Language of document : ECLI:EU:T:2008:415

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

8 ta’ Ottubru 2008 (*)

“Kompetizzjoni − Akkordji − Suq tal-prodotti abbażi ta’ karbonju u grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi − Eċċezzjoni ta’ illegalità − Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 − Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur − Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi − Gravità u effett tal-ksur − Effett dissważiv − Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva − Prinċipju ta’ proporzjonalità − Prinċipju ta’ trattament ugwali − Kontrotalba għal żieda fl-ammont tal-multa”

Fil-kawża T‑69/04,

Schunk GmbH, stabbilita f’Thale (il-Ġermanja),

Schunk Kohlenstoff-Technik GmbH, stabbilita f’Heuchelheim (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn R. Bechtold u S. Hirsbrunner, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u H. Gading, u wara minn Castillo de la Torre u M. Kellerbauer, bħala aġenti

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/420/KE, tat-3 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawża C.38.359 − Prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi), kif ukoll, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta lir-rikorrenti minn din id-deċiżjoni u min-naħa l-oħra, kontrotalba min-naħa tal-Kummmissjoni intiża għaż-żieda tal-ammont tal-imsemmija multa,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President, M. Prek u V. Ciucă, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Frar 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Schunk Kohlenstoff-Technik GmbH (iktar ’il quddiem “SKT”) hija impriża Ġermaniza li timmanifattura prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita sabiex jintużaw fl-oqsma tal-elettriku u tal-mekkanika. SKT hija kumpannija sussidjarja ta’ Schunk GmbH (iktar ’il quddiem, flimkien, “Schunk” jew ir-“rikorrenti”).

2        Fit-18 ta’ Settembru 2001, ir-rappreżentanti ta’ Morgan Crucible Company plc (iktar ’il quddiem “Morgan”) iltaqgħu ma’ aġenti tal-Kummissjoni bil-għan li jipproponu l-kooperazzjoni tagħhom sabiex jiġi kkonstatat kartell fis-suq Ewropew tal-prodotti abbażi tal-karbonju għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi u sabiex jitolbu l-benefiċċju tal-miżuri ta’ klemenza pprovduti mill-Avviż tal-Kummissjoni 96/C 207/04 dwar in-nonimpożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem l-“Avviż fuq il-kooperazzjoni”).

3        Fit-2 ta’ Awwissu 2002, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU 1962, 13, p. 204), indirizzat lil C. Conradty Nürnberg GmbH (iktar ’il quddiem “Conradty”), lil Le Carbone-Lorraine (iktar ’il quddiem “LCL”), lil SGL Carbon AG (iktar ’il quddiem “SGL”), lil SKT, lil Eurocarbo SpA, lil Luckerath BV u lil Gerken Europe SA talbiet għall-informazzjoni dwar l-aġir tagħhom fis-suq inkwistjoni. L-ittra indirizzata lil SKT kienet tikkonċerna wkoll l-attivitajiet tal-impriża Hoffmann & Co. Elektrokohle AG (iktar ’il quddiem “Hoffmann”), mixtrija minn Schunk fit-28 ta’ Ottubru 1999.

4        Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Settembru 2002, SKT infurmat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tikkollabora magħha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u li tivverifika jekk, minbarra r-risposti għat-talba għal-informazzjoni, hija setgħetx tipprovdilha informazzjoni utli oħra, b’kunsiderazzjoni għall-provi kollha li diġà kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-istituzzjoni.

5        Wara li rċeviet il-verżjoni bil-Ġermaniż tat-talba għall-informazzjoni fil-5 ta’ Ottubru 2002, SKT irrispondiet din it-talba permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Ottubru 2002.

6        Fit-23 ta’ Mejju 2003, abbażi ta’ informazzjoni li kienet ġiet innotifikata lilha, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti u lill-impriżi l-oħra kkonċernati, jiġifieri, Morgan, Conradty, LCL, SGL u Hoffmann.

7        Wara s-smigħ tal-impriżi kkonċernati, minbarra Morgan u Conradty, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2004/420/KE, tat-3 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawża C38.359 − Prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”). Sunt tad-Deċiżjoni ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tat-28 ta’ April 2004 (ĠU L 125, p. 45).

8        Il-Kummissjoni indikat, fid-Deċiżjoni, li l-impriżi destinatarji tagħha kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 81(1) KE u, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994, tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), li kien jikkonsisti fl-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet tal-bejgħ, jew ta’ kundizzjonijiet oħra tan-negozju li japplikaw għall-klijenti, fit-tqassim tas-swieq, b’mod partikolari, bit-tqassim tal-klijenti, u fl-insegwiment ta’ azzjonijiet miftiehma (restrizzjonijiet kwantitattivi, żieda fil-prezzijiet, bojkotts) kontra kompetituri li ma kinux membri tal-kartell (premessa 2 tad-Deċiżjoni).

9        Id-Deċiżjoni tinkorpora s-segwenti dispożizzjonijiet:

“L-ewwel Artikolu

Is-segwenti impriżi kisru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) [KE] u, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994, tal-Artikolu 53(1) tal-ftehim fuq ŻEE billi pparteċipaw, fil-perijodi msemmija, f’numru ta’ akkordji u prattiki miftiehma fis-settur tal-prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi:

–        [Conradty], b’effett minn Ottubru 1988 sa Diċembru 1999;

–        [Hoffmann], b’effett minn Settembru 1994 sa Ottubru 1999;

–        [LCL], b’effett minn Ottubru 1988 sa Ġunju 1999;

–        [Morgan], b’effett minn Ottubru 1988 sa Diċembru 1999;

–        [Schunk], b’effett minn Ottubru 1988 sa Diċembru 1999;

–        [SGL], b’effett minn Ottubru 1988 sa Diċembru 1999.

Artikolu 2

Is-segwenti multi huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

–        [Conradty]: EUR 1 060 000;

–        [Hoffmann]: EUR 2 820 000;

–        [LCL]: EUR 43 050 000;

–        [Morgan]: EUR 0;

–        [Schunk]: EUR 30 870 000;

–        [SGL]: EUR 23 640 000.

Il-multi għandhom jitħallsu fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ din id-deċiżjoni: [...]

Meta jiskadi dan il-perijodu, huma awtomatikament dovuti l-interessi bir-rata applikabbli mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament fl-ewwel jum tax-xahar li matul tiegħu ġiet adottata din id-Deċiżjoni, b’żieda ta’ 3.5 punti ta’ perċentwali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      Fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni kkwalifikat il-ksur bħala wieħed serju ħafna, fid-dawl tan-natura tiegħu, tal-impatt tiegħu fuq is-suq taż-ŻEE għall-prodotti kkonċernati, anki jekk ma setax jiġi kkalkolat b’mod preċiż, u tal-firxa tiegħu tas-suq ġeografiku kkonċernat (premessa 288 tad-Deċiżjoni).

11      Sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza speċifika tal-aġir illegali ta’ kull impriża implikata fil-kartell, u għalhekk, tal-impatt reali tiegħu fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ġabret l-impriżi kkonċernati fi tliet kategoriji, skont id-daqs tagħhom fis-suq inkwistjoni ddeterminata permezz tas-sehem tagħhom tas-suq (premessi 289 sa 297 tad-Deċiżjoni).

12      Konsegwentement, LCL u Morgan, ikkunsidrati bħala l-ikbar żewġt operaturi peress li kellhom sehem tas-suq ta’ iktar minn 20 %, ġew ikklassifikati fl-ewwel kategorija. Schunk u SGL, li huma operaturi medji b’sehem tas-suq ta’ bejn 10 u 20 %, ġew ikklassifikati fit-tieni kategorija. Hoffmann u Conradty, ikkunsidrati bħala operaturi żgħar minħabba s-sehem tas-suq tagħhom ta’ inqas minn 10 %, ġew ikklassifikati fit-tielet kategorija (premessi 37 u 297 tad-Deċiżjoni).

13      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni ddeċidiet ammont inizjali, ikkalkolata skont il-gravità tal-ksur, ta’ EUR 35 miljun għal LCL u Morgan, ta’ EUR 21 miljun għal SGL u r-rikorrenti u ta’ EUR 6 miljun għal Hoffmann u Conradty (premessa 298 tad-Deċiżjoni).

14      Fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni qieset li kull impriża kkonċernata kienet wettqet ksur fuq perijodu twil. Fid-dawl ta’ perijodu ta’ ksur ta’ ħdax-il sena u xahrejn, il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali li kienet stabbilixxiet fir-rigward ta’ SGL u ta’ Conradty b’110 %. Fir-rigward ta’ LCL, il-Kummissjoni stabbilixxiet perijodu ta’ ksur ta’ għaxar snin u tmien xhur u żiedet l-ammont inizjali b’105 %. Fir-rigward ta’ Hoffmann, l-ammont inizjali kien miżjud b’50 % minħabba perijodu ta’ ksur ta’ ħames snin u xahar (premessi 299 u 300 tad-Deċiżjoni).

15      Għalhekk, l-ammont bażi tal-multa, stabbilit skont il-gravità u l-perijodu tal-ksur kien iffissat għal EUR 73.5 miljun fir-rigward ta’ Morgan, għal EUR 71.75 miljun għal LCL, għal EUR 44.1 miljun għar-rikorrenti u għal SGL, għal EUR 12.6 miljun fir-rigward ta’ Conradty u għal EUR 9 miljun għal Hoffmann (premessa 301 tad-Deċiżjoni).

16      Il-Kummissjoni ma qisitx li kien hemm ċirkustanza aggravanti jew mitiganti kontra jew favur l-impriżi kkonċernati (premessa 316 tad-Deċiżjoni) u ċaħdet it-talba tar-rikorrenti intiża li il-multa imposta tkun limitata, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ dinji ta’ SKT (premessa 318 tad-Deċiżjoni).

17      Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni, Morgan ibbenefikat minn immunità mill-multa peress li kienet l-ewwel impriża li żvelat mal-Kummissjoni l-eżistenza ta’ kartell (premessi 319 sa 321 tad-Deċiżjoni).

18      Skont il-punt D tal-imsemmija komunikazzjoni, il-Kummissjoni kkonċediet lil LCL tnaqqis ta’ 40 % tal-ammont tal-multa li kieku kienet tiġi imposta fuqu fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni, ta’ 30 % lil Schunk u lil Hoffmann u ta’ 20 % lil SGL, li kienet l-aħħar waħda li kkooperat (premessi 322 sa 338 tad-Deċiżjoni).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

19      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-20 ta’ Frar 2004, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors.

20      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-’Prim’Istanza inbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ħames Awla, bħala President tal-Awla u konsegwentement din il-kawża ġiet assenjata lil din l-aħħar awla.

21      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tas-27 ta’ Frar 2008.

22      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        iżżid l-ammont tal-multa imposta lir-rikorrenti;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni

24      Filwaqt li r-rikors imressaq mir-rikorrenti jippreżenta għan doppju, jiġifieri, l-ewwel nett, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni, u sussidjarjament, talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa, l-ilmenti differenti ġew issollevati mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħhom mingħajr distinzjoni. Meta ġew mistiedna mill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-portata eżatta tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti essenzjalment iddikjaraw li din tiddependi fuq id-diskrezzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

25      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-eċċezzjoni tal-illegalità tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-kontestazzjoni tar-responsabbilta in solidum ta’ Schunk GmbH u ta’ SKT jaqgħu b’mod ċar taħt it-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni.

26      Ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni bil-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali meta hija ddeterminat l-ammont tal-multa, li a priori jaqa’ taħt it-talba għal tnaqqis tal-multa. Madankollu, l-argument żviluppat insostenn tal-imsemmija allegazzjoni jaħbi konstatazzjonijiet tal-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni u għalhekk iqajjem il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-impriżi inkwistjoni, kif definita fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni. Għaldaqstant, dawn il-konstatazzjonijiet għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest tal-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni fl-intier tagħha, inkluż tal-Artikolu 1 tagħha.

 Fuq l-eċċezzjoni tal-illegalità tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17

27      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jattribwixxi lill-Kummissjoni setgħa ta’ diskrezzjoni kważi illimitata fir-rigward tal-iffissar tal-multi, u dan imur kontra l-prinċipju ta’ legalità, iddefinit fl-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-libertajiet fundamentali (KEDB), iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, kif interpretata mill-Qrati Ewropej.

28      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prinċipju ta’ legalità tas-sanzjonijiet huwa korollarju tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju u jeżiġi, b’mod partikolari, li kull leġiżlazzjoni Komunitarja, b’mod partikolari meta timponi jew timpermetti l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, għandha tkun ċara u preċiża, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jkunu jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minnha u jkunu jistgħu jaġixxu skont il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 1981, Gondrand Frères u Garancini, 169/80, Ġabra p. 1931, punt 17; tat-18 ta’ Novembru 1987, Maizena, 137/85, Ġabra p. 4587, punt 15; u tat-13 ta’ Frar 1996, van Es Douane Agenten, C‑143/93, Ġabra p. I‑431, punt 27, u tat-12 ta’ Diċembru 1996, X, C‑74/95 u C‑129/95, Ġabra p. I‑6609, punt 25).

29      Dan il-prinċipju, li jifforma parti mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie stabbilit f’diversi trattati internazzjonali, b’mod partikolari, fl-Artikolu 7 tal-KEDB, japplika kemm fir-rigward tar-regoli kriminali kif ukoll fir-rigward ta’ strumenti amministrattivi speċifiċi li jimponu jew jippermettu l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Maizena, punt 28 iktar ’il fuq, punti 14 u 15, u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan japplika mhux biss għar-regoli li jistabbilixxu l-elementi li jikkostitwixxu ksur, imma wkoll għal dawk li jiddefinixxu l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-ksur ta’ dawn tal-ewwel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza X, punt 28 iktar ’il fuq, punti 22 u 25).

30      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet fundamentali jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li tagħhom il-qorti Komunitarja għandha tiggarantixxi l-osservanza (opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 2/94, tat-28 ta’ Marzu 1996, Ġabra p. I‑1759, punt 33, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Mejju 1997, Kremzow, C‑299/95, Ġabra p. I‑2629, punt 14). Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza jispiraw ruħhom mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri kif ukoll mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-istrumenti internazzjonali rigward il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li kkooperaw għalihom u aderew magħhom l-Istati Membri. F’dan ir-rigward, il-KEDB tassumi rwol sinjifikattiv (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punt 18, u Kremzow, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6(2) UE, “[l]-’Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji fundamentali, kif garantiti mill-[KEDB] u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità” (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères, C‑94/00, Ġabra p. I‑9011, punti 23 u 24, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Frar 2001, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T‑112/98, Ġabra p. II‑729, punt 60).

31      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar il-kliem tal-Artikolu 7(1) tal-KEDB:

“Ħadd ma għandu jitqies li jkun ħati ta’ reat kriminali minħabba f’xi att jew ommissjoni li ma kinux jikkostitwixxu reat kriminali skont liġi nazzjonali jew internazzjonali fil-ħin meta jkun sar. Lanqas ma għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta r-reat kriminali jkun sar.”

32      Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-liġi għandha tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u s-sanzjonijiet għalihom. Din il-kundizzjoni hija sodisfatta meta l-individwu jkun jista’ jsir jaf, mid-diċitura tad-dispożizzjoni rilevanti u, jekk meħtieġ, bl-għajnuna tal-interpretazzjoni tagħha mill-qrati, liema atti jew ommissjonijiet jimplikaw ir-responsabbiltà kriminali tiegħu (ara l-Qorti EDB, is-sentenza Coëme et vs Il-Belġju tat-22 ta’ Ġunju 2000, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet, 2000-VII, p. 1, punt 145).

33      Barra minn hekk, l-Artikolu 7(1) tal-KEDB ma jeżiġix li t-termini tad-dispożizzjonijiet li permezz tagħhom huma imposti dawn is-sanzjonijiet ikunu preċiżi sal-punt li l-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw mill-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijet ikunu prevedibbli b’ċertezza assoluta. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, l-eżistenza ta’ kliem mhux preċiż fid-dispożizzjoni ma timplikax neċessarjament ksur tal-Artikolu 7 tal-KEDB u l-fatt li l-liġi tagħti setgħa ta’ diskrezzjoni ma jmurx kontra fih innifsu r-rekwiżit ta’ prevedibbiltà, sakemm il-portata u l-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa jkunu ddefiniti suffiċjentement b’mod ċar, fid-dawl tal-għan leġittimu inkwistjoni, sabiex l-individwu jingħata protezzjoni xierqa kontra deċiżjonijiet arbitrarji (ara l-Qorti EDB, is-sentenza Margareta u Roger Andersson vs L-Iżvezja, tal-25 ta’ Frar 1992, serje A Nru 226, punt 75). F’dan ir-rigward, minbarra t-test tal-liġi nnifsu, il-Qorti EDB tieħu inkunsiderazzjoni l-kwistjoni ta’ jekk il-kunċetti ġeneriċi użati kinux ippreċiżati minn ġurisprudenza kostanti u ppubblikata (ara l-Qorti EDB, is-sentenza G vs Franza tas-27 ta’ Settembru 1995, serje A Nru 325-B, punt 25).

34      Fir-rigward tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, ebda element ma jippermetti lill-Qorti tal-Prim’Istanza li tagħti lil prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li jikkostitwixxi l-prinċipju ta’ legalità interpretazzjoni differenti min dik li tirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq. Għalhekk, ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom li jiddikjaraw, mingħajr informazzjoni addizzjonali, li, fuq livell nazzjonali, ma teżisti l-ebda setgħa ta’ awtorità paragunabbli li tippermettilha timponi multi b’mod kważi illimitat.

35      Fil-kawża inkwistjoni, fir-rigward tal-legalità tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 rigward il-prinċipju tal-legalità tas-sanzjonijiet, kif ġie rrikonoxxut mill-qorti Komunitarja skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-KEDB u mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri, għandu jiġi kkunsidrat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni m’għandhiex setgħa ta’ diskrezzjoni illimitata fir-rigward tal-iffissar tal-multi għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

36      Fil-fatt, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 innifsu jillimita s-setgħa ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni. Min-naħa, billi jipprovdi li “[i]l-Kummissjoni tista’ permezz ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi multi minn [EUR 1000] sa [EUR 1 miljun], jew somma li taqbeż dan [l-ammont] iżda li ma taqbiżx 10 % tad-dħul mill-bejgħ magħmul fis-sena ta’ negozju preċedenti ta’ kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur”, huwa jipprovdi limitu massimu tal-multi skont id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati, jiġifieri, skont kriterju oġġettiv. Għalhekk, għalkemm ma jeżisti l-ebda limitu massimu assolut applikabbli għall-ksur kollu tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-multa li tista’ tiġi imposta hija madankollu limitata minn limitu ċifrabbli u assolut, ikkalkolat skont kull impriża, għal kull każ ta’ ksur, b’tali mod li l-ammont massimu tal-multa jkun jista’ jiġi impost fuq impriża partikolari u jkun jista’ jiġi ddeterminat minn qabel. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni timponi fuq il-Kummissjoni li tistabbilixxi l-multi każ b’każ billi “jiġu kk[u]nsidrati kemm il-gravità kif ukoll id-dewmien tal-ksur”.

37      Għalkemm huwa minnu li dawn iż-żewġ kriterji jagħtu marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa lill-Kummissjoni, xorta waħda jibqa l-fatt li dawn huma kriterji li ġew użati minn leġiżlaturi oħra għal dispożizzjonijiet simili, u dan jippermetti li l-Kummissjoni tadotta sanzjonijiet billi tieħu inkunsiderazzjoni l-grad tal-illegalità tal-aġir inkwisjtoni.

38      Għandu jiġi kkonstatat li, billi jipprovdi, fil-każ ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, għall impożizzjoni ta’ multi li jibdew minn EUR 1000 u li jistgħu jibqgħu tilgħin sa 10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkonċernata, il-Kunsill ma tax lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni eċċessiva. B’mod partikolari, għandu jiġi kkunsidrat li l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill bejgħ tal-impriża kkonċernata huwa raġonevoli, fid-dawl tal-interessi mħarsa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni u s-sanzjoni ta’ dan il-ksur.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li s-sanzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, fil-każ ta’ ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, jikkostitwixxu strument essenzjali li l-Kummissjoni għandha sabiex tħares l-implementazzjoni, fi ħdan il-Komunità, ta’ “sistema li tiżgura li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern” [Artikolu 3(1)(g) KE]. Din is-sistema tippermetti li l-Komunità twettaq l-inkarigu tagħha li tikkonsisti, permezz tal-istabbiliment ta’ suq komuni, fil-promozzjoni fil-Komunità kollha, inter alia, ta’ żvilupp armonjuż, bilanċjat u sostenibbli tal-attivitajiet ekonomiċi u livell għoli ta’ kompetittività (Artikolu 2 KE). Barra minn hekk, din is-sistema hija neċessarja għall-istabbiliment, fi ħdan il-Komunità, ta’ politika ekonomika li hija mmexxija skont ir-rispett tal-ekonomija ta’ suq miftuħ fejn il-kompetizzjoni hija libera (Artikolu 4(1) u 2 KE). Għalhekk, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jippermetti l-implementazzjoni ta’ sistema li tissodisfa l-għanijiet fundamentali tal-Komunità.

40      Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, filwaqt li jagħti lill-Kummissjoni ċerta setgħa ta’ diskrezzjoni, jiddefinixxi l-kriterji u l-limiti li huma imposti fuqha fl-eżerċizzju tas-setgħa li hija għandha li timponi multi.

41      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, sabiex tistabbilixxi multi abbażi tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni għandha tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, kif interpretati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Għandu jingħad ukoll li, skont l-Artikolu 229 KE u l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17, dawn il-qrati jiddeċiedu skont setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fuq rikorsi intiżi kontra d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni tistabbilixxi multi u għalhekk tista’ mhux biss tannulla d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni, imma wkoll tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta. Għalhekk, il-prassi amministrattiva tal-Kummissjoni hija suġġetta għall-istħarriġ sħiħ tal-qorti Komunitarja. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, dan l-istħarriġ ma jwassalx lill-qorti Komunitarja, li allegatament fir-rigward tagħha ġiet delegata l-funzjoni ta’ leġiżlatur, li tmur lil hinn mill-kompetenzi tagħha bi ksur tal-Artikolu 7(1) KE, fid-dawl tal-fatt li, minn naħa, tali stħarriġ huwa espliċitament ipprovdut mid-dispożizzjonijiet iċċitati, li l-validità tagħhom mhijiex ikkontestata, u min-naħa l-oħra, li l-qorti Komunitarja teżerċita dan l-istħarriġ fl-osservanza tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

42      Barra minn hekk, abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ppreċiżati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni nfisha żviluppat prassi deċiżjonali magħrufa pubblikament u aċċessibbli. Minkejja li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punti 201 u 205, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra p. I‑4405, punt 60), xorta jibqa’ l-fatt, li skont il-prinċipju ta’ trattament ugwali, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt li għandu jiġi osservat mill-Kummissjoni, din tal-aħħar ma tistax tittratta sitwazzjonijiet simili b’mod differenti jew sitwazzjonijiet differenti b’mod identiku, sa fejn tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 1984, Sermide, 106/83, Ġabra p. 4209, punt 28, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T‑311/94, Ġabra p. II‑1129, punt 309).

43      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni tista’, ċertament, f’kull waqt, tadatta l-livell tal-multi jekk dan ikun meħtieġ fid-dawl tal-applikazzjoni effikaċi tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 109, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 237), peress li bidla f’din il-prassi amministrattiva tista’ titqies li hija oġġettivament ġustifikata mill-għan tal-prevenzjoni ġenerali tal-ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni. Għalhekk, iż-żieda reċenti tal-livell tal-multi li hija allegata u kkonstestata mir-rikorrenti ma tistax, fiha nnfisha, titqies bħala illegali fid-dawl tal-prinċipju tal-legalità tas-sanzjonijiet, peress li hija tibqa’ fil-kuntest legali kif iddefinit fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 kif interpretat mill-qrati Komunitarji.

44      Minbarra hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, għal fini ta’ trasparenza u sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali tal-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni ppubblikat Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) [KEFA] (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”), fejn hija tesponi l-metodi ta’ kalkolu tal-multi li hija timponi fuqha nnifisha f’kull każ. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li billi tadotta regoli ta’ gwida bħal dawn u billi tħabbar, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet milquta minnhom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra r-regoli tagħha mingħajr ma tiġi ssanzjonata, minħabba skont il-każ, ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dak ta’ trattament ugwali u tal-aspettattivi leġittimi. Barra minn hekk, għalkemm il-Linji gwida ma jikkostitwixxux il-bażi legali tad-Deċiżjoni, huma jiddeterminaw, b’mod ġenerali u astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi imposti skont id-Deċiżjoni u konsegwentement, jiżguraw iċ-ċertezza legali tal-impriżi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punti 211 u 213). Isegwi li, l-adozzjoni tal-Linji gwida mill-Kummissjoni, sa fejn din taqa’ fil-kuntest legali impost mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, sempliċement ikkontribwixxiet sabiex tippreċiża l-limiti tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li diġà jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni, mingħajr ma jkun jista’ jiġi konkluż li inizjalment kien hemm nuqqas min-naħa tal-leġiżlatur Komunitarju fid-determinazzjoni tal-limiti tal-kompetenza tal-Kummissjoni fil-qasam inkwistjoni.

45      Konsegwentement, fid-dawl tad-diversi elementi esposti iktar ’il fuq, operatur avżat, jekk ikun hemm bżonn, wara li jieħu parir legali, jista’ jipprevedi b’mod suffiċjentement preċiż il-metodu u d-daqs tal-multi li huwa jinkorri għall-aġir partikolari min-naħa tiegħu. Il-fatt li dan l-operatur ma jistax, minn qabel, ikun jaf l-ammont tal-multi eżatt li l-Kummissjoni ser timponi f’kull każ ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ legalità tas-sanzjonijiet, fid-dawl tal-fatt li, minħabba l-gravità tal-ksur li l-Kummissjoni għandha tikkundanna, l-għanijiet ta’ ripressjoni u ta’ dissważjoni jiġġustifikaw il-fatt li jiġi evitat li l-impriżi jkunu f’pożizzjoni li jevalwaw il-benefiċċji li huma jkunu ser jieħdu mill-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur billi jikkunsidraw, minn qabel, l-ammont tal-multa li tkun ser tiġi imposta fuqhom minħabba dan l-aġir illegali.

46      F’dan ir-rigward, anki jekk l-impriżi ma jkunux f’pożizzjoni li jkunu jafu, minn qabel, l-ammont eżatt tal-multi li l-Kummissjoni tkun ser timponi f’kull każ partikolari, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 253 KE, f’deċiżjoni li timponi multa, il-Kummissjoni hija obbligata, u dan minkejja l-kuntest ġeneralment magħruf tad-deċiżjoni, li timmotiva, b’mod partikolari, l-ammont tal-multa imposta u l-metodu magħżul f’dan ir-rigward. Din il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Kummissjoni, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura li ttieħdet bil-għan li jevalwaw il-possibbiltà li jressqu kawża quddiem il-qrati Komunitarji u, jekk ikun il-każ, li jippermettu lill-istess qrati jagħmlu l-istħarriġ tagħhom.

47      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li jipprovdi li, billi ddefinixxa l-kuntest tal-multa bl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-Kunsill naqas mill-obbligu li huwa għandu li jindika b’mod ċar il-limiti tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni u, fil-fatt, huwa ttrasferixxa lill-Kummissjoni kompetenza li huwa għandu skont it-Trattat, bi ksur tal-Artikoli 83 KE u 229 KE, dan għandu jitqies bħala infondat.

48      Minn naħa, kif ġie espost iktar ’il fuq, għalkemm l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jagħti lill-Kummissjoni setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni, madankollu huwa jillimita dan l-eżerċizzju billi jistabbilixxi kriterji oġġettivi li l-Kummissjoni għandha tosserva. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi mfakkar li r-Regolament Nru 17 ġie adottat abbażi tal-Artikolu 83(1) KE li jipprovdi li “l-Kunsill, wara li jikkonsulta l-Assemblea u b’votazzjoni unanima fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jagħmel ir-regolamenti jew id-direttivi xierqa għall-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE]”. Dawn ir-regolamenti jew direttivi, skont l-Artikolu 83(2)(a) u (d) KE, huma maħsuba, b’mod partikolari, sabiex “jassiguraw l-osservanza tal-projbizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 81(1)[KE] u fl-Artikolu 82[KE], bl-istituzzjoni ta’ multi jew penali perjodiċi”, u li “jispeċifikaw il-kompiti rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu”. Għandu jiġi mfakkar ukoll li, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 211 KE, il-Kummissjoni “tissorvelja l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat u tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet tal-Komunità bis-saħħa tagħhom” u li, skont it-tielet inċiż ta’ dan l-istess artikolu, hija tgawdi minn “kompetenza indipendenti ta’ deċiżjoni”.

49      Isegwi li l-setgħa li jiġu imposti multi fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE u 82 KE ma tistax titqies li, oriġinarjament, hija setgħa tal-Kunsill, u li sussegwentement ittrasferieha jew iddelega l-eżekuzzjoni tagħha lill-Kummissjoni, kif ipprovdut fit-tielet inċiż tal-Artikolu 202 KE. Skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat iċċitati iktar ’il fuq, effettivament din is-setgħa taqa’ taħt il-kompitu li l-Kummissjoni għandha li tiżgura l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju; peress li dan il-kompitu li ġie ppreċiżat, iddefinit u fformalizzat, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, mir-Regolament Nru 17. Għalhekk, is-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni minn dan ir-regolament sabiex timponi multi tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat stess u hija intiża li tippermetti l-applikazzjoni effettiva tal-projbizzjonijiet ipprovduti fl-imsemmija artikoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il‑Kummissjoni, T‑202/98, T‑204/98 u T‑207/98, Ġabra p. II‑2035, punt 133). Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

50      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-eċċezzjoni tal-illegalità mqajjma fir-rigward tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 għandha tiġi miċħuda bħala infondata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punti 69 sa 92 u tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T-279/02, Ġabra p. II‑897, punti 66 sa 88).

51      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti “sussidjarjament” isostnu li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jista’ jitqies bħala kompatibbli mal-prinċipju ta’ legalità biss jekk il-Kummissjoni tinterpretah b’mod restrittiv, ħaġa li hija mhijiex lesta li twettaq.

52      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jillimitaw ruħhom li jifformolaw kunsiderazzjonijiet ġenerali fuq il-metodu li permezz tiegħu l-Kummissjoni għandha, b’mod ġenerali, temenda l-politika tagħha fil-qasam tal-multi billi tiżviluppa prassi deċiżjonali trasparenti u koerenti, madankollu ma jressqu ebda kontestazzjoni konkreta kontra d-Deċiżjoni.

 Fuq ir-responsabbiltà in solidum ta’ Schunk GmbH u ta’ SKT

53      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-kundizzjonijiet li fihom Schunk GmbH tqieset bħala destinarja tad-Deċiżjoni ġew indikati b’mod ċar fl-istess Deċiżjoni.

54      Mill-premessa 257 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni tqis li, “minkejja li [SKT] kienet il-persuna ġuridika li pparteċipat direttament fl-akkordju, Schunk GmbH, bħala kumpannija parent b’100 % tal-ishma, setgħet teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ [SKT] fil-perijodu ta’ meta seħħ il-ksur, u jista’ jitqies li effettivament hija influwenzat il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju”. Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn iż-żewġ impriżi “kienu jiffurmaw l-entità ekonomika li timmanifattura u tbigħ prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi fiż-ŻEE u li pparteċipat fl-akkordju” u li għalhekk kellhom jiġu ddikjarati responsabbli in solidum għall-ksur li twettaq.

55      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-aġir antikompetittiv ta’ impriża jista’ jiġi imputat lil oħra meta din ma tkunx iddeterminat l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu, imma tkun essenzjalment applikat l-istruzzjonijiet mogħtija minn din tal-aħħar, fid-dawl, b’mod partikolari, tar-rabtiet ekonomiċi u legali li jgħaqqduhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla et vs Il-Kummissjoni, C-294/98 P, Ġabra p. I‑10065, punt 27, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 117). Għalhekk, l-aġir ta’ kumpannija sussidjarja jista’ jiġi imputat lil kumpannija parent meta l-kumpannija sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-linja ta’ aġir tagħha fuq is-suq, imma essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li jkunu ngħataw mill-kumpannija parent, peress li dawn iż-żewġ impriżi jikkostitwixxu entità ekonomika waħda (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, ICI vs Il‑Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punti 133 u 134).

56      Fil-każ partikolari fejn kumpannija parent ikollha 100 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja tagħha li tkun responsabbli għall-aġir illegali, teżisti prezunzjoni juris tantum li l-imsemmija kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG vs Il-Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punt 50 u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ April, 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala “PVC II”, T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra p. II-931, punti 961 u 984) u għaldaqstant dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T-71/03, T-74/03, T-87/03 u T-91/03, Ġabra p. II-10, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tokai II”, punt 59). Għaldaqstant, hija l-kumpannija parent li, quddiem il-qorti Komunitarja, tkun qiegħda tikkontesta deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi fuqha multa għall-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha, li għandha taqleb din il-preżunzjoni billi tressaq provi li jistgħu jipprovaw l-awtonomija ta’ din tal-aħħar (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il-Kummissjoni, T-314/01, Ġabra p. II-3085, punt 136; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, C-286/98 P, Ġabra p. I-9925, iktar ’il quddiem is-“sentenza Stora”, punt 29).

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm huwa minnu li fil-punti 28 u 29 tas-sentenza Stora, punt 56 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja invokat ċirkustanzi oħra minbarra dik tal-proprjetà ta’ 100 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja, bħan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-influwenza li l-kumpannija parent eżerċitat fuq il-politika kummerċjali tal-kumpannija sussidjarja tagħha u r-rappreżentazzjoni komuni taż-żewġ kumpanniji matul il-proċedura amministrattiva, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja esponiet l-imsemmija ċirkustanzi għall-fini biss li tesponi l-elementi kollha li fuqhom il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ibbażat ir-raġunament tagħha sabiex tikkonkludi li dan ma kienx ibbażat biss fuq il-fatt li l-kumpannija parent kienet il-proprjetarja tal-kapital kollu tal-kumpannija sussidjarja. Għaldaqstant, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’din il-kawża ma jwassalx għat-tibdil tal-prinċipju stabbilit fil-punt 50 tas-Sentenza AEG vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq. Għandu jingħad ukoll li, fil-punt 29 tas-sentenza Stora, punt 56 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja espliċitament indikat li “fil-każ ta’ proprjetà tal-kapital kollu tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet leġittimament tqis, kif irrlevat il-Kummissjoni, li l-kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha”, u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, hija r-rikorrenti li għandha taqleb din il-“preżunzjoni” permezz ta’ elementi probatorji suffiċjenti.

58      Fil-kawża inkwistjoni, Schunk GmbH espliċitament ikkonfermat, matul is-seduta u bħala risposta għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġrim’Istanza, li hija kienet tikkontrolla lil SKT 100 % fil-perijodu ta’ meta seħħ il-ksur u għalhekk, għandu jiġi preżunt li effettivament hija kienet teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha, u li Schunk GmbH setgħet taqleb din il-preżunzjoni billi tippreżenta elementi probatorji li jistgħu juru l-awtonomija ta’ SKT.

59      Mill-osservazzjonijiet ta’ Schunk GmbH jirriżulta li l-argument tagħha dwar l-awtonomija ta’ SKT huwa essenzjalment ibbażat biss fuq id-dikjarazzjoni tan-natura speċifika tagħha, jiġifieri dik ta’ kumpannija holding. Minn dan, Schunk GmbH tiddeduċi l-indipendenza funzjonali ta’ SKT u, barra minn hekk, teċċepixxi l-indipendenza strutturali tagħha, u dan imur kontra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li Schunk GmbH u SKT jikkostitwixxu entità ekonomika waħda u f’dan il-każ, aġixxew bħala impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

60      Il-kunċett ta’ holding ikopri sitwazzjonijiet differenti, imma b’mod ġenerali, holding tista’ tiġi ddefinita bħala kumpannija li għandha ishma f’kumpannija jew f’numru ta’ kumpanniji bil-għan li tikkontrollhom.

61      Fil-premessa 260 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tfakkar il-kontenut tal-Artikolu 3 tal-memorandum ta’ Schunk GmbH, li jipprovdi li “l-għan tal-impriża huwa l-akkwist, il-bejgħ, l-amministrazzjoni, b’mod partikolari, tal-ġestjoni strateġika tal-ishma industrijali”.

62      Għalkemm din id-definizzjoni tal-għan soċjali ta’ Schunk GmbH tikkorrobora d-dikjarazzjoni tagħha li hija hija biss holding finanzjarja, li ma teżerċità ebda attività industrijali jew kummerċjali, l-espressjoni “ġestjoni strateġika tal-ishma industrijali” hija suffiċjentement wiesgħa sabiex tkopri u tippermetti, fil-prattika, attività ta’ gestjoni u ta’ tmexxija tal-kumpanniji sussidjarji. Għandu jiġi rrilevat li l-istess Artikolu 3 tal-memoranda ta’ Schunk GmbH jipprovdi wkoll li “[i]l kumpannija hija kompetenti sabiex tieħu l-miżuri kollha li huma xierqa sabiex twettaq, direttament jew indirettament, l-għan” iddefinit fil-punt preċedenti.

63      Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ gruppi ta’ kumpanniji, bħal ma huwa l-każ inkwistjoni, holding hija kumpannija li hija intiża li tiġbor flimkien l-ishma fil-kumpanniji diversi u li għalhekk il-funzjoni tagħha hija li tiżgura l-unità tat-tmexxija tagħhom. Mill-premessa 30 tad-Deċiżjoni jirriżulta li Schunk GmbH hija l-kumpannija parent ewlenija tal-grupp Schunk, li jħaddan iktar minn 80 kumpanniji sussidjarji u huwa “responsabbli, inter alia, għad-diviżjoni ‘grafita u ċeramika’ tal-grupp, li hija responsabbli b’mod partikolari mill-prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi”.

64      L-eżistenza tal-unità ta’ direzzjoni u ta’ koordinazzjoni hija kkonfermata miċ-ċirkustanzi li fihom SKT iddefinixxiet u ppreżentat id-dħul mill-bejgħ tagħha għas-sena 1998 lill-Kummissjoni, billi sostniet li hija kellha d-dritt teskludi mid-dħul mill-bejgħ tagħha l-valur tal-brushes installati fuq il-brush-holders.

