwa veru li din il-formulazzjoni tista’ twassal għal konfuzjoni, billi jitħalla x’jiġi mifhum li ebda kumpens ma kien ġie prevista fir-rigward tal-impenn ta’ TIB (miżuri 11 u 12) għandu jiġi kkonstatat li din is-silta tirreferi, b’mod ġenerali, għas-sostenn finanzjarju mogħti lir-rikorrenti mill-istituzzjonijiet finanzjarji pubbiċi kollha, filwaqt li l-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti minn TIB huma s-suġġett ta’ eżami speċifiku fil-premessi 98 et seq tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 20 u 21 iktar ’il fuq).

216    Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kumpens għall-parteċipazzjoni ta’ 49 % tal-kapital soċjali tar-rikorrenti (miżura 11), il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-fatt li TIB ċediet il-parteċipazzjoni tagħha ħames snin wara lil G. R. u lit-tifel tiegħu għal prezz iktar għoli milli hija kienet ħalset fl-1994, ma jbiddel xejn mill-fatt li TIB ma kinitx aġġixxiet bħala investitur privat. Hija ppreċiżat, barra minn hekk, li r-riskji kienu għoljin, li lanqas ma kienet saret analiżi tad-dħul futur u li l-profitt verament magħmul minn TIB kien żgħir ħafna.

217    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li x-xiri lura minn G. R. tal-parteċipazzjoni ta’ TIB ma kkostitwixxiex kumpens adegwat fir-rigward tal-kriterju tal-investitur privat. Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti, li l-Kummissjoni kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata li ma kienx previst kumpens għall-parteċipazzjoni ta’ TIB fl-impriża, mhuwiex fondat.

218    Fir-rigward tal-kumpens għas-self azzjonarju approvat minn TIB lir-rikorrenti (miżura 12), il-Kummissjoni għamlet, fil-premessa 102 tad-deċiżjoni kkontestata, il-konstatazzjonijiet li ġejjin:

“[H]uwa stabbilit li r-rata ta’ interessi kienet ġiet iffissata għal 12 %, iżda li l-ammont tal-interessi kien limitat għal 50% tal-profitt tas-sena kkonċernata. Ir-rapporti kienu diġà enfasizzaw li mill-inqas l-ewwel sentejn ta[r-rikorrenti] kienu ser ikunu b’defiċit, u dan kien effettivament il-każ. L-ebda rata ta’ interessi miżjuda ma kienet ġiet iffissata sabiex jiġu kkumpensati s-snin fejn il-ħlas ta’ interessi ma tantx kien probabbli. Għandu jiġi kkonstatat li TIB deliberatament approvat self azzjonarju li ma kellux drittijiet ta’ votazzjoni addizzjonali, mingħajr ma eżiġiet l-iċken sigrutajiet u b’rata ta’ interessi ta’ 0 % għall-inqas matul l-ewwel sentejn. L-ebda primjum ta’ riskju ma kien ġie previst għall-kumpens tar-riskji previsti fil-rapport li abbażi tiegħu dan is-self azzjonarji [...] kien ġie mogħti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

219    Jirriżulta minn din is-silta li l-Kummissjoni qieset li l-iffissar ta’ rata ta’ interessi għal 12 % fis-sena ma kinitx tikkostitwixxi kumpens adegwat għas-self azzjonarju approvat minn TIB fir-rigward tal-kriterju tal-investitur privat. Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti, li l-Kummissjoni kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata li ma kienx previst kumpens għas-self azzjonarju approvat minn TIB lir-rikorrenti, mhuwiex fondat.

220    Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-fondi mogħtija lill-impriża minn G.R., għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni qieset fid-deċiżjoni kkontestata li ż-żewġ self mogħtija lil G.R. għal ammont totali ta’ DEM 2 miljun kienu jikkostitwixxu żewġ miżuri ta’ għajnuna favur ir-rikorrenti (ara l-punt 21 u 24 iktar ’il fuq).

221    Ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li s-self li jikkostitwixxu l-miżura 16 ma bbenefikax minn garanzija favuriha u li G. R. innifsu kien responsabbli għall-interessi u għall-amortizzament taż-żewġ self ikkuntrattati minnu li bihom huwa ffinanzja l-parteċipazzjoni tiegħu fil-kapital tar-rikorrenti.

222    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ammettiet fil-kitbiet tagħha li kien żbaljat li kienet ikkonstatat, fid-deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2002, li s-self li jikkostititwixxi l-miżura 16 kien kopert mill-garanzija tal-Land ta’ Thuringe għal 90 % (miżura 13). Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li dan l-iżball huwa kkoreġut fid-deċiżjoni kkontestata li fiha l-Kummissjoni ppreċiżat, fil-premessa 99, li s-self li jikkostitwixxi l-miżura 16 “kien inkluż fil-garanzija mogħtija mill-Istat lid-Deutsche Ausgleichsbank li kien ta s-self”.[traduzzjoni mhux uffiċjali]

223    F’dak li jikkonċerna l-allegazzjoni tar-rikorrenti li G. R. sostna l-ħlas tal-interessi u r-rimbors tal-kapital relatati maż-żewġ self, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni qatt ma allegat li G.R. ma kienx responsabbli għal dan is-self. Kuntrarjament, hija kkonstatat li s-self kienu ġew mogħtija lil G. R. Għaldaqstant, huwa evidenti, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, li huwa kien responsabbli għall-ħlas tal-interessi u għar-rimbors tal-kapital.

224    Fir-rigward tal-allegazzjonijiet l-oħrajn tar-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li dawn jirrelataw pjuttost ma’ allegat żball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni dwar l-impenn ta’ TIB fl-impriża u l-applikazzjoni tal-Linji Gwida dwar għajnuna biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi u għaldaqstant għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest tal-partijiet l-oħrajn tal-motiv.

225    Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni preċedenti, hemm lok li l-ewwel parti ta’ dan il-motiv tiġi miċħuda bħala infondata.

2.     Fuq il-kwalifika tar-rikorrenti bħala impriża f’diffikultà

a)     Argumenti tal-partijiet

226    Ir-rikorrenti tosserva li, għalkemm il-kwalifika tagħha bħala impriża f’diffikultà għandha essenzjalment rwol fl-istadju tal-eżami tas-sussidju għall-investiment (miżura 15), din il-kwalifika tinfluwenza wkoll l-evalwazzjoni magħmula fuq miżuri ta’ għajnuna oħrajn, b’mod partikolari, il-parteċipazzjoni u s-self azzjonarju ta’ TIB (miżuri 11 u 12). Skont ir-rikorrenti, din l-evalwazzjoni hija wkoll ir-raġuni għalfejn ġiet irrifjutata l-applikazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali.

