Language of document : ECLI:EU:T:2008:419

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)

8 ta’ Ottubru 2008 (*)

“Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet – Sejħa għal offerti tal-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni – Deċiżjoni li tiġi annullata s-sejħa għal offerti u li tiġi ppubblikata waħda ġdida – Rikors għal annullament – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza – Ħtieġa ta’ lment amministrattiv minn qabel – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Mandat – Obbligu ta’ motivazzjoni – Talba għad-danni”

Fil-kawża T‑411/06,

Sogelma Societá generale lavori manutenzioni appalti Srl, stabbilita fi Scandicci (l-Italja), irrappreżentata minn E. Cappelli, P. De Caterini, A. Bandini u A. Gironi, avukati,

rikorrenti

vs

L-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (EAR), inizjalment irrappreżentata minn O. Kalha, wara minn M. Dischendorfer u finalment minn R. Lundgren, bħala aġenti, assistiti minn S. Bariatti u F. Scanzano, avukati,

konvenuta

sostnuta minn

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn P. van Nuffel u L. Prete, bħala aġenti,

intervenjenti

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-EAR li annullaw is-sejħa għal offerti għall-kuntratt għal xogħlijiet bir-referenza EuropeAid/120694/D/W/YU u li organizzaw sejħa ġdida għal offerti, kif ukoll talba għal kumpens tad-dannu allegatament subit,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tmien Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Papasavvas u A. Dittrich (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (EAR) ġiet stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2454/1999, tal-15 ta’ Novembru 1999, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1628/96, dwar l-assistenza għall-Bożnja u l-Ħerzegovina, il-Kroazja, ir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, b’mod partikolari bil-ħolqien tal-EAR (ĠU L 299, p. 1).

2        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1628/96, tal-25 ta’ Lulju 1996, (ĠU L 204, p. 1), tħassar bl-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2666/2000, tal-5 ta’ Diċembru 2000, dwar l-assistenza għall-Albanija, il-Bosnja u l-Ħerzegovina, il-Kroazja, ir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja u dik li qabel kienet ir-Repubblika Yugoslava tal-Maċedonja, li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1628/96 u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 3906/89 u (KEE) Nru 1360/90 u d-Deċiżjonijiet 97/256/KE u 1999/311/KE (ĠU L 306, p. 1). Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1628/96, kif emendat bir-Regolament Nru 2454/1999, dwar il-ħolqien u l-operat tal-EAR, ġew riprodotti u emendati bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2667/2000, tal-5 ta’ Diċembru 2000, dwar l-EAR (ĠU L 306, p. 7).

3        Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2667/2000, il-Kummissjoni tista’ b’mod partikolari tiddelega lill-EAR l-implementazzjoni tal-assistenza Komunitarja prevista fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2666/2000 favur is-Serbja u l-Montenegro. Skont l-Artikolu 2(1)(c) tar-Regolament Nru 2667/2000, l-EAR tista’ tiġi inkarigata mill-Kummissjoni sabiex twettaq il-ħidmiet kollha meħtieġa għall-implementazzjoni tal-programmi għar-rikostruzzjoni tas-Serbja u l-Montenegro, u b’mod partikolari l-preparazzjoni u l-evalwazzjoni tas-sejħiet għal offerti u l-għoti ta’ kuntratti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, l-EAR għandha personalità ġuridika.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

4        Fis-7 ta’ Settembru 2005, fis-Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU S 172), l-EAR ippubblikat avviż ta’ sejħa għal offerti skont il-proċedura miftuħa, bir-riferiment EuropeAid/120694/D/W/YU, u dwar l-għoti tal-kuntratt għal xogħlijiet “Restawrazzjoni tan-navigazzjoni ħielsa (tneħħija ta’ artillerija mhux sploduta) fis-sistema tat-trasport bil-passaġġi fuq fir-rotot ta’ navigazzjoni fl-ilmijiet interni, Repubblika tas-Serbja, Serbja u Montenegro” (iktar ’il quddiem l-“avviż tas-sejħa għal offerti”).

5        Skont l-avviż tas-sejħa għal offerti u l-punt 2 tal-istruzzjonijiet lill-offerenti li jinsabu mad-dokumenti tas-sejħa għal offerti, il-proġett imsemmi kellu jiġi ffinanzjat mill-EAR, u l-awtorità kontraenti kellha tkun il-Ministeru Serb tal-Investimenti Kapitali.

6        Il-punt 16(x) tal-avviż tas-sejħa għal offerti u l-punt 4.2(x) tal-istruzzjonijiet lill-offerenti, jipprovdu, fost il-“kriterji minimi ta’ għażla” tal-offerent magħżul, li l-persunal ewlieni kollu għandu jkollu mill-inqas għaxar snin ta’ esperjenza professjonali adegwata.

7        Il-punt 37 tal-istruzzjonijiet lill-offerenti jipprovdi dan li ġej:

“Appelli

(1) Jekk offerent iħoss li jkun sofra dannu minħabba żball jew irregolarità kommessa matul il-proċedura tal-għoti tal-kuntratt, jista’ jadixxi direttament lill-[EAR] u jinforma lill-Kummissjoni b’dan. L-[EAR] għandha tirrispondi fi żmien 90 jum minn meta tirċievi l-ilment.

(2) Meta tiġi infurmata b’tali ilment, il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-opinjoni tagħha lill-[EAR] u tfittex, b’kull mod possibbli, soluzzjoni bonarja bejn l-offerent li jkun ressaq l-ilment u l-[EAR].

(3) Fil-każ li l-proċedura hawn fuq imsemmija ma tirnexxiex, l-offerent jista’ jirrikorri għall-proċeduri stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea.”

8        Qabel l-iskadenza tat-terminu definittiv għat-tfigħ tal-offerti, l-EAR irċeviet tliet offerti, mitfugħa rispettivament minn konsorzju ffurmat mir-rikorrenti Sogelma – Societá generale lavori manutenzioni appalti Srl, u l-kumpannija Kroata DOK ING RAZMINIRANJE d.o.o. (iktar ’il quddiem “DOK ING”), u minn żewġ konsorzji oħra.

9        Fl-10 ta’ Marzu 2006, l-EAR ipproċediet bil-ftuħ tal-offerti waqt seduta pubblika. Il-prezz tal-offerta tar-rikorrenti kien inqas minn dawk proposti mill-kompetituri tagħha.

10      Fl-14 u fit-22 ta’ Marzu 2006, l-EAR bagħtet talbiet ta’ kjarifika lil offerenti. It-tieni talba kienet tirrigwarda b’mod partikolari l-curriculum vitae tal-persunal ewlieni propost. L-offerenti kollha wieġbu għat-talbiet ta’ kjarifika fit-termini stabbiliti mill-EAR.

11      Permezz ta’ ittra datata 9 ta’ Ottubru 2006, l-EAR infurmat lir-rikorrenti li s-sejħa għal offerti inkwistjoni kienet ġiet annullata għaliex l-ebda waħda mill-offerti mitfugħa ma kienet tissodisfa r-rekwiżiti tekniċi applikabbli. Fir-rigward tal-offerta tar-rikorrenti, l-EAR qalet li fost il-membri tal-persunal ewlieni propost, is-“Superintendent Survey Team” ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fil-punt 16(x) tal-avviż tas-sejħa għal offerti u fil-punt 4.2(x) tal-istruzzjonijiet lill-offerenti.

12      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ottubru 2006 (datata bi żball 19 ta’ Settembru 2006), ir-rikorrenti talbet kopja tad-deċiżjoni li annullat il-proċedura tas-sejħa għal offerti (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni li annullat is-sejħa għal offerti” u tal-minuti relattivi. Barra minn hekk, f’din l-ittra tirreferi għall-possibbiltà li tintuża l-proċedura negozjata fis-sens tal-Artikolu 30 tad-Direttiva Nru 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, p. 114).

13      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Novembru 2006, ir-rikorrenti rrepetiet din it-talba u talbet lill-EAR tadotta deċiżjoni motivata dwar jekk għandhiex tinbeda proċedura negozjata jew le.

14      Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti talbet lill-EAR sabiex tagħtiha kopja tal-minuti kollha tal-kumitat ta’ evalwazzjoni li eżamina l-offerti mitfugħa wara l-avviż tas-sejħa għal offerti, tal-minuti tas-seduta pubblika tal-ftuħ tal-offerti, kif ukoll kopja tad-deċiżjoni li annullat is-sejħa għal offerti u tal-minuti relattivi, abbażi tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43).

15      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Diċembru 2006, l-EAR infurmat lir-rikorrenti li hija kienet eżerċitat id-dritt tagħha li tannulla s-sejħa għal offerti u li tibda waħda ġdida minħabba li r-rekwiżiti tekniċi “kienu ġew mibdula konsiderevolment”. Barra minn hekk, hija qalet li, minbarra l-konstatazzjoni li l-ebda waħda mill-offerti mitfugħa ma kienet tissodisfa r-rekwiżiti tekniċi, il-kumitat ta’ evalwazzjoni ma kien għamel l-ebda osservazzjoni oħra. Bħala anness ma’ din l-ittra, l-EAR bagħtet il-minuti tas-seduta tal-ftuħ tal-offerti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors li fih indikat li qed taġixxi kemm f’isimha proprju kif ukoll bħala mandatarja tal-kumpannija DOK ING.

17      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-4 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-EAR.

18      Il-Kummissjoni ppreżentat nota ta’ intervent. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din in-nota fit-terminu mogħti.

19      Wara s-sostituzzjoni parzjali tal-membri tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid. Dan imbagħad ġie assenjat lit-Tmien Awla, u konsegwentement din il-kawża ġiet assenjata lilha.

20      Wara r-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, stiednet lill-partijiet sabiex jirrispondu bil-miktub għal xi domandi. Il-partijiet irrispondew fit-terminu mogħti.

21      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2008.

22      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet tal-AEP dwar:

–        l-annullament tas-sejħa għal offerti;

–        l-organizzazzjoni ta’ sejħa ġdida għal offerti;

–        tikkundanna lill-EAR tħallasha kumpens tad-dannu subit, kif indikat fir-rikors;

–        tikkundanna lill-EAR għall-ispejjeż.

23      L-EAR titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli, jew, sussidjarjament, tiċħdu bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

24      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiddikjara bħala inammissibbli r-rikors għall-annullament, jew, sussidjarjament, tiċħdu bħala infondat;

–        tiċħad ir-rikors għal kumpens tad-danni bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

25      Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha tordna lill-EAR, b’applikazzjoni tal-Artikolu 65(b) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tipproduċi d-dokumenti kollha relattivi għall-proċedura tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni. L-EAR u l-Kummissjoni jopponu din it-talba.

