Language of document : ECLI:EU:C:2021:834

DIGRIET TAL-VIĊI-PRESIDENTA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

6 ta’ Ottubru 2021 (*)

“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Digriet dwar miżuri provviżorji – Artikolu 163 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Bdil fiċ-ċirkustanzi – Assenza – Kompetenza tal-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) – Sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), tal-qrati ordinarji u tal-qrati amministrattivi – Modalitajiet proċedurali tal-istħarriġ tal-kundizzjonijiet tal-indipendenza ta’ dawn l-imħallfin – Sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali”

Fil-Kawża C‑204/21 R-RAP,

li għandha bħala suġġett talba intiża sabiex digriet dwar miżuri provviżorji jiġi rrevokat, skont l-Artikolu 163 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressqa fis‑16 ta’ Awwissu 2021,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea,

konvenuta,


IL-VIĊI PRESIDENTA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, G. Hogan,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tat-talba tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrevoka d-digriet tal-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑204/21 R, iktar ’il quddiem id-“digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021”, EU:C:2021:593).

2        Permezz ta’ dan id-digriet, il-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja ordnat lir-Repubblika tal-Polonja, sakemm tingħata s-sentenza finali fil-Kawża C‑204/21:

a)      tissospendi, minn naħa, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-punt (1a) tal-Artikolu 27(1) tal-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat‑8 ta’ Diċembru 2017, kif emendata bl-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra) tal‑20 ta’ Diċembru 2019 u oħrajn, skont liema l-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) għandha kompetenza sabiex tiddeċiedi, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fit-tieni istanza, fuq it-talbiet għal awtorizzazzjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra mħallfin jew imħallfin awżiljarji, li jitqiegħdu f’detenzjoni provviżorja, li jiġu arrestati jew li jitressqu quddiem qorti, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-effetti tad-deċiżjonijiet diġà adottati mill-Awla Dixxiplinari abbażi ta’ dan l-artikolu u li jawtorizzaw il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra mħallef jew l-arrest tiegħu, u li tastjeni milli tibgħat il-kawżi msemmija fl-imsemmi artikolu quddiem qorti li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza ddefiniti, b’mod partikolari, fis-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982);

b)      tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-punti (2) u (3) tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, kif emendata, li abbażi tagħhom l-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) għandha kompetenza sabiex tiddeċiedi fuq il-kawżi dwar l-istatus u l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), b’mod partikolari fuq il-kawżi fil-qasam tad-dritt industrijali u tas-sigurtà soċjali, kif ukoll fuq il-kawżi dwar l-irtirar ta’ dawn l-imħallfin, u li tastjeni milli tibgħat dawn il-kawżi quddiem qorti li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza ddefiniti, b’mod partikolari, fis-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982);

ċ)      tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-punti (2) u (3) tal-Artikolu 107(1) tal-ustawa – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Komuni) tas‑27 ta’ Lulju 2001, kif emendata bil-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra, kif ukoll il-punti (1) sa (3) tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, kif emendata, li jippermettu li tiġi stabbilita r-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin minħabba li jkunu eżaminaw l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ta’ qorti stabbilita minn qabel mil-liġi fis-sens tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

d)      tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42a(1) u (2), kif ukoll tal-Artikolu 55(4) tal-Liġi dwar il-Qrati Komuni, kif emendata, tal-Artikolu 26(3), kif ukoll tal-Artikolu 29(2) u (3) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, kif emendata, tal-Artikolu 5(1a) u (1b) tal-ustawa – Prawo o ustroju sądów administracyjnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi) tal‑25 ta’ Lulju 2002, kif emendata bil-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra, u l-Artikolu 8 tal-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra, sa fejn dawn jipprojbixxu lill-qrati nazzjonali milli jivverifikaw l-osservanza tar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea dwar qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel permezz tal-liġi, fis-sens tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

e)      tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26(2) u (4) sa (6), kif ukoll tal-Artikolu 82(2) sa (5) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, kif emendata, u tal-Artikolu 10 tal-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra, li tistabbilixxi l-kompetenza esklużiva tal-Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych Sądu Nawyższego (l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) sabiex teżamina l-ilmenti bbażati fuq l-assenza ta’ indipendenza ta’ mħallef jew ta’ qorti, u

f)      tikkomunika lill-Kummissjoni Ewropea, mhux iktar tard minn xahar wara n-notifika tad-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021, il-miżuri kollha adottati sabiex tikkonforma bis-sħiħ ma’ dan id-digriet.

