Language of document : ECLI:EU:T:2009:474

Kawżi magħquda T-427/04 u T-17/05

Ir-Repubblika Franċiża u France Télécom SA

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Għajnuna mill-Istat — Sistema ta’ ssuġġettar ta’ France Télécom għat taxxa fuq in-negozju għas-snin 1994 sal-2002 — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha — Vantaġġ — Preskrizzjoni — Aspettattivi leġittimi — Ċertezza legali — Ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali — Kolleġjalità — Drittijiet tad-difiża u drittijiet proċedurali tat-terzi interessati”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kummissjoni — Prinċipju ta’ kolleġjalità — Portata — Possibbiltà għall-Kummissjoni li tawtorizza lil wieħed mill-membri tagħha sabiex jadotta kategoriji speċifiċi ta’ atti ta’ amministrazzjoni u ta’ tmexxija

(Artikoli 219 KE u 253 KE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Proċedura amministrattiva

(Artikolu 88(2) u (3) KE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Proċedura amministrattiva — Obbligu tal-Kummissjoni li ssejjaħ lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom

(Artikolu 88(2) KE)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Sistema speċifika ta’ tassazzjoni ta’ impriża

(Artikolu 87(1) KE)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni — Evalwazzjoni tal-legalità skont elementi ta’ informazzjoni disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni

(Artikolu 87 KE)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Natura selettiva tal-miżura — Deroga mis-sistema fiskali ġenerali — Ġustifikazzjoni bbażata fuq in-natura u l-istruttura tas-sistema — Oneru tal-prova

(Artikolu 87(1) KE)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Għajnuna mogħtija bi ksur tar-regoli proċedurali tal-Artikolu 88 KE — Aspettattivi leġittimi possibbli tal-benefiċjarji — Protezzjoni — Kundizzjonijiet u limiti

(Artikoli 87(1) u 88 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 14)

8.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni u li tordna l-ħlas lura tagħha — Possibbiltà għall-Kummissjoni li tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali l-inkarigu li jikkalkolaw l-ammont preċiż li għandu jitħallas lura

(Artikolu 88(2) KE)

9.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Preskrizzjoni deċennali tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 — Bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni

(Artikolu 88(2) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 15)

1.      Skont l-Artikolu 219 KE, id-deliberazzjonijiet tal-Kummissjoni jsiru bil‑maġġoranza tal-għadd tal-membri tagħha. Il-prinċipju ta’ kolleġjalità stabbilit b’dan il-mod huwa bbażat fuq l-ugwaljanza tal-membri tal-Kummissjoni fil‑parteċipazzjoni fit-teħid tad-deċiżjoni u b’mod partikolari jimplika, minn naħa, li d-deċiżjonijiet jiġu ddeliberati b’mod kollettiv, u, min-naħa l-oħra, li l-membri tal-kulleġġ jkunu kollettivament responsabbli, fuq il-livell politiku, għad‑deċiżjonijiet meħuda.

Għalkemm il-Kummissjoni tista’, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ kolleġjalità, tawtorizza lil wieħed mill-membri tagħha sabiex jadotta kategoriji speċifiċi ta’ atti ta’ amministrazzjoni u ta’ tmexxija, id-deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni u dwar il-ħtieġa li tordna l-irkupru jippresupponu eżami tal‑kwistjonijiet fattwali u legali kumplessi u ma jistgħux, fil-prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala atti ta’ amministrazzjoni u ta’ tmexxija. Minn dan isegwi li d‑dispożittiv u l-motivi ta’ deċiżjonijiet bħal dawn, li għandhom ikunu mmotivati skont l-Artikolu 253 KE, jikkostitwixxu ħaġa indiviżibbli, u huwa biss il-kulleġġ li huwa kompetenti sabiex, skont il-prinċipju ta’ kolleġjalità, jadotta dawn it-tnejn fl-istess waqt. Għalhekk, fil-prinċipju, huwa l-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni li għandu l-kompetenza li jadotta l-verżjoni finali tad-deċiżjonijiet dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn mas-suq komuni. Wara din l-adozzjoni, jistgħu jsiru biss korrezzjonijiet purament ortografiċi jew grammatikali, u kull emenda oħra hija fil-kompetenza esklużiva ta’ din tal-aħħar.

Ma jistax ikun eskluż, madankollu, li l-kulleġġ tal-membri tal Kummissjoni jagħti struzzjonijiet lil wieħed jew iktar mill-membri tiegħu sabiex jadotta t-test finali ta’ deċiżjoni li l-partijiet essenzjali tagħha jkunu ġew deċiżi fid-deliberazzjonijiet tiegħu. Meta l-kulleġġ jagħmel użu minn dan id-dritt, hija l-qorti Komunitarja, li jkollha quddiemha l-kwistjoni tar-regolarità tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, li għandha tivverifika jekk il-kulleġġ jistax jiġi kkunsidrat li ħa d-deċiżjoni inkwistjoni fil-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi.

