Language of document : ECLI:EU:T:2022:85

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

23 ta’ Frar 2022 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kompetizzjoni – Swieq tas-servizzi internazzjonali ta’ distribuzzjoni espressa ta’ pakketti żgħar fiż-ŻEE – Konċentrazzjoni – Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern – Annullament tad-deċiżjoni permezz ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali – Riferiment ġenerali għal dokumenti oħra – Motivi jew ilmenti invokati minn terz f’kawża oħra – Provi prodotti fir-replika – Nuqqas ta’ ġustifikazzjoni għad-dewmien – Inammissibbiltà – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi”

Fil-Kawża T‑540/18,

ASL Aviation Holdings DAC, stabbilita f’Swords (L-Irlanda),

ASL Airlines (Ireland) Ltd, stabbilita f’Swords,

irrappreżentati minn N. Travers, SC, H. Kelly, K. McKenna u R. Scanlan, solicitors,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Khan, P. Berghe, M. Farley u R. Leupold Henning, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament ġarrbu minħabba l-illegalità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2013) 431, tat‑30 ta’ Jannar 2013, li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.6570 – UPS/TNT Express),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, R. da Silva Passos, I. Reine, L. Truchot u M. Sampol Pucurull (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Artemiou, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tad‑29 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Mis‑26 ta’ April 2012, TNT Express NV (iktar ’il quddiem “TNT”) bdiet, fil-perspettiva tal-amalgamazzjoni tagħha ma’ United Parcel Service, Inc. (iktar ’il quddiem “UPS”), negozjati ma’ ASL Aviation Holdings DAC, li qabel kienet ASL Aviation Group Ltd, u ASL Airlines (Ireland) Ltd, li kienet imsejħa Air Contractors Ireland Ltd, bil-għan li tittrasferixxi lil dawn tal-aħħar (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, “ASL” jew ir-“rikorrenti”) l-attivitajiet ta’ trasport bl-ajru tagħha. Ir-raġuni għal dawn in-negozjati kienet il-projbizzjoni imposta fuq entitajiet ta’ pajjiżi terzi, bħal UPS, milli joperaw servizzi ta’ trasport bl-ajru fl-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 4(f) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3).

2        Fis‑26 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat avviż ta’ notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6570 – UPS/TNT Express) (ĠU 2012, C 186, p. 9), skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), kif implimentat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004, tal-21 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 88).

3        Fil‑15 ta’ Novembru 2012, ir-rikorrenti kkonkludew ma’ TNT żewġ ftehimiet (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, il-“ftehimiet tal‑2012”):

–        il-ftehim ta’ akkwist intitolat “UPS-SPA” (iktar ’il quddiem il-“Ftehim UPS-SPA”), li skontu, wara l-finalizzazzjoni tat-tranżazzjoni bejn UPS u TNT, ASL kellha tixtri 100 % ta’ TNT Airways SA/NV u ta’ Pan Air Lineas Aereas SA;

–        il-ftehim ta’ servizzi intitolat “UPS-ATSA”, li jipprovdi li, wara l-finalizzazzjoni kemm tat-tranżazzjoni bejn UPS u TNT kif ukoll tal-Ftehim UPS-SPA, ASL tipprovdi għal ħames snin servizzi ta’ trasport bl-ajru lil UPS u lil terzi permezz tal-assi tal-ajru ta’ TNT Airways akkwistati minn ASL skont il-Ftehim UPS-SPA.

4        Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehimiet tal‑2012 kienet stabbilita għall‑1 ta’ Frar 2013, bla ħsara għad-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni tal-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni bejn UPS u TNT mas-suq intern.

5        Fis‑16 ta’ Novembru 2012, UPS informat lill-Kummissjoni bil-konklużjoni tal-ftehimiet tal‑2012.

6        Fil‑11 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni informat lil UPS li hija kellha l-intenzjoni li tipprojbixxi l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ppjanata bejnha u TNT.