65      Fil-fatt, fil-premessa 262 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ssostni kif ġej:

“[D]awn il-brush-holders huma mmanifatturati minn Schunk Metall- und Kunststofftechnik GmbH, kumpannija sussidjarja oħra tal-grupp Schunk. Li kieku [SKT] kienet verament issegwi politika kummerċjali awtonoma, hija kienet sistematikament tinkludi l-bejgħ ta’ dawn il-brushes lil Schunk Metall-und Kunststofftechnik GmbH mad-data dwar id-dħul mill-bejgħ tagħha. Il-fatt li hija pproponiet li jsir mod ieħor juri li hija qieset li dan kien jikkonċerna l-bejgħ li jimplika trasferiment lil kumpannija oħra tal-grupp, li hija suġġetta għall-kontroll ta’ entitajiet ġuridiċi li għandhom pożizzjoni superjuri fi ħdan il-grupp Schunk, u mhux bejgħ awtonomu lil xerrej indipendenti. Fil-fatt, [SKT] ikkwalifikat l-imsemmi bejgħ lil Metall- und Kunststofftechnik GmbH bħala ‘dħul mill-bejgħ intern’ u bħala ‘użu proprju’”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

66      Minn din is-sitwazzjoni, kif deskritta, jirriżulta li mingħajr ebda dubju kien hemm teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-grupp u tixhed kontra l-allegazzjoni ta’ indipendenza totali ta’ SKT. Għandha tiġi enfasizzata l-importanza tal-kumpannija sussidjarja SKT għall-grupp Schunk u għall-unika azzjonista, Schunk GmbH. Għalhekk, filwaqt li għas-sena 2002, id-dħul mill-bejgħ kumplessiv tal-grupp kien jammonta għal EUR 584 miljun, fl-istess sena SKT kellha dħul mill-bejgħ globali ta’ EUR 113.6 miljun.

67      Minbarra l-kliem tal-Artikolu 3 tal-memorandum ta’ Schunk GmbH, il-Kummissjoni tirreferi għall-forma ġuridika partikolari ta’ SKT, li ġiet imwaqqfa bħala kumpannija ta’ responsabbiltà limitata (Gesellschaft mit beschränkter Haftung, GmbH). Schunk GmbH ma kkontestatx il-kontenut tal-premessa 259 tad-Deċiżjoni li tipprovdi kif ġej:

“Skont id-dritt tal-kumpanniji Ġermaniż, l-azzjonisti ta’ kumpannija privata ta’ responsabbiltà limitata (GmbH) jikkontrollaw strettament it-tmexxija tal-GmbH. Fost affarijiet oħra, huma jaħtru u jneħħu d-diretturi ġenerali tal-GmbH. Barra minn hekk, huma jieħdu wkoll il-miżuri neċessarji sabiex jeżaminaw u jikkontrollaw il-mod ta’ kif titmexxa l-GmbH. Barra minn hekk, fuq talba ta’ kull azzjonista, id-diretturi ġenerali tal-GmbH huma marbuta li immedjatament jipprovdu informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-kumpannija u li jagħtu aċċess għall-kontabilità u d-dokumenti tagħha.”

68      Fuq il-pjan strutturali, Schunk GmbH tiddikjara li mhemm l-ebda konnessjoni ta’ persunal bejn iż-żewġ kumpanniji, fis-sens ta’ “strutturi ta’ persunal komuni għal diversi kumpanniji, pereżempju, l-istess persuna li teżerċita l-funzjoni ta’ membru tal-Bord tad-Diretturi f’diversi kumpanniji fl-istess ħin u matul perijodu relattivament twil jew nominazzjonijiet reċiproċi fil-Kunsill Eżekuttiv jew fil-Bord tad-Diretturi ”.

69      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li Schunk GmbH ma tipprovdi ebda dokument ta’ sostenn għall-allegazzjonijiet tagħha, provi li jistgħu madankollu jiġu ppreżentati f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-lista nominattiva tal-membri tal-entitajiet statutorji taż-żewġ kumpanniji fil-perijodu ta’ meta seħħ il-ksur.

70      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-għan ta’ Schunk GmbH jippermetti li jiġi konkluż li din tal-aħħar tabilħaqq tikkostitwixxi holding li r-rwol tagħha, skont il-memorandum, kien li tmexxi l-ishma tagħha fil-kapital tal-kumpanniji l-oħra, mhuwiex suffiċjenti, fih innifsu, sabiex jaqleb il-preżunzjoni li nibtet miż-żamma tal-kapital kollu ta’ SKT.

71      Din il-konklużjoni tirrendi inutli l-eżami tas-saħħa probatorja ta’ indizju msemmi fil-premessa 261 tad-Deċiżjoni, indizju kkunsidrat bħala li jipprova l-fatt li t-tmexxija ta’ Schunk GmbH ma setgħetx tinjora l-parteċipazzjoni ta’ SKT fi ftehim li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, jiġifieri l-irwol ta’ M. F., li ismu deher fil-ktieb tal-indirizzi ta’ rappreżentant ta’ Morgan u li, sussegwentement, sar direttur ġenerali ta’ Schunk GmbH.

72      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-parallelliżmu li għamlet Schunk GmbH mas-sitwazzjoni ta’ Hoffmann u t-trattament awtonomu li din tal-aħħar kienet is-suġġett tiegħu min-naħa tal-Kummissjoni, huwa nieqes minn kull rilevanza, sa fejn il-Kummissjoni ddeċidiet favur ir-responsabbiltà individwali ta’ din il-kumpannija matul il-perijodu ta’ bejn Settembru 1994 u Ottubru 1999, jiġifieri qabel ma ġiet mixtrija minn Schunk GmbH.

73      Fl-aħħar nett, Schunk GmbH tiddikjara li, sabiex kumpannija parent tinsab responsabbli għal ksur imwettaq minn kumpannija sussidjarja tagħha, huwa neċessarju li jiġi stabbilit ksur individwali tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-konfront tal-ewwel waħda u li l-fatt li ksur imwettaq minn persuna jiġi imputat fuq oħra jikser il-prinċipju tar-responsabbiltà individwali li jirrikjedi li individwu jista’ jiġi kkundannat biss meta ksur individwali jista’ jiġi imputat lilu.

74      Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-argument ta’ Schunk GmbH huwa bbażat fuq premessa żbaljata li tgħid li ebda ksur ma ġie kkonstatat fir-rigward tagħha. A contrario, mill-premessa 257 u mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni jirriżulta li Schunk GmbH kienet personalment ikkundannata għall-ksur li wettqet hija stess minħabba rabtiet ekonomiċi u ġuridiċi li jgħaqqduha ma’ SKT u li tawha l-possibbiltà li tiddetermina l-aġir ta’ din tal-aħħar fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Metsä-Serla et vs Il-Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq, punt 34).

75      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li Schunk GmbH ma wrietx li l-Kummissjoni żbaljat meta ddikjarat li kienet responsabbli in solidum ma’ SKT, għall-ħlas tal-multa ta’ EUR 30.87 miljun.

76      Konsegwentement, l-allegazzjoni li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 billi ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ dinji ta’ Schunk GmbH, li kienet inġustament meqjusa bħala responsabbli in solidum ma’ SKT, għandha tiġi miċħuda peress li hija fondata fuq premessa żbaljata.

 Fuq il-konstatazzjonijiet tal-ksur

–       Il-kunsiderazzjonijiet preliminari

77      Kif ġie espost iktar ’il fuq, l-argument tar-rikorrenti żviluppat insostenn tal-ilment ibbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali matul l-iffissar tal-ammont tal-multa jaħbi l-kontestazzjonijiet tal-ksur stabbilit mill-Kummissjoni u għalhekk iqajjem il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-impriżi inkwistjoni.

78      Għalhekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma kinitx iġġustifikata meta qieset:

–        li l-impriżi implikati fil-kartell kienu konġuntament ftiehmu li jirrinunzjaw għall-pubbliċità u għall-parteċipazzjonijet fil-wirjiet;

–        li SKT kienet ħadet sehem fil-ftehim dwar il-projbizzjoni ta’ fornitura ta’ blokok ta’ karbonju lill-manifatturi li jaqtgħu l-karbonju;

–        li l-prodotti u l-klijenti tas-setturi tat-tagħmir awtomobbilistiku u ta’ beni għal konsum kienu s-suġġett ta’ ftehim antikompetittiv;

–        li l-impriżi kkonċernati kienu segwew “pjan globali intiż li jbiddel b’mod sostenibbli l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq permezz tal-akkwist tal-impriżi”, peress li pjan bħal dan ma kienx jeżisti jew ma setax jinħoloq jew jiġi implementat ħlief minn SGL u Morgan, mingħajr ma kienu jafu r-rikorrenti;

–        li l-impriżi kkonċernati kienu rrikorrew għall-mekkaniżmu partikolarment sofistikat għall-kontroll u l-implementazzjoni tad-diversi ftehim tagħhom.

79      B’reazzjoni għal dawn l-allegazzjonijiet, il-Kummissjoni ssostni li, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti ma kkontestawx il-materjalità ta’ ċerti fatti inklużi fl-imsemmija dikjarazzjoni, li huma kkontestati għall-ewwel darba fir-rikors għall-annullament imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Skont il-ġurisprudenza, il-fatti ammessi waqt il-proċedura amministrattiva għandhom ikunu kkunsidrati bħala stabbiliti u ma jistgħux jiġu kkontestati quddiem il-qorti.

80      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija intiża li tiżgura l-eżerċizzju effikaċji tad-drittijiet ta’ difiża tal-impriżi li huma d-destinatarji tagħha, għandha bħala effett li tillimita s-suġġett tal-proċedura mibdija kontra l-impriża, sa fejn hija tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-imsemmija impriża u sa fejn l-istituzzjoni m’għandhiex dritt li tiddeċiedi fuq oġġezzjonijiet li mhumiex imniżżla fid-dikjarazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, Francolor vs Il‑Kummissjoni, 54/69, Ġabra p. 851, punt 12, u tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 86).

81      Huwa, inter alia, abbażi tar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ipprovduti mill-impriżi destinatarji tagħha, li l-Kummissjoni għandha tadotta l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-bqija tal-proċedura amministrattiva.

82      L-istituzzjoni għandha, minn naħa, id-dritt jew eventwalment id-dmir li twettaq inkjesti ġodda jekk mill-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva jirriżulta l-bżonn ta’ verifiki addizzjonali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, Geigy vs Il-Kummissjoni, 52/69, Ġabra p. 787, punt 14), li jistgħu jwasslu lill-Kummissjoni sabiex tindirizza lill-impriżi kkonċernati dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali.

83      Min-naħa l-oħra, fid-dawl tar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, b’mod partikolari, tal-ammissjoni tal-fatti allegati min-naħa tal-impriżi kkonċernati, kif ukoll fid-dawl ta’ elementi miġbura matul l-inkjesta, hija tista’ tqis li hija f’sitwazzjoni li tadotta deċiżjoni definittiva li tammonta għat-tmiem tal-proċedura amministrattiva u tal-funzjoni tagħha intiża għad-determinazzjoni u l-ippruvar tal-fatti li fuqu huwa msejjes il-ksur inkwistjoni. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tiddefinixxi r-responsabbiltajiet tal-impriżi kkonċernati u jekk ikun il-każ, tiffissa l-ammont tal-multi imposti fuqhom.

84      Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-punt 37 tas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il-Kummissjoni (C‑297/98 P, Ġabra p. I‑10101) li, fin-nuqqas ta’ ammissjoni espliċita min-naħa tal-impriża implikata, il-Kummissjoni għandha wkoll tistabbilixxi l-fatti, u l-impriża tibqa’ libera li tiżviluppa, fi żmien xieraq u b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża, il-motivi kollha ta’ difiża li jidhrilha utli. Minn dan jirriżulta li, min-naħa l-oħra, dan mhuwiex il-każ meta hemm ammissjoni tal-fatti mill-impriża inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, punt 227; tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, iktar ’il fuq is-“sentenza Tokai I”, punt 108; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Tokai II, punt 56 iktar ’il fuq, punti 324 u 326).

85      Din il-ġurisprudenza m’għandhiex l-għan li tillimita t-tressiq ta’ rikors kontenzjuż minn impriża ssanzjonata mill-Kummissjoni imma li tippreċiża l-portata tal-kontestazzjoni li tista’ tiġi ppreżentata quddiem il-qorti sabiex jiġi evitat li d-determinazzjoni tal-fatti li fuqhom huwa msejjes il-ksur ikkonċernat tgħaddi minn idejn il-Kummissjoni għal f’idejn il-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li għandu jiġi mfakkar li din tal-aħħar, adita b’rikors fuq il-bażi tal-Artikolu 230 KE, għandha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni li timponi s-sanzjoni u, jekk ikun hemm bżonn, temenda din id-deċiżjoni permezz tas-setgħa sħiħa ta’ ġurisdizzjoni tagħha (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Novembru 2004, FNICGV vs Il-Kummissjoni, T‑252/03, Ġabra p. II‑3795, punt 24).

86      Fil-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni bagħtet, fit-23 ta’ Mejju 2003, dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti fejn ipprovdiet lil dawn tal-aħħar tmien ġimgħat sabiex ikunu nnotifikati biha u jippreżentaw ir-risposta tagħhom. Matul dan il-perijodu, ir-rikorrenti, megħjuna mill-avukati tagħhom, setgħu janalizzaw l-oġġezzjonijiet ikkonstati mill-Kummissjoni fil-konfront tagħhom u sabiex jiddeċiedu, f’għarfien tal-fatti tal-kawża, il-pożizzjoni li huma kellhom l-intenzjoni li jadottaw, anki fid-dawl tat-termini tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni.

87      Fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Schunk GmbH indikat li hija la tikkontesta l-fatti u lanqas il-kwalifika legali ta’ dawn il-fatti bħala akkordju pprojbit u/jew bħala prattika miftiehma, imma li hija tikkontesta l-fatt li l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li twettaq minn SKT ġie imputat lilha. Għalhekk, ir-risposta ta’ Schunk GmbH hija intiża għall-kontestazzjoni ta’ responsabbiltà in solidum ma’ SKT.

88      Fir-rigward ta’ SKT, ir-risposta tagħha ngħatat f’forma partikolari fis-sens li tinkludi introduzzjoni fejn jiġi indikat, b’mod ġenerali, dan li ġej:

“[SKT] ma tikkontestax il-fatti […] Hija lanqas ma tikkontesta l-kwalifika legali tal-fatti bħala akkordju pprojbit u/jew bħala prattika miftiehma. F’dawn l-osservazzjonijiet [SKT] sempliċement tikkontesta ċerti evalwazzjonijiet tal-fatti u l-konklużjonijiet legali tal-Kummissjoni. Għalhekk, ser nelaboraw fuq l-espożizzjoni tal-fatti fir-rigward ta’ ċertu punti.”

89      Mill-kliem użat tirriżulta l-espressjoni ta’ ammissjoni globali espliċita mhux biss tal-fatti esposti imma anki tal-kwalifika legali tagħhom li tidher fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet relatati, madankollu, tali ammissjoni hija akkumpanjata minn riżerva dwar ċerti fatti u fuq ċerti konklużjonijiet ġuridiċi li l-Kummissjoni setgħet tikkonkludi minnhom.

90      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni tat lil Schunk tnaqqis ta’ 10 % tal-ammont tal-multa, ammont li ġie stabbilit matul is-seduta, skont it-tieni inċiż tal-punt D(2) tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni, li jipprovdi l-benefiċċju ta’ tali tnaqqis jekk “wara li tkun irċeviet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, [l-]impriża tinforma lill-Kummissjoni li hija ma tikkontestax il-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-imputazzjonijiet”.

91      Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk il-kontestazzjonijiet imsemmija fil-punt 78 iktar ’il fuq ikoprux ir-riżervi li SKT esprimiet fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

–       Fuq il-projbizzjoni tal-pubbliċità

92      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti jikkontestaw għall-ewwel darba fir-rikors promotur l-eżistenza ta’ ftehim dwar il-pubbliċità u l-parteċipazzjoni f’wirjiet li huma espliċitament imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet filwaqt li r-rikorrenti jsostnu li matul il-proċedura amministrattiva huma qatt ma kienu ammettew li l-fatt ikkonċernat kien korrett.

93      Għandu jiġi kkonstatat li l-kwistjoni tal-interdizzjoni tal-pubbliċità hija esposta b’mod ċar fil-punt 106 u 107 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni tindika li l-membri tal-kartell kienu ftiehmu li ma jagħmlux pubbliċità u li ma jipparteċipawx f’fieri u wirjiet (punt 106) u tirreferi għall-fatt li waqt il-laqgħa tat-3 ta’ April 1998, il-kumitat tekniku sostna, taħt it-titolu “Regoli fil-qasam tal-pubbliċita” li “Morgan Cupex u Pantrak għamlu pubbliċità għall-brushes tal-karbonju, li ma kinitx awtorizzata” (punt 107).

94      Għandu jiġi mfakkar li, fir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, SKT u Schunk GmbH indikaw li huma la jikkontestaw il-fatti u lanqas l-kwalifika legali tal-fatti bħala akkordju pprojbit u/jew bħala prattika miftiehma, bir-riżerva, min-naħa ta’ SKT, ta’ ċerti evalwazzjonijiet u konklużjonijiet tal-Kummissjoni esposti fil-punti 3 sa 33 tar-risposta tagħha. Issa, fl-imsemmija punti ma ssir l-ebda referenza għall-evalwazzjonijiet u konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-projbizzjoni tal-pubbliċità.

95      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, b’mod ċar, r-rikorrenti ammettew l-eżistenza ta’ ftehim antikompetittiv fuq il-projbizzjoni tal-pubbliċità, eżistenza li ma tistax iktar tiġi kkontestata, għall-ewwel darba, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

–       Fuq il-provvista ta’ blokki tal-karbonju

96      SKT issostni li, bil-kontra ta’ dak li tiddikjara l-Kummissjoni, hija ma ħaditx sehem fil-ftehim dwar il-projbizzjoni tal-provvista ta’ blokok tal-karbonju lill-manifatturi li jaqtgħu tali karbonju.

97      Mid-Deċiżjoni jirriżulta li dan l-ilment huwa bbażat fuq qari parzjali u żbaljat tagħha, u għaldaqstant ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kontestazzjoni tardiva tal-fatti imputati.

98      Fil-premessa 154 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tispjega li, minbarra li kienu jbiegħu prodotti lesti abbażi tal-karbonju, bħal brushes tal-karbonju, il-membri tal-kartell kienu jbiegħu wkoll blokki tal-karbonju ppressat, li kienu għadhom ma ġewx maqtugħin jew maħdumin sabiex ikunu lesti għall-immanifatturar tal-brushes jew prodotti oħra. Numru ta’ manifatturi li jaqtgħu tali karbonju li ma kinux membri tal-ftehim kienu jixtru dawn il-blokok tal-karbonju, jaqtawhom u jbiddluhom fi prodotti finali li jinbiegħu lill-klijenti. Filwaqt li kienu klijenti tal-membri tal-kartell, għalihom, dawn il-manifatturi li jaqtgħu l-karbonju kienu jikkostitwixxu wkoll sors ta’ kompetizzjoni għall-prodotti finali.

