Language of document : ECLI:EU:F:2014:114

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

22 ta’ Mejju 2014 (*)

“Artikolu 32(1) tar-Regoli tal-Proċedura — Preġudizzju għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja — Esklużjoni mill-proċedura ta’ rappreżentant ta’ parti”

Fil-Kawża F‑58/13,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA fuq il-bażi tal-Artikolu 106a tiegħu,

Luigi Marcuccio, ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, residenti fi Tricase (l-Italja), irrappreżentat minn A, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Berardis-Kayser u G. Gattinara, bħala aġenti,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla),

komposta minn M. I. Rofes i Pujol, President, K. Bradley (Relatur) u J. Svenningsen, Imħallfin,

Reġistratur: W. Hakenberg,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Skont l-Artikolu 32(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk it-Tribunal iqis b’mod partikolari li “l-aġir ta’ rappreżentant ta’ parti quddiem it-Tribunal huwa inkompatibbli mad-dekor tat-Tribunal jew mar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja”, huwa għandu jinforma b’dan lill-persuna kkonċernata. Għall-istess raġunijiet, huwa “jista’, f’kull ħin u wara li tinstema’ l-persuna kkonċernata, jiddeċiedi, permezz ta’ digriet, li jeskludi lill-persuna kkonċernata mill-proċedura. Dan id-digriet għandu jkollu effett immedjat”.

 Fatti ġudizzjarji preċedenti tal-parti rrappreżentata

2        Għandu jiġi speċifikat, b’mod preliminari, li r-rikorrent, irrappreżentat f’din il-kawża minn A, ippreżenta, sa mis-sena 2002, quddiem id-diversi qrati tal-Unjoni Ewropea, numru partikolarment għoli ta’ rikorsi kontra l-persuna li kienet timpjegah, il-Kummissjoni Ewropea, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell. Sal-lum, it-total ta’ tilwimiet maħluqa mir-rikorrent jammonta għal iktar minn 190 kawża.

3        Fil-maġġoranza kbira ħafna tagħhom, dawn ir-rikorsi ġew miċħuda bħala manifestament infondati jew manifestament inammissibbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea nnifisha, fi tliet digrieti tat-28 ta’ Frar 2013, Il-Kummissjoni vs Marcuccio (C-432/08 P-DEP, C-513/08 P-DEP u C-528/08 P-DEP) ma naqsitx milli tirrileva “n-numru partikolarment għoli u n-natura sistematika tar-rikorsi ppreżentati minn L. Marcuccio quddiem il-qrati differenti tal-Unjoni”. F’digriet tal-21 ta’ Ottubru 2013, Marcuccio vs Il-Kummissjoni (T-226/13 P, punt 42), il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea enfasizzat “l-approċċ tar-rikorrent li jagħżel it-triq kontenzjuża b’mod sistematiku u indistint” sa fejn huwa jinvoka “mingħajr ebda distinzjoni”, motivi u argumenti li l-qorti tal-Unjoni tista’ biss tiċħad, “fuq il-bażi ta’ ġurisprudenza stabbilita”, bħala manifestament infondati jew manifestament inammissibbli. Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea kkonstatat ukoll, fil-punt 44 tal-istess digriet, li “l-aġir tar-rikorrent jingombra bla bżonn l-awla tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, u dan jostakola, b’mod sproporzjonat, l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja”.

4        Imħasseb ħafna b’din is-sitwazzjoni, b’ittra mibgħuta b’faks fis-7 ta’ Diċembru 2012 u li l-oriġinal tagħha waslet għand il-persuna kkonċernata fl-4 ta’ Jannar 2013, it-Tribunal attira l-attenzjoni tar-rappreżentant tar-rikorrent ta’ dak iż-żmien fir-rigward tal-“irwol tal-avukat li, bħala uffiċjal awżiljarju tal-ġustizzja, għandu d-dover li jirrapreżenta lir-rikorrent filwaqt li josserva r-regoli tal-proċedura applikabbli”, u li dan “huwa fl-ewwel lok, preċiżament, dak li jevita li jippreżenta rikorsi repetittivi li, f’ħafna każijiet, ikollhom sussegwentement jiġu miċħuda bħala manifestament inammissibbli jew manifestament infondati”. Fl-istess ittra, it-Tribunal afferma wkoll li seta’ kien hemm dubji fir-rigward tal-fatt li r-rikorsi ppreżentati minn L. Marcuccio setgħu ġew ilkoll redatti minn avukat wieħed.