(ara l-punti 116-119)

2.      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fi kwalunkwe proċedura mibdija fil-konfront ta’ persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju kontra din l-istess persuna jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju. Dan il-prinċipju jirrikjedi li l-persuna li kontriha l-Kummissjoni tkun bdiet proċedura amministrattiva għandha tingħata l-possibbiltà, matul din il-proċedura, tesprimi ruħha utilment fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u ċ-ċirkustanzi allegati u fuq id-dokumenti użati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l‑eżistenza ta’ ksur tad-dritt Komunitarju.

Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata tippreżenta analiżi kompluta fir-rigward tal-miżura inkwistjoni fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Min-naħa l-oħra, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tiddefinixxi b’mod suffiċjenti l-kuntest tal-eżami tagħha sabiex l-Istat Membru li tkun infetħet il-proċedura kontrih ikun jista’ jesprimi ruħu fuq il-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jikkostitwixxu l-motivi tad-deċiżjoni finali li permezz tagħha l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq komuni.

Għalhekk, is-sempliċi fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il Kummissjoni biddlet l-analiżi tagħha dwar in-natura tal-miżura tal-Istat inkwistjoni jista’ jwassal, fil-konfront tal-Istat Membru kkonċernat, għal ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ ftuħ jew, sussegwentement, ipprovduti waqt id-dibattitu kontradittorju matul il-proċedura amministrattiva, ma kinux jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali li jiddiskutu utilment il-punti ta’ fatt u ta’ liġi kkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, id-diverġenzi bejn id-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni ta’ ftuħ li jirriżultaw mill-adozzjoni mill-Kummissjoni, totalment jew parzjalment, tal-argumenti mressqa mill‑imsemmi Stat Membru ma jistgħux iwasslu għal ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-konfront tagħha.

(ara l-punti 136-138)

3.      Fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, l‑impriżi benefiċjarji tal-għajnuna huma kkunsidrati biss bħala persuni interessati f’din il-proċedura. Minn dan isegwi li l-impriża benefiċjarja ta’ għajnuna, mhux talli ma tistax tinvoka d-drittijiet tad-difiża mogħtija lill-persuni li fil-konfront tagħhom tinfetaħ proċedura, iżda għandha biss id-dritt li tiġi assoċjata mal-proċedura amministrattiva b’mod adegwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni.

Barra minn hekk, jekk il-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata tippreżenta analiżi kompluta fir-rigward tal-għajnuna fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-ftuħ tal‑proċedura skont l-Artikolu 88(2) KE, huwa neċessarju, min-naħa l-oħra, li hija tiddefinixxi b’mod suffiċjenti l-kuntest tal-eżami tagħha sabiex ma tirrendix mingħajr skop id-dritt tal-partijiet interessati li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Madankollu, id-dritt għall-informazzjoni tal-partijiet interessati ma jmurx lil hinn minn dak għal smigħ mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, ma jistax jiġi estiż għad-dritt ġenerali ta’ espressjoni fuq il-punti kollha potenzjalment importanti mqajma matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

(ara l-punti 146-149)

4.      Il-kunċett ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE jestendi għal kull miżura li teżenta impriża minn spiża li inkella kien ikollha tbati. Fil-fatt, il-kunċett ta’ għajnuna huwa iktar ġenerali minn dak ta’ sussidju għaliex dan jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi bħas-sussidji nfushom, iżda wkoll interventi li, taħt forom differenti, itaffu l-ispejjeż li normalment huma ta’ piż għall-baġit ta’ impriża u li, għaldaqstant, mingħajr ma jkunu sussidji fit-tifsira stretta tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi. B’hekk, miżura li biha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi eżenzjoni fiskali li, minkejja li ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli mill-persuni l-oħra li jħallsu t-taxxi, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

Il-Kummissjoni, meta teżamina miżura li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, hija marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti kollha ta’ din l-għajnuna għall-benefiċjarju potenzjali u, b’mod partikolari, li tnaqqas, jekk ikun il-każ, il-piż speċifiku li hemm fuq vantaġġ. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li miżura partikolari ta’ eżenzjoni tiġi kkumpensata, mill-perspettiva tal-benefiċjarju, biż-żieda ta’ spiża speċifika distinta u mingħajr konnessjoni mal-ewwel waħda ma jfissirx li l-ewwel waħda ma tistax tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat.

