Language of document :

Appell ippreżentat fl-14 ta' Frar 2009 minn Enzo Reali mis-sentenza mogħtija fil-11 ta' Diċembru 2008 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-136/06, Reali vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-65/09 P)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Appellant: Enzo Reali (Firenze, l-Italja) (rappreżentant: S. Pappas, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tal-appellant

tannulla s-sentenza appellata u, konsegwentement, tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-Awtorità tal-Ħatra;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan l-appell, l-appellant qed jitlob l-annullament tas-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-11 ta' Diċembru 2008 fil-Kawża F-136/06 1, li ċaħdet ir-rikors li permezz tiegħu l-appellant talab l-annullament tad-deċiżjoni tal-awtorità responsabili għall-konklużjoni tal-kuntratti li kklassifikatu fi grad u fi skala fid-data tad-dħul tiegħu fis-servizz tal-Kummissjoni bħala membru tal-persunal bil-kuntratt.

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka erba' aggravji.

Fl-ewwel lok, huwa jsostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta' liġi meta ddeċieda li l-eċċezzjoni ta' illegalità ta' ċerti dispożizzjonijiet mid-Dispożizzjonijiet ġenerali ta' implementazzjoni, imqajma fir-rikors fl-ewwel istanza, kienet inammissibbli peress li ma kienx qajjem dan l-istess motiv fl-ilment tiegħu fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża. L-appellant isostni li l-kwistjoni ta' inkompetenza tal-Kummissjoni li għaliha tirreferi l-eċċezzjoni ta' illegalità tiegħu kien imissha tqajmet ex officio mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Sussidjarjament, l-appellant isostni li, anki li kieku t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma kienx marbut jistħarreġ ex officio din il-kwistjoni, dan il-motiv kellu jitqies bħala ammissibbli sa fejn il-legalità tal-kriterju speċifiku tal-klassifikazzjoni tiegħu kienet diġà ġiet ikkontestata fl-ilment oriġinali.

Fit-tieni lok, l-appellant isostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta' liġi waqt l-eżami tal-kwalifiki tiegħu. Huwa jsostni li l-evalwazzjoni tal-valur ta' diploma għandha titwettaq fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiż li fih tkun inkisbet id-diploma peress li dan jaqa' esklużivament taħt il-kompetenza tal-Istati Membri u li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien arbitrarjament illimita l-portata tal-leġiżlazzjoni Taljana applikabbli u żnaturaha.

Fit-tielet lok, l-appellant isostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kiser il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni meta eżamina l-valur tal-kwalifiki tal-appellant u qabbilhom ma' dawk ta' persuna li kisbet diploma tal-ewwel livell.

Fir-raba' lok, l-appellant jesponi li s-sentenza appellata fiha argument kuntradittorju sa fejn, fl-opinjoni tiegħu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jidher li, filwaqt li kkunsidra l-leġiżlazzjoni Taljana, ma applikahiex sabiex isolvi l-kawża preżenti.

____________

1 - Li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra.