Language of document : ECLI:EU:T:2008:416

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

8 ta’ Ottubru 2008 (*)

“Kompetizzjoni − Akkordji − Suq tal-prodotti abbażi ta’ karbonju u grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi − Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi − Gravità u tul tal-ksur − Ċirkustanzi attenwanti − Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva − Prinċipju ta’ proporzjonalità − Prinċipju ta’ trattament ugwali”

Fil-kawża T‑73/04,

Le Carbone-Lorraine, stabbilita f’Courbevoie (Franza), inizjalment irrappreżentata minn A. Winckler u I. Simic, u wara minn A. Winckler u H. Kanellopoulos, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u É. Gippini Fournier, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/420/KE tat-3 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ C.38.359 − Prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi), u, sussidjarjament, għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta lir-rikorrenti minn din id-Deċiżjoni,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President, M. Prek u V. Ciucă, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Frar 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Le Carbone-Lorraine (iktar ’il quddiem “LCL” jew ir-“rikorrenti”) hija impriża Franċiża li timmanifattura prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita sabiex jintużaw fl-oqsma tal-elettriku u tal-mekkanika.

2        Fit-18 ta’ Settembru 2001, ir-rappreżentanti ta’ Morgan Crucible Company plc (iktar ’il quddiem “Morgan”) iltaqgħu ma’ aġenti tal-Kummissjoni bil-għan li jipproponu l-kooperazzjoni tagħhom sabiex jiġi kkonstatat kartell fis-suq Ewropew tal-prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi u sabiex jitolbu l-benefiċċju tal-miżuri ta’ klemenza pprovduti mill-Avviż tal-Kummissjoni 96/C 207/04 dwar in-nonimpożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis tal-multi fil-każijiet ta’ akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem l-“Avviż fuq il-kooperazzjoni”).

3        Fit-2 ta’ Awwissu 2002, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU 1962, 13, p. 204), indirizzat lil C. Conradty Nürnberg GmbH (iktar ’il quddiem “Conradty”), lil SGL Carbon AG (iktar ’il quddiem “SGL”), lil Schunk GmbH u lill-kumpannija sussidjarja tagħha Schunk Kohlenstoff-Technik GmbH (iktar ’il quddiem, flimkien bħala “Schunk”), lil Eurocarbo SpA, lil Luckerath BV u lil Gerken Europe SA (iktar ’il quddiem “Gerken”) kif ukoll lir-rikorrenti talbiet għall-informazzjoni dwar l-aġir tagħhom fis-suq inkwistjoni. L-ittra indirizzata lil Schunk kienet tikkonċerna wkoll l-attivitajiet ta’ Hoffmann & Co. Elektrokohle AG (iktar ’il quddiem “Hoffmann”), mixtrija minn Schunk fit-28 ta’ Ottubru 1999.

4        Permezz ta’ faks indirizzat lill-Kummissjoni fis-16 ta’ Awwissu 2002, ir-rikorrenti talbet li jiġi applikat l-Avviż fuq il-kooperazzjoni.

5        Fit-22 ta’ Awwissu u fit-23 ta’ Settembru 2002, ir-rikorrenti bagħtet provi dwar l-akkordju lill-Kummissjoni.

6        Fit-30 ta’ Settembru 2002, il-Kummissjoni rċeviet ir-risposta tar-rikorrenti għat-talba għal informazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17.

7        Fit-23 ta’ Mejju 2003, abbażi ta’ informazzjoni li kienet ġiet innotifikata lilha, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti u lill-impriżi l-oħra kkonċernati, jiġifieri Morgan, Conradty, SGL, Schunk u Hoffmann. Fir-risposta tagħha, ir-rikorrenti indikat li essenzjalment hija ma kinitx tikkontesta l-fatti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

8        Wara s-smigħ tal-impriżi kkonċernati, minbarra Morgan u Conradty, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2004/420/KE, tat-3 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ C.38.359 − Prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”), li ġiet innotifikata lir-rikorrenti b’ittra tal-11 ta’ Diċembru 2003. Sunt tad-Deċiżjoni ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tat-28 ta’ April 2004 (ĠU L 125, p. 45).

9        Il-Kummissjoni indikat, fid-Deċiżjoni, li l-impriżi destinatarji tagħha kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 81(1) KE u, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2004, tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), li kien jikkonsisti fl-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet tal-bejgħ, jew ta’ kundizzjonijiet oħra tan-negozju li japplikaw għall-klijenti, fit-tqassim tas-swieq, b’mod partikolari, bit-tqassim tal-klijenti, u fl-insegwiment ta’ azzjonijiet miftiehma (restrizzjonijiet kwantitattivi, żieda fil-prezzijiet, bojkotts) kontra kompetituri li ma kinux membri tal-kartell (premessa 2 tad-Deċiżjoni).

10      Id-Deċiżjoni tinkorpora s-segwenti dispożizzjonijiet :

“L-ewwel Artikolu

Is-segwenti impriżi kisru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) [KE] u, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994, tal-Artikolu 53(1) tal-ftehim fuq ŻEE billi pparteċipaw, fil-perijodi msemmija, f’numru ta’ ftehim u prattiki miftiehma fis-settur tal-prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi:

–        [Conradty], b’effett minn Ottubru 1988 sa Diċembru 1999 ;

–        [Hoffmann], b’effett minn Settembru 1994 sa Ottubru 1999 ;

–        [LCL], b’effett minn Ottubru 1988 sa Ġunju 1999 ;

–        [Morgan], b’effett minn Ottubru 1988 sa Diċembru 1999 ;

–        [Schunk], b’effett minn Ottubru 1988 sa Diċembru 1999 ;

–        [SGL], b’effett minn Ottubru 1988 sa Diċembru 1999 ;

Artikolu 2

Is-segwenti multi huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

–        [Conradty] : EUR 1 060 000 ;

–        [Hoffmann] : EUR 2 820 000 ;

–        [LCL] : EUR 43 050 000 ;

–        [Morgan] : EUR 0 ;

–        [Schunk] : EUR 30 870 000 ;

–        [SGL] : EUR 23 640 000.

Il-multi għandhom jitħallsu fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni: [...]

Meta jiskadi dan il-perijodu, huma awtomatikament dovuti l-interessi bir-rata applikabbli mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament fl-ewwel jum tax-xahar li matul tiegħu ġiet adottata din id-Deċiżjoni, b’żieda ta’ 3.5 punti ta’ perċentwali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      Fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni kkwalifikat il-ksur bħala wieħed serju ħafna, fid-dawl tan-natura tiegħu, tal-impatt tiegħu fuq is-suq taż-ŻEE għall-prodotti kkonċernati, anki jekk ma setax jiġi kkalkolat b’mod preċiż, u tal-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat (premessa 288 tad-Deċiżjoni).

12      Sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza speċifika tal-aġir illegali ta’ kull impriża involuta fil-kartell, u għalhekk, tal-impatt reali tagħha fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ġabret l-impriżi kkonċernati fi tliet kategoriji, skont id-daqs tagħhom fuq is-suq inkwistjoni ddeterminat permezz tas-sehem tagħhom tas-suq (premessi 289 sa 297 tad-Deċiżjoni).

13      Konsegwentement, ir-rikorrenti u Morgan, ikkunsidrati bħala l-ikbar żewġt operaturi peress li kellhom sehem tas-suq ta’ iktar minn 20 %, ġew ikklassifikati fl-ewwel kategorija. Schunk u SGL, li huma operaturi medji b’sehem tas-suq ta’ bejn 10 u 20 %, ġew ikklassifikati fit-tieni kategorija. Hoffmann u Conradty, ikkunsidrati bħala operaturi żgħar minħabba s-sehem tas-suq tagħhom ta’ inqas minn 10 %, ġew ikklassifikati fit-tielet kategorija (premessi 37 u 297 tad-Deċiżjoni).

14      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni ddeċidiet ammont inizjali, ikkalkolat skont il-gravità tal-ksur, ta’ EUR 35 miljun għar-rikorrenti u Morgan, ta’ EUR 21 miljun għal SGL u Schunk u ta’ EUR 6 miljun għal Hoffmann u Conradty (premessa 298 tad-Deċiżjoni).

15      Fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni qieset li kull impriża kkonċernata kienet wettqet ksur fuq perijodu twil. Fid-dawl ta’ perijodu ta’ ksur ta’ ħdax-il sena u xahrejn, il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali li kienet stabbilixxiet fir-rigward ta’ SGL, ta’ Morgan, ta’ Schunk u ta’ Conradty b’110 %. Fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kummissjoni stabbilixxiet perijodu ta’ ksur ta’ għaxar snin u tmien xhur u żiedet l-ammont inizjali b’105 %. Fir-rigward ta’ Hoffmann, l-ammont inizjali kien miżjud b’50 % minħabba perijodu ta’ ksur ta’ ħames snin u xahar (premessi 299 u 300 tad-Deċiżjoni).

16      Għalhekk, l-ammont bażi tal-multa, stabbilit skont il-gravità u l-perijodu tal-ksur kien iffissat għal EUR 73.5 miljun fir-rigward ta’ Morgan, għal EUR 71.75 miljun għar-rikorrenti, għal EUR 44.1 miljun għal Schunk u għal SGL, għal EUR 12.6 miljun fir-rigward ta’ Conradty u għal EUR 9 miljun għal Hoffmann (premessa 301 tad-Deċiżjoni).

17      Il-Kummissjoni ma qisitx li kien hemm ċirkustanza aggravanti jew attenwanti kontra jew favur l-impriżi kkonċernati (premessa 316 tad-Deċiżjoni).

18      Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni, Morgan ibbenefikat minn immunità mill-multa peress li kienet l-ewwel impriża li żvelat l-eżistenza ta’ kartell lill-Kummissjoni (premessi 319 sa 321 tad-Deċiżjoni).

19      Skont il-punt D tal-imsemmi Avviż, il-Kummissjoni kkonċediet tnaqqis ta’ 40 % tal-ammont tal-multa li kieku kienet tiġi imposta fuqha fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni, ta’ 30 % lil Schunk u lil Hoffmann u ta’ 20 % lil SGL, li kienet l-aħħar waħda li kkooperat (premessi 322 sa 338 tad-Deċiżjoni).

20      Fid-Deċiżjoni, taħt it-titolu “Kapaċita ta’ ħlas u fatturi oħra”, il-Kummissjoni, wara li ċaħdet l-argumenti ta’ SGL u tar-rikorrenti intiżi li jipprovaw nuqqas ta’ kapaċita ta’ pagament tal-multa, fakkret li, reċentement, hija kienet diġà kkundannat l-ewwel impriża għal żewġ multi kbar għall-parteċipazzjoni tagħha f’attivitajiet oħra kollużivi.

21      Il-Kummissjoni ppreċiżat li, permezz tad-Deċiżjoni 2002/271/KE tat-18 ta’ Lulju 2001, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/36.490 — Elettrodi tal-grafita) (ĠU 2002, L 100, p. 1), fil-kawża magħrufa bħala “tal-elettrodi tal-grafita” u mid-Deċiżjoni 2006/460/KE, tas-17 ta’ Diċembru 2002, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ C.37.667 – Grafiti speċjali) (ĠU 2006, L 180, p. 20), fil-kawża magħrufa bħala “tal-grafita speċjali”, ġiet imposta fuq SGL multa ta’ EUR 80.2 miljun għall-parteċipazzjoni tagħha fil-kartell tal-elettrodi tal-grafita u żewġ multi ta’ ammont totali ta’ EUR 27.75 miljun għall-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju tal-grafita iżostatika u fl-akkordju tal-grafita estruża (premessa 358 tad-Deċiżjoni).

22      Fid-dawl tad-diffikultajiet finanzjarji kbar ta’ SGL u tal-kundanni reċenti kif ukoll tal-fatt li l-attivitajiet kollużivi differenti allegati fil-konfront tagħha seħħew fl-istess żmien, il-Kummissjoni qieset, li f’dawn il-kundizzjonijiet partikolari, ma kienx neċessarju, sabiex tiġi ggarantita dissważjoni effettiva, li jiġi impost fuq SGL l-ammont totali tal-multa u għalhekk naqqsitu b’33 %, u b’hekk niżżlitu għal EUR 23.64 miljun (premessa 360 tad-Deċiżjoni).

23      Fid-dawl tal-fatt li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti kienet differenti ħafna minn dik ta’ SGL, il-Kummissjoni ma kkonċedietx tnaqqis tal-ammont tal-multa tagħha abbażi ta’ “fatturi oħra” (premessi 361 u 362 tad-Deċiżjoni).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

24      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-20 ta’ Frar 2004, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

25      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza inbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ħames Awla, bħala President tal-Awla, u konsegwentement din il-kawża ġiet assenjata lil din l-aħħar Awla.

26      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2008.

27      Matul din is-seduta, u wara li r-rikorrenti ppreċiżat il-portata ta’ wħud mill-argumenti tagħha, il-Kummissjoni rrinunzjat għall-kontrotalba tagħha intiża għal żieda fl-ammont tal-multa, u dan tniżżel fil-verbal tas-seduta.

28      Fuq talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni ppreżentat, waqt is-seduta, l-ittra tat-30 ta’ Ottubru 2001 li ġiet indirizzata lilha minn Morgan fil-kuntest tat-talba sabiex jiġi applikata l-Avviż fuq il-kooperazzjoni favur tagħha. Din l-ittra, li kienet tagħmel parti mill-faxxikolu amministrattiv tal-Kummissjoni, ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti, li ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha li wasslu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-26 ta’ Marzu 2008. Il-proċedura orali ntemmet fl-1 ta’ April 2008, u l-partijiet ġew innotifikati b’dan b’ittra tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-istess jum.

29      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni, sa fejn tikkonċerna lilha ;

–        sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas l-ammont tal-multa imposta;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

30      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

31      Filwaqt li r-rikors imressaq mir-rikorrenti għandu għan doppju, jiġifieri, primarjament, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni, u sussidjarjament, talba għall-annullament jew tnaqqis tal-ammont tal-multa, madankollu fl-osservazzjonijiet tagħha r-rikorrenti m’għamlitx distinzjoni bejn l-ilmenti differenti li qajmet.

32      Fuq talba li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet matul is-seduta sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-portata eżatta ta’ wħud mill-argumenti tagħha, ir-rikorrenti ddikjarat li l-argument dwar ir-rwol passiv tagħha fit-twettiq tal-ksur fis-suq tal-blokok tal-karbonju u tal-grafita kien sempliċement intiż għat-talba taċ-ċirkustanza attenwanti korrispondenti, u konsegwentement, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa. Bl-istess mod, ir-rikorrenti ppreċiżat li ma tikkontestax il-preżenza tagħha fil-laqgħat tal-kumitat tekniku dwar il-prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita għal applikazzjonijiet mekkaniċi u, konsegwentement, il-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-qasam. Il-Qorti tal-Prim’Istanza niżżlet dawn id-dikjarazzjonijet fil-verbal tas-seduta.

33      F’dan l-istadju, għandu jingħad ukoll li, għalkemm ir-rikorrenti espliċitament talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza tannulla d-Deċiżjoni fl-intier tagħha, sa fejn din tikkonċerna lilha, madankollu l-motivi kollha mqajma minnha huma intiżi li jikkonfutaw dik il-parti tad-Deċiżjoni li tittratta l-multi u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tagħha li permezz tiegħu l-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont tal-multa impost fuq ir-rikorrenti għal EUR 43 050 000. Fin-nuqqas ta’ kull ilment insostenn tat-talbiet għall-annullament tad-Deċiżjoni fl-intier tagħha, dawn it-talbiet għandhom jiġu miċħuda u għandu biss jiġi eżaminat il-mertu tat-talba għall-annullament jew it-tnaqqis tal-ammont tal-multa ppreżentata mir-rikorrenti.

 Fuq l-iżball tad-dritt allegatament kommess mill-Kummissjoni minħabba n-nuqqas tagħha li tiddefinixxi s-swieq tal-prodotti inkwistjoni jew, minn tal-inqas, il-kategoriji tal-prodotti inkwistjoni

34      Ir-rikorrenti ssostni li d-definizzjoni tas-swieq tal-prodotti inkwisjtoni jew, minn tal-inqas, tal-kategoriji tal-prodotti inkwistjoni kienet, fil-każ inkwistjoni, indispensabbli sabiex issir klassifika eżatta tal-ksur u tal-effetti veri tiegħu, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ definizzjoni serja tas-swieq inkwistjoni wasslet lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ proċeduri amministrattivi b’mod “illoġiku” u sabiex tistabbilixxi l-ammont tal-multa għal-livell manifestament eċċessiv.

 Fuq il-klassifika tal-ksur

35      Ir-rikorrenti ssostni li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni kellha tagħmel analiżi tas-swieq tal-prodotti inkwistjoni jew, minn tal-inqas, tal-kategoriji tal-prodotti inkwistjoni u f’dan ir-rigward, hija tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni (T-213/00, Ġabra p. II-913, punt 206).

36      F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1), KE is-suq inkwistjoni għandu jiġi ddefinit biex ikun jista’ jiġi ddeterminat jekk kartell jistax jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u jekk għandux bħala għan jew bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Frar 1995, SPO et vs Il-Kummissjoni, T‑29/92, Ġabra p. II‑289, punt 74; u tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 1093). Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tiddefinixxi s-suq, permezz ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 81 KE, biss meta, mingħajr tali definizzjoni, ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat jekk il-ftehim, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni tal-intrapriżi jew il-prattika miftiehma inkwistjoni jistgħux jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri u jkollhomx bħala għan jew bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T-62/98, Ġabra p. II-2707, punt 230, ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il‑Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II‑3141, punti 93 sa 95 u 103).

37      Issa, ir-rikorrenti ssostni li, fil-kawża inkwistjoni, id-definizzjoni tas-swieq tal-prodotti inkwistjoni jew, minn tal-inqas, tal-kategoriji tal-prodotti inkwistjoni kienet neċessarja mhux għall-klassifika tal-prattiki illegali fir-rigward tal-Artikolu 81 KE, imma għall-klassifika eżatta tal-ksur u tal-effetti veri tiegħu, fid-dawl tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, li hija kwistjoni differenti minn dik tal-legalità.

38      Ir-referenza għas-sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, għalhekk tidher nieqsa minn kull rilevanza, fid-dawl tal-fatt li, minn naħa, il-Kummissjoni ddefinixxiet b’mod dettaljat is-settur tal-prodotti abbażi tal-karbonju u grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi, billi għamlet distinzjoni ċara bejn it-tipi differenti ta’ prodotti kkonċernati (premessi 4 sa 13 tad-Deċiżjoni) u l-firxa ġeografika tas-suq tal-imsemmija prodotti (premessi 48 sa 50 tad-Deċiżjoni) u, min-naħa l-oħra, li l-akkordji orizzontali li jipprovdu għall-iffissar tal-prezzijiet u li jestendu għat-territorju kollu taż-ŻEE, bħal dak li huwa msemmi fid-Deċiżjoni, jikkostitwixxi ksur manifest tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni.

39      Jidher li fil-verità, l-argument żviluppat mir-rikorrenti jirrigwarda l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni għamlet tal-gravità tal-ksur u l-iffissar korrelatat tal-ammont inizjali tal-multa.

40      Ir-rikorrenti essenzjalment tikkunsidra li l-Kummissjoni kellha, b’mod speċifiku, teżamina l-gravità tal-ksur għal kull kategorija tal-prodotti kkonċernati mill-akkordju. Fil-kuntest ta’ din l-analiżi, hija ssostni li l-akkordju kellu impatt limitat ħafna fuq il-prodotti kollha abbażi tal-karbonju u tal-grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u kif ukoll li hija ma intervenietx jew ma intervenietx wisq fis-suq Ewropew tal-blokok tal-karbonju u tal-grafita fis-settur tal-prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita għal applikazzjonijiet mekkaniċi, u dan kellu jwassal lill-Kummissjoni li tistabbilixxi ammonti inizjali differenti.

41      F’dan l-istadju, għandu jiġi rrilevat li l-istess argumenti huma invokati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ilmenti bbażati fuq in-natura sproporzjonata tal-ammont inizjali tal-multa u tal-evalwazzjoni żbaljata li l-Kummissjoni għamlet taċ-ċirkustanzi attenwanti u ser jiġu wkoll eżaminati sussegwentement.

42      Jekk ikun ikkunsidrat b’mod awtonomu, l-ilment ibbażat fuq l-iżball ta’ liġi kommess mill-Kummissjoni minħabba n-nuqqas ta’ definizzjoni tas-swieq tal-prodotti inkwistjoni, jew, minn tal-inqas, tal-kategoriji tal-prodotti inkwistjoni ma jistax jiġi milqugħ mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

43      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-impriżi destinatarji tad-Deċiżjoni kienu pparteċipaw fi “ksur kumpless wieħed” u kontinwat tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE, li kien jestendi għat-territorju kollu taż-ŻEE, u li r-rikorrenti espliċitament indikat, fir-replika tagħha, li hija ma kinitx tikkontesta l-eżistenza, fil-każ inkwistjoni, ta’ ksur wieħed.

44      Sussegwentement, mid-Deċiżjoni jirriżulta li l-multi ġew imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u li l-Kummissjoni – minkejja li d-Deċiżjoni ma tirreferix espliċitament għal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5), [KEFA] (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”) – iddeterminat l-ammont tal-multi billi applikat il-metodu stabbilit fil-Linji gwida.

45      Skont dan il-metodu, fil-kalkolu tal-ammont tal-multi li għandhom jiġu imposti fuq l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni għandha tieħu bħala punt tat-tluq ammont iddeterminat abbażi tal-gravità tal-ksur. L-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta dan ikun jista’ jitkejjel u l-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat (l-ewwel paragrafu tal-punt 1A tal-Linji gwida). F’dan il-kuntest, il-ksur huma kklassifikati taħt tliet kategoriji, jiġifieri “ksur ftit serju”, li għalih l-ammont ta’ multi applikabbli huwa ta’ bejn EUR 1 000 u EUR 1 miljun, “ksur serju”, li għalih l-ammont tal-multi applikabbli jista’ jvarja bejn EUR 1 miljun u EUR 20 miljun, u l-“ksur serju ħafna”, li għalih l-ammont tal-multi applikabbli jaqbeż l-ammont ta’ EUR 20 miljun (l-ewwel sat-tielet inċiżi tat-tieni paragrafu tal-Punt 1 A). Fi ħdan kull waħda minn dawn il-kategoriji, l-iskala ta’ multi proposta tagħmilha possibbli, skont il-Linji gwida, li jiġi applikat trattament differenzjat bejn l-impriżi skont in-natura tal-ksur li jkun twettaq (it-tielet paragrafu tal-Punt 1A). Barra minn dan, skont il-Linji gwida huwa meħtieġ ukoll li tiġi kkunsidrata l-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur li jikkawżaw dannu serju lil operaturi oħrajn, b’mod partikolari lill-konsumaturi, u li l-ammont tal-multa jiġi ddeterminat għal-livell li jiggarantixxi li jkollu natura suffiċjentement dissważiva (ir-raba’ paragrafu tal-Punt 1A).

46      Għalhekk jidher li l-impatt konkret tal-“ksur” fis-suq għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta dan jista’ jitkejjel u li, kuntrarjament għall-dak li ssostni r-rikorrenti, ma jeżisti ebda obbligu għall-Kummissjoni, skont il-Linji gwida, li tanalizza l-impatt ta’ akkordju għal kull kategorija tal-prodotti inkwistjoni.