227    Il-Kummissjoni twieġeb li l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tal-kwalifika tar-rikorrenti bħala impriża f’diffikultà mhijiex żbaljata u tirreferi għall-ispjegazzjonijiet li hija provdiet preċedentement.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

228    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tillimita ruħha tfakkar l-effett li l-kwalifika bħala impriża f’diffikultà kellu fuq l-eżami ta’ diversi miżuri ta’għajnuna, kif ukoll fuq l-applikabbiltà tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali f’dan il-każ.

229    Huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punt 133 iktar ’il fuq, il-Kummissjoin ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qieset, fil-premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet impriża f’diffikultà mill-1994 sal-aħħar tal-1996.

230    Għalhekk, hemm lok li t-tieni parti tal-motiv tiġi miċħuda.

3.     Fuq l-evalwazjzoni żbaljata tal-impenn ta’ TIB fl-impriża (miżuri 11 u 12)

a)     Argumenti tal-partijiet

231    Ir-rikorrenti tisħaq li d-deċiżjoni kkontestata, li tesponi li TIB ma aġġixxietx bħala investitur privat, hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.

232    Ir-rikorrenti ssostni li TIB ddeċidiet favur tal-investiment skont rapporti ta’ esperti ddettaljati tal-pjan ta’ direzzjoni fdati lid-ditti RBSH&P u AA. Skont ir-rikorrenti, dawn ir-rapporti ta’ esperti ħadu inkunsiderazzjoni b’mod evidenti r-riskji ekonomiċi marbuta mal-ħolqien ta’ impriża u pprevedew miżuri ta’ investiment u ta’ organizzjoni adatti sabiex jiggarantixxu s-suċċess tal-impriża, kif turi s-sitwazzjoni ekonomika attwali tar-rikorrenti. Fil-każ ta’ dubji f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni setgħet taħtar espert indipendenti. Ir-rikorrenti ssostni li ż-żamma tal-impjiegi kien biss għan sekondarju ta’ TIB, li kien ġie ċertament enfasizzat fir-rapport tad-ditta AA, għaliex dan għandu rwol importanti għal impriża pubblika. Għaldaqstant ir-rapporti ma rrakkomandawx ristrutturazzjoni u, f’kull każ, dan il-fatt ma kienx jeskludi n-natura konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq tal-impenn ta’ TIB. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, dan huwa ċirku vizzjuż peress li l-Kummissjoni ddeduċiet din in-neċessità mill-fatt li l-fondi li TIB tat lill-impriża kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

233    Ir-rikorrenti tafferma li, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, kien ġie previst fil-kuntratt (“Gesellschaftsvertrag ”) tat-23 ta’ Marzu 1994, li l-impenn ta’ TIB kien ser iġib miegħu kumpens xieraq. Minn naħa, G.R. seta’ jixtri lura l-parteċipazzjoni ta’ TIB (miżura 11) permezz tal-ħlas ta’ interessi annwali ta’ 6 % mid-data tal-ħlas. Huwa dak li ġara fl-aħħar tal-1990. Min-naħa l-oħra, is-self azzjonarju (miżura 12), kellu jirreġistra 12 % ta’ interessi fis-sena. Ir-rikorrenti tispjega li l-limitazzjoni tal-ammont tal-interessi għan-nofs tal-profitti annwali hija klawsola ġenerali komuni fil-każ ta’ self ta’ soċji sabiex jiġi evitat li l-impriża tkun responsabbli, matul il-fażi ta’ bidu, għal ħlas ta’ interessi li jista’ jikkomprometti s-suċċess tagħha.. Ir-rata ta’ interessi baxxa hija kkumpensata, bħal f’dan il-każ, minn rata ta’ interessi iktar għolja matul is-snin profittabli. Din il-limitazzjoni tirrispondi għaldaqstant għall-interess li jirrappreżenta għal TIB, fil-kwalità tagħha ta’ soċju, is-suċċess ekonomiku tar-rikorrenti u tikkorrispondi għan-nuqqas ta’ kull ħlas ta’ interessi u ta’ dividendi lil G. R. Peress li r-rata ta’ interessi kienet ġiet stabbilita għal 12 %, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma tistax tafferma li l-partijiet ma pprevdewx għal primjum ta’ riskju. TIB kienet irċeviet interessi għoljin min-naħa tar-rikorrenti sal-mument tal-fidi tas-self fl-aħħar tal-1999.

234    Ir-rikorrenti tikkontesta, ukoll, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-parteċipazzjoni ta’ G.R. fir-rikorrenti ma seħħietx taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dik ta’ TIB. G.R. kien investa DEM 2,055 miljun fl-impriża, li minnhom 2 miljuni kienu ġew iffinanzjati miż-żewġ self meħuda minnu (miżuri 16 u 17). Skont ir-rikorrenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn ir-riżorsi, u mhux biss l-ammont ta’ DEM 0,055 miljun, matul l-evalwazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-investitur privat. Fir-rigward tas-self li jikkostitwixxi l-miżura 16, ir-rikorrenti tallega li dan ma kienx kopert minn garanzija tal-Istat u li G.R. sostna r-riskju kollu marbut mar-rimbors. Fir-rigward tas-self li jikkostitwixxi l-miżura 17, li G.R. huwa responsabbli personalment għalih flimkien mar-rikorrenti, din tal-aħħar tallega li l-fatt li dan kien iggarantit minn ipoteka fuq l-art tagħha huwa mingħajr importanza peress li din l-ipoteka ma toriġinax minn fondi pubbliċi. Barra dan, iż-żewġ self kienu ġew mogħtija taħt programmi ta’ għajnuna għall-ħolqien ta’ impriżi li l-Kummissjoni awtorizzat u r-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma tistax targumenta li l-imprendituri li bbażaw ruħhom fuq l-għajnuna ma jikkostitwux investituri proprji. Skont ir-rikorrenti, l-għoti ta’ għajnuna hija sekondarja meta mqabbla mal-impenn sħiħ u totali ta’ investitur li l-eżistenza tiegħu stess hija fil-perikolu. B’hekk, G.R. jista’ iktar jikkostitwixxi investitur ta’ referenza milli impriża kbira, li, fil-każ ta’ falliment tal-pjan, l-eżistenza tagħha ma tkunx serjament mhedda.

235    Il-Kummissjoni tqis li l-argument imressaq mir-rikorrenti, f’dak li jikkonċerna l-impenn ta’ TIB fl-impriża, għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

236    Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, l-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi fil-kapital ta’ impriża, taħt kwalunkwe forma, jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 2002, HAMSA vs Il-Kummissjoni, T‑152/99, Ġabra p. II‑3049, punt 125, u tal-ġurisprudenza ċċitata).

