Language of document : ECLI:EU:T:2008:420

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)

8 ta’ Ottubru 2008(*)

“Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni – Zokkor mill-Kroazja – Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Avviż għall-importaturi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali – Bona fide”

Fil-kawża T‑51/07,

Agrar-Invest-Tatschl GmbH, stabbilita f’St. Andrä im Lavanttal (l-Awstrija), irrappreżentata minn U. Schrömbges u O. Wenzlaff, avukati,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Alcover San Pedro u S. Schønberg, bħala aġenti, assistiti minn B. Wägenbaur, avukat,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 5789 finali, tal-4 ta’ Diċembru 2006,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tmien Awla),

komposta minn E. Martins Ribeiro, President, N. Wahl u A. Dittrich (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ April 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 5789 finali tal-4 ta’ Diċembru 2006 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”, sa fejn il-Kummissjoni tindika, minn naħa, li għandhom jiddaħlu fil-kontijiet a posteriori d-dazji fuq l-importazzjoni ta’ ammont ta’ EUR 110 937,60 dovuti mir-rikorrenti, Agrar-Invest-Tatschl GmbH, fuq importazzjoni ta’ zokkor li ġej mill-Kroazja, u min-naħa l-oħra, li r-remissjoni tad-dazji mhijiex ġustifikata.

 Kuntest Ġuridiku

2        L-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1, iktar ’il quddiem il-“KDK”), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 Novembru 2000 (ĠU L 311, p. 17), jipprovdi:

“Ħlief fil-każijiet li ssir referenza għalihom fit-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 217(1), daħliet sussegwenti fil-kontijiet m’għandhomx isiru fejn :

a)      […]

b) l-ammont ta’ dazju legalment dovut ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet bħala riżultat ta’ żball min-naħa tal-awtoritajiet doganali liema żball ma setgħetx raġonevolment tinduna bih il-persuna responsabbli għall-ħlas, waqt li din tal-aħħar tkun aġixxiet bil-bona fidi [fide] u ħarset id-dispożizzjonijiet kollha stipulati mil-leġislazzjoni fis-seħħ fir-rigward tad-dikjarazzjoni doganali.

Fejn l-istatus preferenzjali tal-oġġetti huwa stabbilit fuq il-bażi ta’ koperazzjoni amministrattiva li tinvolvi lill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz, il-ħruġ ta’ ċertifikat minn dawn l-awtoritajiet, jekk jiġi pruvat li hu inkorrett, għandu jikkostitwixxi żball li ma satax raġjonevolment ikun notat fit-tifsira tal-ewwel sotto-paragrafu.

Il-ħruġ ta’ ċertifikat żbaljat ma għandux, iżda, jikkostitwixxi żball fejn iċ-ċertifikat ikun bażat fuq tagħrif inkorrett tal-fatti provvdut mill-esportatur, minbarra fejn, partikolarment, jidher biċ-ċar illi l-awtoritajiet tal-ħruġ kienu konxji jew kellhom ikunu konxji li l-oġġetti ma ssodisfawx il-kondizzjonijiet preskritti għad-dritt ta’ trattament preferenzjali.

Il-persuna responsabli għal dan tista’ ġġib il-bona fede tagħha bħala turija illi, matul il-perijodu taż-żmien tal-operati msemmija tan-negozju tagħha, ħadet il-kura mistħoqqa sabiex tiżgura illi ġew imwettqa l-kondizzjonijiet kollha tat-trattament preferenzjali.

Iżda, il-persuna responsabbli ma tistax iżda ġġib bi skuża l-bona fede tagħha jekk il-Kummissjoni Ewropea tkun ippublikat avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li jgħid li hemm lok għal dubji rigward l-applikazzjoni kif għandha tkun ta’ arranġamenti preferenzjali mill-pajjiż benefiċjarju.”

3        L-Artikolu 239 tal-KDK jipprovdi kif ġej:

“1. Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni jistgħu jitħallsu lura jew jintbagħtu f’sitwazzjonijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikoli 236, 237, u 238:

–        li għandhom jiġu stabbiliti skont il-proċedura tal-kumitat;

–        li jirriżultaw minn ċirkostanzi li fihom ebda ingann jew traskuraġni ovvja ma jistgħu jiġu attribwiti lill-persuna interessata. Is-sitwazzjonijiet li fihom din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal dak il-għan għandhom jiġu definiti skont il-proċedura tal-Kumitat. Ħlas lura jew remissjoni jistgħu jsiru bla ħsara għal kondizzjonijiet speċjali.