47      Il-pożizzjoni tar-rikorrenti hija kkontestata wkoll mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni (T-83/91, Ġabra p. II-755), imsemmija miż-żewġ partijiet, li tiċħad ir-rikors ta’ impriża kkundannata mill-Kummissjoni sabiex tħallas multa waħda għal numru ta’ ksur tal-Artikolu 82 KE. Fil-punt 236 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza tindika :

“[I]l-Kummissjoni mhijiex obbligata, kif issostni r-rikorrenti, li taqsam l-ammont tal-multa bejn l-elementi differenti tal-abbuż. B’mod partikolari, tqassim bħal dan huwa impossibbli meta, bħal fil-kawża inkwistjoni, il-ksur kollha kkonstatati jifformaw parti minn strateġija globali koerenti u għalhekk għandhom jiġu ttrattati b’mod globali kemm għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu [82 KE] kif ukoll tal-iffissar tal-multa. Huwa biżżejjed li, fid-Deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni tindika l-kriterji intiżi għall-iffisar tal-livell ġenerali tal-multa imposta lil impriża. Hija mhijiex obbligata li tiddeskrivi b’mod speċifiku l-mod ta’ kif hija ħadet inkunsiderazzjoni kull element li ġie msemmi fost dawn il-kriterji li jikkontribwixxu għad-determinazzjoni tal-livell ġenerali tal-multa.”

48      Barra minn hekk, fis-sentenza Cimentieries CBR et vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq (punt 4761), il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni setgħet, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, timponi multa waħda fuq impriża li wettqet iktar minn ksur wieħed, mingħajr ma jkollha taqsam l-ammont tal-multa skont kull wieħed mill-ksur. Dan japplika iktar u iktar meta d-diversi ksur inkwistjoni jagħmlu parti minn strateġija globali koerenti.

49      Minn dawn is-sentenzi jirriżulta li r-rikorrenti mhijex iġġustifikata li ssostni li l-Kummissjoni kienet obbligata, f’dan il-każ, li twettaq analiżi separata ta’ kull element tal-ksur wieħed ikkonstatat, minħabba b’mod partikolari l-eżistenza ta’ strateġija globali kondiviża bejn il-membri kollha tal-akkordju, minkejja li l-Kummissjoni mhijiex marbuta li teżamina l-gravità ta’ kull ksur meta hija timponi multa waħda lil impriża li tkun wettqet diversi ksur.

50      Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, din il-konklużjoni mhijiex ta’ natura tali li tippermetti “sanzjoni kollettiva arbitrarja” tal-impriżi involuti f’akkordju.

51      Għalhekk, il-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni tagħha (premessi 289 sa 298), applikat “trattament differenti” fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont inizjali billi, skont is-sitt paragrafu tal-punt 1 A tal-Linji gwida, għamlet distinzjoni bejn numru ta’ kategoriji ta’ impriżi skont l-importanza tas-sehem tagħhom fis-suq. Fil-kuntest tal-imsemmi trattament, preżenza limitata f’suq tista’ eventwalment twassal għall-ammont inizjali inqas, minkejja li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ u fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ li hija għamlet mis-suq tal-prodotti kkonċernati, ir-rikorrenti ġiet inkluża fl-ewwel kategorija.

52      Barra minn hekk, il-gravità relatata mal-parteċipazzjoni ta’ kull impriża inkwistjoni, invokata mir-rikorrenti fil-kuntest tal-allegazzjonijiet li hija ma intervenietx jew ma intervenitx wisq fil-prattiki illegali dwar ċerti prodotti, kellha tiġi u ġiet eżaminata mill-Kummissjoni waqt l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti.

53      Il-fondatezza tal-evalwazzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni f’dan ir-rigward għandha sussegwentement tiġi eżaminata mal-ilmenti tar-rikorrenti marbuta direttament ma’ dawn il-kwistjonijiet.

 Fuq il-proċedura mibdija mill-Kummissjoni

54      Skont ir-rikorrenti, il-fatt li l-Kummissjoni bdiet proċedura waħda biss għall-prattiki li jkopru numru ta’ kategoriji ta’ prodotti kompletament distinti huwa manifestament illoġiku u jmur kontra l-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba. Il-Kummissjoni kellha:

–        jew tadotta Deċiżjoni waħda rigward l-akkordji kollha fis-settur tal-prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita, kif għamlu l-awtoritajiet Amerikani tal-kompetizzjoni, li kellha twassal lill-Kummissjoni sabiex timponi multa lir-rikorrenti ta’ ammont massimu ta’ EUR 61.37 miljun;

–        jew inkella tadotta numru ta’ deċiżjonijiet dwar kull kategorija ta’ prodotti inkwistjoni, skont il-prassi deċiżjonali indikata fil-kawżi tal-elettrodi tal-grafita u grafita speċjali, u dan kellu jwassal lill-Kummissjoni sabiex tiffissa l-ammont inizjali għal-livell li jkun ħafna inqas minn EUR 35 miljun.

55      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat, li r-rikorrenti ma ssostnix li l-akkordji, msemmija fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, dwar il-kwistjonijiet tal-elettrodi tal-grafita u tal-grafita speċjali u l-akkordju li wassal għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni jikkostitwixxu fil-verità ksur wieħed, imma ssostni biss li l-awtoritajiet Amerikani tal-kompetizzjoni kienu segwew approċċ globali tas-settur tal-prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita, li wassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni waħda.

56      Għalhekk, la huwa allegat u lanqas a fortiori stabbilit mir-rikorrenti li l-Kummissjoni, b’mod irregolari, bdiet tliet proċeduri distinti, ikkonstatat erba’ ksur u imponiet erba’ multi separati lir-rikorrenti fir-rigward tas-swieq tal-elettrodi tal-grafita, tal-grafita speċjali u tal-prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi. Għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni setgħet timponi erba’ multi differenti lir-rikorrenti, fejn kull multa tosserva l-limiti stabbiliti mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, sakemm hija tkun wettqet erba’ ksur differenti tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE, fid-dawl tal-fatt li, fil-kawża tal-grafita speċjali, il-Kummissjoni bdiet proċedura waħda li wasslet għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni waħda li tikkonstata l-eżistenza ta’ żewġ ksur differenti, li jikkonċernaw, minn naħa, is-suq tal-grafita speċjali iżostatika u min-naħa l-oħra, is-suq tal-grafita speċjali estruża, u li imponiet fuq ir-rikorrenti żewġ multi differenti.

57      Barra minn hekk, huwa evidenti li l-prattika segwita mill-awtoritajiet Amerikani tal-kompetizzjoni ma tistax tiġi imposta fuq il-Kummissjoni li hija responsabbli mill-implementazzjoni u mill-orjentament tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-eżerċizzju tas-setgħa mill-awtoritajiet ta’ Stati terzi li huma responsabbli mill-protezzjoni tal-kompetizzjoni ħielsa, fil-kuntest tal-kompetenza territorjali tagħhom, isir skont ir-rekwiżiti speċifiċi tal-imsemmija Stati. Fil-fatt, l-elementi li jiffurmaw il-bażi tas-sistemi legali ta’ Stati oħra fil-qasam tal-kompetizzjoni mhux biss għandhom għanijiet u objettivi speċifiċi, iżda jwasslu wkoll għall-adozzjoni ta’ regoli materjali partikolari kif ukoll għal konsegwenzi ġuridiċi differenti ħafna fil-qasam amministrattiv, kriminali jew ċivili, meta l-awtoritajiet tal-imsemmija Stati jkunu stabbilixxew l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli applikabbli fil-qasam tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C-308/04 P, Ġabra p. I-5977, punt 29).

59      Min-naħa l-oħra, teżisti sitwazzjoni ġuridika differenti ħafna meta impriża tkun milquta esklużivament, fil-qasam tal-kompetizzjoni, mill-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju u tad-dritt ta’ Stat Membru wieħed jew iktar, jiġifieri meta akkordju jkun limitat għall-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tas-sistema legali tal-Komunità Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 30).

60      Minn dan isegwi li, meta l-Kummissjoni tissanzjona l-aġir illegali ta’ impriża, anki jekk din toriġina minn akkordju ta’ natura internazzjonali, hija tkun qed tipproteġi l-kompetizzjoni ħielsa ġewwa s-suq komuni li, skont l-Artikolu 3(1)(g) KE, tikkostitwixxi għan fundamentali tal-Komunità. Fil-fatt, minħabba n-natura speċifika tal-interess legali protett fuq livell Komunitarju, l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni, fid-dawl tal-kompetenzi tagħha fil-qasam, jistgħu jkunu differenti ħafna minn dawk tal-awtoritajiet ta’ Stati terzi (sentenza SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 31).

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talbiet tar-rikorrenti, li hija torbot ma’ sitwazzjoni ipotetika ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tkun ibbażata fuq analiżi tal-prodotti kollha abbażi tal-karbonju u tal-grafita, li jirrigwardaw il-multa massima ta’ EUR 61.37 miljun li setgħet tiġi imposta lilha u l-allegat ksur min-naħa tal-Kummissjoni tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, mhumiex rilevanti.

62      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, mill-kawżi tal-elettrodi tal-grafita u tal-grafita speċjali ma jirriżultax li kull suq tal-prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita kien is-suġġett ta’ proċedura amministrattiva differenti min-naħa tal-awtoritajiet Komunitarji tal-kompetizzjoni.

63      Fil-kawża tal-grafita speċjali, il-Kummissjoni bdiet proċedura waħda li wasslet għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni waħda li tikkonstata l-eżistenza ta’ żewġ ksur differenti, li jikkonċernaw minn naħa s-suq tal-grafita speċjali iżostatika u min-naħa l-oħra s-suq tal-grafita speċjali estruża, u imponiet lir-rikorrenti żewġ multi differenti.

64      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li fil-kawża inkwistjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-impriżi destinatarji tad-Deċiżjoni kienu wettqu ksur wieħed tal-Artikolu 81 KE. Hija ġġustifikat il-pożizzjoni tagħha fil-premessa 230 tad-Deċiżjoni kif ġej:

“Minkejja l-argument ta’ [LCL] li jipprovdi li l-blokok tal-karbonju u tal-grafita ma jistgħux jissostitwixxu prodotti lesti abbażi tal-karbonju u tal-grafita, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-grupp kollu tal-prodotti kopert minn din il-proċedura kien is-suġġett ta’ ksur wieħed kumpless. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li s-sostitwibbiltà tal-prodotti hija biss wieħed mill-elementi li hija tieħu inkunsiderazzjoni. Fatturi oħra jista’ jkollhom rwol importanti, b’mod partikolari il-funzjonament tal-akkordju nnifsu. Fil-proċedura preżenti, l-istess membri tal-kartell ikkoordinaw l-aġir kummerċjali tagħhom waqt l-istess laqgħat għal grupp sħiħ ta’ prodotti konnessi (għalkemm mhux sostitwibbli), li kollha jew kważi kollha ġew immanifatturati jew mibjugħa. Barra minn hekk, l-għan prinċipali tal-ftehim, bejn il-membri tal-akkordju, li ma jsirx bejgħ tal-blokok lil terzi jew, jekk isir, dan ikun bi prezzijiet għoljin ħafna, kien li jissaħħaħ l-akkordju prinċipali fuq il-prodotti mmanifatturati minn dawn il-blokok u li dan l-akkordju jiġi protett minn kompetizzjoni eventwali. Għalhekk, il-ftehim dwar dawn il-blokok kien aċċessorju għall-akkordju prinċipali dwar il-prodotti lesti. Fid-dawl ta’ din id-data fattwali, il-Kummissjoni għażlet li tittratta l-attivitajiet tal-kartell bħala ksur kumpless wieħed. Ebda waħda mid-destinatarji ta’ din id-Deċiżjoni ma ssostni li kien hemm iktar minn ksur wieħed”.

65      Huwa għal raġunijiet oġġettivi li l-Kummissjoni, fil-kawża inkwistjoni, tat bidu għall-proċedura, ikkonstatat l-eżistenza ta’ ksur wieħed u imponiet multa lir-rikorrenti fid-deċiżjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti ma tikkontestax l-eżistenza ta’ ksur wieħed.

66      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għażla tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni sabiex tissanzjona ksur wieħed u kontinwat ma tistax tiġi kklassifikata bħala “illoġika” jew bħala li tmur kontra l-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba.

67      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha magħmulin iktar ’il fuq jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq l-iżball tal-liġi kommess mill-Kummissjoni minħabba n-nuqqas tad-definizzjoni tas-swieq tal-prodotti inkwistjoni, jew minn tal-inqas, tal-kategoriji tal-prodotti inkwistjoni, għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-evalwazzjoni allegatament żbaljata tal-gravità tal-ksur u tan-natura allegatament spoporzjonata tal-ammont inizjali tal-multa

68      Skont ġurisprudenza konstanti, il-gravità tal-ksur hija ddeterminata fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha setgħa ta’ diskrezzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C-328/05 P, Ġabra p. I-3921, punt 43; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punti 240 sa 242).

69      Kif ġie espost iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, fil-kawża inkwistjoni, iddeterminat l-ammont tal-multa billi applikat il-metodu stabbilit fil-Linji gwida.

70      Għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, għalkemm il-Linji gwida ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala regola ta’ dritt li l-amministrazzjoni hija obbligata tosserva f’kull każ, dawn madankollu jikkostitwixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita u li, f’każ partikolari, l-amministrazzjoni ma tistax titbiegħed minnha mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 209, u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Billi tadotta regoli ta’ kondotta bħal dawn u billi tħabbar, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ diskrezzjoni tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma tikkommetti ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tat-trattament ugwali jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 211, u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, skont l-istess ġurisprudenza, il-Linji gwida jiddeterminaw, b’mod ġenerali u fl-astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi imposti abbażi tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17. Matul il-fażi tal-kompilazzjoni ta’ dawn il-Linji gwida l-Kummissjoni rreferiet, inter alia, għal-kriterji li ġew stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u konsegwentement dawn jassiguraw iċ-ċertezza legali tal-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 213).

73      Għandu jiġi rrilevat li l-Linji gwida jipprovdu, l-ewwel nett, l-evawazzjoni tal-gravità tal-ksur bħala tali, li abbażi tagħha jista’ jiġi stabbilit “ammont inizjali ġenerali”. It-tieni nett, il-gravità hija analizzata abbażi tal-karatteristiċi tal-impriża kkonċernata, b’mod partikolari, id-daqs tagħha u l-pożizzjoni tagħha fis-suq rilevanti, li tista’ tagħti lok għall-kalkolu tal-ammont bażiku, għall-klassifikazzjoni tal-impiżi f’kategoriji u għall-iffissar ta’ “ammont inizjali speċifiku”.

 Fuq in-natura allegatament eċċessiva tal-ammont inizjali tal-multa, fir-rigward tal-impatt limitat tal-prattiki inkriminanti

74      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravita tal-ksur fiha nnfisha, il-Linji gwida jipprovdu, fl-ewwel u t-tieni paragrafi tal-punt 1 A:

“L-evalwazzjoni tan-natura tal-gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura nfisha tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta dan jista’ jitkejjel u l-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat.

Għalhekk il-ksur se jiġi kklassifikat fi tliet kategoriji u dan jippermetti li ssir distinzjoni bejn ksur ftit serju, ksur serju u ksur serju ħafna.”

75      Fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni rrilevat is-segwenti tliet elementi:

–        il-ksur inkwistjoni kien essenzjalment jikkonsisti fl-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet tal-bejgħ u ta’ kundizzjonijiet oħra tan-negozju li japplikaw għall-klijenti, fit-tqassim tas-swieq, b’mod partikolari, bit-tqassim tal-klijenti, u fl-insegwiment ta’ azzjonijiet miftiehma kontra kompetituri li ma kinux membri tal-kartell, u dawn il-prattiki kienu jikkostitwixxu, min-natura tagħhom stess, it-tip ta’ ksur l-iktar serju skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE (premessa 278 tad-Deċiżjoni) ;

–        il-ftehim kollużivi kienu ġew implementati u kellhom impatt fuq is-suq taż-ŻEE għall-prodotti kkonċernati, imma dan l-impatt ma setax jiġi kkalkolat bl-eżatt (premessa 286 tad-Deċiżjoni) ;

–        il-kartell kien ikopri s-suq komuni kollu u, wara l-ħolqien tagħha, iż-ŻEE kollha (premessa 287 tad-Deċiżjoni).

76      Il-konklużjoni tal-Kummissjoni, esposta fil-premessa 288 tad-Deċiżjoni, tipprovdi kif ġej :

“Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi kollha, il-Kummissjoni tqis li l-impriżi kkonċernati minn din id-Deċiżjoni wettqu ksur serju ħafna. Skont il-Kummissjoni, in-natura tal-ksur u l-firxa ġeografika tiegħu huma tali li l-ksur għandu jitqies bħala ksur serju ħafna, kemm jekk l-impatt tiegħu fis-suq jista’ jiġi kkalkolat u anki jekk ma jistax. Fi kwalunkwe każ, huwa ċar li l-ftehim antikompetittivi tal-kartell ġew implementati u kellhom impatt fuq is-suq, anki jekk dan l-impatt ma jistax jiġi kkalkolat bl-eżatt.”

77      Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma wettqitx l-eżami tal-impatt konkrett tal-ksur fis-swieq ikkonċernati u li llimitat ruħha, abbażi ta’ sempliċi allegazzjoni tal-implementazzjoni tal-akkordju, li tafferma li dan tal-aħħar kellu impatt fis-suq, mingħajr ma eżaminat is-sinjifikat tiegħu fis-suq, u dan bi ksur tal-Linji gwida u tal-prassi ta’ Deċiżjoni preċedenti tagħha. Hija ssostni wkoll li, fid-dawl tal-impatt oġġettivament limitat tal-prattiki inkriminanti fis-swieq ikkonċernati, il-Kummissjoni setgħet, l-iktar l-iktar, tikklassifika dawn il-prattiki bħala “serju” u tistabbilixxi ammont inizjali għal-livell ta’ inqas minn EUR 20 miljun.

78      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, waqt is-seduta, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni indikaw li l-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala “serju ħafna” kienet tirriżulta mis-sempliċi teħid inkunsiderazzjoni tan-natura tal-ksur u tal-firxa ġeografika tiegħu u li, anki jekk l-eżistenza ta’ impatt konkret fuq is-suq ġie kkonstatat fid-Deċiżjoni, dan l-element ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni għall-klassifikazzjoni tal-ksur u għalhekk fid-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa.

79      Madankollu, din il-pożizzjoni hija kontradetta minn sempliċi qari litterali tal-premessi 278 sa 288 tad-Deċiżjoni. Fil-premessa 281 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi veri li jirriżultaw, f’dan il-każ, mill-implementazzjoni tal-ftehim kollużivi, anki jekk mhuwiex possibbli li jkunu kkwantifikati bi preċiżjoni, konstatazzjoni li tiġi wara d-deskrizzjoni tan-natura nfisha tal-ksur u qabel id-determinazzjoni tal-firxa ġeografika tagħha. Il-kontenut tal-premessa 288 tad-Deċiżjoni, u b’mod partikolari, l-użu tal-espressjoni “[f]id-dawl ta’ dawn il-fatturi kollha” tippermetti li jiġi konkluż li l-Kummissjoni effettivament ħadet inkunsiderazzjoni l-impatt konkrett tal-akkordju fuq is-suq sabiex tikkwalifika l-ksur bħala “serju ħafna”, anki jekk hija żżid li din il-kwalifika hija ġġustifikata indipendentement mill-fatt li dan l-impatt jista’ jiġi kkalkolat.

80      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, li twettaq eżami konkret tal-prattiki illegali fir-rigward ta’ kull wieħed mis-swieq ikkonċernati, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-ftehim u/jew il-prattiki miftiehma kollha msemmija fid-Deċiżjoni kienu jikkostitwixxu ksur kumpless wieħed, fatt li mhuwiex ikkontestat mir-rikorrenti, u li għandhom biss jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti li jirriżultaw mill-ksur inġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 152, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-7/89, Ġabra p. II-1711, punt 342).

81      It-tielet nett, mill-premessi 244 sa 248 u 280 sa 286 tad-Deċiżjoni jirriżulta li, mill-implementazzjoni tal-akkordju, il-Kummissjoni effettivament ikkonkludiet li dan kellu impatt konkret fis-settur inkwistjoni.

82      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tindika li, “[k]ull membru tal-kartell applika żieda tal-prezzijiet ġenerali (espressi f’perċentwali) miftehma, billi qassam listi ġodda tal-prezzijiet […] il-kumpanniji tat-trasport pubbliċi attribwixxew is-swieq lill-kumpannija li l-offerta tagħha kienet immanipulata b’mod li kienet kemmxejn inferjuri għal dik magħmula mill-partijiet l-oħra tal-akkordju, il-klijenti privati ma kellhomx għażla oħra ħlief li jfornu lilhom infushom minn fornitur magħżul minn qabel bi prezz stabbilit minn qabel, mingħajr ċans ta’ xi kompetizzjoni, u l-manifatturi li jaqtgħu l-karbonju ma kellhomx il-possibbiltà li jixtru blokok tal-karbonju, jew inkella kellhom jixtruh bi prezzijiet artifiċjalment għolja, u dan wassal sabiex ma kienx possibbli għalihom li jikkompetu b’mod effettiv fis-suq tal-prodotti lesti”. Fir-rigward tat-tul tal-perijodu tal-ksur u tal-fatt li l-impriżi inkwistjoni kienu flimkien jikkontrollaw iktar minn 90 % tas-suq taż-ŻEE, mhemmx dubju li, skont il-Kummissjoni, l-akkordju kellu effetti antikompetittivi veri fuq is-suq (premessi 245 u 281 tad-Deċiżjoni).

83      Għandu jiġi mfakkar li, sabiex tevalwa l-impatt konkret ta’ ksur fuq is-suq, il-Kummissjoni għandha tirreferi għall-kompetizzjoni li kieku kienet normalment teżisti fin-nuqqas ta’ ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punti 619 u 620; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, T-347/94, Ġabra p. II-1751, punt 235; tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, T-141/94, Ġabra p. II-347, punt 645 u s-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punt 150).

84      Fir-rigward ta’ akkordju fuq il-prezzijiet, il-Kummissjoni tista’ leġittimament tiddeduċi li l-ksur kellu effetti, u dan abbażi tal-fatt li l-membri tal-akkordju kienu ħadu miżuri sabiex japplikaw il-prezzijiet miftiehma, per eżempju, billi ħabbruhom lill-klijenti, billi taw lill-impjegati tagħhom l-istruzzjoni li jużawhom bħala bażi ta’ negozjati u billi ssorveljaw l-applikazzjoni tagħhom mill-kompetituri tagħhom u mid-dipartimenti tal-bejgħ tagħhom stess. Fil-fatt, sabiex jiġi konkluż li kien hemm impatt fuq is-suq, huwa biżżejjed li l-prezzijiet miftiehma jkunu servew ta’ bażi għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ tranżazzjonijiet individwali, u b’dan il-mod illimitaw il-marġni ta’ negozjati tal-klijenti (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-7/89, Ġabra p. II-1711, punti 340 u 341, u PVC II, punt 56 iktar ’il fuq, punti 743 sa 745 u tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T-259/02 sa T-264/02 u T-271/02, Ġabra p. II-5169, punt 285).

85      Min-naħa l-oħra, ladarba ġiet stabbilita l-implementazzjoni ta’ akkordju, il-Kummissjoni ma tistax tiġi obbligata turi sistematikament li, fil-fatt, il-ftehim ippermettew li l-impriżi kkonċernati jilħqu livell tal-prezz ta’ tranżazzjoni ogħla minn dak li kien jipprevali fin-nuqqas ta’ akkordju. F’dan ir-rigward, l-argument li jipprovdi li huwa biss il-fatt li l-livell tal-prezzijiet ta’ tranżazzjoni kien ikun differenti fin-nuqqas ta’ akkordju li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-gravità, ma jistax jintlaqa’ (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni, C-279/98 P, Ġabra p. I-9693, punti 53 u 62). Barra minn hekk, ikun sproporzjonat li tintalab tali prova li tassorbi riżorsi kunsiderevoli fid-dawl tal-fatt li din tirrekjedi l-użu ta’ kalkoli ipotetiċi bbażati fuq mudelli ekonomiċi li l-eżattezza tagħhom tkun diffiċli li tiġi vverifikata mill-qorti u fejn mhemm l-ebda prova tan-natura infallibbli tagħhom (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Mischo għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, C-283/98 P, Ġabra p. I-9855, I-9858, punt 109).