237    Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-parteċipazzjoni ta’ TIB ta’ 49 % tal-kapital soċjali tar-rikorrenti (miżura 11) u s-self azzjonarju ta’ DEM 6 miljun li hija tat lir-rikorrenti (miżura 12) għandhomx in-natura ta’ għajnuna mill-Istat, għandu jiġi applikat il-kriterju, imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata u barra minn hekk mhux ikkontestat mir-rikorrenti, tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq. B’hekk, għandu jiġi evalwat jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur privat ta’ daqs li jista’ jkun imqabbel ma’ dak tal-investitur pubbliku setax ikun imwassal iwettaq operazzjoni ta’ tali importanza.

238    F’dan ir-rigward, kien ġie ppreċiżat li, għalkemm l-aġir tal-investitur privat, li miegħu għandu jitqabbel l-intervent tal-investitur pubbliku li jsegwi għanijiet ta’ politika ekonomika, mhuwiex neċessarjament dak tal-investitur ordinarju li jinvesti kapital sabiex jagħmel profitt minnu f’bejn wieħed u ieħor żmien qasir, dan għandu jkun, għall-inqas, dak ta’ holding privata jew ta’ grupp privat ta’ impriżi li jsegwu politika strutturali, globali jew settorjali u jkun iggwidat minn perspettivi ta’ profitt fi żmien itwal (ara s-sentenza HAMSA vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 126, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-paragun bejn l-aġir tal-investituri pubbliċi u privati għandu jiġi stabbilit fir-rigward tal-attitudni li kien ikollu, waqt l-operazzjoni inkwistjoni, investitur privat, fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli u tal-iżviluppi prevedibbli f’dak il-mument (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein–Westfalen vs Il-Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, Ġabra p. II‑435, punti 244 sa 246).

239    Għandu wkoll jiġi mfakkar li l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kwistjoni dwar jekk miżura tissodisfax il-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq timplika evalwazzjoni ekonomika kumplessa. Meta hija tadotta att li jimplika tali evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ u l-istħarriġ ġudizzjarju, minkejja li fil-prinċipju huwa sħiħ f’dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u ta’ motivazzjoni, tan-nuqqas ta’ żball ta’ liġi, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati u tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, kif ukoll tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-awtur tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, T‑198/01, Ġabra p. II‑2717, punt 97, u tal-ġurisprudenza ċċitata).

240    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata d-deċiżjoni kkontestata.

241    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li kkunsidrat, fid-dawl ta’ żewġ rapporti tad-ditti ta’ konsulenti disponibbli fiż-żmien tal-kostituzzjoni tar-rikorrenti, jiġifieri r-rapport tad-ditta RBSH&P, tad-29 ta’ Novembru 1993 u r-rapport redatt minn AA, tal-11 ta’ Jannar 1994, li l-għan ta’ TIB kien il-protezzjoni tal-impjiegi.

242    Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li skont ir-rapport redatt minn AA, intiż sabiex jippermetti lil TIB tevalwa l-parteċipazzjoni tagħha fl-impriża, l-għan tagħha kien il-protezzjoni tal-impjiegi u l-konsulenti kienu obbligati, kif tammetti barra minn hekk ir-rikorrenti, iħejju l-pjan ta’ direzzjoni filwaqt li jieħdu kont ta’ din il-kunsiderazzjoni. Ċertament, xejn ma jipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni, mill-impriżi pubbliċi, ta’ politika soċjali, reġjonali jew settorjali. Madankollu, il-kontribuzzjoni f’kapital minn naħa tal-awtoritajiet pubbliċi għandha tiġi evalwata skont il-kriterju tal-investitur privat, bl-esklużjoni ta’ kull kunsiderazzjoni ta’ natura soċjali jew ta’ politika reġjonali jew settorjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Jannar 1999, Neue Maxhütte Stahlwerke u Lech-Stahlwerke vs Il-Kummissjoni, T‑129/95, T‑2/96 u T‑97/96, Ġabra p. II‑17, punt 120, u l-ġurisprudenza ċċitata).

243    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, sabiex jiġi konkluż li l-parteċipazzjoni ta’ TIB u s-self azzjonarju ma kinux konformi mal-aġir ta’ investitur privat, il-Kummissjoni eżaminat, ġustament, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-mument tal-intervent pubbliku kif ukoll il-perspettivi ekonomiċi tal-impriża.

244    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li, kuntrarjarment għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni korrettament evalwat is-sitwazzjoni tal-impriża fil-mument tal-intervent ta’ TIB. Kif jirriżulta mill-punti 116 sa 133 iktar ’il fuq, dwar il-kwalifika ta’ impriża f’diffikultà, ir-rikorrenti kellha tipproċedi għal proċess ta’ ristrutturazzjoni sabiex tiżgura l-vijabbiltà tagħha, kif il-konsulenti kkonstataw f’dak iż-żmien.

245    Għalkemm huwa veru li l-fatt li r-rikorrenti kellha tiġi ristrutturata sabiex tiżgura l-vijabbiltà tagħha ma jistax jiddetermina, kif tafferma r-rikorrenti, jekk l-intervent ta’ TIB kienx inkonsistenti mal-kundizzjonijiet tas-suq, xorta jibqa’ l-fatt li, fir-rigward ta’ kontribuzzjoni f’kapital lil impriża f’diffikultà, ir-riskju tal-investiment inkwistjoni huwa influwenzat mid-diffikultajiet li fihom tinsabf tali impriża.

246    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni li l-impenn ta’ TIB twettaq wara rapport ta’ esperti ddettaljat tal-pjan ta’ direzzjoni u li l-konsulenti li eżaminaw ir-riskji waslu għall-konklużjoni li l-pjan kellu l-possibbilitajiet kollha ta’ suċċess. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li skont il-konsulenti, is-suċċess tal-pjan ta’ direzzjoni tar-rikorrenti kien jiddependi fil-parti l-kbira fuq id-deċiżjoni tal-awtoritajiet reġjonali, fil-kuntest tal-politika strutturali tal-Land ta’ Thuringe, li jsostnu ekonomikament lill-uniku manifattur tal-porċellana tar-reġjun, f’dan il-każ ir-rikorrenti. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, għalkemm ir-rapporti redatti minn RBSH&P u AA kienu jipprevedu miżuri bil-għan li tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-impriża, jirriżulta miż-żewġ rapporti li l-konsulenti kienu jikkunsidraw il-pjan ta’ direzzjoni riskjuż ħafna. Barra minn hekk, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, ir-riskji identifikati mill-konsulenti ma kinux dawk eżistenti qabel l-implementazzjoni tal-miżuri Fil-fatt, il-konsulenti kkunsidraw li numru ta’ riskji baqgħu u li s-suċċess tal-pjan ta’ direzzjoni ma kienx kompletament żgurat. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjonijiet tal-konsulenti fir-rapporti rispettivi jirrilevaw iktar kunsiderazzjonijiet ta’ vijabbiltà tal-impriża milli kunsiderazzjonijiet ta’ profitt li normalmenti jiggwidaw l-istrateġija industrijali u kummerċjali tal-operaturi privati (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-12 ta’ Diċembru 2000, Alitalia vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II‑3871, punt 84).