99      Mill-premessi 154 sa 166 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-politika tal-kartell kienet intiża li tillimita l-kompetizzjoni li l-manifatturi li jaqtgħu l-karbonju setgħu jeżerċitaw għall-prodotti finali mmanifatturati abbażi ta’ dawn il-blokok, u dan billi tirrifjuta li jiġu forniti jew jekk jkunu diġà ġew forniti, billi tiffissa livelli għolja ta’ prezz għall-blokok tal-karbonju forniti.

100    Fil-premessa 161 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni takkuża b’mod ċar lil Schunk bil-fatt li, fil-fornitura lill-manifatturi li jaqtgħu l-karbonju, applikat il-prezzijiet li kienu ġew preċedentement miftehma mal-membri l-oħra tal-kartell, u dan mhuwiex ikkontestat mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħhom. Għalhekk, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li huma ma ħadux sehem fil-ftehim dwar il-projbizzjoni ta’ fornitura ta’ blokok tal-karbonju hija nieqsa minn kull rilevanza.

101    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta kkunsidrat li r-rikorrenti kienu kisru l-Artikolu 81 KE billi pparteċipaw f’sensiela ta’ ftehim antikompetittiv li jinkludu, inter alia, ftehim dwar il-prezz tal-blokok tal-karbonju intiżi għall-manifatturi li jaqtgħu l-karbonju.

–       Fuq il-prattiki antikompetittivi rigward il-manifatturi tat-tagħmir awtomobbilistiku u l-produtturi ta’ beni għal konsum

102    Skont ir-rikorrenti, kemm mill-fajl kif ukoll mid-Deċiżjoni nnfisha jirriżulta li l-prodotti u l-klijenti tas-settur tal-attività tal-manifatturi tat-tagħmir awtomobbilistiku u tal-beni għal konsum ma kinux affettwati mill-ftehim antikompetittiv. Barra minn hekk, huma ma rrikonoxxewx l-eżistenza ta’ dawn il-ftehim, dwar is-setturi kkonċernati, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

103    Il-Kummissjoni ssostni li ż-żewġ setturi tal-attività inkwistjoni ġew deskritti b’mod ċar fil-punt 11 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li l-ksur fir-rigward ta’ dawn is-setturi ma jikkonsistix fl-applikazzjoni tas-sistema ta’ prezzijiet target, imma fil-ftehim tal-membri tal-kartetll dwar liema argumenti kellhom jintużaw sabiex jiġi miċħud it-tnaqqis tal-prezz waqt in-negozjati mal-operaturi tal-imsemmija setturi, u dan diġà jirriżulta mill-punti 91 u 94 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

104    Il-Kummissjoni żżid li SKT irrikonoxxiet dawn il-fatti fil-punt 24 tar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li jipprovdi dan li ġej:

“ Fil-qasam tal-brushes tal-karbonju u tal-moduli għas-setturi tal-industrija awtomobbilistika u l-manifatturi ta’ household appliances u ta’ għodda mekkaniċi, il-prodotturi kienu jaffaċjaw klijenti kbar li kellhom kapaċità ta’ xiri kbira u li kienu f’pożizzjoni li jisservew bil-produtturi kontra xulxin. Dawn il-klijenti qatt ma kienu s-suġġett ta’ ftehim ġenerali matul il-laqgħat tal-akkordju fuq livell Ewropew. Huwa ċert li kein hemm konverżazzjonijiet. Però dawn seħħew biss bl-għan li l-manifatturi jkun jistgħu jkollhom bdil reċiprodu tal-argumenti sabiex ikunu jistgħu jopponu l-argumenti tal-klijenti l-kbar li jeżiġu tnaqqis fil-prezz.”

105    Għalhekk jidher li, minkejja li SKT tinnega l-eżistenza ta’ ftehim dwar il-prezzijiet, min-naħa l-oħra, hija tammetti l-eżistenza ta’ ftehim illegali bejn l-impriżi implikati fil-kartell li għandu bħala oġġett il-livelli tal-prezzijiet tal-prodotti intiżi għat-tagħmir awtomobbilistiku u għall-manifatturi ta’ beni għal konsum, u dan il-fatt ma jistax jiġi kkontestat għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

106    Madankollu, ir-rikorrenti jikkontestaw li d-dikjarazzjonijiet li jidhru fil-punt 24 tar-risposta ta’ SKT għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jistgħu jiġu interpretati u kkwalifikati bħala stqarrija espliċita ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE.

107    Jekk jitqies li, minħabba ċertu nuqqas ta’ preċiżjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dwar in-natura u l-kwalifika legali eżatta tal-aġir illegali imputat, id-dikjarazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala ammissjoni espliċita tal-fatti kkontestati, l-ilment tar-rikorrenti bbażata fuq in-nuqqas ta’ ksur fis-settur tal-manifatturi tat-tagħmir awtomobbilistiku u tal-manifatturi ta’ beni għal konsum għandu jitqies bħala ammissibbli, imma fi kwalunkwe każ, għandu jiġi miċħuda bħala infondata.

108    Għandu jiġi osservat li mid-Deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-aġir tad-diversi l-impriżi implikati fl-akkordju kien jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwat, li ġie gradwalment ikkonkretizzat permezz ta’ akkordji u/jew prattiki miftiehma.

109    Għalhekk, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni jesponi li l-impriżi kkonċernati, fosthom ir-rikorrenti, kisru l-Artikolu 81(1) KE billi pparteċipaw “f’numru ta’ ftehim u prattiki miftiehma” fis-settur tal-prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ ksur kumpless, li jinvolvi l-parteċipazzjoni ta’ diversi manifatturi għal numru ta’ snin bil-għan li jirregolaw is-suq bejniethom, il-Kummissjoni mhijiex mistennija li tikkwalifika l-ksur b’mod preċiż, għal kull impriża u f’kull waqt partikolari, bħala akkordju jew prattika miftiehma, peress li fi kwalunkwe każ, iż-żewġ tipi ta’ ksur huma koperti mill-Artikolu 81 KE (sentenza PVC II, punt 56 iktar ’il fuq, punt 696).

110    Fir-rigward tal-attivitajiet illegali li jirrigwardaw lill-manifatturi tat-tagħmir awtomobbilistiku u l-manifatturi tal-beni għal konsum, il-Kummissjoni tippreċiża, fil-premessa 40 tad-Deċiżjoni, li dawn jagħmlu parti mill-ewwel kategorija ta’ “klijenti kbar” għall-prodotti intiżi għal applikazzjonijiet elettriċi u li huma kkarratterizzati min-numru limitat tagħhom, minn xiri fi kwantitajiet kbar u minn setgħa ta’ negozjar kunsiderevoli.

111    Billi tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ LCL, il-Kummissjoni tindika li “l-uniċi tipi ta’ klijenti li jidhru li ġew esklużi mill-kalkolu tal-prezz fuq il-lista huma l-manifatturi tat-tagħmir awtomobbilistiku u forsi l-manifatturi ta’ beni għal konsum” (premessa 120 tad-Deċiżjoni) imma li kuntatti diretti bejn fornituri potenzjali seħħew qabel in-negozjati annwali mal-operaturi kkonċernati, l-għan ta’ dawn il-kuntatti ma kien prinċipalment dak li jintlaħaq ftehim fuq il-prezzijiet iżda iktar dak li jintlaħaq ftehim fuq l-argumenti li għandhom isiru kontra t-talbiet għat-tnaqqis tal-prezzijiet stabbiliti mill-klijenti l-kbar (premessa 124 tad-Deċiżjoni).

112    Ir-rikorrenti jiddikjaraw li d-dokument ta’ LCL, li fuqu huma bbażati l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, ma jinkludix indizju li bis-saħħa tiegħu jista’ jiġi konkluż li l-bdil tal-argumenti inkwistjoni kien jikkonċerna s-setturi tal-manifatturi awtomobbilistiċi u tal-beni għal konsum u li l-imsemmi bdil ma jikkostitwixxix aġir li huwa pprojbit mill-Artikolu 81 KE.

113    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li d-dokument inkwistjoni jirrigwarda l-“metodu ta’ kalkolu tal-prezzijiet tal-brushes għall-muturi elettriċi” u li l-ewwel parti hija ddedikata għall-“brushes awtomobbilistiċi” u l-“brushes FHP”. Wara li indikat il-kuntest tat-talba għal dawn iż-żewġ prodotti, fi kliem li jixbah lil dak fil-punt 110 iktar ’il fuq, LCL tindika dan li ġej:

“F’dan il-kuntest, il-ftehim bejn il-kompetituri matul il-perijodu inkwistjoni kienu biss intiżi bħala tentattiv ta’ reżistenza kontra bilanċ ta’ poter li kien ixaqleb ħafna favur il-klijenti.

[…]

Il-prezzijiet tal-prodotti “brushes awtomobbilistiċi” u “brushes FHP” qatt ma kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet fil-kuntest ta’ laqgħat tekniċi [ta’ European Carbon u Graphite Association]. Dawn qatt ma ġew stabbiliti skont metodi jew listi li huma komuni għall-kompetituri differenti.

Matul il-perijodu tal-akkordju, li ntemm fl-1999, il-kompetituri kienu jiftiehmu waqt in-negozjati annwali mal-klijenti sabiex ikun hemm bdil ta’ informazzjoni u ta’ argumenti li kull kompetitur kien sussegwentement jipprova juża sabiex jirresisti l-pressjoni min-naħa tal-klijenti u t-talbiet kontinwi tagħhom għal tnaqqis fil-prezz.

[…]

Konklużjoni

Matul il-perijodu ta’ ksur, seħħ ftehim bejn il-kompetituri għal ‘brushes awtomobbilistiċi’ u għal ‘brushes FHP’ bil-għan li l-kompetituri jiġu megħjuna jirreżistu bl-aħjar mod possibbli l-pressjoni u t-talbiet repetittivi għal tnaqqis fil-prezz min-naħa tal-klijenti.”

114    Fid-dawl tan-natura tal-prodotti li huma s-suġġett tad-dokument inkwistjoni, mhemmx dubju li l-ftehim evokat jikkonċerna s-setturi tal-manifatturi tat-tagħmir awtomobbilistiku u tal-beni għal konsum. Huwa paċifiku li l-prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita għal applikazzjonijiet elettriċi jservu prinċipalment għall-konduttività tal-elettriku. Fost dawn il-prodotti hemm il-brushes tal-grafita li jinkludu l-“brushes awtomobbilistiċi” li huma mmuntati fuq muturi elettriċi intiżi bħala tagħmir għall-vetturi u l-“brushes FHP” li huma mmuntati fuq muturi elettriċi ta’ household appliances jew ta’ għodda li tista’ tinġarr.

115    Barra minn hekk, fil-punt 24 tar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, SKT b’mod ċar ikklassifikat il-ftehim inkwistjoni bħala li jirrigwarda “[i]l-qasam tal-brushes tal-karbonju u tal-moduli għas-settur tal-industrija awtomobbilistika u l-manifatturi ta’ household appliances u ta’ għodda mekkaniċi”.

116    It-tieni nett, għandu jiġi mfakkar li, il-kunċett ta’ “prattika miftiehma” jikkonsisti f’forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma twassal għall-konklużjoni ta’ ftehim uffiċjali, tissostitwixxi konsapevolment kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni (sentenza ICI vs Il-Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq, punt 64). Il-kriterji ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni kkonċernati, mhux biss ma jeħtiġux l-elaborazzjoni ta’ “pjan” veru, iżda għandhom jinftiehmu fid-dawl tal-kunċett inerenti fid-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-kompetizzjoni u li jipprovdi li kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li jixtieq isegwi fis-suq komuni. Għalkemm huwa minnu li dan ir-rekwiżit ta’ awtonomija ma jeskludix id-dritt tal-operaturi ekonomiċi li jadattaw ruħhom b’mod intelliġenti għall-aġir ikkonstatat tal-kompetituri tagħhom jew mistennija minnhom, huwa madankollu jipprekludi strettament kull kuntatt dirett jew indirett bejn tali operaturi li jkollu bħala għan jew bħala effett jew li jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew li jiżvela lil tali kompetitur l-aġir li huwa stess jiddeċiedi li jadotta jew li jkollu l-intenzjoni li jadotta fis-suq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punti 173 u 174; is-sentenza PVC II, punt 56 iktar ’il fuq, punt 720).

117    Ċertament, l-għan tal-kuntatti diretti li seħħew bejn il-membri tal-akkordju, kif irrapportati minn LCL u SKT, jindika ftehim illegali fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq. Billi kien hemm bdil ta’ informazzjoni bil-għan li jinżamm ċertu livell ta’ prezzijiet għall-prodotti intiżi għall-manifatturi tat-tagħmir awtomobbilistiku u għall-manifatturi ta’ beni għal konsum, l-impriżi inkwistjoni adottaw prattiki miftiehma li ffaċilitaw il-koordinazzjoni tal-aġir kummerċjali tagħhom, b’kontradizzjoni manifesta mar-rekwiżit li jipprovdi li kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li għandu jsegwi fis-suq.

118    Fis-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C-49/92 P, Ġabra p. I-4125), il-Qorti tal-Ġustizzja ippreċiżat li, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 81(1) KE, il-kunċett ta’ prattika miftiehma jimplika, minbarra l-ftehim bejn l-impriżi, aġir fis-suq li jsegwi dan il-ftehim u rabta ta’ kawża u effett bejn dawn iż-żewġ elementi (punt 118). Hija ddeċidiet ukoll li għandu jiġi preżunt, sakemm ma tinġiebx prova kuntrarja li għandha titressaq mill-operaturi kkonċernati, li l-impriżi li jipparteċipaw fil-ftehim u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom biex jiddeterminaw l-aġir tagħhom fis-suq (sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 121).

119    Fil-kawża inkwistjoni, fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja li kellha tinġieb minn STK, hemm lok li jiġi kkunsidrat li STK, li baqgħet attiva fis-suq ikkonċernat matul il-perijodu kollu tal-ksur, ħadet inkunsiderazzjoni l-ftehim illegali, li fih ipparteċipat, biex tiddetermina l-aġir tagħha fl-imsemmi suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 118 iktar ’il fuq, punt 121).

120    Isegwi li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta qieset li r-rikorrenti kisru l-Artikolu 81 KE billi pparteċipaw f’numru ta’ akkordji jew prattiki miftiehma rigward, inter alia, il-prodotti intiżi għall-manifatturi ta’ tagħmir awtomobbilistiku u għall-manifatturi ta’ beni għal konsum u li għalhekk, għandhom jiġi miċħuda l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, ibbażati fuq il-premessa żbaljata li l-imsemmija prodotti ma kinux ikkonċernati mill-akkordju, rigward il-bżonn li ma jiġix meħud inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ magħmul mis-setturi inkwistjoni.

–       Fuq l-ineżistenza ta’ pjan globali tal-membri tal-akkordju intiż li jbiddel fit-tul l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq permezz tal-akkwist ta’ impriżi

121    Fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħhom rigward il-gravità tal-ksur, ir-rikorrenti jirrilevaw li, fir-rigward tal-akkwist ta’ impriżi li seħħew fil-passat, fil-punt 173 tad-Deċiżjoni l-Kummissjoni tikkonstata, minn tal-inqas fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża, li “dawn id-diversi miżuri ppermettew li l-akkordju jirregola l-problema ta’ kważi t-totalità tal-“outsiders” preżenti fis-suq taż-ŻEE”.

122    Schunk issostni li billi tiddikjara dan, il-Kummissjoni tassumi li l-impriżi kkonċernati segwew pjan globali intiż li jbiddel fit-tul l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq permezz tal-akkwist ta’ impriżi u ssostni li pjan bħal dan qatt ma eżista jew li dan seta’ jinħoloq u jiġi implementat biss minn SGL u minn Morgan, mingħajr ma hija ma kienet taf bih.

123    Sa fejn dawn l-allegazzjonijiet jistgħu jiġu inklużi bħala kontestazzjoni mir-rikorrenti tal-ksur li ġew iddikjarati responsabbli għalih, kif deskritta fil-premessa 2 tad-Deċiżjoni, għandu jiġi kkonstatat li dawn jirriżultaw minn qari manifestament żbaljat tad-Deċiżjoni u għandhom jiġu miċħuda bħala li huma nieqsa minn kull rilevanza.

124    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 173 tad-Deċiżjoni tikkostitiwixxi frażi konklużiva li ma tirreferix biss għall-akkwist ta’ impriżi kompetittriċi li sar minn ċerti membri tal-akkordju.

125    Il-frażi “dawn id-diversi miżuri” tirreferi għall-attivitajiet kollha antikompetittivi deskritti fil-premessa 167 tad-Deċiżjoni u li kienu intiżi li jipperswadu lill-kompetituri jikkooperaw, iġiegħlu lill-kompetituri jikkooperaw, li jġiegħlu, permezz ta’ azzjoni koordinata, lill-kompetituri jirtiraw mis-suq jew, minn tal-inqas, jindikawlhom b’mod ċar li ma kienx fl-interess tagħhom li jmorru kontra l-kartell, filwaqt li l-akkwist tal-kompetituri żdied ma dawn l-azzjonijiet. Għalhekk, il-premessa inkwistjoni ma tinkludi ebda affermazzjoni jew suppożizzjoni min-naħa tal-Kummissjoni rigward l-eżistenza ta’ “pjan globali tal-membri tal-akkordju intiż li jbiddel fit-tul l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq permezz tal-akkwist tal-impriżi”.

126    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, kemm fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ma takkużax lir-rikorrenti b’operazzjonijiet ta’ akkwist ta’ impriżi kompetittriċi u r-rikorrenti ma jikkontestawx il-verità tal-attivitajiet antikompetittivi allegati fil-konfront tal-membri tal-akkordju u li jkopru lill-impriżi kompetittriċi, minbarra l-miżuri tal-akkwist ta’ impriżi, kif deskritti fil-premessi 168 sa 171 tad-Deċiżjoni.

–       Fuq l-eżistenza ta’ mekkaniżmu partikolarment sofistikat għall-kontroll u l-implementazzjoni tal-ftehim inkwistjoni

127    Mill-premessi 2 u 219 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-impriżi destinatarji tagħha pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 81(1) KE u, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994, tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE, u li fil-kuntest tiegħu dawn l-impriżi għamlu “użu minn mekkaniżmu partikolarment sofistikat għall-kontroll u l-implementazzjoni tal-ftehim tagħhom”.

128    Ir-rikorrenti jsostnu li tali mekkaniżmu qatt m’eżista u li d-Deċiżjoni ma tippreċiżax il-kontenut tiegħu.

129    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni tinkorpora żewġ premessi dwar il-“[m]etodu kif tkun assigurata l-osservanza tar-regoli tal-kartell”.