2. Dazji għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu għar-raġunijiet stipulati fil-paragrafu 1 malli tiġi preżentata applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq fi żmien 12-il xahar mid-data li fiha l-ammont tad-dazji kien ġie komunikat lid-debitur.”

 Il-fatti

4        Ir-rikorrenti hija impriża Awstrijaka, li tispeċjalizza fil-kummerċ tal-prodotti agrikoli. Bejn l-20 ta’ Settembru 2001 u t-8 ta’ Awwissu 2002, hija wettqet 76 tranżazzjoni ta’ importazzjoni ta’ zokkor mill-Kroazja. L-importazzjonijiet Nri 1 sa 67 mhumiex previsti mir-rikors preżenti. Il-kawża tirrigwarda biss id-dħul a posteriori fil-kontijiet tad-dazji fuq l-importazzjoni, għat-tranżazzjonijiet ta’ importazzjoni ġodda Nri 68 sa 76 (iktar ’il quddiem l-“importazzjonijiet ikkontestati”), kif ukoll ir-remissjoni ta’ dazji li setgħu kienu suġġetti għaliha. Dawn l-importazzjonijiet seħħew bejn il-1 ta’ Lulju u t-8 ta’ Awwissu 2002.

5        L-importazzjonijiet ikkontestati twettqu fid-dawl tal-“Ftehim Proviżorju dwar il-kummerċ u materji relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Kroazja, fuq in-naħa l-oħra” (ĠU 2001 L 330, p. 3, iktar ’il quddiem il-“ftehim proviżorju”). Dan il-ftehim jipprovdi, b’mod partikolari, trattament preferenzjali għaz-zokkor mill-Kroazja, sakemm l-awtoritajiet Kroati joħorġu ċertifikat ta’ ċaqliq EUR.1 (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikat EUR.1”), li għandu jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ importazzjoni.

6        Fit-2 ta’ April 2002, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) informa lill-Kummissjoni li kellu xi suspetti ta’ użu ta’ ċertifikati ta’ oriġini foloz fuq l-importazzjonijiet preferenzjali ta’ zokkor mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

7        Permezz ta’ “avviż għall-importaturi” (ĠU 2002, C 152, p. 14), il-Kummissjoni ddikjarat, fis-26 ta’ Ġunju 2002, li kien hemm dubju fondat fir-rigward tal-applikazzjoni tajba tas-sistemi preferenzjali mogħtija b’mod partikolari liz-zokkor li ġej mill-Kroazja. Hija indikat ukoll li l-importazzjonijiet preferenzjali taz-zokkor mill-Kroazja u mill-pajjiżi tal-Balkani kienu żdiedu ħafna filwaqt li l-pajjiżi inkwistjoni reċentament kienu allegaw tnaqqis fil-produzzjoni taz-zokkor. Għaldaqstant, il-Kummissjoni stiednet lill-operaturi Komunitarji sabiex jieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji, peress li t-tqiegħed tal-merkanzija inkwistjoni fiċ-ċirkulazzjoni libera tista’ tirriżulta f’dejn doganali u jkun is-sors ta’ frodi li joħloq dannu għall-interessi finanzjarji tal-Komunità.

8        L-importazzjonijiet ikkontestati kollha seħħew wara l-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali.

9        Fuq talba tal-amministrazzjoni doganali Awstrijaka, l-awtoritajiet doganali Kroati pproċedew, bejn it-23 ta’ Lulju 2002 u s-16 ta’ Settembru 2003 għal verifika aposteriori taċ-ċertifikati EUR.1 ippreżentati mir-rikorrenti għall-importazzjonijiet ikkontestati, kif previst fl-Artikolu 32 tal-Protokoll Nru 4 tal-ftehim proviżorju.

10      Mal-bidu ta’ dawn il-verifiki, l-amministrazzjoni doganali Kroata kkonfermat, fit-18 ta’ Frar 2003, l-awtentiċità u l-eżattezza taċ-ċertifikati EUR.1 maħruġa għall-importazzjonijiet ikkontestati Nri 68 sa 72 u, fis-16 ta’ Settemrbu 2003, għall-importazzjonijiet ikkontestati Nri 73 sa 76.

