Language of document : ECLI:EU:F:2012:123

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

13 ta’ Settembru 2012

Kawża F‑34/11

Saskia Jane Markland

vs

L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)

“Servizz Pubbliku — Persunal tal-Europol — Kuntratt ta’ aġent temporanju — Kondizzjonijiet tal-Impjieg — Klassifikazzjoni fi grad — Rikors manifestament infondat”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu S.J. Markland titlob l-annullament tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2010 li permezz tagħha l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) ikkonferma d-deċiżjoni tiegħu li jikklassifikaha fil-grupp tal-funzjoni tal-assistenti (AST) fil-grad AST 5.

Dispożittiv:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament infondat. Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż tal-Europol.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Europol — Reklutaġġ — Klassifikazzjoni fi grad — Obbligu li tiġi adottata deskrizzjoni tal-funzjonijiet u tal-karatteristiċi li jkopru kull tip ta’ rwol tal-aġenti temporanji — Ksur — Konsegwenzi fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni ta’ aġent temporanju — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 1a(2) u 5(4)); Anness I; Sistema applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 10; Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371, Artikolu 39(2))

2.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Klassifikazzjoni fi grad — Direttiva interna ta’ istituzzjoni — Kunċett — Pjan pluriennali indirizzat lill-awtorità li tirregola l-baġit tal-Unjoni għall-informazzjoni u ma hijiex intiża għal-persunal — Esklużjoni

3.      Uffiċjali — Organizzazzjoni tad-dipartimenti — Determinazzjoni tal-livell ta’ pożizzjoni li għandha timtela — Obbligu li jiġi ffissat il-grad preċiż fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal)

1. L-obbligu ta’ kull istituzzjoni tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 5(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, li tistabbilixxi, wara konsultazzjoni mal-kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, id-deskrizzjoni tal-funzjonijiet u tal-karatteristiċi marbuta ma’ kull tip ta’ pożizzjoni li l-lista tagħhom tidher fl-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal, jirrigwarda wkoll lill-Europol. Fil-fatt, dan il-korp huwa aġenzija, fis-sens tal-Artikolu 1a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, taħt l-Artikolu 39(2) tad-Deċiżjoni 2009/371, dwar l-istabbiliment tal-Europol, u l-imsemmi Artikolu 1a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jispeċifika li r-riferiment għall-istituzzjonijiet fir-Regolamenti tal-Persunal jestendi wkoll għall-aġenziji.

Il-fatt li Europol jonqos milli jistabbilixxi l-funzjonijiet u l-karatteristiċi msemmija fl-Artikolu 5(4) tar-Regolamenti tal-Persunal ma huwiex tali li jivvizzja b’illegalità d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-klassifikazzjoni ta’ aġent temporanju, peress li tali deskrizzjoni għandha unikament l-għan, bħala att purament intern, li tiffaċilita din il-klassifikazzjoni.

(ara l-punti 35, 36, 39 u 40)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Lulju 2007, De Smedt vs Il-Kummissjoni, T‑415/06 P, punti 42 u 43

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 ta’ Ġunju 2011, AS vs Il-Kummissjoni, F‑55/10, punt 59, li ġiet appellata quddiem Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑476/11 P

2       L-awtorità tal-ħatra tista’ tadotta direttiva interna li tgħinha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha dwar il-klassifikazzjoni fi grad. Madankollu, pjan pluriennali, indirizzat lill-awtorità li tirregola l-baġit tal-Unjoni għal informazzjoni u li ma huwiex intiż għall-persunal, ma jistax jikkwalifika bħala direttiva interna.

(ara l-punt 46)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Lulju 1997, Monaco vs Il-Parlament, T‑92/96, punt 46

3       Peress li r-Regolamenti tal-Persunal ma jistabbilixxux korrispondenza fissa bejn funzjoni ddeterminata u grad iddeterminat, l-amministrazzjoni tista’ tuża legalment is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha billi tiffissa, f’avviż ta’ pożizzjoni vakanti — jew ta’ selezzjoni — il-livell ta’ impjieg permezz ta’ riferiment għal numru kbir ta’ gradi.

(ara l-punt 50)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 18 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Traore, T‑572/08 P, punti 61 sa 63