Language of document : ECLI:EU:T:2016:483

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

15 ta’ Settembru 2016 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti mfassla fil-kuntest tax-xogħol preparatorju għall-adozzjoni tad-Direttiva dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk u ta’ prodotti relatati – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji u tal-pariri legali – Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali – Interess pubbliku ikbar”

Fil-Kawża T‑796/14,

Philip Morris Ltd, stabbilita f’Richmond (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn K. Nordlander u M. Abenhaïm, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Baquero Cruz u F. Clotuche-Duvieusart, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ares (2014) 3142109, tal-24 ta’ Settembru 2014, sa fejn tirrifjuta lir-rikorrenti aċċess sħiħ għad-dokumenti li għalihom saret applikazzjoni, bl-eċċezzjoni tad-data personali emendata li tinsab fihom,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, M. Kancheva u C. Wetter (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-21 ta’ Jannar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz ta’ ittra elettronika tat-22 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrenti, Philip Morris Ltd, bagħtet lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea numru ta’ applikazzjonijiet għal aċċess għal dokumenti skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

2        Dawn l-applikazzjonijiet kienu jikkonċernaw kollha kemm huma l-proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ April 2014, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ [ta’ prodotti] tat-tabakk u [ta’] prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU L 127, p. 1, iktar ’il quddiem id-“DPT”).

3        Permezz ta’ ittra elettronika tal-21 ta’ Frar 2014, id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Saħħa u protezzjoni tal-konsumaturi” tal-Kummissjoni informa lir-rikorrenti li ma kienx f’pożizzjoni li jwieġeb fit-terminu previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 minħabba l-volum tad-dokumenti kkonċernati, u ppropona li tinstab soluzzjoni konformement mal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

4        Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Marzu 2014, ir-rikorrenti aċċettat il-proposta tad-DĠ “Saħħa u protezzjoni tal-konsumaturi”, li kienet tikkonsisti f’separazzjoni tad-dokumenti li għalihom saret applikazzjoni f’diversi lottijiet. Madankollu, hija indikat li kienet qiegħda tirrifjuta din il-proposta jekk dan kien ifisser li, konsegwentement, hija ma kinitx ser tirċievi tweġiba fir-rigward tad-dokumenti kollha koperti mill-applikazzjonijiet tagħha sal-25 ta’ April 2014.

5        Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Marzu 2014, il-Kap tad-Diviżjoni D4 “Sustanzi ta’ oriġini umana u ġlieda kontra t-tipjip” tad-DĠ “Saħħa u protezzjoni tal-konsumaturi” indika li t-terminu propost mir-rikorrenti ma kienx raġonevoli, filwaqt li speċifika li istituzzjoni kellha l-possibbiltà li tibbilanċja, minn naħa, l-interess tal-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti u, min-naħa l-oħra, il-volum ta’ xogħol li jirriżulta minn dan l-aċċess, sabiex tħares, f’każijiet partikolari, l-interess ta’ amministrazzjoni tajba. Ġie indikat ukoll li din il-kwistjoni kienet ser terġa’ tiġi eżaminata fl-iqsar żmien possibbli sabiex jiġu ddeterminati l-istadji segwenti u t-termini applikabbli.

6        Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ April 2014, id-Direttur tad-DĠ “Saħħa u protezzjoni tal-konsumaturi” wieġeb għal ċerti applikazzjonijiet għal aċċess u informa lir-rikorrenti li l-applikazzjonijiet dwar id-dokumenti identifikati l-oħra kienu ser jiġu ttrattati f’diversi lottijiet.

7        Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ April 2014, ir-rikorrenti fakkret lill-Kummissjoni li, fl-assenza ta’ soluzzjoni ġusta, din tal-aħħar kienet marbuta mit-termini previsti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, filwaqt li ppreċiżat li kienet qiegħda tirriżerva d-dritt li tippreżenta rikors fil-każ li l-applikazzjonijiet tagħha jkunu għadhom pendenti fl-1 ta’ Mejju 2014. Hija talbet ukoll bidla żgħira fl-ordni tal-prijorità tal-lottijiet li, fil-parti l-kbira tagħha, ġiet aċċettata mill-Kummissjoni.

8        Permezz tat-tweġiba inizjali tiegħu tal-15 ta’ Mejju 2014, id-DĠ “Saħħa u protezzjoni tal-konsumaturi” ta aċċess sħiħ, fir-rigward tad-dokumenti li kienu jagħmlu parti mill-ewwel lott (total ta’ 39 dokument), mit-tielet lott (total ta’ 24 dokument) u mill-ħames lott (total ta’ 5 dokumenti), għall-parti l-kbira mill-imsemmija dokumenti (bid-data personali mħassra). Huwa indika li l-eżami tad-dokumenti fit-tieni u fir-raba’ lottijiet, kif ukoll ta’ parti mid-dokumenti fit-tielet lott, kien għadu għaddej. Il-Kummissjoni tat aċċess parzjali fir-rigward ta’ 13-il dokument fl-ewwel jew fit-tielet lott. Ir-rifjut li jingħata aċċess sħiħ kien ibbażat fuq il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali [prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001], tal-pariri legali [prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001], tar-relazzjonijiet internazzjonali [prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001], tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika [prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001], kif ukoll fuq il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwi [prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001].

9        Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrenti ressqet applikazzjoni konfermatorja quddiem il-Kummissjoni, intiża għal aċċess sħiħ għat-13-il dokument li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni kienet tat biss aċċess parzjali.

10      Fl-1 ta’ Ġunju 2014, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni estenda t-terminu ta’ tweġiba bi ħmistax-il jum ta’ xogħol, konformement mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

11      Fit-23 ta’ Lulju 2014, intbagħtet it-tieni tweġiba ta’ stennija lir-rikorrenti.

12      Fl-24 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni Ares (2014) 3142109 bi tweġiba għall-applikazzjoni konfermatorja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), fejn irrifjutat aċċess sħiħ għal 6 mit-13-il dokument ikkonċernati mill-applikazzjoni konfermatorja.

13      Dan ir-rifjut kien immotivat mill-ħtieġa tal-protezzjoni:

–        fir-rigward tad-dokumenti Nru 1 u Nru 3 sa Nru 7, tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu [Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001];

–        fir-rigward tad-dokument Nru 1, tal-pariri legali [it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001];

–        fir-rigward tad-dokumenti Nru 3 sa Nru 7, tal-proċeduri ġudizzjarji [it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001];

–        fir-rigward tad-dokumenti Nru 1 u Nru 3 sa Nru 7, tal-proċess deċiżjonali [l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001];

–        sussidjarjament, fir-rigward tad-dokumenti Nru 1 u Nru 3 sa Nru 7, tal-proċess deċiżjonali [it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001].

14      Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li lanqas ma kien jeżisti interess pubbliku ikbar, fis-sens tal-aħħar parti tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-aħħar parti tal-ewwel u tat-tieni subparagrafi tal-Artikolu 4(3) tal-istess regolament, li kien jiġġustifika li d-dokumenti jiġu żvelati xorta waħda.

15      Fl-aħħar nett, filwaqt li applikat l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni tat aċċess sħiħ fir-rigward tad-dokumenti Nru 2 u Nru 8 sa Nru 13, u aċċess parzjali iktar estiż fir-rigward tad-dokumenti Nru 1 u Nru 3. Hija qieset li aċċess parzjali addizzjonali għad-dokumenti l-oħra (dokumenti Nru 1 u Nru 3 sa Nru 7) ma kienx possibbli minħabba li l-partijiet mistura tal-imsemmija dokumenti kienu jaqgħu, kif kien diġà ġie spjegat, taħt l-eċċezzjonijiet invokati.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Diċembru 2014, ir-rikorrenti ressqet il-kawża ineżami.

17      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha fis-16 ta’ Marzu 2015.

18      Konformement mal-Artikolu 47(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li ma kienx meħtieġ skambju ieħor ta’ noti.

19      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

20      Permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Novembru 2015, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi kopja tad-dokumenti li għalihom saret applikazzjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 91(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, u indikat li, konformement mal-Artikolu 104 tal-imsemmija Regoli, dawn id-dokumenti ma kinux ser jiġu kkomunikati lir-rikorrenti. Il-Kummissjoni osservat dan id-digriet fit-terminu mogħti.

21      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Diċembru 2015, il-Kawżi T‑796/14, T‑800/14 u T‑18/15 ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

22      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-21 ta’ Jannar 2016.

23      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tirrifjuta aċċess sħiħ għad-dokumenti Nru 1 u Nru 3 sa Nru 7, elenkati fir-rikors, bl-eċċezzjoni tad-data marbuta mal-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

24      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

25      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tippreżenta tliet motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, it-tieni wieħed, fuq ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, u, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

26      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ma mmotivatx ir-rifjut tagħha ta’ aċċess parzjali. Fil-fatt, l-ewwel nett, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ppreżentat argumenti ġenerali sabiex tiġġustifika r-rifjut tagħha, mingħajr ma ppreċiżat ir-raġunijiet u ċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti għal kull rifjut. It-tieni nett, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk kienx hemm interess pubbliku ikbar, minflok ma bbilanċjat ir-rekwiżiti raġuni b’raġuni, il-Kummissjoni wettqet l-istess evalwazzjoni għad-diversi raġunijiet u dokumenti kollha. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata. It-tielet nett, meta tapplika l-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, id-deċiżjoni kkontestata ma tispjegax jekk il-ġustifikazzjoni invokata għal kull parti mistura kinitx tikkonċerna “parir legali” jew “proċedura ġudizzjarja”. Fl-aħħar nett, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet ma jistax ikun rilevanti fil-kuntest ta’ aċċess għal dokumenti li jikkonċernaw proċedura leġiżlattiva.

27      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti.

28      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, li tikkonċerna l-legalità fil-mertu tal-att kontenzjuż (sentenzi tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑17/99, EU:C:2001:178, punt 35, u tas-26 ta’ Ottubru 2011, Dufour vs BĊE, T‑436/09, EU:T:2011:634, punt 52).

29      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adatta għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatti u ta’ liġi kollha rilevanti, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-imsemmi artikolu għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63; tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, C‑41/00 P, EU:C:2003:125, punt 55; tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 80, u tad-19 ta’ Novembru 2014, Ntouvas vs ECDC, T‑223/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:975, punt 20).

30      Fir-rigward ta’ applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti, kull deċiżjoni ta’ istituzzjoni bbażata fuq l-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 għandha tkun immotivata. Jekk istituzzjoni tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li tkun saret applikazzjoni għall-iżvelar tiegħu, din l-istituzzjoni għandha tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni, l-ewwel nett, ta’ kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ jippreġudika b’mod konkret u effettiv l-interess protett minn eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/201 u invokat minn din l-istituzzjoni u, it-tieni nett, fil-każijiet previsti fl-Artikolu 4(2) u (3) ta’ dan ir-regolament, ta’ jekk jeżistix interess pubbliku ikbar li jiġġustifika xorta waħda l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punti 48 u 49; tal-11 ta’ Marzu 2009, Borax Europe vs Il-Kummissjoni, T‑121/05, mhux ippubblikata, EU:T:2009:64, punt 37, u tat-12 ta’ Settembru 2013, Besselink vs Il-Kunsill, T‑331/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:419, punt 96).

31      Għaldaqstant, l-istituzzjoni li tkun irrifjutat l-aċċess għal dokument għandha tipprovdi motivazzjoni li tippermetti li jinftiehem u li jiġi vverifikat, minn naħa, jekk id-dokument li għalih saret applikazzjoni huwiex effettivament ikkonċernat mill-qasam kopert mill-eċċezzjoni invokata u, min-naħa l-oħra, jekk il-ħtieġa ta’ protezzjoni marbuta ma’ din l-eċċezzjoni hijiex reali (sentenzi tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il-Kunsill, T‑110/03, T‑150/03 u T‑405/03, EU:T:2005:143, punt 61, u tat-12 Settembru 2013, Besselink vs Il-Kunsill, T‑331/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:419, punt 99).

32      F’dan il-każ, mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ir-rifjut ta’ aċċess sħiħ, sa fejn huwa ta’ interess għal din il-kawża, fuq l-eċċezzjonijiet previsti fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) (protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji u tal-pariri legali), u fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi tal-Artikolu 4(3) (protezzjoni tal-proċess deċiżjonali) tar-Regolament Nru 1049/2001.

33      Mill-imsemmija motivi jirriżulta wkoll li, moqrija flimkien mad-deċiżjoni inizjali, id-dokumenti kontenzjużi, li fir-rigward tagħhom ingħata biss aċċess parzjali, jikkonċernaw id-dokumenti segwenti:

–        id-dokument Nru 1: “Nota għall-fajl – Laqgħa tal-Unità C6 mas-SL u mas-SĠ”, tas-6 ta’ Mejju 2011, li tinkludi l-minuti ta’ laqgħa bejn rappreżentanti tad-DĠ “Saħħa u protezzjoni tal-konsumaturi” u s-Servizz Legali tal-Kummissjoni;

–        id-dokument Nru 3: minuti tal-laqgħa tal-grupp ta’ tmexxija tal-analiżi ta’ impatt dwar ir-reviżjoni tad-direttiva dwar il-prodotti tat-tabakk, li nżammet fid-19 ta’ Lulju 2012;

–        id-dokument Nru 4: ittra elettronika ta’ uffiċjal tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Impriżi u industrija” tat-13 ta’ Marzu 2012, li tindirizza ċerti kwistjonijiet diskussi internament matul il-proċess tat-tfassil tad-direttiva dwar il-prodotti tat-tabakk;

–        id-dokument Nru 5: ittra elettronika ta’ uffiċjal tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Suq intern u servizzi” tal-11 ta’ Mejju 2011, indirizzata lil diversi direttorati ġenerali dwar ir-raba’ laqgħa tal-grupp ta’ tmexxija tal-analiżi ta’ impatt;

–        id-dokument Nru 6: ittra elettronika tad-DĠ “Suq intern u servizzi” tal-20 ta’ Marzu 2012, indirizzata lil diversi direttorati ġenerali;

–        id-dokument Nru 7: ittra elettronika ta’ uffiċjal tad-DĠ “Suq intern u servizzi” tal-20 ta’ Lulju 2012, indirizzata lil uffiċjali oħra tal-istess DĠ u li tinkludi l-minuti ta’ laqgħa li nżammet fid-19 ta’ Lulju 2012 bejn diversi dipartiment tal-Kummissjoni.

34      Minn naħa, il-Kummissjoni qieset li l-iżvelar tad-dokument Nru 1, li kien jinkludi parir mis-Servizz Legali, kien ser jippreġudika pariri legali kif protetti permezz tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, eċċezzjoni li hija intiża li tipproteġi l-interess ta’ istituzzjoni li titlob pariri legali u li tirċievi pariri mingħajr riżervi, oġġettivi u kompleti. L-iżvelar kien ser iqiegħed fid-dominju pubbliku pariri interni dwar kwistjonijiet sensittivi ħafna li kienu saru s-suġġett ta’ tilwima. Fir-rigward tad-dokumenti Nru 3 sa Nru 7, imfassla għal użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari marbuta mal-adozzjoni ta’ proposti leġiżlattivi u li jinkludu osservazzjonijiet ta’ diversi dipartimenti tal-Kummissjoni dwar l-ippakkjar u t-tikketti tal-prodotti tat-tabakk u l-modalitajiet ta’ bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk, il-Kummissjoni qieset li l-iżvelar tagħhom kien ser jippreġudika proċeduri ġudizzjarji li huma protetti wkoll mill-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

35      Kemm fil-kuntest tal-protezzjoni tal-pariri legali u kemm fil-kuntest tal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, il-Kummissjoni qieset li żvelar sħiħ tad-dokumenti li għalihom saret applikazzjoni seta’ jkollu impatt negattiv fuq il-possibbiltà tagħha li tiddefendi, b’mod effettiv, il-validità tad-DPT. Hija indikat li dan ir-riskju ta’ preġudizzju għall-interess protett ma kienx ipotetiku iżda kien reali u tanġibbli u, f’dan ir-rigward, semmiet:

–        ir-rikors ippreżentat mill-Polonja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kontra l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea [kawża li sadanittant wasslet għas-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑358/14, EU:C:2016:323)];

–        il-fatt li l-adozzjoni tad-DPT kienet ġiet ikkontestata bil-qawwi mill-industrija tat-tabakk u, għaldaqstant, li, fil-futur qarib, kienu mistennija domandi preliminari dwar il-validità ta’ din id-direttiva u ta’ miżuri meħuda mill-Istati Membri, kif seħħ fil-każ tal-ewwel direttiva dwar il-prodotti tat-tabakk;

–        il-fatt li, fil-frattemp, ir-rikorrenti stess kienet ħabbret it-tressiq ta’ kawża quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), diviżjoni tal-Queen’s Bench (awla amministrattiva), ir-Renju Unit] kontra d-DPT, li kien jimplika li, b’mod verosimili, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ser ikollha tieħu konjizzjoni tal-kawża permezz ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari;

–        id-diversi tilwimiet pendenti quddiem l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (fejn dan il-motiv tal-aħħar ġie invokat biss fil-kuntest tal-eċċezzjoni dwar proċeduri ġudizzjarji fir-rigward tad-dokumenti Nru 3 sa Nru 7).

36      Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li l-iżvelar tad-dokumenti Nru 1 u Nru 3 sa Nru 7 kien ser jippreġudika wkoll il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Peress li d-direttiva dwar il-prodotti tat-tabakk kienet is-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni ma kinitx qiegħda teskludi li, fil-każ li d-DPT tiġi annullata, il-proċess deċiżjonali leġiżlattiv dwar dan il-fajl kien ser ikollu jerġa’ jinfetaħ u li tali proċess leġiżlattiv eventwali kien ser ikun affettwat b’mod kunsiderevoli mill-iżvelar sħiħ ta’ dokumenti li jinkludu riflessjonijiet dwar dan is-suġġett. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-iżvelar tal-partijiet mistura tad-dokumenti inkwistjoni kien ser jippreġudika l-proċess deċiżjonali fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li, sakemm il-proċedura ġudizzjarja kienet għadha pendenti, il-proċess deċiżjonali ma setax jitqies li kien definittivament konkluż. Sussidjarjament, il-Kummissjoni qieset li d-dokumenti kienu koperti wkoll mill-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

37      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni eskludiet l-eżistenza ta’ interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar. Filwaqt li rrikonoxxiet l-importanza tat-trasparenza sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċess demokratiku u l-preżunzjoni ta’ trasparenza fir-rigward tad-dokumenti li jikkonċernaw proċess leġiżlattiv, il-Kummissjoni madankollu qieset li l-protezzjoni tar-riflessjonijiet interni tagħha, tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u tal-proċess deċiżjonali tagħha kienet iktar importanti. Barra minn hekk, hija qieset li l-interess invokat mir-rikorrenti kien wieħed privat u mhux pubbliku.

38      Għandu jiġi osservat li minn dawn il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 29 u 30 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni indikat, b’mod suffiċjentement ċar u li jinftiehem, ir-raġunijiet għaliex fil-fehma tagħha, minn naħa, l-aċċess għad-dokumenti li għalihom saret applikazzjoni kien ser jippreġudika b’mod konkret u effettiv l-interess protett mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 invokati u, min-naħa l-oħra, ma kienx hemm interess pubbliku ikbar li kien jiġġustifika xorta waħda l-iżvelar tagħhom.

39      Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, kif jirriżulta mill-atti tar-rikorrenti, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ppermettitilha tifhem ir-raġunijiet ta’ rifjut ta’ aċċess u tipprepara r-rikors tagħha. Barra minn hekk, din il-motivazzjoni hija wkoll suffiċjenti sabiex tippermetti lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha.

40      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement immotivata. Il-kwistjoni tal-fondatezza tal-eċċezzjonijiet invokati fir-rigward tad-dokumenti li għalihom saret applikazzjoni għandha tiġi eżaminata fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet motivi.

41      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

42      Permezz tat-tieni motiv, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ma stabbilixxietx kif żvelar f’kull każ kien ser jippreġudika b’mod konkret u effettiv il-protezzjoni tal-pariri legali jew tal-proċeduri ġudizzjarji. Fit-tieni lok, hija tqis li l-eċċezzjoni marbuta mal-proċeduri ġudizzjarji ma hijiex applikabbli.

43      Fir-rigward tal-ġustifikazzjonijiet fir-rigward tal-pariri legali, ir-rikorrenti tqis li l-istituzzjonijiet għandhom – bħala regola ġenerali – jiżvelaw il-pariri tas-servizzi legali tagħhom dwar il-proċess leġiżlattiv u li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda spjegazzjoni li turi għaliex, f’dan il-każ, żvelar totali tad-dokumenti inkwistjoni kien ser jippreġudika b’mod konkret u effettiv il-protezzjoni tal-pariri legali. Issa, skont ir-rikorrenti, riferimenti astratti għall-kapaċità tas-Servizz Legali li jiddefendi l-validità tad-DPT ma humiex rilevanti, la fir-rigward tal-eċċezzjoni li tipproteġi l-pariri legali u lanqas fir-rigward tal-eċċezzjoni li tipproteġi l-“proċeduri ġudizzjarji”. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma wettqitx evalwazzjoni preċiża u speċifika tal-kwistjoni jekk interess pubbliku ikbar setax jiġġustifika l-komunikazzjoni ta’ kull wieħed mid-dokumenti inkwistjoni.

44      Fir-rigward tal-eċċezzjoni dwar il-proċeduri ġudizzjarji, ir-rikorrenti tqis li din ma hijiex applikabbli. Id-dokumenti inkwistjoni kienu tfasslu esklużivament fil-kuntest ta’ konsultazzjonijiet u ta’ deliberazzjonijiet preliminari fid-dawl tal-adozzjoni tal-proposta leġiżlattiva inkwistjoni u l-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma kien inħoloq fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja pendenti, magħluqa jew futura.

45      Fir-rigward tar-riferiment magħmul mill-Kummissjoni għall-proċedimenti quddiem id-WTO, ir-rikorrenti ssostni li l-obbligu li l-eċċezzjonijiet jiġu interpretati b’mod restrittiv jeskludi neċessarjament dawn il-proċedimenti peress li l-mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim tad-WTO ma jikkostitwixxix “qorti”. Barra minn hekk, il-proċedimenti quddiem id-WTO huma bbażati fuq kuntest legali kompletament separat u d-dokumenti li għalihom saret applikazzjoni ma jistgħux ikunu rilevanti għal tilwima mressqa quddiem id-WTO.

46      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti.

47      Il-Kummissjoni tqis li, fir-rigward tal-protezzjoni tal-parir legali, hija tat biżżejjed raġunijiet li jispjegaw għaliex id-dokument Nru 1 kien jistħoqqlu protezzjoni.

48      Fir-rigward tal-eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, il-Kummissjoni ssostni li din l-eċċezzjoni tista’ tiġi interpretata biss fis-sens li tkopri, kemm qabel u kemm wara l-ftuħ tal-proċedura ġudizzjarja, mhux biss id-dokumenti inklużi fil-proċess tal-kawża u d-dokumenti mfassla esklużivament għall-finijiet ta’ proċedura ġudizzjarja partikolari, iżda wkoll dokumenti interni oħra li jkunu “marbuta” mill-qrib jew li jkunu “rilevanti” għal proċeduri ġudizzjarji futuri jew pendenti, peress li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jmur kontra l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u jippreġudika s-serenità u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura ġudizzjarja.

49      Għandu jitfakkar li, konformement mal-premessa 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 isegwi r-rieda espressa fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE li jsir pass ġdid lejn il-ħolqien ta’ “għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli ta’ l-Ewropa”, li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu bl-ikbar osservanza possibbli tal-prinċipju ta’ trasparenza u kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin. Kif tfakkar il-premessa 2 ta’ dan ir-regolament, id-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika ta’ dawn tal-aħħar (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 34; tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 68; u tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 72).

50      Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif jindikaw il-premessa 4 tiegħu u l-Artikolu 1 tiegħu, li jagħti lill-pubbliku l-iktar dritt ta’ aċċess wiesa’ possibbli għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 33; tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 69; u tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 73).

51      Huwa minnu li dan id-dritt huwa xorta waħda suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. B’mod iktar speċifiku, u konformement mal-premessa 11 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi, fl-Artikolu 4 tiegħu, sistema ta’ eċċezzjonijiet li tawtorizza lill-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ li l-iżvelar ta’ dan tal-aħħar tippreġudika wieħed mill-interessi protetti minn dan l-artikolu (sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 62; tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punti 70 u 71; tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 74; u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 29).

52      Madankollu, peress li jikkostitwixxu deroga mill-prinċipju tal-iktar aċċess wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti, tali eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 63; tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 36; tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 73; u tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 75).

53      Madankollu, is-sempliċi fatt li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jistax ikun suffiċjenti sabiex tkun ġustifikata l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni (sentenzi tat-3 ta’ Lulju 2014, Il-Kunsill vs in ’t Veld, C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 51, u tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, T‑2/03, EU:T:2005:125, punt 69).

54      Fil-fatt, minn naħa, meta l-istituzzjoni kkonċernata tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li tkun saritilha applikazzjoni għall-komunikazzjoni tiegħu, hija għandha, bħala prinċipju, tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni ta’ kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ jippreġudika b’mod konkret u effettiv l-interess protett permezz tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 u invokata minn din l-istituzzjoni. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Min-naħa l-oħra, meta tapplika waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, istituzzjoni għandha tibbilanċja l-interess speċifiku li għandu jiġi protett min-nuqqas ta’ żvelar tad-dokument ikkonċernat u, b’mod partikolari, l-interess ġenerali li dan id-dokument ikun aċċessibbli, fid-dawl tal-vantaġġi li jirriżultaw, kif tosserva l-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, minn trasparenza ikbar, jiġifieri parteċipazzjoni aħjar miċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali kif ukoll iktar leġittimità, effikaċja u responsabbiltà min-naħa tal-amministrazzjoni fir-rigward taċ-ċittadini f’sistema demokratika (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 45; tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 32, u tat-3 ta’ Lulju 2014, Il-Kunsill vs in ’t Veld, C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 53).

56      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom, manifestament, rilevanza kompletament partikolari meta l-Kunsill jaġixxi fil-kwalità tiegħu ta’ leġiżlatur, kif jirriżulta mill-premessa 6 tar-Regolament Nru 1049/2001, li tipprovdi li preċiżament f’tali każ għandu jiġi awtorizzat aċċess usa’ għal dokumenti. F’dan ir-rigward, it-trasparenza tikkontribwixxi sabiex tissaħħaħ id-demokrazija billi tippermetti liċ-ċittadini jikkontrollaw l-informazzjoni kollha li kienet ikkostitwixxiet il-bażi ta’ att leġiżlattiv. Fil-fatt, il-possibbiltà għaċ-ċittadini li jkunu jafu l-bażijiet tal-azzjoni leġiżlattiva hija kundizzjoni meħtieġa għall-eżerċizzju effettiv, minn dawn tal-aħħar, tad-drittijiet demokratiċi tagħhom (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 46, u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 33). Għalkemm tikkonċerna applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti tal-Kunsill, din il-ġurisprudenza hija rilevanti wkoll fir-rigward tad-dokumenti tal-Kummissjoni redatti fil-kuntest ta’ proċess leġiżlattiv.

 Fuq il-protezzjoni tal-pariri legali

57      Ir-rikorrenti tikkritika essenzjalment il-ġustifikazzjonijiet vagi invokati mill-Kummissjoni, ġustifikazzjonijiet li, fil-fehma tagħha, diġà ġew, fi kwalunkwe każ, miċħuda mill-ġurisprudenza.

58      Fir-rigward tal-eċċezzjoni marbuta mal-pariri legali prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-eżami li għandha twettaq l-istituzzjoni kkonċernata meta ssirilha applikazzjoni għall-iżvelar ta’ dokument għandu neċessarjament jitwettaq fi tliet stadji, li jikkorrispondu għat-tliet kriterji msemmija f’din id-dispożizzjoni (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 37, u tat-3 ta’ Lulju 2014, Il-Kunsill vs in ’t Veld, C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 95).

59      Għaldaqstant, l-ewwel nett, l-istituzzjoni għandha tiżgura li d-dokument li għall-iżvelar tiegħu saret applikazzjoni jikkonċerna verament parir legali. It-tieni nett, hija għandha teżamina jekk l-iżvelar ta’ partijiet mid-dokument inkwistjoni identifikati bħala li jikkonċernaw pariri legali jippreġudikax il-protezzjoni li minnha għandhom jibbenefikaw dawn tal-aħħar, fis-sens li dan l-iżvelar ser jippreġudika l-interess ta’ istituzzjoni li titlob pariri legali u li tirċievi pariri mingħajr riżervi, oġġettivi u kompleti. Ir-riskju ta’ preġudizzju għal dan l-interess għandu, sabiex ikun jista’ jiġi invokat, ikun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku. It-tielet u l-aħħar nett, jekk tqis li l-iżvelar ta’ dokument ser jippreġudika l-protezzjoni dovuta lill-pariri legali kif għadha kemm ġiet iddefinita, l-istituzzjoni għandha tivverifika li ma jeżistix interess pubbliku ikbar li jiġġustifika dan l-iżvelar, minkejja l-preġudizzju li jirriżulta minn dan l-iżvelar għall-kapaċità tagħha li titlob pariri legali u li tirċievi pariri mingħajr riżervi, oġġettivi u kompleti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punti 38 sa 44, u tat-3 ta’ Lulju 2014, Il-Kunsill vs in ’t Veld, C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 96).

60      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, sa fejn l-iżvelar tal-pariri tas-servizz legali ta’ istituzzjoni mogħtija fil-kuntest ta’ proċeduri leġiżlattivi jista’ jippreġudika l-interess tal-protezzjoni tal-indipendenza ta’ dan is-servizz legali, dan ir-riskju għandu jiġi bbilanċjat mal-interessi pubbliċi ikbar li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Nru 1049/2001. Jikkostitwixxi tali interess pubbliku ikbar il-fatt li l-iżvelar ta’ dokumenti li jinkludu l-parir tas-servizz legali ta’ istituzzjoni fuq kwistjonijiet legali li tqajmu matul id-dibattitu dwar inizjattivi leġiżlattivi huwa ta’ natura li jżid it-trasparenza u l-ftuħ tal-proċess leġiżlattiv u li jsaħħaħ id-dritt demokratiku taċ-ċittadini Ewropej li jikkontrollaw l-informazzjoni li kkostitwixxiet il-bażi ta’ att leġiżlattiv, kif imsemmi, b’mod partikolari, fil-premessi 2 u 6 tal-imsemmi regolament (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 67).

61      Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li r-Regolament Nru 1049/2001 jimponi, bħala prinċipju, obbligu li jiġu żvelati l-pariri tas-servizz legali ta’ istituzzjoni dwar proċess leġiżlattiv (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 68).

62      Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tipprekludix li l-iżvelar ta’ parir legali speċifiku, mogħti fil-kuntest ta’ proċess leġiżlattiv iżda li jkun ta’ natura partikolarment sensittiva jew li jkollu portata partikolarment wiesgħa li tmur lil hinn mill-kuntest tal-proċess leġiżlattiv inkwistjoni, jista’ jiġi rrifjutat minħabba l-protezzjoni tal-pariri legali. F’tali każ, l-istituzzjoni kkonċernata għandha timmotiva r-rifjut b’mod iddettaljat (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 69).

63      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonstata, wara l-produzzjoni tad-dokumenti fil-kuntest tal-miżura istruttorja adottata permezz tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Novembru 2015, li d-dokument Nru 1 kien opinjoni tas-Servizz Legali tal-Kummissjoni.

64      Għalkemm mis-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill (C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374), jirriżulta li, bħala prinċipju, parir legali għandu jiġi żvelat, l-imsemmija sentenza ma teskludix in-nuqqas ta’ żvelar ta’ opinjoni legali f’każijiet speċifiċi.

65      Barra minn hekk, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat l-argument li l-iżvelar ta’ parir legali seta’ jippreġudika l-kapaċità tal-istituzzjoni li tiddefendi sussegwentement il-validità ta’ att leġiżlattiv quddiem qorti bħala argument ta’ natura tant ġenerali li ma setax jiġġustifika eċċezzjoni għat-trasparenza prevista mir-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 65).

66      Madankollu, b’differenza mill-kawża li wasslet għas-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill (C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374), għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fl-24 ta’ Settembru 2014, rikors ippreżentat lejn l-aħħar ta’ Ġunju mir-rikorrenti, li kien jikkontesta d-DPT u li kien jimplika probabbiltà kbira ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, fid-dawl tal-kwistjonijiet legali inkwistjoni marbuta mad-DPT u l-istorja tal-proċess leġiżlattiv marbut mal-adozzjoni tad-DPT (ara l-punt 91 iktar ’il quddiem), kien pendenti quddiem il-qrati tar-Renju Unit.

67      Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet ġustament tqis li rinviju għal deċiżjoni preliminari kien prevedibbli fil-futur qarib. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat, fit-22 ta’ Lulju 2014, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, rikors fejn ikkontestat il-validità ta’ ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet tad-DPT li fil-fehma tar-Repubblika tal-Polonja kienu jmorru kontra l‑Artikolu 114 TFUE, il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll il-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

68      Għalhekk, l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-preġudizzju għall-kapaċità tagħha li tiddefendi l-pożizzjoni tagħha fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji u għall-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet ma huwiex infondat.

69      Fil-fatt, mill-partijiet żvelati tad-dokument Nru 1 jirriżulta li s-Servizz Legali kien tal-fehma li, fir-rigward ta’ ċerti għażliet politiċi, li wħud minnhom kienu ġew mistura, inklużi fl-abbozz ta’ analiżi ta’ impatt u marbuta mal-prodotti tat-tabakk, l-Unjoni Ewropea ma kellhiex il-kompetenza li tilleġiżla u li din l-għażla politika ma kinitx proporzjonata fid-dawl tal-Artikolu 114 TFUE.

70      Issa, l-iżvelar tal-partijiet mistura fid-dokument Nru 1 seta’ jikkomprometti l-protezzjoni tal-pariri legali, jiġifieri l-protezzjoni tal-interess ta’ istituzzjoni li titlob pariri legali u li tirċievi pariri mingħajr riżervi, oġġettivi u kompleti, kif ukoll il-pożizzjoni tas-Servizz Legali tal-Kummissjoni fid-difiża tagħha tal-validità tad-DPT quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropew, fuq bażi ugwali bħall-partijiet l-oħra, sa fejn dan l-iżvelar kien iwassal sabiex tiġi żvelata l-pożizzjoni tas-Servizz Legali tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet sensittivi u kontenzjużi qabel ma l-Kummissjoni kellha l-opportunità li tippreżenta din il-pożizzjoni matul il-proċedura ġudizzjarja, u dan filwaqt li ebda obbligu simili ma huwa impost fuq il-parti l-oħra.

71      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument fis-sens li l-Kummissjoni ma wettqitx evalwazzjoni preċiża u speċifika tal-kwistjoni ta’ jekk interess pubbliku ikbar setax jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni tat il-motivi marbuta mad-dritt tad-difiża tagħha li kienu jiġġustifikaw li l-interess pubbliku marbut mat-trasparenza jiġi suġġett għall-motivi li fuqhom kienet ibbażata l-eċċezzjoni mqajma minnha. Hija spjegat ukoll li l-interess tar-rikorrenti li tikseb l-iktar aċċess wiesa’ possibbli għad-dokumenti ma kienx interess pubbliku, iżda kien manifestament interess privat. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-Kummissjoni ma wettqitx analiżi konkreta jew li ma ddikjaratx il-motivi li jiġġustifikaw id-deċiżjoni tagħha.

72      Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jikkonċerna l-protezzjoni tal-pariri legali, għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji

73      Kif ġie indikat fil-punt 44 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tikkontesta l-applikabbiltà tal-eċċezzjoni marbuta mal-proċeduri ġudizzjarji fir-rigward tad-dokumenti Nru 3 sa Nru 7. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, skont ir-rikorrenti, ma spjegatx għaliex żvelar kien ser jippreġudika b’mod konkret u effettiv il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji.

74      Għandu jitfakkar li, fost l-eċċezzjonijiet elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, tinsab dik marbuta mal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji.

75      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-espressjoni “proċedimenti fil-qrati [proċeduri ġudizzjarji]” għandha tiġi interpretata fis-sens li l-protezzjoni tal-interess pubbliku tipprekludi l-iżvelar tal-kontenut ta’ dokumenti redatti esklużivament għall-finijiet ta’ proċedura ġudizzjarja partikolari (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, EU:T:2006:190, punti 88 u 89 u l-ġurisprudenza ċċitata; u tat-3 ta’ Ottubru 2012, Jurašinović vs Il-Kunsill, T‑63/10, EU:T:2012:516, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Bl-istess mod, ġie deċiż li “dokumenti redatti esklużivament għall-finijiet ta’ proċedura ġudizzjarja partikolari” għandhom jinftiehmu bħala n-noti jew l-atti ppreżentati, id-dokumenti interni marbuta mal-istruttorja tal-kawża pendenti, il-komunikazzjonijiet marbuta mal-kawża bejn id-DĠ ikkonċernat u s-servizz legali jew uffiċċju ta’ avukati, fejn din id-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni fl-imsemmija kawża hija intiża li tiggarantixxi, minn naħa, il-protezzjoni tal-ħidma interna tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, il-kunfidenzjalità u l-ħarsien tal-prinċipju tas-sigriet professjonali tal-avukati (sentenza tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, EU:T:2006:190, punt 90).

77      Barra minn hekk, ġiet rikonoxxuta l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali għan-noti li jagħmlu parti minn proċedura ġudizzjarja prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sakemm l-imsemmija proċedura tkun għadha pendenti (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 94).

78      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li n-noti ppreżentati quddiemha fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja kellhom karatteristiċi kompletament partikolari sa fejn, permezz tan-natura tagħhom stess, iktar jagħmlu parti mill-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja milli mill-attività amministrattiva tal-Kummissjoni, fejn din l-attività tal-aħħar, barra minn hekk, ma tirrikjedix l-istess portata ta’ aċċess għal dokumenti bħall-attività leġiżlattiva ta’ istituzzjoni tal-Unjoni.

79      Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, dawn in-noti huma redatti esklużivament għall-finijiet tal-imsemmija proċedura ġudizzjarja u jikkostitwixxu l-element essenzjali tagħha. Huwa permezz tar-rikors promotur li r-rikorrent jiddelimita t-tilwima u huwa b’mod partikolari fil-kuntest tal-fażi bil-miktub ta’ din il-proċedura li l-partijiet jipprovdu lill-qorti tal-Unjoni l-elementi li fuqhom hija timxi sabiex tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja tagħha (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 78).