130    Il-premessa 89 tipprovdi kif ġej:

“Il-ftehim tal-1937 li waqqaf l-assoċjazzjoni Ewropea tal-produtturi tal-brushes tal-karbonju kien jipprovdi għal proċedura ta’ arbitraġġ uffiċjali sabiex jiġu solvuti l-kontroversji bejn il-membri tal-kartell fil-każ ta’ allegazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-kartell. Dawn il-proċeduri formali, intiżi li jiżguraw l-osservanza tar-regoli tal-kartell, ma kinux iktar possibbli wara d-dħul fis-seħħ tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità. Għalhekk, il-membri tal-kartell osservaw mill-qrib l-offerti tal-prezzijiet li kull wieħed minnhom kien jagħmel lill-klijenti u insistew, waqt il-laqgħat jew waqt kuntatti oħra, dwar il-bżonn li jiġu osservati r-regoli u l-prezzijiet stabbiliti mill-kartell. Eżempji:

Matul laqgħa tal-kumitat tekniku tas-16 ta’ April 1993:

‘G [Schunk] talbet li:

1. L-offerta tal-prezz magħmula lil Burgmann [klijent] hija inqas b’bejn 25 u 30 % tal-lista, tiġi rtirata bil-miktub.

2. Ma tiġi proposta l-ebda offerta oħra b’dan il-livell ta’ prezzijiet

Laqgħa lokali fl-Olanda fis-27 ta’ Ottubru 1994:

‘Morganite − il-Belġju problemi mal-kollegi. Ebda żieda fil-prezz ma ġiet applikata fis-sajf’”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

131    Billi bbażat ruħha fuq numru ta’ dokumenti, il-Kummissjoni żżid, fil-premessa 90 tad-Deċiżjoni li, “[i]l-każijiet ta’ impriżi li jinnegozjaw bi prezzijiet baxxi kienu jiġu eżaminati waqt il-laqgħat tal-kartell u setgħu jwasslu għal talbiet għal danni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

132    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti jikkontestaw għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza l-fatti msemmija iktar ’il fuq, li effettivament jidhru fil-punt 62 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

133    Għandu jiġi enfasizzat li r-riżervi u l-osservazzjonijiet ta’ kritika magħmula minn SKT fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li huma intiżi li jpoġġu f’perspettiva l-portata tad-dikjarazzjoni tal-prinċipju inizjali li jwassal għall-ammissjoni tal-fatti u tal-kwalifika ġuridika tagħhom ma jikkonċernax il-kwistjoni tas-sorveljanza tal-implementazzjoni tal-ftehim, li għalhekk ma tistax tiġi kkontestata mir-rikorrenti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

134    Madankollu, anki jekk jitqies li l-kontestazzjoni mqajma mir-rikorrenti tista’ titqies bħala ammissibbli, fid-dawl tal-fatt li huwa biss fid-Deċiżjoni li l-Kummissjoni tuża għall-ewwel darba l-espressjoni “mekkaniżmu partikolarment sofistikat”, hija għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi miċħuda bħala infondata. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pprovdew ebda prova li tippermetti li jiġu kkonfutati l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-premessi 89 u 90 tad-Deċiżjoni, partikolarment fir-rigward tal-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ sorveljanza tal-politika dwar l-iffissar tal-prezzijiet tal-membri tal-akkordju inkluż kumpensi impost fuq l-impriżi li offrew prezzijiet baxxi wisq.

135    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li f’parti tar-rikors iddedikata għall-“kontribut ta’ Schunk fil-ksur” u l-allegata sopravalutazzjoni li l-Kummissjoni għamlet ta’ dan il-kontribut, ir-rikorrenti jikkritikaw il-pożizzjoni li l-Kummissjoni esprimiet fil-premessa 178 tad-Deċiżjoni u li tikkwalifika bħala “anormali” l-fatt li, b’effett mill-laqgħa konstituttiva ta’ European Carbon and Graphite Association (ECGA, assoċjazzjoni Ewropea tal-karbonju tal-grafita), fl-1 ta’ Marzu 1995, uħud mill-membri kkonstataw il-bżonn ta’ kumitat tal-grafiti speċjali, mingħajr madankollu ma kienu f’pożizzjoni, f’dak iż-żmien, li jindikaw liema kwistjonijiet leġittimi huwa kellu jkun inkarigat li jeżamina.

136    Apparti l-fatt li l-argumenti tar-rikorrenti huma sommarji u ermetiċi, jidher li d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni msemmija iktar ’il fuq jagħmlu parti mill-kuntest tal-evalwazzjoni tar-rwol tal-assoċjazzjonijiet professjonali fl-akkordju, b’mod partikolari tal-ECGA. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti inkwistjoni tar-rikorrenti ma jidrux li huma ta’ natura tali li jaqilbu l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-responsabbiltà tar-rikorrenti, minn tal-inqas mhux iktar minn dawk dwar il-gravità tal-ksur.

137    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta qieset li r-rikorrenti kisru l-Artikolu 81 KE, kif deskritt fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni, billi pparteċipaw f’numru ta’ akkordji u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tal-prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi.

 Fuq it-talba għal tnaqqis tal-multa

138    Ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni bi ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali meta ffissat l-ammont tal-multa.

139    Mid-Deċiżjoni jirriżulta li l-multi ġew imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u li l-Kummissjoni − minkejja li d-Deċiżjoni ma tirreferix espliċitament għall-linji gwidi − iddeterminat l-ammont tal-multi billi applikat il-metodu stabbilit fil-linji gwidi.

 Fuq l-allegata sopravalutazzjoni li l-Kummissjoni għamlet tal-gravità tal-ksur, fid-dawl tan-natura u l-effetti tagħha

140    Skont il-metodu stabbilit fil-Linji gwida, il-Kummissjoni għandha tieħu bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-ammont ta’ multi imponibbli fuq l-impriżi kkonċernati, ammont stabbilit skont il-gravità tal-ksur. L-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur trid tikkunsidra n-natura speċifika tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta dan ikun jista’ jiġi kkwantifikat u l-firxa tas-suq ġeografiku inkwistjoni (punt 1 A, l-ewwel paragrafu). F’dan il-kuntest, il-ksur huma kklassifikati taħt tliet kategoriji, jiġifieri “ksur ftit serju”, li għalih l-ammont ta’ multi applikabbli huwa ta’ bejn EUR 1 000 u EUR miljun, “ksur serju”, li għalih l-ammont tal-multi applikabbli jista’ jvarja bejn EUR miljun u EUR 20 miljun, u l-“ksur serju ħafna”, li għalihom l-ammont tal-multi applikabbli jaqbeż EUR 20 miljun (punt 1 A, it-tieni paragrafu, l-ewwel sat-tielet inċiżi).

141    Fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tirrileva t-tliet elementi segwenti:

–        il-ksur inkwistjoni kien essenzjalment jikkonsisti fl-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet tal-bejgħ u ta’ kundizzjonijiet oħra tan-negozju li japplikaw għall-klijenti, fit-tqassim tas-swieq, b’mod partikolari bit-tqassim tal-klijenti, u fit-teħid ta’ azzjonijiet koordinati kontra kompetituri li ma kinux membri tal-kartell, u dawn il-prattiki jikkostitwixxu, min-natura tagħhom stess, tip ta’ ksur serju ħafna tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE (premessa 278 tad-Deċiżjoni);

–        il-ftehim kollużivi kienu ġew implementati u kellhom impatt fuq is-suq taż-ŻEE għall-prodotti kkonċernati, imma dan l-impatt ma setax jiġi kkalkolat bl-eżatt (premessa 286 tad-Deċiżjoni);

–        il-kartell kien ikopri s-suq komuni kollu u, wara l-ħolqien tagħha, iż-ŻEE kollha (premessa 287 tad-Deċiżjoni).

142    Il-konklużjoni tal-Kummissjoni, esposta fil-premessa 288 tad-Deċiżjoni, tipprovdi kif ġej:

“ Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi kollha, il-Kummissjoni tqis li l-impriżi li huma kkonċernati minn din id-Deċiżjoni wettqu ksur serju ħafna. Skont il-Kummissjoni, in-natura tal-ksur u l-firxa ġeografika tiegħu huma tali li l-ksur għandu jitqies bħala ksur serju ħafna kemm jekk l-impatt tiegħu fis-suq jista’ jiġi kkalkolat u anki jekk le. Fi kwalunkwe każ, huwa ċar li l-ftehim antikompetittivi tal-kartell ġew implementati u kellhom impatt fuq is-suq, anki jekk dan l-impatt ma jistax jiġi kkalkolat bl-eżatt.”

143    Ir-rikorrenti jiddikjaraw li l-Kummissjoni ssopravalutat il-gravità tal-ksur u f’dan ir-rigward huma jiżviluppaw numru ta’ argumenti li huma essenzjalment relatati mal-analiżi tan-natura stess tal-ksur. Huma jikkritikaw ukoll l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni għamlet tal-effetti tal-imsemmi ksur.

–       Fuq in-natura tal-ksur

144    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-motivazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-natura tal-ksur tinqasam f’żewġ partijiet, waħda marbuta mat-teħid inkunsiderazzjoni tas-sustanza stess tal-attivitajiet antikompetittivi inkwistjoni (premessa 278 tad-Deċiżjoni), l-oħra dwar l-elementi estrinsiċi imma relatati mal-evalwazzjoni tan-natura tal-ksur (premessa 279 tad-Deċiżjoni).

145    Fl-ewwel parti, il-Kummissjoni tindika li l-ksur inkwistjoni kien “essenzjalment” jikkonsisti fl-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet tal-bejgħ u ta’ kundizzjonijiet oħra tan-negozju li japplikaw għall-klijenti, u fl-insegwiment ta’ azzjonijiet miftiehma kontra kompetituri li ma kinux membri tal-kartell.

146    Għandu jiġi mfakkar li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ ftehim antikompetittiv fuq il-projbizzjoni ta’ pubbliċità, l-ineżistenza ta’ pjan globali tal-membri tal-akkordju intiżi għall-bdil fit-tul tal-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq permezz tal-akkwist ta’ impriżi u n-nuqqas ta’ użu ta’ mekkaniżmu partikolarment sofistikat għall-kontroll u l-implementazzjoni tal-ftehim tagħhom, li jidhru fil-parti tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom iddedikati formalment għall-kontestazzjoni tal-evalwazzjoni li l-Kummissjoni għamlet tal-gravità tal-ksur, ġew miċħuda għall-motivi indikati iktar ’il fuq.

147    Barra minn hekk, mill-kliem tal-premessa 278 tad-Deċiżjoni jirriżulta li, waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni qieset b’mod differenti l-attivitajiet antikompetittivi tal-impriżi implikati fil-kartell u li hija lanqas ma rreferiet għall-projbizzjoni tal-pubbliċità jew għar-rikors għall-mekkaniżmu partikolarment sofistikat għall-kontroll u l-implementazzjoni tal-ftehim tagħhom, fid-dawl tan-natura oġġettivament inqas sinjifikattiva u sempliċement komplementari ta’ dawn il-prattiki.

148    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u anki jekk jitqies li l-kontestazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-projbizzjoni tal-pubbliċità u tal-mekkaniżmu msemmi iktar ’il fuq jistgħu jiġu kkunsidrati bħala fondati, dawn ma jippermettux li tiġi kkonfutata l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-gravità tal-ksur.

149    Fil-kuntest tat-tieni parti tal-motivazzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur (premessa 279 tad-Deċiżjoni), il-Kummissjoni tindika kif ġej:

“B’mod eżawrjenti, għandu jiġi nnutat ukoll li l-operaturi l-kbar taż-ŻEE kollha, li flimkien jikkontrollaw iktar minn 90 % tas-suq taż-ŻEE, ipparteċipaw fi ftehim li jikkostitwixxu l-akkordju. Dawn il-ftehim kienu mmexxija, jew minn tal-inqas ittollerati konsapevolment, mill-isferi l-iktar għolja tal-impriżi kkonċernati. Il-partijiet kienu ħadu bosta prekawzjonijiet sabiex l-akkordju ma jkunx żvelat, u dan ma jħalli ebda dubju li dawn kienu konsapevoli min-natura illegali tal-ftehim tagħhom. L-akkordju kien laħaq grad għoli ta’ istituzzjonalizzazzjoni u kien ġeneralment osservat. Il-kuntatti bejn il-partijiet, f’forma ta’ laqgħat jew avvenimenti oħra, seħħew ta’ spiss u regolarment. L-akkordju ġie implementat għall-benefiċċju tal-impriżi parteċipanti, u għad-detriment tal-klijenti tagħhom, u fl-aħħar nett, għall-pubbliku inġenerali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

150    In sostenn tal-allegazzjoni ta’ evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni tiżbalja meta hija tikteb fin-nota ta’ qiegħ tal-paġna Nru 4 tad-Deċiżjoni, li “[g]ħal ħtiġijiet tal-ftehim fuq il-prezzijiet”, l-akkordju kien jagħmel distinzjoni, fost il-prodotti għal applikazzjonijiet elettriċi, bejn diversi kategoriji ikbar u li l-argument tal-Kummissjoni li l-ftehim ġew implementati bis-saħħa ta’ sistema organizzata b’mod vinkolanti huwa, “minħabba dan il-fatt”, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-fatti.

151    Lilhinn minn nuqqas ovvju ta’ rabta loġika bejn iż-żewġ proposti msemmija iktar ’il fuq, huwa biżżejjed li jingħad li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti bl-ebda mod m’huma marbuta mal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur li l-Kummissjoni għamlet fid-Deċiżjoni u għalhekk, dawn huma nieqsa minn kull rilevanza fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ sopravalutazzjoni tal-imsemmi ksur.

152    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li la n-natura sigrieta tal-akkordju, u lanqas il-preġudizzju subit mill-pubbliku inġenerali ma kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-Deċiżjoni (premessa 279) bħala ċirkustanzi aggravanti, peress li dawn huma elementi inerenti f’kull akkordju, li kienu diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur waqt id-determinazzjoni tal-kuntest tal-multa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tippreżenta ebda prova insostenn tal-argument tagħha li l-membri tal-akkordju kienu ppruvaw b’mod metodiku li jaħbu l-atti illegali tagħhom.

153    Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-gravità ta’ ksur hija stabbilita abbażi ta’ bosta elementi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, u li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 241, u tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C-328/05 P, Ġabra p. I-3921, punt 43).

154    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tista’ leġittimament tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-fatt li l-impriżi ħadu bosta prekawzjonijiet sabiex jevitaw li l-akkordu jkun żvelat u kif ukoll il-preġudizzju subit mill-pubbliku inġenerali sabiex tiddetermina l-gravità tal-ksur, fid-dawl tal-fatt li dawn iż-żewġ elementi ma jikkostitwixxux, fis-sens strett tal-kelma, “ċirkustanzi aggravanti” kif huwa allegat mir-rikorrenti.

155    Kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni pprovdiet deskrizzjoni dettaljata tal-prekawzjonijiet meħuda sabiex tiġi assigurata s-segretezza tal-laqgħat u tal-kuntatti fil-premessi 81 sa 87 tad-Deċiżjoni, deskrizzjoni li hija sostnuta mid-dokumenti ta’ sostenn li mhumiex ikkontestati mir-rikorrenti.

156    Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, mhux il-ksur kollha tad-dritt tal-kompetizzoni jippreġudika bl-istess mod lill-kompetizzjoni u lill-konsumaturi. Dan it-teħid inkunsiderazzjoni tal-preġudizzju tal-pubbliku huwa differenti minn dak tal-kapaċità ekonomika ta’ membru tal-akkordju li jikkawża preġudizzju għall-kompetizzjoni u għall-konsumaturi, li jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ wieħed mill-istadji tal-kalkolu tal-ammont tal-multa pprovdut mill-Linji gwida u intiż li jkun hemm trattament differenti bejn l-impriżi b’mod partikolari f’sitwazzjoni fejn, bħal fil-kawża inkwistjoni, il-ksur jimplika numru ta’ impriżi.

157    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li mill-kliem użat fil-premessa 279 tad-Deċiżjoni jirriżulta li r-referenza għall-elementi msemmija fiha hija sussidjarja meta mqabbla ma dawk imsemmija fil-premessa 278 tad-Deċiżjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li l-kontestazzjoni mir-rikorrenti tat-teħid inkunsiderazzjoni tan-natura sigrieta tal-akkordju u tal-preġudizzju subit mill-pubbliku tista’ tiġi kkunsidrat bħala fondata, dan m’għandux il-konsegwenza li jaqleb l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-natura tal-ksur, kif tirriżulta mill-motivi rilevanti u suffiċjenti inklużi fil-premessa 278 tad-Deċiżjoni.

–       Fuq l-effetti tal-ksur

158    Fil-kuntest tal-kontestazzjoni bbażata fuq sopravalutazzjoni tal-gravità tal-ksur, ir-rikorrenti jiddikjaraw li l-Kummissjoni wettqet żball doppju matul l-evalwazzjoni tal-effetti tal-ksur.

159    L-ewwel nett, huma jsostnu li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, iddeterminat id-daqs tas-suq ikkonċernat billi qieset li l-akkordju jinkludi l-ftehim kollużiv dwar il-manifatturi tat-tagħmir awtomobbilistiku u tal-manifatturi ta’ beni għal konsum, ftehim li fil-fehma tagħha qatt ma daħlu fis-seħħ.

160    Kif intqal iktar ’il fuq, dan l-argument jiżvela l-kontestazzjoni tal-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni u ġie deċiż, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, li l-prattiki antikompetittivi tal-kartell tabilħaqq ikkonċernaw il-manifatturi tat-tagħmir awtomobbilistiku u l-manifatturi ta’ beni għal konsum. Barra minn hekk, dan l-argument huwa nieqes minn kull rilevanza f’dak li jikkonċerna l-eżami tal-mertu tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-akkordju, li, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, hija indipendenti mid-dħul mill-bejgħ li l-impriżi għamlu mill-prodotti kkonċernati.

161    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-implementazzjoni tal-ftehim u fl-istess waqt isostnu wkoll li l-Kummissjoni ma ppreżentat ebda prova b’impatt konkrett tal-akkordju, u dan imur kontra r-rekwiżiti tal-linji gwidi tagħha u ma ħaditx inkunsiderazzjoni biżżejjed il-fatt li l-ftehim ġew implementati biss parzjalment.

162    Fil-premessa 281 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonstata l-effetti antikompetittivi veri li rriżultaw, f’dan il-każ, mill-implementazzjoni tal-ftehim kollusiv, anki jekk mhuwiex possibbli li jkunu kkwantifikati bi preċiżjoni, konstatazzjoni li tiġi wara d-deskrizzjoni tan-natura proprja tal-ksur u qabel id-determinazzjoni tal-firxa ġeografika tagħha. Il-kontenut tal-premessa 288 tad-Deċiżjoni, u b’mod partikolari, l-użu tal-espressjoni “[f]id-dawl ta’ dawn il-fatturi kollha” tippermetti li jiġi konkluż li l-Kummissjoni effettivament ħadet inkunsiderazzjoni l-impatt konkrett tal-akkordju fuq is-suq sabiex tikkwalifika l-ksur bħala “serju ħafna”, anki jekk hija żżid li din il-kwalifika hija ġġustifikata indipendentement mill-fatt li l-impatt jista’ jiġi kkalkolat jew le.

163    Għalhekk, mill-premessi 244 sa 248 u 280 sa 286 tad-Deċiżjoni jirriżulta li, mill-implementazzjoni tal-akkordju, il-Kummissjoni ċertament waslet għall-konklużjoni li dan kellu impatt konkret fis-settur inkwistjoni.

