Language of document : ECLI:EU:T:2022:112

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

2 ta’ Marzu 2022 (*)

“Klawżola ta’ arbitraġġ – Ftehim ta’ sussidju konkluż fil-kuntest tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni ‘Orizzont 2020’ – Xoljiment tal-ftehim – Kondotta professjonali ħażina – Kwalità ta’ benefiċjarju tas-sussidju jew ta’ persuna li taġixxi għan-nom tal-benefiċjarju jew f’ismu”

Fil-Kawża T‑688/19,

VeriGraft AB, stabbilita f’Göteborg (l-Isvezja), irrappreżentata minn P. Hansson u A. Johansson, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u għall-SMEs, irrappreżentata minn A. Galea, bħala aġenta, assistita minn D. Waelbroeck u A. Duron, avukati,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 272 TFUE u intiża sabiex tiġi kkonstatata n-nullità tax-xoljiment mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (EASME) tal-ftehim ta’ sussidju li jikkonċerna l-proġett “Vini personalizzati li joriġinaw mill-inġinerija tat-tessuti umani bħala l-ewwel kura għall-pazjenti milquta minn insuffiċjenza venuża kronika-P-TEV” (Personalized Tissue-Engineered Veins as the first Cure for Patients with Chronic Venous Insufficiency-P-TEV), konkluż fil-kuntest tal-istrument ta’ appoġġ għall-innovazzjoni ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni “Orizzont 2020” (2014-2020),

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn M. J. Costeira, Presidenta, M. Kancheva (Relatriċi), u T. Perišin, Imħallfin,

Reġistratur: I. Pollalis, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-1 ta’ Lulju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, VeriGraft AB, hija kumpannija Svediża ta’ bijoteknoloġija stabbilita fl-2005 bl-isem ta’ NovaHep AB minn A u B, professuri fi ħdan l-istitut Karolinska ta’ Stokkolma (l-Isvezja). Inizjalment speċjalizzata fl-użu ta’ ċelluli staminali, l-attivitajiet tagħha ġew sospiżi wara diffikultajiet finanzjarji fl-2011, qabel ma ġiet irrilokata f’Göteborg (l-Isvezja) fl-2012. Billi ġiet attivata mill-ġdid fl-2014 wara l-investiment fil-kapital ta’ azzjonisti ġodda, illum hija speċjalizzata fis-settur tal-iżvilupp ta’ trapjanti personalizzati li joriġinaw mill-inġinerija tat-tessuti umani, intiżi sabiex jintużaw fil-mediċina riġenerattiva. Il-mediċina riġenerattiva hija qasam tal-mediċina li l-għan tiegħu huwa li jissostitwixxi jew li jsewwi ċelluli umani jew li jiġġenera mill-ġdid tessuti jew organi sabiex il-funzjonament normali tagħhom jiġi restawrat. A, li inizjalment żammet 41 % tal-kapital tar-rikorrenti, progressivament ittrasferixxiet l-ishma kollha tagħha mill-2014. Barra minn hekk, hija kienet membru tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti sa Lulju 2015, u wara kienet impjegata part-time sax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha fl‑1 ta’ Ottubru 2016. Ir-rikorrenti adottat l-isem attwali tagħha b’effett minn Awwissu 2017.

 Investigazzjoni tal-Università ta’ Göteborg u taċ-CEPN fuq A u fuq il-grupp ta’ riċerka tagħha

2        F’Marzu 2016, l-Università ta’ Göteborg inkarigat kumitat speċjali sabiex jinvestiga dwar allegazzjonijiet li jirrigwardaw diversi impjegati, jiġifieri A kif ukoll membri oħra tat-tim ta’ riċerka tagħha, u li jikkonċernaw żvolġiment ħażina tar-riċerki mwettqa fil-kuntest ta’ għaxar artikli universitarji ppubblikati bejn l-2010 u l-2015. Dan il-kumitat, li kien inkarigat li jagħti rakkomandazzjonijiet lill-viċi rettur tal-Università ta’ Göteborg, talab l-opinjoni tas-Centrala Etikprövningsnämnden (il-Kumitat Ċentrali tal-Etika tal-Isvezja) (iktar ’il quddiem iċ-“CEPN”) f’dan ir-rigward. Iċ-CEPN ta l-opinjoni tiegħu f’Marzu 2018 u l-kumitat speċjali ta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-viċi rettur tal-Università ta’ Göteborg f’Ġunju 2018. Kemm iċ-CEPN kif ukoll il-kumitat speċjali kkonstataw l-iżvolġiment ħażin tar-riċerki li jikkonċernaw tmienja mill-għaxar artikli inkwistjoni. B’mod partikolari, iċ-CEPN ikkonstata lakuni sistematiċi fir-rigward tal-kompożizzjoni u tal-funzjonament tal-grupp ta’ riċerka ta’ A kif ukoll ambjent ta’ riċerka kważi disfunzjonali: ebda laqgħa fil-forma dovuta ma kienet ġiet organizzata u persuni kien ġejjin u sejrin, ta’ spiss għal raġunijiet mhux ċari. Iċ-CEPN ikkritika bil-qawwa l-kultura tar-riċerka stabbilita madwar A u, barra minn hekk, ikkunsidra li l-immaġnijiet żbaljati li nstabu fi tmienja mill-għaxar artikli li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni kienu jagħtu x’jinftiehem li żbalji gravi mhux biss kienu twettqu b’negliġenza, iżda effettivament deliberatament. Il-viċi rettur segwa r-rakkomandazzjoni tal-kumitat speċjali billi kkonstata dan l-iżvolġiment ħażin tar-riċerki mwettaq f’deċiżjoni ta’ Ġunju 2018. Il-viċi rettur talab ukoll li l-korp dixxiplinari tal-gvern ikeċċi lil A. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2018, din it-talba ġiet miċħuda, peress li l-iżvolġiment ħażin tar-riċerki “abbażi ta’ evalwazzjoni globali tad-dettalji speċifiċi tal-każ” ma kienx jikkostitwixxi raġuni suffiċjenti ta’ tkeċċija.

 Il-Programm Qafas Orizzont 2020 u strument ta’ appoġġ għall-innovazzjoni fl-SMEs

3        Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni “Orizzont 2020” (2014–2020) (iktar ’il quddiem il-“Programm Qafas Orizzont 2020”) ġie stabbilit, abbażi tal-Artikoli 173 u 182 TFUE, permezz tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU 2013, L 347, p. 104, rettifika fil-ĠU 2015, L 6, p. 6). Skont l-Artikolu 1 tiegħu, dan ir-regolament jiddetermina l-qafas li jirregola l-appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni, biex b’hekk tissaħħaħ il-bażi xjentifika u teknoloġika Ewropea u t-trawwim ta’ benefiċċji għas-soċjetà, kif ukoll għall-isfruttar aħjar tal-potenzjal ekonomiku u industrijali ta’ politiki tal-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku.

4        Fost l-oqsma ta’ azzjoni speċifiċi koperti mill-Programm Qafas Orizzont 2020 hemm il-parteċipazzjoni tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fir-riċerka u fl-innovazzjoni. Għalhekk, skont l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1291/2013, strument ta’ appoġġ għall-innovazzjoni fl-SMEs li huwa mmirat lejn it-tipi kollha ta’ SMEs li għandhom potenzjal innovattiv, f’sens wiesa’, għandu jinħoloq taħt sistema unika ta’ ġestjoni ċentralizzata.

5        L-istrument ta’ appoġġ għall-innovazzjoni fl-SMEs huwa ppreċiżat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE tat-3 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE (ĠU 2013, L 347, p. 965, rettifika fil-ĠU 2015, L 102, p. 96).

 Id-Delega lill-EASME tal-ġestjoni ċentralizzata tal-istrument ta’ appoġġ għall-innovazzjoni fl-SMEs

6        L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (EASME), li saret mill-1 ta’ April 2021 l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u għall-SMEs (Eismea), ġiet stabbilita, mill-1 ta’ Jannar 2014, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/771/UE tas-17 ta’ Diċembru 2013 li tħassar id-Deċiżjonijiet 2004/20/KE u 2007/372/KE (ĠU 2013, L 341, p. 73), konformement mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tal-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 235). Skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 58/2003, din l-aġenzija kellha personalità ġuridika.

7        Mill-Artikolu 3(1)(d) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2013/771 jirriżulta li l-EASME kienet inkarigata mill-implimentazzjoni ta’ ċerti partijiet tal-Programm Qafas Orizzont 2020. Il-Kummissjoni kellha għalhekk, permezz tad-Deċiżjoni C(2013) 9414 final tat-23 ta’ Diċembru 2013 tagħha li tiddelega s-setgħat lill-EASME bil-ħsieb ta’ twettiq ta’ ħidmiet marbuta mal-implimentazzjoni tal-programmi tal-Unjoni fl-oqsma tal-enerġija, tal-ambjent, tal-azzjoni klimatika, tal-kompetittività u tal-SMEs, tar-riċerka u tal-innovazzjoni u tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, li jinkludu, b’mod partikolari, l-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni, tagħti lill-EASME ċerti kompitu ta’ ġestjoni tal-istrument ta’ appoġġ għall-innovazzjoni fl-SMEs. Hekk kif jirriżulta mill-Anness I ta’ din id-deċiżjoni, fost dawn il-kompiti hemm, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni tal-proposti sabiex jinkiseb appoġġ finanzjarju skont l-istrument ta’ appoġġ għall-innovazzjoni fl-SMEs kif ukoll il-preparazzjoni, il-konklużjoni u s-segwitu tal-eżekuzzjoni mill-benefiċjarji tal-ftehimiet ta’ sussidju.

 Il-proċedura amministrattiva

8        Fis-6 ta’ April 2017, l-EASME ppubblikat is-sejħa għal proposti bir-referenza “H2020-SMEINST-2–2016–2017”, b’appoġġ b’mod partikolari għall-SMEs innovattivi fis-settur tal-bijoteknoloġija tas-saħħa tal-bniedem.

9        Ir-rikorrenti ppreżentat proposta dwar il-fażi 2 tal-istrument ta’ appoġġ għall-innovazzjoni fl-SMEs li tiffoka fuq il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott kardjovaskulari individwalizzat li jikkorrispondi mal-proġett “Vini personalizzati li joriġinaw mill-inġinerija tat-tessuti umani bħala l-ewwel kura għall-pazjenti milquta minn insuffiċjenza venuża kronika-P-TEV” (Personalized Tissue Engineered Veins as the first Cure for Patients with Chronic Venous Insufficiency-P-TEV) (iktar ’il quddiem il-“proġett P-TEV”), indikat fit-trattament tal-pazjenti milquta minn insuffiċjenza venuża kronika serja.

10      Il-proposta ppreżentata mir-rikorrenti kienet tikkonsisti fl-evalwazzjoni tal-possibbiltà, tas-sigurtà u tal-effikaċja ta’ tidħil ta’ arterji jew vini li joriġinaw mill-inġinerija tat-tessuti fir-rigward ta’ tnax-il pazjent milquta minn insuffiċjenza venuża kronika serja fil-livell tal-partijiet inferjuri tagħhom. Dan kien jimplika, b’mod partikolari, li jittieħdu vini u arterji minn persuni mejta, li jinġabar kampjun ta’ demm periferiku mingħand pazjenti sabiex jittieħdu ċ-ċelluli minnu, sabiex issir deċellularizzazzjoni, sussegwentement ċellularizzazzjoni mill-ġdid tal-vini u arterji meħuda jew minn dawk li joriġinaw mill-inġinerija, sabiex jitwettqu interventi kirurġiċi b’anestesija ġenerali, sabiex tiġi ttestjata l-effikaċja tal-proċedura u sabiex tiġi evalwata l-kwalità tal-ħajja fuq perijodu ta’ tnax-il xahar wara li ssir operazzjoni kirurġika. Ir-riċerki kollha inizjalment kellhom isiru fin-Norveġja u fl-Isvezja.