80      Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li l-eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-proċedura ġudizzjarja kienet timplika li kellhom jiġu żgurati l-osservanza tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Fil-fatt, l-aċċess għal dokumenti minn parti waħda jista’ jippreġudika l-ekwilibriju indispensabbli bejn il-partijiet f’tilwima, ekwilibriju li fuqu huwa bbażat il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, sa fejn l-istituzzjoni kkonċernata minn applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti biss, u mhux il-partijiet kollha fil-proċedura, tkun suġġetta għall-obbligu ta’ żvelar (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punti 85 sa 87).

81      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-preżunzjoni li tipprekludi l-iżvelar tan-noti kienet ġustifikata fid-dawl tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tar-Regoli tal-Proċedura tal-qrati tal-Unjoni (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punti 96 sa 99).

82      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-preżunzjoni ġenerali msemmija iktar ’il fuq kienet applikabbli biss għal proċedura speċifika pendenti. Filwaqt li l-iżvelar tan-noti ppreżentati fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja pendenti kien preżunt li jippreġudika l-protezzjoni ta’ din il-proċedura, minħabba l-fatt li n-noti jikkostitwixxu l-bażi li fuqha tiġi eżerċitata l-attività ġudizzjarja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sitwazzjoni kienet differenti fil-każ li l-proċedura inkwistjoni tkun ingħalqet permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 130).

83      Ladarba l-proċedura ġudizzjarja tkun ingħalqet, ma jkunx għad hemm lok għall-preżunzjoni li l-iżvelar tan-noti ppreżentati fil-kuntest tal-imsemmija proċedura jista’ jippreġudika l-protezzjoni ta’ din il-proċedura. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx li l-iżvelar ta’ noti li jikkonċernaw proċedura ġudizzjarja magħluqa, iżda li tkun marbuta ma’ proċedura oħra li tkun għadha pendenti, jista’ jagħti lok għal riskju ta’ preġudizzju għal din il-proċedura tal-aħħar, b’mod partikolari meta l-partijiet f’din il-proċedura ma jkunux l-istess bħal dawk fil-proċedura magħluqa. Madankollu, tali riskju jiddependi minn diversi fatturi, fosthom, b’mod partikolari, il-livell ta’ xebh bejn l-argumenti mressqa fiż-żewġ proċeduri. Fil-fatt, fil-każ li n-noti tal-Kummissjoni jkunu rrepetuti biss parzjalment, żvelar parzjali jista’ jkun suffiċjenti sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ preġudizzju għall-proċedura pendenti. Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biss eżami konkret tan-noti kkonċernati li tkun saret applikazzjoni għal aċċess għalihom li jista’ jippermetti lill-Kummissjoni tistabbilixxi jekk l-iżvelar tagħhom jistax jiġi rrifjutat abbażi tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punti 132 sa 135).

84      F’dan il-każ, huwa paċifiku li d-dokumenti Nru 3 sa Nru 7 tfasslu matul is-snin li jippreċedu l-ftuħ ta’ kwalunkwe proċedura ġudizzjarja. Fil-fatt, kif jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmija dokumenti kienu tfasslu fil-kuntest ta’ konsultazzjonijiet u ta’ deliberazzjonijiet preliminari fid-dawl tal-adozzjoni tal-proposta leġiżlattiva inkwistjoni. Għaldaqstant, minħabba dan is-sempliċi fatt, dawn id-dokumenti ma jistgħux jitqiesu li tfasslu esklużivament għall-finijiet ta’ proċedura ġudizzjarja partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2012, Jurašinović vs Il-Kunsill, T‑63/10, EU:T:2012:516, punt 76).

85      B’dan premess, il-Kummissjoni titlob, fil-kuntest tal-eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, interpretazzjoni li tkopri wkoll dokumenti li ma jkunux tfasslu esklużivament għall-finijiet ta’ proċedura ġudizzjarja minħabba, essenzjalment, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u minħabba d-dritt tad-difiża tagħha, li jistgħu jkunu affettwati minn interpretazzjoni restrittiva ta’ din l-eċċezzjoni. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, filwaqt li l-iżvelar tan-noti marbuta ma’ proċedura ġudizzjarja partikolari jista’ jikkomprometti l-pożizzjoni proċedurali tagħha, dan jgħodd ukoll fir-rigward ta’ dokument li jiżvela lill-pubbliku l-pożizzjoni tagħha dwar kwistjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kawża futura li, għalkemm tkun għadha ma tressqitx, tkun raġonevolment prevedibbli.

86      Għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 iktar ’il fuq, l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett.

87      Bl-istess mod, għandu jitfakkar li l-kawża li wasslet għas-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541), tikkonċerna fuq kollox dokumenti speċifiċi, jiġifieri n-noti, u l-kwistjoni ta’ f’liema każ hija applikabbli preżunzjoni ġenerali u ta’ f’liema każ għandu jitwettaq eżami konkret fil-konfront tan-noti.

88      Madankollu, mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq ma jirriżultax li dokumenti oħra huma esklużi, jekk ikun il-każ, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji. Fil-fatt, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jinsabu fil-qofol ta’ din l-eċċezzjoni (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 85). Issa, il-ħtieġa li jiġu żgurati opportunitajiet ugwali għall-partijiet quddiem il-qorti tiġġustifika l-protezzjoni mhux biss tad-dokumenti mfassla esklużivament għall-finijiet ta’ kawża partikolari, bħalma huma n-noti, iżda wkoll dokumenti li l-iżvelar tagħhom jista’ jikkomprometti, fil-kuntest ta’ kawża partikolari, l-opportunitajiet ugwali inkwistjoni, li jikkostitwixxu korollarju tal-kunċett stess ta’ smigħ xieraq. Madankollu, sabiex din l-eċċezzjoni tkun tista’ tapplika, huwa meħtieġ li d-dokumenti li għalihom saret applikazzjoni, fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għall-imsemmija dokumenti, ikollhom rabta rilevanti mal-kawża pendenti quddiem il-qorti tal-Unjoni, li fir-rigward tagħha l-istituzzjoni kkonċernata tinvoka l-eċċezzjoni, u li l-iżvelar tagħhom, minkejja li l-imsemmija dokumenti ma kinux tfasslu fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja pendenti, jippreġudika l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u potenzjalment il-kapaċità tal-istituzzjoni kkonċernata li tiddefendi ruħha fl-imsemmija proċedura. Fi kliem ieħor, huwa meħtieġ li d-dokumenti jiżvelaw il-pożizzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata dwar kwistjonijiet kontenzjużi mqajma fil-proċedura ġudizzjarja invokata.

89      Il-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jistgħu japplikaw ukoll għal proċeduri pendenti quddiem qorti nazzjonali fil-mument tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti li għalihom tkun saret applikazzjoni, bil-kundizzjoni li dawn il-proċeduri jqajmu kwistjoni ta’ interpretazzjoni jew ta’ validità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni b’tali mod li, fid-dawl tal-kuntest tal-kawża, ikun partikolarment plawżibbli li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari.