26      Fir-rikors, ir-rikorrenti talbet ukoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha tannulla “il-miżuri kollha preċedenti, konnessi u assoċjati, inkluża d-deċiżjoni li r-rikorrenti tiġi eskluża”. Fis-seduta r-rikorrenti ddikjarat li din it-talba m’għandhiex tiġi kkunsidrata iktar mill-Qorti tal-Prim’Istanza, u dan ġie mniżżel.

 Fuq l-ammissibbiltà

27      L-EAR tinvoka diversi eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà. Fl-ewwel lok għandha tiġi eżaminata dik ibbażata fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddeċiedi fuq rikors għal annullament ippreżentat abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, kontra att tal-EAR u, fit-tieni lok, dik ibbażata fuq in-nuqqas, min-naħa tar-rikorrenti, ta’ ilment amministrattiv qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors. Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat, fir-rigward tat-talba sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni li annullat is-sejħa għal offerti, jekk ġiex rispettat it-terminu għall-preżentata tar-rikors stipulat fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE. Fir-raba’ lok, għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors fil-parti fejn jintalab l-annullament tad-deċiżjoni tal-EAR dwar l-organizzazzjoni ta’ sejħa ġdida għal offerti. Fl-aħħar lok, għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn ir-rikorrenti tasserixxi d-drittijiet ta’ DOK ING.

A –  Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddeċiedi fuq rikors, ippreżentat abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, kontra att tal-EAR

1.     Argumenti tal-partijiet

28      L-EAR issostni li d-deċiżjoni li annullat is-sejħa għal offerti ma tagħmilx parti mill-atti li jistgħu jiġu mistħarrġa mill-Qorti tal-Prim’Istanza skont l-Artikolu 230 KE. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li, skont dan l-Artikolu, l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja huwa limitat għal atti adottati flimkien mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, għal atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew li mhumiex rakkomandazzjonijiet jew opinjonijiet, kif ukoll għal atti tal-Parlament Ewropew intiżi li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi.

29      L-Artikolu 13a tar-Regolament Nru 2667/2000, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1646/2003, tat-18 ta’ Ġunju 2003 (ĠU L 245, p. 16), huwa irrilevanti f’dan ir-rigward, għaliex isemmi biss ir-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet tal-EAR adottati skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001.

30      Bl-istess mod, l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2667/2000 jillimita ruħu sabiex jistipula l-ġurisdizzjoni tal-qorti Komunitarja fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kumpens tad-danni fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-EAR.

31      Mhuwiex il-każ li l-offerenti mhumiex protetti. Id-drittijiet tagħhom huma protetti bil-proċedura stipulata fil-punt 37 tal-istruzzjonijiet lill-offerenti (iċċitat fil-punt 7 hawn fuq). L-EAR tenfasizza li, skont dan il-punt, l-offerent jista’, f’każ li l-proċedura msemmija f’dan l-istess punt ma tirnexxiex, jirrikorri għall-proċeduri stabbiliti mill-Kummissjoni, u l-atti tal-Kummissjoni jistgħu jiġu kkontestati skont l-Artikolu 230 KE. Hija ssemmi wkoll il-possibbiltà li jinbdew proċeduri legali quddiem il-qrati nazzjonali.

32      Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni jikkontestaw din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

33      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-aġenziji stabbiliti abbażi tad-dritt sekondarju bħall-EAR mhumiex inklużi fost l-istituzzjonijiet Komunitarji elenkati fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

34      Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 2667/2000, kif emendat, li jipprovdi biss, fl-Artikoli 13 u 13a tiegħu, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni tiddeċiedi fuq kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kumpens tad-danni fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-EAR u mad-deċiżjonijiet tal-EAR dwar l-aċċess għad-dokumenti adottati skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, ma jistipulax li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni tiddeċiedi fuq talbiet għal annullament kontra d-deċiżjonijiet l-oħra meħuda mill-EAR.

35      Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jipprekludux li l-Qorti tal-Prim’Istanza tistħarreġ, skont l-Artikolu 230 KE, il-legalità tal-atti tal-EAR mhux koperti bl-Artikoli 13 u 13a tar-Regolament Nru 2667/2000.

36      Fil-fatt għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 23 tas-sentenza tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament, magħrufa bħala “Les Verts”, (294/83, Ġabra p. 1339), ikkonstatat li l-Komunità Ewropea hija Komunità tad-dritt u li t-Trattat stabbilixxa sistema kompluta ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri intiżi li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet. Is-sistema tat-Trattat hija li tipprovdi azzjoni diretta kontra l-miżuri kollha adottati mill-istituzzjonijiet u li huma maħsuba li jipproduċu effetti legali (ara s-sentenza Les Verts, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li rikors għal annullament jista’ jsir kontra atti tal-Parlament Ewropew intiżi li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi, minkejja li l-Artikolu 173 tat-Trattat KE (li, wara emenda, sar l-Artikolu 230 KE), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti, kien isemmi biss atti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu li teskludi atti tal-Parlament Ewropew minn fost dawk li jistgħu jiġu kkontestati twassal għal riżultat kuntrarju kemm għall-ispirtu tat-Trattat kif espress fl-Artikolu 164 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 220 KE), kif ukoll għas-sistema tiegħu (sentenza Les Verts, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

37      Minn din is-sentenza jirriżulta l-prinċipju ġenerali li l-atti kollha ta’ korp Komunitarju intiżi li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi għandhom ikunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. Huwa veru li s-sentenza Les Verts, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24, issemmi biss l-istituzzjonijiet Komunitarji u l-EAR mhijiex waħda mill-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 7 KE. Madankollu, is-sitwazzjoni ta’ korpi Komunitarji mogħtija setgħa li jadottaw atti intiżi li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi hija identika għal dik li wasslet għas-sentenza Les Verts, iċċitata iktar ’il fuq: ma jistax ikun aċċettabbli, f’Komunità ta’ dritt, li tali atti ma jkunux suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-annullament ta’ sejħa għal offerti huwa att li, bħala regola, jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 230 KE (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Ottubru 2007, Evropaïki Dynamiki vs EFSA, T‑69/05, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 53). Fil-fatt huwa att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrenti u jibdel b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħha, peress li jfisser li hija ma tistax tingħata l-kuntratt li għalih kienet tefgħet offerta.

39      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament Nru 2667/2000, kif emendat, il-Kummissjoni tista’ tiddelega l-implementazzjoni tal-assistenza Komunitarja prevista fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2666/2000 favur is-Serbja u l-Montenegro lill-EAR, u b’mod partikolari tista’ tinkarigaha bil-preparazzjoni u l-evalwazzjoni tas-sejħiet għal offerti u l-għoti ta’ kuntratti. Kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-EAR għalhekk tadotta deċiżjonijiet li l-Kummissjoni stess kienet tieħu li kieku ma ddelegatx dawn is-setgħat lill-EAR.

40      Id-deċiżjonijiet li setgħet ħadet il-Kummissjoni ma jistgħux jitilfu l-kwalità tagħhom ta’ att li jista’ jiġi kkontestat sempliċement għaliex il-Kummissjoni ddelegat xi kompetenzi lill-EAR, għax inkella tinħoloq lakuna ġuridika.

41      L-argument tal-EAR li d-drittijiet tal-offerenti huma protetti permezz tal-proċedura stipulata fil-punt 37 tal-istruzzjonijiet lill-offerenti għaliex jistgħu jirrikorru għall-proċeduri stabbiliti mill-Kummissjoni, li l-atti tagħha jistgħu jiġu kkontestati skont l-Artikolu 230 KE, għandu jiġi respint. Fil-fatt għandu jiġi kkonstatat li l-punt 37 tal-istruzzjonijiet lill-offerenti ma jistipulax li l-Kummissjoni għandha tadotta, matul il-proċedura, deċiżjoni li tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ddikjarat, b’risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija ma kienet stabbiliet l-ebda proċedura speċifika sabiex titratta l-każijiet ta’ ilmenti li ma jkunux ġew solvuti bonarjament skont il-punt 37 tal-istruzzjonijiet lill-offerenti.

42      Finalment, l-argument tal-EAR li rikors kontra l-atti tagħha jista’ jiġi ppreżentat quddiem qorti nazzjonali, għandu jiġi respint. Għalkemm, f’din il-kawża, skont l-avviż tas-sejħa għal offerti u skont il-punt 2 tal-istruzzjonijiet lill-offerenti, l-awtorità kontraenti hija l-Ministeru Serb tal-Investimenti Kapitali, xorta jibqa’ l-fatt li hija l-EAR, u mhux awtorità nazzjonali, li ħadet id-deċiżjoni li tiġi annullata s-sejħa għal offerti. Għandu jiġi enfasizzat li l-ebda qorti nazzjonali m’għandha ġurisdizzjoni tevalwa l-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

43      Jirriżulta li d-deċiżjonijiet meħuda mill-EAR fil-kuntest tal-proċeduri tal-għoti tal-kuntratt u intiżi li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-qorti Komunitarja.

44      Din il-konklużjoni mhijiex affettwata mill-ġurisprudenza ċċitata mill-EAR insostenn tad-difiża tagħha.

45      Fir-rigward tas-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Eurojust (C‑160/03, Ġabra p. I‑2077), huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-atti kkontestati ma kinux inklużi fil-lista ta’ atti li l-legalità tagħhom tista’ tiġi mistħarrġa minnha skont l-Artikolu 230 KE (punt 37 ta’ din is-sentenza). Madankollu, fil-punt ta’ wara ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li l-Artikolu 41 UE ma kienx jipprovdi li l-Artikolu 230 KE kien applikabbli għad-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali li jinsabu fit-titolu VI tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea, peress li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq din il-materja hija stipulata fl-Artikolu 35 UE, li għalih jirreferri l-Artikolu 46(b) UE. Fil-punti 41 u 42 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li l-atti kkontestati f’din il-kawża ma kienu bl-ebda mod eżenti minn stħarriġ ġudizzjarju.

46      Fid-digriet tat-8 ta’ Ġunju 1998, Keeling vs UASI (T-148/97, Ġabra p. II‑2217), il-Qorti tal-Prim’Istanza ma llimitatx ruħha li tikkonstata, fil-punt 32, li l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u disinni) (UASI) la kien wieħed mill-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4 tat-Trattat KE (li sar l-Artkolu 7 KE), u lanqas ma kien imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 173 tat-Trattat KE, iżda kkonstatat ukoll, fil-punt 33, li rimedji ġudizzjarji oħra kienu potenzjalment disponibbli kontra d-deċiżjoni kkontestata tal-President tal-UASI, filwaqt li semmiet, b’mod partikolari, l-Artikolu 179 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 236 KE). Dan id-digriet għalhekk ma jipprekludix li jista’ jiġi ppreżentat rikors, skont l-Artikolu 230 KE, kontra deċiżjoni ta’ korp Komunitarju li ma jissemmiex f’dan l-Artikolu.

47      Fir-rigward tad-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-1 ta’ Marzu 2007, FMC Chemical et vs EFSA (T‑311/06 R I, T‑311/06 R II, T‑312/06 R u T‑313/06 R, Ġabra p. II-21), għandu jiġi rrilevat li dan jikkonċerna rikors ippreżentat kontra opinjoni mogħtija mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel li ma kinitx toħloq effetti legali vinkolanti. Minn dan id-digriet m’għandux jiġi dedott li rikors kontra att ta’ korp Komunitarju mhux imsemmi fl-Artikolu 230 KE huwa inammissibbli.

48      Għalhekk, il-ġurisprudenza invokata mill-EAR ma tqajjimx dubji dwar il-konstatazzjoni li att ta’ korp Komunitarju intiż biex joħloq effetti legali fil-konfront ta’ terzi m’għandux ikun eżenti mill-istħarriġ ġudizzjarju tal-qorti Komunitarja.

49      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, bħala regola, ir-rikorsi għandhom isiru kontra l-awtur tal-att ikkontestat, jiġifieri l-istituzzjoni jew il-korp Komunitarju li minnu toħroġ id-deċiżjoni.

50      F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li l-EAR hija korp Komunitarju b’personalità ġuridika u nħoloq bis-saħħa ta’ regolament bil-għan li jimplementa l-assistenza Komunitarja, b’mod partikolari favur is-Serbja u l-Montenegro (ara l-Artikoli 1 u 3 tar-Regolament Nru 2667/2000). Għal dan il-għan, l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament Nru 2667/2000 jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni sabiex tiddelega lill-EAR l-implementazzjoni ta’ din l-assistenza u b’mod partikolari l-preparazzjoni u l-evalwazzjoni tas-sejħiet għal offerti u l-għoti ta’ kuntratti. L-EAR għalhekk hija kompetenti, wara li ġiet inkarigata mill-Kummissjoni tagħmel dan, sabiex timplementa hija stess il-programmi ta’ assistenza Komunitarja.

51      Fil-kawża preżenti, hija l-EAR li adottat id-deċiżjoni li tiġi annullata s-sejħa għal offerti, bis-saħħa tas-setgħat iddelegati mill-Kummissjoni skont ir-Regolament Nru 2667/2000. Il-Kummissjoni ma pparteċipatx fil-proċess ta’ teħid tad-deċiżjoni. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-EAR hija l-awtur tal-att ikkontestat. Konsegwentement, ir-rikorrenti tista’ tipproċedi kontriha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

52      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 13a(3) tar-Regolament Nru 2667/2000 jirriżulta li hija l-EAR li għandha tiddefendi lilha nnifisha fil-qrati fil-kawżi relattivi għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha u f’dawk relattivi għad-deċiżjonijiet li hija tkun ħadet b’applikazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li d-deċiżjonijiet l-oħra meħuda mill-EAR m’għandhomx ukoll jiġu difiżi minnha fil-qrati.

54      Huwa veru li, f’ċerti każijiet, il-qorti Komunitarja kkonstatat li l-atti adottati skont is-setgħat iddelegati kienu imputabbli għall-istituzzjoni li tiddelega, li għandha tiddefendi l-att inkwistjoni fil-qrati. Madankollu, f’dawn il-kawżi, iċ-ċirkustanzi ma kinux paragunabbli ma’ dawk tal-kawża preżenti.

55      Fir-rigward tad-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Diċembru 2007, Schering-Plough vs Il-Kummissjoni u EMEA (T‑133/03, mhuw ippubblikat fil-Ġabra) dwar rikors għal annullament ippreżentat kontra att tal-Aġenzija Ewropea għall-Valutazzjoni tal-Prodotti Mediċinali (EMEA), għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat li r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2309/93, tat-22 ta’ Lulju 1993, li jistipula proċeduri tal-Komunità għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu tal-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Valutazzjoni ta’ Prodotti Mediċinali (ĠU L 214, p. 1), jagħti biss setgħa konsultattiva lill-EMEA. Minn dan, fid-digriet ġie konkluż li ċ-ċaħda ta’ talba għal emenda ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq mill-EMEA kellha tiġi kkunsidrata bħala riżultanti mill-Kummissjoni stess, u li għalhekk ir-rikors kellu jkun indirizzat kontra din tal-aħħar (id-digriet Schering-Plough vs Il-Kummissjoni u EMEA, iċċitat iktar ’il fuq, punti 22 u 23). Fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li s-setgħat tal-EAR mhumiex ta’ natura konsultattiva, peress li, bid-delega tal-Kummissjoni, hija responsabbli mill-preparazzjoni u l-evalwazzjoni tas-sejħiet għal offerti, kif ukoll mill-għoti ta’ kuntratti.

56      Fir-rigward tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Frar 1998, DIR International Film et vs Il-Kummissjoni (T‑369/94 u T‑85/95, Ġabra p. II‑357), dwar rikors għall-annullament ta’ atti tal-European Film Distribution Office (EFDO), għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat li, skont l-Artikolu 7(1) tad-deċiżjoni 90/685/KEE dwar l-implementazzjoni ta’ programm ta’ azzjoni għall-promozzjoni tal-iżvilupp tal-industrija awdjoviżiva Ewropea (MEDIA) (1991-1995) (ĠU L 380, p. 37), il-Kummissjoni kienet responsabbli mill-implementazzjoni tal-programm MEDIA. Il-Qorti tal-Prim’Istanza mbagħad ikkonstatat li l-ftehim rilevanti bejn il-Kummissjoni u l-EFDO dwar l-implementazzjoni finanzjarja tal-programm MEDIA, fil-prattika, jagħmel kull deċiżjoni meħuda f’dan il-kuntest suġġetta għall-ftehim minn qabel tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni, u li d-deċiżjonijiet meħuda mill-EFDO fuq it-talbiet ta’ finanzjament ippreżentati fil-kuntest tal-programm MEDIA kienu, għalhekk, imputabbli lill-Kummissjoni, li kienet, minħabba f’hekk, responsabbli għall-kontenut tagħhom u setgħet titħarrek fil-qorti sabiex tiddefendihom (punti 52 u 53 ta’ din is-sentenza). Fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet meħuda mill-EAR f’dak li jirrigwarda l-kuntratti pubbliċi mhumiex suġġetti għal ftehim minn qabel tal-Kummissjoni.

57      Minn dak kollu li ngħad qabel jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors u li r-rikorrenti kellha raġun tippreżentah kontra l-EAR.

B –  Fuq il-ħtieġa ta’ ilment amministrattiv minn qabel

1.     Argumenti tal-partijiet

58      L-EAR issostni li l-punt 37 tal-istruzzjonijiet lill-offerenti (iċċitat fil-punt 7 iktar ’il fuq) jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ stħarriġ preliminari tal-legalità tal-atti tagħha. Ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza huwa inammissibbli għaliex ir-rikorrenti ma rrispettatx il-proċedura stipulata f’dan il-punt.

59      Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni jopponu għal din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

60      Fl-ewwel lok għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tal-punt 37.1 tal-istruzzjonijiet lill-offerenti ma jippreċiżax li l-ilment amministrattiv huwa obbligatorju. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li l-punt 37 tal-istruzzjonijiet lill-offerent ma jistipula ebda terminu għall-introduzzjoni ta’ ilment amministrattiv ma jappoġġjax interpretazzjoni ta’ dan il-punt fis-sens li huwa intiż sabiex jintroduċi r-rekwiżit ta’ ilment amministrattiv obbligatorju minn qabel.

61      Barra minn hekk, il-punt 37.2 tal-istruzzjonijiet lill-offerenti jipprovdi biss li l-Kummissjoni għandha tipprova ssib soluzzjoni bonarja bejn min jagħmel l-ilment u l-EAR u mhux li hija għandha tadotta, f’dan il-kuntest, deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata bi proċeduri legali.

62      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-punt 37.3 lanqas jipprovdi li l-proċedura kkonċernata għandha tkun intemmet qabel ma jista’ jiġi ppeżentat rikors quddiem il-qorti Komunitarja. Fil-fatt, dan il-punt jipprovdi li “[f]il-każ li l-proċedura hawn fuq imsemmija ma tirnexxiex, l-offerent jista’ jirrikorri għall-proċeduri stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea”. F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni ma stabbiliet l-ebda proċedura speċifika sabiex titratta l-każijiet ta’ ilmenti meta ma tinstabx soluzzjoni bonarja fis-sens tal-punt 37 tal-istruzzjonijiet lill-offerenti (ara l-punt 41 iktar ’il fuq). Għalhekk ma teżisti l-ebda “proċedura stabbilita mill-Kummissjoni” li t-tmiem tagħha jista’ jiġi kkunsidrat bħala pre-rekwiżit għall-introduzzjoni ta’ rikors quddiem il-qorti Komunitarja.

63      L-EAR issostni li l-użu tat-terminu “jista’” (fil-verżjoni oriġinali Ingliża “may” fil-punt 37.1 tal-istruzzjonijiet lill-offerenti m’għandux jiġi interpretat fis-sens li din il-proċedura hija fakultattiva. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li huwa veru li dan it-terminu jintuża wkoll f’regolamenti li jipprovdu proċedura amministrattiva obbligatorja qabel l-introduzzjoni ta’ rikors quddiem il-qorti Komunitarja. Dan huwa l-każ, pereżempju, tal-Artikolu 68 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità, (ĠU L 227, p. 1), li għalih tirreferi l-EAR, u li jindika li “[k]ull persuna naturali jew legali tista’ tappella” kontra d-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju tal-Komunità għall-Varjetajiet ta’ Pjanti. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li r-regolament jipprovdi espressament, fl-Artikolu 69 tiegħu, terminu sabiex jiġi ppreżentat appell fi ħdan l-Uffiċċju tal-Komunità għall-Varjetajiet ta’ Pjanti. Barra minn hekk, huwa jipprovdi espressament, fl-Artikolu 73(1) tiegħu, li d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell ta’ dan l-Uffiċċju jistgħu jiġu appellati quddiem il-qorti Komunitarja u jistabbilixxi terminu sabiex jiġi ppreżentat dan l-appell. Bl-istess mod, filwaqt li l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jipprovdi li kull persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti “tista” tressaq ilment quddiem l-awtorità tal-ħatra kontra att li jaffettwaha ħażin, dan jistabilixxi wkoll terminu biex tagħmel dan. Barra minn hekk, l-Artikolu 91(2) ta’ dawn l-istess Regolamenti jipprovdi wkoll li rikors quddiem qorti Komunitarja mhuwiex ammissibbli ħlief jekk l-awtorità tal-ħatra tkun irċeviet ilment qabel.

64      Għall-kuntrarju, il-punt 37 tal-istruzzjonijiet lill-offerenti ma jistax jikkundizzjona l-ammissibbiltà ta’ rikors għat-tressiq ta’ ilment amministrattiv obbligatorju minn qabel, peress li l-mod kif inhu fformulat mhuwiex ċar biżżejjed.

65      Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi enfasizzat li kundizzjoni ta’ ammissibbiltà ta’ rikors li tmur oltré dawk stipulati fl-Artikolu 230 KE ma tistax tiġi introdotta mill-EAR fl-assenza ta’ kwalunkwe bażi ġuridika.

66      F’dan il-kuntest, l-argument tal-EAR li l-punt 2.4.16 tal-“Gwida Prattika għal proċeduri ta’ kuntratt għal azzjonijiet barranin” jikkostitwixxi tali bażi ġuridika, għandu jiġi respint. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li tali gwida prattika hija għodda tax-xogħol li tispjega l-proċeduri applikabbli f’ċertu settur u li ma tistax, bħala tali, tikkostitwixxi bażi ġuridika għall-introduzzjoni ta’ ilment amministrattiv obbligatorju minn qabel.

67      Għandu wkoll jiġi respint l-argument tal-EAR li tali bażi ġuridika hija pprovduta mill-Artikolu 56(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli ghall-bagit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament finanzjarju”), skont liema d-deċiżjonijiet li jagħtu dmirijiet ta’ implementazzjoni lill-aġenziji msemmija fl-Artikolu 54(2) tal-istess regolament, għandhom bilfors jinkludu sistema ta’ kontroll interna effiċjenti tal-operazzjonijiet ta’ tmexxija. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-qasam tal-budget u kjarament ma tirregolax ir-rimedji ġudizzjarji li għandhom l-offerenti. Għalhekk hija ma tistax tikkostitwixxi bażi ġuridika li tippermetti l-introduzzjoni ta’ kundizzjoni ta’ ammissibbiltà applikabbli għar-rikors tal-offerenti, jiġifieri, ilment amministrattiv obbligatorju minn qabel.

68      Minn dak kollu li ngħad qabel jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas tal-introduzzjoni, mir-rikorrenti, ta’ ilment amministrattiv minn qabel, għandha tiġi miċħuda.

C –   Fuq l-osservanza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors

1.     Argumenti tal-partijiet

69      L-EAR tqis li r-rikors huwa inammissibbli inkwantu jitlob li tiġi annullata d-deċiżjoni li annullat is-sejħa għal offerti, minħabba l-fatt li t-terminu għall-preżentata tar-rikors stipulat fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE ma ġiex osservat.

70      F’dan ir-rigward, hija ssostni li hija bagħtet l-ittra tad-9 ta’ Ottubru 2006, sabiex tinforma lir-rikorrenti bl-annullament tas-sejħa għal offerti inkwistjoni, billi hemżitha ma’ posta elettronika mibgħuta dakinhar stess. Peress li ma rċevietx risposta mis-sistema tal-posta elettronika tar-rikorrenti li l-posta elettronika “ma waslitx”, hija tqis li tista’ raġonevolment tikkunsidra li l-posta elettronika mibgħuta fid-9 ta’ Ottubru 2006 effettivament waslet lir-rikorrenti fl-istess jum. It-terminu għall-preżentata tar-rikors kontra din id-deċiżjoni għalhekk skada fid-19 ta’ Diċembru 2006.

71      Fil-kontroreplika, l-EAR tispjega li, wara verifika, hija kkonstatat li l-verżjoni oriġinali tal-posta elettronika inkwistjoni qatt ma ntbagħtet lir-rikorrenti. Kuntrarjament għal dak li ntqal fir-risposta, l-ittra ma ntbagħtitx lir-rikorrenti bil-posta elettronika u bil-posta, iżda bil-posta elettronika biss. Ir-rikorrenti għalhekk saret taf bl-annullament tas-sejħa għal offerti permezz tad-dokument mehmuż mal-posta elettroniku tad-9 ta’ Ottubru 2006.

72      Ir-rikorrenti ssostni li hija ma rċeviet qatt il-posta elettronika tad-9 ta’ Ottubru 2006. L-ittra tad-9 ta’ Ottubru 2006 waslet għandha bil-posta fit-12 ta’ Ottubru 2006.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

73      Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni li annullat is-sejħa għal offerti mhijiex deċiżjoni li għandha tkun formalment innotifikata lir-rikorrenti skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu 254 KE. Fil-fatt, ir-rikorrenti mhijiex il-persuna li lilha kienet indirizzata d-deċiżjoni li annullat is-sejħa għal offerti (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 2008, Icuna.Com vs Il-Parlament, T‑383/06, Ġabra p. II-17, punt 43). Id-deċiżjoni tal-annullament kienet tikkonċerna l-proċedura kollha tas-sejħa għal offerti, u l-fatt li, sussegwentement, ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti ma jfissirx li kienet indirizzata lilha.

74      It-terminu għall-preżentata tar-rikors stipulat fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, għalhekk beda jiddekorri mill-mument li fih ir-rikorrenti saret taf bid-deċiżjoni.

75      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk id-data ta’ notifika ta’ deċiżjoni ma tistax tiġi stabbilita b’ċertezza, ir-rikorrenti jkollu l-benefiċċju tad-dubju li jirriżulta u r-rikors tiegħu jiġi kkunsidrat li ġie ppreżentat qabel ma jkun skada t-terminu jekk, fid-dawl tal-fatti, ma jkunx jidher li jista’ jiġi eskluż għal kollox li l-ittra li tinnotifika d-deċiżjoni tkun waslet tard biżżejjed sabiex it-terminu għall-preżentata tar-rikors ikun ġie osservat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 1959, Snupat vs L-Awtorità Għolja, 32/58 u 33/58, Ġabra p. 275, 279).

76      Bl-istess mod, il-benefiċċju tad-dubju imur favur ir-rikorrent jekk il-kwistjoni ma tkunx tirrigwarda d-determinazzjoni tad-data tan-notifika, iżda tad-data li fiha r-rikorrent ikun sar jaf bl-att. Hija l-parti li teċċepixxi t-tardività ta’ rikors li għandha l-oneru li tipprova d-data li fiha seħħ l-avveniment li minnu beda jiddekorri t-terminu (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Ġunju 2005, Branco vs Il-Kummissjoni, T‑347/03, Ġabra p. II‑2555, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Għandu jiġi kkonstatat li meta tintbagħat posta elettronika m’hemmx garanzija li effettivament din tasal għand id-destinatarju tagħha. Effettivament, posta elettronika tista’ ma tasallux minħabba raġunijiet tekniċi. Anki jekk, fil-kawża preżenti, l-EAR ma rċevietx messaġġ li l-posta elettronika “ma waslitx”, dan mhux bilfors ifisser li l-posta elettronika waslet għand id-destinatarju. Barra minn hekk, anki fil-każ fejn posta elettronika effettivament tasal għand id-destinatarju tagħha, jista’ jkun li ma jkunx irċeviha fid-data meta ntbagħtet.

78      F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li l-EAR kellha l-possibbiltà li tagħżel mezz ta’ komunikazzjoni li jippermetti li tiġi stabbilita b’ċertezza d-data meta l-offerent irċieva l-ittra. Huwa veru li l-EAR talbet lir-rikorrenti, fil-posta elettronika tad-9 ta’ Ottubru 2006, sabiex tikkonferma permezz ta’ riposta elettronika oħra li rċeviet il-posta elettronika tagħha. Madankollu, hija ma rċevitx tali konferma. Għandu jiġi kkonstatat li, jekk min jibgħat posta elettroniku ma jirċievi l-ebda konferma tal-wasla u ma jieħu ebda azzjoni ulterjuri, ma jkunx f’pożizzjoni li jipprova li din il-posta elettronika kienet waslet u, jekk ikun hemm bżonn, meta waslet.

79      Fir-rigward tal-argument tal-EAR, imressaq fil-kontroreplika tagħha, li l-posta elettronika inkwistjoni ma kinitx intbagħtet lir-rikorrenti bil-posta elettronika u bil-posta, iżda bil-posta elettronika biss, kuntrarjament għal dak li kien ġie indikat fir-risposta, għandu jiġi kkonstatat li hija ma tressaq ebda prova dwar dan. Id-“dokument bid-dettalji” [“fiche détail”] prodott bħala anness mal-kontroreplika li jirreferi għall-ittra inkwistjoni mibgħuta fid-9 ta’ Ottubru 2006 ma jista’ bl-ebda mod jeskludi li l-ittra ntbagħtet ukoll bil-posta. Għandu jiġi enfasizzat li barra minn hekk, matul is-seduta, l-EAR ikkonċediet li dan id-dokument ma kienx juri li l-ittra ma ntbagħtitx bil-posta.

80      L-EAR għalhekk ma ppruvatx li r-rikorrenti kienet saret taf bid-deċiżjoni li annullat is-sejħa għal offerti qabel it-12 ta’ Ottubru 2006, id-data li fiha r-rikorrenti tirrikonoxxi li rċeviet l-ittra tad-9 ta’ Ottubru 2006. It-terminu ta’ xahrejn previst fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 230, miżjud, skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura, b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza, għalhekk skada fit-22 ta’ Diċembru 2006, data li fiha r-rikors ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

81      Minn dak kollu li ngħad qabel jirriżulta li dan ir-rikors m’għandux jiġi kkunsidrat bħala li sar tardivament sa fejn jirrigwarda l-annullament tad-deċiżjoni li tiġi annullata s-sejħa għal offerti.