86      Fil-fatt, sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, huwa deċiżiv li jiġi stabbilit li l-membri tal-akkordju kienu għamlu dak kollu li setgħu sabiex jagħtu effett konkret lill-intenzjonijiet tagħhom. Dak li seħħ sussegwentement, f’livell tal-prezzijiet tas-suq effettivament miksuba, seta’ ġie influwenzat minn fatturi oħra, barra mill-kontroll tal-membri tal-akkordju. Għaldaqstant, il-membri tal-akkordju ma jistgħux jinvokaw favur tagħhom fatturi esterni li kkontrabattew l-isforzi tagħhom, billi jsostnu li dawn huma elementi li jiġġustifikaw tnaqqis tal-multa (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo għas-sentenza Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, punt 167 iktar ’il fuq, punti 102 sa 107).

87      Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet leġittimament tibbaża ruħha fuq l-implementazzjoni tal-akkordju sabiex tikkonkludi li kien hemm impatt fuq is-suq, wara li rrilevat, b’mod rilevanti, li l-akkordju kien seħħ matul iktar minn ħdax-il sena u li l-membri tal-imsemmi akkordju kienu jikkontrollaw iktar minn 90 % tas-suq taż-ŻEE, u mingħajr ma jkun neċessarju li d-daqs ta’ dan l-impatt jitkejjel bi preċiżjoni.

88      Fir-rigward tal-fondatezza tal-konstatazzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni fil-każ inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti la tipprova u lanqas biss issostni li ma kienx hemm implementazzjoni tal-akkordju.

89      Huwa minnu li r-rikorrenti ssostni li kellha rwol “marġinali” fl-implementazzjoni tal-prattiki illegali fil-qasam tal-prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita għal applikazzjonijiet mekkaniċi u ta’ nuqqas ta’ bejgħ lil terzi ta’ blokok tal-grafita u tal-karbonju. Hija sostniet ukoll li, fil-kuntest tal-ilment dwar l-evalwazzjoni żbaljata tal-Kummissjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti, hija naqset milli effettivament tapplika ċerti akkordji kollużivi. Madankollu, l-argumenti li r-rikorrenti tibbaża fuq l-aġir tagħha stess, ma jistgħux jintlaqgħu. Fil-fatt, l-aġir effettiv li impriża tallega li tkun adottat hija bla rilevanza għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-impatt ta’ akkordju fuq is-suq, u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-effetti li jirriżultaw mill-ksur inġenerali (sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 152, u Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 342).

90      Mill-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti jirriżulta li din tal-aħħar sempliċement tinvoka l-fatt li l-akkordju kellu impatt limitat għal ċerti prodotti kkonċernati u ġie implementat biss parzjalment, argument li anki jekk jiġi aċċettat, mhuwiex ta’ natura tali li juri li l-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat il-gravità tal-ksur billi ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prattiki illegali inkwistjoni kellhom effett antikompetittiv veru fuq is-suq ŻEE tal-prodotti kkonċernati (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T-38/02, Ġabra p. II-4407, punt 148).

91      Għandu jiġi rrilevat ukoll li anki jekk jitqies li l-impatt konkret tal-akkordju ma ġiex stabbilit suffiċjentement skont il-liġi mill-Kummissjoni, il-kwalifika tal-ksur inkwistjoni bħala “serju ħafna” xorta waħda hija adegwata. Fil-fatt, it-tliet aspetti tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur m’għandhomx l-istess piż fil-kuntest tal-eżami globali. In-natura tal-ksur għandha rwol ewlieni, b’mod partikolari, sabiex il-ksur jiġi kkwalifikat bħala “serju ħafna”. F’dan ir-rigward, mid-deskrizzjoni tal-ksur serju ħafna fil-Linji gwida jirriżulta li ftehim jew prattiki miftiehma li, bħal f’dan il-każ, ikunu b’mod partikolari intiżi għall-iffissar tal-prezzijiet li jistgħu jiġu kkwalifikati, abbażi tan-natura tagħhom stess, bħala “serju ħafna”, mingħajr ma jkun neċessarju li tali mġiba tkun ikkaratterizzata minn impatt jew firxa ġeografika partikolari. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, filwaqt li d-deskrizzjoni tal-ksur serju tirreferi espliċitament għall-impatt fuq is-suq u għall-effetti fuq żoni wiesgħa tas-suq komuni, dik ta’ ksur serju ħafna, min-naħa tagħha, ma ssemmi l-ebda rekwiżit la ta’ impatt konkret fuq is-suq u lanqas tal-effetti fuq żona ġeografika partikolari (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il-Kummissjoni, T-49/02 sa T-51/02, Ġabra p. II-3033, punt 178, u Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 170 iktar ’il fuq, punt 150).

92      Fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ prassi preċedenti tal-Kummissjoni li tmur kontra l-approċċ li hija ħadet fid-Deċiżjoni, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C-167/04 P, Ġabra p. I-8935, punti 201 u 205, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C-76/06 P, Ġabra p. I-4405, punt 60), prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala qafas ġuridiku għal multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li d-Deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-kawżi l-oħra jagħtu biss indikazzjoni f’dak li jirrigwarda l-eventwali eżistenza ta’ diskriminazzjoni, peress li mhuwiex probabbli wisq li ċ-ċirkustanzi speċifiċi għalihom, bħas-swieq, il-prodotti, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati jkunu identiċi. Għandu jingħad li r-rikorrenti ma ressqitx prova ta’ tali diskriminazzjoni fil-kawża inkwistjoni.

93      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li anki jekk jitqies, quod non, li l-prattiki inkriminanti setgħu jiġu kklassifikati bħala “serji ħafna”, il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi l-ammont inizjali tal-multa fuq l-inqas livell tal-iskala stabbilita fir-rigward tal-multi applikabbli għall-ksur “serju ħafna”, b’mod speċifiku sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt limitat tal-prattiki fuq is-swieq inkwisjtoni.

94      Permezz ta’ dan l-argument, jidher li r-rikorrenti ssostni li, anki jekk jiġi ammess li l-ksur li kien ikklassifikat b’mod korrett bħala “serju ħafna”, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi stabbilixxiet l-ammont ta’ EUR 35 miljun bħala l-ammont inizjali tal-multa, li m’għandux jeċċedi l-ammont ta’ EUR 20 miljun, fid-dawl tal-impatt limitat tal-ksur, minħabba n-nuqqas tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur kommess fis-suq tal-blokok u folji tal-karbonju tal-grafita, il-parteċipazzjoni marġinali tagħha fil-ksur kommessi fis-settur tal-prodotti għal applikazzjonijiet mekkaniċi u l-impatt limitat ħafna tal-prattiki inkriminanti fuq is-swieq tal-prodotti għal applikazzjonijiet elettriċi.

95      Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, kif ġie espost fil-punt 89 iktar ’il fuq, l-aġir effettiv li impriża ssostni li kellha mhijiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-impatt ta’ akkordju fuq is-suq.

96      Barra minn hekk, mill-premessi 120 u 124 tad-Deċiżjoni, jirriżulta li l-Kummissjoni ma kkonkludietx li l-akkordju kellu impatt sinjifikanti fuq il-prodotti u l-klijenti kollha kkonċernati u li hija saħansitra ammettiet, bil-kontra ta’ dan, li dan l-impatt seta’ kien llimitat fir-rigward ta’ ċerti prodotti partikolari, kif tindika r-rikorrenti li tibbaża l-allegazzjonijiet tagħha fuq il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti la ssostni u lanqas a fortiori ma tipprova li l-Kummissjoni ddeskriviet b’mod żbaljat l-effetti tal-akkordju billi eżaġerathom.

97      Għandu jiġi mfakkar ukoll li r-rikorrenti pparteċipat f’numru ta’ akkordji u/jew prattiki miftiehma dwar il-prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita intiżi għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi u kif ukoll dwar il-blokok tal-karbonju u tal-grafita li minnhom jiġu immanifatturati dawn il-prodotti, dan il-grupp kollu ta’ prodotti konnessi kien is-suġġett ta’ ksur kumpless wieħed. Madankollu, għandhom biss jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti li jirriżultaw minn dan il-ksur inġenerali għall-evalwazzjoni tal-impatt fuq is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 152, u Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 342), u r-rikorrenti ma ssostnix li l-akkordju kellu impatt limitat fuq il-prodotti nofshom lesti, fuq il-prodotti għal applikazzjonijiet mekkaniċi u lanqas, minbarra hekk, fuq il-prodotti għal applikazzjonijiet elettriċi intiżi għall-klijenti “żgħar”.

98      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ibbażat fuq in-natura spoporzjonata tal-ammont inizjali tal-multa, fid-dawl tal-impatt allegatament limitat tal-prattiki illegali inkriminanti, għandu jiġi miċħud.

 Fuq in-natura allegatament eċċessiva tal-ammont inizjali tal-multa, fir-rigward tal-parteċipazzjoni dgħajfa tar-rikorrenti fl-akkordju

99      Ir-rikorrenti tesponi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, waqt id-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur u għalhekk, tal-ammont inizjali tal-multa, il-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda mill-impriżi inkriminanti. Filwaqt li tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Ventouris vs Il-Kummissjoni (T-59/99, Ġabra p. II-5257, punti 200 u 219), hija titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tnaqqas b’mod sostanzjali l-ammont tal-multa, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tagħha fil-prattiki implementati fis-suq tal-blokok tal-karbonju u tal-grafita u tar-rwol żgħir li hija kellha fil-prattiki implementati fis-settur tal-prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita għal applikazzjonijiet mekkaniċi. Billi imponiet fuq ir-rikorrenti l-ammont inizjali ta’ EUR 35 miljun, ammont daqs dak li ġie impost fuq Morgan, u ammont ta’ EUR 21 miljun biss fir-rigward ta’ Schunk u ta’ SGL, minkejja li dawn it-tliet impriżi pparteċipaw fil-prattiki kollha msemmija mid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

100    Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, l-argument tar-rikorrenti jirriżulta minn konfużjoni bejn l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, li sservi sabiex jiġi ddeterminat l-ammont inizjali tal-multa u dak tal-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull impriża kkonċernata, fejn din l-aħħar kwistjoni għandha tiġi evalwata fil-kuntest tal-applikazzjoni eventwali taċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.

101    Kif ġie espost iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u skont il-Linji gwida, ħadet inkunsiderazzjoni n-natura ta’ dan il-ksur, l-impatt veru tiegħu fuq is-suq inkwistjoni, u l-firxa ġeografika tiegħu.

102    Meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-impatt tal-ksur sabiex tevalwa l-gravità tiegħu, skont l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-punt 1A tal-Linji gwida, l-effetti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni huma dawn li jirriżultaw mill-ksur kollu li għalih ipparteċipaw l-impriżi kollha (sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 152), b’tali mod li teħid inkunsiderazzjoni ta’ aġir individwali jew ta’ data speċifika dwar kull impriża mhijiex rilevanti f’dan ir-rigward.

103    Ir-referenza għas-sentenza Ventouris vs Il-Kummissjoni, punt 99 iktar ’il fuq (punti 200 u 219) ukoll mhijiex rilevanti, inkwantu ma tikkonċernax sitwazzjoni ta’ ksur wieħed, bħal f’dan il-każ, iżda tirrigwarda l-issanzjonar min-naħa tal-Kummissjoni ta’ żewġ ksur differenti. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-Kummissjoni ppenalizzat bl-istess mod l-impriżi li ħadu sehem fiż-żewġ ksur u dawk li ħadu sehem biss fi ksur wieħed minnhom, bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Ir-rikorrenti, li ma kinitx ipparteċipat fiż-żewġ ksur, imma li ġiet ippenalizzata bħal li kieku kienet ipparteċipat fiż-żewġ ksur, ibbenefikat minn tnaqqis tal-ammont tal-multa tagħha min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

104    Fil-każ inkwistjoni, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-eżistenza ta’ ksur wieħed u l-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur. Hija ssostni biss li l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni tagħha hija inqas sinjifikanti minn dik ta’ impriżi oħra involuti, bħal Morgan, Schunk u SGL. Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti żviluppat insostenn ta’ din l-allegazzjoni ser ikun eżaminat fil-kuntest tal-ilmenti bbażati fuq l-evalwazzjoni żbaljata taċ-ċirkustanzi attenwanti li saret mill-Kummissjoni.

 Fuq in-natura allegatament eċċessiva tal-ammont inizjali tal-multa fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti

105    Fid-dawl tad-diskrepanza kbira fid-daqs bejn l-impriżi kkonċernati u sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku ta’ kull waħda fosthom u għalhekk, tal-effett veru tal-aġir illegali tagħhom fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni, skont ir-raba’ u s-sitt subparagrafi tal-punt 1 A tal-Linji gwida, wettqet trattament differenzjat bejn l-impriżi li pparteċipaw fil-ksur. Għal dan il-għan, hija qasmet l-impriżi kkonċernati fi tliet kategoriji, billi bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ li kull impriża għamlet mill-prodotti inkwistjoni f’din il-proċedura fuq il-livell taż-ŻEE, u billi inkludiet il-valur tal-konsum kaptiv ta’ kull impriża. Minn dan tirriżulta ċifra ta’ sehem tas-suq li tirrappreżenta l-piż relattiv ta’ kull impriża fil-ksur u l-kapaċità ekonomika effettiva tagħha li tikkawża dannu sinjifikanti għall-kompetizzjoni (premessi 289 sa 291 tad-Deċiżjoni).

106    Il-paragun kien ibbażat fuq id-data dwar il-dħul mill-bejgħ (mogħti f’EUR miljuni) imputabbli għall-prodotti inkwistjoni fl-aħħar sena ta’ ksur, jiġifieri l-1998, kif tirriżulta mit-tabella 1 li tidher fil-premessa 37 tad-Deċiżjoni u intitolata “Stima tad-dħul mill-bejgħ (inkluż il-valur korrispondenti tal-użu kaptiv) u tal-ishma tas-suq fiż-ŻEE, fl-1998, għall-grupp ta’ prodotti li kienu suġġett tal-proċedura” :

Fornituri

Dħul mill-bejgħ (inkluż il-valur tal-użu kaptiv)

Sehem tas-suq fiż-ŻEE

(f’%)

Conradty

9

3

Hoffman

17

6

[LCL]

84

29

Morgan

68

23

Schunk

52

18

SGL

41

14

Oħrajn

20

7

Total

291

100


107    Konsegwentement, ir-rikorrenti u Morgan, ikkunsidrati bħala l-ikbar żewġ operaturi b’ishma fis-suq ta’ iktar minn 20 %, ġew ikklassifikati fl-ewwel kategorija. Schunk u SGL, li huma operaturi medji b’ishma tas-suq ta’ bejn 10 u 20 %, ġew ikklassifikati fit-tieni kategorija. Hoffmann u Conradty, ikkunsidrati bħala operaturi żgħar minħabba l-ishma tas-suq ta’ inqas minn 10 %, ġew ikklassifikati fit-tielet kategorija (premessi 37 u 297 tad-Deċiżjoni).

108    Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni stabbilixxiet ammont inizjali, iddeterminat abbażi tal-gravità tal-ksur, ta’ EUR 35 miljun għar-rikorrenti u Morgan, ta’ EUR 21 miljun għal Schunk u SGL u ta’ EUR 6 miljun għal Hoffmann u Conradty (premessa 298 tad-Deċiżjoni).

109    Fil-kuntest tal-ilment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ li ġej mill-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni fiż-ŻEE u li l-ammont inizjali ta’ EUR 35 miljun impost mill-Kummissjoni kien spoporzjonat fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ magħmul f’kull suq ikkonċernat (l-imsemmi ammont kien jirrappreżenta 41.7 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ EUR 84 miljun imsemmi fid-Deċiżjoni, 46.3 % tad-dħul mill-bejgħ tal-prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u 421 % tad-dħul mill-bejgħ tal-prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita għal applikazzjonijiet mekkaniċi), konklużjoni li hija sostnuta mill-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni u mill-ġurisprudenza. Din tal-aħħar tipprovdi li l-ammont tal-multa għandu jkun ‘relatat b’mod raġonevoli’ mad-dħul mill-bejgħ li sar fis-suq rilevanti.

110    L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi JCB Service vs Il-Kummissjoni, punt 92 iktar ’il fuq, punti 201 u 205, u Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 92 iktar ’il fuq, punt 60), prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala qafas ġuridiku għal multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-kawżi l-oħra jipprovdu biss indikazzjoni dwar l-eventwali eżistenza ta’ diskriminazzjoni, peress li mhuwiex probabbli wisq li ċ-ċirkustanzi speċifiċi għalihom, bħal pereżempju s-swieq, il-prodotti, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati, ikunu identiċi.

111    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tressaqx prova ta’ din id-diskriminazzjoni. Hija ssostni, b’mod ġenerali, li mill-analiżi tal-prassi deċiżjonali reċenti tal-Kummissjoni jirriżulta li l-ammont inizjali l-iktar għoli li kien ġeneralment impost fil-kawżi dwar ksur “serji ħafna” u implementati fuq livell dinji jew fit-territorju kollu taż-ŻEE, kien ġeneralment jirrappreżenta bejn 10 u 20 % tad-dħul mill-bejgħ magħmul mill-impriża kkonċernata fis-swieq rilevanti. Ir-rikorrenti ssostni li, fil-kawża tal-grafita speċjali, il-Kummissjoni imponiet fuqha ammont inizjali ta’ EUR 7.5 miljun, li jammonta għal madwar 14.5 % tad-dħul mill-bejgħ dinji mill-bejgħ tal-prodotti kkonċernati.

112    Din l-allegazzjoni hija kontradetta mill-Kummissjoni li tipprovdi eżempji ta’ Deċiżjonijiet fejn hija imponiet ammonti inizjali ta’ iktar minn 20 % tad-dħul mill-bejgħ li sar mill-impriżi kkonċernati fuq is-suq rilevanti. Għalhekk, il-Kummissjoni tirreferi għall-każ ta’ Asea Brown Boveri Ltd li, fil-kuntest tad-Deċiżjoni 1999/60/KE, tal-21 ta’ Ottubru 1998, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [81 KE] (IV/35.691/E-4 – Pajpijiet tal-ħadid mhux magħquda) (ĠU 1999, L 24, p. 1), irrettifikata qabel il-pubblikazzjoni tagħha, kienet is-suġġett ta’ ammont inizjali ta’ EUR 50 miljun li jirrappreżenta 23 % tad-dħul mill-bejgħ li sar mill-prodotti inkwistjoni. Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għad-Deċiżjoni 2003/437/KE, tal-11 ta’ Diċembru 2001, dwar proċedura mibdija abbażi tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/37.027 – Fosfat taż-żingu) (ĠU 2003, L 153, P. 1), li fiha l-ammont inizjali ta’ EUR 3 miljun kien jirrappreżenta kważi 100 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ kull wieħed mill-erba’ membri prinċipali tal-akkordju fis-suq ikkonċernat.

113    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammoni tal-multi sabiex tiddirieġi l-imġiba tal-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T-229/94, Ġabra p. II-1689, punt 127). Għalhekk, il-fatt li fil-passat, il-Kummissjoni applikat multi ta’ ċertu livell għal-ċertu tip ta’ ksur ma jfissirx li hija ma tistax iżżid, f’kull waqt, dan il-livell sabiex tassigura l-implementazzjoni tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 109), u sabiex issaħħaħ l-effett diżważiv tal-multi (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T-327/94, Ġabra p. II-1373, punt 179).

114    It-tieni nett, għandu jingħad li kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni mhijiex obbligata, matul id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi skont il-gravità u t-tul tal-ksur inkwistjoni, li taħdem il-kalkolu tal-multa billi tibda minn ammonti bbażati fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi inkwistjoni, u b’mod partikolari, fuq id-dħul mill-bejgħ magħmul mill-prodotti inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 255).

115    Il-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ għadd kbir ta’ elementi, fosthom iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-effett disważiv tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrenti tal-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati b’mod obbligatorju (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 241, u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    Bla ħsara għall-ħarsien tal-limitu għola li huwa pprovdut fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u li jirreferi għad-dħul mill-bejgħ globali (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, punt 119), huwa possibbli għal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-impriża inkwistjoni sabiex tevalwa l-gravità tal-ksur matul id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, iżda m’għandhiex tingħata importanza sproporzjonata lil dan id-dħul mill-bejgħ meta mqabbel ma’ elementi oħrajn li għandhom jiġu evalwati (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 257, u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Fil-kawża inkwistjoni, il-Kummissjoni applikat il-metodu ta’ kalkolu stabbilit fil-Linji gwida u li jipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ numru kbir ta’ elementi waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur sabiex tiffissa l-ammont tal-multa, fosthom, b’mod partikolari, in-natura nfisha tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu, il-firxa ġeografika tas-suq affettwat u l-ħtieġa li l-multi jkollhom effett dissważiv. Minkejja li l-Linji gwida ma jimponux li l-ammont tal-multi jiġi kkalkolat fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ globali jew tad-dħul mill-bejgħ rilevanti, dawn ma jipprekludux li l-imsemmi dħul mill-bejgħ jiġi kkunsidrat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa sabiex jiġu mħarsa l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u meta ċ-ċirkustanzi jeżiġu dan (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punti 258 u 260).

118    Minn dan isegwi li, filwaqt li ma jistax jiġi nnegat, kif issostni r-rikorrenti, li d-dħul mill-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni jista’ jikkostitwixxi bażi xierqa sabiex jiġu evalwati, kif għamlet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha, l-effetti ħżiena fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-prodotti kkonċernati fi ħdan iż-ŻEE kif ukoll l-importanza relattiva tal-parteċipanti fl-akkordju fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-element bl-ebda mod ma jikkostitwixxi l-kriterju waħdieni li permezz tiegħu l-Kummissjoni għandha tevalwa l-gravità tal-ksur.

119    Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li l-evalwazzjoni tan-natura spoporzjonata tal-ammont inizjali tal-multa deċiż mill-Kummissjoni tiġi limitata għal paragun bejn l-imsemmi ammont u d-dħul mill-bejgħ magħmul mill-prodotti inkwistjoni jkun jimplika li dan l-element jingħata importanza kbira wisq. In-natura speċifika tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq u l-firxa ġeografika tas-suq affettwat u l-ħtieġa li l-multi jkollhom effett dissważiv huma d-diversi elementi li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-kawża inkwistjoni, u jistaw jiġġustifikaw l-ammont imsemmi iktar ’il fuq. F’dan ir-riward, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta għażlet li tikklassifika l-ksur bħala “serju ħafna”, sa fejn ir-rikorrenti pparteċipat f’akkordju orizzontali li essenzjalment kellu bħala għan l-iffissar, direttament jew indirettament, tal-prezzijiet tal-bejgħ u kundizzjonijiet oħra tan-negozju li japplikaw għall-klijenti, it-tqassim tas-swieq, b’mod partikolari, it-tqassim tal-klijenti, u l-insegwiment ta’ azzjonijiet miftiehma kontra kompetituri li ma kinux membri tal-kartell u li kellu impatt konkrett fuq is-suq tal-prodotti inkwistjoni fiż-ŻEE.

120    It-tielet nett, fir-rigward tal-allegazzjoni tan-natura spoporzjonata tal-ammont inizjali meta mqabbel tad-dħul mill-bejgħ li magħmul “f’kull suq ikkonċernat”, din l-allegazzjoni tinnega l-klassifika ta’ ksur wieħed li r-rikorrenti espliċitament aċċettat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Għaldaqstant, il-konnessjoni li r-rikorrenti tipproponi bejn l-ammont inizjali u d-dħul mill-bejgħ magħmul mill-prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita għal applikazzjonijiet elettriċi, minn naħa, u mekkaniċi, min-naħa l-oħra, mhijiex rilevanti, u għandha biss tittieħed inkunsiderazzjoni l-konnessjoni bejn l-imsemmi ammont u d-dħul mill-bejgħ magħmul fis-suq rilevanti, stmat fl-ammont ta’ EUR 84 miljun fid-Deċiżjoni.