11      Il-proposta tar-rikorrenti kienet tirreferi, fit-Taqsima 4 tagħha, għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi l-iktar rilevanti dwar il-kontenut tal-proġett P-TEV, jiġifieri:

–        […], […], […], […], […], […], [A], […], “Successful tissue engineering of competent allogeneic venous valves”, Journal of Vascular Surgery: Venous and Lymphatic Disorders, 2015, Issue 4, p. 421 sa 443;

–        […], […], […], […], […], […], […], […], [A],  “In Vivo Application of Tissue-Engineered Veins Using Autologous Peripheral Whole Blood: A Proof Concept Study”, EBioMedicine, 2014, Issue 1, p. 72 sa 79;

–        […], […], […], […], […], […], […], […], […], [A], “Transplantation of an allogeneic vein bioengineered with autologous stem cells: a proof-of-concept study”, Lancet, 2012, Nru 9838, p. 230 sa 237.

12      F’Mejju 2017, wara l-proċedura ta’ evalwazzjoni mwettqa minn esperti esterni u li tirrigwarda t-Taqsimiet 1 sa 3 tal-proposta tar-rikorrenti, l-EASME adottat l-imsemmija proposta għall-għoti ta’ sussidju.

 Il-ftehim ta’ sussidju

13      Fid‑9 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrenti, minn naħa, u l-Unjoni, irrappreżentata mill-EASME, min-naħa l-oħra, ikkonkludew ftehim ta’ sussidju dwar il-proġett P‑TEV, bir-referenza 778620 (iktar’ il quddiem il-“ftehim ta’ sussidju”).

14      Konformement mal-Artikoli 2 sa 5 tal-ftehim ta’ sussidju, ir-rikorrenti ngħatat sussidju ta’ ammont massimu ta’ EUR 2 184 603.75 skont il-proġett P-TEV, li l-eżekuzzjoni tiegħu kellha tibda fl-1 ta’ Settembru 2017 u kellha ddum 24 xahar.

15      L-Artikolu 34 tal-ftehim ta’ sussidju jikkonċerna l-osservanza tal-prinċipji etiċi.

16      B’hekk, l-Artikolu 34.1 tal-ftehim ta’ sussidju jistipula dan li ġej:

“Il-benefiċjarju għandu jeżegwixxi l-azzjoni b’osservanza ta’:

(a)      prinċipji etiċi (inklużi n-normi ta’ integrità fir-riċerka l-iktar għolja), kif stabbiliti, pereżempju, fil-kodiċi ta’ mġiba Ewropea għall-integrità fir-riċerka, li jinkludu, b’mod iktar partikolari, li ma ssir ebda produzzjoni, falsifikazzjoni, plaġjariżmu jew kull żvolġiment ħażin fir-riċerka); u

(b)      il-leġiżlazzjoni internazzjonali, Ewropea u nazzjonali fis-seħħ.

[…]”

17      L-Artikolu 34.2 tal-ftehim ta’ sussidju jippreċiża l-obbligi tal-benefiċjarju dwar l-attivitajiet li jqajmu kwistjonijiet etiċi. Din id-dispożizzjoni tipprevedi għalhekk dan li ġej:

“L-attivitajiet li jqajmu kwistjonijiet etiċi għandhom jissodisfaw ir-‘rekwiżiti etiċi’ indikati fl-Anness 1.

Qabel il-bidu ta’ attività li tqajjem kwistjoni etika, il-benefiċjarju għandu jippreżenta […] lill-[EASME] kopja tad-dokumenti li ġejjin:

(a)      l-opinjonijiet tal-Kumitat tal-Etika li huma meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali; u

(b)      il-komunikazzjonijiet jew awtorizzazzjonijiet tal-attivitajiet li jqajmu kwistjonijiet etiċi li huma meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

[…]”

18      Konformement mal-Artikolu 34.4 tal-ftehim ta’ sussidju, jekk il-benefiċjarju jonqos milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 34.1 u 34.2 tal-imsemmi ftehim, is-sussidju jista’ jitnaqqas u l-ftehim jista’ jiġi xolt. Tali nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu jistgħu wkoll iwasslu għall-applikazzjoni ta’ kull miżura oħra deskritta fil-Kapitolu 6 tal-ftehim ta’ sussidju.

19      L-Artikolu 50.3 tal-ftehim ta’ sussidju jirregola x-xoljiment tal-imsemmi ftehim mill-EASME.

20      Skont l-Artikolu 50.3.1 tal-ftehim ta’ sussidju, l-EASME tista’ xxolji l-ftehim fil-każijiet li ġejjin:

“[…]

f)      Il-benefiċjarju (jew kwalunkwe persuna fiżika li għandha s-setgħa li tirrappreżentah jew li tieħu deċiżjonijiet f’ismu) ikun wettaq kondotta professjonali ħażina gravi kkonstatata bi kwalunkwe mezz;

[…]

l_      Il-benefiċjarju (jew kwalunkwe persuna fiżika oħra li għandha s-setgħa li tirrappreżentah jew li tieħu deċiżjonijiet f’ismu) jkun wettaq, fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti jew fil-kuntest ta’ dan il-ftehim:

–        i)      żbalji sostanzjali, irregolaritajiet, frodi jew

–        ii)      ksur serju tal-obbligi, inkluż implimentazzjoni żbaljata tal-azzjoni, preżentazzjoni ta’ informazzjoni falza, nuqqas ta’ provvista tal-informazzjoni meħtieġa, ksur tal-prinċipji etiċi;

[…]”

21      Il-proċedura ta’ xoljiment tal-ftehim ta’ sussidju hija prevista mill-Artikolu 50.3.2 tal-imsemmi ftehim, li jistipula dan li ġej:

“Qabel ma jiġi xolt il-ftehim, l-[EASME] għandha tibgħat lill-benefiċjarju notifika formali:

–        li tinforma lill-benefiċjarju bl-intenzjoni tagħha u bil-motivazzjonijiet tagħha; u

–        tistieden lill-benefiċjarju jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu f’terminu ta’ 30 jum minn meta jirċievi n-notifika u, fil-każ previst fil-punt (l)(ii) iktar ’il fuq, jinforma lill-[EASME] bil-miżuri intiżi sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligi imposti mill-ftehim.

Jekk l-[EASME] ma tirċevix osservazzjonijiet jew tiddeċiedi li tkompli l-proċedura minkejja osservazzjonijiet irċevuti, hija għandha tinnotifika formalment lill-benefiċjarju l-konferma tax-xoljiment u d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. Fil-każ kuntrarju, hija tinnotifika formalment li qed ittemm il-proċedura.

Ix-xoljiment ikollu effett:

–        għax-xoljimenti li jaqgħu taħt il-punti (b), (e), (g) (h), (j) u (l)(ii) iktar ’il fuq: id-data ppreċiżata fin-notifika tal-konferma (ara iktar ’il fuq);

–        għax-xolimenti li jaqgħu taħt il-punti (d), (f), (i), (k), (l)(i) u (m) iktar ’il fuq: il-jum wara r-riċezzjoni, mill-koordinatur, tan-notifika tal-konferma.”

22      Skont l-Artikolu 57.1 tal-ftehim ta’ sussidju “[i]l-ftehim [ta’ sussidju] huwa rregolat mid-dritt tal-Unjoni applikabbli, ikkompletat jekk meħtieġ mid-dritt Belġjan”.

23      L-Artikolu 57.2 tal-ftehim ta’ sussidju jistipula li, “[j]ekk tilwima dwar l-interpretazzjoni, l-applikazzjoni jew il-validità tal-ftehim ma tkunx tista’ tiġi rregolata bonarjament, il-Qorti Ġenerali – jew, fuq appell, il-Qorti tal-Ġustizzja […] – għandhom ġurisdizzjoni esklużiva” u li “[d]awn l-azzjonijiet għandhom ikunu konformi mal-Artikolu 272 [TFUE]”.

 Kontroll tal-proġett mill-EASME

24      Matul il-ħarifa tal-2018, l-EASME ħatret kontrollur estern li hija inkarigat li jeżamina l-progress tal-proġett P-TEV.

25      Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Novembru 2018, l-EASME bagħtet ir-rapport tal-kontrollur estern lir-rikorrenti.

26      Taħt it-titolu “Riżultati sinjifikattivi marbuta mat-tixrid, mal-operat u mal-impatt potenzjali”, ir-rapport tal-kontrollur estern kien jindika dan li ġej:

“Il-proġett għandu jipprovdi riżultati li għandhom impatt immedjat jew potenzjali importanti matul il-perijodu ta’ rappurtar li jmiss (anki jekk l-għanijiet kollha msemmija fl-Anness 1 tal-ftehim ta’ sussidju ma ntlaħqux).

Id-dewmien li seħħ fir-rigward tal-lott 3 għal żmien      qasir u medju ma għandux ikollu impatt sinjifikattiv fuq l-iżvilupp kliniku kollu u fuq il-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati tal-proġett”.

27      Ir-rapport tal-kontrollur estern kien jindika wkoll li “[l]-għanijiet tal-proġett kienu dejjem rilevanti minn perspettiva xjentifika u teknoloġika”.

28      Fl-ittra tagħha tat‑22 ta’ Novembru 2018, il-persuna responsabbli mill-proġett P-TEV fi ħdan l-EASME informat lir-rikorrenti li, “[a]bbażi tar-rapport [tal-kontrollur estern], [hija] [kienet] tqis li l-implimentazzjoni tal-proġett [P-TEV] kienet sodisfaċenti” u li, “[s]abiex jiġu evitati konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-iżvilupp kliniku kollu u fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-[prodotti mediċinali ta’ terapija innovattiva] għal żmien itwal, [hija] kienet tissuġġerixxi li l-proġett jiġi estiż, billi dan ma kienx ifisser spejjeż supplimentari, li kien jippermetti li jitwettaq, kif previst, l-istudju kliniku tal-fażi I fl-intier tiegħu”.

29      Fl-istess ħin, matul is-sena 2018, l-EASME wettqet diversi kontrolli ta’ etika dwar il-proġett P-TEV. Fir-rapport tiegħu redatt fi tmiem l-ewwel kontroll etiku, li seħħ mill-21 sat‑23 ta’ Frar 2018, il-grupp ta’ esperti fl-etika li ngħata mandat mill-EASME rrileva ċertu numru ta’ problemi u rrakkomanda t-twettiq tat-tieni kontroll etiku. Fi tmiem dan it-tieni kontroll, imwettaq fl‑24 u fil‑25 ta’ Mejju 2018, il-grupp ta’ esperti fl-etika indika fir-rapport tiegħu li r-rikorrenti kienet wieġbet parzjalment għal ċerti mistoqsijiet etiċi mqajma matul l-ewwel kontroll, iżda li ċertu numru ta’ kwistjonijiet oħra kien għad kellhom jiġu rregolati u rrakkomanda t-twettiq tat-tielet kontroll etiku. It-tielet kontroll etiku twettaq mis‑26 sat‑28 ta’ Settembru 2018. Fir-rapport tiegħu, il-grupp ta’ esperti fl-etika indika li r-rikorrenti kienet solviet uħud mill-kwistjonijiet etiċi mqajma matul it-tieni kontroll, iżda li ċerti problemi etiċi kienu għadhom jippersistu. B’mod partikolari, ir-rapport kien jindika ċerti dokumenti meħtieġa, bħall-awtorizzazzjonijiet ta’ provi kliniċi li jidhru fir-reġistri tal-provi kliniċi tal-Unjoni għal Spanja u għal-Litwanja, l-approvazzjoni tal-Kumitat tal-Etika kompetenti fi Spanja u l-akkreditazzjoni tal-laboratorju għall-produzzjoni ta’ tessuti intiżi sabiex jintużaw fuq il-bniedem fi Spanja u fil-Litwanja. Ir-rapport kien jindika wkoll li d-dokumenti mitluba kollha kellhom ikunu relatati espressament mal-proġett P-TEV u li l-attivitajiet ta’ pproċessar tad-data mwettaq b’data personali ta’ qraba tad-donaturi tat-tessuti umani għall-finijiet tar-riċerka ma kinux ġew eżaminati biżżejjed u ma kinux jinkludu informazzjoni dwar id-drittijiet għall-protezzjoni tad-data u dwar il-mekkaniżmi li jippermettu li dawn jiġu eżerċitati, u lanqas dwar id-dritt tal-qraba li jirtiraw il-kunsens tagħhom.

30      Barra minn hekk, ir-rapport kien jindika li, reċentement, investigazzjonijiet uffiċjali dwar problemi ta’ żvolġiment ħażin fir-riċerki u ta’ etika kienu twettqu fl-Isvezja u kienu wrew l-eżistenza ta’ kondotta professjonali ħażina fir-riċerki waqt ix-xogħlijiet prekursuri li għalihom kien jirreferi l-proġett P-TEV kif ukoll waqt xogħlijiet kliniċi li kienu ppermettew li tiġi pprovata l-validazzjoni ta’ kunċetti għall-proċeduri użati fil-kuntest tal-imsemmi proġett.

31      Skont ir-rapport tal-grupp ta’ esperti fl-etika, din is-sitwazzjoni kienet qajmet diversi preokkupazzjonijiet marbuta mal-evalwazzjoni mxaqilba tal-proposta tar-rikorrenti, mal-iżvilupp tal-validazzjoni ta’ kunċetti mingħajr approvazzjoni minn qabel debita kif ukoll mal-perikoli u mar-riskji possibbli għall-parteċipanti futuri fir-riċerki.

32      Minn dan il-grupp ta’ esperti fl-etika kkonkluda li l-evalwazzjoni globali baqgħet insodisfaċenti u rrakkomanda t-twettiq ta’ kontroll etiku ġdid, fl-aspettattiva tar-riżultat ta’ investigazzjoni fuq in-nuqqasijiet fir-riċerki mill-kumitat xieraq tal-EASME.

 Ix-xoljiment tal-ftehim ta’ sussidju

33      Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Ottubru 2018, l-EASME informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li xxolji l-ftehim ta’ sussidju (iktar ’il quddiem l-“ewwel ittra ta’ informazzjoni minn qabel”). F’din l-ittra, l-EASME rrilevat li, wara t-tielet kontroll etiku tas‑26 ta’ Settembru 2018, il-grupp ta’ esperti fl-etika kien indika li r-rikorrenti kienet solviet uħud mill-problemi etiċi mqajma mill-kontroll etiku tal‑24 ta’ Mejju 2018, iżda li kienu għadhom jippersisti problemi etiċi kritiċi oħra. L-EASME għamlet riferiment espliċitu, f’dan ir-rigward, għall-ewwel ħames problemi etiċi identifikati fir-rapport tal-grupp ta’ esperti fl-etika wara t-tielet kontroll, esposti fil-punt 29 iktar ’il fuq. L-EASME ppreċiżat li, konsegwentement, hija tqis li l-ftehim ta’ sussidju kellu jiġi xolt, peress li r-rikorrenti kienet “wettqet ksur serju tal-obbligi tagħha fil-kuntest tal-ftehim ta’ sussidju jew matul il-proċedura ta’ għoti”. L-EASME stiednet lir-rikorrenti tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’terminu ta’ 30 jum minn meta tirċievi din l-ittra.

34      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrenti ppreżentat lill-EASME l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-ewwel ittra ta’ informazzjoni minn qabel, li permezz tagħhom hija kkontestat l-ilmenti tal-EASME u sostniet li hija ma kinitx naqset milli twettaq l-obbligi tagħha fil-kuntest tal-ftehim ta’ sussidju.

35      L-EASME inkarigat espert fl-etika estern sabiex jevalwa l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti dwar l-ewwel ittra ta’ informazzjoni minn qabel. Fir-rapport tiegħu indirizzat lill-EASME fil‑11 ta’ Diċembru 2018, l-espert fl-etika estern, minn naħa, ħa pożizzjoni dwar l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti dwar il-problemi etiċi identifikati fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-proġett P-TEV permezz tal-ewwel ittra ta’ informazzjoni minn qabel u, min-naħa l-oħra, għamel riferiment għal investigazzjoni dwar l-iżvolġiment ħażin fir-riċerki li tinkludi akkużi bħal fabbrikazzjoni ta’ data, gideb dwar l-approvazzjonijiet etiċi u rapporti frawdolenti dwar ir-riżultati tat-trattament kliniku. Huwa rrefera wkoll għall-fatt li r-rettur tal-Università ta’ Göteborg kien “talab l-irtirar ta’ tmien artikli ppubblikati minn riċerkaturi li għandhom rabtiet mal-proġett, wara li l-użu ta’ data ffabbrikata kien ġie aġġornat minn PubPeer u sussegwentement ikkonfermat miċ-[CEPN]”. Kien għalhekk ippreċiżat li wieħed minn dawn l-artikli, li kien jinkludi data ffabbrikata, kien jinsab fuq quddiem fi-lista tal-pubblikazzjonijiet rilevanti għall-proġett P-TEV. Ir-rapport kien jirreferi, sussegwentement, għal rendikont iddettaljat ta’ din l-investigazzjoni u tar-riżultati tagħha kif ukoll għal-links lejn id-dokumentazzjoni korretta kollha, għal żewġ artikli ppubblikati fuq blog tal-internet ta’ persuna li tippreżenta ruħha bħala ġurnalista xjentifika indipendenti.

36      Fit-18 ta’ Frar 2019, l-EASME indirizzat it-tieni ittra ta’ informazzjoni minn qabel lir-rikorrenti (iktar ’il quddiem it-“tieni ittra ta’ informazzjoni minn qabel”). F’din l-ittra, l-EASME indikat li, wara li eżaminat l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, hija żammet l-intenzjoni tagħha li xxolji l-ftehim ta’ sussidju, iżda għal raġunijiet differenti minn dawk esposti fl-ewwel ittra ta’ informazzjoni minn qabel u konsegwentement estendiet il-proċedura ta’ informazzjoni minn qabel. L-EASME ppreċiżat li, “[s]kont l-informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku, [A,] (kofondatriċi [tar-rikorrenti,]) [kienet] instabet ħatja miċ- [CEPN] ta’ kondotta professjonali ħażina gravi”. L-EASME indikat ukoll li tnejn mid-dokumenti li kienu ġew ippreżentati fil-kuntest tal-proposta ta’ proġett tar-rikorrenti bħala l-“pubblikazzjonijiet xjentifiċi l-iktar rilevanti relatati mal-kontenut tal-proġett P-TEV” kienu jinkludu, skont iċ-CEPN, provi tal-kondotta ħażina inkwistjoni, jiġifieri l-artiklu “In Vivo Application of Tissue-Engineered Veins Using Autologous Peripheral Whole Blood: A Proof of Concept Study”, rivista EBioMedicine, 22 ta’ Settembru 2014 (iktar ’il quddiem l-“artiklu ta’ EBioMedicine”), u l-artiklu “Transplantation of an allogeneic vein bioengineered with autologous stem cells: a proof-of-concept study”, rivista Lancet, 21 ta’ Lulju 2012 (iktar ’il quddiem l-“artiklu tal-Lancet”). Skont l-EASME, l-investigazzjoni taċ-CEPN kienet ikkonkludiet ukoll li l-każ żvela nuqqasijiet sistematiċi fil-kompożizzjoni u fil-funzjonament tal-grupp ta’ riċerka u ambjent ta’ riċerka kważi disfunzjonali. B’hekk, ma kienet ġiet organizzata l-ebda laqgħa u kien ġew ikkonstatati persuni ġejjin u sejrin b’mod ta’ spiss mhux spjegat. L-EASME żiedet li l-grupp ta’ esperti kien ikkritika b’mod iebes il-kultura tar-riċerka kkonstatata fil-grupp ta’ madwar A. L-EASME kienet qieset li dawn il-konklużjonijiet kienu jqajmu dubju dwar l-integrità professjonali ta’ A u għalhekk il-kapaċità operattiva tar-rikorrenti li timplimenta b’mod adegwat il-proġett u l-osservanza tagħha tar-rekwiżiti ta’ nuqqas ta’ esklużjoni imposti mil-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-Unjoni. Konsegwentement, l-EASME jikkunsidra li l-ftehim ta’ sussidju ma kellux ikompli jiġi applikat u kellu jiġi xolt għar-raġuni prevista fl-Artikolu 50.3.1(f) tal-ftehim ta’ sussidju.

37      Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Marzu 2019, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq it-tieni ittra ta’ informazzjoni minn qabel lill-EASME. Ir-rikorrenti sostniet li l-investigazzjoni mwettqa miċ-CEPN kienet tikkonċerna speċifikament lil A u lill-grupp ta’ riċerka universitarja tagħha. Ir-rikorrenti indikat ukoll li hija bl-ebda mod ma kienet involuta f’din ir-riċerka u li din kienet tmexxiet u ġiet ippubblikata qabel ma saret operattiva fi tmiem is-sena 2015. Ir-rikorrenti ppreċiżat li, wara d-dħul fil-funzjoni tat-tmexxija l-ġdida tagħha fl-2014, hija kienet ġiet fiżikament separata mill-entità universitarja li fiha A kienet qed issegwi ir-riċerki tagħha u li t-tmexxija, ix-xjenzjati u l-inġiniera fit-tessuti umani kollha li kienu attivi fl-iżvilupp tat-teknoloġija tagħha kienu impjegati minnha mingħajr ebda tqassim ta’ persunal mal-Università ta’ Göteborg. Ir-rikorrenti indikat ukoll li, wara li rċeviet informazzjoni rigward suspetti ta’ żvolġiment ħażin fir-riċerki li jikkonċernaw lil A, fit‑3 ta’ Marzu 2016, hija kienet il-ġurnata ta’ wara ssospendiet il-kuntratt ta’ xogħol ta’ din tal-aħħar, li ma kellha ebda rwol operattiv jew rappreżentattiv fi ħdanha sa minn din id-data u sat-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha fl-1 ta’ Ottubru 2016.

38      F’din l-istess ittra, li tikkonċerna b’mod iktar speċifiku l-pubblikazzjonijiet xjentifiċi msemmija fil-proposta tagħha, ir-rikorrenti indikat li, jekk dawn kienu ġew iċċitati sabiex isostnu l-possibbiltà tat-teknoloġija inkwistjoni fil-proġett P-TEV, dawn kienu kollha ġew prodotti fl-Università ta’ Göteborg mingħajr involviment min-naħa tagħha. Skont ir-rikorrenti, uħud mill-pubblikazzjonijiet iċċitati kienu rriżultaw affettwati minn immaġnijiet żbaljati. Għalhekk, l-artiklu tal-Lancet, li kien jikkonċerna teknoloġija iktar antika, kien jinkludi immaġni potenzjalment riprodotta jew imkabbra b’mod żbaljat, iżda r-rivista kienet qieset li dan l-iżball kien żgħir u mingħajr konsegwenza fuq il-konklużjonijiet tal-artiklu u kienet iddeċiediet li ma tippubblikax erratum. Ir-rikorrenti ppreċiżat li l-artiklu tal-Lancet kien għadu ppubblikat fil-forma oriġinali tiegħu. Fir-rigward tal-artiklu ta’ EBioMedicine, imsemmi wkoll fit-tieni ittra ta’ informazzjoni minn qabel, ir-rikorrenti osservat li l-investigazzjoni fir-rigward tagħha ma kienet żvelat ebda inkoerenza u li għaldaqstant ma kinitx ittieħedet inkunsiderazzjoni miċ-CEPN fir-rapport tiegħu. Ir-rikorrenti żiedet li l-artiklu “Successful tissue engineering of competent allogeneic Venous valves”, Journal of vascular Surgery, li kien iċċitat fil-proposta tagħha, iżda li ma kienx issemma fit-tieni ittra ta’ informazzjoni minn qabel, kien jinkludi tabella żbaljata, li kienet tat lok għall-pubblikazzjoni ta’ erratum mir-rivista f’Marzu 2017. Dan l-artiklu kien sussegwentement ġie rtirat f’Marzu 2019 minħabba l-politika speċifika għall-Journal of Vascular Surgery.

39      Ir-rikorrenti enfasizzat ukoll fl-ittra tagħha tal‑15 ta’ Marzu 2019 li, sa mill-2015, hija kienet ħadet ħsieb li tiżviluppa t-teknoloġija tagħha b’mod totalment indipendenti mill-grupp akkademiku inkwistjoni u li hija kienet irnexxielha tiżviluppa ġabra sħiħa ta’ data preklinika billi użat il-persunal tagħha u l-istruzzjonijiet standardizzati tagħha stess b’kollaborazzjoni ma’ terzi u taħt is-superviżjoni tal-istituti ta’ riċerka governattivi akkreditati Svediżi. Barra minn hekk, l-iżvilupp imwettaq internament matul l-aħħar tliet snin kien wassal sabiex jittejbu b’mod sinjifikattiv il-proċessi għall-ħolqien ta’ tessuti umani differenti minn dawk ipprattikati fil-kuntest akkademiku u li kienu s-suġġett ta’ pubblikazzjonijiet, li għalihom kienu ġew ippreżentati applikazzjonijiet għal privattivi mingħajr involviment ta’ A. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti stiednet lill-EASME sabiex tagħti mandat lill-esperti indipendenti jew lill-awdituri interni bil-għan li tiġi vverifikata l-kapaċità tagħha li twettaq il-proġett P-TEV u l-indipendenza sħiħa tagħha minn A.

40      Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ April 2019, l-EASME informat lir-rikorrenti li hija kkonfermat ix-xoljiment tal-ftehim ta’ sussidju (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ xoljiment”). Hija ppreċiżat li, għar-raġunijiet esposti f’lista ta’ argumenti mehmuża mal-ittra ta’ xoljiment, kien impossibbli għaliha li taċċetta l-argumenti tar-rikorrenti u li għaldaqstant hija żammet kompletament il-pożizzjoni tagħha esposta fl-ittra ta’ informazzjoni minn qabel tagħha.

41      Fid-dokument anness mal-ittra ta’ xoljiment, intitolat “Lista ta’ argumenti (proċedura kontradittorja)”, l-EASME indikat, bħala tweġiba għall-osservazzjonijiet ifformulati mir-rikorrenti fl-ittra tagħha tal‑15 ta’ Marzu 2019, li t-tielet kontroll etiku kien irrileva li investigazzjonijiet uffiċjali mwettqa fl-Isvezja miċ-CEPN u mill-Università ta’ Göteborg kienu pproduċew il-prova ta’ kondotta ħażina fir-riċerki mwettqa fil-kuntest tax-xogħol ippreżentat mill-benefiċjarji tal-proġett P-TEV fl-Anness 1 (parti A) tal-ftehim ta’ sussidju. Skont l-EASME, din il-kondotta ħażina fir-riċerki kienet tinkludi l-manipulazzjoni ta’ data kif ukoll it-twettiq ta’ testijiet kliniċi mingħajr awtorizzazzjoni etika konformi. L-EASME żiedet li tnejn mill-artikli li kienu ġew ippreżentati fil-proposta tar-rikorrenti bħala “pubblikazzjonijiet xjentifiċi l-iktar rilevanti dwar il-kontenut tal-proġett P-TEV” kienu jinkludu, skont iċ-CEPN, provi tal-kondotta ħażina inkwistjoni. L-EASME qieset li, peress li dan il-materjal kien sostna l-evalwazzjoni xjentifika li kienet wasslet għall-għoti tas-sussidju, din l-evalwazzjoni kellha titqies bħala mxaqilba jew imxaqilba b’mod serju. Bħala konklużjoni, l-EASME indikat li l-kriterju oġġettiv previst mill-Artikolu 50.3.1(f) tal-ftehim ta’ sussidju sabiex jiġi xolt dan tal-aħħar kien issodisfatt f’dan il-każ, sa fejn “[A] kienet kofondatriċi tal-benefiċjarju li [kienet] instabet ħatja ta’ kondotta professjonali ħażina miċ-CEPN”.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

42      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Ottubru 2019, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

43      Fis‑27 ta’ Jannar 2019, l-EASME ppreżentat ir-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

44      Ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika fit‑23 ta’ Marzu 2020. L-EASME ppreżentat il-kontroreplika fit‑23 ta’ Lulju 2020.

45      Fit-12 ta’ April 2021, l-Eismea ġibdet l-attenzjoni tal-Qorti Ġenerali għall-fatt li hija kienet saret is-suċċessur legali u universali tal-EASME mill‑1 ta’ April 2021.

46      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑1 ta’ Lulju 2021.

47      Wara l-mewt tal-Imħallef Berke li seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2021, il-Presidenta tad-Disa’ Awla nnominat Imħallef ieħor sabiex jikkompleta l-Awla.

48      Permezz ta’ digriet tas‑26 ta’ Awwissu 2021, il-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

49      Fl‑14 ta’ Settembru 2021, peress li l-partijiet informaw lill-Qorti Ġenerali li huma ma talbux l-organizzazzjoni ta’ seduta ġdida għas-sottomissjonijiet orali u l-Qorti Ġenerali qieset li kellha informazzjoni biżżejjed, il-Presidenta tad-Disa’ Awla ddeċidiet li tagħlaq mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura.

50      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkonstata u tiddikjara li x-xoljiment tal-ftehim mill-EASME huwa invalidu;

–        tikkundanna lill-Eismea għall-ispejjeż.

51      L-Eismea titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali

52      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 272 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 256 TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi skont klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab f’kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku jew mid-dritt privat li jkun sar mill-Unjoni jew f’isimha. L-Artikolu 272 TFUE jikkostitwixxi għalhekk dispożizzjoni speċifika li tippermetti li tiġi adita l-qorti tal-Unjoni bis-saħħa ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, u dan mingħajr limitazzjoni marbuta man-natura tal-azzjoni ppreżentata quddiem il-qorti tal-Unjoni (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, Planet vs Il‑Kummissjoni, C‑564/13 P, EU:C:2015:124, punti 22 u 23).

53      F’dan il-każ, kif isostnu, ġustament, il-partijiet, il-Qorti Ġenerali għandha għalhekk ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors, konformement mal-Artikolu 272 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 256 TFUE, bis-saħħa tal-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57.2 tal-ftehim ta’ sussidju.

 Fuq il-fondatezza tar-rikors

54      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 50.3.1(f) tal-ftehim ta’ sussidju, minħabba li l-allegata kondotta professjonali ħażina mwettqa fir-riċerki ma hijiex imputabbli lir-rikorrenti jew lil persuna fiżika li għandha s-setgħa li tirrappreżentaha jew li tieħu deċiżjonijiet f’isimha u, fi kwalunkwe każ, ma affettwatx il-proġett P-TEV. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn id-deċiżjoni ta’ xoljiment ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-allegata kondotta professjonali ħażina ma kellha ebda impatt fuq ir-rilevanza xjentifika tal-proġett P-TEV. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża sa fejn l-EASME naqset milli tikkomunika lir-rikorrenti r-rapport tal-espert fl-etika estern li fuqu hija bbażat id-deċiżjoni tagħha ta’ xoljiment tal-ftehim ta’ sussidju.

55      Għandu jitfakkar li, adita fil-kuntest ta’ klawżola ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 272 TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi t-tilwima fuq il-bażi tad-dritt sostantiv applikabbli għall-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Frar 2016, Isotis vs Il‑Kummissjoni, T‑562/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:63, punt 51, u tal‑20 ta’ Mejju 2019, Fundación Tecnalia Research & Innovation/REA, T‑104/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:345, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata), jiġifieri, f’dan il-każ, prinċipalment, fir-rigward tal-istipulazzjonijiet tal-ftehim ta’ sussidju inkwistjoni, tad-dispożizzjonijiet tal-atti tal-Unjoni relatati mal-Programm Qafas Orizzont 2020, ta’ dawk tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-każ, kif ukoll ta’ regoli oħra li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, u, sussidjarjament, fir-rigward tad-dritt Belġjan, konformement mal-Artikolu 57.1 tal-ftehim ta’ sussidju.

56      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li qabel kollox teżamina t-tielet motiv.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

57      Ir-rikorrenti tosserva li hija saret taf għall-ewwel darba permezz tar-risposta bl-eżistenza tar-rapport tal-espert fl-etika estern tal‑11 ta’ Diċembru 2018 u bil-fatt li l-EASME kienet ibbażat id-deċiżjoni tagħha li xxolji l-ftehim ta’ sussidju fuq l-imsemmi rapport. Issa, l-EASME kienet naqset milli tikkomunikalha dan ir-rapport matul il-proċedura ta’ xoljiment. Barra minn hekk, bi tweġiba għal ittra mibgħuta mir-rikorrenti lill-EASME fid-dawl tal-preparazzjoni tar-replika, l-EASME, minn naħa, kienet ikkonfermat li r-rapport inkwistjoni ma kienx ġie kkomunikat lilha, peress li kien dokument intern li serva esklużivament sabiex jitwettaq il-kontroll tagħha stess, fejn ir-riżultati, jiġifieri x-xoljiment tal-ftehim ta’ sussidju, kienu ġew ikkomunikati lilha u, min-naħa l-oħra, irrifjutat li tagħti lir-rikorrenti aċċess sħiħ għall-imsemmi dokument u li tiżvelalha l-isem tal-espert inkwistjoni. Skont ir-rikorrenti, l-EASME għalhekk ċaħditha mill-possibbiltà li tikkonfuta ċerti allegazzjonijiet li jinsabu fir-rapport tal-espert fl-etika estern. Għalhekk, ir-rikorrenti kienet ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li tikkontesta l-affermazzjonijiet li “[dan] ma kienx proġett normali”, li “x-xogħol ta’ bażi kien ġie vvizzjat bl-iżvolġiment ħażin fir-riċerki” jew ukoll li “ċertu numru ta’ nuqqasijiet fir-rigward tal-konformità mal-etika kienu ġew irrilevati f’dan il-proġett”. B’dan il-mod, l-EASME kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Fir-rigward tal-kontenut tar-rapport tal-espert fl-etika estern tal‑11 ta’ Diċembru 2018, ir-rikorrenti tenfasizza li dan jirreferi għall-blog “www.forbetterscience.com”, miżmum minn persuna li tippreżenta ruħha bħala “ġurnalista xjentifika indipendenti”, li ma jidhirx li huwa s-suġġett ta’ verifika esterna jew ta’ eżami mill-ġdid minn professjonisti tal-istess livell.

58      L-Eismea ssostni li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, hija pproduċiet bħala anness tar-risposta r-rapport tal-espert fl-etika estern, li minnu kien tneħħa biss l-isem tal-espert inkwistjoni. Hija tippreċiża li bħala prinċipju dan huwa dokument għal użu intern li jippermettilha tifforma l-evalwazzjoni tagħha u għalhekk ma huwiex intiż li jiġi kkomunikat lill-benefiċjarji. Hija tenfasizza li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti kellha l-okkażjoni li tieħu pożizzjoni fuq ir-raġunijiet ta’ xoljiment imressqa fit-tieni ittra ta’ informazzjoni minn qabel fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-imsemmija ittra u li għalhekk ma jistax ikun hemm kwistjoni ta’ kwalunkwe ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti f’dan ir-rigward. F’kull każ, l-Eismea tippreċiża li, għalkemm ir-rapport tal-espert fl-etika estern, li ngħata mandat sabiex jevalwa l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq l-ewwel ittra ta’ informazzjoni minn qabel, effettivament indika l-każijiet ta’ kondotta professjonali ħażina, dan ma serviex bħala bażi għat-tieni ittra ta’ informazzjoni minn qabel, peress li l-EASME kienet diġà saret taf hija stess dwar dawn il-każijiet ta’ kondotta professjonali ħażina. Isegwi li r-rapport inkwistjoni ma ppreġudikax lir-rikorrenti.

59      Għandu jiġi rrilevat l-ewwel li dan il-motiv tqajjem għall-ewwel darba fir-replika. Issa, mill-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat fil-mori tal-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv huwa bbażat fuq l-eżistenza tar-rapport ta’ espert fl-etika estern, b’mandat mill-EASME fil-kuntest ta’ proċedura interna, li ma ġiex ikkomunikat lir-rikorrenti matul il-proċedura ta’ xoljiment tal-ftehim ta’ sussidju u li din tal-aħħar saret taf bl-eżistenza tiegħu permezz tar-risposta. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-iskambju ta’ posta elettronika bejn ir-rikorrenti u l-EASME dwar ir-rapport inkwistjoni jirriżulta li dan ma kienx jinsab fuq il-portal tal-internet intiż għall-parteċipanti fil-Programm Qafas Orizzont 2020 u li ma kienx ġie kkomunikat lir-rikorrenti, peress li dan kien, skont l-EASME, dokument intern. Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Eismea ma tikkontestax l-affermazzjoni tar-rikorrenti li hija kienet saret taf bl-eżistenza ta’ dan ir-rapport għall-ewwel darba permezz tar-risposta.

60      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li dan il-motiv huwa bbażat fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li ġew żvelati matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u li għandu, għaldaqstant, jitqies bħala ammissibbli, fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

61      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-partijiet jiddeċiedu, fil-kuntratt tagħhom, permezz ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, li jattribwixxu lill-qorti tal-Unjoni l-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwim relatat ma’ dan il-kuntratt, din il-qorti jkollha ġurisdizzjoni, indipendentement mid-dritt applikabbli stipulat fl-imsemmi kuntratt, sabiex teżamina eventwali ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Inclusion Alliance for Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑378/16 P, EU:C:2020:575, punt 81).

62      Għalhekk, meta l-EASME timplimenta kuntratt, hija tibqa’ suġġetta għall-obbligi tagħha skont il-Karta u skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, il-fatt li d-dritt applikabbli għall-kuntratt ikkonċernat ma jiżgurax l-istess garanziji bħal dawk mogħtija mill-Karta u mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma jeżonerax lill-EASME milli tiżgura l-osservanza tagħhom fir-rigward tal-partijiet kontraenti tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Inclusion Alliance for Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑378/16 P, EU:C:2020:575, punt 82; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il‑Kummissjoni, C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 86).

63      Isegwi li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti mill-EASME.

64      Ir-rikorrenti tilmenta li l-EASME, essenzjalment, minn naħa, ma kinitx tatha l-possibbiltà li tieħu pożizzjoni fuq l-evalwazzjonijiet magħmula mill-espert fl-etika estern fir-rapport tiegħu tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar l-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-ewwel ittra ta’ informazzjoni minn qabel, qabel ma ħadet id-deċiżjoni li xxolji l-ftehim ta’ sussidju u li, għaldaqstant, kisret id-dritt għal smigħ tagħha u, min-naħa l-oħra, li ma kkomunikatilhiex l-isem tal-espert fl-etika estern fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

65      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, li, mill-1 ta’ Diċembru 2009, għandu l-istess valur legali bħat-Trattati, jirrikonoxxi “(d)-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament” fir-rigward tagħha. Id-dritt għal smigħ huwa ta’ applikazzjoni ġenerali (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2013, L vs Il-Parlament, T‑317/10 P, EU:T:2013:413, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, ir-rispett ta’ dan id-dritt huwa meħtieġ, indipendentement min-natura tal-proċedura amministrattiva li twassal għall-adozzjoni ta’ miżura individwali, meta l-amministrazzjoni tipproponi, skont il-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni, li tieħu kontra persuna tali “miżura individwali li tolqotha negattivament”. Id-dritt għal smigħ, li għandu jiġi żgurat anki fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni applikabbli, jeħtieġ li l-persuna kkonċernata qabel xejn titqiegħed f’pożizzjoni li tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar l-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-konfront tagħha fl-att li għandu jiġi adottat (sentenza tal‑24 ta’ April 2017, HF vs Il‑Parlament, T‑584/16, EU:T:2017:282, punt 150).

66      B’mod iktar partikolari, ir-rispett tad-dritt għal smigħ jimplika li l-persuna kkonċernata titqiegħed fil-pożizzjoni, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tolqotha negattivament, li tesponi b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li abbażi tagħhom din id-deċiżjoni tkun ser tiġi adottata (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2013, L vs Il‑Parlament, T‑317/10 P, EU:T:2013:413, punti 80 u 81, u d-digriet tas‑17 ta’ Ġunju 2019, BS vs Il‑Parlament, T‑593/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:425, punti 76 u 77).

67      Mill-Artikolu 22.1.1 tal-ftehim ta’ sussidju jirriżulta li l-EASME għandha l-possibbiltà li tirreferi għal esperti esterni sabiex tivverifika l-implementazzjoni korretta ta’ proġett kif ukoll il-konformità ta’ dan il-proġett mal-obbligi previsti mill-ftehim.

68      Barra minn hekk, mill-Artikolu 50.3.2 tal-ftehim ta’ sussidju jirriżulta li, qabel ma xxolji l-ftehim, abbażi tal-Artikolu 50.3.1(f), l-EASME hija obbligata tinnotifika formalment lill-benefiċjarju bl-intenzjoni tagħha u l-motivazzjonijiet tagħha u tistiednu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu f’terminu ta’ 30 jum min-notifika.

69      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-rapport tal-espert fl-etika estern tal‑11 ta’ Diċembru 2018 kien jirrigwarda l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-ewwel ittra ta’ informazzjoni minn qabel. Għalkemm huwa minnu li dan ir-rapport kien jinkludi wkoll silta, li l-kontenut tagħha huwa mfakkar fil-punt 35 iktar ’il fuq, dwar l-investigazzjoni taċ-CEPN dwar ix-xogħlijiet ta’ A u tal-grupp ta’ ħidma tagħha, kif ukoll fuq ir-rabta tagħhom mal-proġett P-TEV, għandu jiġi kkonstatat li din is-silta kienet sempliċement tikkonferma l-informazzjoni li diġà ssemmiet fir-rapport tat-tielet kontroll etiku tat‑28 ta’ Settembru 2018, li kien jinkludi silta fformulata kif ġej:

“[R]ċentement, investigazzjonijiet uffiċjali dwar problemi ta’ żvolġiment ħażin fir-riċerki u ta’ etika twettqu fl-Isvezja u wrew l-eżistenza ta’ żvolġiment ħażin fir-riċerki waqt ix-xogħlijiet prekursuri li għalihom kien jirreferi l-proġett P-TEV, kif ukoll waqt xogħlijiet kliniċi li kienu ppermettew li tiġi pprovata l-validazzjoni ta’ kunċetti għall-proċeduri użati fil-kuntest tal-imsemmi proġett.”

70      Barra minn hekk, mit-test stess tal-lista tal-argumenti kontradittorji annessa mal-ittra ta’ xoljiment jirriżulta li l-EASME bbażat ruħha, fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-investigazzjoni taċ-CEPN fuq ix-xogħlijiet ta’ A dwar il-proġett P-TEV, fuq ir-rapport tat-tielet kontroll etiku.

71      Isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ma jistax jitqies li l-EASME bbażat ix-xoljiment tal-ftehim ta’ sussidju fuq l-evalwazzjonijiet li jinsabu fir-rapport tal-espert fl-etika estern tal‑11 ta’ Diċembru 2018.

72      Barra minn hekk, għandu wkoll jiġi rrilevat li r-raġunijiet għax-xoljiment tal-ftehim ta’ sussidju kienu ġew indikati lir-rikorrenti fit-tieni ittra ta’ informazzjoni minn qabel, li dwarha hija kellha l-opportunità li tieħu pożizzjoni, hekk kif juru l-osservazzjonijiet li hija ppreżentat fid‑19 ta’ Marzu 2019, konformement mal-Artikolu 50.3.2 tal-ftehim ta’ sussidju.

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, l-EASME ma ppreġudikatx id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti.

74      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 71 iktar ’il fuq, l-EASME ma bbażatx id-deċiżjoni li xxolji l-ftehim ta’ sussidju fuq ir-rapport tal-espert fl-etika estern, il-fatt li l-Eismea ma kkomunikatx lir-rikorrenti l-isem tal-espert inkwistjoni fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ma huwiex, fi kwalunkwe każ, ta’ natura li jikser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti fl-imsemmija proċedura.

75      Għaldaqstant, hemm lok li t-tielet motiv jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 50.3.1(f) tal-ftehim ta’ sussidju

76      Ir-rikorrenti ssostni li A, li ġiet innominata mill-EASME fit-tieni ittra ta’ informazzjoni minn qabel kif ukoll fl-ittra ta’ xoljiment bħala l-persuna li kienet instabet ħatja ta’ kondotta professjonali ħażina miċ-CEPN, la hija l-benefiċjarja tas-sussidju, u lanqas persuna fiżika li għandha s-setgħa tirrappreżentaha jew taġixxi f’ismimha, fis-sens tal-Artikolu 50.3.1(f) tal-ftehim ta’ sussidju. B’hekk, fil-kwalità tagħha ta’ parti fil-ftehim ta’ sussidju u bħala l-unika destinatarja tal-finanzjament, ir-rikorrenti hija l-benefiċjarja tal-imsemmi ftehim, konformement mal-glossarju tal-Kummissjoni mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-kandidati għal sussidju u kif dan jirriżulta mit-test stess tal-ftehim ta’ sussidju. Barra minn hekk, sa mit-tluq tagħha mill-bord tad-diretturi tar-rikorrenti f’Lulju 2015, A ma kellha l-ebda setgħa li tirrappreżenta lir-rikorrenti jew li tieħu deċiżjonijiet f’isimha. Setgħa bħal din lanqas ma ngħatat lilha mill-kwalità tagħha ta’ kofondatriċi tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, mil-liġi Svediża dwar il-kumpanniji jirriżulta li s-sehem minoritarju miżmum minn A fil-mument meta ġiet ippreżentata l-proposta dwar il-proġett P-TEV ma kienx jippermettilha li tirrappreżenta lir-rikorrenti jew li tieħu deċiżjonijiet f’isimha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-kuntratt ta’ xogħol part-time li bbenefikat minnu A mill-2015 sax-xoljiment tiegħu fl‑1 ta’ Ottubru 2016 lanqas ma kien jagħtiha s-setgħa li tirrappreżentaha jew li taġixxi f’isimha. Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll li A ma pparteċipat fl-ebda waħda mill-attivitajiet tagħha wara s-sospensjoni mingħajr ħlas tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha fl‑4 ta’ Marzu 2016 sax-xoljiment tal-imsemmi kuntratt, u li għalhekk hija ma eżerċitat l-ebda influwenza fuq il-proposta dwar il-proġett P-TEV ippreżentata f’April 2017. Skont ir-rikorrenti, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ċar li A ma taqax taħt il-kategorija ta’ persuni previsti mill-Artikolu 50.3.1(f) tal-ftehim ta’ sussidju u li, għaldaqstant, il-kondotta professjonali ħażina li għaliha hija nstabet ħatja ma setgħetx tiġġustifika x-xoljiment tal-ftehim ta’ sussidju.

77      Ir-rikorrenti ssostni li huwa minħabba din il-konstatazzjoni li l-Eismea qed tipprova tbiddel retroattivament il-motivazzjoni tax-xoljiment tal-ftehim ta’ sussidju billi ssostni għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali li fir-realtà hija r-rikorrenti, fil-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja, li hija responsabbli minn nuqqas fir-riċerki. Issa, skont ir-rikorrenti, l-Eismea ma għandhiex id-dritt li teżamina mill-ġdid il-motivi tax-xoljiment f’dan l-istadju tal-proċedura mingħajr ma tippreġudika l-prinċipju ta’ prevedibbiltà tal-proċedura ġudizzjarja. Barra minn hekk, skont il-Kodiċi Ewropew ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba, l-amministrazzjoni hija marbuta tieħu deċiżjonijiet prevedibbli u ċari.

78      Ir-rikorrenti ssostni li, anki fl-ipoteżi fejn il-Qorti Ġenerali taċċetta li l-Eismea tbiddel b’mod retroattiv ir-raġunijiet li għalihom il-ftehim ta’ sussidju ġie xolt, dan ix-xoljiment xorta waħda jibqa’ infondat. B’hekk, ir-rikorrenti tenfasizza li hija ma tikkontestax il-konklużjonijiet taċ-CEPN li jikkonċernaw nuqqasijiet fir-riċerka mwettqa minn A u mill-grupp ta’ riċerka tagħha. Madankollu, hija ssostni li ma tistax tiġi kkritikata li inkludiet intenzjonalment fil-proposta li tirrigwarda l-proġett P-TEV artikli akkademiċi vvizzjati b’nuqqasijiet fir-riċerka, li kellhom konsegwenzi fuq ir-rilevanza xjentifika u teknoloġika tal-imsemmi proġett.

79      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-proposta dwar il-proġett P-TEV ġiet ippreżentata lill-EASME f’April 2017, filwaqt li r-rapport taċ-CEPN sar pubbliku biss f’Marzu 2018. Bħala tweġiba għall-argument tal-Eismea li hija kellha għarfien tal-problemi li jaffettwaw ix-xogħlijiet ta’ A fil-mument tal-preżentazzjoni tal-proġett P-TEV, peress li hija kienet issospendietha wara allegazzjonijiet ta’ nuqqasijiet fir-riċerka minn Marzu 2016, ir-rikorrenti tosserva li, f’dak iż-żmien, ir-riżultat tal-investigazzjoni mwettqa mill-Università ta’ Göteborg kien inċert u li l-problemi kienu kjarament kumplessi, u dan kien muri mit-tul ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk hija tosserva li d-deċiżjoni tal-viċi rettur tal-Università ta’ Göteborg tikkonstata formalment in-nuqqasijiet fir-riċerki ta’ A u tal-grupp ta’ riċerka tagħha minn Ġunju 2018.

80      It-tieni, ir-rikorrenti tosserva li l-pubblikazzjonijiet universitarji ċċitati fil-proposta dwar il-proġett P-TEV ma kinux jinkludu jew ma kinux jinkludu iktar immaġni żbaljata fil-mument tal-preżentazzjoni ta’ din il-proposta f’April 2017. Għalhekk, qabel kollox, fir-rigward tal-artiklu tal-Lancet, ir-rikorrenti tindika li għamlet riferiment għalih sabiex issostni l-fatt li l-vini u arterji li joriġinaw mill-inġinerija tat-tessuti ma jwasslux għal ċaħda u lanqas għal problemi gravi oħra ta’ sigurtà. Ir-riżultati msemmija f’dan l-artiklu huma bbażati fuq teknoloġija iktar antika, li ma tintużax mir-rikorrenti, li fil-kuntest tagħha ċ-ċellularizzazzjoni mill-ġdid titwettaq permezz tal-użu taċ-ċelluli tal-mudullun. Ir-rikorrenti tirrileva li, kuntrarjament għal dak li huwa indikat fit-tieni ittra ta’ informazzjoni minn qabel, l-artiklu tal-Lancet, li kien jinkludi żball żgħir dwar immaġni mkabbra, ma kienx is-suġġett ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas fir-riċerki miċ-CEPN u kien għadu ppubblikat fil-forma oriġinali tiegħu meta l-proposta dwar il-proġett P-TEV ġiet ippreżentata lill-EASME, peress li l-ġurnal ma qiesx il-pubblikazzjoni ta’ erratum bħala neċessarja. Sussegwentement, fir-rigward tal-artiklu ppubblikat fir-rivista EBioMedicine, ir-rikorrenti tindika li dan huwa l-iktar riferiment importanti għall-proġett P-TEV, peress li jenfasizza li r-riżultati kliniċi juru li l-inġinerija tat-tessuti li tuża demm periferiku, li tikkorrispondi mat-teknoloġija li hija tiżviluppa, ġeneralment ma twassalx għal ċaħda jew għal problemi gravi oħra ta’ sigurtà. Ir-rikorrenti tenfasizza li ċ-CEPN ma rrilevax inkoerenza f’dan l-artiklu li tiġġustifika l-inklużjoni tiegħu fil-kamp tal-investigazzjoni tiegħu u li għalhekk ma kienx is-suġġett ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas fir-riċerki kif dan huwa indikat b’mod żbaljat fit-tieni ittra ta’ informazzjoni minn qabel. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-artiklu tal-Journal of Vascular Surgery, ir-rikorrenti tindika li dan intuża bħala riferiment f’dak li jikkonċerna l-esperimenti relatati mal-vini bil-valvoli, iżda li l-importanza tiegħu kienet inqas għall-proġett P-TEV, peress li ma kienx jikkonċerna esperimenti kliniċi, iżda esperimenti in vitro. Ir-rikorrenti tirrileva li dan l-artiklu ma ssemmiex fit-tieni ittra ta’ informazzjoni minn qabel, iżda kien jinkludi, fil-mument tal-pubblikazzjoni tiegħu, tabelli ta’ immaġnijiet żbaljati, li ġġustifikaw il-konstatazzjoni ta’ nuqqas fir-riċerki miċ-CEPN. Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li dan l-artiklu kien is-suġġett ta’ erratum ippubblikat fil-Journal of Vascular Surgery f’Marzu 2017, qabel ma ġie rtirat f’Marzu 2019 minħabba l-politika tal-ġurnal.

81      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-konstatazzjonijiet tal-grupp ta’ esperti esterni fl-etika waqt it-tliet kontrolli ta’ etika mwettqa matul is-sena 2018, deskritti fir-risposta, huma irrilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża, peress li l-EASME finalment ma applikatx l-allegati nuqqasijiet għall-prinċipji etiċi sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li xxolji l-ftehim ta’ sussidju, hekk kif dan jirriżulta mit-tieni ittra ta’ informazzjoni minn qabel. F’dan is-sens, ir-rikorrenti tikkunsidra wkoll bħala irrilevanti r-riferiment għall-Artikolu 34 tal-ftehim ta’ sussidju.

82      L-Eismea tfakkar in-nuqqasijiet ikkonstatati matul it-tliet kontrolli etiċi suċċessivi, li r-rikorrenti deliberatament naqset milli ssemmi fir-rikors, u ssostni li l-fatt li hija ma rnexxietx, għal tliet darbiet, tissodisfa r-rekwiżiti etiċi li kienu diġà ġew identifikati mir-rapporti ta’ etika dwar dawn il-kontrolli huwa partikolarment preokkupanti għal proġett li, min-natura tiegħu, iqajjem preokkupazzjonijiet etiċi sinjifikattivi.

83      Għalhekk, l-Eismea ssostni li l-interpretazzjoni mir-rikorrenti tal-Artikolu 50.3.1(f) tal-ftehim ta’ sussidju hija stretta wisq. Fil-fehma tagħha, ir-rikorrenti ma tifhimx li din id-dispożizzjoni tapplika għaliha f’dan il-każ fil-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja, indipendentement minn A. L-istess japplika għall-Artikolu 34 tal-ftehim ta’ sussidju, li konformement ma’ dan, jekk il-benefiċjarju jonqos milli jwettaq wieħed mill-obbligi etiċi tiegħu, il-ftehim jista’ jiġi xolt. Skont l-Eismea, id-deċiżjoni ta’ xoljiment għandha tinqara f’dan il-kuntest. Fil-fatt, mit-test tal-lista tal-argumenti annessa mal-ittra ta’ xoljiment jirriżulta li d-deċiżjoni li jiġi xolt il-ftehim ta’ sussidju ma kellha ebda rabta mas-sehem, max-xogħol jew mal-appartenenza ta’ A fil-bord tad-diretturi tar-rikorrenti u l-EASME barra minn hekk qatt ma għamlet riferiment għal tali elementi. L-argumenti tar-rikorrenti li A ma taqax taħt il-kategorija ta’ persuni previsti fl-Artikolu 50.3.1(f) tal-ftehim ta’ sussidju huma għalhekk irrilevanti.

84      Min-naħa l-oħra, skont l-Eismea, ma hemm l-ebda dubju li l-proposta dwar il-proġett P-TEV kienet ibbażata fuq teknoloġija kkonċepita b’kollaborazzjoni ma’ A u fuq riċerki mwettqa minnha u mit-tim ta’ riċerka tagħha. Barra minn hekk, l-Eismea ssostni li l-proposta dwar il-proġett P-TEV kienet tirreferi għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi l-iktar rilevanti għall-kontenut tal-imsemmi proġett.

85      Issa, skont l-Eismea, hekk kif dan kien ġie spjegat fit-tieni ittra ta’ informazzjoni minn qabel, l-elementi ta’ riċerka li fuqhom kienet ibbażata l-proposta tar-rikorrenti kienu vvizzjati b’kondotta professjonali ħażina. Il-prova tal-iżvolġiment ħażin fir-riċerki kienet ġiet stabbilita, fir-rigward tax-xogħlijiet ippreżentati mill-benefiċjarji tal-proġett P-TEV, fil-proposta ppreżentata mir-rikorrenti f’April 2017, miċ-CEPN.

86      L-Eismea tosserva li l-artikli ċċitati fuq l-inizjattiva tar-rikorrenti fit-Taqsima 4 tal-proposta dwar il-proġett P-TEV, bħall-pubblikazzjonijiet l-iktar rilevanti li jikkonċernaw il-kontenut tal-proġett inkwistjoni, kienu wkoll imsemmija fil-Parti A tal-Anness 1 tal-ftehim ta’ sussidju. F’dan ir-rigward, l-Eismea rrikonoxxiet li l-artiklu ta’ EBiomedicine ma kienx imsemmi fir-rapport taċ-CEPN, iżda tinnota li, skont ma qalet ir-rikorrenti, iċ-CEPN xorta waħda kien ħa ħsieb li jivverifika li ma kellux inkoerenzi. L-Eismea tirrileva wkoll li r-rikorrenti ma tikkontestax li, skont iċ-CEPN, l-artiklu tal-Lancet, li kien jidher partikolarment rilevanti għall-proġett P-TEV, kien jinkludi tkabbir żbaljat ta’ immaġni u li, anki jekk ma kienx possibbli li jiġi stabbilit li dan kien falz, l-ispjegazzjoni pprovduta kienet tidher stramba u kienet tqajjem dubju dwar l-affidabbiltà ta’ dawn ir-riċerki. Fir-rigward tal-artiklu tal- Journal of Vascular Surgery, l-Eismea tinnota li ċ-CEPN ikkonstata l-preżenza ta’ żewġ immaġnijiet pożizzjonati ħażin u kkompressati, li kien ekwivalenti għal manipulazzjoni ta’ immaġni u għal diżonestà xjentifika u li, konsegwentement, il-koawturi kollha, inkluża A, ġew iddikjarati ħatja ta’ frodi xjentifika.

87      L-Eismea tenfasizza wkoll in-natura kontradittorja tal-argument tar-rikorrenti li n-nuqqasijiet fir-riċerki rrilevati fil-pubblikazzjonijiet ta’ A ma kellhomx impatt fuq il-proġett P-TEV, peress li hija bbażat ruħha fuq data preklinika ġdida. Barra minn hekk, l-Eismea tqis li huwa preokkupanti li r-rikorrenti ma qisitx li kien neċessarju li tinformaha li l-proġett P-TEV kien ibbażat fuq riċerki prekliniċi ġodda u li tipprovdi pubblikazzjoni jew sensiela ta’ riċerki sabiex issostni x-xogħlijiet imwettqa, kif kienet obbligata li tagħmel skont l-Artikolu 17.2 tal-ftehim ta’ sussidju.

88      L-Eismea żżid li r-rikorrenti kienet taf perfettament bl-allegazzjonijiet ta’ żvolġiment ħażin fir-riċerki li kienu jikkonċernaw lil A fl-2016 u dwar l-impatt tagħhom fuq il-proġett P-TEV meta hija ppreżentat l-imsemmi proġett. Dan huwa muri mill-fatt li, kif indikat ir-rikorrenti fir-rikors, hija kienet preċiżament adottat miżuri intiżi li jneħħu lil A mill-organizzazzjoni tagħha, b’mod partikolari permezz tas-sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha f’Marzu 2016, imbagħad ix-xoljiment ta’ dan il-kuntratt f’Settembru 2016 u x-xiri lura tas-sehem tagħha. Dan jintwera wkoll mid-dikjarazzjoni fformulata mir-rikorrenti fir-replika li tgħid li, “fid-dawl tal-kontroversji madwar [A], [hija] [kienet] iddeċidiet fi stadju bikri tal-implimentazzjoni tal-proġett P-TEV, li ma tibbażax ruħha fuq id-data li tirriżulta mir-riċerki tagħha” u skont din, “[m]inflok dan, [hija] u s-sħab tagħha [kienu] pproduċew id-data preklinika neċessarja kollha għall-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta’ provi kliniċi”. Skont l-Eismea, jidher għalhekk li r-rikorrenti intenzjonalment ippreżentat fil-proposta tagħha żewġ artikli bħala l-“pubblikazzjonijiet xjentifiċi l-iktar rilevanti li jitrattaw il-kontenut tal-proġett propost”, li kienu jinkludu provi sostanzjati ta’ żvolġiment ħażin, hekk kif dan kien ġie stabbilit qabel ma l-imsemmija proposta ġiet ippreżentata lilha. Hija tqis li, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-fatt li, fil-mument tal-preżentazzjoni tal-proposta, l-ebda wieħed mill-artikli ma kien jinkludi immaġni mmanipolata jew li ċ-CEPN kien ta l-opinjoni tiegħu sena wara din il-preżentazzjoni ma huwiex konklużiv.

89      L-Eismea tenfasizza li, fl-ebda mument, la matul il-fażi ta’ evalwazzjoni tas-sussidju jew tal-proposta jew wara l-għoti tas-sussidju, ir-rikorrenti ma informat lill-EASME li l-pubblikazzjonijiet ippreżentati fil-proposta tagħha u t-teknoloġija li fuqha kien ibbażat il-proġett P-TEV kienu s-suġġett ta’ żvolġiment ħażin fir-riċerki u ta’ ksur etiku u li dan kien manifestament kontra l-approċċ ibbażat fuq l-aspettattivi inerenti għal proġett ippreżentat fil-kuntest tal-Programm Qafas Orizzont 2020 u kiser l-Artikolu 17.2 tal-ftehim ta’ sussidju. F’dan ir-rigward, hija tosserva li r-rikorrenti ffirmat dikjarazzjoni fuq l-unur fil-bidu tal-fażi ta’ preparazzjoni tas-sussidju, li fiha hija kkonfermat li ma għamlitx dikjarazzjonijiet foloz billi kkomunikat l-informazzjoni meħtieġa bħala kundizzjoni ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura għall-għoti ta’ sussidju u li ma naqsitx milli tipprovdi l-imsemmija informazzjoni.

90      Skont l-Eismea, li kieku l-EASME kienet taf bl-informazzjoni li r-rikorrenti kienet ibbażat ruħha fuq xogħlijiet affettwati minn kondotta professjonali ħażina, il-proġett P-TEV ma kienx jintgħażel fir-rigward ta’ finanzjament. Billi ħbiet l-iżvolġiment ħażin fir-riċerki ta’ A, ir-rikorrenti effettivament qarrqet l-EASME u ppreġudikat l-approċċ ibbażat fuq il-fiduċja.

91      L-Eismea tirrileva wkoll li r-rikorrenti ammettiet il-konklużjonijiet ta’ kondotta professjonali ħażina fl-artikli li hija deliberatament għażlet li ssemmi fil-proposta tagħha biss ladarba kkonfrontata bihom milll-EASME, matul il-proċedura ta’ informazzjoni minn qabel.

92      L-attitudni tar-rikorrenti b’hekk tikkostitwixxi ksur tal-obbligu li jiġu osservati l-prinċipji etiċi stabbiliti mill-Artikolu 34 tal-ftehim ta’ sussidju, li jista’, skont il-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropea għall-Integrità fir-Riċerka tal-Federazzjoni Ewropea tal-Akkadémiċi tax-Xjenzi u Umanistiċi (European Federation of academies of Sciences and Humanities – All European Academies, ALLEA) u tal-Fondazzjoni Ewropea għax-Xjenza (European Science Foundation), jiġi analizzat bħala kondotta professjonali ħażina kkonstatata permezz ta’ kwalunkwe motiv, fis-sens tal-Artikolu 50.3.1.(f) tal-ftehim ta’ sussidju.

93      L-ewwel, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mid-dikjarazzjoni fuq l-unur iffirmata f’isem ir-rikorrenti mid-Direttur Ġenerali tagħha, fit-18 ta’ Mejju 2017, din tal-aħħar iċċertifikat li ma kinitx tinsab f’waħda mis-sitwazzjonijiet li teskludi li hija tista’ tirċievi sussidji mill-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 131(5) tar-Regolament Nru 966/2012, billi sostniet iċ-ċirkustanzi li ġejjin:

“ […]

–        Hija (jew persuni li għandhom is-setgħa li jirrappreżentawha, li jieħdu deċiżjonijiet f’isimha jew li jikkontrollawha) ma ġietx ikkundannata għal ksur relatat mal-kondotta professjonali tagħha permezz ta’ sentenza ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li għandha l-awtorità ta’ res judicata;

–        [Hija], fil-qasam professjonali, ma wettqitx kondotta professjonali gravi kkonstatata bi kwalunkwe mezz li l-[EASME] tista’ tiġġustifika, inkluż permezz ta’ deċiżjonijiet tal-[Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)] u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali;

[…]”

94      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, konformement mal-Artikolu 50.3.1(l) tal-ftehim ta’ sussidju, l-EASME tista’ xxolji dan il-ftehim jekk il-benefiċjarju jew kull persuna fiżika li għandha s-setgħa tirrappreżentah jew li tieħu deċiżjonijiet f’ismu, fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti jew fil-kuntest tal-ftehim, ikun wettaq żbalji sostanzjali, irregolaritajiet, frodi jew ksur gravi tal-obbligi kuntrattwali tiegħu, inkluż bl-implimentazzjoni żbaljata tal-azzjoni, il-preżentazzjoni ta’ informazzjoni falza, in-nuqqas ta’ provvista ta’ informazzjoni mitluba jew il-ksur tal-prinċipji etiċi previsti fl-Artikolu 34 tal-imsemmi ftehim.

95      Issa, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, l-EASME ma bbażatx ix-xoljiment tal-ftehim ta’ sussidju fuq l-Artikolu 50.3.1(l) ta’ dan il-ftehim, iżda fuq l-Artikolu 50.3.1(f) tiegħu, li jipprovdi li l-EASME tista’ xxolji l-ftehim jekk “[i]l-benefiċjarju (jew kull persuna fiżika li għandha s-setgħa li tirrappreżentah jew li tieħu deċiżjonijiet f’ismu) ikun wettaq kondotta professjonali ħażina gravi kkonstatata bi kwalunkwe mezz”.

96      Fil-fatt għandu jitfakkar li l-EASME suċċessivament bdiet żewġ proċeduri ta’ xoljiment tal-ftehim ta’ sussidju. L-ewwel proċedura ta’ xoljiment inbdiet bl-ewwel ittra ta’ informazzjoni minn qabel tat‑18 ta’ Ottubru 2018. F’din l-ittra, l-EASME b’hekk indikat li, fid-dawl tan-nuqqas persistenti tat-twettiq tal-obbligi etiċi rrilevati mill-grupp ta’ esperti wara t-tielet kontroll etiku, hija qieset li “r-rikorrenti kienet wettqet ksur serju tal-obbligi tagħha fir-rigward tal-ftehim jew matul il-proċedura ta’ għoti” (punt 33 iktar ’il fuq).

97      It-tieni proċedura ta’ xoljiment tal-ftehim ta’ sussidju nbdiet permezz tat-tieni ittra ta’ informazzjoni minn qabel tat‑18 ta’ Frar 2019. F’din it-tieni ittra, l-EASME indikat espressament li, wara li eżaminat l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq l-ewwel ittra ta’ informazzjoni minn qabel, hija żammet l-intenzjoni tagħha li xxolji l-ftehim ta’ sussidju, “iżda għal raġunijiet differenti”. F’din l-istess ittra, wara li tat preċiżazzjonijiet dwar dawn ir-“raġunijiet differenti”, l-EASME indikat li hija tikkunsidra li l-ftehim ta’ sussidju kellu jiġi xolt abbażi tal-Artikolu 50.3.1(f) tal-imsemmi ftehim (punt 36 iktar ’il fuq).

98      Isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Eismea, l-argumenti bbażati fuq l-allegati nuqqasijiet ta’ twettiq tar-rikorrenti tal-prinċipji etiċi, irrilevati fir-rapport redatt fi tmiem it-tielet kontroll etiku u msemmija mill-EASME fl-ewwel ittra ta’ informazzjoni minn qabel, huma irrilevanti sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tax-xoljiment tal-ftehim ta’ sussidju.

99      Għandu jiġi rrilevat ukoll li r-raġuni invokata mill-EASME sabiex tiġġustifika x-xoljiment tal-ftehim ta’ sussidju fuq il-bażi tal-Artikolu 50.3.1(f) tal-imsemmi ftehim kienet, mingħajr ebda ambigwità, il-fatt li A kienet instabet ħatja ta’ kondotta professjonali ħażina u mhux, kif sostniet l-Eismea fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha kif ukoll waqt is-seduta, il-fatt li r-rikorrenti kienet intenzjonalment inkludiet fil-proposta tal-proġett P-TEV xogħlijiet affettwati minn nuqqasijiet fir-riċerka u, għaldaqstant, qarrqet lill-EASME dwar il-kapaċità tagħha li teżegwixxi l-imsemmi proġett korrettament jew li hija kienet intenzjonalment ibbażat ruħha fl-eżekuzzjoni tal-proġett fuq ix-xogħlijiet ta’ A, fejn kien ġie rikonoxxut li kienu milquta minn nuqqasijiet fir-riċerki.

100    L-argument imressaq mill-Eismea quddiem il-Qorti Ġenerali huwa għalhekk ikkontestat mill-kontenut tat-tieni ittra ta’ informazzjoni minn qabel. Fil-fatt, f’din l-ittra, l-EASME l-ewwel irrilevat li A, “kofondatriċi ta’ [ir-rikorrenti]”, kienet instabet ħatja ta’ kondotta professjonali ħażina gravi miċ-CEPN, u sussegwentement ippreċiżat li żewġ pubblikazzjonijiet ippreżentati bħala l-pubblikazzjonijiet xjentifiċi l-iktar rilevanti dwar il-kontenut tal-proġett P-TEV kienu jinkludu provi tan-nuqqas inkwistjoni u fakkret il-kritika ħarxa taċ-CEPN fir-rigward tal-funzjonament tal-grupp ta’ riċerka ta’ A (punt 36 iktar ’il fuq). Sussegwentement hija indikat li “dawn il-konklużjonijiet [kienu] jqajmu dubju dwar l-integrità professjonali ta’ [A] u għalhekk il-kapaċità operattiva [tar-rikorrenti] li timplimenta b’mod adegwat il-proġett, u l-osservanza tagħha tar-rekwiżiti ta’ nuqqas ta’ esklużjoni imposti mil-leġiżlazzjoni finanzjarja ta’ [l-Unjoni]” (punt 36 iktar ’il fuq).