247    Fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-impriża fil-mument tal-għoti tal-miżuri kkonċernati, minn naħa, u tal-perspettivi ta’ żvilupp, min-naħa l-oħra, jista’ jiġi kkunsidrat li TIB ispirat ruħha minn kunsiderazzjonijiet ta’ natura soċjali u reġjonali li jikkaratterizzaw l-aġir tal-Istat bħala awtorità pubblika u mhux bħala attur tas-suq.

248    Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni qieset, fir-rigward tal-perspettivi ekonomiċi tar-rikorrenti f’dak iż-żmien, li l-kumpens tal-intervent ta’ TIB fl-impriża ma kienx adegwat. Din il-kunsiderazzjoni ma tistax tiġi kkwalifikata bħala manifestament żbaljata.

249    L-ewwel nett, fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ 49 % fil-kapital soċjali tar-rikorrenti (miżura 11), il-Kummissjoni korrettament qieset li ma kinitx saret analiżi tad-dħul futur. Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li l-evalwazzjonijiet tal-konsulenti fir-rapporti mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ TIB, qabel ma’ hija akkwistat parteċipazzjoni fil-kapital tar-rikorrenti, ma kinux jinkludu kunsiderazzjonijiet relatati mal-profittabbiltà. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-analiżi ta’ eventwali dħul mistenni ma kinitx is-suġġett tar-rapporti tal-konsulenti.

250    L-argument imressaq mir-rikorrenti, li skont it-termini tal-kuntratt (“Gesellschaftsvertrag ”) tat-23 ta’ Marzu 1994, G. R. seta’ jixtri lura l-parteċipazzjoni ta’ TIB permezz tal-ħlas ta’ interessi annwali ta’ 6 %, ma jistax jinvalida l-konklużjoni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, dan il-fatt ma jistax jitqabbel ma’ analiżi tad-dħul futur, sa fejn ir-rikorrenti ma tisħaqx li G. R. impenja ruħu f’kull każ jakkwista l-imsemmija parteċipazzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tressaq ebda element konkret tali li jpoġġi indiskussjoni l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li profitt realment magħmul minn TIB kien żgħir ħafna. F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li r-rati ta’ referenza rrielvati fil-premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata dwar id-diversi krediti mogħtija lir-rikorrenti huma għola minn 6 %. Min-naħa l-oħra, kif il-Kummissjoni kkonstatat fil-premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont ta’ DEM 1, 975 miljun li TIB qiegħdet għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti fil-forma ta’ parteċipazzjoni jirrappreżenta kapital proprju li, fil-każ ta’ insolvenza, isir kreditu ta’ livell inferjuri. Minn dan isegwi li profitt ekwivalenti għal 6 % ta’ interessi annwali, bħal dak previst fil-kuntratt (“Gesellschaftsvertrag ”) tat-23 ta’ Marzu 1994, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala kumpens adegwata għall-parteċipazzjoni ta’ TIB fil-kapital tar-rikorrenti.

251    It-tieni nett, fir-rigward tal-kumpens previst għas-self azzjonarju (miżura 12), il-Kummissjoni esponiet fil-premessa 102 tad-deċiżjoni kkontestata li, għalkemm ir-rata ta’ interessi kienet stabbilita għal 12 %, dan is-self kien ġie mogħti mingħajr ma kienet meħtieġa l-iċken sigurtà u b’rata ta’ interess ta’ 0 % matul għall-inqas sentejn. Hija tfakkar ukoll li l-ammont tal-interessi kien limitat għal 50 % tal-profitt tas-sena kkonċernata. Iż-żewġ rapporti pprevedew li għall-inqas l-ewwel sentejn kienu ser ikunu b’defiċit. Ebda rata ta’ interessi miżjuda ma kienet iffissata sabiex jiġu kkumpensati s-snin fejn il-ħlas ta’ interessi ma tantx kien probabbli. Barra minn hekk, ma kinux marbuta mas-self drittijiet ta’ votazzjoni addizzjonali u ebda primjum ta’ riskju ma kien ġie stabbilit sabiex jiġu kkumpensati r-riskji previsti mill-konsulenti.

252    Ir-rikorrenti ma tressaq ebda indizju li jippermetti li jkun ikkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li tali kumpens ma kienx adegwat. Qabel kollox, ir-rikorrenti ma tistax tafferma mingħajr ma tikkontradixxi ruħha li l-iffissar tar-rata ta’ interessi għal 12 % ippermetta, minn naħa, li jiġu kkumpensati s-snin ta’ defiċit u, min-naħa l-oħra, li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riskji tal-operazzjoni. Għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-fatturat previst għall-ewwel snin bla defiċit, tali kumpens ma setax jiġi previst, peress li l-ammont ta’ interessi kien dejjem limitat għal 50 % tal-profitt. Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li ebda sigurtà ma kienet ipprovduta u li s-self ma tax drittijiet addizzjonali, fatt li r-rikorrenti ma tikkontestax.

253    Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni enfasiżżat li G. R. ma setax jitqies bħala investitur li miegħu TIB tista’ tiġi mqabbla (premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata).

254    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont il-prattika tal-Kummissjoni kkonfermata mill-ġurisprudenza, jekk l-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi jsir parallelament ma’ intervent sinjifikattiv ta’ operaturi privati, f’kundizzjonijiet kumparabbli, l-eżistenza ta’ għajnuna tista’ tiġi eskluża (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1996, Air France vs Il-Kummissjoni, T‑358/94, Ġabra p. II‑2109, punti 148 sa 149). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza qiesu li, jekk l-investimenti privati fl-istess impriża jsiru biss wara l-allokazzjoni tal-fondi pubbliċi, l-eżistenza ta’ għajnuna ma tistax tiġi eskluża (ara, fuq dan il-punt, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

255    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li G.R. investa DEM 2,055 miljun fil-kapital tar-rikorrenti, li minnhom 2 miljuni kienu ġew iffinanzjati miż-żewġ self li huwa kien ħa.