121    Il-fatt li l-ammont inizjali huwa kważi nofs l-ammont tal-imsemmi dħul mill-bejgħ mhuwiex konklużiv fih innifsu. Fil-fatt, l-ammont ta’ EUR 35 miljun huwa biss ammont intermedjarju li, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ metodu stabbilit mil-Linji gwida, huwa adattat skont it-tul tal-ksur u ċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti kkonstatati (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T-220/00, Ġabra p. II-2473, punt 95).

122    Fir-rigward b’mod speċifiku tal-ksur li għandu jiġi kklassifikat bħala “serju ħafna”, il-Linji gwida jillimitaw ruħhom li jindikaw li l-ammonti tal-multi li jistgħu jiġu imposti imorru “lil hinn minn EUR 20 miljun”. L-uniċi limiti msemmija fil-Linji gwida li huma applikabbli fir-rigward ta’ dawn il-ksur huma l-limitu ġenerali ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali stabbilit fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 [ara l-preambolu u l-punt 5(a) tal-Linji gwida] – li l-ksur tiegħu mhuwiex allegat fil-kawża inkwistjoni – u l-limiti li jirrigwardaw l-ammonti addizzjonali li jista’ jiġi impost abbażi tat-tul tal-ksur (ara t-tieni u t-tielet inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 1B tal-Linji gwida). Mhemm xejn fil-Linji gwida li, għal ksur “serju ħafna”, jipprekludi żieda tal-livell tal-multi f’termini assoluti identiċi għal dawk applikati mill-Kummissjoni fil-kawża inkwistjoni.

123    Skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli tirreferi, għall-kalkolu tagħha, għal ammont intermedjarju li jaqbeż il-limitu ġenerali ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali. Il-ġurisprudenza lanqas ma tipprekludi li jiġu effettwati operazzjonijiet ta’ kalkolu intermedjarji li jieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-ksur fuq ammont ogħla mill-imsemmi limitu (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 278).

124    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka b’mod utli s-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Lulju 1994, Parker Pen vs Il-Kummissjoni (T‑77/92, Ġabra p. II-549), sa fejn dawn il-kawżi kienu jikkonċernaw l-iffissar ta’ ammont finali tal-multa u mhux dak tal-ammont inizjali tal-multa fir-rigward tal-gravità tal-ksur u sa fejn, fil-kawża inkwistjoni, il-Kummissjoni ma bbażatx il-kalkolu tagħha tal-imsemmi ammont fuq id-dħul mill-bejgħ globali tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, punt 121 iktar ’il fuq, punti 98 u 99, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, T‑31/99, Ġabra p. II-1881, punt 156).

125    Mill-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq in-natura eċċessiva tal-ammont inizjali tal-multa fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effett dissważiv tal-multa

126    L-ewwel nett, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni, għall-ewwel darba fir-replika, li kisret l-Artikolu 253 KE fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-ħtieġa li l-multi jkollhom effett dissważiv.

127    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti Komunitarja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 67) u li, konsegwentement, jista’ jiġi invokat mill-partijiet f’kull stadju tal-proċedura (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Daffix, C-1966/95, Ġabra p. I-983, punt 25, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T‑45/98 u T‑47/98, Ġabra p. II-3757, punt 125).

128    Skont ġurisprudenza kostanti, il-motivazzjoni ta’ Deċiżjoni individwali għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lil persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. L-eżiġenza tal-motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. Mhuwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, peress li l-kwistjoni dwar jekk tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tal-att inkwistjoni, iżda anki fid-dawl tal-kuntest li fih ikun ġie adottat dan l-att (sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 270 iktar ’il fuq, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

129    Għal dak li jikkonċerna l-iffissar tal-multi abbażi tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta hija tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur imwettaq, mingħajr ma tkun obbligata li f’din id-deċiżjoni tinkludi spjegazzjoni iktar dettaljata jew tindika ċ-ċifri relatati mal-metodu ta’ kalkolu tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cascades vs Il-Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq, punt 38 sa 47; ara wkoll is-sentenza Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II-3275, punt 1532). L-indikazzjoni taċ-ċifri relatati mal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multi, għalkemm utli, mhijiex indispensabbli sabiex ikun sodisfatt l-obbligu ta’ motivazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C-182/99 P, Ġabra p. I-10761, punt 75).

130    Fir-rigward tal-motivazzjoni tal-ammonti inizjali f’termini assoluti, għandu jiġi mfakkar li l-multi jikkostitwixxu strument tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni li għandha jkollha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammonti tagħhom sabiex torjenta l-aġir tal-impriżi fid-direzzjoni tal-osservanza tar-regoli ta’ kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 1995, Martinelli vs Il-Kummissjoni, T-150/89, Ġabra p. II-1165, punt 59). Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi evitat li l-multi jkunu faċilment previdibbli mill-operaturi ekonomiċi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tintalab tipprovdi, f’dan ir-rigward, elementi ta’ motivazzjoni għajr dawk relatati mal-gravità tal-ksur.

131    Fir-rigward, fil-kawża inkwistjoni, tal-allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni dwar it-teħid inkunsiderazzjoni, matul l-iffissar tal-ammont inizjali, tal-effett dissważiv u ta’ nuqqas ta’ individwalizzazzjoni ta’ dan l-element, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-effett dissważiv huwa wieħed mill-iskopijiet tal-multa, il-bżonn li dan jiġi żgurat tikkostitwixxi rekwiżit ġenerali li l-Kummissjoni għandha ssegwi matul il-proċess kollu tal-kalkolu tal-multa, u mhux neċessarjament jirrikjedi li dan il-kalkolu jkun ikkaretterizzat minn stadju partikolari fejn issir evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha għall-finijiet tal-kisba ta’ dan l-objettiv (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T-15/02, Ġabra p. II-497, punt 226).

132    Għall-finijiet tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-għan tal-effett dissważiv, il-Kummissjoni ma ddefinixxietx fil-Linji gwida metodoloġija jew kriterji individwalizzati li l-espożizzjoni speċifika tagħhom jista’ jkollha saħħa vinkolanti. Ir-raba’ paragrafu tal-punt 1 A tal-Linji gwida, fil-kuntest tal-indikazzjonijiet dwar l-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, jirreferi biss għall-bżonn li l-ammont tal-multa jiġi ddeterminat f’livell li jiżgura li dan ikollu natura suffiċjentement dissważiva.

133    It-tieni nett, għandu jingħad li, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, fl-espożizzjoni tagħha tal-approċċ ġenerali li segwiet għall-iffissar tal-multi, il-Kummissjoni espliċitament enfasizzat il-bżonn li l-multi jiġu ffissati għal-livell dissważiv, li hija applikat trattament differenti fir-rigward tal-parteċipanti tal-akkordju skont is-sehem tagħhom tas-suq partikolari abbażi tad-dħul mill-bejgħ rilevanti u li ffissat l-ammont inizjali tal-multa ta’ LCL għal EUR 35 miljun (premessi 271 u 289 tad-Deċiżjoni).

134    Mid-Deċiżjoni jirriżulta b’mod ċar li, sabiex tiffissa l-ammont inizjali tal-multa skont il-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni, minn naħa, ikkwalifikat il-ksur bħala tali billi kkunsidrat elementi oġġettivi, jiġifieri n-natura nfisha tal-ksur, l-impatt tiegħu fuq is-suq u l-firxa ġeografika ta’ dan is-suq, u min-naħa l-oħra, ikkunsidrat elementi suġġettivi, jiġifieri l-piż speċifiku ta’ kull impriża involuta fl-akkordju, u għalhekk, l-effett veru tal-imġiba illegali tagħhom fuq il-kompetizzjoni. Huwa fil-kuntest ta’ din it-tieni parti tal-analiżi tagħha li hija segwiet, b’mod partikolari, l-għan li tassigura effett dissważiv tal-multa, fid-dawl tal-piż ta’ kull impriża fil-ksur u l-kapaċità ekonomika effettiva tagħha li tikkawża dannu importanti għall-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni. Skont l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur tagħha, il-Kummissjoni stabbilixxiet direttament ammont inizjali billi ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi kollha msemmija iktar ’il fuq.

135    Għalhekk jidher li l-Kummissjoni stabbilixxiet fid-Deċiżjoni tagħha, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 129 iktar ’il fuq, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha li tkejjel il-gravità tal-ksur u li għalhekk, ma jistax jiġi allegat li kisret l-Artikolu 253 KE.

136    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, billi żiedet l-ammont inizjali skont l-effett dissważiv, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ non bis in idem. Skont ir-rikorrenti, fid-Deċiżjoni u fir-risposta tagħha l-Kummissjoni tiġġustifika b’mod żbaljat żewġ żidiet suċċessivi tal-ammont tal-multa billi tibbaża ruħha fuq l-istess raġuni, jiġifieri il-konoxxenza u l-konsapevolezza tal-illegalità tal-prattiki inkriminanti. Ir-rikorrenti ssostni li, billi għamlet hekk, il-Kummissjoni kkundannatha darbtejn fuq l-istess bażi u għalhekk kisret il-prinċipju msemmi iktar ’il fuq.

137    Għandu jiġi mfakkar li mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(c) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta li r-rikors promotur għandu jkun jinkludi, fost l-oħrajn, sunt tal-motivi invokati u li m’huwiex permess li jittressqu motivi ġodda fil-mori tal-proċedura sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ liġi u ta’ fatt li saru magħrufa fil-mori tal-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi amplifikazzjoni tal-motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Settembru 1990, Hanning vs Il-Parlament, T-37/89, Ġabra p. II-463, punt 38 u tas-17 ta’ Lulju 1998, Thai Bicycle vs Il-Kunsill, T-118/96, Ġabra p. II-2991, punt 142).

138    Huwa paċifiku li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju non bis in idem ġie mqajjem għall-ewwel darba mir-rikorrenti fir-replika bħala risposta għall-allegat motiv ġdid ta’ difiża tal-Kummissjoni li jipprovdi li hija tista’ tistabbilixxi l-ammont tal-multa billi tieħu inkunsiderazzjoni l-effett dissważiv tagħha, speċjalment fir-rigward ta’ ksur klassiku tad-dritt tal-kompetizzjoni.

139    Din is-sempliċi osservazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-difiża tagħha ma tistax tiġi kkunsidrata bħala element ta’ dritt jew ta’ fatt li tqajjem fil-mori tal-proċedura, fid-dawl tal-fatt li, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar il-bżonn li tosserva li l-multa tkun stabbilita f’livell li jiġi assigurat effett suffiċjentement dissważiv. Barra minn hekk, l-allegazzjoni, speċifika tal-ksur tal-prinċipju non bis in idem, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-effett dissważiv, ma tikkostitwixxix l-amplifikazzjoni ta’ motiv li diġà tqajjem, direttament jew indirettament, fir-rikors promotur.

140    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ non bis in idem għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

141    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-użu tal-effett dissważiv kien, fi kwalunkwe każ, inutli, u konsegwentement, infondat. Ir-rikorrenti ssostni li hija wettqet bidla radikali u reali fil-ġestjoni tal-politika kummerċjali b’effett mill-ftuħ tal-proċedura fl-Istati Uniti f’April 1999 u ferm qabel kull intervent min-naħa tal-Kummissjoni, u dan juri li hija kienet diġà dissważa milli tikkommetti ksur ġdid tar-regoli tal-kompetizzjoni. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, iż-żieda fl-ammont tal-multa li ġiet imposta abbażi tal-effett dissważiv għandha tiġi annullata u għandu jiġi mnaqqas l-ammont inizjali tal-multa.

142    Għandu jiġi kkonstatat li l-ilment imsemmi iktar ’il fuq għandu jiġi miċħud ukoll bħala inammissibbli abbażi tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, u għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punt 139 iktar ’il fuq.

143    Fi kwalunkwe każ, mill-ġurisprudenza jirriżulta li għalkemm huwa importanti li impriża tieħu miżuri sabiex twaqqaf lil membri tal-persunal tagħha milli jwettqu, fil-futur, ksur ġdid tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, it-teħid ta’ dawn il-miżuri ma jbiddilx ir-realtà tal-ksur ikkonstatat. Għalhekk, il-Kummissjoni mhijiex marbuta li tikkunsidra dan il-fattur bħala ċirkustanza attenwanti, wisq iktar meta l-ksur inkwistjoni jikkostitiwxxi, bħal fil-kawża inkwistjoni, ksur manifest tal-Artikolu 81 KE (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 373). Minkejja li r-rikorrenti tinvoka din iċ-ċirkustanza fil-kuntest tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-effett dissważiv tal-multa, u mhux formalment bħala ċirkustanza attenwanti, l-istess soluzzjoni għandha tapplika fil-kawża inkwistjoni.

144    F’dan ir-rigward, għandu jingħad li huwa impossibbli li jiġi ddeterminat il-livell ta’ effettività tal-miżuri interni meħuda mill-impriżi sabiex tiġi evitata r-repetizzjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fil-kawża inkwistjoni, u kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, il-bidla radikali u reali fil-ġestjoni tal-politika kummerċjali tar-rikorrenti, li allegatament seħħet b’effett minn April 1999, jiġifieri minn meta tħabbar il-ftuħ tal-proċedura fl-Istati Uniti u li ġiet implementata permezz ta’ programm strett ta’ osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni, ma wasslitx lir-rikorrenti sabiex tirrapporta l-kartell ikkonċernat mid-Deċiżjoni, peress li r-rikorrenti aċettat li tikkoopera biss ladarba kienet ġiet informata bl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

145    Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-effett dissważiv u t-talba relatata għal tnaqqis tal-multa ma jistgħux jiġu milqugħa.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

146    Għandu jiġi mfakkar li d-dritt li wieħed jinvoka l-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa estiż għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunitarja nisslet fih aspettattivi fondati (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Marzu 1987, Van der Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products vs Il-Kummissjoni, 265/85, Ġabra p. 1155, punt 44, u tas-26 ta’ Ġunju 1990, Sofrimport vs Il-Kummissjoni, C-152/88, Ġabra p. I-2477, punt 26), filwaqt li għandu jiġi indikat li ebda persuna ma tista’ tinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju jekk ma jkunux ingħatawlha, min-naħa tal-amministrazzjoni, garanziji preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u konkordanti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T-236/01, T-239/01, T-244/01 sa T-246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II-1181, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tokai I”, punt 152 u l-ġurisprudenza ċċitata).

147    Fil-kawża inkwistjoni, ir-rikorrenti tillimita ruħha li tafferma li d-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni tawha “indikazzjonijiet” li abbażi tagħhom hija setgħet leġittimament “tistenna” li, fid-dawl tal-kontribuzzjoni tagħha sabiex jiġi stabbilit il-ksur, l-ammont tal-multa ma kellux jeċċedi EUR 20 miljun. Huwa biżżejjed li jingħad li din id-deskrizzjoni magħmula mir-rikorrenti stess tar-relazzjoni tagħha mal-amministrazzjoni ma tikkorrispondix għall-għoti ta’ garanziji preċiżi min-naħa tad-dipartimenti tal-Kummissjoni. Ir-referenza għall-konverżazzjoni telefonika li matulha aġent tal-Kummissjoni allegatament indika lir-rikorrenti li l-multa kienet neċessarjament ser tkun ogħla minn EUR 15 miljun, “fil-każ fejn il-Kummissjoni tapplika ammont inizjali ta’ EUR 20 miljun” mhijiex, f’dan ir-rigward, rilevanti sabiex jiġi ppruvat li ngħataw garanziji preċiżi, peress li din tammonta biss għal sempliċi ipoteżi espressa mill-Kummissjoni.

148    Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi miċħud.

149    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha magħmulin iktar ’il fuq, jirriżulta li l-ilmenti bbażati fuq evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur u tan-natura sproporzjonata tal-ammont inizjali tal-multa għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tul tal-ksur

150    Skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, it-tul tal-ksur jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq impriżi ħatja ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

151    Fir-rigward tal-fattur dwar it-tul tal-ksur, il-Linji gwida jistabbilixxu distinzjoni bejn il-ksur ta’ żmien qasir (ġeneralment inqas minn sena), li għalih l-ammont inizjali stabbilit abbażi tal-gravità m’għandux jiġi miżjud, il-ksur ta’ żmien medju (ġeneralment minn sena sa ħames snin), li għalih dan l-ammont jista’ jiġi miżjud b’50 % u l-ksur ta’ żmien twil (ġeneralment iktar minn ħames snin), li għalih dan l-ammont jista’ jiġi miżjud għal kull sena b’10 % (l-ewwel inċiż sat-tielet inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Punt 1 B).

152    Fil-premessa 300 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li kull impriża kienet wettqet ksur ta’ żmien twil u li, konsegwentement, l-ammonti inizjali tal-multi kellhom jiżdiedu b’10 % għal kull sena sħiħa tal-ksur u b’5 % għal kull perijodu addizzjonali ta’ sitt xhur jew iktar, imma inqas minn sena, li wassal għal żieda tal-ammont inizjali tal-multa ta’ 105 % għar-rikorrenti, fid-dawl tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur matul perijodu ta’ għaxar snin u tmien xhur.

153    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax b’mod espliċitu t-tul tal-ksur stabbilit mill-Kummissjoni. Madankollu, hija tindika, fil-punt 140 tar-rikors, li l-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa b’105 % għal ksur ta’ għaxar snin u tmien xhur, u dan “minkejja l-fatt li [hija] kienet temmet il-ksur minn tal-inqas sitt xhur qabel il-parteċipanti l-oħra”. Din l-allegazzjoni hija repetuta fid-diskussjoni dwar iċ-ċirkustanzi attenwanti u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li r-rikorrenti temmet il-ksur saħansitra qabel l-intervent tal-Kummissjoni u “l-iktar tard f’Ġunju 1999” (punt 165 tar-rikors). Għalhekk, jidher li mhemmx nuqqas ta’ qbil bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni dwar it-tul tal-ksur, li beda minn Ottubru 1988 u ntemm f’Ġunju 1999 skont il-premessa 299 tad-Deċiżjoni.

154    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ssostni li, billi żiedet l-ammont inizjali b’105 %, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta’ proporzjonalità u insostenn ta’ din id-dikjrazzjoni tinvoka biss il-prassi deċiżjonali f’dan il-qasam tal-Kummissjoni, li minnha tirriżulta żieda massima ta’ 100 %, anki għal ksur ta’ tul ta’ iktar minn 20 sena.

155    Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti nnifisha pprovdiet eżempju ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinkorpora żieda ta’ 125 % għal ksur ta’ perijodu ta’ tnax-il sena u għaxar xhur, jiġifieri d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/674/KE tat-2 ta’ Lulju 2002, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [81 KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (każ C.37.509 – Metjonina) (ĠU 2003, L 255 p. 1). Din id-Deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T-279/02, Ġabra p. II-897) li kkonfermat it-tul tal-ksur stabbilit mill-Kummissjoni, imma li ma kinitx mitluba tagħti deċiżjoni fuq l-ammont taż-żieda applikata skont dan it-tul.

156    Barra minn hekk, fir-risposta tad-difiża tagħha, il-Kummissjoni pprovdiet eżempji oħra ta’ deċiżjonijiet fejn hija applikat żidiet ta’ iktar minn 100 %, li mhumiex ikkontestati mir-rikorrenti fir-replika.

157    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza kostanti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C-350/88, Ġabra p. I-395, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata), mhuwiex iġġustifikat li l-operaturi ekonomiċi jqiegħdu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tiġi emendata fil-kuntest tas-setgħa ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjonijiet Komunitarji.

158    Fil-qasam tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza (sentenzi Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, punt 109, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 114 iktar ’il fuq, punt 237) li l-applikazzjoni effikaċja tagħhom teżiġi li l-Kummissjoni tkun tista’, f’kull waqt, tadatta l-livell tal-multi skont il-bżonnijiet tal-politika tal-kompetizzjoni. Konsegwentement, il-fatt li fil-passat il-Kummissjoni applikat multi ta’ ċertu livell fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ ksur ma tipprekludihiex mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell sal-limiti stabbiliti mir-Regolament Nru 17.

159    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li ż-żieda tal-ammont inizjali b’105 % ma tistax tiġi kkunsidrata bħala manifestament sproporzjonata fid-dawl taż-żmien twil tal-ksur ammess mir-rikorrenti.

160    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta’ proporzjonalità minħabba ż-żieda ta’ 105 % tal-ammont inizjali abbażi tat-tul tal-ksur, għandu jiġi miċħud.

 Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

161    Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, meta ksur kien kommess minn diversi impriżi, il-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull waħda minnhom għandha tiġi eżaminata (sentenzi Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 623, u Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 150), sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistux, fir-rigward tagħhom, ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.

162    Il-punt 3 tal-Linji gwida jipprovdi għal aġġustament tal-ammont bażiku tal-multa skont ċerti ċirkustanzi attenwanti.

 Fuq in-nuqqas tat-teħid inkunsiderazzjoni tar-rwol allegatament passiv tar-rikorrenti

163    Ir-“rwol esklużivament passiv jew emulattiv” ta’ impriża fit-twettiq tal-ksur jikkostitwixxi, jekk jiġi stabbilit, ċirkustanza attenwanti, skont l-ewwel inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida, fid-dawl tal-fatt li dan ir-rwol passiv jimplika l-adozzjoni ta’ approċċ “low-profile” mill-impriża kkonċernata, jiġifieri nuqqas ta’ parteċipazzjoni attiva fil-ħolqien ta’ xi ftehim antikompetittiv (sentenza Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, punt 121 iktar ’il fuq, punt 167).

164    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fost l-elementi li jistgħu jiżvelaw ir-rwol passiv ta’ impriża fi ħdan akkordju, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura sostanzjalment iktar sporadika tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat meta mqabbla ma dik tal-membri ordinarji tal-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T-311/94, Ġabra p. II-1129, punt 343) kif ukoll id-dħul tardiv tagħha fis-suq li kien is-suġġett tal-ksur, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembru 1985, Stichting Sigarettenindustrie et vs Il-Kummissjoni, 240/82 sa 242/82, 261/82, 262/82, 268/82 u 269/82, Ġabra p. 3831, punt 100) jew ukoll l-eżistenza tad-dikjarazzjonijiet espressi f’dan is-sens magħmula mir-rappreżentanti tal-impriżi terzi li jkunu pparteċipaw fil-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, Weig vs Il-Kummissjoni, T-317/94, Ġabra p. II-1235, punt 264).

165    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tiddikjara li hija qatt ma kienet preżenti fis-suq tal-blokok tal-karbonju u tal-grafita u għalhekk ma setgħetx twettaq ksur f’dan is-suq. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li hija pparteċipat fil-ksur imwettaq fis-suq tal-prodotti kważi lesti, ir-rwol tagħha fit-twettiq ta’ dan il-ksur jista’ biss jiġi kklassifikat bħala wieħed passiv, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni fil-premessa 232 tad-Deċiżjoni.

166    Fuq domanda tal-Qorti tal-Prim’Istanza, waqt is-seduta, dwar il-portata speċifika ta’ dan l-argument, li sar fil-kuntest ta’ lment dwar it-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti u li l-uniku talba tiegħu hija talba għat-tnaqqis sostanzjali tal-multa, ir-rikorrenti ppreċiżat li dan l-argument ma kellux bħala suġġett il-kontestazzjoni tal-ksur stabbilit mill-Kummissjoni imma biss talba sabiex jiġi kkonstatat rwol passiv.