D –  Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors inkwantu jirrigwarda l-annullament tad-deċiżjoni dwar l-organizzazzjoni ta’ sejħa ġdida għal offerti

1.     Argumenti tal-partijiet

82      L-EAR u l-Kummissjoni jsostnu li t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-EAR li torganizza sejħa ġdida għal offerti hija inammissibbli. Fir-rigward ta’ din it-talba, ir-rikors mhuwiex konformi mar-rekwiżiti proċedurali essenzjali previsti fl-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u fl-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, peress li l-motivi msemmija fir-rikors jikkonċernaw biss id-deċiżjoni li annullat is-sejħa għal offerti.

83      Barra minn hekk, id-deċiżjoni li tiġi organizzata sejħa għal offerti, kemm jekk tkun ġdida, kif ukoll jekk issir wara li tkun ġiet annullata sejħa oħra, ma tikkonċernax direttament u individwalment lil operaturi ekonomiċi, anki jekk ikunu tefgħu offerta fi proċedura preċedenti, li tkun ġiet annullata suċċessivament.

84      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni li tiġi ppubblika sejħa ġdida għal offerti tirriżulta min-nuqqas ta’ riżultat pożittiv – skont l-EAR – tal-ewwel sejħa għal offerti. F’każ li d-deċiżjoni li tiġi annullata l-ewwel sejħa għal offerti kellha tiġi ddikjarata illegali, id-deċiżjoni sussegwenti li tiġi organizzata sejħa ġdida għal offerti tkun il-konsegwenza diretta ta’ aġir illegali tal-EAR. Hija ssostni li f’każ li r-rikors jintlaqa’, l-ewwel proċedura terġa’ tinfetaħ u t-tieni waħda tkun għalxejn.

2.      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

85      Skont ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, skont l-Artikolu 230 KE, biss dawk il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, billi jimmodifikaw b’mod kunsiderevoli s-sitwazzjoni legali tagħhom (ara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 2004, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C‑164/02, Ġabra p. I‑1177, punt 18, u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Bħala regola ġenerali, id-deċiżjoni li tiġi organizzata sejħa għal offerti ma tikkawża preġudizzju lil ħadd, peress li hija tagħti biss lill-persuni interessati l-possibbiltà li jipparteċipaw fil-proċedura u li jitfgħu offerta. Ir-rikorrenti ma ressqitx argumenti li juru li, f’dan il-każ, id-deċiżjoni li tiġi organizzata sejħa ġdida għal offerti xorta tista’ titqies li tikkawżalha preġudizzju.

87      Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li, fil-każ li r-rikors jintlaqa’, terġa’ tinfetaħ l-ewwel proċedura u t-tieni waħda tkun għalxejn, ma jistabbilixxix li d-deċiżjoni li tiġi organizzata sejħa ġdida għal offerti tikkawżalha preġudizzju. Bl-istess mod, l-argument tagħha li, fil-każ li d-deċiżjoni li tiġi annullata l-ewwel sejħa għal offerti tiġi ddikjarata illegali, id-deċiżjoni li tiġi organizzata sejħa ġdida għal offerti tkun il-konsegwenza diretta ta’ aġir illegali tal-EAR, mhuwiex tali li juri li din id-deċiżjoni tal-aħħar toħloqilha preġudizzju. Fil-fatt, il-fatt biss li hemm rabta bejn deċiżjoni li toħloq preġudizzju lir-rikorrenti, jiġifieri, l-annullament tal-ewwel proċedura tas-sejħa għal offerti, u t-tieni deċiżjoni, jiġifieri, id-deċiżjoni li tiġi organizzata sejħa ġdida għal offerti, ma jfissirx li din it-tieni deċiżjoni ukoll toħloqilha preġudizzju.

88      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni li tiġi organizzata sejħa ġdida għal offerti li tikkonċerna l-istess xogħlijiet bħal dawk imsemmija f’kuntratt li kien ġie annullat qabel ma timplikax fiha nfisha li, fil-każ ta’ annullament mill-qorti tad-deċiżjoni li jiġi annullat l-ewwel kuntratt, l-awtorità kontraenti ma tkunx tista’ tkompli l-ewwel proċedura. Fil-fatt, id-deċiżjoni li tiġi organizzata sejħa ġdida għal offerti ma timplikax l-għoti ta’ kuntratt relattiv għall-istess xogħolijiet li xi ħadd ieħor li jkun tefa’ offerta.

89      Minn dak kollu li ngħad qabel, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma ressqitx provi li jwasslu sabiex jiġi stabbilit li d-deċiżjoni li tiġi organizzata sejħa ġdida għal offerti toħloq effetti legali vinkolanti li jaffetwaw l-interessi tagħha, billi jimmodifikaw b’mod kunsiderevoli s-sitwazzjoni legali tagħha.

90      Minn dan jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn jirrigwarda t-talba tar-rikorrenti għall-annullament tad-deċiżjoni dwar l-organizzazzjoni ta’ sejħa ġdida għal offerti, mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat jekk ir-rikors jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura.

E –  Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors inkwantu r-rikorrenti tasserixxi d-drittijiet ta’ DOK ING

1.     Osservazzjonijiet preliminari

91      Għandu jiġi mfakkar li fir-rikors, ir-rikorrenti tispjega li hija qed tippreżenta r-rikors f’isimha proprju kif ukoll bħala mandatarja tal-kumpannija DOK ING. Din tikkonċerna, minn naħa waħda, it-talbiet ta’ annullament. Min-naħa l-oħra, fir-rikors, ir-rikorrenti tindika l-ammont tad-danni li hija allegatament subiet kif ukoll ta’ dawk allegatament subiti minn DOK ING, u titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tikkundanna lill-EAR tħallasha t-totalità ta’ din is-somma.

92      Il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lir-rikorrenti, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tagħti dettalji dwar il-“mandat” li hija rċeviet mill-kumpannija DOK ING, sabiex tippreżenta kull dokument utili f’dan ir-rigward u żżidhom mal-atti fil-proċess u sabiex tagħti l-opinjoni tagħha dwar l-ammissibbiltà tal-mod li bih hija għażlet li tipproċedi sabiex tasserixxi d-drittijiet tal-kumpannija DOK ING.

2.     Argumenti tal-partijiet

93      Ir-rikorrenti ssostni, bħala risposta għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija ppreżentat dan ir-rikors sabiex tikseb protezzjoni xierqa tad-drittijiet tagħha u ta’ DOK ING, abbażi tal-ftehim eżistenti, bħala impriżi li pparteċipaw fis-sejħa għal offerti. Hija ssostni li t-tliet dokumenti li hija ppreżentat, fuq talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza, juru li hija kienet awtorizzata tagħmel dan.

94      L-EAR u l-Kummissjoni jqisu li dan ir-rikors mhuwiex ammissibbli inkwantu r-rikorrenti tasserixxi d-drittijiet tal-kumpannija DOK ING.

3.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

95      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li Sogelma hija l-unika parti rikorrenti f’din il-kawża. B’mod partikolari, la DOK ING u lanqas il-konsorzju ffurmat mir-rikorrenti u DOK ING mhuma parti mill-kawża preżenti. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma ssostnix li DOK ING ċediet id-drittijiet tagħha lilha.

96      Għalhekk jeħtieġ li jiġi evalwat jekk it-tliet dokumenti li r-rikorrenti ppreżentat, fuq talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jippermettulhiex tasserixxi d-drittijiet ta’ DOK ING fil-proċeduri preżenti.

97      Fir-rigward tad-dokument bit-titolu “Joint Venture Agreement” (ftehim ta’ impriża konġunta), datat is-27 ta’ Settembru 2005, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4 tiegħu jipprovdi li r-rikorrenti, bħala l-kap tal-impriża konġunta, hija awtorizzata b’mod partikolari sabiex tassumi obbligi għan-nom ta’ DOK ING u li hija tista’ tiffirma, għan-nom tal-impriża konġunta, kull dokument meħtieġ għat-twettiq tax-xogħolijiet li huma oġġett tas-sejħa għal offerti. Għandu jiġi enfasizzat li dan il-ftehim ma jagħmilx referenza għall-possibbiltà tar-rikorrenti li tibda proċeduri legali sabiex tasserixxi d-drittijiet ta’ DOK ING.

98      Fir-rigward tad-dokument bit-titolu “Power of attorney” (prokura), iffirmat fis-6 ta’ Diċembru 2005 minn rappreżentant ta’ DOK ING, għandu jiġi enfasizzat li lanqas dan ma jagħmel referenza għall-possibbiltà li r-rikorrenti tibda proċeduri legali sabiex tasserixxi d-drittijiet ta’ DOK ING.

99      Huwa biss it-tielet dokument ippreżentat mir-rikorrenti, ittra ta’ DOK ING datata l-1 ta’ Diċembru 2006 u indirizzata lir-rikorrenti, li jikkonċerna l-proċeduri legali. Din l-ittra taqra kif ġej:

“B’referenza għas-sejħa għal offerti hawn fuq imsemmija u l-annullament sussegwenti tagħha mill-awtorità kontraenti, permezz tal-preżenti nawtorizzawk, bħala l-kap tal-impriża konġunta, sabiex tagħti struzzjonijiet lill-avukat tiegħek jipproċedi kontra l-[EAR], għad-danni kkawżati bl-annullament tas-sejħa għal offerti, anki għan-nom tagħna.”

(“With reference to the above tender and the subsequent cancellation by the Contracting Authority, we her[e]by authorize you as the Joint Venture Leader, to instruct your lawyer to take legal action against the European Agency for Reconstruction, for damages caused by the tender cancellation, also on our behalf ”).

100    Dan id-dokument għalhekk għandu bħala uniku objettiv li jawtorizza lir-rikorrenti sabiex tagħti struzzjonijiet lill-avukat tagħha sabiex jiftaħ proċeduri legali anki għan-nom ta’ DOK ING. Dan id-dokument madankollu ma jikkonċernax il-forma u l-kontenut tal-proċeduri legali hawn imsemmija u, konsegwentement, ma jagħtix dettalji f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, ma jipprovdix li r-rikorrenti għandha d-dritt tibda proċeduri legali waħidha u tasserixxi, f’dan il-kuntest, id-drittijiet ta’ DOK ING. Għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li kumpannija tagħti struzzjonijiet lil avukat sabiex jibda proċeduri legali, anki għat-tieni kumpannija, normalment ifisser li l-avukat jippreżenta rikors f’isem iż-żewġ partijiet rikorrenti, jew, żewġ rikorsi distinti.