256    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-premessi 102 u 130 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, mingħajr mhija kontradixxuta mir-rikorrenti, li dawn iż-żewġ self ma kinux ġew mogħtija skont il-kundizzjonijiet tas-suq u li, għalkemm mogħtija lil G.R., fir-realtà dawn kienu intiżi sabiex isostnu lir-rikorrenti. Din il-kwalifika taż-żewġ self bħala żewġ miżuri ta’ għajnuna mogħtija lir-rikorrenti (miżuri 16 u 17) teskludi l-possibbiltà li dawn il-fondi jkunu kkunsidrati bħala kontribuzzjoni ta’ G.R. permezz tar-riżorsi proprji tiegħu. Għaldaqstant, il-kontribuzzjoni ta’ G. R. permezz tar-riżorsi proprji tiegħu kienet biss ta’ DEM 0,055 miljun.

257    Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt, minn naħa, li TIB kienet ikkontribwit DEM 1,975 miljun fil-forma ta’ parteċipazzjoni u, min-naħa l-oħra, li G. R. kellu d-dritt li jxolji l-kuntratt jekk il-parteċipazzjoni ta’ TIB u l-għoti tas-self azzjonarju, kif ukoll, b’mod ġenerali, l-għoti ta’ għajnuna oħra ma jitwettqux, filwaqt li TIB ma għandhiex dan id-dritt.

258    Għaldaqstant jista’ jiġi kkunsidrat li l-kontribuzzjoni tal-kapital privat kienet iktar il-konsegwenza tas-sostenn ekomomiku mill-Istat milli r-riżultat ta’ deċiżjoni meħuda minn investitur informat li kien iddeċieda li jinvesti, konvint mill-prospetti ta’ profitt tal-investiment tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alitalia vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 93). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kontribuzzjoni tal-fondi pubbliċi ma tistax tiġi kkunsidrata bħala konformi mal-kriterju tal-investitur privat.

259    Il-fatt li G. R. kien obbligat jirrimborsa ż-żewġ self ma jistax jinvalida din il-konklużjoni. Minn naħa, kif kien indikat fil-punt 256 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tressaqx argumenti intiżi sabiex qiegħdu f’dubju l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li dawn iż-żewġ self, għalkemm mogħtija lill-G.R., jikkostitwixxu żewġ miżuri ta’ għajnuna favur ir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, anki jekk dan il-fatt kellu jiġi interpretat fis-sens li l-investitur privat assuma ċertu riskju billi impenja ruħu fil-kapital tar-rikorrenti, jirriżulta mill-punti 256 u 257 li dan ir-riskju kien fl-aħħar nett iżgħar minn dak assunt minn TIB.

260    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat, fil-premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata, li TIB ma aġixxietx bħala investitur privat f’ekonomija tas-suq u billi kkwalifikat konsegwentement il-parteċipazzjoni (miżura 11) u s-self azzjonarju (miżura 12) bħala għajnuna mill-Istat favur ir-rikorrenti.

261    Għaldaqastant, hemm lok li tiġi miċħuda t-tielet parti tal-motiv.

4.     Fuq l-evalwazzjoni tal-għajnuna fir-rigward tal-Linji Gwida dwar għajnuna biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi

a)     Argumenti tal-partijiet

262    Ir-rikorrenti targumenta li d-deċiżjoni kkontestata, inkwantu din tirrileva li l-miżuri mogħtija mill-1994 sal-aħħar ta’ 1996 mhumiex kompatibbli mal-Linji Gwida dwar għajnuna biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi, hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.

263    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni, ir-rikorrenti tafferma, l-ewwel nett, li din l-evalwazzjoni hija inkompatibbli mal-konstatazzjoni li r-rapporti tal-konsulenti disponibbli dak iż-żmien invokaw ristrutturazzjoni. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tibbaża ruħha fuq il-pjan ta’ direzzjoni redatt, qabel il-kostituzzjoni tar-rikorrenti, mid-ditta RBSH&P bi ftehim komuni ma’ G. R. u vverifikat mid-ditta AA. Dan il-pjan kien ġie, barra minn hekk, implementat b’suċċess. Ir-rikorrenti tafferma, sussegwentement, li l-Kummissjoni kienet taf il-kriterji kollha tal-pjan ta’ direzzjoni u b’mod partikolari: analiżi dettaljata tas-sitwazzjoni tas-suq, tal-prodotti u tal-klijentela li l-impriża l-ġdida riedet tattira; previżjonijiet konkreti dwar il-fatturat previst u l-fatturat effettiv; is-sitwazzjonijiet differenti f’dak li jirrigwarda l-“cash-flow” f’sitwazzjonijiet finanzjarji differenti; il-miżuri kollha ta’ finanzjament previsti u implementatai, inklużi l-kontribuzzjonijiet ta’ fondi privati u pubbliċi; l-investimenti pprogrammati u mwettqa; u, fl-aħħar nett, l-użu ta’ fondi li jirriżultaw mir-rapporti annwali tal-impriża. Fir-rigward tal-finanzjament previst għall-ħolqien tal-impriża, ir-rikorrenti tafferma li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkomunikat fil-15 ta’ Marzu 2001 lill-Kummissjoni pjan ta’ investiment dwar l-investimenti mwettqa mill-1994 sal-2000 u li l-komunikazzjoni tagħha tal-1 ta’ Ottubru 2002 spjegat iktar fid-dettall il-kontenut tal-pjan redatt mid-ditta RBSH&P. L-emendi żgħar li saru fil-pjan ta’ finanzjament global irriżultaw, skont ir-rikorrenti, mid-deċiżjoni li jiġu akkwistati u mhux mikrija, l-assi fissi.

264    Fil-każ ta’ diffikultajiet ta’ ftehim, il-Kummissjoni setgħet issejjaħ espert jew titlob spjegazzjonijiet lill-Gvern Ġermaniż jew lir-rikorrenti. Matul il-proċeduri formali ta’ investigazzjoni kollha, il-Kummissjoni ma staqsiet ebda domanda konkreta fir-rigward ta’ diffikultajiet ta’ ftehim dwar l-elementi differenti tal-pjan ta’ direzzjoni jew tal-kuntest globali ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, id-Direttur Ġenerali tal-Kompetizzjoni kien espressament ikkonferma f’Ġunju 2002 li huwa kellu l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex jeżamina l-kawża.