167    Rigward l-imġiba antikompetittiva marbuta mal-esklużjoni tal-manifatturi li jaqtgħu l-karbonju, il-Kummissjoni tispjega, fil-premessa 154 tad-Deċiżjoni, li, minbarra li kienu jbigħu prodotti lesti abbażi tal-karbonju, bħall-brushes tal-karbonju, il-membri tal-kartell kienu jbigħu wkoll blokok tal-karbonju ppressat, li kienu għadhom ma ġewx maqtugħin jew maħdumin għall-immanifatturar tal-brushes jew prodotti oħra. Numru ta’ manifatturi li jaqtgħu tali karbonju li ma kinux membri tal-akkordju kienu jixtru dawn il-blokok tal-karbonju, jaqtgħuhom u jbiddluhom fi prodotti finali li jinbiegħu lill-klijenti. Filwaqt li huma kienu klijenti tal-membri tal-kartell, dawn il-manifatturi li jaqtgħu il-karbonju kienu jirrappreżentaw ukoll sors ta’ kompetizzjoni għalihom għall-prodotti finali.

168    Mill-premessi 154 sa 166 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-politika tal-kartell kienet intiża li tillimita l-kompetizzjoni li l-manifatturi li jaqtgħu l-karbonju setgħu jeżerċitaw għall-prodotti finali mmanifatturati abbażi ta’ dawn il-blokok, u dan billi tirrifjuta li jiġu forniti jew jekk ikunu diġà ġew forniti, billi tiffissa livelli għolja ta’ prezz għall-blokok tal-karbonju fornuti.

169    Fil-premessi 159 u 232 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tallega b’mod ċar li r-rikorrenti ħadet sehem f’din il-politika tal-kartell. Il-premessa 232 tad-Deċiżjoni tipprovdi kif ġej:

“Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma taċċettax id-dikjarazzjoni ta’ [LCL] li tipprovdi li [hija] ma pparteċipatx fl-attività tal-kartell li tikkonsisti fl-esklużjoni tal-‘manifatturi li jaqtgħu l-karbonju’ peress li [hija] użat il-blokok li [hija] pproduċiet internament. Kif ġie indikat [fil-punt] 7.8, [LCL] fil-fatt ħadet sehem fil-prassi tal-kartell li kienet tikkonsisti kemm f’li ma jinbigħux blokok lil ‘manifatturi li jaqtgħu l-karbonju’ jew li jinbiegħu biss bi prezzijiet għolja. B’mod partikolari, waqt il-laqgħa tal-kartell tal-14 ta’ Ottubru 1993, għad-domanda ‘Għandna nbiegħu l-blokok u nirrinunzjaw għall marġni tagħna jew le?’, [LCL] iddikjarat li [hija] ‘kienet tipprova tbigħ l-inqas numru possibbli ta’ blokok u tqis li huwa aħjar li tbiegħ biss lill-kumpanniji tagħha stess’. Anki jekk [LCL] ma pparteċipatx [hija] stess fil-bojkott effettiv tal-‘manifatturi li jaqtgħu l-karbonju’, [hija] evidentement aċċettat il-politika ġenerali tal-kartell li kienet tikkonsisti fil-fatt li ma jibqgħux jiġu forniti l-‘manifatturi li jaqtgħu l-karbonju’ jew li l-fornitura ssir bi prezzijiet għoljin biss u, l-istess bħall-membri l-oħra tal-kartell, [hija] ibbenefikat minn kompetizzjoni inqas mill-manifatturi li jaqtgħu l-karbonju. Dawn l-elementi fattwali huma biżżejjed sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ [LCL].”

170    Għalhekk, jidher li, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, il-premessa 232 tad-Deċiżjoni ma tinkludi ebda ammissjoni ta’ rwol passiv tar-rikorrenti, jiġifieri nuqqas ta’ parteċipazzjoni attiva fl-iżvilupp tal-ftehim antikompetittiv relatat mal-esklużjoni tal-manifatturi li jaqtgħu l-karbonju, imma minnha jirriżulta, bil-kontra ta’ dan, teħid ta’ pożizzjoni espliċita favur it-tmiem tal-fornitura tal-blokok lil manifatturi li jaqtgħu l-karbonju, u anki ir-rakkomandazzjoni ta’ tali soluzzjoni lill-membri tal-akkordju.

171    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li hija kellha rwol żgħir biss fil-prattiki implementati fis-settur tal-prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita għal applikazzjonijiet mekkaniċi. Barra minn hekk, skont id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti waqfet milli tattendi l-laqgħat tal-kumitat tekniku f’April 1999, jiġifieri tmien xhur qabel id-diżintegrazzjoni tal-kartell, fatt li kien ġie kkunsidrat bħala problema kbira, minn tal-inqas skont Schunk.

172    Hija essenzjalment issostni li ma pparteċipatx f’ħafna laqgħat, organizzati bejn Morgan, Schunk u SGL paralleli għal-laqgħat tal-kumitat tekniku u li matul tagħhom ġew adottati l-biċċa l-kbira tad-deċiżjonijiet importanti (b’mod partikolari l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tal-klijenti) u tibbaża ruħha fuq ix-xhieda ta’ wieħed mill-aġenti tagħha, il-kap tal-prodott internazzjonali għall-prodotti għal applikazzjonijiet mekkaniċi, li fid-dikjarazzjoni tiegħu stqarr li, minbarra tliet laqgħat organizzati fil-kuntest tal-European Carbon and Graphite Association (ECGA, assoċjazzjoni Ewropea tal-karbonju u tal-grafita) [fit-2 ta’ April 1998 f’Bandol (Franza), fit-12 ta’ Ottubru 1998 f’Berlin (il-Ġermanja) u fit-8 ta’ April 1999 f’Stratford-upon-Avon (ir-Renju Unit), [LCL] ma pparteċipat f’ebda laqgħa bilaterali jew multilaterali oħra għall-prodotti mekkaniċi”.

173    Fuq domanda tal-Qorti tal-Prim’Istanza, matul is-seduta, dwar il-portata eżatta ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti ppreċiżat li x-xhieda tal-aġent tagħha kienet tirreferi biss għall-parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata u li hija ma kinitx tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-kumitat tekniku dwar il-prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita għal applikazzjonijiet mekkaniċi.

174    Mid-Deċiżjoni jirriżulta li l-funzjonament tal-akkordju kien essenzjalment ibbażat fuq tliet tipi ta’ laqgħat, jiġifieri, laqgħat bejn il-kapijiet, laqgħat tal-kumitat tekniku u laqgħat lokali, fejn l-ewwel tnejn kienu jsiru darbtejn fis-sena. Il-laqgħat tal-kartell fuq livell Ewropew kienu sikwit isiru b’mod parallel għal-laqgħat tal-assoċjazzjoni Ewropea tas-settur, jiġifieri, għall-ewwel, l-Association of European Graphite Electrode Producers (AEGEP, assoċjazzjoni Ewropea tal-produtturi Ewropej tal-elettrodi u tal-grafita), u sussegwentement, l-ECGA.

175    Id-Deċiżjonijiet fuq il-livelli ta’ prezz u ż-żidiet kienu, bħala prinċipju, jittieħdu kull sena, waqt il-laqgħa tal-Ħarifa tal-kumitat tekniku. Wara diskussjoni, il-kumitat tekniku kien jistabbilixxi żidiet tal-prezz għas-sena sussegwenti. Meta l-membri tal-kartell ma kinux jaslu għal ftehim fuq iż-żieda għal pajjiż partikolari, id-deċiżjoni kienet ġeneralment posposta għal-laqgħa lokali tal-kartell li tikkonċerna l-pajjiż inkwistjoni. Iż-żidiet tal-prezzijiet miftehma waqt il-laqgħat tal-kumitat tekniku jew waqt il-laqgħat lokali kienu sussegwentement jiġu rratifikati waqt il-laqgħa tal-kapijiet (premessi 98 u 99 tad-Deċiżjoni).

176    Il-Kummissjoni tindika li kemm il-laqgħat tal-kapijiet kif ukoll dawk tal-kumitat tekniku kienu jikkonċernaw il-prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi, denominazzjoni li tiġbor fid-Deċiżjoni (premessa 4) il-prodotti lesti u kważi lesti, u għandu jingħad li peress li n-numru ta’ prodotti u l-kumplessità tal-ftehim bdew jiżdiedu, il-laqgħat tal-kumitat tekniku kienu ta’ sikwit ikunu maqsumin f’żewġ sessjonijiet distinti, waħda ddedikata għall-prodotti għal applikazzjonijiet elettriċi u l-oħra għall-prodotti għal applikazzjonijiet mekkaniċi (premessi 75 u 76 tad-Deċiżjoni).

177    Ir-rikorrenti ma tikkontestax id-dikjrazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-funzjonament tal-akkordju. Fid-dawl tal-funzjonament tal-akkordju kif deskritt, tal-parteċipazzjoni mhux ikkontestata tar-rikorrenti fil-laqgħat tal-kapijiet u tal-kumitat tekniku, li diġà ġiet ammessa fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, tal-fatt li rappreżentant tar-rikorrenti kien ir-relatur uffiċjali għal-laqgħat tal-kapijiet għall-prodotti mekkaniċi, ir-rikorrenti ma tistax leġittimament titlob il-benefiċċju ta’ ċirkustanzi attenwanti minħabba n-natura esklużivament passiva tar-rwol tal-impriża.

178    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat ukoll li r-rikorrenti tfittex li tibbenefika mill-imsemmija ċirkustanza billi tenfasizza l-imġiba tagħha fir-rigward ta’ ċerti ftehim kollużivi jew prattiki illegali koperti mill-ksur, li ġew ikklassifikati, b’mod korrett, bħala kumplessi u uniċi mill-Kummissjoni.

179    Għandu jingħad li l-kliem tal-ewwel inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida rigward iċ-ċirkustanza attenwanti inkwistjoni jikkonfuta d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti. Is-sempliċi qari litterali tal-ewwel inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida, li jinkludi l-avverbju “esklużivament” u l-frażi “twettiq tal-ksur”, fis-singular, iwasslu għall-konklużjoni li mhuwiex biżżejjed li, matul ċerti perijodi tal-akkordju, jew fir-rigward ta’ ċerti ftehim tal-akkordju, l-impriża kkonċernata tkun adottat “low-profile” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T-43/02, Ġabra II-3435, punt 254).

180    Barra minn hekk, approċċ li jikkonsisti fis-separazzjoni tal-evalwazzjoni tal-attitudni ta’ impriża skont is-suġġett tal-ftehim jew tal-prattiki miftiehma inkwistjoni, jidher li huwa, minn tal-inqas, teoretiku meta dawn tal-aħħar jagħmlu parti minn strateġija ġenerali, li tiddetermina l-imġiba tal-membri tal-kartell fis-suq u tillimita l-libertà kummerċjali tagħhom, intiża li jintlaħaq għan antikompetittiv identiku u għan ekonomiku uniku, jiġifieri d-distorsjoni tal-iżvilupp normali tal-prezzijiet u r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq rilevanti.

181    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li hija l-eżistenza ta’ dan l-għan antikompettiv uniku u identiku kondiviż bejn l-impriżi inkwistjoni li ġġustifikat li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni, tikkwalifika l-ksur bħala wieħed uniku u kontinwat. Il-Kummissjoni ħadet ukoll inkunsiderazzjoni fattur konkret, jiġifieri il-funzjonament tal-akkordju nnifsu. Fil-premessa 230 tad-Deċiżjoni, hija indikat li “[f]’din il-proċedura, l-istess membri tal-kartell [kienu] kkoordinaw l-imġiba kummerċjali tagħhom matul l-istess laqgħat fir-rigward ta’ grupp sħiħ ta’ prodotti konnessi (għalkemm mhux sostitwibbli), li kollha jew kważi kollha [kienu] ġew immanifatturati jew mibjugħa”.

182    Għandu jiġi rrilevat li mis-sentenza Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, punt 121 iktar ’il fuq, invokata mir-rikorrenti insostenn tad-dikjarazzjonijiet tagħha, jirriżulta li l-funzjonament tal-akkordju dwar il-lisina kien differenti minn dak tal-kartell li wassal għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni. Il-motivazzjoni tas-sentenza ċċitata turi biċ-ċar l-eżistenza tal-laqgħat kollużivi speċifiċi dwar il-volumi tal-bejgħ, distinti mil-laqgħat dwar l-iffissar tal-prezzijiet. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza espliċitament ħadet inkunsiderazzjoni d-daqs żgħir tal-kumpannija Cheil Jedang fl-analiżi tagħha li wasslet għall-konstatazzjoni tar-rwol passiv tagħha fl-akkordju dwar il-volumi tal-bejgħ. Għalhekk, ir-riferenza għas-sentenza ċċitata tidher li hija kompletament irrilevanti fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża inkwistjoni.

183    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni taċċetta li r-rikorrenti, minħabba d-dħul fil-bejgħ tagħha relattivament żgħir rigward il-prodotti mekkaniċi, kellha rwol inqas importanti minn Morgan, Schunk u SGL fl-attivitajiet tal-kartell rigward dawn il-prodotti (premessa 192 tad-Deċiżjoni), madankollu ma jistax jiġi deċiż li impriża kellha “rwol eċċessivament passiv jew emulattiv fit-twettiq tal-ksur” fil-każ ta’ impriża li, bħar-rikorrenti, ma tikkontestax il-fatt li kienet ipparteċipat fi ksur wieħed li dam għaddej għal iktar minn għaxar snin u li kellha l-iktar sehem sinjifikanti tas-suq u li tibbaża l-kontestazzjoni tagħha fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi relattivament sekondarji ta’ dan il-ksur. Għalhekk, il-Kummissjoni enfasizzat, b’mod korrett, li:

–        il-valur tas-suq tal-prodotti għal applikazzjonijiet mekkaniċi (EUR 70 miljun biss, skont ir-rikorrenti, fl-1998) huwa dgħajjef meta mqabbel mal-valur totali tas-suq inkwistjoni (li kien jitla’ għal EUR 291 miljun fl-istess sena) u evidentement inferjuri minn dak tal-prodotti għal applikazzjonijiet elettriċi, u għalhekk

–        l-għan tal-akkordju, jiġifieri li ma jinbigħux blokkok lil terzi jew li jinbiegħu bi prezzijiet għoljin ħafna, kien li jissaħħaħ il-ftehim prinċipali tal-akkordju dwar il-prodotti mmanifatturati minn dawn il-blokkok u li jkun hemm difiża kontra kompetizzjoni eventwali, għalhekk il-ftehim fuq dawn il-blokok kien aċċessorju għall-ftehim prinċipali dwar il-prodotti lesti (premessa 230 tad-Deċiżjoni).

184    Fl-aħħar nett, filwaqt li l-fatt li r-rikorrenti temmet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju ftit xhur qabel il-membri l-oħra tal-kartell ma jiġġustifikax tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi taċ-ċirkustanza attenwanti dwar “rwol esklużivament passiv jew emulattiv fit-twettiq tal-ksur”, għandu jingħad li dan ittieħed inkunsiderazzjoni speċifikament mill-Kummissjoni permezz ta’ applikazzjoni ta’ żieda minħabba t-tul li kienet ta’ 5 % iqsar minn dik applikata lill-membri l-oħra tal-kartell ikkonċernat.

185    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-rwol allegatament passiv tar-rikorrenti mhuwiex fondat u għalhekk għandu jiġi miċħud.

 Fuq in-nuqqas tat-teħid inkunsiderazzjoni tan-nonimplementazzjoni ta’ ċerti ftehim u/jew prattiki illegali

186    Preliminarjament, għandu jingħad li l-Kummissjoni tenfasizza l-fatt li, fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti ma sostnietx li hija ma kinitx applikat il-ftehim inkwistjoni bħala ċirkustanza attenwanti. Il-Kummissjoni tikkunsidra li n-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ ċirkustanza attenwanti li r-rikorrenti qatt ma invokat ma tista’ f’ebda każ tikkostitwixxi raġuni għall-annullament ta’ Deċiżjoni.

187    Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma tistax tiġi milqugħa.

188    L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2842/98 tat-22 ta’ Diċembru 1998 dwar is-smigħ tal-partijiet f’ċerti proċedimenti taħt l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU L 354, p. 18), li kien applikabbli meta seħħew il-fatti, jipprovdi biss li l-partijiet li jixtiequ jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar l-oġġezzjonijiet imqajma kontrihom għandhom jagħmlu dan bil-miktub u jistgħu jesponu l-motivi u l-fatti kollha rilevanti għad-difiża tagħhom fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Sabiex jistabbilixxu l-fatti invokati, huma jistgħu jehmżu, sa fejn meħtieġ, dokument u jistgħu wkoll jipproponu li l-Kummissjoni tisma’ persuni li jistgħu jikkorroboraw dawn il-fatti. Għalhekk, l-impriżi li huma destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandhom speċifikament jagħmlu talbiet għar-rikonoxximent ta’ ċirkustanzi attenwanti.

189    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija att preparatorju b’differenza minn deċiżjoni li tikkostitwixxi l-aħħar stadju tal-proċedura u li fiha l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltajiet tal-impriżi u, fejn meħtieġ, dwar is-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti fuqhom.

190    Sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, u b’mod partikolari l-gravità u t-tul tal-ksur, li huma ż-żewġ kriterji espliċitament imsemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Kif ġie espost, meta ksur jitwettaq minn diversi impriżi, il-Kummissjoni għandha teżamina l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ kull wieħed minnhom fil-ksur (sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 623, u Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 150), sabiex tiddetermina jekk jeżistux, fir-rigward tagħhom, ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.

191    Il-punti 2 u 3 tal-Linji gwida jipprovdu għal aġġustament tal-ammont bażiku tal-multa skont ċerti ċirkustanzi aggravanti u attenwanti, li huma partikolari għal kull impriża kkonċernata. B’mod partikolari, il-punt 3 tal-Linji gwida jipprovdi, taħt it-titlu ta’ ċirkustanzi attenwanti, lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi li jistgħu jwasslu għal tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa. Għalhekk għandu jsir riferiment għar-rwol passiv ta’ impriża, għan-nonimplementazzjoni effettiva tal-ftehim, għat-tmiem tal-ksur mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni, għall-eżistenza ta’ dubju raġonevoli tal-impriża fuq in-natura illegali tal-aġir segwit, għall-fatt li l-ksur kien ġie kommess b’negliġenza kif ukoll għall-kollaborazzjoni effettiva tal-impriża fil-proċedura barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni.

192    Issa, skont ġurisprudenza kostanti, il-Kummissjoni ma tistax tinjora r-regoli li hija imponiet fuqha nnifsha (ara s-sentenza Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 53, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, meta l-Kummissjoni tadotta Linji gwida intiżi li jippreċiżaw, fl-osservanza tat-Trattat, il-kriterji li hija beħsiebha tapplika fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ diskrezzjoni tagħha, hija tkun qiegħda, konsegwentement, tillimita lilha nnifisha fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa sa fejn hija jkollha tikkonforma ruħha mar-regoli indikattivi li hija imponiet fuqha nnifisha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T‑380/94, Ġabra p. II-2169, punt 57, tad-9 ta’ Lulju 2003, Vlaams Gewest vs Il-Kummissjoni, T-214/95, Ġabra p. II-717, punt 89, u s-sentenza ADM I, punt 83 iktar ’il fuq, punt 267).

193    Sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat, fid-Deċiżjoni, il-metodu espost fil-Linji gwida u eżaminat il-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull impriża kkonċernata. F’dan ir-rigward, il-premessa 272 tad-Deċiżjoni hija perfettament ċara, peress li tipprovdi li “[i]l-Kummissjoni għandha tiddetermina [...] għal kull impriża jekk jeżistux ċirkustanzi aggravanti u/jew attenwanti” u li “[l]-ammont bażiku tal-multa għandu jiżdied jew jitnaqqas konsegwentement”. Fil-premessa 316 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tindika li huwa “konkluż li la hemm ċirkustanzi aggravanti u lanqas ċirkustanzi attenwanti fil-kawża inkwistjoni”, u dan ifisser li, abbażi tar-riżultati tal-investigazzjoni tagħha u tar-risposta tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija tqis li r-rikorrenti ma tistax tibbenefika minn ċirkustanza attenwanti, b’mod partikolari, bħal dik tan-nonimplementazzjoni effettiva tal-ftehim jew prattiki illegali msemmija fit-tieni inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida li abbażi tagħhom il-Kummissjoni kkalkolat l-ammont tal-multa.

194    Għalhekk ir-rikorrenti hija intitolata tikkontesta, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-konklużjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-premessa 316 tad-Deċiżjoni u titlob il-benefiċċju ta’ ċirkustanza attenwanti u t-tnaqqis tal-ammont tal-multa korrispondenti, peress li għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tiddeċiedi, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17, b’ġurisdizzjoni sħiħa fis-sens tal-Artikolu 229 KE dwar ir-rikorsi mressqa kontra d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni timponi multa u, konsegwentement, tista’ tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta.

195    Għandu jiġi osservat ukoll li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti tevoka b’mod ċar il-fatt li hija ma kinitx tbigħ blokok jew folji tal-grafita lil terzi u li hija kellha rwol żgħir fl-akkordju dwar il-prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita għal applikazzjonijiet mekkaniċi. Fil-punt 78 ta’ din ir-risposta, ir-rikorrenti saħansitra tippreċiża li hija forniet id-dikjarazzjoni ta’ wieħed mill-uffiċjali tagħha (imsemmija għal darb’oħra fir-replika) u li minnha jirriżulta li hija ma kinitx tapplika l-iskala stabbilita kull sena fil-laqgħat tal-kumitat tekniku rigward il-prodotti għal applikazzjonijiet mekkaniċi, u li l-operaturi l-oħra kienu ta’ sikwit jikkontestaw il-fatt li hija ma kinitx tirrespetta l-ftehim. Minkejja li, fil-punt 78 tar-risposta, ir-rikorrenti ma talbitx espliċitament il-benefiċċju ta’ ċirkustanza attenwanti, għandu jiġi kkonstatat li, skont it-tieni inċiż tal-punt 3, il-kwistjoni tan-nonimplementazzjoni effettiva tal-ftehim inkwistjoni kienet espliċitament imqajma mir-rikorrenti.

196    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni setgħetx tiddeċiedi, ġustament, li r-rikorrenti ma setgħetx tibbenefika minn ċirkustanza attenwanti minħabba n-nonimplementazzjoni effettiva tal-ftehim, skont it-tieni inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida. Għal dan il-għan, għandu jiġi vverifikat jekk iċ-ċirkustanzi msemmija mir-rikorrenti humiex ta’ natura tali li jistabbilixxu li, matul il-perijodu li fih ir-rikorrenti ħadet sehem fl-akkordji, hija effettivament astjeniet ruħha milli timplementhom billi addottat imġiba kompetittiva fis-suq jew, minn tal-anqas, jekk hija b’mod ċar u kunsiderevoli kisritx l-obbligi intiżi għall-implementazzjoni ta’ dan l-akkordju b’tali mod li fixklet l-istess funzjonament tal-akkordju (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2006, Daiichi Pharmaceutical vs Il-Kummissjoni, T-26/02, Ġabra p. II-713, punt 113.

197    Ir-rikorrenti tibbaża t-talba tagħha fuq erba’ ċirkustanzi speċifiċi li juru li hija ma tallegax li kienet naqset milli effettivament timplementa l-ftehim illegali, imma ssostni li hija implementat biss parzjalment l-imsemmija ftehim.

198    Ir-rikorrenti tinvoka, l-ewwel nett, in-nuqqas ta’ osservanza tal-prezzijiet miftiehma għall-prodotti intiżi għal applikazzjonijiet mekkaniċi u tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-eżistenza ta’ lmenti tal-kompetituri tagħha. Hija tirreferi għal nota li Schunk bagħtet lir-rikorrenti fit-18 ta’ Settembru 1989 u għal dikjarazzjoni tat-18 ta’ Settembru 2002 ta’ wieħed mill-uffiċjali tagħha, M.G.