5        Minħabba l-assenza ta’ tweġiba mir-rappreżentant tar-rikorrent u anki kwalunkwe segwitu marbut ma’ din l-ittra, u peress li l-kawżi ma waqfux iżda għall-kuntrarju komplew jiżdiedu, it-Tribunal ġie kostretta jikteb, permezz ta’ ittra tas-16 ta’ April 2013, lill-President tal-Kamra tal-Avukuti ta’ Lecce (l-Italja), li taħtha jaqa’ dan ir-rappreżentant, sabiex jiddeplora l-aġir ta’ dan tal-aħħar u stieden lill-President tal-Kumitat tal-Kamra sabiex jieħu l-passi meħtieġa sabiex din is-sitwazzjoni partikolarment ta’ ħsara għall-funzjonament tat-Tribunal u għall-amministrazzjoni tal-kawżi l-oħra tiġi rrimedjata. Din l-ittra baqgħet ukoll mingħajr tweġiba.

6        Xi żmien wara li din l-ittra ntbagħtet, ir-rikorrent inkariga lil A jiddefendi l-interessi tiegħu. Jidher li, fuq perijodu ta’ erba’ xhur, bejn x-xhur ta’ Ġunju u Settembru 2013, A ressaq, quddiem it-Tribunal, f’isem L. Marcuccio, dan ir-rikors, kif ukoll erba’ rikorsi oħra (irreġistrati rispettivament taħt il-Numri ta’ Reġistrazzjoni F-62/13, F-65/13, F-89/13 u F-90/13), b’mod li kkontribwixxa attivament sabiex ir-rikorrent ikompli bl-aġir ikkritikat mit-tliet qrati tal-Qorti tal-Ġustizzja.

7        Inklinat jaħseb li l-mod li bih A eżerċita r-rwol tiegħu ta’ avukat f’din il-kawża, fid-dawl tad-doveri ta’ dekor u ta’ korrezzjoni, kif ukoll ta’ kunsill u ta’ informazzjoni marbuta mal-funzjonijiet tiegħu bħala uffiċjal awżiljarju tal-ġustizzja, huwa inkompatibbli mar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, u peress li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa kien qiegħed jipprevedi li japplika, kontra tiegħu, l-Artikolu 32(1) tar-Regoli tal-Proċedura, it-Tribunal, permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Diċembru 2013, informa lil A bl-intenzjoni tiegħu li jagħmel użu minn din id-dispożizzjoni, u stiednu jibgħat l-osservazzjonijiet tiegħu sabiex dan jinstema’.

8        Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Diċembru 2013, A ikkontesta li huwa naqas, f’dan il-każ, mid-doveri tiegħu ta’ dekor u ta’ korrezzjoni, u sostna li l-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali kienet ibbażata biss fuq “allużjonijiet” li ma humiex sostnuti b’fatti oġġettivi u rilevanti, u kienet għalhekk tikkostitwixxi biss ir-riżultat ta’ “interpretazzjoni żbaljata u evalwazzjoni qasira taċ-ċirkustanzi tal-kawża” u tista’ tinftiehem bħala “tentattiv, bilkemm moħbi, ta’ intimidazzjoni” fil-konfront tad-“difensuri” tar-rikorrent. Skont A, it-“theddid” imsemmi fl-ittra tal-4 ta’ Diċembru 2013 ma huwiex “il-frott” ta’ “evalwazzjoni kalma u oġġettiva tal-fatti u taċ-ċirkustanzi direttament imputabbli lill-attività professjonali [tiegħu]” iżda ta’ “tip ta’ ġudizzju [...] ‘preventiv’ (u negattiv)” dwar l-eżerċizzju mir-rikorrent “tad-drittijiet tiegħu u n-natura ġudizzjarja tagħhom”.