7        Fl‑14 ta’ Jannar 2013, UPS ippubblikat din l-informazzjoni permezz ta’ stqarrija għall-istampa.

8        Fit‑30 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2013) 431, li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern u t-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/M.6570 – UPS/TNT Express) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). Il-Kummissjoni qieset li l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni bejn UPS u TNT kienet tikkostitwixxi ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva fis-swieq tas-servizzi inkwistjoni fi ħmistax-il Stat Membru, jiġifieri fil-Bulgarija, fir-Repubblika Ċeka, fid-Danimarka, fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fl-Ungerija, f’Malta, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Polonja, fir-Rumanija, fis-Slovenja, fis-Slovakkja, fil-Finlandja u fl-Isvezja.

9        Permezz ta’ stqarrija għall-istampa tal-istess jum, UPS ħabbret li hija kienet se tirrinunzja għall-konċentrazzjoni ppjanata.

10      Fil‑5 ta’ April 2013, UPS adixxiet lill-Qorti Ġenerali b’rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, irreġistrat bin-numru T‑194/13.

11      Fit‑12 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni ppubblikat verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża.

12      Fl‑4 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni ppubblikat Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.7630 – FedEx/TNT Express) (ĠU 2015, C 220, p. 15), fir-rigward tal-operazzjoni li biha FedEx Corp. kellha takkwista lil TNT.

13      Fit‑8 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u t-tħaddim tal-Ftehim ŻEE (Każ M.7630 – FedEx/TNT Express), li sommarju tagħha ġie ppublikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 450, p. 12), dwar l-operazzjoni bejn FedEx u TNT.

14      Fil‑5 ta’ Frar 2016, FedEx u r-rikorrenti kkonkludew ftehim għall-akkwist minn dawn tal-aħħar tal-assi tal-ajru ta’ TNT kif ukoll ftehim dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru għal FedEx.

15      Permezz tas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni (T‑194/13, EU:T:2017:144), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża.

16      Fis‑16 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni appellat mis-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni (T‑194/13, EU:T:2017:144), li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet permezz tas-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il-Kummissjoni vs United Parcel Service (C‑265/17 P, EU:C:2019:23).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

18      Peress li l-kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali nbidlet, permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Ottubru 2019, il-President tal-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 27(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, assenja mill-ġdid il-kawża lil Imħallef Relatur ġdid, assenjat lis-Seba’ Awla.

19      Fuq proposta tas-Seba’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

20      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Il-partijiet wieġbu għal dawn id-domandi fit-termini stabbiliti.

21      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ddikjaraw li jnaqqsu l-quantum tat-talba tagħhom għal kumpens minħabba elementi li seħħew wara l-preżentata tar-rikors, u dan tniżżel fil-proċess verbali tas-seduta.

22      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara lill-Kummissjoni responsabbli, skont l-Artikolu 268 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għad-dannu subit, ekwivalenti għal EUR 93 881 731, jew kull ammont ieħor li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiffissa, minħabba l-illegalità tad-deċiżjoni kontenzjuża;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-interessi moratorji mid-data tal-għoti tas-sentenza li tiddeċiedi fuq dan ir-rikors sal-ħlas sħiħ, bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għat-tranżazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament, miżjuda b’żewġ punti perċentwali, fuq is-somma ta’ EUR 93 881 731 jew kull ammont ieħor li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiffissa;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

24      Ir-rikorrenti jitolbu kumpens għal-lucrum cessans li jirriżulta mill-impossibbiltà li jiġu eżegwiti l-ftehimiet tal‑2012, konklużi ma’ TNT, minħabba l-intervent tad-deċiżjoni kontenzjuża, li tiddikjara l-operazzjoni bejn UPS u TNT inkompatibbli mas-suq intern.

25      Insostenn ta’ din it-talba, ir-rikorrenti jinvokaw il-ksur suffiċjentement serju tad-drittijiet fundamentali tagħhom u ta’ dawk ta’ UPS mill-Kummissjoni (l-ewwel u t-tieni motivi) kif ukoll l-eżistenza ta’ żbalji serji u manifesti fl-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-konċentrazzjoni bejn UPS u TNT (it-tielet motiv), qabel ma jsostnu li dawn l-illegalitajiet ikkawżawlhom dannu b’mod dirett (ir-raba’ motiv) u jivvalutaw dan l-aħħar imsemmi dannu (il-ħames motiv).

26      Il-Kummissjoni toġġezzjona li r-rikors huwa parzjalment preskritt kif ukoll parzjalment inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat.

 Osservazzjonijiet preliminari

27      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkawżat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-membri tal-persunal tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom.

28      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni jippreżupponi li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri li d-dispożizzjoni legali miksura jkollha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi u li l-ksur ikun suffiċjentement serju, li r-realtà tad-dannu tiġi stabbilita u, fl-aħħar nett, li tkun teżisti rabta kawżali diretta bejn il-ksur tal-obbligu li għandu l-awtur tal-att u d-dannu subit mill-persuni leżi (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, L-Unjoni Ewropea vs Kendrion, C‑150/17 P, EU:C:2018:1014, punt 117; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punti 39 sa 42). In-natura kumulattiva ta’ dawn il-kundizzjonijiet timplika li, malli waħda minnhom ma tkunx issodisfatta, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma tkunx tista’ tiġi stabbilita (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punti 63 u 64, u tal‑15 ta’ Ġunju 2000, Dorsch Consult vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C‑237/98 P, EU:C:2000:321, punt 54).

29      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur serju tad-drittijiet fundamentali tagħhom u ta’ dawk ta’ UPS mill-Kummissjoni kif ukoll fuq l-eżistenza ta’ żbalji serji u manifesti fl-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-konċentrazzjoni bejn UPS u TNT jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, filwaqt li dak ibbażat fuq il-fatt li dawn l-illegalitajiet ikkawżawlhom dannu b’mod dirett u dak dwar il-valutazzjoni ta’ dan tal-aħħar jirrigwardaw, rispettivament, it-tielet u t-tieni kundizzjoni.

30      Qabel ma tiġi eżaminata l-ewwel kundizzjoni, għandha tiġi ddefinita r-rabta bejn dan ir-rikors għad-danni u r-rikors fil-Kawża T‑834/17.

31      Ir-rikorrenti jsostnu li l-ftehimiet tal‑2012 ġew xolti minħabba l-intervent tad-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha l-Kummissjoni opponiet l-operazzjoni bejn UPS u TNT. Peress li din id-deċiżjoni ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali minħabba l-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ UPS, ir-rikorrenti jqisu li l-adozzjoni illegali tad-deċiżjoni kontenzjuża hija l-kawża diretta tal-impossibbiltà li jiġu eżegwiti l-ftehimiet tal‑2012, li huma essenzjali għall-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni bejn UPS u TNT. Minħabba din id-deċiżjoni illegali, ir-rikorrenti jsostnu li huma ġew imċaħħda mill-benefiċċju li huma kienu qegħdin jistennew li jiksbu minn dawn il-ftehimiet, jew, tal-inqas, mill-opportunità li jiksbu tali benefiċċju. Għaldaqstant, ir-rikorrenti jitolbu kumpens għal-lucrum cessans allegatament subit minnhom.

32      Ir-rikorrenti jinvokaw, essenzjalment, żewġ illegalitajiet bħala fatti li jagħtu lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. L-ewwel waħda tirrigwarda l-ksur tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża ta’ UPS li jirriżultaw min-nuqqas ta’ komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-mudell ekonometriku użat fid-deċiżjoni kontenzjuża sabiex jiġu analizzati l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet. Din l-illegalità ġiet ikkonstatata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni (T‑194/13, EU:T:2017:144). It-tieni illegalità allegata tinsab fl-iżbalji ta’ evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni bejn UPS u TNT allegati minn UPS fir-rikors għad-danni fil-Kawża T‑834/17. Dawn l-iżbalji jirrigwardaw l-analiżi tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet, iż-żidiet fl-effiċjenza kif ukoll fuq is-sitwazzjoni ta’ FedEx.

33      Għaldaqstant, ir-rikorrenti jsostnu li l-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ UPS ikkonstatat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni (T‑194/13, EU:T:2017:144) kif ukoll l-iżbalji ta’ evalwazzjoni allegati minn UPS insostenn tar-rikors għad-danni tagħha fil-Kawża T‑834/17 juru li l-Kummissjoni wettqet ksur suffiċjentement serju. F’dan ir-rigward, huma jinvokaw ir-rabtiet stretti bejn dan ir-rikors għad-danni u dak ta’ UPS fil-Kawża T‑834/17 u jispjegaw li kellhom biss aċċess limitat ħafna għall-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni, peress li ma intervjenewx insostenn tar-rikors għal annullament ta’ UPS fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni (T‑194/13, EU:T:2017:144). Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ddikjaraw li jaċċettaw il-fatt li r-rikors tagħhom kien marbut mill-qrib ma’ dak ippreżentat fil-Kawża T‑834/17.

34      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet preliminari li għandu jiġi eżaminat l-allegat ksur suffiċjentement serju li jivvizzja d-deċiżjoni kontenzjuża, kif żviluppati fl-ewwel tliet motivi tar-rikors.

 Fuq l-ewwel kundizzjoni sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni

35      Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi huwa stabbilit meta dan jimplika ksur manifest u serju mill-istituzzjoni kkonċernata tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha, premess li l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward huma, b’mod partikolari, il-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu rregolati, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tad-dispożizzjoni miksura kif ukoll il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li r-regola miksura tħalli lill-istituzzjoni tal-Unjoni (sentenzi tad‑19 ta’ April 2007, Holcim(Deutschland) vs Il-Kummissjoni, C‑282/05 P, EU:C:2007:226, punt 50, u tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 30).

36      Ir-rekwiżit ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni jirriżulta mill-ħtieġa ta’ bbilanċjar bejn, minn naħa, il-protezzjoni tal-individwi kontra l-aġir illegali tal-istituzzjonijiet u, min-naħa l-oħra, il-marġni ta’ manuvra li għandu jiġi rrikonoxxut lil dawn tal-aħħar sabiex ma jipparalizzawx l-azzjoni tagħhom (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 34).

37      Dan l-ibbilanċjar jirriżulta iktar u iktar importanti peress li l-Kummissjoni hija msejħa tiddefinixxi u timplimenta l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni u għandha għal dan il-għan setgħa diskrezzjonali (sentenza tat‑23 ta’ April 2009, AEPI vs Il-Kummissjoni, C‑425/07 P, EU:C:2009:253, punt 31).

38      Huwa minnu li l-faċilitazzjoni tal-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni permezz ta’ twessiegħ tal-kunċett ta’ ksur serju tad-dritt tal-Unjoni sabiex jinkludi kull nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu legali, li, ikun kemm ikun ta’ dispjaċir, jista’ jiġi spjegat, b’mod partikolari mir-restrizzjonijiet oġġettivi imposti fuq il-Kummissjoni, iġġib magħha riskju li tikkomprometti, jew saħansitra tinibixxi, l-azzjoni ta’ din l-istituzzjoni fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Madankollu, dritt għal kumpens għandu jkun miftuħ għal persuni li jkunu ġarrbu danni li jirriżultaw mill-aġir tal-Kummissjoni meta dan jirriżulta f’att li, mingħajr ġustifikazzjoni jew spjegazzjoni oġġettiva, ikun manifestament kuntrarju għad-dispożizzjoni legali u jippreġudika serjament l-interessi ta’ dawn il-persuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, T‑351/03, EU:T:2007:212, punti 123 u 124, u tad‑9 ta’ Settembru 2008, MyTravel vs Il-Kummissjoni, T‑212/03, EU:T:2008:315, punti 42 u 43).

39      Tali definizzjoni tal-limitu tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni hija ta’ natura li tipproteġi l-marġni ta’ manuvra u l-libertà ta’ evalwazzjoni li għandha tibbenefika minnhom il-Kummissjoni, kemm fid-deċiżjonijiet diskrezzjonali tagħha kif ukoll fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tagħha tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, mingħajr madankollu ma tħalli lil terzi jerfgħu l-oneru tal-konsegwenzi ta’ nuqqasijiet flagranti u mhux skużabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, T‑351/03, EU:T:2007:212, punt 125).

40      B’hekk, hija biss il-konstatazzjoni ta’ irregolarità li, f’ċirkustanzi analogi, ma kinitx titwettaq minn amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti li tippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 43).

 Fuq l-allegat ksur suffiċjentement serju tad-drittijiet fundamentali ta’ UPS u tar-rikorrenti

41      Ir-rikorrenti jallegaw li l-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ UPS ikkonstatat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni (T‑194/13, EU:T:2017:144), jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fatt li huwa kkontestat mill-Kummissjoni.

42      Huwa minnu li ġie deċiż li l-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ UPS billi ma kkomunikatilhiex il-verżjoni finali tal-mudell ekonometriku tagħha, u b’hekk wasslet għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża fl-intier tagħha (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni, T‑194/13, EU:T:2017:144, punti 221 u 222).

43      Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ġenerali, huwa neċessarju li l-protezzjoni offruta mir-regola invokata insostenn ta’ rikors għad-danni tkun effettiva fir-rigward tal-persuna li tinvokaha u, għalhekk, li din il-persuna tkun fost dawk li lilhom ir-regola inkwistjoni tagħti drittijiet. Ma tistax tiġi aċċettata bħala sors ta’ kumpens regola li ma tipproteġix lill-individwu kontra l-illegalità li huwa jinvoka, iżda lil individwu ieħor (sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2007, Nikolaou vs Il-Kummissjoni, T‑259/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:254, punt 44; tal‑14 ta’ Diċembru 2018, East West Consulting vs Il-Kummissjoni, T‑298/16, EU:T:2018:967, punt 142, u tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 77).

44      Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti jinvokaw il-ksur tad-drittijiet proċedurali ta’ UPS bħala bażi għat-talba tagħhom għad-danni, li, fid-dawl tal-elementi mfakkra fil-punt 43 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi aċċettat.

45      Ir-rikorrenti jiddikjaraw madankollu li, billi aġixxiet illegalment fir-rigward ta’ UPS, il-Kummissjoni kisret ukoll direttament id-drittijiet fundamentali tagħhom, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-Artikoli 16, 17 u 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

46      Madankollu, huwa paċifiku li r-rikorrenti ma pparteċipawx fil-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjoni bejn UPS u TNT, u dan minkejja li l-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 139/2004 kif ukoll l-Artikolu 11(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 802/2004 kienu jippermettulhom li jinstemgħu matul din il-proċedura. Bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt waqt is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermaw li huma ma kinux ipparteċipaw fil-proċedura minkejja li kellhom il-possibbiltà li jagħmlu dan bl-użu ta’ dan il-mezz. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma jistgħux jipprevalixxu ruħhom mill-ksur mill-Kummissjoni tad-drittijiet proċedurali tagħhom, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 41 tal-Karta, fl-okkażjoni ta’ proċedura li fiha huma għażlu li ma jipparteċipawx.

47      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-obbligu ta’ diliġenza li għandha l-Kummissjoni skont l-Artikolu 41 tal-Karta jimplika li l-amministrazzjoni għandha taġixxi b’kura u bi prudenza, mingħajr madankollu ma hija din tal-aħħar li għandha teskludi kull preġudizzju li jirriżulta għal operaturi ekonomiċi mis-seħħ ta’ riskji kummerċjali normali (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni, C‑47/07 P, EU:C:2008:726, punt 93). Issa, ir-riskju li operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ma tiksibx l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni hija inerenti f’kull proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Schneider Electric, C‑440/07 P, EU:C:2009:459, punt 203). Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw nuqqas ta’ diliġenza min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tagħhom.

48      Fir-rigward tal-allegat preġudizzju għal-libertà tal-intrapriża u għad-dritt għall-proprjetà, sanċiti fl-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti llimitaw ruħhom għas-sempliċi dikjarazzjoni ta’ dan il-motiv ta’ illegalità, mingħajr ma ssostanzjawh b’ebda argument legali. Fl-assenza ta’ kwalunkwe argument intiż li jikkontesta l-validità tas-sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet li tirriżulta mir-Regolament Nru 139/2004, għandu jitfakkar li, kif indikat fil-punt 47 iktar ’il fuq, ir-riskju ta’ deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà mas-suq intern huwa inerenti għal kull proċedura ta’ kontroll.