199    Fid-Deċiżjoni (premessi 307 u 308), il-Kummissjoni tindika li, fir-rigward tar-rikorrenti, ma jidher li hemm ebda kontestazzjoni serja min-naħa tal-partijiet l-oħra tal-akkordju fir-rigward tal-fatt li hija żammet prezzijiet baxxi wisq, u dan sal-ewwel nofs tas-sena 1999, meta r-rikorrenti kienet qiegħda taħseb biex titlaq mill-kartell. Hija ssostni wkoll li qerq okkażjonali huwa komuni fl-akkordji, b’effett minn meta l-impriżi jaħsbu li jistgħu jagħmlu dan mingħajr ma jkunu sanzjonati, u li dan il-qerq mhuwiex evidenza li l-ftehim konkluż fil-kuntest tal-akkordju ma kinux implementati.

200    Il-premessa 106 tad-Deċiżjoni tirreferi għan-nota msemmija iktar ’il fuq li permezz tagħha Schunk ikkontestat il-fatt li r-rikorrenti kienet tbigħ ċrieki tal-karbonju lil klijent Franċiż partikolari bi prezzijiet li kienu bejn 15 % u 20 % iktar baxxi mil-livell Franċiż normali u stiednet lir-rikorrenti għal-laqgħa sabiex tiġi eżaminata din il-kwistjoni u tispjega ruħha skont liema metodu kienu ġew stabbiliti dawn il-prezzijiet.

201    Għandu jiġi osservat li dan id-dokument isemmi lment wieħed ta’ membru wieħed tal-akkordju dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għal applikazzjonijiet mekkaniċi biss u, b’mod iktar preċiż, ta’ prodott inpartikolari, minkejja li teżisti varjetà kbira (premessa 9 tad-Deċiżjoni), intiża għall-“klijent Franċiż partikolari”.

202    Fid-dikjarazzjoni tat-18 ta’ Settembru 2002, M.G indika li pparteċipa fi tliet laqgħat, fit-2 ta’ April 1998 f’Bandol, fit-12 ta’ Ottubru 1998 f’Berlin u fit-8 ta’ April 1999 fi Statford-upon-Avon. Huwa jippreċiża kif ġej:

“Waqt tliet laqgħat li pparteċipajt fihom, il-membri l-oħra tal-kartell ilmentaw li [LCL] ma kinitx qiegħda tosserva l-ftehim. Ir-risposta tagħna kienet li aħna konna operatur żgħir fis-suq Ewropew”.

203    Ir-rikorrenti ssostni li, f’din id-dikjarazzjoni, M.G ukoll ipprovda eżempju ta’ lment li joriġina minn M.T (Morganite Industries Inc., kumpannija sussidjarja Amerikana ta’ Morgan), li “ilmentat li [LCL] kienet qiegħda żżomm prezzijiet baxxi wisq (barra mill-iskala)”. Din ir-referenza ma tidhirx fid-dikjarazzjoni ta’ M.G, ipprovduta mir-rikorrenti fis-seduta, li tinsab annessa mar-rikors.

204    Jidher li x-xhieda inkwisjtoni tikkonċerna biss tliet laqgħat kollużivi li saru matul il-perijodu ta’ bejn it-2 ta’ April 1998 u t-8 ta’ April 1999, jiġifieri perijodu ta’ sena, filwaqt li t-tul totali tal-ksur kien ta’ għaxar snin u tmien xhur, u li l-laqgħat tal-kapijiet u tal-kumitat tekniku kienu nżammu, kull waħda minnhom, darbtejn fis-sena, mingħajr ma huma inklużi l-laqgħat lokali.

205    Barra minn hekk, fir-rigward tal-eżistanza ta’ konnessjoni ta’ subbordinazzjoni bejn l-awtur tad-dikjarazzjoni inkwistjoni, li saret wara li l-Kummissjoni bagħtet it-talba għal informazzjoni msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, u r-rikorrenti li pproduċiet x-xhieda fl-anness tar-rikors tagħha, din tal-aħħar ma tistax tiġi milqugħa sakemm ma tkunx ikkorroborata minn dokumenti probatorji oġġettivi li jinsabu fil-faxxikolu.

206    Ir-rikorrenti ssostni li d-dikjarazzjoni ta’ M.G. hija kkorroborata minn nota indirizzata minn Schunk lir-rikorrenti fit-18 ta’ Settembru 1989. Madankollu, kif issostni b’mod korrett il-Kummissjoni, din id-dikjarazzjoni, dwar l-iżvolġiment tal-laqgħat li nżammu bejn it-2 ta’ April 1998 u t-8 ta’ April 1999, ma tistax tiġi kkorroborata minn ilment li, fil-fehma tagħha, jikkonċerna fatti li jmorru lura għall-1989, jiġifieri li seħħew għaxar snin qabel.

207    Ir-rikorrenti tirreferi wkoll għal dikjarazzjoni ta’ membri oħra tal-akkordju li tniżżlet fir-rapport tal-laqgħa tal-ECGA fid-19 ta’ April 1996 u li tipprovdi:

“Deutsche Carbone [kumpannija sussidjarja Ġermaniża ta’ LCL] bdiet l-attivitajiet tagħha fis-settur tal-prodotti mekkaniċi mingħajr ebda riferiment għal-livelli tal-prezzijiet eżistenti. P.[LCL] ġiet mitluba tissorvelja l-attivitajiet tagħha u tassigura l-osservanza tal-livell ta’ prezzijiet stabbiliti.”

208    Għalhekk, dan id-dokumenti jirreferi għall-attivitajiet inizjali ta’ sussidjarja tar-rikorrenti u ma jikkonfuta b’ebda mod l-attitudni li r-rikorrenti setgħet fil-fatt sussegwentement tadotta f’din il-laqgħa. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tipprovdi ebda dokument ieħor li juri mġiba verament indipendenti u kompetittiva min-naħa tal-kumpannija sussidjarja Ġermaniża tagħha wara r-rapport inkwistjoni, u l-fatt li l-membri l-oħra tal-akkordju baqgħu mhux sodisfatti rigward dan il-punt.

209    Fl-aħħar nett, id-dikjarazzjoni ta’ M.G. lanqas mhija ikkorroborata mid-dikjarazzjoni ta’ impjegat ieħor tar-rikorrenti, jiġifieri, M.N. Dan tal-aħħar jippreċiża li huwa pparteċipa fil-laqgħat tal-kumitat tekniku dwar il-prodotti għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi organizzati fil-kuntest tal-ECGA matul il-perijodu ta’ bejn l-1997 sa April 1999. Issa, M.N. ma jirreferi għal ebda lment minn membru ieħor tal-akkordju dwar l-imġiba tar-rikorrent, minkejja li d-dikjarazzjoni tiegħu tkopri wkoll il-perijodu ta’ bejn it-2 ta’ April 1998 u t-8 ta’ April 1999, kopert mid-dikjarazzjoni ta’ M.G.

210    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li hija ma kinitx implementat kompletament il-politika ġenerali tal-kartell fit-territorju Franċiż, li fil-prinċipju kienet tqiegħdet taħt ir-responsabbiltà tagħha, fil-qasam tal-prodotti intiżi għal applikazzjonijiet elettriċi. Ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-premessa 127 tad-Deċiżjoni li tipprovdi li “jekk il-prezzijiet tal-iskala ta’ OEM fis-seħħ fl-Olanda kienu l-livell 100 tal-indiċi, l-iskala vera fi Franza, fejn il-livell tal-prezzijiet kien l-inqas wieħed vantaġġjuż għall-kartell, kienet biss ta’ 61, u l-prezzijiet effettivament imħallsa ta’ 40”.

211    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti tirriżulta minn qari parzjali u fil-qosor tad-Deċiżjoni.

212    Għandu jiġi enfasizzat li t-talba għal prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi hija maqsuma bejn grupp relattivament żgħir ta’ klijenti kbar u grupp ikbar ta’ klijenti żgħar. Fis-settur tal-applikazzjonijiet elettriċi, l-ikbar klijenti huma l-manifatturi tat-tagħmir awtomobbilistiku u l-produtturi ta’ beni tal-konsum, li jikkostitwixxu s-settur magħruf bħala “OEM”. Dawn il-klijenti, li n-numru tagħhom huwa żgħir u li normalment huma impriżi kbar ħafna li jixtru f’kwantitajiet kbar, numru limitat ta’ tipi ta’ prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita u għalhekk għandhom setgħa ta’ negozjar b’saħħitha (premessi 39, 40 u 124 tad-Deċiżjoni).

213    Il-kartell ipprova jopponi r-riskju li dawn il-klijenti l-kbar ikunu jistgħu jibbenefikaw minn prezzijiet differenti f’pajjiżi differenti. L-ewwel strateġija kienet tentattiv ta’ armonizzazzjoni tal-prezzijiet fuq livell Ewropew u kienet ibbażata fuq proposta mir-rikorrenti intitolata “Abbozz ta’ skema uniformi Ewropea tal-prezzijiet għal brushes intiżi għall-manifatturi ta’ magni elettriċi industrijali”. Irriżulta li din l-istrateġija tal-prezzijiet armonizzati fuq skala Ewropea għall-klijenti tas-settur OEM kienet diffiċli li tiġi implementata fil-prattika, kif jirriżulta minn laqgħa speċjali tal-kumitat tekniku dwar il-prezzijiet OEM li nżammet fit-22 ta’ Frar 1994 (premessi 126 u 127 tad-Deċiżjoni).

214    Hija preċiżament din il-laqgħa li tagħti indikazzjonijiet dwar il-persistenza ta’ differenzi kunsiderevoli bejn il-prezzijiet tal-iskala, u differenzi ikbar bejn il-prezzijiet veri applikati fis-settur OEM minn pajjiż għall-ieħor, pereżempju, is-sitwazzjoni fi Franza, li hija deskritta fil-premessa 127 tad-Deċiżjoni. Għaldaqstant kien hemm diverġenza pjuttost ġenerali, li teżisti f’pajjiżi oħra minbarra Franza, li ma kinitx tiddependi fuq ir-rieda tar-rikorrenti li tonqos milli timplementa fil-prattika l-ftehim kollużivi. A contrario, ir-rikorrenti kienet l-instigatriċi ta’ strateġija antikompetittiva ta’ prezzijiet armonizzati fuq livell Ewropew għall-klijenti fis-settur OEM. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-membri tal-kartell, wara l-laqgħa tat-22 ta’ Frar 1994, iddeċidew li “jnaqqsu d-differenza”.

215    Għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti bl-ebda mod ma tikkontesta l-konstatazzjonijiet li l-Kummissjoni għamlet fil-premessa 127 tad-Deċiżjoni, imma tipprovdi biss lill-Qorti tal-Prim’Istanza interpretazzjoni suġġettiva li hija vantaġġjuża għaliha.

216    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ammettiet, fil-premessa 232 tad-Deċiżjoni, li “hija stess ma kinitx ipparteċipat fil-bojkott effettiv tal-‘manifatturi li jaqtgħu l-karbonju’”.

217    Minn qari sħiħ tal-premessa inkwistjoni jirriżulta li l-allegazzjoni tar-rikorrenti hija, għal darb’oħra, ibbażata fuq distorsjoni ċara tal-kliem tad-Deċiżjoni.

218    Il-premessa 232 tad-Deċiżjoni tipprovdi kif ġej:

“Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma taċċettax id-dikjarazzjoni ta’ [LCL] li tipprovdi li [hija] ma pparteċipatx fl-attività tal-kartell li tikkonsisti fl-esklużjoni tal-‘manifatturi li jaqtgħu l-karbonju’ peress li [hija] użat il-blokok li [hija] pproduċiet internament. Kif ġie indikat [fil-punt] 7.8, [LCL] fil-fatt ħadet sehem fil-prassi tal-kartell li kienet tikkonsisti kemm f’li ma jinbigħux blokok lil ‘manifatturi li jaqtgħu l-karbonju’ jew li jinbiegħu biss bi prezzijiet għolja. B’mod partikolari, waqt il-laqgħa tal-kartell tal-14 ta’ Ottubru 1993, għad-domanda ‘Għandna nbiegħu l-blokok u nirrinunzjaw għall marġni tagħna jew le?’, [LCL] iddikjarat li [hija] ‘kienet tipprova tbigħ l-inqas numru possibbli ta’ blokok u tqis li huwa aħjar li tbiegħ biss lill-kumpanniji tagħha stess’. Anki jekk [LCL] ma pparteċipatx [hija] stess fil-bojkott effettiv tal-‘manifatturi li jaqtgħu l-karbonju’, [hija] evidentement aċċettat il-politika ġenerali tal-kartell li kienet tikkonsisti fil-fatt li ma jibqgħux jiġu forniti l-‘manifatturi li jaqtgħu l-karbonju’ jew li l-fornitura ssir bi prezzijiet għoljin biss u, l-istess bħall-membri l-oħra tal-kartell, [hija] ibbenefikat minn kompetizzjoni inqas mill-manifatturi li jaqtgħu l-karbonju. Dawn l-elementi fattwali huma biżżejjed sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ [LCL].”

219    Għalhekk jidher li r-rikorrenti ma nkludietx l-ewwel żewġt ikliem tal-frażi li hija tiċċita u li juru li l-analiżi sussegwenti tal-Kummissjoni hija bbażata fuq ipoteżi. Peress li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat sempliċement fuq qari żbaljat tal-premessa 232 tad-Deċiżjoni, dan għandu jiġi miċħud.

220    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tiddikjara li n-noti meħuda minn Morgan waqt il-laqgħa tal-kumitat tekniku tal-4 ta’ Ottubru 1999 juru li hija kienet konmpletament iddistakkat ruħha mill-kartell, minn tal-inqas, matul l-aħħar sena tiegħu.

221    Il-kontenut ta’ din in-nota jinsab fil-premessa 186 tad-Deċiżjoni, imma r-rikorrenti tagħmel is-segwenti referenza inkompleta:

“G. [Schunk] irrakkomandat li teskludi lil P. [ir-rikorrenti], peress li ebda komunikazzjoni ma kienet possibbli. Madankollu, kontroll tal-kompetizzjoni fost it-tliet partijiet l-oħra huwa possibbli. Barra minn hekk, G. Sostniet li P. kienet qiegħda tbigħ bi prezzijiet li jisfidaw il-kompetizzjoni. S. [Morgan], B. [SGL] u H. [kumpannija sussidjarja nazzjonali ta’ Morgan] għadhom ma kkonstatawx li P. kienet qiegħda tbigħ bi prezz inqas. G. beħsiebha tattakka sabiex tgħaddilhom messaġġ ċar.”

222    Għandu jingħad li dan id-dokument huwa nieqes minn kull forza probatorja. L-allegazzjoni ta’ Schunk li r-rikorrenti ma kinitx tosserva iktar il-ftehim dwar il-prezzijiet mhijiex ikkonfermata mill-membri l-oħra tal-akkordju li kienu preżenti fil-laqgħa. Barra minn hekk, id-dokument inkwistjoni ma jinkludi ebda indikazzjoni temporali, minbarra d-data tal-laqgħat, jiġifieri l-4 ta’ Ottubru 1999, li tiġi wara d-data ta’ tmiem il-perijodu tal-ksur stabbilit mill-Kummissjoni fir-rigward tar-rikorrenti, jiġifieri f’Ġunju 1999.

223    Iċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan l-ilment, anki jekk jitqiesu fl-intier tagħhom, ma jwasslux għall-konklużjoni li, matul il-perijodu li fih hija kienet tagħmel parti mill-ftehim illegali, hija kienet effettivament naqset milli timplementahom billi adottat imġiba kompetittiva fis-suq, jew, minn tal-inqas, hija kisret b’mod ċar u sostanzjali l-obbligi tagħha dwar l-implementazzjoni tal-akkordju sal-punt li fixklet il-funzjonament tiegħu.

224    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, taċ-ċirkustanza attenwanti relatata man-nonimplementazzjoni tal-akkordji illegali mhuwiex fondat u għalhekk għandu jiġi miċħud.

 Fuq in-nuqqas tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-ksur intemm qabel il-bidu tal-investigazzjoni

225    Ir-rikorrenti ssostni li hija temmet il-prattiki illegali f’Ġunju 1999, jiġifieri iktar minn tliet snin qabel l-ewwel intervent tal-Kummissjoni, u li, minn dak iż-żmien lil hawn, hija implementat programm ta’ konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni, implementat fi ħdan il-grupp b’mod sistematiku għal iktar minn erba’ snin.

226    L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-Linji gwida jipprovdu, fil-punt 3, għat-tnaqqis tal-ammont bażiku għaċ-ċirkustanzi attenwanti partikolari, pereżempju, b’mod partikolari, it-tmiem tal-ksur b’effett mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni. Din iċ-ċirkustanza attenwanti għandha, a fortiori, fil-fehma tar-rikorrenti, tapplika meta t-tmiem tal-ksur illegali jseħħ qabel l-imsemmija interventi, bħal fil-każ inkwistjoni.

227    Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Fil-fatt, jista’ loġikament ikun hemm ċirkustanza attenwanti, skont dan it-test, biss jekk l-impriżi inkwistjoni kienu mħeġġa jtemmu l-imġiba antikompetittiva tagħhom permezz tal-interventi inkwistjoni. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li l-impriżi jkunu mħeġġa jtemmu l-imġiba antikompetittiva tagħhom immedjatament hekk kif il-Kummissjoni tibda l-inkjesta f’dan ir-rigward, b’tali mod li ma jistax jingħata tnaqqis tal-multa fis-sitwazzjoni fejn il-ksur ikun intemm qabel id-data ta’ meta l-Kummissjoni tintervjeni għall-ewwel darba. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ tnaqqis f’sitwazzjonijiet bħal dawn tkun tammonta għal teħid inkunsiderazzjoni doppju tat-tnaqqis tat-tul għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, Ġabra p. II-10, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tokai II”, punt 291, ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza Tokai I, punt 146 iktar ’il quddiem, punt 341).

228    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li tnaqqis tal-multa minħabba tmiem tal-ksur b’effett mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni ma jistax ikun awtomatiku, imma jiddependi fuq evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni min-naħa tal-Kummissjoni, fil-kuntest tas-setgħa ta’ diskrezzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-Linji gwida favur impriża tkun partikolarment xierqa f’sitwazzjoni fejn in-natura antikompetittiva tal-imġiba inkwistjoni mhijiex manifesta. Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tagħha tkun inqas xierqa, bħala prinċipju, f’sitwazzjoni fejn din hija ċertament antikompetittiva, jekk din tiġi stabbilita (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmanröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T-44/00, Ġabra p. II-2223, punt 281, ikkonfermata fl-appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Salzgitter Mannesmann vs Il-Kummissjoni, C-411/04 P, Ġabra p. I-959, u Tokai II, punt 227 iktar ’il fuq, punti 292 u 294).

229    Fil-kawża inkwistjoni, ma jistax jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti setgħa jkollha dubju raġonevoli dwar in-natura antikompetittiva tal-imġiba tagħha, rigward il-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju orizzontali dwar il-prezzijiet, li huwa ksur manifest tal-Artikolu 81 KE, u li l-membri tiegħu ppruvaw, permezz ta’ numru ta’ prekawzjonijiet, iżommuh sigriet għal iktar minn għaxar snin.

230    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li fil-kawża inkwistjoni u l-istess bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza Tokai I, punt 146 iktar ’il fuq (punt 341), kien wara l-intervent tal-awtoritajiet Amerikani tal-kompetizzjoni u mhux tal-Kummissjoni li r-rikorrenti temmet il-prattiki antikompetittivi inkwistjoni, fatt li huwa enfasizzat mill-Kummissjoni fil-premessa 311 tad-Deċiżjoni, abbażi tad-dikjarazzjonijiet stess tar-rikorrenti. Sempliċi qari litterali tat-tielet inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida għalhekk jippermetti li tiġi miċħuda t-talba tar-rikorrenti.

231    It-tieni nett, fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ programm ta’ konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni, diġà ġie espost li, filwaqt li huwa importanti li impriża tieħu miżuri sabiex twaqqaf lil membri tal-persunal tagħha milli jwettqu, fil-futur, ksur ġdid tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, it-teħid ta’ dawn il-miżuri ma jbiddilx ir-realtà tal-ksur ikkonstatat. Għalhekk, il-Kummissjoni mhijiex marbuta li tikkunsidra dan il-fattur bħala ċirkustanza attenwanti, (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 373) iktar u iktar meta l-ksur inkwistjoni jikkostitwixxi, bħal fil-każ inkwistjoni, ksur manifest tal-Artikolu 81 KE. Iċ-ċirkustanza, sostnuta mir-rikorrenti, li l-programm ġie implementat qabel l-intervent tal-Kummissjoni, hija nieqsa minn kull rilevanza, filwaqt li għandu jiġi mfakkar li l-miżuri inkwistjoni ġew adottati wara l-intervent tal-awtoritajiet Amerikani tal-kompetizzjoni.

232    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, taċ-ċirkustanza attenwanti relatata mal-fatt li l-ksur intemm qabel il-bidu tal-investigazzjoni u l-implementazzjoni ta’ programm ta’ konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni mhuwiex fondat u għalhekk għandu jiġi miċħud.

 Fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kollaborazzjoni effettiva tar-rikorrenti fil-proċedura lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni

233    Fost iċ-ċirkustanzi attenwanti msemmija, fis-sitt inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida hemm il-“kollaborazzjoni effettiva tal-impriżi lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni [Avviż fuq il-kooperazzjoni]”.

234    Fid-Deċiżjoni, huwa ppreċiżat li r-rikorrenti ssostni, insostenn tat-talba tagħha għar-rikonoxximent taċ-ċirkustanza attenwanti inkwistjoni, il-fatt li hija forniet lill-Kummissjoni ċerti elementi ta’ informazzjoni dwar ir-rwol ta’ Gerken u l-attivitajiet tal-kartell matul il-perijodu ta’ qabel Ottubru 1988 (premessa 314 tad-Deċiżjoni).

235    Il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tar-rikorrenti billi indikat li hija ma bdietx proċedura kontra Gerken, ma nkludietx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-proċedura l-perijodu ta’ qabel Ottubru 1988 u li l-informazzjoni li la jgħinuha “tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur, u lanqas li tiddetermina l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta lill-impriżi (jekk din l-aħħar kooperazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata) ma tisax tiġi kklassifikata bħala kooperazzjoni effettiva lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-[Avviż fuq il-kooperazzjoni]“(premessa 315 tad-Deċiżjoni).

236    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-elementi ta’ informazzjoni li hija pprovdiet matul il-proċedura amministrattiva mhux biss talli ffaċilitaw ix-xogħol tal-Kummissjoni, imma talli tawha l-possibbiltà, minn naħa, li ma tagħtix immunita mill-multa lil Morgan abbażi tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni u min-naħa l-oħra, li tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ Gerken fl-attivitajiet tal-kartell, u li l-fatt li l-Kummissjoni ma użatx din l-informazzjoni fis-sens indikat huwa irrilevanti.

237    Minkejja li l-kliem użat jidher li jirreferi għal żewġ dispożizzjonijiet distinti, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li hija pprovdiet informazzjoni matul il-proċedura amministrattiva li ffaċilitat b’mod ċar ix-xogħol tal-Kummissjoni mhija sostnuta minn ebda eżempju, ħlief mill-informazzjoni dwar l-imġiba ta’ Morgan u ta’ Gerken. Għalhekk, jidher li t-talba għaċ-ċirkustanza attenwanti marbuta mal-kollaborazzjoni effettiva tar-rikorrenti lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni hija bbażata biss fuq l-imsemmija elementi ta’ informazzjoni.

238    F’dan l-istadju, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, tnaqqis tal-multa minħabba kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva huwa ġġustifikat biss jekk l-aġir tal-impriża inkwistjoni jippermetti lill-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur b’inqas diffikultà u, skont il-każ, ittemmu (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, punt 36; ara s-sentenza BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, punt 164 iktar ’il fuq, punt 325, u l-ġurisprudenza ċċitata).