90      F’dawn iż-żewġ każijiet, għalkemm l-imsemmija dokumenti ma jkunux tfasslu fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja partikolari, l-integrità tal-proċedura ġudizzjarja kkonċernata u l-opportunitajiet ugwali għall-partijiet jistgħu jkunu ppreġudikati b’mod gravi jekk partijiet jibbenefikaw minn aċċess privileġġat għal informazzjoni interna tal-parti l-oħra li tkun marbuta mill-qrib mal-aspetti legali ta’ kawża pendenti jew potenzjali, iżda imminenti.

91      F’dan ir-rigward, huwa magħruf li, fost dawk adottati reċentement, il-proposta leġiżlattiva fil-qasam tal-prodotti tat-tabakk hija waħda mill-iktar proposti tal-Unjoni diskussi. B’hekk, bħal fil-każ tal-ewwel direttiva dwar il-prodotti tat-tabakk, li kienet is-suġġett ta’ kontroversji legali persistenti, kien għalhekk prevedibbli li d-DPT kienet ser tkun ukoll is-suġġett ta’ tali kontroversji legali.

92      Fil-fatt, irriżulta li, kif diġà ġie osservat iktar ’il fuq, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, rikors li jikkontesta d-DPT u ppreżentat mir-rikorrenti lejn l-aħħar ta’ Ġunju 2014 kien pendenti quddiem il-qrati tar-Renju Unit. F’Lulju 2014, ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat ukoll, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, rikors fejn ikkontestat il-validità ta’ numru ta’ dispożizzjonijiet tad-DPT li skontha jmorru kontra l-Artikolu 114 TFUE, il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll il-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

93      Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet ġustament tqis, fid-dawl tal-istorja tal-proċess leġiżlattiv marbut mal-adozzjoni tad-DPT, li rinviju għal deċiżjoni preliminari kien ferm probabbli fil-futur qarib u, għaldaqstant, li l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni seta’ jippreġudika l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari mistennija.

94      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk id-dokumenti Nru 3 sa Nru 7 humiex “rilevanti” għaż-żewġ proċeduri ġudizzjarji msemmija iktar ’il fuq u, għaldaqstant, jekk l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti setax jippreġudika l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li hija r-raġuni prinċipali invokata mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika r-rifjut ta’ żvelar sħiħ tal-imsemmija dokumenti.

95      Għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni tat aċċess sħiħ jew parzjali estiż ħafna lill-parti l-kbira tad-dokumenti li għalihom saret applikazzjoni. Bl-istess mod, għandu jiġi osservat li, fid-dawl tan-natura qasira tal-partijiet mistura f’ċerti dokumenti, ma kienx possibbli għall-Kummissjoni li tispjega f’iktar dettall il-kontenut ta’ dawn id-dokumenti mingħajr ma tiżvelahom.

96      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-produzzjoni tad-dokumenti fil-kuntest tal-miżura istruttorja ordnata fil-11 ta’ Novembru 2015, li l-partijiet mistura fid-dokumenti Nru 3 sa Nru 7 kienu jikkonċernaw kwistjonijiet marbuta mal-ippakkjar u mat-tikketti kif ukoll mal-ftehimiet ta’ bejgħ tal-prodotti tat-tabakk, kwistjonijiet li jistgħu jkunu marbuta mal-kompetenza leġiżlattiva tal-Unjoni, mal-bażi legali magħżula u mal-proporzjonalità tal-miżura proposta. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma l-pożizzjonijiet meħuda mill-uffiċjali tad-diversi Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-legalità tad-diversi għażliet ikkunsidrati.

97      Fil-fatt, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet jeżiġi li l-istituzzjoni li tkun l-awtur tal-att inkwistjoni tkun f’pożizzjoni li tiddefendi quddiem il-qorti, b’mod effikaċi, il-legalità tal-azzjoni tagħha. Issa, din il-possibbiltà tkun ippreġudikata b’mod gravi jekk l-istituzzjoni inkwistjoni tkun obbligata tiddefendi ruħha mhux biss fir-rigward tal-motivi u tal-argumenti mqajma mir-rikorrent jew, bħal f’dan il-każ, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari futura, iżda wkoll fir-rigward tal-pożizzjonijiet meħuda internament fir-rigward tal-legalità ta’ diversi għażliet ikkunsidrati fil-kuntest tat-tfassil tal-att inkwistjoni. B’mod partikolari, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa l-każ għal dokumenti li jinkludu l-elementi li jikkostitwixxu l-bażi fattwali tal-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Kummissjoni, li l-iżvelar tagħhom jista’ jirriżulta neċessarju sabiex jiġu ssodisfatti l-għanijiet indikati fil-punt 30 iktar ’il fuq, l-iżvelar tad-dokumenti li jinkludu dan it-tip ta’ pożizzjonijiet huwa ta’ natura li jobbliga, de facto, lill-istituzzjoni kkonċernata tiddefendi ruħha kontra evalwazzjonijiet magħmula mill-persunal tagħha stess, li fl-aħħar mill-aħħar ma kinux adottati. Dan il-fatt jista’ jikser l-ekwilibriju bejn il-partijiet fi proċedura ġudizzjarja, sa fejn ir-rikorrent ma jistax ikun obbligat jiżvela evalwazzjonijiet interni ta’ dan it-tip (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 87).

98      Għaldaqstant, l-iżvelar ta’ tali dokumenti lill-pubbliku meta jkun hemm proċedura ġudizzjarja pendenti li tikkonċerna l-interpretazzjoni u l-legalità tal-att inkwistjoni jista’ jikkomprometti l-pożizzjoni ta’ difiża tal-Kummissjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, sa fejn il-Kummissjoni tkun qiegħda tikkomunika diġà l-pożizzjonijiet interni ta’ natura legali meħuda mid-dipartimenti tagħha fir-rigward ta’ kwistjonijiet kontenzjużi filwaqt li ebda obbligu simili ma jkun impost fuq il-parti l-oħra.

99      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud. Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq diversi eċċezzjonijiet u peress li l-invokazzjoni tal-eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-pariri legali kienet ġustifikata fir-rigward tad-dokument Nru 1 u dik marbuta mal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji fir-rigward tad-dokumenti Nru 3 sa Nru 7, ma huwiex meħtieġ li tiġi eżaminata l-fondatezza tat-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali, li, fi kwalunkwe każ, għandu jiġi miċħud.

100    Minn dan jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

101    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Philip Morris Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Settembru 2016.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.