49      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-argument ibbażat fuq il-ksur suffiċjentement serju tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti u ta’ dawk ta’ UPS mill-Kummissjoni ma huwiex fondat u għandu, konsegwentement, jiġi miċħud.

 Fuq l-allegata eżistenza ta’ żbalji serji u manifesti fl-evalwazzjoni tal-operazzjoni bejn UPS u TNT

50      Insostenn ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti jaffermaw, billi jirreferu għall-argumenti u għall-konklużjonijiet ta’ UPS fil-Kawża T‑834/17, li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata bi żbalji serji u manifesti ta’ evalwazzjoni, li fl-assenza tagħhom il-ftehimiet tal‑2012 setgħu jiġu implimentati. Huma jsostnu, sussidjarjament, li, billi pprojbixxiet il-konċentrazzjoni nnotifikata u billi b’hekk ipprekludiethom milli jimplimentaw l-imsemmija ftehimiet, il-Kummissjoni kisret l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.

51      Fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat jekk dan l-argument huwiex ammissibbli, fid-dawl tar-riferiment għas-sottomissjonijiet bil-miktub ta’ UPS mir-rikorrenti, minn naħa, u, tal-fatt li dan l-argument jidher li huwa sostnut biss minn rapport ta’ perizja, prodott bħala anness mar-replika, min-naħa l-oħra,.

–       Fuq ir-riferiment għall-motivi u għall-argumenti mressqa minn UPS fil-Kawża T834/17

52      Minħabba r-rabtiet mill-qrib bejn dan ir-rikors għad-danni u dak ta’ UPS fil-Kawża T‑834/17, ir-rikorrenti jistiednu lill-Qorti Ġenerali tirreferi għall-motivi ta’ liġi u punti ta’ fatt invokati minn UPS f’din il-kawża. F’dan ir-rigward huma jsostnu li kellhom biss aċċess limitat ħafna għall-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni, peress li naqsu milli jintervjenu insostenn tar-rikors għal annullament ta’ UPS.

53      Il-Kummissjoni toġġezzjona li r-rikorrenti ma żviluppawx l-argumenti tagħhom f’dan ir-rigward biċ-ċarezza kollha meħtieġa. Huma sempliċement sostnew li, fl-assenza ta’ illegalitajiet allegati fil-qosor, l-operazzjoni bejn UPS u TNT kienet tiġi approvata, u dan kien jippermettilhom li jibbenefikaw mill-ftehimiet tal‑2012. Skont il-Kummissjoni, peress li ma żviluppawx l-analiżi legali tagħhom stess u ma pproduċewx provi insostenn tal-argumenti tagħhom, ir-rikorrenti ma jistgħux jirreferu lill-Qorti Ġenerali għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fil-Kawża T‑834/17.

54      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati.

55      Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, din l-espożizzjoni sommarja tal-motivi tar-rikorrenti għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-qorti kompetenti tiddeċiedi fuq ir-rikors (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 41).

56      Ir-rikors għandu, għalhekk, jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’mod li s-sempliċi dikjarazzjoni astratta tiegħu ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Gold East Paper u Gold Huasheng Paper vs Il-Kunsill, T‑444/11, EU:T:2014:773, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      F’dan il-każ, l-argument inkwistjoni jikkonsisti essenzjalment fir-riferiment għall-qari tar-rikors ippreżentat minn UPS fil-Kawża T‑834/17.

58      Issa, li raġunijiet mhux esposti b’mod espress fir-rikors minħabba li ġew imqajma minn terz f’kawża oħra, li jsir riferiment għaliha fir-rikors, jkunu ammissibbli, ifisser li jkun qed jiġi permess li l-kundizzjonijiet obbligatorji tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura jiġu evitati (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il-Kummissjoni, T‑209/01, EU:T:2005:455, punt 64).

59      Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li l-identità tal-partijiet, b’mod partikolari tar-rikorrenti, fiż-żewġ kawżi hija kundizzjoni essenzjali għall-ammissibbiltà ta’ motivi allegatament imqajma permezz ta’ riferiment għas-sottomissjonijiet f’kawża oħra (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il-Kummissjoni, T‑209/01, EU:T:2005:455, punt 67).