239    Barra minn hekk, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq konformi mal-ispirtu tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-għoti ta’ informazzjoni li ppermettiet lill-Kummissjoni tevalwa b’mod iktar preċiż il-grad ta’ kooperazzjoni offrut minn waħda mill-impriżi involuta fil-kartell matul il-proċedura amministrattiva sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa tagħha, u li għalhekk iffaċilitat ix-xogħol tal-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni, tikkostitwixxi “kollaborazzjoni effettiva lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-[Avviż fuq il-kooperazzjoni], skont is-sitt inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida (sentenza ADM I, punt 83 iktar ’il fuq, punti 305 u 306).

240    Fil-kawża inkwistjoni, huwa biżżejjed li jingħad li, kif jirriżulta b’mod ċar mid-Deċiżjoni (premessi 265 sa 266 u 319 sa 321 u l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni), il-Kummissjoni ma użatx l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti fir-rigward tal-aġir ta’ Gerken u Morgan, la sabiex tikkonstata u tissanzjona ksur tad-dritt komunitarju tal-kompetizzjoni, u lanqas sabiex tevalwa b’mod iktar rigoruż il-livell tal-kooperazzjoni tal-impriża sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta li tippremja l-kooperazzjoni invokata mir-rikorrenti f’dan ir-rigward permezz ta’ tnaqqis sostanzjali tal-multa, peress li dik il-kooperazzjoni ma ppermettitilhiex li effettivament ikun iktar faċli għaliha li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur, u li ttemmu, jew li tiddetermina l-ammont tal-multi (ara, f’dak is-sens, is-sentenza Tokai II, punt 227 iktar ’il fuq, punt 368, ikkonfermata fuq appell mis-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 87).

241    Is-sentenza ADM I, punt 83 iktar ’il fuq, li tirreferi għaliha r-rikorrenti sabiex tiġġustifika t-talba tagħha, bil-kontra ta’ dan tikkonferma l-fondatezza tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

242    Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tagħti tnaqqis addizzjonali ta’ 10 % lir-rikorrenti, abbażi ta’ kollaborazzjoni effettiva tal-impriża fil-proċedura lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni, wara li ġie rrilevat li l-imsemmija rikorrenti kienet effettivament informat lill-Kummissjoni bil-qerda tad-dokumenti minn impriża oħra involuta fil-kartell u li dan il-fatt ġie kkonstatat f’waħda mill-premessi tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni u ġie użat minnha sabiex tikkonkludi li l-kooperazzjoni tal-impriża msemmija iktar ’il fuq ma kinitx kompleta, skont il-punt B tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni u għalhekk ma tiġġustifikax l-għoti ta’ tnaqqis tal-multa taħt dan il-punt (sentenza ADM I, punt 83 iktar ’il fuq, punti 304 sa 312).

243    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti f’din il-kawża dwar l-allegata eżistenza preċedenti ta’ ftehim bejn il-prodotturi tal-lisina fis-snin 70 u 80 ma ppermettietx lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-eżistena ta’ kwalunkwe ksur ‘inkwantu’ dik id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet tikkonċerna biss l-eżistenza ta’ kartell bejn il-produtturi inkwistjoni minn Lulju 1990 ’il quddiem (sentenza ADM I, punt 83 iktar ’il fuq, punt 301).

244    Għall-kompletezza, għandu jingħad li, fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti hija irrilevanti.

245    Fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ Gerken, ir-rikorrenti ssostni li pprovdiet informazzjoni li ppermettiet lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ din l-impiża fl-akkordju inkwistjoni.

246    Fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni wieġbet għall-oġġezzjonijiet ta’ Hoffman u tar-rikorrenti fir-rigward tan-nuqqas tagħha li tibgħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil Gerken. Il-premessa 266 tad-Deċiżjoni tipprovdi:

“Fil-fehma tal-Kummissjoni, ir-rwol ta’ Gerken kien kunsiderevolment differenti minn dak ta’ Hoffman matul il-perijodu li għalih qiegħda tinżamm responsabbli Hoffmann. B’mod partikolari, skont l-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni, Gerken qatt ma pparteċipat f’laqgħat tal-kartell fuq livell Ewropew, la f’laqgħat tal-kumitat tekniku u lanqas f’laqgħat tal-kapijiet. Għalhekk, Gerken ma tistax tiġi kkunsidrata li kienet membru tal-kartell bħal Hoffman. Jista jkun li Gerken, bħal kumpanniji relattivament żgħar oħra, ipparteċipat f’laqgħa jew f’laqgħat lokali organizzati mill-kartell. Madankollu, l-evidenza, f’idejn il-Kummissjoni, ta’ parteċipazzjoni bħal din hija limitata u sporadika, kuntrarjament għall-evidenza kbira li għandha l-Kummissjoni tal-parteċipazzjoni kontinwa ta’ Hoffman matul il-perijodu li għalih hija insabet kolpevoli. Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnutat li bħala ‘manifattur li jaqta’ l-karbonju’, Gerken kienet tiddependi mill-fornitura kontinwa tal-blokok bi prezzijiet raġonevoli. L-uniku perijodu li fih Gerken kienet l-iktar disposta ssegwi l-kartell f’termini ta’ prezzijiet offruti lill-klijenti huwa l-perijodu ta’ wara li SGL akkwistat il-fergħa tal-grafita speċjali tal-impriża Amerikan fornitriċi tal-blokok ta’ Gerken. Madankollu, ftit tas-snin wara, jidher li Gerken stabbilixxiet ruħha mill-ġdid bħala waħda mill-ftit kompetituri li kien għad fadal tal-kartell fi ħdan iż-ŻEE. Skont in-noti ta’ Morgan waqt laqgħa tal-kumitat tekniku tal-11 ta’ Diċembru 1997, Gerken bdiet iżżur l-utilizzaturi finali kbar kollha fl-Olanda u fil-Belġju u offriet prezzijiet li kienu 20 sa 25 % orħos. “L-impressjoni ġenerali hija li ‘G’ (Gerken) tirrappreżenta attwalment periklu ikbar minn sentejn ilu. Assolutament ebda kontroll”.

247    Abbażi tal-informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni intiża li tipprovdi evidenza tal-parteċipazzjoni ta’ Gerken fil-kartell, ir-rikorrenti tillimita ruħha li tipproduċi dikjarazzjoni minn wieħed mill-impjegati tagħha, tat-18 ta’ Frar 2003, li tesponi diskussjonijiet bejn ir-rikorrenti u Gerken, matul il-perijodu ta’ bejn l-1997 u l-1999, fuq il-livelli tal-prezzijiet rispettivi fil-kuntest tas-sejħa għall-offerti, b’mod partikolari, għal return conductor brushes użati fl-industrija tal-ferroviji u brushes intiżi għal muturi elettriċi użati fin-netwerks urbani. Din id-dikjarazzjoni hija akkompanjata minn tabelli sommarji, stabbiliti mir-rikorrenti, dwar sejħiet għall-offerti magħmula mill-kumpanniji Franċiżi tat-trasport pubbliku, bl-indikazzjoni, b’mod partikolari, tas-swieq koperti mill-impriżi kolpevoli jew tad-dħul mill-bejgħ, skont it-tip ta’ prodott, magħmul minn kull kompetitur.

248    Għandu jingħad li din id-dikjarazzjoni waħedha, akkompanjata mit-tabelli ta’ informazzjoni, li ftit minnha mhijiex rilevanti, ma setgħetx tippermetti lill-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur min-naħa ta’ Gerken, minħabba parteċipazzjoni fl-akkordju inkwistjoni. L-elementi pprovduti mir-rikorrenti jistgħu, l-iktar l-iktar, jipprovdu indizji ta’ parteċipazzjoni ta’ Gerken f’ċerti aspetti tal-ksur li jikkonċernaw biss lil Franza u lil ċerti prodotti speċifiċi, filwaqt li jiġi nnutat, li matul l-istess sena 1997, Gerken żviluppat aġir aggressiv kummerċjali fl-Olanda u fil-Belġju (premessa 266 tad-Deċiżjoni). Id-dettalji mogħtija ma jurux li Gerken ipparteċipat fi ksur uniku u kontinwat, li jkopri ż-ŻEE u grupp kbir ta’ prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita intiżi għal applikazzjonijiet elettriċi u mekkaniċi, kif ukoll il-blokok tal-karbonju u tal-grafita li minnhom huma mmanifatturati dawn il-prodotti, kif ipprovdut fid-Deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 2002, Sigma Technologie vs Il-Kummissjoni, T-28/99, Ġabra p. II-1845, punti 40 sa 52).

249    Barra minn hekk, l-argumenti tar-rikorrenti, li jidhru fid-dokumenti ppreżentati fil-kuntest ta’ din il-kawża, dwar l-allegata parteċipazzjoni ta’ Gerken f’laqgħat lokali tal-akkordju, u dwar l-allegata kuntradizzjoni fil-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, fid-dawl tal-mod kif ġiet ittrattata r-rikorrenti fid-Deċiżjoni meta mqabbla ma’ Gerken, huma irrilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-rilevanza tal-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni u intiża li turi l-parteċipazzjoni ta’ Gerken fl-akkordju.

250    Fir-rigward ta’ Morgan, ir-rikorrenti ssostni li t-tliet elementi ta’ informazzjoni li hija pprovdiet matul il-proċedura amministrattiva juru li Morgan ma ssodisfat ebda mill-kundizzjonijiet ipprovduti fil-punt B tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni sabiex tkun tista’ tibbenefika minn immunità tal-multa, inkwantu din l-impriża ma bagħtitx lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha utli dwar l-involviment tagħha fil-prattiki illegali u anki pprovdiet infomazzjoni mhux preċiża rigward l-imsemmija prattiki.

251    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tirreferi għall-fatt li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (punt 145), hija tindika lill-Kummissjoni li f’Marzu 2003 hija kienet ikkuntattjat id-diviżjoni tal-kompetizzjoni tal-Ministru tal-Ġustizzja Amerikan sabiex tiġbidlu l-attenzjoni dwar l-azzjonijiet ta’ waħda mis-sussidjarji ta’ Morgan, li fil-fehma tar-rikorrenti, kienu manifestament illegali fid-dawl tar-regoli tal-kompetizzjoni.

252    It-tieni nett, hija tinvoka l-fatt li, fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (punt 137), hija indikat lill-Kummissjoni li Morgan kienet naqset milli tinformaha li, b’effett minn April 1999 u permezz tal-kumpannija sussidjarja Amerikana Morganite Industriet, hija diġà kienet is-suġġett ta’ proċedura fl-Istati Uniti dwar akkordju illegali li jikkonċerna prezzijiet tal-prodotti abbażi tal-grafita.

253    Fir-rigward tal-ewwel żewġ elementi ta’ informazzjoni, jirriżulta minn qari tar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li dawn ma jikkonċernawx il-kartell li huwa s-suġġett tad-Deċiżjoni, peress li jikkonċernaw, fir-rigward tal-ewwel element, il-Korea t’Isfel, u fir-rigward tat-tieni element, is-suq Amerikan. Kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, l-obbligi tal-impriża li titlob l-immunità huma limitati, loġikament, għall-informazzjoni dwar il-prattiki antikompetittivi li huma s-suġġett tal-investigazzjoni. L-akkordju li kien is-suġġett tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni u tad-Deċiżjoni ma jikkonċernawx il-Korea t’Isfel jew l-Istati Uniti, imma t-territorju Ewropew u wara ż-ŻEE.

254    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li hija indirizzat lill-Kummissjoni kopja tal-atti ta’ akkuża, tal-24 ta’ Settembru 2003, ta’ erba’ diriġenti preċedenti ta’ Morgan mill-Federal Grand Jury tal-Istati Uniti minħabba tixħim tax-xhieda u l-qerda jew il-ħabi tad-dokumenti matul il-perijodu ta’ bejn April 1999 u Awwissu 2001. Minn dawn l-atti jirriżulta li, matul il-perijodu kkonċernat, Morgan qerdet jew ħbiet mill-awtoritajiet Amerikani u Komunitarji numru ta’ dokumenti dwar il-ftehim dwar l-iffissar tal-prezzijiet, b’mod partikolari sabiex tkun tista’ tkompli ssegwi l-implementazzjoni ta’ dan il-ftehim sa Awwissu 2001, minkejja li hija kienet iddikjarat li temmet kull parteċipazzjoni fil-prattiki illegali f’Diċembru 1999.

255    B’mod partikolari r-rikorrenti tibbaża l-allegazzjonijiet tagħha fuq is-silta li tipprovdi:

“Matul il-perijodu ta’ bejn April 1999 u Ġunju 1999, il-grupp ta’ xogħol magħmul minn CC-2 żar l-istallazzjonijiet ta’ Morgan fl-Ewropa u rtira, ħeba jew qered id-dokumenti u r-reġistri kollha fil-faxxikoli ta’ Morgan li kien fihom evidenza ta’ ftehim dwar l-iffissar tal-prezzijiet [...] Il-membri tal-grupp ta’ xogħol, fosthom CC-3, bagħtu lil CC-4 id-dokumenti miġbura li kienu jirreferu għall-ftehim dwar l-iffissar tal-prezzijiet sabiex CC-4 tkun tista’ taħbi dawn id-dokumenti mill-awtoritajiet Amerikani u Ewropej imma wkoll sabiex dawn id-dokumenti jkunu jistgħu jinżammu f’post sigriet sabiex Morgan tkun tista’ tkompli timplementa l-ftehim dwar l-iffissar tal-prezzijiet [...] F’Awwissu 2001, fuq l-istruzzjonijiet ta’ CC-1, l-impjegati qerdu d-dokumenti kkonċernati mill-investigazzjoni tal-Grand Jury”.

256    Fir-rigward tat-tielet element ta’ informazzjoni, għandu jingħad li, fid-Deċiżjoni (premessa 67), il-Kummissjoni ppreċiżat li l-Ministru tal-Ġustizzja Amerikan kien qal, fl-4 ta’ Novembru 2002, li l-kumpannija sussidjarja ta’ Morgan fl-Istati Uniti kienet aċċettat li twieġeb ħatja għall-akkuża ta’ parteċipazzjoni f’akkordju internazzjonali intiż għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ tipi differenti ta’ prodotti abbażi tal-karbonju għal applikazzjonijiet elettriċi, mibjugħa fl-Istati Unti u f’pajjiżi oħra u li l-kumpannija parent tar-Renju Unit, Morgan, kienet aċċettat li twieġeb ħatja għall-akkużi ta’ tentattiv ta’ xkiel fl-iżvolġiment tal-investigazzjoni. Id-Deċiżjoni tirreferi espliċitament għall-atti tal-akkuża, tal-24 ta’ Settembru 2003, tal-erba’ ex-uffiċjali ta’ Morgan minn Federal Grand Jury għat-tixħim tax-xhieda u l-qerda u l-ħabi tad-dokumenti matul il-perijodu ta’ bejn April 1999 u Awwissu 2001.

257    Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-Kummissjoni rċeviet ittra mingħand Morgan, tat-30 ta’ Ottubru 2001, li tikkompleta l-informazzjoni diġà mogħtija abbażi tat-talba tagħha għall-klemenza ppreżentata mit-18 ta’ Settembru 2001, li fiha hija indikat b’mod ċar li “[h]uwa ċar li xi impjegati neħħew u/jew qerdu d-dokumentazzjoni rilevanti”.

258    Jidher għalhekk li l-Kummissjoni ġiet informata minn Morgan innifsha, mill-2001, bl-eżistenza tal-ħabi u tal-qerda, mill-membri tal-persunal ta’ dik l-impriża, ta’ dokumenti dwar il-kartell żvelat. It-trażmissjoni tal-atti tal-akkuża mir-rikorrenti, f’Settembru 2003, ikkonfermat biss l-azzjonijiet li kienet taf bihom diġà l-Kummissjoni, u r-rieda ta’ Morgan li, għall-ewwel, tipprova taħbi r-responsabbiltà, filwaqt li tipprovdi informazzjoni dwar l-implementazzjoni konkreta ta’ dik ir-rieda.

259    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li Morgan indikat ukoll, fl-ittra tat-30 ta’ Ottubru 2001, li hija kellha tibgħat lill-Kummissjoni kull informazzjoni addizzjonali li tinkiseb u li hija ma kinitx bagħtet l-atti ta’ akkuża, wara kważi sentejn u wara l-forniment lill-Kummissjoni ta’ dokument li jinkludi xejn inqas minn 4789 paġna dwar il-kartell inkwistjoni, mhuwiex rilevanti.

260    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti għamlet interpretazzjoni dettaljata tal-kontenut tad-dokumenti kkonċernati. Hija ssostni li minn dawn tal-aħħar jirriżulta li Morgan baqgħet tipparteċipa fil-prattiki illegali, kemm fl-Istati Uniti kif ukoll fl-Ewropa, minn tal-inqas sa Awwissu 2001 u mhux sa Diċembru 1999 kif kienet indikat il-Kummissjoni, li tispjega n-nuqqas ta’ trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti minn Morgan.

261    It-test li jidher fil-punt 255 iktar ’il fuq jirreferi għal-ħabi tad-dokumenti rilevanti “sabiex jagħtu l-possibbiltà lill-Morgan tkompli timplementa l-ftehim dwar l-iffissar tal-prezzijiet”. Anki jekk jitqies li l-imsemmi ftehim ma kienx jkopri biss is-suq Amerikan, imma kien jikkonċerna wkoll it-territorju Ewropej, la minn dan it-test, li jirreferi biss għal għan li għandu jintlaħaq, u lanqas mill-atti tal-akkuża b’mod ġenerali, ma jirriżultax b’mod ċar li effettivament dan il-ftehim baqa’ jiġi implementat minn Morgan u minn operaturi oħra fis-suq Ewropew wara Diċembru 1999, id-data tat-tmiem tal-prattiki illegali msemmija fid-Deċiżjoni, u sa Awwissu 2001. Fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li l-membri l-oħra tal-kartell temmew il-parteċipazzjoni tagħhom l-iktar tard f’Diċembru 1999, mhuwiex konċepibbli li l-kartell seta’ jeżisti wara Diċembru 1999.

262    Il-fatt li l-Kummissjoni fl-aħħar qieset li Morgan kellha tibbenefika minn immunità tal-multa sa fejn hija, fost l-oħrajn, ipprovdiet elementi ta’ prova determinanti, temmet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju l-iktar tard meta hija żvelat il-kartell, ipprovdiet l-informazzjoni utli kollha, u d-dokumenti u l-evidenza kollha li hija kellha dwar l-akkordju, “fil-mument ta’ meta hija ppreżentat it-talba tagħha”, u żammet kooperazzjoni permanenti u kompleta matul l-investigazzjoni kollha, jifforma parti minn evalwazzjoni li m’għandhiex tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest tal-kawża inkwistjoni.

263    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni taċ-ċirkustanza attenwanti relatata mal-kollaborazzjoni effettiva tar-rikorrenti lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni mhijiex fondata u għandha tiġi miċħuda.

264    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni wettqet żballji ta’ liġi fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti u li t-talba tar-rikorrenti intiża għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi ċ-ċirkustanzi attenwanti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-kooperazzzjoni tar-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva

 Fuq it-talba għat-tnaqqis massimu ta’ 50 %

265    Fl-Avviż fuq il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni ddefiniet il-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikkoperaw magħha matul l-investigazzjoni tagħha fuq akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa li kieku kien ikollhom iħallsu (il-punt A(3) tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni).

266    Il-punt D tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni jipprovdi:

“1. Meta impriża tikkopera mingħajr mal-kundizzjonijiet esposti fil-[punti] B u C jiġu kollha sodisfatti, hija tibbenefika minn tnaqqis ta’ bejn 10 sa 50 % tal-ammont tal-multa li kieku kien jiġi impost fuqha fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni.

2. Dan jista’, b’mod partikolari, ikun il-każ jekk:

–        qabel ma tintbagħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet , impriża tipprovdi lill-Kummissjoni informazzjoni, dokumenti jew provi oħra li jikkontribwixxu sabiex jikkonfermaw l-eżistenza tal-ksur kommess,

–        wara li tkun rċeviet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet , impriża tinforma lill-Kummissjoni li hija ma tikkontestax il-mertu tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-akkużi tagħha.”

267    Fil-kawża inkwistjoni, ir-rikorrenti ibbenefikat minn tnaqqis ta’ 40 % mill-ammont tal-multa skont il-punt D tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni.

268    Sabiex tiġġustifika l-evalwazzjoni tagħha, fil-premessa 324 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tipprovdi:

“[LCL] talbet li tibbenefika minn miżuri ta’ klemenza ftit wara li rċeviet l-ittra li l-Kummissjoni bagħtitilha skont l-Artikolu 11 [tar-Regolament Nru 17]. Il-kooperazzjoni tagħha marret bil-diversi lil hinn mir-risposti rikjesti minn din l-ittra. [LCL] ipprovdiet minn jeddha numru kunsiderevoli ta’ dokumenti kontemporanji, b’mod partikolari, diversi rapport dwar laqgħat tal-kartell li ma kinux identifikati fl-ittra mibgħuta mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11. [LCL] ipprovdiet ukoll diversi dikjarazzjonijiet iffirmati minn uffiċjali u minn uffiċjali preċedenti tal-kumpannija, li jikkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tal-kartell. Fl-aħħar nett, [hija] ipprovdiet deskrizzjoni dettaljata u utli tas-suq tal-prodott u tal-attivitajiet tal-kartell għal kull tip ta’ klijent. Fid-dawl tal-kwantità u tal-kwalità tal-provi diġà mogħtija minn Morgan, il-provi pprovduti spontanjament minn [LCL] kif ukoll mill-impriżi l-oħra li talbu l-benefiċċju ta’ miżuri ta’ klemenza ma żiedux valur kbir mal-provi li diġà kellha l-Kummissjoni. Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-provi kollha pprovduti spontanjament minn [LCL] ikkontribwixxew sabiex tiġi kkonfermata l-eżistenza tal-ksur.”

269    Il-Kummissjoni rrilevat ukoll li, wara li rċeviet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti informatha li hija ma kinitx tikkontesta l-fatti li fuqhom huma bbażati l-akkużi tagħha (premessa 325 tad-Deċiżjoni).

270    Għandu jiġi enfasizzat li ma teżisti ebda kontestazzjoni tal-fatt li r-rikorrenti kienet tissodisfa, waqt l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni inċiż tal-punt D(2) tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni, filwaqt li jiġi osservat li, skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, it-tnaqqis mogħti kien, rispettivament, ta’ 30 % u ta’ 10 %. In-nuqqas ta’ qbil jirrigwarda d-daqs tat-tnaqqis li ngħata li, skont ir-rikorrenti, kellu jammonta għal total ta’ 50 %, jiġifieri l-għola tnaqqis possibbli.

271    Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni tgawdi minn setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni f’dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi u tista’, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi, fosthom il-kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati matul l-investigazzjoni mwettqa mid-dipartimenti ta’ din l-istituzzjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni hija mitluba twettaq evalwazzjonijiet ta’ fatti kumplessi, bħal dawk li jirrigwardaw il-kooperazzjoni rispettiva ta’ dawn l-impriżi (sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 81).

272    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tgawdi minn diskrezzjoni wiesgħa fl-evalwazzjoni tal-kwalità u tal-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija minn impriża, b’mod partikolari meta mqabbla mal-kontribuzzjonijiet ta’ impriżi oħra (sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 88).

273    L-argument tar-rikorrenti, li jimplika li t-tnaqqis ta’ 50 % għandu jingħata awtomatikament meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel u fit-tieni inċiż tal-punt D(2) tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni, ikun ifisser li l-Kummissjoni tiċċaħħad mis-setgħa ta’ diskrezzjoni tagħha li hija espressa, b’mod partikolari, bl-indikazzjoni ta’ skala ta’ tnaqqis ta’ bejn 10 % u 50 %.