164    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tindika li, “[k]ull membru tal-kartell applika żieda tal-prezzijiet ġenerali (espressi f’perċentwali) miftehma, billi qassam listi ġodda tal-prezzijiet […] il-kumpanniji tat-trasport pubbliċi attribwixxew is-swieq lill-kumpannija li l-offerta tagħha kienet immanipulata b’mod li kienet kemmxejn inferjuri għal dik magħmula mill-partijiet l-oħra tal-akkordju, il-klijenti privati ma kellhomx għażla oħra ħlief li jfornu lilhom infushom minn fornitur magħżul minn qabel bi prezz stabbilit minn qabel, mingħajr ċans ta’ xi kompetizzjoni, u l-manifatturi li jaqtgħu l-karbonju ma kellhomx il-possibbiltà li jixtru blokok tal-karbonju, jew inkella kellhom jixtruh bi prezzijiet artifiċjalment għolja, u dan wassal sabiex ma kienx possibbli għalihom li jikkompetu b’mod effettiv fis-suq tal-prodotti lesti”. Fir-rigward tat-tul tal-ksur u tal-fatt li l-impriżi inkwistjoni kienu flimkien jikkontrollaw iktar minn 90 % tas-suq taż-ŻEE, mhemmx dubju li, skont il-Kummissjoni, l-akkordju kellu effetti antikompetittivi veri fuq is-suq (premessi 245 u 281 tad-Deċiżjoni).

165    Għandu jiġi mfakkar li, sabiex jiġi evalwat l-impatt konkret ta’ ksur fuq is-suq, hija l-Kummissjoni li għandha tirreferi għall-kompetizzjoni li kieku kienet normalment teżisti fin-nuqqas ta’ ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punti 619 u 620; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, T-347/94, Ġabra p. II-1751, punt 235; tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, T‑141/94, Ġabra p. II‑347, punt 645 u s-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punt 150).

166    Fir-rigward ta’ akkordju fuq il-prezzijiet, il-Kummissjoni tista’ leġittimament tiddeduċi li l-ksur kellu effetti, u dan abbażi tal-fatt li l-membri tal-akkordju kienu ħadu miżuri sabiex japplikaw il-prezzijiet miftiehma, pereżempju, billi ħabbruhom lill-klijenti, billi taw lill-impjegati tagħhom l-istruzzjoni li jużawhom bħala bażi ta’ negozjati u billi ssorveljaw l-applikazzjoni tagħhom mill-kompetituri tagħhom u mid-dipartimenti tal-bejgħ tagħhom stess. Fil-fatt, sabiex jiġi konkluż li kien hemm impatt fuq is-suq, huwa biżżejjed li l-prezzijiet miftiehma servew ta’ bażi għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ tranżazzjonijiet individwali, billi b’hekk illimitaw il-marġni ta’ negozjati tal-klijenti (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-7/89, Ġabra p. II-1711, punti 340 u 341, u PVC II, punt 56 iktar ’il fuq, punti 743 sa 745 u tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punt 285).

167    Min-naħa l-oħra, ladarba ġiet stabbilita l-implementazzjoni ta’ akkordju, il-Kummissjoni ma tistax tiġi obbligata turi sistematikament li, fil-fatt il-ftehim ippermettew li l-impriżi kkonċernati jilħqu livell ta’ prezz ta’ tranżazzjoni ogħla minn dak li kien jipprevali fin-nuqqas ta’ akkordju. F’dan ir-rigward, l-argument li jipprovdi li huwa biss il-fatt li l-livell ta’ prezzijiet ta’ tranżazzjoni kien ikun differenti fin-nuqqas ta’ akkordju li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-gravità, ma jistax jintlaqa’ (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni, C-279/98 P, Ġabra p. I-9693, punti 53 u 62). Barra minn hekk, ikun sproporzjonat li tintalab tali prova li tassorbi riżorsi kunsiderevoli fid-dawl tal-fatt li din tirrekjedi l-użu ta’ kalkoli ipotetiċi bbażati fuq mudelli ekonomiċi li l-eżattezza tagħhom tkun diffiċli li tiġi vverifikata mill-qorti u fejn mhemm l-ebda prova tan-natura infallibbli tagħhom (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Mischo għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, C-283/98 P, Ġabra p. I-9855, I-9858, punt 109).

168    Fil-fatt, sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, huwa deċiżiv li jiġi stabbilit li l-membri tal-akkordju kienu għamlu dak kollu li setgħu jagħmlu sabiex jagħtu effett konkret lill-intenzjonijiet tagħhom. Dak li seħħ sussegwentement, fuq il-livell tal-prezzijiet tas-suq effettivament miksuba, seta’ ġie influwenzat minn fatturi oħra, barra mill-kontroll tal-membri tal-akkordju. Għaldaqstant, il-membri tal-akkordju ma jistgħux jinvokaw favur tagħhom fatturi esterni li kkontrabattew l-isforzi tagħhom, billi jsostnu li dawn huma elementi li jiġġustifikaw tnaqqis tal-multa (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo għas-sentenza Mo och Domsjö vs Il‑Kummissjoni, punt 167 iktar ’il fuq, punti 102 sa 107).

169    Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet leġittimament tibbaża ruħha fuq l-implementazzjoni tal-akkordju sabiex tikkonkludi li kien hemm impatt fuq is-suq, wara li rrilevat, b’mod rilevanti, li l-akkordju kien dam għaddej għal iktar minn ħdax-il sena u li l-membri tal-imsemmija akkordju kienu jikkontrollaw iktar minn 90 % tas-suq taż-ŻEE.

170    Fir-rigward tal-fondatezza tal-konstatazzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni fil-każ inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti la jippruvaw u lanqas biss ma jsostnu li ma kienx hemm implementazzjoni tal-akkordju. Mill-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti jirriżulta li dawn sempliċement jinvokaw il-fatt li l-akkordju kien implementat parzjalment, dikjarazzjoni li, anki jekk titqies bħala vera, ma tistax turi li l-Kummissjoni wettqet żball meta evalwat il-gravità tal-ksur billi ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prattiki illegali inkwistjoni kellhom effett antikompetittiv veru fuq is-suq ŻEE tal-prodotti kkonċernati (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 148).

171    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li anki jekk jitqies li l-impatt konkret tal-akkordju ma ġiex stabbilit suffiċjentement skont il-liġi mill-Kummissjoni, il-kwalifika tal-ksur inkwistjoni bħala “serju ħafna” xorta waħda hija adegwata. Fil-fatt, it-tliet aspetti tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur m’għandhomx l-istess sinjifikat fil-kuntest tal-eżami globali. In-natura tal-ksur għandha rwol ewlieni, b’mod partikolari, sabiex il-ksur jiġi kkwalifikat bħala “serju ħafna”. F’dan ir-rigward, mid-deskrizzjoni tal-ksur serju ħafna fil-Linji gwida jirriżulta li ftehim jew prattiki miftiehma li, bħal f’dan il-każ, ikunu b’mod partikolar intiżi li jkun hemm iffissar ta’ prezzijiet jistgħu jiġu kkwalifikati, abbażi tan-natura tagħhom stess, bħala “serju ħafna” mingħajr ma jkun neċessarju li tali mġiba tkun ikkaratterizzata minn impatt partikolari jew firxa ġeografika partikolari. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, filwaqt li d-deskrizzjoni tal-ksur serju tirreferi espliċitament għall-impatt fuq is-suq u għall-effetti fuq żoni wiesgħa tas-suq komuni, dik ta’ ksur serju ħafna, min-naħa tagħha, ma ssemmi l-ebda rekwiżit la ta’ impatt konkret fuq is-suq u lanqas tal-effetti fuq żona ġeografika partikolari (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il-Kummissjoni, T-49/02 sa T-51/02, Ġabra p. II-3033, punt 178, u Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 170 iktar ’il fuq, punt 150).

172    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ilment ibbażata fuq sopravalutazzjoni tal-gravità tal-ksur, fir-rigward tan-natura u tal-effetti tiegħu, għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tqassim tal-impriżi f’kategoriji

173    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni, kuntrarjament għal-Linji gwida tagħha, iddeterminat l-ammont inizjali tal-multi indipendentament mid-dħul mill-bejgħ globali tal-impriżi, li wassal għall-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Għalhekk, Schunk u SGL kienu kklassifikati fl-istess kategorija minkejja li d-daqs ta’ SKL huwa kważi d-doppju ta’ dak ta’ Schunk. Fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni mxiet b’mod “fiss” u naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ċerti fatturi, bħall-istruttura tar-rikorrenti mill-perspettiva tad-dritt tal-kumpanniji u fuq il-fatt li kien iktar diffiċli għalihom li jaċċedu għas-swieq finanzjarji li setgħu jippermettu evalwazzjoni tal-kapaċità individwali tal-impriżi li jfixklu l-kompetizzjoni.

174    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni mhijiex obbligata, meta tiddetermina l-ammont tal-multi skont il-gravità u t-tul tal-ksur inkwistjoni, li tikkalkola l-multa abbażi tal-ammonti bbażati fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati, u b’mod partikolari, id-dħul mill-bejgħ globali (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 255).

175    Bla ħsara għall-osservanza tal-limitu massimu stabbilit fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u li jirreferi għad-dħul mill-bejgħ globali (sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 119), il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-impriża inkwistjoni sabiex tevalwa l-gravità tal-ksur meta tiddetermina l-ammont tal-multa, iżda m’għandhiex tingħata importanza sproporzjonata lil dan id-dħul mill-bejgħ meta mqabbel ma’ elementi oħra rilevanti (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 257).

176    Fil-kawża inkwistjoni, il-Kummissjoni applikat il-metodu ta’ kalkolu stabbilit fil-Linji gwida u li jipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ numru kbir ta’ elementi waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur sabiex tiffissa l-ammont tal-multa, fosthom in-natura vera tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu, il-firxa ġeografika tas-suq affettwat u l-ħtieġa li l-multi jkollhom effett dissważiv. Minkejja li l-Linji gwida ma jipprovdux li l-ammont tal-multi jiġi kkalkolat fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ globali jew tal-dħul mill-bejgħ rilevanti, dawn ma jipprekludux li l-imsemmija dħul mill-bejgħ jiġu kkunsidrati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa sabiex jiġu mħarsa l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u meta ċ-ċirkustanzi jeżiġu dan (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punti 258 u 260).

177    Fid-dawl tad-diskrepanza fid-daqs bejn l-impriżi kkonċernati u sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku ta’ kull waħda fosthom u għalhekk, tal-effett veru tal-aġir illegali tagħhom fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni u skont ir-raba’ u s-sitt subparagrafi tal-punt 1 A tal-Linji gwida, wettqet trattament differenzjat bejn l-impriżi li pparteċipaw fil-ksur. Għal dan il-għan, hija qasmet l-impriżi kkonċernati fi tliet kategoriji, billi bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ li kull impriża għamlet mill-prodotti inkwistjoni f’din il-proċedura fuq il-livell taż-ŻEE, u billi inkludiet il-valur tal-konsum kaptiv ta’ kull impriża. Minn dan tirriżulta ċifra ta’ sehem tas-suq li tirrappreżenta l-piż relattiv ta’ kull impriża fil-ksur u l-kapaċità ekonomika effettiva tagħha li tikkawża dannu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni (premessi 289 sa 291 tad-Deċiżjoni).

178    Il-paragun kien ibbażat fuq id-data dwar id-dħul mill-bejgħ (mogħti f’EUR miljuni) imputabbli għall-prodotti inkwistjoni fl-aħħar sena ta’ ksur, jiġifieri l-1998, kif din tirriżultaw mit-tabella 1 li tidher fil-premessa 37 tad-Deċiżjoni u intitolata “Stima tad-dħul mill-bejgħ (inkluż il-valur korrispondenti tal-użu kaptiv) u tal-ishma tas-suq fiż-ŻEE, fl-1998, għall-grupp ta’ prodotti li kienu s-suġġett tal-proċedura”:

Fornituri

Dħul mill-bejgħ (inkluż il-valur tal-użu kaptiv)

Sehem tas-suq fiż-ŻEE

(f’ %)

Conradty

9

3

Hoffmann

17

[LCL]

84

29 

Morgan

68

23 

Schunk

52

18 

SGL

41

14 

Oħrajn

20

Total

291

100 


179    Konsegwentement, LCL u Morgan, ikkunsidrati bħala l-ikbar żewġ operaturi b’ishma fis-suq ta’ iktar minn 20 %, ġew ikklassifikati fl-ewwel kategorija. Schunk u SGL, li huma operaturi medji b’ishma tas-suq ta’ bejn 10 u 20 %, ġew ikklassifikati fit-tieni kategorija. Hoffmann u Conradty, ikkunsidrati bħala operaturi żgħar minħabba ishma tas-suq ta’ inqas minn 10 %, ġew ikklassifikati fit-tielet kategorija (premessi 37 u 297 tad-Deċiżjoni).

180    Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni stabbilixxiet ammont inizjali, iddeterminat abbażi tal-gravità tal-ksur, ta’ EUR 35 miljun għal LCL u Morgan, ta’ EUR 21 miljun għal Schunk u SGL u ta’ EUR 6 miljun għal Hoffmann u Conradty (premessa 298 tad-Deċiżjoni).

181    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-kartell kien ikopri s-suq komuni kollu, u wara l-ħolqien tagħha, iż-ŻEE kollha u li d-dħul mill-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni jikkostitwixxi l-bażi adegwata sabiex, kif għamlet il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha, jiġi evalwat it-tfixkil tal-kompetizzjoni fis-suq tal-prodott ikkonċernat fi ħdan iż-ŻEE u l-importanza relattiva tal-parteċipanti fl-akkordju fuq is-suq affettwat. Minn ġurisprudenza stabbilita (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 121, u s-sentenza Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, punt 165 iktar ’il fuq, punt 369) jirriżulta li, is-sehem tad-dħul mill-bejgħ provenjenti mill-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur huwa tali li jagħti indikazzjoni tajba tal-portata tal-ksur fis-suq ikkonċernat. B’mod partikolari, kif ġie enfasizzat mill-Qorti tal-Prim’Istanza, id-dħul mill-bejgħ magħmul minn prodotti li kienu s-suġġett ta’ prassi restrittiva jikkostitwixxi element oġġettiv li jagħti eżempju tajjeb tad-dannu li din il-prassi tikkawża fuq l-andament normali tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Marzu 1999, British Steel vs Il-Kummissjoni, T-151/94, Ġabra p. II-629, punt 643).

182    It-tielet nett, għandu jiġi enfasizzat il-fatt li l-metodu li jikkonsisti fit-tqassim f’kategoriji tal-membri li ħadu sehem fl-akkordju sabiex, fl-istadju tal-iffissar tal-ammont inizjali tal-multi, jiġi applikat trattament differenzjat, prinċipju li ġie stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza minkejja li jinjora d-differenzi ta’ daqs bejn l-impriżi tal-istess kategorija (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T-213/00, Ġabra p. II-913, punt 385, u Tokai I, punt 84 iktar ’il fuq, punt 217), jimplika l-adozzjoni ta’ rata fissa għall-ammont inizjali stabbilit għall-impriżi li jaqgħu taħt l-istess kategorija.

183    Xorta jibqa’ l-fatt li t-tqassim f’kategoriji li wettqet il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha għandu josserva l-prinċipju ta’ trattament ugwali li jipprojbixxi li sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b’mod differenti u li s-sitwazzjonijiet differenti jiġu trattati b’mod identiku, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, l-ammont tal-multi għandu, minn tal-inqas, ikun proporzjonat fir-rigward tal-elementi li jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-analiżi tal-gravità tal-ksur (ara s-sentenza Tokai I, punt 84 iktar ’il fuq, punt 219, u l-ġurisprudenza ċċitata).

184    Sabiex tivverifika jekk it-tqassim tal-membri ta’ akkordju f’kategoriji huwiex konformi mal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li biha aġixxiet il-Kummissjoni f’dan il-qasam, għandha madankollu tillimita ruħha li tistħarreġ jekk dan it-tqassim huwiex koerenti u oġġettivament ġustifikat (sentenza CMA CGM et vs il-Kummissjoni, punt 182 iktar ’il fuq, punti 406 u 461, u s-sentenza Tokai I, punt 84 iktar ’il fuq, punti 220 u 222).

185    Ir-raba’ nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti jillimitaw ruħhom li jikkritikaw ir-regolarità tal-kompożizzjoni tat-tieni kategorija billi jallegaw trattament diskriminatorju meta mqabbel ma’ dak ta’ SGL. Ir-rikorrenti ġew ikklassifikati f’din il-kategorija l-istess bħal SGL, b’ishma fis-swieq rispettivament ta’ 18 u 14 % li jirrappreżentaw id-dħul mill-bejgħ magħmul mis-suq ikkonċernat ta’ EUR 52 u 41 miljun, li ċertament jikklassifikahom fil-kategorija bejn 10 u 20 % tal-ishma tas-suq.

186    Għandu jiġi enfasizzat li d-differenza fid-daqs bejn Schunk u SGL (4 punti perċentwali), li jagħmlu parti mill-istess kategorija, hija iżgħar, minn naħa, minn dik ta’ bejn Schunk u Morgan, l-iżgħar operatur fl-ewwel kategorija, u min-naħa l-oħra, minn dik ta’ bejn Schunk u Hoffman, l-ikbar operatur fit-tielet kategorija. Id-differenza żġħira bejn Schunk u SGL, fid-dawl tal-fatt li s-sehem tas-suq ta’ Schunk ma kienx partikolarment għoli, ippermettiet li l-Kummissjoni, b’mod kompletament koerenti u oġġettiv u għalhekk mingħajr ma tikser il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, tittratta lil Schunk bl-istess mod bħal SGL, jiġifieri bħala operatur medju, u għaldaqstant, li tistabbilixxi għaliha ammont bażiku ta’ EUR 21 miljun, inqas minn dak stabbilit fir-rigward ta’ LCL u Morgan, li kellhom pożizzjoni dominanti fis-suq inkwistjoni (29 % u 23 %), u ikbar minn dak impost fuq Hoffman u Conradty li kellhom pożizzjoni marġinali wisq fl-imsemmi suq (6 % u 3 %).

187    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux validament isostnu li kien hemm trattament diskriminatorju jew sproporzjonat, peress li l-ammont inizjali tal-multa huwa ġġustifikat fid-dawl tal-kriterju li użat il-Kummissjoni sabiex tevalwa l-importanza ta’ kull impriża fis-suq rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 304), u peress li l-ammont ta’ EUR 21 miljun kważi jikkorrispondi għall-livell minimu stabbilit fil-Linji gwida fir-rigward ta’ ksur “serju ħafna”.

188    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjonijiet dwar il-fatt li SKT, kumpannija li mhijiex ikkwotata fil-Borża u li għandha, fuq livell dinji, sehem tas-suq li huwa inqas sew minn 10%, għandha setgħa ekonomika ħafna inqas sinjifikattiva minn impriżi kkowatati fil-Borża, bħal ma huma Morgan, LCL jew SGL, kumpanniji parent ta’ gruppi dinjin li għandhom aċċess faċilitat għas-swieq finanzjarji, għandhom jiġi miċħuda bħala irrilevanti.

189    Barra minn hekk, anki jekk jitqies li teżisti konnessjoni obbligatorja bejn in-natura partikolari ta’ impriża u aċċess faċilitat għas-swieq finanzjarji, dan l-element ma jidhirx li huwa rilevanti fil-kawża inkwistjoni sabiex jiddetermina, in concreto, il-portata tal-ksur imwettaq minn kull waħda mill-impriżi implikati fl-akkordju u l-importanza vera tagħhom fis-suq affettwat.

 Fuq l-effett dissważiv

190    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni evalwat il-bżonn tal-effett dissważiv fir-rigward tal-impriżi kkonċernati mingħajr distinzjoni u b’mod uniformi, indipendentament mid-dħul mill-bejgħ tagħhom, kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza u tal-Linji gwida.