60      Madankollu, ir-rikorrenti jsostnu li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma differenti minn dawk li wasslu għas-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il-Kummissjoni (T‑209/01, EU:T:2005:455), peress li r-rinviju ta’ Honeywell kien jikkonċerna b’mod ċar motivi ta’ dritt filwaqt li, f’dan ir-rikors, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom mhux fuq il-motivi ta’ dritt imqajma minn UPS iżda fuq il-fatti rilevanti tal-kawża.

61      Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, ir-rikors tagħhom jinkludi riferiment ġenerali għar-rikors ta’ UPS fil-Kawża T‑834/17 sabiex jintwera li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji serji u manifesti fl-evalwazzjoni tagħha tal-mertu tal-konċentrazzjoni bejn UPS u TNT, li jivvizzjaw l-validità tad-deċiżjoni kontenzjuża, f’dak li jirrigwarda l-analiżi tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet, l-evalwazzjoni taż-żidiet fl-effiċjenza, l-evalwazzjoni tal-kompetittività ta’ FedEx kif ukoll l-analiżi tal-prossimità tal-kompetizzjoni. Dan ir-riferiment jikkoinċidi mal-espożizzjoni tal-motivi u tal-argumenti prinċipali li tinsab fil-komunikazzjoni tar-rikors ippreżentat fid‑29 ta’ Diċembru 2017 fil-Kawża T‑834/17, kif ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali (ĠU 2018, C 72, p. 41).

62      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-riferiment globali magħmul mir-rikorrenti għar-rikors ippreżentat minn UPS fil-Kawża T‑834/17 huwa inammissibbli.

63      Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li huma kisbu biss aċċess limitat ħafna għall-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni sabiex jirrediġu r-rikors, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif indikat fil-punt 46 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma pparteċipawx fil-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjoni bejn UPS u TNT, minkejja li huma kellhom il-possibbiltà li jagħmlu dan. Barra minn hekk, huma jirrikonoxxu li fl-ebda mument ma talbu sabiex ikunu jistgħu jintervjenu insostenn tat-talbiet għal annullament ta’ UPS fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni (T‑194/13, EU:T:2017:144).

–       Fuq l-ammissibbiltà tar-rapport Copenhagen Economics

64      Annessi mar-replika, ir-rikorrenti jipproduċu rapport ta’ espert ta’ Copenhagen Economics, intitolat “Assessment of economic analysis of the European Commission in the UPS-TNT case” (Evalwazzjoni tal-analiżi ekonomika tal-Kummissjoni fil-kawża UPS-TNT) u datat 8 ta’ Lulju 2019. Il-Kummissjoni topponi għall-produzzjoni tardiva ta’ dan ir-rapport, li hija tqis inġustifikata. Hija titlob li dan id-dokument jiġi miċħud bħala inammissibbli.

65      Ir-rikorrenti jsostnu li dan ir-rapport huwa ammissibbli. Dan ma jikkostitwixxix prova ġdida, iżda jiġbor provi diġà prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-produzzjoni tiegħu hija ġġustifikata min-neċessità li tingħata risposta għar-risposta u li jiġi żgurat id-dritt għal smigħ tagħhom.

66      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 76(f) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jinkludi l-provi prodotti u proposti, jekk ikun il-każ. L-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura jispeċifika li l-provi prodotti u proposti għandhom jiġu prodotti fil-kuntest tal-ewwel skambju ta’ noti. L-Artikolu 85(2) ta’ dawn l-istess regoli jżid li l-partijiet jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda insostenn tal-argumenti tagħhom anki fir-replika u fil-kontroreplika, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard.