11      Wara l-pubblikazzjoni tal-avviż għall-importaturi, l-OLAF analizza, fil-Ġreċja, zokkor allegatament ġej mill-Kroazja u skopra li kien kompost minn taħlita ta’ zokkor tal-pitravi u zokkor tal-kannamieli, li jeskludi kull oriġini Kroata. Fit-28 ta’ Ottubru 2002, l-OLAF informa lill-Istati Membri b’dan.

12      F’Ġunju tal-2003, l-OLAF wettaq investigazzjoni għand il-produttur ta’ zokkor Kroat IPK Tvornica Šećera Osijek d.o.o. u kkonstata li din l-impriża, li minn għandha r-rikorrenti kienet xtrat iz-zokkor, kienet tuża wkoll iz-zokkor tal-kannamieli għall-produzzjoni tagħha, mingħajr ma jkun possibbli li ssir distinzjoni bejn il-lottijiet differenti ta’ zokkor.

13      Għaldaqstant, l-awtoritajiet Kroati rtiraw iċ-ċertifikati EUR.1 kollha stabbiliti bejn l-14 ta’ Settembru 2001 u s-17 ta’ Settembru 2002. Fit-30 ta’ Ġunju 2004, l-awtoritajiet Awstrijaki informaw lill-importaturi kkonċernati bir-revoka taċ-ċertifikati.

14      Wara din ir-revoka, l-awtorità doganali Awstrijaka kompetenti indirizzat lir-rikorrenti, fid-9 ta’ Awwissu 2004, avviż ta’ rkupru a posteriori tal-ammont ta’ EUR 916 807,21.

15      Ir-rikorrenti ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti Awstrijaka kompetenti, u talbet, skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, li ma jiddaħħalx a posteriori fil-kontijiet l-ammont ta’ dazji previsti mill-avviż ta’ rkupru, u, sussidjarjament, fuq il-bażi tal-Artikolu 239 tal-KDK, ir-remissjoni tagħhom.

16      B’ittra tal-1 ta’ Ġunju 2005, ir-Repubblika tal-Awstrija talbet lill-Kummissjoni tiddeċiedi, skont l-artikoli ċċitati iktar ’il fuq, jekk kinitx ġustifikata, fil-każ tar-rikorrenti, biex ma ddaħħalx fil-kontijiet a posteriori l-ammont ta’ dazji ta’ importazzjonu u, sussidjarjament, biex tiddeċiedi jekk ir-remissjoni ta’ dawn id-dazji kinitx ġustifikata.

17      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li kellha tirrinunzja għad-dħul fil-kontijiet a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjonijiet Nri 1 sa 67, iżda hija ċaħdet li tirrinunzja għal tali dħul fil-kontijiet a posteriori, kif ukoll l-għoti ta’ remissjoni, għall-importazzjonijiet ikkontestati, jiġifieri għal total ta’ EUR 110 937,60.

18      Essenzjalment, il-Kummissjoni qieset li l-awtoritajiet Kroati kompetenti kellhom ikunu jafu jew, mill-inqas, kellhom raġjonevolament ikunu jafu li l-merkanzija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet mitluba sabiex tibbenifika mit-trattament prefenzjali previst mill-ftehim proviżorju, u li, għaldaqstant, kienu wettqu żball fis-sens tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK. Madankollu, peress li l-avviż għall-importaturi kien ġie ppubblikat fis-26 ta’ Ġunju 2002, ir-rikorrenti ma setgħatx tinvoka, skont il-Kummissjoni, il-bona fide tagħha f’dak li jirrigwarda l-importazzjonijiet imwettqa wara din id-data. Il-fatt li l-awtoritajiet Kroati kkonfermaw il-validità ta’ ċerti ċertifikati EUR.1 wara l-pubblikazzjoni tal-avviż mhuwiex f’dan ir-rigward rilevanti. Fil-fatt, fil-mument li hija wettqet l-importazzjonijiet ikkontestati, ir-rikorrenti kienet taf, skont il-Kummissjoni, ir-riskji li kienet qed tiffaċċja u l-konferma tal-validità taċ-ċertifikati kkonċernati ma setgħatx tagħtiha a posteriori aspettativi leġittimi, taħt piena li jitneħħa s-sens kollu tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

19      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Frar 2007, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

20      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

21      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tat-2 ta’ April 2008.