3        Ir-Repubblika tal-Polonja, peress li qieset li seħħet bidla fiċ-ċirkustanzi wara l-għoti tad-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021, ressqet din it-talba, skont l-Artikolu 163 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru talab l-eżami tagħha mill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq it-talba tar-Repubblika tal-Polonja li tirrinvija l-kawża quddiem l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja

4        Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li, fid-dawl tal-importanza ta’ din il-kawża u tal-fatt li din ser tikkostitwixxi preċedent, it-talba intiża sabiex id-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021 jiġi rrevokat għandha tiġi eżaminata mill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja.

5        F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 161(1) tar-Regoli tal-Proċedura, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2012/671/UE tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑23 ta’ Ottubru 2012 dwar il-funzjonijiet ġudizzjarji tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 2012, L 300, p. 47), il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja jiddeċiedi huwa stess fuq it-talbiet għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni jew għal miżuri provviżorji jew iressaq dawn it-talbiet lill-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr dewmien.

6        Għalhekk, b’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu kompetenza li jagħti deċiżjoni dwar kull talba għal miżuri provviżorji jew, meta jqis li ċirkustanzi partikolari jirrikjedu li din tintbagħat quddiem kulleġġ ġudikanti, li jressaq tali talba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Settembru 2021, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Polonja, C‑121/21 R, EU:C:2021:752, punt 10).

7        Minn dan isegwi li huwa biss il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja li għandu jevalwa, każ b’każ, jekk it-talbiet għal miżuri provviżorji mressqa quddiemu jeħtiġux ir-rinviju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tal-għoti lil kulleġġ ġudikanti (digriet tal-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Settembru 2021, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Polonja, C‑121/21 R, EU:C:2021:752, punt 11).

8        F’dan il-każ, it-talba tar-Repubblika tal-Polonja intiża sabiex id-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021 jiġi rrevokat ma turi ebda element ta’ natura li jitlob l-għoti tiegħu lil kulleġġ ġudikanti, b’tali mod li ma hemmx lok li din it-talba tiġi rrinvijata lill-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq il-mertu

 Argumenti

9        Insostenn tat-talba tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka bidla fiċ-ċirkustanzi li tirriżulta mis-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) tal‑14 ta’ Lulju 2021, mogħtija fil-Kawża P 7/20 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)”).

10      F’din is-sentenza, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet, b’mod partikolari, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 279 TFUE, huwa inkompatibbli mal-Artikoli 2 u 7, mal-Artikolu 8(1) kif ukoll mal-Artikolu 90(1) tal-Kostituzzjoni Pollakka, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(1) ta’ din tal-aħħar, għar-raġuni li l-Qorti tal-Ġustizzja eċċediet il-kompetenzi rispettivi tagħha, jiġifieri ddeċidiet ultra vires, billi ordnat lir-Repubblika tal-Polonja, fil-kwalità tagħha ta’ Stat Membru tal-Unjoni, miżuri provviżorji dwar l-organizzazzjoni u l-kompetenza tal-qrati Pollakki, kif ukoll fir-rigward tal-proċedura li għandha tiġi segwita quddiem dawn il-qrati, minkejja li l-prinċipji ta’ supremazija u ta’ applikazzjoni diretta tad-dritt tal-Unjoni stipulati fl-Artikolu 91(1) sa (3) tal-imsemmija Kostituzzjoni ma japplikawx għal dawn il-miżuri.

11      Skont ir-Repubblika tal-Polonja, fid-dawl tas-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), id-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021 huwa kuntrarju għall-ordni kostituzzjonali Pollakka.

12      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja tfakkar li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li huwa l-kompitu tagħha li tipproteġi l-Kostituzzjoni Pollakka, li, konformement mal-Artikolu 8 tagħha, hija d-dritt suprem ta’ dan l-Istat Membru, u li, konsegwentement, fil-kawżi ta’ prinċipju li jirrigwardaw l-ordni kostituzzjonali, hija għandha titqies bħala l-“qorti li għandha l-aħħar kelma”.

13      Ir-Repubblika tal-Polonja targumenta li l-interpretazzjoni li l-qrati kostituzzjonali tal-Istati Membri għandhom kompetenza sabiex jistħarrġu l-atti ultra vires tal-Unjoni, inklużi s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, ġiet adottata mill-qrati kostituzzjonali ta’ diversi Stati Membri. Dawn il-qrati kkunsidraw unanimament li l-ordinamenti ġuridiċi rispettivi tagħhom għandhom identità kostituzzjonali li huwa l-kompitu tagħhom li jiddefinixxu abbażi tad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali tagħhom, u għalhekk l-Unjoni hija obbligata tirrispetta tali identità.

14      Matul il-preżentazzjoni orali tal-motivi tas-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), l-Imħallef Relatur indika li l-missjoni ġudizzjarja mogħtija mill-Istati Membri lill-Qorti tal-Ġustizzja tintemm meta interpretazzjoni tat-Trattati ma tibqax tinftiehem u ssir oġġettivament arbitrarja. Skont din il-qorti, dan kien preċiżament il-każ tad-digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑791/19 R, EU:C:2020:277). F’dan ir-rigward, l-Imħallef Relatur ippreċiża li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ikkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet marret lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha peress li la t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u lanqas it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ma jagħtu lill-Unjoni xi kompetenza fl-organizzazzjoni, l-istabbiliment u l-funzjonament tas-setgħa ġudizzjarja ta’ Stat Membru, peress li dan il-qasam jibqa’ fil-kompetenza sovrana esklużiva tal-Istati Membri.

15      Skont ir-Repubblika tal-Polonja, id-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021 ġie adottat bi ksur tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni, stabbilit fl-Artikolu 5 TUE, b’tali mod li s-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tapplika wkoll fir-rigward ta’ dan id-digriet.

 Evalwazzjoni

16      Konformement mal-Artikolu 163 tar-Regoli tal-Proċedura, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, digriet għal miżuri provviżorji jista’ jiġi emendat jew irrevokat fi kwalunkwe ħin wara bdil fiċ-ċirkustanzi. Il-kunċett ta’ “bdil fiċ-ċirkustanzi” jirreferi b’mod partikolari għall-okkorrenza ta’ kull element ta’ natura fattwali jew legali ta’ natura li jikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Imħallef għal miżuri provviżorji fir-rigward tal-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett l-għoti tas-sospensjoni jew tal-miżura provviżorja (digriet tal-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Settembru 2021, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Polonja, C‑121/21, EU:C:2021:752, punt 22).

17      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk is-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tikkostitwixxix “bdil fiċ-ċirkustanzi”, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

18      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi l-preeminenza tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dritt tal-Istati Membri. Dan il-prinċipju, għalhekk, jobbliga lill-istanzi kollha tal-Istati Membri jagħtu l-effett sħiħ tagħhom lid-diversi normi tal-Unjoni, u d-dritt tal-Istati Membri ma jistax jaffettwa l-effett irrikonoxxut lil dawn id-diversi normi fit-territorju tal-imsemmija Stati (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor Din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 244 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

19      Issa, bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat diversi drabi, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kull Stat Membru għandu b’mod partikolari jiżgura li l-istanzi li, bħala “qrati” fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, jagħmlu parti mis-sistema ta’ rimedji tiegħu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni u li, għalhekk, jistgħu jagħtu deċiżjoni, f’din il-kwalità, dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-Imħallfin fil-Qorti Suprem – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat ċar u preċiż u li ma huwa akkumpanjat minn ebda kundizzjoni f’dak li jirrigwarda r-rekwiżiti li għandhom jikkaratterizzaw il-qrati msejħa li jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor Din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 250 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

21      Għalhekk, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma obbligati madankollu li josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

22      Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ fid-dawl tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, kif ukoll, konsegwentement, ta’ miżuri provviżorji intiżi, b’mod partikolari, għas-sospensjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet, ordnati mill-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-Artikolu 279 TFUE, fl-istess kuntest (digriet tal-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑204/21 R, EU:C:2021:593, punt 54).

23      Il-fatt li qorti kostituzzjonali nazzjonali tiddikjara li tali miżuri provviżorji huma kuntrarji għall-ordni kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat bl-ebda mod ma jbiddel l-evalwazzjoni li tinsab fil-punt preċedenti.

24      Filfatt, huwa biżżejjed jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, il-fatt li Stat Membru jinvoka dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, anki jekk ta’ natura kostituzzjonali, ma jistax jippreġudika l-unità u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor Din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 245 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ma tikkostitwixxix “bidla fiċ-ċirkustanzi”, fis-sens tal-Artikolu 163 tar-Regoli tal-Proċedura, ta’ natura li tqiegħed inkwistjoni l-evalwazzjonijiet li jinsabu fid-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021.

26      Konsegwentement, hemm lok li tiġi miċħuda t-talba tar-Repubblika tal-Polonja intiża sabiex id-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021 jiġi rrevokat.

Għal dawn il-motivi, il-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tordna:

1)      It-talba intiża sabiex id-digriet tal-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal14 ta’ Lulju 2021, IlKummissjoni vs IlPolonja (C204/21 R, EU:C:2021:593) jiġi rrevokat, hija miċħuda.

2)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.