 Dwar il-preġudizzju għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja

9        A sostna li, “minn total ta’ 192 kawża mressqa [mir-rikorrent] mill-2002, huma biss ħamsa [...] li għandhom il-firma [tiegħu]” u li dawn ma għandhom “ebda rabta” mar-rikorsi l-oħra. Fil-fatt, ir-rikorrent talbu jeħodlu ħsieb il-ħames rikorsi inkwistjoni għal raġunijiet li huwa “ma jafx” u li ma huwiex il-kompitu tiegħu li “jikkritika”. Kien permezz tal-ittra tat-Tribunal tal-4 ta’ Diċembru 2013 li A sar “jaf bil-kobor” tan-numru ta’ kawżi bejn ir-rikorrent u l-Kummissjoni.

10      Sussegwentement, A kkunsidra li l-affermazzjoni li l-atti ppreżentati taħt il-firma tiegħu setgħu ma kinux redatti minnu hija “serjament malafamenti” u “danneġġjuża”, minbarra li hija “nieqsa minn riflessjoni u bażi”.

11      Finalment, A qies li r-“rimarki” li saru mit-Tribunal fir-rigward tas-“servizz tiegħu huma, sa dan il-punt, vagi u ġeneralizzati” b’mod li ma jippermettulux li “jiddefendi [ruħu] b’xi mod jew ieħor”.

12      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-osservazzjonijiet ta’ A ma jqiegħdux f’dubju la l-fatt li l-propensità tar-rikorrent li jagħżel it-triq kontenzjuża b’mod sistematiku u indistint hija ta’ natura li tostakola l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u lanqas il-fatt li l-aġir tiegħu jikkontribwixxi direttament, f’dan il-każ, għall-kontinwazzjoni tal-aġir ikkritikat tar-rikorrent.

13      Fl-osservazzjonijiet tiegħu bi tweġiba għall-ittra tal-4 ta’ Diċembru 2013, A llimita ruħu, essenzjalment, għall-enfasi tal-fatt li, wara li ssostitwixxa lir-rappreżentant preċedenti tar-rikorrent — u dan seħħ ftit wara li t-Tribunal intervjena mal-Kamra tal-Avukati ta’ Lecce — ir-rikorrent introduċa biss, taħt il-firma tiegħu, ħames rikorsi quddiem it-Tribunal, filwaqt li sostna li huwa ma kien jaf xejn fir-rigward tal-kawżi l-oħra.

14      Issa, tali fatt ma huwiex ta’ natura li jilleġittima l-aġir tiegħu fir-rigward tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

15      Fil-fatt, qabelxejn, il-ħames rikorsi inkwistjoni ġew ippreżentati matul perijodu ta’ erba’ xhur biss, bejn Ġunju u Settembru 2013.