101    Ma jistax jiġi aċċettat li kumpannija tasserixxi fi proċeduri legali d-drittijiet ta’ kumpannija oħra jekk hija ma tkunx ingħatat mandat inekwivoku għal dan il-għan. Kull parti li għandha interess fil-proċeduri għandu jkollha l-istatus ta’ rikorrenti, sabiex tikkontrolla l-proċeduri u sabiex ikollha d-dritt, jekk ikun il-każ, li tappella kontra s-sentenza li tingħata fir-rigward tar-rikors. Barra minn hekk, kumpannija li tixtieq li titħallas ċertu ammont bħala kumpens għad-danni allegatament subiti normalment titlob lill-qorti sabiex tikkundanna lill-konvenut iħallas dan l-ammont lilha u mhux lil kumpannija oħra.

102    Minn dak kollu li ngħad qabel jirriżulta li d-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti mhumiex tali li jistabbilixxu li hija kienet ġiet inkarigata minn DOK ING sabiex tasserixxi, bħala l-unika parti rikorrenti, id-drittijiet ta’ din tal-aħħar quddiem il-qorti Komunitarja.

103    Jirriżulta li r-rikors huwa inammissibbli inkwantu r-rikorrenti tasserixxi d-drittijiet ta’ DOK ING.

F –  Konklużjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors

104    Minn dak kollu li ngħad qabel jirriżulta li r-rikors huwa ammissibbli sa fejn ir-rikorrenti titlob, f’isimha proprju, li tiġi annullata d-deċiżjoni li annullat is-sejħa għal offerti u sa fejn hija titlob il-kumpens għad-dannu li hija stess subiet.

105    Min-naħa l-oħra, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibli sa fejn jirrigwarda t-talba tar-rikorrenti għall-annullament tad-deċiżjoni tal-EAR dwar l-organizzazzjoni ta’ sejħa ġdida għal offerti u sa fejn tasserixxi d-drittijiet ta’ DOK ING.

 Fuq il-mertu

A –  Fuq it-talba sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni li annullat is-sejħa għal offerti

106    In sostenn tat-talba tagħha sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni li annullat is-sejħa għal offerti, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali. Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet, l-ewwel waħda relattiva għall-insuffiċjenza tal-motivazzjoni u t-tieni waħda għall-pretensjoni li l-motivazzjoni hija illoġika u kuntradittorja.

1.     Argumenti tal-partijiet

a)     Fuq l-ewwel parti tal-motiv waħdieni, dwar l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni

107    Ir-rikorrenti ssostni li l-EAR ma rrispettatx, fir-rigward tad-deċiżjoni li annullat is-sejħa għal offerti, l-obbligu ta’ motivazzjoni stipulat fl-Artikolu 41 tad-Direttiva Nru 2004/18 li, skont hi, huwa applikabbli għaliha. L-EAR kienet obbligata tinforma lill-offerenti, fil-ħin u b’mod eżawrjenti, bir-raġunijiet kollha li jiġġustifikaw l-annullament tas-sejħa għal offerti, fid-dawl tal-interess pubbliku u tas-sitwazzjoni ta’ urġenza, li kellhom, skont hi, iwasslu għal għoti tal-kuntratt malajr u b’mod sodisfaċenti, b’mod partikolari minħabba l-fatt li kellu bħala oġġett servizzi f’qasam tant delikat bħal dak inkwistjoni.

108    Fid-dawl tal-proċess li wassal għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, skont ir-rikorrenti, m’hemm l-ebda dubju li l-annullament tal-proċedura huwa l-frott ta’ għażla magħmula mingħajr riflessjoni u mingħajr evalwazzjoni approfondita tal-interess pubbliku li jeħtieġ li jiġi protett.

109    L-aġir tal-EAR huwa saħansitra iktar gravi għaliex kellha bżonn kważi seba’ xhur sabiex tadotta u tikkomunika d-deċiżjoni li annullat is-sejħa għal offerti.

110    L-EAR u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

b)     Fuq it-tieni parti tal-motiv waħdieni, relattiva għall-pretensjoni li l-motivazzjoni hija illoġika u kuntradittorja

111    Ir-rikorrenti tikkunsidra li jekk jitqabblu l-ittra tal-EAR tad-9 ta’ Ottubru 2006 u dik tal-14 ta’ Diċembru 2006 jista’ jiġi dedott li r-raġuni vera tad-deċiżjoni li tiġi annullata l-proċedura qadima sabiex titnieda oħra ġdida ma tinsabx fl-insuffiċejnza, fuq livell tekniku, tal-offerti mitfugħa, iżda iktar f’bidla konsiderevoli tar-rekwiżiti tekniċi. Ir-rikorrenti tikkunsidra li għandu jsir riferiment għal din l-aħħar komunikazzjoni, jiġifieri l-ittra tal-14 ta’ Diċembru 2006, sabiex tiġi evalwata l-azzjoni tal-EAR.

112    Barra minn hekk, il-motivazzjoni mogħtija fl-ittra tad-9 ta’ Ottubru 2006, li tirreferi għall-fatt li l-esperjenza professjonali ta’ wieħed mill-esperti ewlenin propost mir-rikorrenti kienet inferjuri għal dik speċifikata fl-avviż tas-sejħa għal offerti, hija kuntradetta mill-aġir tal-persuni responsabbli mill-evalwazzjoni tal-offerti, li awtorizzaw lir-rikorrenti sabiex tappella fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ tneħħija ta’ materjal splussiv taħt l-ilma identiċi għal dawk koperti bl-avviż tas-sejħa għal offerti, u dan preċiżament minħabba l-kwalitajiet tekniċi tal-esperti tar-rikorrenti u t-teknoloġija użata minnha.

113    L-EAR u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)     Osservazzjonijiet preliminari

114    Fl-ewwel lok għandu jiġi ddeterminat, liema dispożizzjonijiet u liema prinċipji jirregolaw l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni li annullat is-sejħa għal offerti.

115    F’dan il-kuntest, l-argument tar-rikorrenti li d-Direttiva 2004/18 hija applikabbli għall-proċedura tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni għandu jiġi respint. Fil-fatt, din id-direttiva, li skont l-Artikolu 84 tagħha, hija indirizzata lill-Istati Membri, hija intiża sabiex tikkordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali applikabbli għall-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi. Issa, il-kuntratti pubbliċi mogħtija mill-EAR mhumiex suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri.

116    Fil-fatt għandu jiġi rrilevat li l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi mill-istituzzjonijiet Komunitarji huwa suġġett għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament finanzjarju u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Finanzjarju (ĠU L 357, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regoli għall-implementazzjoni”. Skont l-Artikolu 162(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-azzjonijiet esterni iffinanzjati mill-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej huma rregolati mill-Ewwel Parti (Dispożizzjonijiet Komuni) u mit-Tielet Parti (Dispożizzjonijiet transitorji u finali) ta’ dak ir-regolament, bla ħsara għad-derogi previsti fit-Titolu IV (Azzjonijiet Esterni) tat-Tieni Parti (Dispożizzjonijiet Speċjali). L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2666/2000 barra minn hekk jipprovdi espressament li l-Kummissjoni timplementa l-assistenza Komunitarja msemmija f’dan ir-Regolament skont ir-Regolament Finanzjarju.

117    Id-dispożizzjonijiet li l-Kummissjoni għandha tirrispetta fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi japplikaw ukoll għall-EAR. Fil-fatt, skont l-Artikolu 185(1) tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni tadotta regolament finanzjarju qafas għall-entitajiet maħluqa mill-Komunitajiet, mogħtija personalità ġuridika u li effettivament jirċievu sussidji addebitati lill-budget. Skont l-Artikolu 74 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali [qafas] għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament Nru 1605/2002 (ĠU L 357, p. 72), id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Finanzjarju u r-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tiegħu japplikaw fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi mogħtija minn dawn l-entitajiet.

118    Skont l-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju, id-deċiżjoni li tiġi annullata proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt għandha tkun immotivata u l-offerenti għandhom jiġu infurmati biha.

119    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun l-awtur tal-att, b’tali mod li tippermetti lil dawk ikkonċernati jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata u lill-qorti Komunitarja teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ April 1997, Irish Farmers Association et, C‑22/94, Ġabra p. I‑1809, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).

120    Madankollu, m’hemmx bżonn li d-deċiżjoni tispeċifika l-elementi differenti kollha ta’ fatt u ta’ dritt li huma rilevanti. Is-suffiċjenza tal-motivazzjoni mogħtija f’deċiżjoni tista’ tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem użat fiha, iżda wkoll mill-kuntest li fih ġiet adottata kif ukoll mir-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 1995, Tiercé Ladbroke vs Il-Kummissjoni, T‑471/93, Ġabra p. II‑2537, punt 33). Huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tispjega l-punti prinċipali ta’ dritt u ta’ fatt anki jekk fil-qosor imma b’mod ċar u rilevanti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 1963, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, 24/62, Ġabra p. 129, 143).

121    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi evalwat jekk l-EAR immotivatx biżżejjed id-deċiżjoni li tiġi annullata s-sejħa għal offerti.

b)     Fuq l-ewwel parti tal-motiv waħdieni, relattiv għall-insuffiċjenza tal-motivazzjoni

122    Għandu jiġi mfakkar li l-EAR, fl-ittra tad-9 ta’ Ottubru 2006, stqarret li l-proċedura tal-għoti tal-kuntratt kienet ġiet annullata minħabba l-fatt li l-ebda waħda mill-offerti mitfugħa ma kienet konformi mar-rekwiżiti tekniċi, u li hija żiedet li, fir-rigward tal-offerta tar-rikorrenti, kien ġie kkonstatat li s-“Superintendent Survey Team” ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fil-punt 16(x) tal-avviż tas-sejħa għal offerti u fil-punt 4.2(x) tal-istruzzjonijiet lill-offerenti.

123    Il-motivazzjoni mogħtija għall-annullament tas-sejħa għal offerti, jiġifieri, il-fatt li l-ebda waħda mill-offerti mitfugħa ma kienet konformi mar-rekwiżiti tekniċi, għalkemm qasira, hija ċara u mingħajr ekwivoċi. Il-motivazzjoni mogħtija sabiex tispjega, b’mod iktar partikolari, in-nuqqas ta’ konformità tal-offerta tar-rikorrenti hija, hija wkoll, qasira, iżda għal darb’oħra ċara u mingħajr ekwivoċi. L-EAR fil-fatt għamlet riferiment għall-punt tal-avviż tas-sejħa għal offerti u għal dak tal-istruzzjonijiet lill-offerenti li jindika li l-persunal ewlieni għandu jkollu mill-inqas għaxar snin esperjenza professjonali xierqa, u hija indikat il-membru tat-tim propost mir-rikorrenti li ma kienx jissodisfa dan ir-rekwiżit.