191    Għandu jiġi mfakkar li s-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 għandhom bħala għan kemm li jwaqqfu aġir illegali kif ukoll li jevitaw li dan jerġa’ jitwettaq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 173; is-sentenza PVC II, punt 56 iktar ’il fuq, punt 1166).

192    Peress li l-effett dissważiv huwa wieħed mill-għanijiet tal-multa, il-bżonn li dan jiġi żgurat jikkostitwixxi rekwiżit ġenerali li għandu jiggwida lill-Kummissjoni għandha ssegwi matul il-proċess kollu tal-kalkolu tal-multa, u ma jimplikax li dan il-kalkolu għandu neċessarjament ikun ikkaratterizzat minn stadju partikolari li fih issir evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha sabiex jintlaħaq dan il-għan (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T-15/02, Ġabra p. II‑497, punt 226).

193    Għall-finijiet tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-għan tal-effett dissważiv, fil-Linji gwida l-Kummissjoni ma ddefinixxietx metodoloġija jew kriterji individwalizzati li l-espożizzjoni speċifika tagħhom jista’ jkollha saħħa vinkolanti. Ir-raba’ subparagrafu tal-punt 1 A tal-Linji gwida, fil-kuntest tal-indikazzjonijiet dwar l-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, jirreferi biss għall-bżonn li l-ammont tal-multa jiġi ddeterminat għal livell li jiżgura li dan ikollu natura suffiċjentement dissważiva.

194    Fil-kawża inkwistjoni, il-Kummissjoni espliċitament enfasizzat il-bżonn li tiffissa l-multi fuq livell dissważiv fil-kuntest tal-approċċ ġenerali li segwiet għall-iffissar tal-multi, li hija applikat trattament differenzjat fir-rigward tal-parteċipanti tal-akkordju skont is-sehem tagħhom tas-suq iddeterminat abbażi tad-dħul mill-bejgħ rilevanti u ffissat l-ammont inizjali tal-multa ta’ Schunk għal EUR 21 miljun (premessi 271 u 289 tad-Deċiżjoni).

195    Mid-Deċiżjoni jirriżulta b’mod ċar li, sabiex tiffissa l-ammont inizjali tal-multa skont il-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni, minn naħa, ikkwalifikat il-ksur bħala tali billi kkunsidrat elementi oġġettivi, jiġifieri n-natura stess tal-ksur, l-impatt tiegħu fuq is-suq u l-firxa ġeografika ta’ dan is-suq, u min-naħa l-oħra, ikkunsidrat elementi suġġettivi, jiġifieri l-piż speċifiku ta’ kull impriża implikata fl-akkordju, u għalhekk, l-effett veru tal-aġir illegali tagħhom fuq il-kompetizzjoni. Huwa fil-kuntest ta’ din it-tieni parti tal-analiżi tagħha li hija segwiet, b’mod partikolari, l-għan li tiżgura livell dissważiv tal-multa.

196    Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ din l-analiżi, il-Kummissjoni qassmet l-impriżi kkonċernati fi tliet kategoriji, billi bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ magħmul minn kull waħda mill-impriżi mill-prodotti inkwistjoni f’din il-proċedura fuq livell taż-ŻEE, billi inkludiet il-valur tal-konsum kaptiv ta’ kull impriża. Minn dan tirriżulta ċifra ta’ sehem tas-suq li tirrappreżenta l-piż relattiv li kull impriża kellha fil-ksur u l-kapaċità ekonomika effettiva tagħha li tikkawża dannu importanti għall-kompetizzjoni (premessi 289 sa 291 tad-Deċiżjoni).

197    Għalhekk, jidher li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ma evalwatx il-bżonn ta’ effett dissważiv fir-rigward tal-impriżi kkonċernati mingħajr distinzjoni u b’mod uniformi imma, a contrario, hija kkunsidrat l-importanza li dawn għandhom fuq is-suq partikolari skont il-dħul mill-bejgħ rilevanti tagħhom.

198    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni teżiġi li l-impriżi kkonċernati jtemmu l-ksur, minkejja li dawn tal-aħħar kienu diġà temmew il-ksur f’Diċembru 1999, iktar minn erba’ snin qabel, li juri li l-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha dwar il-bżonn ta’ effett dissważiv fuq informazzjoni żbaljata.

199    Din il-kontestazzjoni għandha tiġi miċħuda peress li bbażata fuq premessa żbaljata. Minn sempliċi qari tal-premessa 268 u tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni jirriżulta, fil-fatt, li l-inġunzjoni indirizzata lill-impriżi destinatarji tad-Deċiżjoni sabiex, sakemm ma jkunux diġà wettqu dan, immedjatement itemmu l-ksur ikkonstatat ma tippreżenta ebda rabta mal-evalwazzjoni li l-Kummissjoni għamlet tal-effett dissważiv.

200    It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li kienu vittmi ta’ diskriminazzjoni meta mqabbla ma’ SGL, sa fejn il-Kummissjoni evalwat l-effett dissważiv neċessarju mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li SGL, bħala impriża kkwotata fil-Borża, kellha aċċess iktar faċli għas-swieq finanzjarji.

201    Għandu jiġi mfakkar li, kif ġie espost fil-punti 184 sa 187 iktar ’il fuq, il-klassifikazzjoni ta’ Schunk u ta’ SGL fl-istess kategorija, skont id-dħul mill-bejgħ tagħhom magħmul mill-bejgħ tal-prodotti kkonċernati, ma twassal għall-ebda diskriminazzjoni jew detriment fir-rigward ta’ Schunk.

202    Jekk jitqies li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li impriża li hija kkwotata fil-Borża tista’ b’mod iktar faċli tiġbor il-fondi neċessarji għall-ħlas tal-multa tagħha, din is-sitwazzjoni tista’, skont il-każ u sabiex tiżgura effett dissważiv fir-rigward tagħha, tiġġustifika l-impożizzjoni ta’ multa li hija proporzjonalment ogħla minn dik imposta lill-impriża li wettqet ksur simili imma li m’għandiex dawn ir-riżorsi.

203    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ksur eventwali tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni jista’ biss iwassal għal żieda tal-ammont tal-multa imposta lil SGL u mhux għal tnaqqis tal-multa imposta lil Schunk, kif issostni din tal-aħħar fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għandha timxi id f’id ma l-osservanza tal-prinċipju tal-legalità, li jipprovdi li ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, illegalità magħmula favur persuna oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 1985, Williams vs Il-Qorti tal-Awdituri, 134/84, Ġabra p. 2225, punt 14; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T‑327/94, Ġabra p. II‑1373, punt 160, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 367).

204    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jiddikjaraw li l-multa imposta mill-Kummissjoni tidher li hija spoporzjonata fid-dawl tal-multi imposti fil-kuntest ta’ “l-istess kawża” mill-awtoritajiet antitrust tal-Istati Uniti, peress li s-suq Amerikan huwa xi ftit jew wisq simili fid-daqs għal dak tal-Ewropa.

205    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-eżerċizzju tas-setgħat mill-awtoritajiet ta’ Stati terzi inkarigati mill-protezzjoni tal-kompetizzjoni libera, fil-kuntest tal-kompetenza territorjali tagħhom, isir skont ir-rekwiżiti speċifiċi tal-imsemmija Stati. Fil-fatt, l-elementi li jiffurmaw il-bażi tas-sistemi legali ta’ Stati oħra fil-qasam tal-kompetizzjoni mhux biss għandhom għanijiet u obbjettivi speċifiċi, iżda jwasslu wkoll għall-adozzjoni ta’ regoli sostantivi partikolari kif ukoll għal konsegwenzi ġuridiċi differenti ħafna fil-qasam amministrattiv, kriminali jew ċivili, meta l-awtoritajiet tal-imsemmija Stati jkunu stabbilixxew l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli applikabbli fil-qasam tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C-308/04 P, Ġabra p. I‑5977, punt 29).

206    Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni ġuridika hija totalment differenti fil-każ fejn impriża tkun esklużivament ikkonċernata, fil-qasam tal-kompetizzjoni, mill-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju u tad-dritt ta’ wieħed jew iktar Stati Membri, jiġifieri meta akkordju huwa esklużivament illimitat għall-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tas-sistema legali tal-Komunità Ewropea (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 205 iktar ’il fuq, punt 30).

207    Isegwi li, meta l-Kummissjoni tissanzjona l-aġir illegali ta’ impriża, anki jekk dan joriġina minn akkordju internazzjonali, hija tkun qed tiżgura l-protezzjoni tal-kompetizzjoni libera ġewwa s-suq komuni li, skont l-Artikolu 3(1)(g) KE, tikkostitwixxi għan fundamentali tal-Komunità. Fil-fatt, minħabba l-ispeċifiċità tal-interessi legali protett fuq livell Komunitarju, l-evalwazzjonijiet li l-Kummissjoni tagħmel abbażi tal-kompetenzi tagħha fil-qasam, jistgħu jkunu differenti ħafna minn dawk tal-awtoritajiet ta’ Stati terzi (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 205 iktar ’il fuq, punt 31).

208    Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u/jew ta’ ekwità, invokat mir-rikorrenti, għandu jiġi osservat li kull kunsiderazzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ multi imposti mill-awtoritajiet ta’ Stat terz tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali li għandha l-Kummissjoni fil-qasam tal-iffissar ta’ multi għall-ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, għalkemm mhuwiex eskluż li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni multi imposti preċedentement mill-awtoritajiet ta’ Stati terzi, madankollu hija mhijiex obbligata tagħmel dan (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 205 iktar ’il fuq, punt 36).

209    Fil-fatt, l-għan tal-effett dissważiv li l-Kummissjoni għandha tilħaq, meta tiffissa l-ammont ta’ multa, huwa intiż li jiżgura l-osservanza, mill-impriżi, tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti mit-Trattat KE għat-twettiq tal-attivitajiet tagħhom ġewwa s-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, punt 191 iktar ’il fuq, punti 173 sa 176). Għaldaqstant, fl-evalwazzjoni tan-natura dissważiva ta’ multa li għandha tiġi imposta minħabba ksur tal-imsemmija regoli, il-Kummissjoni mhijiex obbligata tieħu inkunsiderazzjoni eventwali sanzjonijiet imposti fuq impriża minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ta’ Stati terzi (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 205 iktar ’il fuq, punt 37).

210    Fil-kawża inkwistjoni, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-akkordju li kien is-suġġett tad-Deċiżjoni kien esklużivament illimitat għall-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tas-sistema legali tal-Komunità Ewropea u li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-effett dissważiv tal-multi, il-Kummissjoni għalhekk ma kinitx marbuta li tiegħu inkunsiderazzjoni, b’mod jew ieħor, il-multi imposti mill-awtoritajiet Amerikani fir-rigward tal-impriżi li kisru r-regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni. Fir-rigward tal-karatteristiċi speċifiċi tal-istħarriġ u tas-sanzjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni fl-Istati Uniti, marbuta mal-importanza tat-talbiet għal kumpens għal dannu u ta’ proċeduri kriminali, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw b’mod utli l-ammont ta’ multi impost fil-kuntest ta’ proċedura mibdija f’dan l-Istat terz sabiex jippruvaw jistabbilixxu l-fatt li l-multa imposta fuqhom mid-Deċiżjoni kienet spoporzjonata.

 Fuq il-kooperazzjoni ta’ Schunk

211    Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni tgawdi minn setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-multi u tista’, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi, fosthom il-kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati matul l-investigazzjoni mwettqa mid-dipartimenti ta’ din l-istituzzjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni hija obbligata twettaq evalwazzjonijiet ta’ fatt kumplessi, bħal dawk li jirrigwardaw il-kooperazzjoni rispettiva ta’ dawn l-impriżi (sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 153 iktar ’il fuq, punt 81).

212    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tgawdi minn diskrezzjoni wiesgħa fl-evalwazzjoni tal-kwalità u tal-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija minn impriża, b’mod partikolari meta mqabbla mal-kontribuzzjonijiet ta’ impriżi oħra (sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 153 iktar ’il fuq, punt 88).

213    Fl-Avviż fuq il-kooperazzjoni, il-Klummissjoni tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom impriżi li jikkooperaw magħha matul l-investigazzjoni tagħha dwar akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa li kieku kien ikollhom iħallsu (ara punt A, paragrafu 3 tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni).

214    Il-punt D tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni jipprovdi:

“1. Meta impriża tikkoopera mingħajr ma tissoddisfa l-kundizzjonijiet kollha msemmija fit-titoli B jew C, hija tibbenefika minn tnaqqis ta’ bejn 10 u 50 % mill-ammont tal-multa li kienet tiġi imposta fuqha li kieku hija ma kkooperatx.

2. Dan ikun b’mod partikolari l-każ fejn:

–        qabel ma tintbagħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża tipprovdi lill-Kummissjoni b’informazzjoni, dokumenti jew provi oħra li jikkontribwixxu materjalment sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur,

–        wara li tkun irċeviet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża tinforma lill-Kummissjoni li hija ma tikkontestax sostanzjalment il-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-allegazzjonijiet tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

215    Fil-kawża inkwistjoni, Schunk ibbenefikat minn tnaqqis ta’ 30 % mill-ammont tal-multatagħha skont il-punt D tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni.

216    Sabiex tiġġustifika l-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ssostni kif ġej fil-premessa 328 tad-Deċiżjoni:

“ L-istess bħal [LCL], Schunk talbet li tibbenefika minn miżuri ta’ klemenza wara li rċeviet l-ittra mibgħuta mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11 [tar-Regolament Nru 17], imma hija ppreżentat il-provi tagħha xahar wara [LCL]. Fid-dikjarazzjoni tagħha, Schunk ammettiet l-eżistenza ta’ akkordju u l-parteċipazzjoni tagħha fih, imma hija ma ppreżentatx rapporti dwar il-laqgħat tal-kartell. Il-prova l-iktar utli hija lista tal-laqgħat tal-kartell li Schunk tammetti li twettqu. Din il-lista tinkludi ċerti laqgħat li l-Kummissjoni ma kinitx taf bihom. Schunk ippreżentat ukoll ġabra ta’ dokumenti dwar vjaġġi rigward bosta laqgħat. Il-biċċa l-kbira kienu jikkonċernaw laqgħat li diġà kienet taf bihom il-Kummissjoni u li fir-rigward tagħhom hija talbet li d-dokumenti kollha disponibbli jkunu mibgħuta lilha fl-ittra skont l-Artikolu 11. Matul l-investigazzjoni, Schunk ukoll wieġbet għal bosta domandi li ġew magħmula lilha mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha fl-investigazzjoni, sabiex tikkompleta l-informazzjoni li hija kienet diġà tat spontanjament. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li, kuntrarjament għal [LCL], Schunk ma ħaditx inizjattiva li tforni informazzjoni supplementari dwar l-akkordju lill-Kummissjoni. B’mod ġenerali, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-provi fornuti spontanjament minn Schunk jissodisfaw il-kriterju dwar il-kontribuzzjoni għall-konferma tal-eżistenza tal-ksur.”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

217    Il-Kummissjoni rrilevat ukoll li, wara li rċeviet id-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet, Schunk innotifikatha li hija ma kinitx tikkontesta l-fatti li fuqhom hija bbażat il-kontestazzjonijiet tagħha (premessa 329 tad-Deċiżjoni).

218    Għandu jiġi enfasizzat li mhemm ebda kontestazzjoni tal-fatt li, waqt l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, Schunk kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet ipprovduti fl-ewwel u t-tieni inċiż tal-punt D, paragraphe 2 tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni. In-nuqqas ta qbil jikkonċerna biss id-daqs tat-tnaqqis mogħti, li huwa ta’ 30 % kontra dak ta’ 40 % mogħti lill-LCL, peress li ż-żewġ impriżi bbenefikaw mill-istess tnaqqis ta’ 10 % minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. Schunk essenzjalment issostni li l-motivazzjoni ta’ din id-differenza li tidher fid-Deċiżjoni hija żbaljata u li din tammonta għal trattament diskriminatorju.

219    Fir-rigward tad-dikjarazzjoni li LCL kienet iktar reattiva, għandu jiġi rrilevat li, wara li rċeviet talba għall-informazzjoni, inkluża fl-ittra tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Awwissu 2002 fil-lingwa Ingliża, Schunk talbet, fit-8 ta’ Awwissu 2002, verżjoni ta’ din l-ittra fil-lingwa Ġermaniża, li hija kisbet fl-4 ta’ Ottubru 2002. Skont Schunk, din is-sitwazzjoni tispjega l-fatt li hija setgħet biss twieġeb għat-talba għal informazzjoni fil-25 ta’ Ottubru 2002, jiġifieri tliet ġimgħat wara li kienet irċeviet l-imsemmija talba tradotta bil-Ġermaniż, filwaqt li LCL wieġbet iktar minn seba’ ġimgħat wara li rċeviet it-talba għal informazzjoni indirizzata lilha.

220    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li b’effett mit-2 ta’ Settembru 2002 SKT kitbet lill-Kummissjoni sabiex tinfurmaha li kellha l-intenzjoni li tikkollabora magħha matul il-proċedura amministrattiva u tivverifika jekk, minbarra r-risposti għat-talba għal informazzjoni, hija setgħetx tibagħtilha informazzjoni utli addizzjonali, fid-dawl tal-provi li diġà kellha din l-istituzzjoni.

221    Fit-30 ta’ Settembru 2002, SKT, permezz tal-avukat tagħha, ippreżentat kummenti dettaljati u kritika rigward il-kontenut tat-talba għal informazzjoni billi, b’mod partikolari, għamlet analiżi interpretattiva tagħha sabiex turi li d-domandi magħmula ma jaqgħux fil-kuntest stabbilit mill-ġurisprudenza u li r-risposti għal dawn id-domandi kif ukoll il-preżentazzjoni ta’ dokumenti korrispondenti tmur lilhinn, minn perspettiva ġuridika, mill-kooperazzjoni meħiteġa minn impriża. Madankollu, SKT indikat li hija kienet ser twieġeb għal dawn id-domandi fuq bażi volontarja u li l-informazzjoni li kienet tmur lilhinn minn dak li huwa meħtieġ kienet miktuba f’tipi grassi fir-risposta tagħha.

222    Dawn iż-żewġt ittri ta’ SKT jippruvaw fehim perfett tat-talba għal informazzjoni qabel ma din ġiet tradotta fil-lingwa Ġermaniża u, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma jistgħux, b’mod serju, isostnu li kienu f’pożizzjoni li jfornu l-kontribuzzjoni tagħhom biss wara li rċievew l-imsemmija traduzzjoni.

223    Apparti din il-kostatazzjoni hemm ukoll il-fatt li LCL irċeviet ukoll it-talba għal informazzjoni bl-Ingliż, u mhux bil-Franċiż, u forniet l-informazzjoni dwar l-akkordji u l-prattiki miftiehma inkwistjoni b’effett mit-22 ta’ Awwissu 2002, u sussegwentement fl-24 u fit-30 ta’ Settembru 2002. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tikkunsidra li SKT forniet il-provi tagħha, minn tal-inqas, xahar wara LCL.

224    Anki jekk jitqies li din il-konklużjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala żbaljata fid-dawl tal-fatt li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni biss id-data ta’ meta ġiet reċepita t-traduzzjoni bil-Ġermaniż tat-talba għal informazzjoni, il-motivi l-oħra jiġġustifikaw id-differenza kkontestata fit-trattament.