16      Sussegwentement, A jikkonċedi li huwa rrappreżentat lil L. Marcuccio flimkien ma’ avukat ieħor fil-Kawża F-56/09. Issa, is-sentenza li temmet dik il-kawża tikkonstata ċertu numru ta’ rikorsi oħra li kienu diġà ġew ippreżentati mir-rikorrent u tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dan kien ippreżenta numru suffiċjentement kbir ta’ talbiet u li huwa kien issottometta pretensjonijiet eċċessivi għad-danni. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, anki jekk huwa veru li A invoka r-reġistrazzjoni tiegħu mal-Kamra tal-Avukati ta’ Madrid (Spanja) sabiex jirrappreżenta lill-klijent tiegħu f’din il-kawża, filwaqt li jindika fl-ittra tiegħu biss “b’mod inċidentali” li huwa jinsab irreġistrat mal-Kamra tal-Avukati ta’ Milano (l-Italja), xorta waħda jibqa’ l-fatt li, meta r-rikors ġie ppreżentat, huwa għażel domiċilju, għall-finijiet tan-notifika tal-atti tal-kawża, f’Galatone (l-Italja), belt li tinsab fil-demarkazzjoni territorjali tal-Kamra tal-Avukati ta’ Lecce, f’dan il-każ fl-istess indirizz ta’ dak tal-avukat preċedenti tar-rikorrent, li miegħu huwa jaqsam, barra minn hekk, l-użu tal-istess numri tat-telefon u tal-fax. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-affermazzjoni ta’ A li huwa sar jaf bil-kobor tan-numru ta’ kawżi li saru minn L. Marcuccio biss permezz tal-ittra tar-Reġistru tat-Tribunal tal-4 ta’ Diċembru 2013 hija manifestament nieqsa mill-kredibbiltà.

17      Li kieku kellu jiġi ammess li A ma setax japprezza l-estent tal-kawżi li saru, fil-passat, mill-klijent tiegħu kontra l-Kummissjoni, ikollu jiġi kkunsidrat li huwa naqas mid-doveri professjonali tiegħu billi ma eżaminax il-kuntest li fih ir-rikorsi ġew ippreżentati f’isem L. Marcuccio, u dan anki meta d-deċiżjonijiet mogħtija fid-diversi rikorsi tal-klijent tiegħu huma faċilment aċċessibbli, f’ismu, fuq is-sit tal-internet tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-taqsima “Ġurisprudenza”. Fil-fatt, is-sempliċi qari tal-istqarrija tal-fatti li jinsabu fir-rikors juri biċ-ċar li A ma setax ma jkunx jaf bil-passat ġudizzjarju tal-klijent tiegħu quddiem il-qrati tal-Unjoni.

18      Il-fatt li dan ir-rikors, ippreżentat taħt il-firma ta’ A, minn naħa waħda, huwa bbażat fuq fatti kważi identiċi għal dawk li taw lok għar-rikors fil-Kawża F-67/12, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, u, min-naħa l-oħra, huwa bbażat fuq l-istess motivi huwa partikolarment sintomatiku tal-propensità tar-rikorrent li jirrikorri b’mod sistematiku u indistint għat-triq kontenzjuża. Issa, ir-rikors fil-Kawża F-67/12 ġie miċħud bħala manifestament infondat b’digriet tas-6 ta’ Frar 2013, jiġifieri sew qabel l-introduzzjoni tal-kawża preżenti. L-appell ippreżentat minn dan id-digriet ġie sussegwentement miċħud permezz tad-digriet tal-21 ta’ Ottubru 2013, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, parzjalment bħala manifestament inammissibbli u parzjalment bħala manifestament infondat, bil-kundanna tar-rikorrent għar-rimbors ta’ EUR 2 000, skont l-Artikolu 90 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, billi l-appell ġie kkunsidrat li huwa abbużiv.

19      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa suffiċjentement stabbilit li, bl-aġir tiegħu, A, mingħajr dixxerniment, ikkontribwixxa, f’din il-kawża, għaż-żamma tal-attitudni kontenzjuża tar-rikorrent, li, minħabba n-numru partikolarment għoli ta’ rikorsi ppreżentati minnu quddiem il-qrati tal-Unjoni, numru li l-kobor tiegħu ma setax ma jiġix innotat minn avukat raġonevolment diliġenti, kienet partikolarment ta’ ħsara għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

20      L-ittra ta’ A tat-23 ta’ Diċembru 2013 titlob ukoll il-kummenti li ġejjin. F’din l-ittra, huwa jiddikjara li “[i]l-kunsiderazzjonijiet li jqiegħdu f’dubju l-fatt li l-atti bil-firma [tiegħu] kienu redatti [minnu] stess huma serjament malafamanti, minbarra li huma nieqsa minn riflessjoni u bażi” u li “ma huwiex normali li [t-Tribunal] jasal sabiex jagħmel affermazzjoni daqshekk serja u riskjuża mingħajr ma jressaq ebda verifika jew [ebda] element insostenn ta’ tali perspettiva”.