124    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti stess kienet uriet, fil-curriculum vitae tal-persuna proposta għall-inkarigu ta’ “Superintendent Survey Team”, li din kellha biss ħames snin esperjenza professjonali. Konsegwentement l-EAR ma kellhiex bżonn tagħti iktar raġunijiet għall-konklużjoni li l-offerta tar-rikorrenti ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tekniċi tas-sejħa għal offerti.

125    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-annullament tal-proċedura kien il-frott ta’ għażla magħmula mingħajr riflessjoni u mingħajr evalwazzjoni approfondita tal-interess pubbliku li jeħtieġ li jiġi protett, għandu jiġi kkonstatat li fil-fatt, dan mhux relatat ma’ ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali, iżda jikkonċerna l-mertu, peress li jammonta għal allegazzjoni ta’ żball ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-EAR.

126    Fi kwalunkwe każ, il-fatti ppreżentati mir-rikorrenti mhumiex tali li jistabbilixxu żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-EAR. Huwa veru, kien hemm interess pubbliku sabiex l-artillerija mhux sploduta fir-rotot ta’ navigazzjoni fl-ilmijiet interni tas-Serbja u l-Montenegro titneħħa kemm jista’ jkun malajr sabiex terġa’ tinfetaħ in-navigazzjoni f’dawn l-ilmijiet. Madankollu, il-fatt biss li hemm interess pubbliku sabiex kuntratt jingħata malajr ma jippermettix lill-awtorità kontraenti li tiskarta r-rekwiżiti tekniċi obbligatorji speċifikati fis-sejħa għal offerti. Fil-fatt, skont l-Artikolu 100(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-għażla tal-persuna li lilha jingħata l-kuntratt għandha ssir b’konformità mal-kriterji tas-selezzjoni u l-għoti stabbiliti minn qabel fid-dokumenti relatati mas-sejħa għal offerti. Hekk kif tenfasizza l-Kummissjoni, jekk awtorità kontraenti tkun tista’ tinjora xi rekwiżiti tal-kuntratt, minn kif oriġinarjament stabbiliti, dan jiffavorixxi lill-offerenti meta mqabbla ma’ impriżi li jkunu rrinunzjaw li jipparteċipaw fis-sejħa għal offerti minħabba l-fatt li huma – l-istess bħall-offerenti – ma setgħux jissodisfaw r-rekwiżiti stabbiliti minn qabel.

127    Fir-rigward tal-argument li l-EAR damet biex ħadet u kkomunikat id-deċiżjoni li tiġi annullata d-deċiżjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tispjegax il-konsegwenza li din iċ-ċirkustanza seta’ kellha fuq il-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

c)     Fuq it-tieni parti tal-motiv waħdieni, relattiv għall-pretensjoni li l-motivazzjoni hija illoġika u kuntradittorja

128    Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li hemm kuntradizzjoni bejn il-motivazzjoni tad-deċiżjoni li annullat is-sejħa għal offerti mogħtija fl-ittra tad-9 ta’ Ottubru 2006 u dik mogħtija fl-ittra tal-14 ta’ Diċembru 2006, peress li fl-ewwel waħda l-ispjegazzjoni għal din id-deċiżjoni kienet li l-ebda offerta ma kienet tissodisfa r-rekwiżiti tekniċi, filwaqt li l-ispjegazzjoni fit-tieni waħda kienet li r-rekwiżiti tekniċi kienu nbidlu.

129    L-ewwel nett, l-argument tar-rikorrenti li għandu jsir riferiment għall-komunikazzjoni l-iktar reċenti, jiġifieri l-ittra tal-14 ta’ Diċembru 2006, sabiex tiġi evalwata l-azzjoni tal-EAR, għandu jiġi respint. L-ittra li infurmat lir-rikorrenti bl-annullament tas-sejħa għal offerti hija dik tad-9 ta’ Ottubru 2006, u għalhekk għandu jsir riferiment għaliha sabiex jiġi evalwat jekk il-motivazzjoni tad-deċiżjoni li annullat is-sejħa għal offerti hijiex illoġika u kuntradittorja.

130    L-ittra tad-9 ta’ Ottubru 2006 mhijiex, fiha nfisha, kuntradittorja. Anki jekk l-EAR kienet tat spjegazzjonijiet oħra, fl-ittra tal-14 ta’ Diċembru 2006, dawn ma jistgħux ibiddlu l-motivazzjoni tad-deċiżjoni mibgħuta xahrejn qabel. Diverġenza eventwali bejn iż-żewġ ittri għalhekk ma tistax twassal għal kuntradizzjoni fil-motivazzjoni mogħtija għad-deċiżjoni li tiġi annullata s-sejħa għal offerti.

131    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li m’hemm l-ebda kuntradizzjoni bejn il-motivazzjoni mogħtija għad-deċiżjoni li tiġi annullata s-sejħa għal offerti fl-ittra tad-9 ta’ Ottubru 2006 u dik mogħtija fl-ittra tal-14 ta’ Diċembru 2006.

132    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ittra tal-14 ta’ Diċembru tirreferi espliċitament għall-fatt li l-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-EAR kkonstata li l-ebda waħda mill-offerti mitfugħa ma kienet tissodisfa r-rekwiżiti tekniċi u tafferma li l-kumitat ma għamel l-ebda osservazzjoni oħra. Din l-ittra tikkonferma għalhekk li l-unika raġuni għad-deċiżjoni li tiġi annullata s-sejħa għal offerti kienet li l-ebda offerta ma kienet teknikament adegwata.

133    Filwaqt li din l-ittra tafferma wkoll li l-EAR qed teżerċita d-dritt tagħha li tannulla sejħa għal offerti u li tnieda waħda ġdida minħabba l-fatt li r-rekwiżiti tekniċi ġew mibdula b’mod sostanzjali, din il-frażi għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-kuntest. Fil-fatt kif espressament tgħid l-ittra tal-14 ta’ Diċembru 2006, din kienet risposta għall-ittra tar-rikorrenti tat-13 ta’ Novembru 2006. B’din l-ittra, ir-rikorrenti kienet talbet lill-EAR sabiex tibgħatilha d-deċiżjoni li annullat is-sejħa għal offerti u l-minuti relattivi kif ukoll sabiex tagħti deċiżjoni mmotivata dwar jekk kinitx eventwalment se tibda proċedura negozjata jew le.

134    F’dan il-kuntest, is-sentenza li tistipula li l-EAR qed teżerċita d-dritt tagħha li tannulla l-proċedura u tniedi sejħa ġdida għal offerti minħabba l-fatt li r-rekwiżiti tekniċi kienu nbidlu konsiderevolment, għandha tinftiehem fis-sens li l-EAR qed tispjega r-raġuni għaliex hija għażlet li tniedi proċedura ġdida minflok tibda proċedura negozjata.

135    Barra minn hekk, ir-rikorrenti stess tafferma, fir-replika tagħha, li l-ġustifikazzjoni l-ġdida tidher li tressqet esklużivament sabiex tirrispondi għat-talba tagħha li jkun tintuża l-proċedura negozjata. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni li tiġi annullata s-sejħa għal offerti hija distinta minn dik dwar x’għandu jsir wara, jiġifieri d-deċiżjoni li ma jingħatax il-kuntratt, li tintuża l-proċedura negozjata, jew li tiġi organizzata sejħa ġdida għal offerti. Il-fatt li l-EAR semmiet, bħala risposta għat-talba sabiex tintuża l-proċedura negozjata, raġuni differenti minn dik mogħtija sabiex tiġġustifika l-annullament tal-proċedura tas-sejħa għal offerti, m’għandux konsegwentement iwassal għall-konklużjoni li hemm kuntradizzjoni fil-motivazzjoni.

136    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, wara l-annullament tal-proċedura tas-sejħa għal offerti, din il-proċedura tintemm u l-awtorità kontraenti hija totalment ħielsa sabiex tiddeċiedi x’azzjoni sussegwenti tieħu. L-ebda dispożizzjoni ma tagħti lil operatur ekonomiku d-dritt li jingħata bidu għall-proċedura negozjata. Għalhekk l-EAR ma kinitx obbligata tagħti deċiżjoni formali fir-rigward tal-proposta tar-rikorrenti sabiex tinbeda tali proċedura. L-ittra tal-14 ta’ Diċembru 2006 hija sempliċament risposta għall-ittra tar-rikorrenti tat-13 ta’ Novembru 2006, li permezz tagħha din talbet b’mod partikolari lill-EAR tagħti deċiżjoni dwar jekk eventwalment kinitx se tinbeda proċedura negozjata jew le, li wasslet sabiex l-EAR informat lir-rikorrenti, fl-interess ta’ amminstrazzjoni tajba, bir-raġuni għaliex hija kienet iddeċidiet li tniedi sejħa ġdida għal offerti minflok proċedura negozjata.

137    L-argument tar-rikorrenti li l-motivazzjoni mogħtija fl-ittra tad-9 ta’ Ottubru 2006 hija kuntradetta minħabba l-fatt li r-rikorrenti sussegwentament ingħatat kuntratt pubbliku simili għal dak inkwistjoni fil-kawża preżenti, għandu jiġi respint. Il-motivazzjoni mogħtija fl-ittra tad-9 ta’ Ottubru 2006 tirrigwarda l-fatt li r-rekwiżiti tekniċi tas-sejħa għal offerti ma kinux ġew rispettati, ħaġa li r-rikorrenti barra minn hekk lanqas tikkontesta, peress li hija tirrikonoxxi li s-“Superintendent Survey Team” imsemmi fl-offerta tagħha ma kellux l-esperjenza professjonali mitluba. Din il-motivazzjoni ma timplikax li r-rikorrenti ma kinitx kapaċi twettaq xogħolijiet bħal dawn.

138    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-ittra tal-14 ta’ Diċembru 2006 turi li r-raġuni vera għall-annullament tas-sejħa għal offerti ma kinitx l-insuffiċjenza teknika tal-offerti mitfugħa iżda l-bidla tar-rekwiżiti tekniċi, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument, fir-realtà, ma jirreferix għal żball fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni li annullat is-sejħa għal offerti iżda jikkontesta l-veraċità ta’ din il-motivazzjoni, ħaġa li tammonta essenzjalment għal kontestazzjoni fil-mertu ta’ din id-deċiżjoni billi dan l-argument jallega abbuż ta’ poter.