67      Minkejja li, skont ir-regola ta’ dekadenza prevista fl-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-partijiet għandhom jimmotivaw id-dewmien fil-preżentata tal-provi prodotti jew proposti ġodda, il-qorti tal-Unjoni għandha s-setgħa tistħarreġ il-fondatezza tar-raġuni għad-dewmien fil-produzzjoni ta’ dawn il-provi prodotti jew proposti u, skont il-każ, il-kontenut ta’ dawn tal-aħħar u għandha wkoll, jekk din il-preżentata tardiva ma tkunx iġġustifikata suffiċjentement sal-punt rikjest mil-liġi jew ma tkunx fondata, is-setgħa li tiċħadhom. Il-produzzjoni tardiva, minn parti, ta’ provi prodotti jew proposti tista’, b’mod partikolari, tkun iġġustifikata mill-fatt li din il-parti ma setax ikollha preċedentement il-provi inkwistjoni jew jekk il-produzzjoni tardiva tal-kontroparti tiġġustifika li l-proċess jiġi kkompletat, b’mod li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju (sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2020, BP vs FRA, C‑669/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:713, punt 41).

68      F’dan il-każ, ir-rikorrenti jaffermaw fir-replika li pproduċew ir-rapport ta’ Copenhagen Economics sabiex juru, b’mod partikolari, li l-approċċ tal-Kummissjoni, kemm fir-rigward tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-mudell ekonometriku finali lil UPS kif ukoll minħabba l-użu mhux xieraq ta’ dan il-mudell sabiex jiġi deċiż, fil-mertu, li l-konċentrazzjoni nnotifikata kellha tiġi pprojbita, jitbiegħed b’mod tant fundamentali mill-aħjar prattiki u mill-prassi tagħha fil-kawżi preċedenti u sussegwenti li dan irendi l-approċċ tagħha fid-deċiżjoni inkwistjoni manifestament irraġonevoli.

69      Għalhekk, mir-replika jirriżulta li dan ir-rapport huwa intiż li jsostni l-argument ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji serji u manifesti fl-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-konċentrazzjoni bejn UPS u TNT, li insostenn tiegħu r-rikorrenti ma żviluppaw, fir-rikors, ebda argument għajr riferiment ġenerali għall-motivi u għall-argumenti ta’ UPS fil-Kawża T‑834/17, u lanqas ma pproduċew ebda prova. Minn dan isegwi li r-rikorrenti pproduċew ir-rapport ta’ Copenhagen Economics tardivament, mingħajr ġustifikazzjoni, u mingħajr ma dan ir-rapport jista’ jiġi kkunsidrat bħala prova kuntrarja jew elaborazzjoni ta’ provi proposti wara prova kuntrarja tal-kontroparti.

70      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rapport Copenhagen Economics għandu jiġi ddikjarat inammissibbli minħabba l-produzzjoni tardiva u mhux iġġustifikata tiegħu.

71      Peress li r-rikorrenti ma invokaw ebda element insostenn tal-iżbalji ta’ evalwazzjoni allegatament imwettqa mill-Kummissjoni minbarra r-riferiment għall-motivi u għall-argumenti ta’ UPS fil-Kawża T‑834/17 u r-rapport ta’ Copenhagen Economics, għandu jiġi kkonstatat li l-argument ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji serji u manifesti fl-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-konċentrazzjoni bejn UPS u TNT ma huwiex issostanzjat.

72      Konsegwentement, dan l-argument għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

73      Peress li r-rikorrenti ma stabbilixxewx l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju li jivvizzja d-deċiżjoni kontenzjuża, waħda mit-tliet kundizzjonijiet kumulattivi meħtieġa sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma hijiex issodisfatta, b’tali mod li r-rikors ma huwiex fondat.

74      Fid-dawl tal-elementi kollha preċedenti, ir-rikors huwa miċħud mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti, esposti fil-kuntest tar-raba’ u tal-ħames motivi, intiżi li juru l-eżistenza ta’ dannu u ta’ rabta kawżali. Peress li r-rikors huwa infondat, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk it-talbiet imressqa mir-rikorrenti humiex preskritti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1961, Meroni et vs L-Awtorità Għolja, 14/60, 16/60, 17/60, 20/60, 24/60, 26/60 u 27/60 u 1/61, EU:C:1961:16, p. 341).

 Fuq l-ispejjeż

75      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      ASL Aviation Holdings DAC u ASL Airlines (Ireland) Ltd huma kkundannati għall-ispejjeż.

Papasavvas

da Silva Passos

Reine

Truchot

 

      Sampol Pucurull

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑23 ta’ Frar 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.