22      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-Kummissjoni tiddeċiedi li m’hemmx lok li jiddaħħal fil-kontijiet a posteriori d-dazji fuq l-importazzjoni l-ammont ta’ EUR 110 937,60 fuq l-importazzjonijiet ikkontestati;

–        sussidjarjament għat-tieni kap tat-talbiet, tordna lill-Kummissjoni tiddeċiedi li hemm lok li tipproċedi għar-remissjoni tad-dazji ta’ importazzjoni għall-ammont ta’ EUR 110 937,60 fuq l-importazzjonijiet ikkontestati.

23      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–         tiċħad ir-rikors;

–         tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

24      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka essenzjalment ksur mid-deċiżjoni kkontestata tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK u tal-Artikolu 239 tal-KDK, sa fejn id-dħul fil-kontijiet a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet ikkontestati u/jew ir-remissjoni ta’ dawn id-dazji ġiet irrifjutata mill-Kummissjoni.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni u t-tielet kapijiet ta’ talbiet

 Argumenti tal-partijiet

25      Il-Kummissjoni, mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, tirrileva li mhijiex il-qorti Komunitarja, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità, li għandha tindirizza ordnijiet lill-korpi jew lill-istituzzjonijiet jew li tieħu posthom. Konsegwentement, it-tieni u t-tielet kapijiet ta’ talbiet, li huma intiżi li jġiegħlu lill-Kummissjoni twettaq ċerti atti, huma inammissibbli.

26      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti madankollu tenniet it-talbiet tagħha billi sostniet li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kinitx tiddisponi minn setgħa ta’ diskrezzjoni u li, għaldaqstant, ma kellha l-ebda raġuni topponi li l-Qorti tal-Prim’Istanza, ladarba tiġi kkonstatata l-illegalità ta’ deċiżjoni kkontestata, tordna lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tikkonforma mat-talbiet tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

27      Skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma għandhiex ġurisdizzjoni tindirizza ordnijiet lill-istituzzjonijiet Komunitarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ġunju 1983, Verzyck vs Il-Kummissjoni, 225/82, Ġabra p. 1991, punt 19; id-Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-12 ta’ Novembru 1996, SDDDA vs Il-Kummissjoni, T-47/96, Ġabra p. II-1559, punt 45). Fil-fatt, skont l-Artikolu 231 KE, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha biss il-possibbiltà li tannulla l-att ikkontestat. Hija l-istituzzjoni kkonċernata, b’applikazzjoni tal-Artikolu 233 KE, li għandha sussegwentement tieħu l-miżuri li jwasslu għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Jannar 1995, Ladbroke vs Il-Kummissjoni, T-74/92, Ġabra p. II-115, punt 75, u tad-9 ta’ Settembru 1999, UPS Europe vs Il-Kummissjoni, T‑127/98, Ġabra p. II-2633, punt 50).

28      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ setgħa ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni, għandu jingħad ukoll li din il-limitazzjoni tal-istħarriġ ta’ legalità hija applikabbli fil-kontenzjuż kollu li l-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tieħu konjizzjoni tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Mattila vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-204/99, Ġabra p. II-2265, punt 26, ikkonfermata bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Jannar 2004, Mattila vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-353/01 P, Ġabra p. I-1073, punt 15).

29      Għaldastant, it-tieni u t-tielet kapijiet tat-talbiet huma inammissibbli.

 Fuq iċ-ċaħda li jiġu kkunsidrati a posteriori d-dazji fuq l-importazzjoni

 Argumenti tal-partijiet

30      Ir-rikorrenti tirrileva li, skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, ma hemmx lok li jiddaħħlu fil-kontijiet a posteriori d-dazji fuq l-importazzjoni meta, l-ewwel nett, l-ammont ta’ dazju legalment dovut ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet bħala riżultat ta’ żball min-naħa tal-awtoritajiet doganali stess, it-tieni nett, dan l-iżball ma setgħetx raġonevolment tinduna bih il-persuna responsabbli għall-ħlas, meta din tal-aħħar tkun aġixxiet bil-bona fide u, it-tielet nett, id-dispożizzjonijiet kollha stipulati mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-rigward tad-dikjarazzjoni doganali jkunu ġew osservati.

31      F’dan il-każ, il-kwistjoni rilevanti hija li jsir magħruf jekk il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-avviż għall-importaturi, tas-26 ta’ Ġunju 2002, eskludietx il-bona fide tar-rikorrenti fir-rigward tal-awtentiċità taċ-ċertifikati EUR.1 ippreżentati għall-importazzjonijiet ikkontestati.

32      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni injorat il-fatt li kien wara l-pubblikazzjoni tal-avviż għall-importaturi u minħabba fih li l-awtoritajiet doganali Awstrijaki indirizzaw lill-kollegi Kroati tagħhom talbiet ta’ verifika f’dak li jirrigwarda t-totalità taċ-ċertifikati EUR.1 ippreżentati għall-importazzjonijiet ikkontestati.

33      Konsegwentement, il-bona fide tar-rikorrenti mhijiex ibbażata fuq l-awtentiċità u l-eżattezza taċ-ċertifikati EUR.1 maħruġa għall-importazzjonijiet ikkontestati. Il-bona fide relattiva għal dawn l-elementi ġiet eskluża mill-avviż għall-importaturi. Min-naħa l-oħra, ma ġietx eskluża f’dak li jirrigwarda l-konferma a posteriori taċ-ċertifikati EUR.1 wara l-proċedura ta’ verifika mill-amministrazzjoni doganali Kroata, li twettqet preċiżament minħabba l-avviż għall-importaturi.

34      Fil-fatt, l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK ma jeskludix b’mod ġenerali l-bona fide tal-persuna responsabbli għall-ħlas fit-totalità tagħha, iżda biss fir-rigward tal-awtentiċità u l-eżattezza tal-provi ta’ oriġini mogħtija waqt l-importazzjoni ta’ prodotti li jibbenefikaw minn sistema preferenzjali.

35      Issa, skont ir-rikorrenti, jekk l-operatur ekonomiku jieħu miżuri supplimentarji sabiex jiżgura l-awtentiċità u l-eżattezza għal finijiet preferenzjali, u jekk il-miżuri jkollhom bħala effett li l-miżuri għandhom bħala effett li ċ-ċertifikat ikun awtentiku u eżatt fuq il-mertu, għaldaqstant il-bona fide tiġi stabbilita mill-ġdid. Din il-bona fide ma tkunx ibbażata fuq iċ-ċertifikat bl-għan preferenzjali li jkun ġie ppreżentat inizjalment, iżda fuq iċ-ċertifikat marbut mal-konferma a posteriori tal-validità tiegħu u tal-eżattezza tiegħu fuq il-bażi ta’ verifika li tindika li l-kundizzjonijiet ta’ għoti taċ-ċertifikat ta’ oriġini kienu ġew sodisfatti.

36      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirreferi wkoll għat-termini tal-avviż għall-importaturi li jistieden lill-operaturi Komunitarji biex “jieħdu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji”. Il-Kummissjoni b’hekk indikat li ċ-ċertifikati inizjali b’għan preferenzjali ma kinux iktar validi u li kienet tistenna mill-operaturi ekonomiċi li jieħdu miżuri supplimentari sabiex jiggarantixxu l-validità u l-eżattezza tagħhom.

37      Għaldaqstant, wara konferma tal-awtentiċità u l-eżattezza taċ-ċertifikati b’finijiet preferenzjali mill-amministrazzjoni doganali Kroata, il-bona fide tal-operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-awtentiċità u l-eżattezza tal-imsemmija ċertifikati kienet ġiet stabbilita mill-ġdid.

38      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tippreċiża li, jekk, minħabba l-pubblikazzjoni tal-avviż, hija ma kinitx effettivament mingħajr bona fide fil-mument tal-importazzjonijiet, hija l-proċedura ta’ verifika a posteriori, li r-riżultat pożittiv tagħha jippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid il-bona fide tagħha, li hija importanti f’dan il-każ.

39      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

40      Skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, mhemmx lok li jiddaħħlu fil-kontijiet a posteriori dazji li jirriżultaw minn debitu doganali meta l-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti b’mod kumulattiv (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Conseil général de la Vienne, C 419/04, Ġabra p. I-5645, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata):

–        l-ammont ta’ dazju legalment dovut ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet bħala riżultat ta’ żball min-naħa tal-awtoritajiet doganali:

–        dan l-iżball ma tkunx setgħet raġonevolment tinduna bih il-persuna responsabbli għall-ħlas,

–        din tal-aħħar tkun aġixxiet in bona fide,

–        id-dispożizzjonijiet kollha stipulati mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-rigward tad-dikjarazzjoni doganali jkunu ġew osservati.