101    F’dan il-kuntest, huwa partikolarment notevoli li t-tieni ittra ta’ informazzjoni minn qabel kienet tirreferi għal ksur possibbli mir-rikorrenti tal-obbligi tagħha ta’ nuqqas ta’ esklużjoni minħabba s-sitwazzjoni tal-kofondatriċi tagħha, li seta’, li kieku ġie pprovat, jiġġustifika xoljiment tal-ftehim ta’ sussidju abbażi tal-Artikolu 50.3.1(l) tal-imsemmi ftehim, iżda li din ma kien fiha, min-naħa l-oħra, ebda element intiż sabiex juri li r-rikorrenti kienet hija stess wettqet kondotta professjonali ħażina.

102    Għaldaqstant, għandu għalhekk jiġi kkonstatat li, fit-tieni ittra ta’ informazzjoni minn qabel, l-EASME kkunsidrat li hija l-kondotta professjonali ħażina mwettqa minn A li kienet tqajjem dubju dwar il-kapaċità tar-rikorrenti li timplimenta l-proġett P-TEV u l-osservanza tagħha tal-obbligi ta’ nuqqas ta’ esklużjoni u mhux kwalunkwe nuqqas imwettaq mir-rikorrenti stess.

103    Din il-konstatazzjoni tirriżulta wkoll mill-formulazzjoni stess tal-konklużjoni li tinsab fil-lista tal-argumenti kontradittorji tal-ittra ta’ xoljiment, li tipprovdi kif ġej:

“F’dan il-każ, il-motiv oġġettiv [previst mill-Artikolu 50.3.1(f)] huwa kkonfermat. [A] kienet kofondatriċi tal-benefiċjarju li ġiet meqjusa ħatja ta’ kondotta professjonali ħażina miċ-CEPN.”

104    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 50.3.1.(f) tal-ftehim ta’ sussidju, l-EASME tista’ xxolji l-ftehim jekk “[i]l-benefiċjarju (jew kull persuna fiżika li għandha s-setgħa li tirrappreżentah jew li tieħu deċiżjonijiet f’ismu) ikun wettaq kondotta professjonali ħażina gravi kkonstatata bi kwalunkwe mezz”.

105    Issa, minn naħa, mill-ewwel paġna tal-ftehim ta’ sussidju jirriżulta li l-benefiċjarju tal-imsemmi ftehim ma kienx A, iżda r-rikorrenti.

106    Min-naħa l-oħra, mill-annessi tal-proċess, mhux ikkontestati mill-Eismea, jirriżulta li, l-ewwel, il-kuntratt ta’ xogħol ta’ A, li kienet impjegata part-time mir-rikorrenti bħala direttriċi xjentifika sa minn Settembru 2015, kien ġie sospiż, mingħajr ħlas, f’Marzu 2016 u xolt f’Diċembru 2016, li, it-tieni, A ma kinitx iktar membru tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti sa minn Lulju 2015 u li, it-tielet, is-sehem ta’ A fil-kapital tar-rikorrenti kien, fil-mument tat-tressiq tat-talba għal sussidju għall-proġett P-TEV u sal-bejgħ ta’ dan is-sehem kollu minn A fi tmiem is-sena 2018, inqas mil-livell minimu li jippermetti, konformement mad-dritt Svediż dwar il-kumpanniji, li jittieħdu deċiżjonijiet f’isem ir-rikorrenti.

107    Huwa minnu li l-Eismea sostniet, għall-ewwel darba waqt is-seduta, li, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, din tal-aħħar ma kinitx qatgħet ir-rabtiet tagħha kollha ma’ A sa minn April 2016, minħabba li hija kienet ġiet nominata bħala superviżura xjentifika fil-kuntest ta’ azzjoni “Marie Skłodowska-Curie” tal-Programm Qafas Orizzont 2020 li fiha pparteċipat ir-rikorrenti. Issa, qabel kollox, għandu jiġi osservat li din id-dikjarazzjoni turi n-natura kontradittorja tal-argument tal-Eismea quddiem il-Qorti Ġenerali, sa fejn, barra minn hekk, din issostni li l-EASME bbażat ix-xoljiment tal-ftehim ta’ sussidju fuq kondotta professjonali ħażina gravi li twettqet mir-rikorrenti u mhux minn persuna fiżika li għandha s-setgħa li tirrappreżentaha jew li taġixxi f’isimha. Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-Eismea ma pproduċiet l-ebda prova insostenn tad-dikjarazzjoni tagħha waqt is-seduta. Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li d-dikjarazzjoni tal-Eismea ma hijiex, fi kwalunkwe każ, ta’ natura li turi li A kienet irrappreżentat jew aġixxiet f’isem ir-rikorrenti fil-kuntest tal-proġett P-TEV.

108    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li A ma kinitx taqa’ taħt il-kategorija tal-persuni previsti mill-Artikolu 50.3.1(f) tal-ftehim ta’ sussidju, sa fejn hija la kienet il-benefiċjarja tas-sussidju skont it-termini tiegħu, u lanqas il-persuna li taġixxi għan-nom jew f’isem il-benefiċjarju matul jew wara li kienet instabet ħatja tan-nuqqasijiet fir-riċerki kkonstatati mill-viċi rettur tal-Università ta’ Göteborg abbażi tal-konklużjonijiet tal-investigazzjoni taċ-CEPN.

109    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li x-xoljiment tal-ftehim ta’ sussidju mill-EASME skont l-Artikolu 50.3.1(f) tal-imsemmi ftehim, għar-raġuni invokata fl-ittra ta’ xoljiment tad‑19 ta’ April 2019, kien infondat.

110    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti l-oħra mressqa mill-Eismea f’din il-kawża.

111    Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-argument tal-Eismea li r-rikorrenti stess kienet wettqet kondotta professjonali ħażina billi intenzjonalment ħbiet in-nuqqasijiet fir-riċerka mwettqa minn A, waqt il-preżentazzjoni tal-proposta tagħha għall-proġett P-TEV, bi ksur tal-obbligu ta’ osservanza tal-prinċipji ta’ etika stabbilit fl-Artikolu 34 tal-ftehim ta’ sussidju jew, ukoll, li r-rikorrenti kienet wettqet kondotta professjonali ħażina gravi billi intenzjonalment ibbażat ruħha fl-eżekuzzjoni tal-proġett P-TEV fuq ix-xogħlijiet ta’ A, li dwarhom kien ġie rikonoxxut li kienu jinkludu nuqqasijiet fir-riċerki, jikkostitwixxi motivazzjoni ġdida tax-xoljiment tal-ftehim ta’ sussidju. Issa, li kieku Eismea tkun tista’ tbiddel, fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja, ir-raġunijiet li għalihom hija ddeċidiet li xxolji l-ftehim ta’ sussidju, tiġi neċessarjament ippreġudikata l-effikaċja tal-proċedura ta’ xoljiment prevista mill-Artikolu 50.3.2 tal-imsemmi ftehim kif ukoll id-drittijiet li jiggarantixxi lill-benefiċjarji.

112    Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-argument tal-Eismea huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li r-rikorrenti kienet intenzjonalment ħbiet minnha n-nuqqasijiet fir-riċerki li jaffettwaw ix-xogħlijiet iċċitati fil-proposta li tirrigwarda l-proġett P-TEV.

113    B’hekk, għandu jiġi rrilevat li għalkemm ir-rikorrenti, kif ammettiet hija stess, saret taf bl-akkużi li jirreferu għal A mit‑3 ta’ Marzu 2016 u li hija, konsegwentement, issospendiet il-kuntratt ta’ xogħol ta’ din tal-aħħar qabel ma finalment xoljietu fi tmiem Settembru tal-istess sena u qatgħet kull kuntatt mal-grupp ta’ riċerka tagħha, xorta jibqa’ l-fatt li, fil-mument tal-preżentazzjoni tal-proġett P-TEV, l-investigazzjoni taċ-CEPN kienet għadha għaddejja u li l-konstatazzjoni uffiċjali tan-nuqqasijiet fir-riċerki imwettqa minn A u mill-grupp ta’ xogħol tagħha ma kinitx saret mill-viċi rettur tal-Università ta’ Göteborg, fuq il-bażi tal-konklużjonijiet taċ-CEPN magħmula pubbliċi f’Marzu 2018, ħlief f’Ġunju 2018. Isegwi li l-Eismea ma tistax takkuża lir-rikorrenti li ħbietilha n-nuqqasijiet inkwistjoni. Il-fatt li r-rikorrenti stess indikat li kienet iddistakkat ruħha fi stadju bikri tal-eżekuzzjoni tal-proġett P-TEV mir-riċerki ta’ A billi ħolqot id-data preklinika tagħha stess, fid-dawl tal-kontroversji madwar din tal-aħħar, ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jqajjem dubju dwar din il-konstatazzjoni.

114    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat ukoll li d-dikjarazzjoni tal-Eismea li l-artikli ppreżentati bħala l-iktar rilevanti għall-kontenut tal-proġett P-TEV kienu affettwati minn nuqqasijiet fir-riċerki fil-mument meta ġiet ippreżentata lilha l-proposta tal-proġett P-TEV hija żbaljata. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li kien indikat fit-tieni ittra ta’ informazzjoni minn qabel u kif tirrikonoxxi l-Eismea, l-artiklu ta’ EBiomedicine ma kienx is-suġġett ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas fir-riċerki miċ-CEPN, li ma rrilevax inkoerenzi li kienu ġġustifikaw l-inklużjoni tiegħu fil-kamp tal-investigazzjoni tiegħu. Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li kien ġie indikat ukoll fit-tieni ittra ta’ informazzjoni minn qabel, mir-rapport taċ-CEPN jirriżulta li, għalkemm l-artiklu tal-Lancet kien jinkludi tkabbir ta’ immaġni żbaljat li jqajjem dubju dwar l-affidabbiltà tar-riżultati tiegħu, dan ma kienx is-suġġett ta’ konstatazzjoni ta’ frodi fir-riċerki. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-artiklu tal-Journal of Vascular Surgery, li kien is-suġġett ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas fir-riċerki miċ-CEPN, l-Eismea ma tikkontestax li, fid-data li fiha l-proposta dwar il-proġett P-TEV ġiet ippreżentata lilu, it-tabella ta’ immaġni li ġġustifikat il-konstatazzjoni ta’ nuqqas fir-riċerki kienet diġà s-suġġett tal-pubblikazzjoni ta’ erratum. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Eismea ma pproduċiet l-ebda element ta’ prova insostenn tal-allegazzjoni li huwa minħabba n-nuqqasijiet fir-riċerka, ikkonstatati miċ-CEPN dwar ix-xogħlijiet ta’ A, li l-Journal of Vascular Surgery, sussegwentement kien ħassar l-artiklu inkwistjoni billi invoka l-politika editorjali tiegħu.

115    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li l-ewwel motiv jintlaqa’ u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq l-ispejjeż

116    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Eismea tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ix-xoljiment mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji tal-ftehim ta’ sussidju li jikkonċerna l-proġett “Vini personalizzati li joriġinaw mill-inġinerija tat-tessuti umani bħala l-ewwel kura għall-pazjenti milquta minn insuffiċjenza venuża kronika-P-TEV” (Personalized Tissue-Engineered Veins as the first Cure for Patients with Chronic Venous Insufficiency-P-TEV), bir-referenza 778620, huwa ddikjarat null.

2)      LAġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u għall-SMEs hija kkundannata għall-ispejjeż.

Costeira

Kancheva

Perišin

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑2 ta’ Marzu 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.