21      F’dan ir-rigward, it-Tribunal jikkonstata:

–        li l-punti 14, 17, 24, 25, 28, 32 sa 38, u 42 tar-rikors ta’ din il-kawża huma identiċi kelma b’kelma għall-punti 4, 7, 14, 15, 18, 26 sa 32 u 36 rispettivament tar-rikors ippreżentat fil-Kawża F‑67/12 Marcuccio vs Il-Kummissjoni mill-avukat preċedenti tar-rikorrent;

–        li, b’modifiki żgħar, il-punti 13, 16, 18, 20, 22, 26 (it-tieni parti), 27 (l-ewwel linja), 29, 30, 31, 39 (b’żieda ta’ erba’ linji), 40 (l-ewwel sentenza) u 41 (b’xi żidiet) huma sostanzjalment identiċi għall-punti 3, 6 [l-ewwel sentenza u s-subparagrafu c)], 8, 9, 13, 16, 17, 19 (l-ewwel erba’ linji), 24, 25, 33, 34 u 35 rispettivament tar-rikors fil-Kawża F‑67/12.

22      Minn dan isegwi li, bl-eċċezzjoni taż-żieda jew tat-tħassir ta’ xi sentenzi, il-parti legali kollha insostenn tar-rikors (jiġifieri l-punti 26 sa 42) f’din il-kawża, kif ukoll parti sinjifikattiva mid-dikjarazzjoni tal-fatti (punti 1 sa 25), huma jew identiċi jew sostanzjalment identiċi għall-elaborazzjonijiet legali u fattwali ta’ rikors ippreżentat qabel f’azzjoni li fil-kuntest tagħha r-rikorrent ma kienx irrappreżentat minn A. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li huwa iktar probabbli li ma kienx A, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tiegħu, li abbozza r-rikors f’din il-kawża.

23      A jiddikjara wkoll fl-ittra tiegħu li “jidher li joħroġ mill-kunsiderazzjonijiet [li saru mit-Tribunal] [...] speċi ta’ antiċipazzjoni tal-eżitu [tal-kawżi pendenti quddiem it-Tribunal], ġudizzju li, fil-fatt, jidher li jħabbar iċ-ċaħda tagħhom, u dan mingħajr evalwazzjoni rilevanti u fil-mertu, bi ksur flagranti tal-prinċipji komuni għat-tradizzjonijiet Kostituzzjonali tal-Istati Membri”.

24      Huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li din id-dikjarazzjoni ta’ A hija fil-fatt inkorretta. Fil-fatt, l-esklużjoni tar-rappreżentant legali ta’ parti, skont l-Artikolu 32(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ċertament tobbliga lil din tal-aħħar tibdel ir-rappreżentant legali, iżda din ma taffettwa xejn l-evalwazzjoni li t-Tribunal għandu jagħmel tal-mertu tar-rikors, li jibqa’ adit bih inkwantu r-rikorrent ma ċedihx.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal iqis, fid-dawl kemm tal-kontenut tar-rikors ippreżentat f’din il-kawża u kif ukoll tal-kuntest tiegħu, li hemm lok li f’dan il-każ jiġi applikat l-Artikolu 32(1) tar-Regoli tal-Proċedura billi A jiġi eskluż mill-proċedura u kopja ta’ dan id-digriet tintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti, Spanjoli u Taljani, li taħthom taqa’ l-persuna kkonċernata.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

tordna:

1)      A huwa eskluż mill-proċedura, skont l-Artikolu 32(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

2)      Kopja ta’ dan id-digriet għandha tintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti, Spanjoli u Taljani, li taħthom jaqa’ A.

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Mejju 2014.

W. Hakenberg

 

      M. I. Rofes i Pujol

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.