41      F’dan il-każ, il-partijiet mhumiex jaqblu fuq il-kundizzjoni relattiva għall-bona fide tar-rikorrenti. Fil-fatt, jista’ jiġi eskluż li din il-kundizzjoni ġiet sodisfatta minħabba l-effett legali tal-avviż għall-importaturi.

42      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK huma ċari u assoluti. Huwa jiddisponi li l-persuna responsabbli għall-ħlas ma tistax tinvoka l-bona fide tagħha meta l-Kummissjoni tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali avviż għall-importaturi li jiddikjara dubji fondati, u ma jipprovdix għall-possibbiltà għall-persuna responsabbli għall-ħlas biex turi l-bona fide tagħha billi tieħu miżuri supplimentari sabiex tiżgura l-awtentiċità taċ-ċertifikat b’finijiet preferenzjali. Din il-formulazzjoni ddaħħlet fil-KDK bir-Regolament Nru 2700/2000, li l-11-il premessa tagħha tipprovdi kif ġej:

“Il-persuna responsabbli għall-pagament tista’ tiddefendi l-bona fede tagħha fejn tkun tista’ turi li tkun ħadet l-attenzjoni mistħoqqa, minbarra meta avviż li jgħid li jeżisti lok għal dubji jkun pubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.”

43      Barra minn hekk, kif il-Kummissjoni rrilevat, l-esklużjoni assoluta tal-bona fide fil-każ ta’ pubblikazzjoni ta’ avviż għall-importaturi tiżgura livell ta’ ċertezza legali għoli ħafna.

44      Għandu jiġi kkonstatat li l-avviż għall-importaturi ma fihx f’dan il-każ riferiment għall-ħames subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK u li mhuwiex espliċitu fir-rigward tal-konsegwenzi legali tiegħu. B’mod partikolari huwa ma jippreċiżax li l-pubblikazzjoni tiegħu twassal għal impossibbiltà għall-importaturi li jinvokaw il-bona fide tagħhom. Wara li tirrileva li jeżisti dubju fondat fir-rigward tal-applikazzjoni tajba tas-sistemi preferenzjali mogħtija għaz-zokkor li ġej b’mod partikolari mill-Kroazja, il-Kummissjoni tikkonstata sempliċiment li “[l]-operaturi Komunitarji [...] huma għaldaqstant mistiedna jieħdu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji”.

45      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ammettiet li ma jistax jiġi eskluż li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija tista’ tasal sabiex timmodera l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-effett assolut ta’ avviż għall-importaturi fil-każ fejn operatur ekonomiku jsostni li, wara l-pubblikazzjoni ta’ tali avviż, iżda qabel l-importazzjoni, kien wettaq miżuri ta’ verifika supplimentari li jkunu kkonfermaw l-oriġini tal-merkanzija.

46      Madankollu, m’hemmx lok li jiġi eżaminat jekk, u f’liema ċirkustanzi, tali eċċezzjoni tkun possibbli, għaliex, u f’kull każ, li r-rikorrenti ma aġġixxietx in bona fide f’dan il-każ.

47      Fir-risposta tagħha, ir-rikorrenti sostniet b’hekk espliċitament li, fil-mument tal-importazzjonijiet ikkontestati, hija ma aġixxietx inbona fide minħabba l-avviż għall-importaturi. Huwa minnu li hija ssotni li l-bona fide tagħha ġiet “stabbilita mill-ġdid” mill-konferma a posteriori tal-awtentiċità u tal-eżattezza taċ-ċertifikati EUR.1 wara l-proċeduri ta’ verifika mwettqa mill-amministrazzjoni doganali Kroata. Madankollu, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK jipprovdi li l-persuna responsabbli għall-ħlas ma tistax jinvoka l-bona fide tagħha ħlief “meta jista’ juri li matul il-perijodu taż-żmien tal-operati msemmija tan-negozju tagħha, ħadet il-kura mistħoqqa sabiex tiżgura illi ġew imwettqa l-kundizzjonijiet kollha tat-trattament preferenzjali”. Jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li l-persuna responsabbli għall-ħlas kellha qabel kollox tkun aġġixxiet in bona fide waqt il-perijodu ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali kkonċernati. Għaldaqstant, id-data determinanti sabiex tiġi kkunsidrata l-bona fide tal-persuna responsabbli għall-ħlas hija d-data tal-importazzjoni.