139    Skont ġurisprudenza stabbilita, ikun hemm abbuż ta’ poter minn istituzzjoni Komunitarja meta miżura tkun ġiet adotta bl-għan esklużiv, jew għall-inqas ewlieni, li jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk iddikjarati jew li tiġi evitata proċedura speċjalment prevista mit-Trattat sabiex tittratta ċ-ċirkustanzi tal-każ (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 1996, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C‑84/94, Ġabra p. I‑5755, punt 69, u l-ġurisprudenza ċċitata).

140    Fil-kawża preżenti, diġà ġie kkonstatat li m’hemm l-ebda kuntradizzjoni bejn il-motivazzjoni mogħtija fl-ittra tad-9 ta’ Ottubru 2006 u dik mogħtija fl-ittra tal-14 ta’ Diċembru 2006.

141    Barra minn hekk, il-Kummissjoni korrettament tenfasizza li d-deċiżjoni li annullat is-sejħa għal offerti ġiet ikkomunikata lill-pubbliku fil-Ġurnal Uffiċjali bl-istess motivazzjoni bħal dik mogħtija fl-ittra tad-9 ta’ Ottubru 2006 (ĠU 2006, S 198). Din il-motivazzjoni kienet taqra kif ġej: “Peress li ebda waħda mill-offerti ma kienet konformi mar-rekwiżiti tekniċi, il-proċedura tal-għoti tal-kuntratt ġiet annullata”.

142    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi dedott mill-aġir sussegwenti tal-EAR li r-raġuni vera għall-annullament tal-proċedura kienet differenti minn dik mogħtija fl-ittra tad-9 ta’ Ottubru 2006.

143    Minn dak kollu li ngħad qabel jirriżulta li t-talba tar-rikorrenti sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni li annullat is-sejħa għal offerti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

B –  Fuq it-talba għall-kumpens tad-danni allegatament subiti

1.     Argumenti tal-partijiet

144    Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-fatt li l-kuntratt inkwistjoni ma ngħatax huwa dovut għall-aġir illegali tal-EAR u li din ikkawżatilha danni. Dawn id-danni jinkludu l-ispejjeż li saru inutilment biex saret l-offerta u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ parti mill-makkinarju meħtieġ matul perijodu ta’ sittin jum, u jammontaw għal total ta’ EUR 118 604,58.

145    L-EAR tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

146    Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, huma meħtieġa numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità tal-aġir li huma akkużati bih l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-danni u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-danni mitlubin (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Lulju 1974, Holtz & Willemsen vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 153/73, Ġabra p. 675, punt 7, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Frar 2005, Chiquita Brands et vs Il‑Kummissjoni, T‑19/01, Ġabra p. II‑315, punt 76).

147    Peress li dawn it-tliet kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà huma kumulattivi, in-nuqqas ta’ waħda minnhom huwa biżżejjed sabiex ir-rikors għal kumpens tad-danni jiġi miċħud (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C‑257/98 P, Ġabra p. I‑5251, punt 14).

148    Fil-kawża preżenti, l-argumenti kollha li r-rikorrenti ppreżentat sabiex turi l-illegalità tad-deċiżjoni li annullat is-sejħa għal offerti ġew eżaminati u respinti (ara l-punti 121 sa 142 iktar ’il fuq). Ir-rikorrenti għalhekk ma tistax titlob kumpens għad-danni abbażi tal-allegata illegalità ta’ din id-deċiżjoni.

149    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-EAR damet b’mod mhux raġonevoli sabiex ħadet id-deċiżjoni li annullat is-sejħa għal offerti u nnotifikatha lir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li s-sempliċi fatt li perijodu ta’ iktar minn sitt xhur kien għadda bejn l-aħħar talba għal kjarifika lill-offerenti u l-komunikazzjoni tad-deċiżjoni li tiġi annullata s-sejħa għal offerti ma jistax ifisser li kien hemm aġir illegali min-naħa tal-EAR.

150    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li m’hemm l-ebda rabta kawżali bejn iż-żmien li l-EAR ħadet biex tieħu u tikkomunika d-deċiżjoni li annullat is-sejħa għal offerti u l-ispejjeż magħmula mir-rikorrenti għall-preparazzjoni tal-offerta tagħha.

151    Minn dak kollu li ngħad qabel jirriżulta li t-talba għal kumpens tad-danni allegatament subiti għandha tiġi miċħuda.

C –  Fuq it-talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti

152    Fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tordna lill-EAR tipproduċi d-dokumenti kollha relattivi għall-proċedura tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ tiddetermina jekk huwiex utli għat-tmexxija tajba tal-proċedura li tordna l-produzzjoni ta’ ċerti dokumenti, il-parti li tkun għamlet it-talba għandha tidentifika d-dokumenti mitluba u tagħti lill-Qorti tal-Prim’Istanza għall-inqas informazzjoni minima li turi l-utilità ta’ dawn id-dokumenti għall-finijiet tal-proċeduri (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 93).

153    Insostenn ta’ din it-talba, ir-rikorrenti tallega li l-EAR tat spjegazzjonijiet ġenerali u qosra insostenn tal-għażliet tagħha u li hija kienet talbitha tipproduċi dawn id-dokumenti, iżda li din it-talba baqgħet mhux imwieġba. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li hija għandha dritt tkun taf ir-raġunijiet li wasslu għall-annullament tas-sejħa għal offerti sabiex tkun sodisfatta mil-legalità tal-atti tal-awtorità kontraenti.

154    L-ewwel nett, fir-rigward tal-fatt li r-rikorrenti talbet lill-EAR il-produzzjoni tad-dokumenti relattivi għall-proċedura tal-għoti tal-kuntratt u li din it-talba baqgħet mhux imwieġba, għandu jiġi enfasizzat li dan il-fatt stess ma jurix l-utilità ta’ dawn id-dokumenti għall-bżonnijiet tal-proċeduri.

155    It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-EAR kienet tat raġunijiet ġenerali u qosra insostenn tal-għażliet tagħha, għandu jiġi rrilevat li ġie kkonstatat, fil-punti 122 u 123 iktar ’il fuq, li l-EAR kienet tat lir-rikorrenti motivazzjoni biżżejjed dwar id-deċiżjoni tagħha li tannulla s-sejħa għal offerti. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha biżżejjed informazzjoni fil-materjal li jinsab fil-proċess u barra minn hekk ma kienx jidher li d-dokumenti relattivi għall-proċedura tal-għoti tal-kuntratt setgħu jkunu utili sabiex jiġi evalwat jekk il-motivazzjoni mogħtija kinitx suffiċjenti.

156    Fit-tielet u fl-aħħar lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li hija għandha d-dritt tkun taf ir-raġunijiet li wasslu għall-annullament tas-sejħa għal offerti sabiex tkun sodisfatta mil-legalità tal-atti tal-awtorità kontraenti, għandu jiġi kkonstatat li hija ma ppreżentatx provi oġġettivi li jissuġġerixxu li r-raġuni vera tal-annullament tal-proċedura kienet differenti minn dik mogħtija fl-ittra tad-9 ta’ Ottubru 2006 (ara l-punti 139 sa 141 iktar ’il fuq).

157    F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li talba għall-produzzjoni tad-dokumenti kollha relattivi għall-proċedura tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, kif mitluba mir-rikorrenti, tikkorrispondi għal talba għall-produzzjoni tal-fajl intern tal-EAR. Għandu jiġi kkonstatat li eżami mill-qorti Komunitarja tal-fajl intern ta’ korp Komunitarju sabiex tivverifika jekk id-deċiżjoni tiegħu kinitx influwenzata minn kunsiderazzjonijiet oħra li kienu differenti minn dawk imsemmija fil-motivazzjoni tikkostitwixxi miżura istruttorja eċċezzjonali. Din tippresupponi li ċ-ċirkustanzi tad-deċiżjoni inkwistjoni jagħtu lok għal dubji serji dwar ir-raġunijiet veri, u b’mod partikolari għal suspetti li dawn ir-raġunijiet ma kellhomx x’jaqsmu mal-għanijiet tad-dritt Komunitarju, u, għalhekk, kienu jammontaw għal abbuż ta’ poter (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 1986, BAT u Reynolds vs Il-Kummissjoni, 142/84 u 156/84, Ġabra p. 1899, punt 11). Issa, għandu jiġi kkonstatat li ma jeżistux tali ċirkustanzi fil-kawża preżenti.

158    Minn dak kollu li ngħad qabel jirriżulta li r-rikorrenti ma ressqitx provi dwar l-utilità tal-produzzjoni tad-dokumenti kollha relattivi għall-proċedura tal-għoti tal-kuntratt għall-finijiet ta’ dawn il-proċeduri. Għalhekk it-talba għall-produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

159    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

160    Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-EAR.

161    Barra minn hekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. B’hekk, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Sogelma – Societá generale lavori manutenzioni appalti Srl għandha tbati l-ispejjeż tagħha u dawk tal-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni.

3)      Il-Kummissjon għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Dittrich

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Ottubru 2008.

E. Coulon

 

      M. E. Martins Ribeiro

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq l-ammissibbiltà

A –  Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddeċiedi fuq rikors, ippreżentat abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, kontra att tal-EAR

1.  Argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

B –  Fuq il-ħtieġa ta’ ilment amministrattiv minn qabel

1.  Argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

C –  Fuq l-osservanza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors

1.  Argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

D –  Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors inkwantu jirrigwarda l-annullament tad-deċiżjoni dwar l-organizzazzjoni ta’ sejħa ġdida għal offerti

1.  Argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

E –  Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors inkwantu r-rikorrenti tasserixxi d-drittijiet ta’ DOK ING

1.  Osservazzjonijiet preliminari

2.  Argumenti tal-partijiet

3.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

F –  Konklużjoni dwar l-ammissibbiltŕ tar-rikors

Fuq il-mertu

A –  Fuq it-talba sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni li annullat is-sejħa għal offerti

1.  Argumenti tal-partijiet

a)  Fuq l-ewwel parti tal-motiv waħdieni, dwar l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni

b)  Fuq it-tieni parti tal-motiv waħdieni, relattiva għall-pretensjoni li l-motivazzjoni hija illoġika u kuntradittorja

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)  Osservazzjonijiet preliminari

b)  Fuq l-ewwel parti tal-motiv waħdieni, relattiv għall-insuffiċjenza tal-motivazzjoni

c)  Fuq it-tieni parti tal-motiv waħdieni, relattiv għall-pretensjoni li l-motivazzjoni hija illoġika u kuntradittorja

B –  Fuq it-talba għall-kumpens tad-danni allegatament subiti

1.  Argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

C –  Fuq it-talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.