274    Kif jirriżulta mill-premessa 324 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-ammont tat-tnaqqis mogħti fuq il-fatt li, minn naħa, il-provi pprovduti mir-rikorrenti ma żiedu ebda valur mal-evidenza, ipprovduta minn Morgan, li kellha l-Kummissjoni, u min-naħa l-oħra, li l-kooperazzjoni tar-rikorrenti bdiet wara li hija rċeviet l-ittra li kienet indirizzata lilha skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17.

275    Ir-rikorrenti tikkritika r-rilevanza tal-ewwel kriterju ta’ analiżi użat mill-Kummissjoni.

276    Għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, it-tnaqqis tal-multi fil-każ li jkun hemm kooperazzjoni minn naħa tal-impriżi parteċipanti fil-ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni jsib ġustifikazzjoni fil-fatt li din il-kooperazzjoni tiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni intiż li jiġi kkonstatat ksur, u skont il-każ, sabiex jintemm tali ksur (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 399; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, punt 164 iktar ’il fuq, punt 325, u tal-14 ta’ Mejju 1998, Finnboard vs Il-Kummissjoni, T-338/94, Ġabra p. II-1617, punt 363, u Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 330).

277    Fir-rigward tar-ratio tat-tnaqqis, il-Kummissjoni ma tistax tinjora l-utilità tal-informazzjoni pprovduta, li neċessarjament tiddependi fuq l-evidenza li hija diġà għandha.

278    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni mhijiex iġġustifikata li tinvoka l-utilità relattiva tal-kontribuzzjoni tagħha meta mqabbla ma’ dik ta’ Morgan, sa fejn l-utilità rispettiva tal-informazzjoni pprovduta minn dawn iż-żewġt impriżi tirrifletti ruħha diġà fl-għażla ta’ kategorija ta’ tnaqqis differenti għal kull waħda mill-impriża.

279    Għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat li Morgan għandha tibbenefika minn immunità tal-multa skont il-punt B tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni fid-dawl tal-kwalità speċifika tal-kooperazzjoni kkonstatata ma jipprekludihiex milli sussegwentement tevalwa, taħt is-sezzjoni D tal-imsemmi Avviż, il-kollaborazzjoni tar-rikorrenti u għalhekk l-utilità tal-informazzjoni pprovduta fid-dawl tal-evidenza diġà mogħtija minn impriża oħra, f’dan il-każ minn Morgan. Kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, peress li d-differenza fundamentali fl-oriġini tal-punti B, C u D tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni hija l-utilità tal-informazzjoni pprovduta, il-Kummissjoni tista’ tuża l-kriterju tal-utilità sabiex tiddetermina l-livell tat-tnaqqis għal kull kategorija ta’ tnaqqis tal-multa stabbiliti fl-imsemmija punti.

280    Għalkemm ir-rikorrenti tikkritika r-rilevanza tal-ewwel kriterju ta’ analiżi użat mill-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, hija ma tikkonfutax il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kwalità tal-kooperazzjoni ta’ Morgan, li pproduċiet faxxikolu ta’ 4789 paġni fuq il-kartell, u l-konklużjoni sussegwenti tal-valur limitat tal-evidenza li r-rikorrenti stess kienet ipprovdiet. Ir-rikorrenti tindika espliċitament li hija ma tikkontestax il-fatt li l-utilità tal-kooperazzjoni tagħha fil-proċedura hija inqas sinjifikanti minn dik ta’ Morgan.

281    Fir-rigward tat-tieni kriterju użat mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi għal 40 % l-ammont tat-tnaqqis mogħti lir-rikorrenti, din tal-aħħar issostni li l-Kummissjoni tikkontesta b’mod żbaljat n-natura spontanja tal-kooperazzjoni tagħha u li tabilħaqq hija kkoperat qabel ma ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-unika kundizzjoni stabbilita fis-Sezzjoni D tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni.

282    Għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni indikat, kif jirriżulta mill-kliem tad-Deċiżjoni u b’mod partikolari mill-premessa 324, li hija ma kinitx tikkontesta n-natura spontanja tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti bħala tali. Madankollu, hija ssostni li fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tagħha tal-imsemmija kooperazzjoni, hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li din tal-aħħar bdiet wara li ntbagħtet it-talba għall-informazzjoni. Hija żżid li hija l-utilità limitata tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti li kienet il-fattur deċisiv li ġġustifika r-rifjut li jingħata tnaqqis massimu ta’ 50 %.

283    Kif ġie indikat, il-Kummissjoni tgawdi minn diskrezzjoni wiesgħa fl-evalwazzjoni tal-kwalità u tal-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija minn impriża (sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 88), u, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali, hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li din l-impriża bagħtet id-dokumenti biss wara li rċeviet it-talba għal informazzjoni (sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 114 iktar ’il fuq, punt 365, ikkonfermata fl-appell mis-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 408), mingħajr, madankollu, ma tista’ tikkunsidraha bħala determinanti sabiex tnaqqas il-kooperazzjoni mogħtija minn impriża skont l-ewwel inċiż tal-punt D(2) tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni (sentenza Tokai I, punt 146 iktar ’il fuq, punt 410).

284    Ir-rikorrenti ssostni li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma wrietx li hija kienet taf bit-talba għal informazzjoni meta ntbagħtet l-ittra tas-16 ta’ Awwissu 2002, li fiha hija talbet il-benefiċċju tal-miżuri ta’ klemenza. Hija tafferma li, ftit sigħat qabel ma rċeviet it-talba għal informazzjoni, fis-16 ta’ Awwissu 2002, hija kienet ippreżentat talba intiża għall-applikazzjoni tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni u hemżet kopja ta’ din it-talba mar-rikors.

285    F’dan id-dokument, effettivament datat is-16 ta’ Awwissu 2002 u li jikkostitwixxi messaġġ bil-faks li fuqu mhemm ebda indikazzjoni tat-trażmissjoni effettiva tiegħu u lanqas tad-data tiegħu, hemm miktub li “[LCL] titlob il-benefiċċju tal-Avviż [fuq il-kooperazzjoni] fil-kawża dwar il-brushes għall-applikazzjoni fil-muturi elettriċi, u dan fil-kuntest tal-proċedura mibdija mill-Kummissjoni kontra din l-impriża”, kliem li jikkonferma l-eżattezza tal-kronoloġija msemmija fid-Deċiżjoni.

286    Bħala risposta għall-osservazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-kliem “fil-kuntest tal-proċedura mibdija” jikkonferma r-riċeviment u l-għarfien tat-talba għal informazzjoni mir-rikorrenti, din tal-aħħar tipprovdi, fir-replika, li hija kienet qiegħda tirreferi għal proċedura mibdija fis-settur tal-grafita isostatika.

287    Kif tenfasizza l-Kummissjoni, anki li kieku din id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti tiġi kkunsidrata bħala vera, għandu jiġi kkunsidrat li l-ittra tas-16 ta’ Awwissu 2002, li kienet tinkludi offerta ta’ kooperazzjoni tar-rikorrenti, ma kellha ebda rabta mal-kawża preżenti u li għalhekk kellha tiġi injorata mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Għalhekk, ir-rikorrenti tibqa’ ma tipprovdix il-prova li turi li hija kkooperat qabel ir-riċeviment tat-talba għal informazzjoni.

288    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fl-ittra tas-16 ta’ Awwissu 2002, hemm espliċitament imsemmija l-kawża dwar il-“brushes għall-applikazzjoni fil-muturi elettriċi”, li jagħmlu parti mill-prodotti abbażi tal-karbonju u tal-grafita intiżi għal applikazzjonijiet elettriċi li kienu s-suġġett tal-akkordju msemmi fid-Deċiżjoni.

289    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti effettivament bdiet tikkoopera biss b’effett mit-22 ta’ Awwissu 2002, jiġiefieri d-data ta’ meta bagħtet lill-Kummissjoni l-ewwel dokumenti konnessi mal-kartell u għalhekk wara r-riċeviment allegat tal-ittra li l-Kummissjoni indirizzat lilha skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17.

290    Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-referenza għall-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, li tiġġustifika t-tnaqqis massimu ta’ 50 % mitlub mir-rikorrenti, diġà ntqal fil-punt 110 iktar ’il fuq li l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala qafas ġuridiku għal multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-kawżi l-oħra jipprovdu biss indikazzjoni dwar l-eventwali eżistenza ta’ diskriminazzjoni, peress li mhuwiex probabbli wisq li ċ-ċirkustanzi speċifiċi għalihom, bħal pereżempju s-swieq, il-prodotti, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati, ikunu identiċi. Għandu jingħad li r-rikorrenti ma ressqitx prova ta’ tali diskriminazzjoni. Barra minn hekk, il-fatt biss li l-Kummissjoni attribwixxiet, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, rata ta’ tnaqqis partikolari fir-rigward ta’ aġir speċfiku, ma jimplikax li hija obbligata li tagħti l-istess tnaqqis proporzjonali fl-evalwazzjoni ta’ aġir simili fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva ulterjuri (ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 90 iktar ’il fuq, punt 458, u l-ġurisprudenza ċċitata).

291    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni evalwat b’mod manifestament żbaljat il-kooperazzjoni tagħha billi tatha tnaqqis ta’ 40 % skont il-punt D tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni.

 Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

292    Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, skont ġurisprudenza kostanti, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kooperazzjoni mogħtija mill-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni ma tistax tinjora dan il-prinċipju, li jinkiser meta sitwazzjonijiet simili jkunu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jkunu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza Tokai I, punt 146 iktar ’il fuq, u l-ġurisprudenza ċċitata).

293    Ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni tat lil Morgan tnaqqis tal-multa ta’ 100 % skont il-punt B tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni, minkejja li din l-impriża ħbiet mill-Kummissjoni ċerta informazzjoni utli rigward il-parteċipazzjoni tagħha fi ftehim dwar il-prezz ta’ prodotti abbażi tal-grafita fl-Istati Uniti, u pprovdiet lill-Kummissjoni b’informazzjoni mhux preċiża dwar it-tmiem tal-parteċipazzjoni tagħha f’attivitajiet illegali fl-Istati Uniti u fl-Ewropa.

294    Minn dan tikkonkludi li, sabiex ma twettaqx ksur serju tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, il-Kummissjoni kellha tikklassifika mill-ġdid t-talba għal miżuri ta’ klemenza li hija għamlet u kellha tagħtiha l-immunità mill-multa taħt il-punt B jew, minn tal-inqas, tagħtiha tnaqqis massimu tal-ammont tal-multa pprovdut fil-punt D tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni, peress li hija tat lil Morgan tnaqqis massimu tal-ammont tal-multa pprovdut fil-punt B tal-imsemmi Avviż.

295    Sa fejn ir-rikorrenti tinvoka tnaqqis illegali tal-multa miksub minn Morgan u anki jekk jitqies li, b’mod żbaljat, il-Kummissjoni tat tnaqqis lil din l-impriża b’applikazzjoni żbaljata tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni, għandu jiġi mfakkar li l-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għandha timxi id f’id mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità, li jipprovdi li ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, ksur ta’ liġi kommess favur ħaddieħor (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 1985, Williams vs Il-Qorti tal-Awdituri, 134/84, Ġabra p. 2225, punt 14; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, punt 160, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 114 iktar ’il fuq, punt 367).

296    Sussegwentement għandu jingħad li Morgan u r-rikorrenti ma kinux jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli u li din id-differenza oġġettiva tas-sitwazzjoni tispjega u tiġġustifika d-differenza fit-trattament li l-Kummissjoni għamlet fil-konfront tagħhom fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni.

297    Għandu jiġi enfasizzat li, fost il-kundizzjonijiet ta’ nonimpożizzjoni ta’ multa jew tnaqqis sostanzjali tal-ammont tagħha, bħal dawk ipprovduti fil-punt B tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni, hemm il-fatt li l-impriża tkun l-ewwel waħda li tipprovdi provi determinanti fuq l-eżistenza tal-akkordju. Issa, ir-rikorrenti nnifisha ssostni, fir-replika, li hija ma tikkontestax il-fatt li l-utilità tal-kooperazzjoni tagħha fil-proċedura kienet inqas sinjifikanti minn dik ta’ Morgan, u li ma setgħetx tkun mod ieħor, peress li l-informazzjoni pprovduta minn Morgan ippermettiet lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-eżistenza tal-akkordju, b’mod li l-kontribut tagħha seta’ jikkontribwixxi biss sabiex tiġi kkonfermata l-eżistenza tal-ksur.

298    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjoni ta’ nuqqas tat-trattament ugwali fir-rigward tat-trattament fil-konfront ta’ Morgan u t-talba relatata tar-rikorrenti għall-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tal-punt B tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni, jew it-tnaqqis massimu tal-multa pprovdut fis-Sezzjoni D ta’ dan l-Avviż, għandhom jiġu miċħuda.

299    It-tieni nett, ir-rikorrenti tirrileva li, minkejja n-natura estremament limitata u tardiva tal-kooperazzjoni ta’ SGL fil-proċedura, enfasizzata mill-Kummissjoni stess fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni madankollu tatha tnaqqis ta’ 20 % tal-ammont tal-multa abbażi tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni, filwaqt li r-rikorrenti bbenefikat biss minn tnaqqis ta’ 40 % għal kooperazzjoni sħiħa u kompleta.

300    Dan l-argument ma jiżvela ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u lanqas, mill-bqija, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-kooperazzjoni tar-rikorrenti, li kienet oġġettivament iktar sinjifikanti minn dik ta’ SGL, effettivament ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni b’mod xieraq.

301    Fil-fatt, it-tnaqqis miksub mir-rikorrenti abbażi tal-kooperazzjoni tagħha qabel ma ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kien tliet darbiet ikbar minn dak mogħti lil SGL, peress li huwa ta’ 30 % fir-rigward tar-rikorrenti u 10 % fir-rigward ta’ SGL. Peress li dawn iż-żewġt impriżi kienu ammettew il-fatti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, huma loġikament ibbenefikaw minn tnaqqis identiku ta’ 10 % fuq dik il-bażi biss.

302    F’dan ir-rigward, għandu jingħad li r-rikorrenti ma wrietx kif il-Kummissjoni ma kinitx intitolata li tispjega, fil-kuntest ta’ din il-kawża inkwistjoni, it-tqassim ċifrat tat-tnaqqis ta’ 40 % u ta’ 20 % li ngħata. Din l-informazzjoni mogħtija mill-kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li tikkompleta d-Deċiżjoni, ma tistax tiġu kkunsidrata bħala motiv ta’ difiża ġdid li jmur kontra l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

303    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tesponi li, sabiex ma tiksirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali, il-Kummissjoni kellha tagħti tnaqqis sostanzjalment ikbar minn 50 % tal-ammont tal-multa tagħha abbażi tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni, peress li tat lil SGL, li ostakolat l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, tnaqqis ta’ “55 %” (20 % għall-kooperazzjoni u 33 % abbażi ta’ fatturi oħra).

304    Kif tenfasizza r-rikorrenti nnifsha, it-tnaqqis ta’ 33 % ingħata abbażi ta’ “fatturi oħra”, li ma jippermettux lir-rikorrenti tistabbilixxi l-allegat nuqqas ta’ trattament ugwali rilevanti fl-applikazzjoni tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni. Il-fatt li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni “fatturi oħra” huwa barra minn hekk invokat mir-rikorrenti f’ilment speċifiku li se jiġi eżaminat sussegwentement.

305    Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li SGL kisbet tnaqqis illegali tal-multa, u anki jekk jitqies li l-Kummissjoni fil-fatt indebitament tat tnaqqis lil dik l-impriża billi applikat b’mod żbaljat l-Avviż fuq il-kooperazzjoni, għandu jiġi mfakkar li l-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għandha timxi id f’id mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità, li jipprovdi li ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, ksur ta’ liġi kommess favur ħaddieħor.

306    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma wrietx li hija kienet is-suġġett ta’ trattament diskriminatorju u/jew ta’ trattament spoporzjonat fl-applikazzjoni tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni mill-Kummissjoni.

 Fuq in-nuqqas tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi ta’ “fatturi oħra”

307    Għandu jiġi mfakkar li, fil-parti tad-Deċiżjoni intitolata “Kapaċità ta’ ħlas u fatturi oħra”, il-Kummissjoni, għall-ewwel, ċaħdet l-argumenti ta’ SGL u tar-rikorrenti intiżi sabiex jippruvaw in-nuqqas ta’ kapaċità tagħhom li jħallsu multa fil-kawża inkwistjoni (premessi 340 sa 357 tad-Deċiżjoni).

308    Iktar tard, il-Kummissjoni fakkret li reċentement hija kienet diġà kkundannat lil SGL għal multi kbar minħabba l-parteċipazzjoni tagħha f’attivitajiet oħra kollużivi, f’dan il-każ, multa ta’ EUR 80.2 miljun fil-kawża tal-elettrodi tal-grafita u żewġ multi li flimkien jammontaw għal EUR 27.75 miljun minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju tal-grafita iżostatika u fl-akkordju tal-grafita estruża, fil-kawża tal-grafita speċjali (premessa 358 tad-Deċiżjoni). Fid-dawl tad-diffikultajiet finanzjarji kbar ta’ SGL u ta’ dawn il-kundanni reċenti kif ukoll tal-fatt li l-attivitajiet kollużivi differenti allegati fil-konfront tagħha seħħew fl-istess żmien, il-Kummissjoni qieset li, f’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, ma kienx neċessarju, sabiex tiġi ggarantita dissważjoni effettiva, li jiġi impost fuq SGL l-ammont totali tal-multa u għalhekk naqqsitu bi 33 %, u b’hekk irriżulta fl-ammont ta’ EUR 23.64 miljun (premessa 360 tad-Deċiżjoni).

309    Min-naħa l-oħra, peress li kkunsidrat li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti kienet differenti ħafna minn dik ta’ SGL, il-Kummissjoni ma tat ebda tnaqqis tal-multa lir-rikorenti abbażi ta’ “fatturi oħra”. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat li l-ammont totali tal-multi imposti s’issa fuq SGL minħabba attivitajiet kollużivi simultanji li jammontaw għal madwar 10 % tad-dħul mill-bejgħ dinji ta’ SGL fl-2002, filwaqt li kien ta’ 1 % għar-rikorrenti, li kienet sofriet l-impożizzjoni ta’ multa ta’ EUR 6.97 miljun għall-parteċipazzjoni tagħha fil-kartell tal-grafita iżostatika. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li, abbażi tal-analiżi komparattiva tal-indikaturi finanzjarji, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ SGL hija ħafna agħar mis-sitwazzjoni attwali tar-rikorrenti (premessi 361 u 362 tad-Deċiżjoni).

310    Ir-rikorrenti ssostni li, billi għamlet hekk, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

311    Għandu jiġi osservat li l-argument żviluppat mir-rikorrenti insostenn ta’ dak l-ilment huwa bbażat fuq il-premessa li l-Kummissjoni ma kinitx intitolata, fid-dawl tal-ġurisprudenza u skont il-kliem tad-Deċiżjoni, li tieħu inkunsiderazzjoni, weħidha jew ma’ fatturi oħra, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ SGL. Peress li l-Kummissjoni kienet marbuta, skont ir-rikorrenti, li tinjora l-kapaċità finanzjarja ta’ SGL meta tistabbilixxi l-multa, peress li t-tnaqqis tal-ammont tal-multa jista’ biss ikun ibbażat fuq is-sanzjonijiet reċenti imposti fuq dik l-impriża.

312    Dan l-argument jippermetti lir-rikorrenti li teskludi l-kwistjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ SGL mill-analiżi komparattiva tat-trattament mogħti lil SGL, li tinvoka li hija biss l-eżistenza ta’ kundanni għal ħlas ta’ multi (dawk li ġew imposti fuqha fil-kawża tal-grafita speċjali, fl-Istati Uniti u f’din id-Deċiżjoni, għall-ammont totali ta’ EUR 50.02 miljun) li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, u li titlob, skont il-prinċipju ta’ trattament ugwali, tnaqqis korrispondenti u proporzjonali tal-ammont tal-multa.

313    Għandu jingħad li dan l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq premessa żbaljata u għalhekk għandu jiġi miċħud.

314    Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni mhijiex obbligata, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, tikkunsidra s-sitwazzjoni finanzjarja ħażina ta’ impriża, peress li r-rikonoxximent ta’ tali obbligu jwassal sabiex jingħata vantaġġ kompetittiv inġustifikat lill-impriżi l-inqas adatti għall-kundizzjonijiet tas-suq (ara s-sentenza Tokai I, punt 146 iktar ’il fuq, punt 370, u l-ġurisprudenza ċċitata), madankollu dan ma jimplikax li hija ma tistax tagħmel dan. Dan huwa wkoll is-sens tal-premessi 349 u 356 tad-Deċiżjoni li jirrepetu l-ġurisprudenza ċċitata kważi kelma b’kelma.

315    Fil-kawża inkwistjoni, il-Kummissjoni naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq SGL minħabba d-diffikultajiet finanzjarji serji tagħha u ż-żewġ multi reċenti imposti fuq din l-impriża minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni kommess fl-istess żmien.

316    Issa, ir-rikorrenti la tallega b’mod ċar u lanqas, fi kwalunkwe każ, ma tipprova li hija kienet tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ SGL, b’mod partikolari fuq il-livell tas-saħħa finanzjarja, u jekk il-paragun ma’ SGL jikkonċernax il-pożizzjoni ta’ SGL fil-kuntest tal-proċeduri fil-kawża tal-grafita speċjali, jew fil-proċeduri tal-kawża inkwistjoni.

317    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-differenza oġġettiva tas-sitwazzjoni bejn SGL u r-rikorrenti tispjega u tiġġustifika d-differenza fit-trattament li kienu suġġetti għalih, u ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali jew anki tal-proporzjonalità ma jista’ jiġi allegat fil-konfront tal-Kummissjoni fil-kawża inkwisjtoni.

318    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha magħmulin iktar ’il fuq jirriżulta li l-ilmenti kollha mqajma mir-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda u r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

319    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Le Carbone-Lorraine hija kkundannata għall-ispejjeż.

Vilaras

Prek

Ciucă

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-8 ta’ Ottubru 2008.

E. Coulon

 

      M. Vilaras

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-iżball tad-dritt allegatament kommess mill-Kummissjoni minħabba n-nuqqas tagħha li tiddefinixxi s-swieq tal-prodotti inkwistjoni jew, minn tal-inqas, il-kategoriji tal-prodotti inkwistjoni

Fuq il-klassifika tal-ksur

Fuq il-proċedura mibdija mill-Kummissjoni

Fuq l-evalwazzjoni allegatament żbaljata tal-gravitŕ tal-ksur u tan-natura allegatament spoporzjonata tal-ammont inizjali tal-multa

Fuq in-natura allegatament eċċessiva tal-ammont inizjali tal-multa, fir-rigward tal-impatt limitat tal-prattiki inkriminanti

Fuq in-natura allegatament eċċessiva tal-ammont inizjali tal-multa, fir-rigward tal-parteċipazzjoni dgħajfa tar-rikorrenti fl-akkordju

Fuq in-natura allegatament eċċessiva tal-ammont inizjali tal-multa fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti

Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effett dissważiv tal-multa

Fuq il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

Fuq it-tul tal-ksur

Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

Fuq in-nuqqas tat-teħid inkunsiderazzjoni tar-rwol allegatament passiv tar-rikorrenti

Fuq in-nuqqas tat-teħid inkunsiderazzjoni tan-nonimplementazzjoni ta’ ċerti ftehim u/jew prattiki illegali

Fuq in-nuqqas tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-ksur intemm qabel il-bidu tal-investigazzjoni

Fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kolloborazzjoni effettiva tar-rikorrenti fil-proċedura lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni

Fuq il-kooperazzzjoni tar-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva

Fuq it-talba għat-tnaqqis massimu ta’ 50 %

Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

Fuq in-nuqqas tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi ta’ “fatturi oħra”

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.