48      Madankollu, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda spjegazzjoni fuq il-miżuri li hija kienet wettqet qabel jew, l-iktar tard, fid-data ta’ kull importazzjoni kkontestata, sabiex tiżgura, fis-sens tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, li – minkejja l-publikazzjoni tal-avviż għall-importaturi – il-kundizzjonijiet għat-trattament preferenzjali tal-merkanzija kienu ġew osservati.

49      Bil-kontra, billi affermat li l-bona fide tagħha ġiet “stabbilita mill-ġdid” mill-verifiki a posteriori, ir-rikorrenti kkonfermat impliċitament li ma kellhiex bona fide qabel il-mument meta l-verifiki a posteriori affermaw l-awtentiċità u l-eżattezza taċ-ċertifikati EUR.1 maħruġa għall-importazzjonijiet ikkontestati, jiġifieri diversi xhur wara li dawn l-importazzjonijiet seħħew.

50      Sa fejn ir-rikorrenti ssostni li, fir-rigward tal-bona fide tagħha fil-konfront tal-awtentiċità u l-eżattezza taċ-ċertifikati EUR.1 għall-importazzjonijiet ikkontestata, hija l-proċedura ta’ verifika a posteriori, u mhux il-proċedura ta’ importazzjoni ġenerali li hija importanti, peress li r-riżultat pożittiv tagħha jippermetti li tiġi “stabbiliat mill-ġdid” il-bona fide tagħha, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din l-affermazzjoni ma ssib l-ebda fondatezza fl-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK.

51      Fil-fatt, anki jekk jitqies li r-rikorrenti kienet in bona fide fir-rigward tar-riżultat tal-verifiki a posteriori, xorta jibqa’ l-fatt li ma kinitx in bona fide “waqt il-perijodu tal-operazzjonijiet kummerċjali kkonċernati”. Ir-rikorrenti ma tistax tistenna li l-bona fide tagħha kienet b’xi mod stabbilita retroattivament minħabba xi avvenimenti sussegwenti għall-imsemmija importazzjonijiet. Fil-fatt, il-kunċett ta’ bona fide “fir-rigward tal-awtentiċità u l-eżattezza taċ-ċertifikati preferenzjali kkontrollati u kkonfermati a posteriori” hija mingħajr ebda sens.

52      Konsegwentement, it-talba għall-annullament tal-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ir-rifjut li tingħata remissjoni tad-dazji fuq id-dazji fuq l-importazzjoni

 Argumenti tal-partijiet

53      F’dak li jirrigwarda r-rifjut li tingħata remissjoni tad-dazji doganali a posteriori skont l-Artikolu 239 tal-KDK, ir-rikorrenti tirreferi fir-rikors tagħha, u dan biss fil-kuntest tat-tielet kap tat-talbiet tagħha għall-“ispjegazzjoni li ġew qabel ”, mingħajr ma tipprovdi iktar preċiżazzjonijiet.

54      Il-Kummissjoni tosserva li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni, previsti fl-Artikolu 239 tal-KDK, huma distinti minn dawk li jidhru fl-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK. Madankollu, minnflok ma wriet li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 239 tal-KDK huma sodisfatti f’dan il-każ, ir-rikorrenti tirreferi b’mod ġenerali u mingħajr spjegazzjoni iktar dettaljata għall-argument tagħha fir-rigward tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK. Għaldaqstant, hemm dubju jekk ir-rikors tagħha huwiex fuq dan il-punt konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. F’kull każ, l-espożizzjoni tar-rikorrenti mhijiex konklużiva, u għalhekk ma tistax tiġi milqugħa, peress li l-Artikolu 220(2) u l-Artikolu 239 tal-KDK huma żewġ dispożizzjonijiet distinti li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħhom huma għaldaqstant differenti wkoll.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

55      Għandu qabel kollox jiġi rrilevat li l-argumenti li jistgħu jiġu invokati insostenn tat-tielet kap ta’ talbiet, li ġie kkonstatat bħala inammissibbli, huma rilevanti wkoll fil-kuntest tal-ewwel kap ta’ talbiet, sa fejn huma intiżi għall-annullament tal-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata, li fuq il-bażi tiegħu, ir-remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni skont l-Artikolu 239 tal-KDK mhijiex f’dan il-każ ġustifikata.