225    Kif jirriżulta mill-premessa 328 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni essenzjalment ibbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-ammont tat-tnaqqis mogħti fuq il-valur tal-kontribuzzjoni mogħtija minn SKT. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, it-tnaqqis tal-multi fil-każ ta’ kooperazzjoni tal-impriżi li jipparteċipaw fi ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni għandu l-bażi tiegħu fil-kunsiderazzjoni li tipprovdi li tali kooperazzjoni tiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni intiż sbiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur u, skont il-każ, li jiġi mitmum tali ksur (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 399; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 325; tal-14 ta’ Mejju 1998, Finnboard vs Il-Kummissjoni, T‑338/94, Ġabra p. II‑1617, punt 363, u Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, punt 165 iktar ’il fuq, punt 330).

226    Minn naħa, il-Kummissjoni essenzjalment qieset li l-provi ppreżentati minn SKT kienu ta’ valur dgħajjef fid-dawl tal-provi l-oħra li hija diġà kellha.

227    Hija tosserva, mingħajr ma hija kkontestata minn Schunk, li rċeviet mingħand SKT lista tal-laqgħat tal-kartell li fil-biċċa l-kbira hija diġà kienet taf bihom u li kienu jikkorrispondu għal ċerti laqgħat uffiċjali tal-assoċjazzjoni professjonali Ewropea tas-settur, f’dan il-każ l-ECGA.

228    Kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet ta’ Schunk, il-Kummissjoni ma tindikax fil-premessa 328 tad-Deċiżjoni li SKT ma bagħtitx id-dokumenti relatati mal-perijodu ta’ meta seħħew il-fatti inkontestati. Barra minn hekk, huwa paċifiku li, flimkien mar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, SKT bagħtet ittri indirizzati lir-rappreżentanti tal-ECGA u numru kbir ta’ dokumenti li jippruvaw vjaġġi u soġġorn f’lukandi relatati mal-laqgħat tal-kartell imsemmija fil-lista. Madankollu, dawn id-dokumenti ma jikkostitwixxux “rapporti” jew rendikonti dwar il-kontenut tal-laqgħat li seħħew kontemporanjament.

229    Kif tenfasizza korrettament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-lista tal-laqgħat u d-dokumenti dwar il-vjaġġi korrispondenti kienet tagħmel sens biss fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta minn impriżi oħra dwar il-kontenut tal-laqgħat ikkonċernati. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni indikat, mingħajr ma kienet ikkontestata minn Schunk, li minkejja li SKT wieġbet għal bosta domandi li sarulha fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha fl-investigazzjoni, sabiex tikkompleta l-informazzjoni diġà mogħtija spontanjament, l-impriża ma ħaditx, kuntrarjament għal LCL, l-inizjattiva li tforni informazzjoni komplementari dwar l-akkordju.

230    Schunk issostni wkoll li, fil-premessa 328 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tenfasizza l-fatt li l-kooperazzjoni tagħha seħħet f’perijodu wara li ġiet reċepita t-talba għal informazzjoni, u dan b’kontradizzjoni għal ġurisprudenza li tipprovdi li din il-ċirkustanza ma tikkostitwixxix raġuni li l-kooperazzjoni tiġi kkunsidrata li għandha valur dgħajjef.

231    L-ewwel sentenza tal-premessa 328 tad-Deċiżjoni tipprovdi kif ġej:

“L-istess bħal [LCL], Schunk talbet li tibbenefika minn miżuri ta’ klemenza wara li rċeviet l-ittra mibgħuta mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11, imma hija ppreżentat il-provi tagħha xahar wara [LCL].”

232    Fir-rigward ta’ din il-formulazzjoni, l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tipprovdi fir-replika tagħha, li tgħid li din is-sentenza tfisser li hija ħadet inkunsiderazzjoni biss l-informazzjoni li tmur lilhinn mill-obbligu li tingħata informazzjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 hija wiesgħa ħafna u ma tistax tiġi milqugħa. Mill-kliem tal-premessa msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-mument li fih saret it-talba għal benefiċċju tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni sabiex tevalwa d-daqs tat-tnaqqis li jista’ jingħata minħabba l-kontribuzzjoni fornita minn SKT.

233    Schunk tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Daesang u Sewon Europe vs Il-Kummissjoni (T‑230/00, Ġabra p. II‑2733, punt 139) biex issostni li tali teħid inkunsiderazzjoni jmur kontra l-ġurisprudenza. Madankollu, mill-punt 139 ta’ din is-sentenza, li kienet espliċitament imsemmija minn Schunk, jirriżulta li din tal-aħħar hija nieqsa minn kull rilevanza fil-kawża inkwistjoni. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-fatt li r-rikorrenti ma “ngħatawx” il-benefiċċju tat-tnaqqis previst fil-punt C tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni u mhux il-punt D bħal fil-kawża inkwistjoni, peress li t-talba għal informazzjoni li ġiet indirizzata kienet tikser il-kundizzjonijiet ipprovduti f’din id-dispożizzjoni.

234    Fil-verità, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza u kif diġà ġie espost, il-Kummissjoni għandha marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija minn impriża (sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 88), u, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali, hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li din l-impriża bagħtet id-dokumenti biss wara li rċeviet tat-talba għal informazzjoni (sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 408), mingħajr, madankollu, ma tkun tista’ tikkunsidrah bħala determinanti sabiex tnaqqas il-kooperazzjoni pprovduta minn impriża skont l-ewwel inċiż tal-punt D(2) tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni (sentenza Tokai I, punt 84 iktar ’il fuq, punt 410). Il-premessa 328 tad-Deċiżjoni ma tmurx kontra din il-ġurisprudenza.

235    Fi kwalunkwe każ, mill-qari tal-premessi 324 u 328 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni, kemm fir-rigward ta’ Schunk kif ukoll fir-rigward ta’ LCL, ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li ż-żewġt impriżi talbu li jibbenefikaw minn dispożizzjonijiet tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni wara li rċevew it-talba għal informazzjoni u li għalhekk, f’dan ir-rigward, huma kienu s-suġġett ta’ trattament simili.

236    Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi rrilevat li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Schunk tenfasizza ċerti osservazzjonijiet li l-Kummissjoni għamlet fid-Deċiżjoni, dwar l-utilità relattiva mal-informazzjoni pprovduta minn LCL. Sa fejn Schunk tinvoka tnaqqis illegali tal-multa miksub minn LCL u anki jekk jitqies li l-Kummissjoni indebitament tagħat tnaqqis lil din l-impriża permezz ta’ applikazzjoni żbaljata tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni, għandu jiġi mfakkar li l-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għandha timxi id f’id ma l-osservanza tal-prinċipju tal-legalità, li jipprovdi li ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, illegalità magħmula favur persuna oħra (sentenza Williams vs Il-Qorti tal-Awdituri, punt 203 iktar ’il fuq, punt 14; is-sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, punt 203 iktar ’il fuq, punt 160 et LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 367).

237    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti u ta’ trattament diskriminatorju meta mqabbel ma’ SGL għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-kontrotalba tal-Kummissjoni

238    Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza li tagħmel użu mill-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha mogħtija lilha permezz tal-Artikolu 229 KE u l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 u żżid l-ammont tal-multa imposta lir-rikorrenti, li kkontestaw għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza l-fatti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Schunk tikkontesta saħansitra l-possibbiltà li l-Kummissjoni tippreżenta talba għaż-żieda tal-ammont tal-multa u, fi kwalunkwe każ, il-mertu tagħha.

 Fuq l-ammissibbiltà

239    Fil-kawża inkwistjoni l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha quddiemha rikors immressaq minn Schunk abbażi tal-Artikoli 230 KE u 231 KE, intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta.

240    Għandu jigi mfakkar li, skont l-Artikolu 229 KE, ir-regolamenti adottati b’mod partikolari mill-Kunsill, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, jistgħu jattribwixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja ġurisdizzjoni sħiħa f’dak li jirrigwarda l-penali previsti f’dawn ir-regolamenti.

241    Tali ġurisdizzjoni ġiet mogħtija lill-qorti Komunitarja skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 li jipprovdi li “[i]l-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni illimitata skont l-Artikolu [229 KE] fuq rikorsi intiżi kontra d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni tkun iffissat multa jew pagament ta’ penalità perijodiku”.

242    Il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha setgħa ta’ diskrezzjoni, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa li hija mogħtija lilha skont l-Artikolu 229 KE u l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17, li tevalwa n-natura adegwata tal-multi (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Novembru 2000, KNP BT vs Il-Kummissjoni, C-248/98 P, Ġabra p. I‑9641, punt 40; Cascades vs Il-Kummissjoni, punt 167 iktar ’il fuq, punt 41, u Weig vs Il-Kummissjoni, C-280/98 P, Ġabra p. I‑9757, punt 41). Fil-fatt, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-poteri tal-qorti Komunitarja ma jillimitawx ruħhom, kif huwa pprovdut fl-Artikolu 231 KE, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, imma jippermettulha tbiddel il-penali imposta minnha (digriet NICGV vs Il-Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq, punt 24).

243    Għaldaqstant, il-qorti Komunitarja hija awtorizzata tmur lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tal-penali, u li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, li tneħħi, tnaqqas jew iżżid il-penalità imposta (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C-3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punt 61).

244    F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa huwa ta’ sikwit mitlub mir-rikorrenti sabiex jinkiseb tnaqqis tal-ammont tal-multa, xejn ma jipprekludi li l-Kummissjoni tista’ wkoll tissuġġetta lill-qorti Komunitarja l-kwistjoni tal-ammont tal-multa u tippreżenta talba għaż-żieda tal-imsemmi ammont.

245    Barra minn hekk, din il-possibbiltà hija espliċitament ipprovduta fil-punt E (4) tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni li tipprovdi li jekk “impriża li tkun ibbenefikat minn tnaqqis tal-multa talli ma kkontestatx il-fatti, tikkontestahom għall-ewwel darba f’rikors għall-annullament quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza […], bħala prinċipju l-Kummissjoni titlob lill din il-Qorti żżid l-ammont tal-multa li hija imponiet fuq din l-impriża”[traduzzjoni mhux uffiċjali]. It-talba ppreżentata mill-Kummissjoni fil-kawża inkwistjoni hija preċiżament ibbażata fuq din id-dispożizzjoni.

246    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa mill-qrati Komunitarji hija neċessarjament stabbilita fil-kuntest tal-istħarriġ tal-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji, u b’mod partikolari tar-rikorsi għall-annullament. Fil-fatt, l-Artikolu 229 KE għandu l-effett waħdieni li jkabbar il-portata tal-poteri li għandha l-qorti Komunitarja fil-kuntest tar-rikors imsemmi fl-Artikolu 230 KE (digriet FNICGV vs Il-Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq, punt 25).

247    Isegwi li l-argument ta’ Schunk li jipprovdi li t-talba għaż-żieda tal-ammont tal-multa tal-Kummissjoni hija inkompatibbli mal-Artikolu 230 KE u tmur kontra s-suġġett tal-kawża kif definit fir-rikors, għandu jiġi miċħud.

248    Barra minn hekk, l-argument ta’ Schunk li jipprovdi li t-talba msemmija iktar ’il fuq tikser il-“prinċipju ta’ bona fede” sa fejn l-imsemmija talba hija mmotivata minn aġir li kienet diġà taf bih l-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, għandu wkoll jiġi miċħud bħala li jirriżulta minn qari żbaljat tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.

249    Fil-fatt, kif ġie espost, it-talba għal żieda tal-ammont tal-multa hija mmotivata mill-attitudni ta’ Schunk li, skont il-Kummissjoni, tikkontesta għall-ewwel darba quddiem il-qorti l-fatti li ġew preliminarjament ammessi waqt il-proċedura amministrattiva.

250    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-imsemmija talba għandha tiġi ddikjarata bħala ammissibbli u li hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tiddeċiedi fuq il-mertu.

 Fuq il-mertu

251    Fid-dawl tal-poter mogħti lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex iżżid l-ammont tal-multa imposta skont ir-Regolament Nru 17, għandu jiġi ddeterminat jekk, kif essenzjalment issostni l-Kummissjoni, iċ-ċirkustanzi f’dan il-każ jiġġustifikawx it-tneħħija tat-tnaqqis ta’ 10 % mogħti lil Schunk minħabba l-kooperazzjoni tagħha, ħaġa li twassal għal żieda fl-ammont finali tal-multa.

252    Skont it-tieni inċiż tal-punt D(2) tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni, impriża tibbenefika minn tnaqqis ta’ multa jekk “wara li tkun irċeviet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, [hija] tinforma lill-Kummissjoni li hija ma tikkontestax il-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-allegazzjonijiet tagħha”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

253    Fil-kawża inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li t-talbiet tar-rikorrenti mhumiex intiżi biss għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imma wkoll għall-annullament tad-Deċiżjoni fiha nnfisha u li, fil-kuntest tal-argument tagħha żviluppat insostenn tal-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali, ir-rikorrenti jikkontestaw direttament il-fatti li ġew allegati fil-konfront tagħhom fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li fuqhom hija bbażata l-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE.

254    Kif ġie espost iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kkontestaw għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ftehim dwar l-interdizzjoni tal-pubbliċità, il-prattiki antikompetittivi dwar il-prodotti intiżi għall-manifatturi tat-tagħmir awtomobbilistiku u tal-prodotturi tal-beni għal konsum u s-sistema ta’ sorveljanza tal-implementazzjoni tal-akkordji kollużivi li fuqhom hija, b’mod partikolari, bbażata l-konstatazzjoni fid-Deċiżjoni ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE.

255    Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti kkontestaw ukoll għall-ewwel darba fir-rikors l-importanzaq tad-dokument riprodott fil-paġna Nru 9823 fil-faxxikolu tal-proċedura (Anness A 21), dwar il-manifatturi tat-tagħmir awtomobbilistiku u l-prodotturi ta’ beni għal konsum kif ukoll il-ftehim dwar it-tneħħija tal-kompetituri.

256    Id-dokument imsemmi iktar ’il fuq huwa assoċjat mal-kontestazzjoni dwar il-prattiki antikompetittivi rigward il-prodotti intiżi għall-manifatturi tat-tagħmir awtomobbilistiku u l-produtturi ta’ beni għal konsum esposti fil-punt 254 iktar ’il fuq.

257    Fir-rigward tal-ftehim dwar it-tneħħija tal-kompetituri, il-Kummissjoni tirreferi għall-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq l-ineżistenza ta’ pjan globali tal-membri tal-akkordju intiż li jbiddel fit-tul l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq permezz tal-akkwist ta’ impriżi, liema ilment, kif diġà ġie indikat, jirriżulta minn qari manifestament żbaljat tal-premessa 173 tad-Deċiżjoni u għalhekk ma jistax jiġi analizzat bħala kontestazzjoni tardiva tal-fatti allegati.

258    F’dan l-istadju, għandu jiġi mfakkar li t-tliet kontestazzjonijiet imsemmija fil-punt 254 iktar ’il fuq ġew miċħuda skont il-ġurisprudenza li tipprovdi li huma kkunsidrati stabbiliti l-fatti li impriża espliċitament irrikonoxxiet fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, peress li din ma tkunx libera li tiżviluppa l-metodi intiżi li jikkontestawhom fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża (sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punt 227; is-sentenza Tokai I, punt 84 iktar ’il fuq, punt 108, u s-sentenza Tokai II, punt 56 iktar ’il fuq, punti 324 u 326).

259    F’dawn iċ-ċirkustanzi, m’għandhux jitneħħa t-tnaqqis minimu ta’ 10 % mogħti lil Schunk skont it-tieni inċiż tal-punt D(2) tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni, u għalhekk l-kontrotalba tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punt 369).

260    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza Tokai II, punt 56 iktar ’il fuq, fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet it-talba tal-Kummissjoni għal żieda fl-ammont tal-multa, minkejja li l-argument tar-rikorrenti ma kkonfutax l-fatti espliċitament ammessi, billi indikat li l-Kummissjoni, kontra kull aspettativa li hija setgħet raġonevolment tistenna mill-kooperazzjoni tar-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva, kienet obbligata telabora u tippreżenta difiża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ffokata fuq il-konstatazzjonijiet ta’ fatti illegali li hija kienet ġustament ikkunsidrat li r-rikorrenti ma kinitx ser tikkontestahom iktar.

261    L-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni jissuġġerixxu li dak li ntqal fis-sitwazzjoni fejn l-argument tar-rikorrenti ma jaqlebx il-fatti espliċitament ammessi għandu jagħmel hekk fil-każ fejn, bħal fil-kawża preżenti, hemm kontestazzjoni tardiva tal-fatti ammessi waqt il-proċedura amministrattiva.

262    Jibqa’ l-fatt li, kif jenfasizzaw b’mod korrett ir-rikorrenti, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jipprovdi li l-ammont tal-multa ma jistax jiġi ddeterminat skont il-gravità u t-tul tal-ksur. Il-fatt li l-Kummissjoni ġiet imgiegħla tiddefendi ruħha abbażi ta’ fatti li fir-rigward tagħhom hija kienet ġustament ikkunsidrat li ma kinux ser jiġu kkontestati iktar, mhijex ta’ natura li tiġġustifika, fid-dawl taż-żewġ kriterji esklużivi tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, żieda ta’ dan l-ammont tal-multa. Fi kliem ieħor, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni minħabba l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza mhumiex kriterju għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa u għandhom biss jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura dwar ir-rifużjoni tal-ispejjeż.

263    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, it-talbiet kollha ppreżentati fil-kuntest ta’ dan ir-rikors għandhom jiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

264    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Schunk GmbH u Schunk Kohlenstoff-Technik GmbH huma kkundannati għall-ispejjeż.

Vilaras

Prek

Ciucă

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Ottubru 2008.

E. Coulon

 

      M. Vilaras

Reġistratur

 

       President

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq it-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni

Fuq l-eċċezzjoni tal-illegalità tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17

Fuq ir-responsabbiltà in solidum ta’ Schunk GmbH u ta’ SKT

Fuq il-konstatazzjonijiet tal-ksur

– Il-kunsiderazzjonijiet preliminari

– Fuq il-projbizzjoni tal-pubbliċità

– Fuq il-provvista ta’ blokki tal-karbonju

– Fuq il-prattiki antikompetittivi rigward il-manifatturi tat-tagħmir awtomobbilistiku u l-produtturi ta’ beni għal konsum

– Fuq l-ineżistenza ta’ pjan globali tal-membri tal-akkordju intiż li jbiddel fit-tul l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq permezz tal-akkwist ta’ impriżi

– Fuq l-eżistenza ta’ mekkaniżmu partikolarment sofistikat għall-kontroll u l-implementazzjoni tal-ftehim inkwistjoni

Fuq it-talba għal tnaqqis tal-multa

Fuq l-allegata sopravalutazzjoni li l-Kummissjoni għamlet tal-gravità tal-ksur, fid-dawl tan-natura u l-effetti tagħha

– Fuq in-natura tal-ksur

– Fuq l-effetti tal-ksur

Fuq it-tqassim tal-impriżi f’kategoriji

Fuq l-effett dissważiv

Fuq il-kooperazzjoni ta’ Schunk

Fuq il-kontrotalba tal-Kummissjoni

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq il-mertu

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.