265    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni rigward il-kontribuzzjoni privata għall-ispiża total tar-ristrutturazzjoni, ir-rikorrenti ssostni li TIB, G.R. u hija stess taw kontribuzzjoni konsiderevoli. L-ewwel, ir-rikorrenti ssostni li TIB impenjat ruħha fil-kapital tagħha skont il-kundizzjonijiet tas-suq u li, għaldaqstant, il-fondi li hija qiegħdet għad-dispożizzjoni (miżuri 11 u 12) kellhom ikunu kkunsidrati bħala kontribuzzjoni privata. Sussegwentement, hija tafferma li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni, bħala kontribuzzjoni personali ta’ G. R., mhux biss il-kontribuzzjoni ta’ DEM 0,055 miljun, iżda wkoll il-fondi pprovduti fil-forma ta’ self ta’ DEM 2 miljun, peress li G. R. kien responsabbli għalihom. Barra minn hekk, peress li G. R. kien irrinunzja li jeżiġi interessi minn naħa tar-rikorretni, għandu wkoll jittieħed kont ta’ dan. Skont ir-rikorrenti, dan il-ħlas ta’ interesssi kien ġie stabbilit. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dħul tal-flus kontanti pożittiv tal-impriża kien deċiżiv, kemm minn perspettiva previżjonali kif ukoll fir-realtà, għas-suċċess tal-iżvilupp tagħha. Dawn huma mezzi li, skont il-pjan ta’ direzzjoni, ir-rikorrenti kellha tiżviluppa hija stess billi tbiegħ il-prodotti tagħha u li kienu għad-dispożizzjoni tal-impriża fid-dawl tal-kostruzzjoni tagħha, peress li G. R. kien irrinunzja għal kull tqassim ta’ profitt sal-1999.

266    Il-Kummissjoni tikkontesta li wettqet żball ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li ma kienx jeżisti pjan ta’ ristrutturazzjoni kredibbli u koerenti bbażat fuq ipoteżi realistiċi dwar il-kundizzjonijiet ta’ ġestjoni futuri tar-rikorrenti u ssostni li l-għajnuna ma setgħetx lanqas tiġi approvata fir-rigward tal-kontribuzzjoni marġinali ta’ impriża għall-ispejjeż tar-ristrutturazzjoni.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

267    Ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-miżuri mogħtija lir-rikorrenti bejn l-1994 u l-aħħar tal-1996 mhumiex kompatibbli mas-suq komuni fir-rigward tal-Linji Gwida dwar għajnuna biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi tal-1994.

268    Għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li l-Artikolu 87(3) KE jagħti lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa bil-għan li tiġi ammessa għajnuna b’deroga mill-projbizzjoni ġenerali tal-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu, sa fejn l-evalwazzjoni, f’dan il-każ, tal-kompatibbiltà jew tal-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni tqajjem problemi li jimplikaw it-teħid inkunsiderazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ fatti u ċirkustanzi ekonomiċi kumplessi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C‑39/94, Ġabra p. I‑3547, punt 36). Peress li l-qorti Komunitarja ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-fatti tagħha, b’mod partikolari fuq il-livell ekonomiku, ma’ dik tal-awtur tad-deċiżjoni, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandu, f’dan ir-rigward, ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u ta’ motivazzjoni tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 2002, Graphischer Maschinenbau vs Il‑Kummissjoni, T‑126/99, Ġabra p. II‑2427, punt 32, tal-14 ta’ Ottubru 2004, Pollmeier Malchow vs Il-Kummissjoni, T‑137/02, Ġabra p. II‑3541, punt 52).

269    Għandu jiġi mfakkar, ukoll, li, skont ġurisprudenza kostanti, il-legalità ta’ att Komunitarju għandha tiġi evalwata skont l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li kienu jeżistu fid-data li fiha ġie adottat l-att, u l-evalwazzjonijiet kumplessi magħmula mill-Kummissjoni għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tal-elementi li hija kellha fil-mument ta’ meta hija għamlithom (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ottubru, Salomon vs Il-Kummissjoni, T‑123/97, Ġabra p. II‑2925, punt 48, u Graphischer Maschinenbau vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

270    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tista’ timponi fuqha nnifisha xi punti ta’ riferiment għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha permezz ta’ atti bħal-Linji Gwida inkwistjoni, sakemm dawn l-atti jkun fihom regoli indikattivi fuq il-prattika li għandha tiġi segwita minn din l-istituzzjoni u sakemm ma jmorrux lil hinn mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑278/00, Ġabra p. I‑3997, punt 98, u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa fid-dawl ta’ dawn ir-regoli li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi eżaminata.

271    F’dan il-każ, il-Kummissjoni eżaminat l-għajnuna mogħtija lir-rikorrenti fid-dawl tal-Linji Gwida dwar għajnuna biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi tal-1994, li jiddefinixxu l-kriterji għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni tal-impriżi f’diffikultà.

272    Il-Linji Gwida jeħtieġu li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni tkun inkwadrata f’ pjan, li l-approvazzjoni tiegħu hija suġġetta għal tliet kundizzjonijiet materjali: dan għandu jippermetti l-impriża terġa’ lura għal vijabbiltà, jipprevjeni distorsjonijiet tal-kompetizzjoni mhux neċessarji u jassigura l-proporzjonalità tal-għajnuna mal-ispejjeż u vantaġġi tar-ristrutturazzjoni. Għalhekk, tali għajnuna għandha tiġi assoċjata ma’ pjan reali ta’ ristrutturazzjoni u tista’ tiġi mogħtija biss meta jkun jista’ jiġi ppruvat li żamma ta’ attività ta’ impriża u r-ritorn tagħha li tagħmel profitt jservu aħjar l-interessi tal-Komunità.

273    Hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tivverifika jekk, f’dan il-każ, dawn ir-rekwiżiti ġewx osservati.

274    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet definiti mil-Linji Gwida dwar għajnuna biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi ma kinux osservati, il-Kummissjoni bbażat ruħha, fl-ewwel lok, fuq in-nuqqas ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni.

275    Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li pjan ta’ ristrutturazzjoni għandu jkun fih data preċiża u affidabbli, kif ukoll il-preċiżjonijiet kollha li jippermettu li jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet materjali definiti mil-Linji Gwida dwar għajnuna biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi humiex sodisfatti.

276    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li “minkejja l-ordnijiet mibgħuta repetutament tal-Kummissjoni, [ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja] qatt ma [kienet] bagħtet il-verżjoni definittiva ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni [...] u lanqas indikat liema miżuri ta’ ristrutturazzjoni [kienu] ġew effettivament eżegwiti” (premessa 169). Barra minn hekk, fil-premessa 167 tad-deċiżjoni kkontestata, hija għamlet diversi konstatazzjonijiet sabiex timmotiva din il-konklużjoni. B’hekk, il-Kummissjoni ħadet att tal-fatt li l-ewwel rapport kien ġie elaborat qabel it-twettiq taċ-ċessjoni tal-assi u t-tieni wieħed kien intiż esklussivament għal TIB sabiex jippermettilha tiddetermina l-opportunità tal-akkwist ta’ parteċipazzjoni fl-impriża. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-miżuri proposti u l-ispiża tagħhom jvarjaw minn rapport għal ieħor u lanqas ma jaqblu mal-ispejjeż imsemmija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-“pjan ta’ investiment” u l-ispejjeż iddettaljati fit-tabella 5 tad-deċiżjoni kkkontestata, li taħthom l-għajnuna kienet ġiet allegatament mogħtija. Minbarra dan, il-Kummissjoni osservat li, fiż-żewġ rapporti, il-lista tal-miżuri previsti għall-finanzjament ta’ dawn l-ispejjeż ħalliet barra numru ta’ għajnuna li kienu ġew effettivament mogħtija lill-impriża (tabella 4 tad-deċiżjoni kkontestata), fatt li japplika wkoll għall-“pjan ta’ investiment”. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li, jew il-pjan ma kienx definittiv, jew l-impriża kienet irċeviet eċċess ta’ għajnuna.

277    L-analiżi tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward mhuwiex ivvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

278    Fil-fatt, jirriżulta mill-proċess li r-rapport redatt minn RBSH&P u dak redatt minn AA huma differenti fir-rigward tal-analiżi tal-ispejjeż tal-miżuri proposti u li dawn ma jeħdux inkunsiderazzjoni l-għajnuna finanzjarja kollha effettivament mogħtija lir-rikorrenti matul il-perijodu li hija kienet f’diffikultà. Barra minn, l-evalwazzjonijiet tal-konsulenti ma jaqblux mal-ispejjeż imsemmija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-“pjan ta’ investiment”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata tiddikjara li l-għajnuna mogħtija lir-rikorrenti ma kinitx relatata ma’ pjan ta’ ristrutturazzjoni.

279    Ir-rikorrenti ma tressaq ebda argument li jippermetti li tiġi invalidata din il-konklużjoni u tillimita ruħha ssemmi b’mod ġenerali l-elementi li jservu, skontha, ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni, mingħajr madankollu ma tippreċizza f’liema dokument dawn jinsabu. Fuq kollox, ir-rikorrenti ma tipprovdi ebda kjarifika fir-rigward tal-kuntradizzjonijiet bejn it-tliet dokumenti eżaminati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

280    Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-konklużjoni dwar in-nuqqas ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni mhijiex kontradetta mill-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li r-rikorrenti kienet implementat pjan ta’ ristrutturazzjoni. Il-fatt li l-Kummissjoni kienet ikkonstatat li r-rapporti redatti minn RBSH&P u AA kienu jipprevedu miżuri intiżi għar-ristrutturazzjoni tal-impriża ma jistax jirrendi dawn ir-rapporti eżawrjenti. Barra min hekk, għajnuna mogħtija lil impriża f’diffikultà ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni minħabba s-sempliċi fatt li miżuri ta’ ristrutturazzjoni kienu ġew previsti, anki jekk din ir-ristrutturazzjoni kienet twettqet, bħal f’dan il-każ, b’suċċess. Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa jekk l-għajnuna inkwistjoni kinitx tista’ tinkoraġġixxi lill-impriżi benefiċjarji jadottaw aġir tali li jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan imsemmi fl-Artikolu 87(3)(c) KE, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-pjan ta’ ristrutturazzjoni jissodisfax il-kundizzjonijiet materjali kollha previsti mil-Linji Gwida għall-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni.

281    Għandu wkoll jiġi miċħud l-argment tar-rikorrenti li, jekk il-Kummissjoni kienet tqis li l-informazzjoni li hija kellha ma kinitx kompleta, hija kien imissha talbet spjegazzjonijiet lill-awtoritajiet Ġermaniżi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, permezz tad-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni dwar l-għajnuna mogħtija lir-rikorrenti, il-Kummisjoni ordnat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tipprovdilha pjan ta’ ristrutturazzjoni ( ara l-punt 7 iktar ’il fuq) dwar ir-rikorrenti. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tagħha li testendi l-proċedura formali ta’ investigazzjoni (ara l-punt 9 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kkonstatat li ebda pjan ta’ ristrutturazzjoni ma kien ġie ppreżentat mir-rikorrenti. Konsegwentement, hija esprimiet l-istess dubji bħal matul il-ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni. Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni, minflok ma tesprimi l-idea li l-Kummissjoni ma kellhiex informazzjoni indispensabbli sabiex tkun tista’ tipproċedi għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna, tenfasizza l-fatt li l-kundizzjonjiet li għajnuna għar-ristrutturazzjoni għandha tissodisfa sabiex tiġi awtorizzata skont il-Linji Gwida, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ pjan koerenti ta’ ristrutturazzjoni fil-mument tal-għoti tal-għajnuna, ma kinux sodisfati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali argument huwa nieqes mill-fatti.

282    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni qieset li l-kontribuzzjoni privata għall-ispiża totali tar-ristrutturazzjoni ma setgħatx tiġi kkunsidrata bħala sostanzjali.

283    Ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-benefiċjarji, skont il-Linji Gwida dwar għajnuna biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi tal-1994, għandhom normalment jikkontribwixxu għar-ristrutturazzjoni b’mod sostanzjali permezz tar-riżorsi tagħhom stess jew permezz ta’ finanzjament estern miksub skont il-kundizzjonijiet tas-suq.

284    Għandu jiġi kkonstatat li f’dan il-każ il-Kummissjoni bbażat ruħha, minn naħa, fuq il-fatt li fin-nuqqas ta’ dikjarazzjoni eżatta tal-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni ma kienx possibbli li jiġi affermat li l-kontribuzzjoni privata kienet sostanzjali u, min-naħa l-oħra, fuq il-konstatazzjoni li biss is-somma ta’ DEM 0,055 miljun setgħet tiġi kkunsidrata bħala kontribuzzjoni ta’ investitur privat.

285    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li din l-evalwazzjoni mhijiex ivvizzjata bi żball manifest.

286    L-ewwel, huwa ċar li, fin-nuqqas ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni koerenti u kredibbli, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tevalwa l-estenst u n-natura tal-kontribuzzjoni privata għall-ispiża totali tar-ristrutturazzjoni. Sussegwentement, l-argumenti invokati mir-rikorrenti ma jistgħux iqegħdu f’dubju l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 171 tad-deċiżjoni kkontestata, li biss il-kontribuzzjoni ta’ G.R. ta’ ammont ta’ DEM 0,055 miljun kienet ta’ natura purament privata.