56      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti lanqas ma mmotivat it-talba tagħha. Hija tillimita ruħha li tirreferi fir-rikors tagħha għall-ispjegazzjonijiet fir-rigward tal-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK. Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti b’ebda mod ma telabora iktar l-osservazzjonijiet tagħha fuq dan il-punt. Waqt is-seduta, hija indikat li twettqet spezzjoni doganali waqt kull importazzjoni. Hija affermat li l-kampjuni kienu ttieħdu minn qabel f’din l-okkażjoni u ntbagħtu lid-dipartiment ta’ verifika teknika Awstrijak. Skont ir-rikorrenti, dan id-dipartiment ikkonstata li kien zokkor tal-pitravi għal 100 %, u b’hekk ikkonferma l-oriġini Kroata taz-zokkor.

57      Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura, dawn il-provi tal-aħħar ma jistgħux madankollu jiġu kkunsidrati. Fil-fatt, jekk il-partijiet jistgħu, skont din id-dispożizzjoni, iressqu provi ulterjuri insostenn tal-argument tagħhom fir-replika jew fil-kontroreplika, il-Qorti tal-Prim’Istanza taċċetta l-produzzjoni ta’ provi ulterjuri wara l-kontroreplika taħt ċirkustanzi eċċezzjonali biss, jiġifieri jekk min irid iressaq il-provi ma setax, qabel il-proċedura bil-miktub, jippreżenta l-provi inkwistjoni jew jekk il-produzzjoni tardiva tal-kontroparti tiegħu tiġġustifika li l-proċess ikun komplet b’mod li jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju tal-kontradittorju (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-21 ta’ April 2004, M vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T-172/01, Ġabra p. II-1075, punt 44). F’kull każ, l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura jiddisponi li l-parti li qed tippreżenta provi ulterjuri għandha tagħti r-raġunijiet għaliex dawn il-provi ġew ippreżentati tard. Issa, minkejja li r-rikorrenti kienet ammettiet, waqt is-seduta, li ma kinitx invokat dawn iċ-ċirkustanzi fil-proċedura bil-miktub, hija ma ressqet l-ebda ġustifikazzjoni għal dan id-dewmien. Għaldaqstant, dawn il-provi ulterjuri ma jistgħux jiġu kkunsidrati.

58      Fir-rigward tar-riferiment fir-rikors għall-ispjegazzjonijiet li jirrigwardaw l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK, għandu jiġi rrilevat li, jekk huwa minnu li din id-dispożizzjoni ssegwi l-istess għan tal-Artikolu 239 tal-KDK, iż-żewġ dispożizzjonijiet ma jimxux flimkien. Fil-fatt, l-ewwel Artikolu għandu finalità iktar stretta mit-tieni, sa fejn għandu bħala għan uniku li jipproteġi l-aspettattivi leġittimi tal-persuna responsabbli għall-ħlas fir-rigward tal-fondatezza tal-elementi tad-deċiżjoni dwar jekk jiddaħħlux fil-kontijiet a posteriori jew le d-dazji doganali. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 239 tal-KDK jikkostitwixxi klawżola ġenerali ta’ ekwità (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti fis-seħħ fiż-żmien rilevanti, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Mejju 1996, Faroe Seafood et, C-153/94 u C-204/94, Ġabra p. I-2465, punt 87, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Frar 1998, Eyckeler & Malt vs Il-Kummissjoni, T-42/96, Ġabra p. II-401, punti 136 sa 139).

59      Għaldaqstant, l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK u l-Artikolu 239 tal-KDK huma żewġ dispożizzjonijiet distinti u l-kriterji ta’ applikazzjoni tagħhom huma differenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’applikazzjoni tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti ma tistax sempliċement tirreferi għall-ispjegazzjonijiet li jirrigwardaw l-Artikolu 220(2)(b) tal-KDK sabiex tibbaża t-talbiet tagħha fir-rigward tal-Artikolu 239 tal-KDK.

60      Isegwi li t-talba għall-annullament tal-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

61      Peress li l-ebda mill-motivi ma ġew milqugħa, ir-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

62      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talba tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Agrar-Invest-Tatschl GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Wahl

Dittrich

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Ottubru 2008.

Reġistratur

 

      President

E. Coulon

 

      M. E. Martins Ribeiro


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.