287    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-fondi mogħtija minn TIB għandhom jiġu kkunsidrati bħala kontribuzzjoni privata, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-punti 236 sa 260 iktar ’il fuq, l-impenn ta’ TIB fil-kapital tar-rikorrenti ma seħħx b’kundizzjonijiet li kienu raġonevoli għal investitur privat u li, għaldaqstant, il-fondi li TIB tat lir-rikorrenti (miżuri 11 u 12) għandhom jiġi kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat. Fir-rigward tad-dħul tal-flus kontanti, ma għandhomx jiġi mqabbla ma’ kontribuzzjoni ta’ impriża benefiċjarja. Fil-fatt, dħul tal-flus kontanti pożittiv, fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni ta’ impriża f’diffikultà, huwa biss ir-riżultat tal-għajnuna mogħtija lill-benefiċjarju u għaldaqstant ma għandux jiġi kkunsidrat bħala parteċipazzjoni fl-ispiża tar-ristrutturazzjoni. Sussegwentement, fir-rigward tal-fondi allegatament mogħtija mill-investitur privat, għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti ma stabbilietx li ż-żewġ self li bis-saħħa tagħhom G.R. iffinanzja l-parteċipazzjoni tiegħu fil-kapital tar-rikorrenti (miżura 16 u 17) ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat favur ir-rikorrenti. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma ressqet l-ebda element matul il-fażi amministrattiva ta’ investigazzjoni, u lanqas fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, ta’ natura tali li jistabbilixxi r-rinunzja mill-investitur privat li jeżiġi interessi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet korretta li ma qisietx dawn il-fatti bħala stabbiliti.

288    Jirriżulta minn dak li ntqal preċedentement li r-rikorrenti ma stabbilietx li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proporzjonalità tal-għajnuna mal-ispiża tar-ristrutturazzjoni kienu manifestament żbaljati.

289    Konsegwentement, għandu jiġi konkluż, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, li l-Kummissjoni kienet korretta tikkunsidra li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Linji Gwida dwar għajnuna biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi ma kinux issodisfati.

290    Minn dan jirriżulta li r-raba’ parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

291    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv kollu kemm hu għandu jiġi miċħud kif ukoll ir-rikors fit-totalità tiegħu.

 Fuq il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba mir-rikorrenti

292    Ir-rikorrenti talbet, l-ewwel nett, li espert maħtur jinstema’ fuq il-punt dwar jekk il-pjanijiet ta’ direzzjoni redatti minn konsulenti indipendenti fil-mument tal-kostituzzjoni tar-rikorrenti pprevedewx diffikultajiet, it-tieni nett, li d-direttur, ta’ dak iż-żmien, tal-Uffiċċju tal-Impjieg ta’ Jena jinstema’ fuq l-għan tal-miżuri li l-rikorrenti kienet implementat taħt l-Artikolu 249 h tal-AFG u, it-tielet nett, li s-soċju u l-maniġer tar-rikorrenti jinstemgħu fuq il-punt dwar jekk, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-miżuri taħt l-Artikolu 249 h tal-AFG, ir-rikorrenti kinitx sostniet hija stess parti mill-ispejjeż, jekk il-miżuri kinux ġew eżegwiti fin-nuqqas ta’ din id-dispożizzjoni u jekk ix-xogħlijiet kinux diġà twettqu qabel il-kostituzzjoni tar-rikorrenti.

293    Il-Kummissjoni ma ddeċidietx f’dan ir-rigward.

294    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mid-dokumenti tal-proċess u li mhemmx lok, konsegwentement, li tipproċedi għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba.

 Fuq l-ispejjeż

295    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha, għal motivi eċċezzjonali. F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, filwaqt li r-rikorrenti tilfet f’dak li jirrigwarda t-talbiet tagħha intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni emendat, wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, id-deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2002 imsemmija fir-rikors promotur u adottat deċiżjoni ġdida, li tikkostitwixxi d-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, ir-rikorrenti bidlet parzjalment il-motivazzjoni tal-pretenzjonijiet tagħha u emendat it-talbiet tagħha. Barra minn hekk, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-partijiet ftehmu fuq l-ammont tas-sussidji li jikkostitwixxi l-miżura 32. Ir-rikorrenti u l-konvenuta kkonfermaw, wara domanda tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li ma kienx hemm iktar punti kontenzjużi bejn il-partijiet prinċipali dwar din il-miżura.

296    Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, issir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża billi jiġi deċiż li r-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll terz ta’ dawk sostnuti mill-Kummissjoni. Għaldaqstant din tal-aħħar għandha tbati żewġ terzi tal-ispejjeż tagħha.

297    Il-Land ta’ Thuringe għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

298    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Konsegwentement, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Kahla/Thüringen Porzellan GmbH għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll terz ta’ dawk sostnuti mill-Kummissjoni. Din tal-aħħar għandha tbati żewġ terzi tal-ispejjeż tagħha.

3)      Il-Land ta’ Thuringe u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Vilaras

Martins Ribeiro

Dehousse

Šváby

 

      Jürimäe

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Settembru 2008

 

.

E. Coulon

 

      M. Vilaras

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet motivi, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

1.  F’dak li jirrigwarda s-sussidju għall-investiment tal-Land ta’ Thuringe (miżura 15)

a)  Argumenti tal-partijiet

Fuq il-ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE

–  Fuq il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-iskema

–  Fuq il-kwalifika tar-rikorrenti bħala impriża f’diffikultŕ

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE

–  Fuq il-portata tal-iskema awtorizzata

–  Fuq is-sussidju mogħti lir-rikorrenti

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi

2.  Fuq dak li jirrigwarda s-sussidji favur l-impjieg assoċjati ma’ investimenti għall-ħarsien tal-ambjent (miżura 26)

a)  Argumenti tal-partijiet

Fuq il-ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE

–  Fuq il-konformità mal-iskema tal-Artikolu 249 h tal-AFG

–  Fuq il-kwalifika ta’ għajnuna mill-Istat tas-sussidji favur l-impjieg

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi

B –  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ dritt manifesti

1.  Fuq l-istabbiliment żbaljat tal-fatti

a)  Argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2.  Fuq il-kwalifika tar-rikorrenti bħala impriża f’diffikultŕ

a)  Argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

3.  Fuq l-evalwazjzoni żbaljata tal-impenn ta’ TIB fl-impriża (miżuri 11 u 12)

a)  Argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

4.  Fuq l-evalwazzjoni tal-għajnuna fir-rigward tal-Linji Gwida dwar għajnuna biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi

a)  Argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba mir-rikorrenti

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.