B’hekk, id-determinazzjoni jekk tassazzjoni żejda mħallsa minn impriża għal ċertu perijodu, minħabba l-ġbir ta’ ammont globali, tikkumpensax id-differenza ta’ tassazzjoni favorevoli li hija kienet ibbenefikat minnha għal perijodu ieħor tiddependi fuq l-analiżi tal-karatteristiċi oġġettivi tal-ġbir ta’ ammont globali u fuq il-kwistjoni dwar jekk jistax jitqies bħala spiża inerenti għall-vantaġġ li jirriżulta għal impriża, jekk ikun il-każ, mill-issuġġettar tagħha għas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni.

(ara l-punti 195, 196, 206-208)

5.      Il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata skont l‑informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha fid-dispożizzjoni tagħha meta hija adottatha. Għaldaqstant, l-impriża benefiċjarja ta’ għajnuna ma tistax issostni quddiem il-qorti li d-data kkunsidrata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma kellhiex x’taqsam mar-realtà, meta din ibbażat ruħha fuq data li ntbagħtet lilha mill-Istat Membru, matul il-proċedura amministrattiva.

(ara l-punti 219, 224)

6.      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, għandu jiġi stabbilit jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, miżura tal-Istat hijiex tali li tiffavorixxi lil ċerti impriżi jew ċerti produtturi meta mqabbla ma’ impriżi oħrajn li huma f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli fir-rigward tal-għan tal-miżura kkonċernata. Madankollu, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat ma jirreferix għall-miżuri tal-Istat li jintroduċu divrenzjar bejn impriżi u, għaldaqstant, a priori selettivi, meta dan id-divrenzjar jirriżulta min-natura jew mill-istruttura ġenerali tas-sistema ta’ spejjeż li jagħmlu parti minnha.

L-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni bbażata fuq in-natura u l-istruttura tal-imsemmija sistema qiegħed fil-prinċipju fuq l-Istat Membru. Minn dan isegwi li l-impriża benefiċjarja ta’ miżura tal-Istat ma tistax, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, tibbaża ruħha, insostenn tal-argumenti tagħha, fuq punti ta’ fatt li l-Kummissjoni ma kinitx taf bihom meta adottat id-deċiżjoni kkontestata.

(ara l-punti 228, 229, 232)

7.      Mill-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, applikabbli speċjalment fil-qasam ta’ stħarriġ ta’ għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, jirriżulta li l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju tal-għajnuna mill-Istat tista’ tiġi invokata, bil-kundizzjoni li dan il-benefiċjarju jkollu assigurazzjonijiet suffiċjentement preċiżi, li jirriżultaw minn azzjoni pożittiva tal-Kummissjoni, li jippermettulu li jikkunsidra li l-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ teħid ta’ pożizzjoni espressa tal-Kummissjoni fuq miżura li ġiet innotifikata lilha, is-silenzju miżmum mill-istituzzjoni ma jistax, abbażi tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-impriża li tibbenefika minn għajnuna mill-Istat, jipprekludi l-irkupru tagħha.

Madankollu, fid-dawl tan-natura imperattiva tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat magħmul mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88 KE, l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna jista’ jkollhom, fil-prinċipju, aspettattivi leġittimi fil-legalità ta’ għajnuna biss jekk din tkun ingħatat fl-osservanza tal-proċedura prevista mill-imsemmi artikolu. Fil-fatt, operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun kapaċi jiżgura li din il-proċedura ġiet osservata. Għalhekk, ukoll, Stat Membru li l-awtoritajiet tiegħu taw għajnuna bi ksur tar-regoli tal-proċedura previsti fl-Artikolu 88 KE ma jistax jinvoka l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji sabiex jevita l-obbligu li jieħu l-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordnalu jirkupra l-għajnuna.

Il-possibbiltà, għall-benefiċjarju ta’ għajnuna illegali, li jinvoka ċirkustanzi eċċezzjonali, li setgħu nisslu l-aspettattivi leġittimi tiegħu fil-legalità ta’ din l‑għajnuna, u li jiġi prekluż, għaldaqstant, mir-rimbors tagħha ma tistax tiġi eskluża, jekk huwa jipprova l-eżistenza tagħhom.

Barra minn hekk, in-notifika ta’ miżura tal-Istat li tista’ tagħti vantaġġ lil kumpannija hija l-mezz, previst mit-Trattat, li jippermetti lill-Istati Membri li jiżguraw li huma ma jagħtux għajnuna illegali u lill-impriżi li ma jibbenefikawx minn din l-għajnuna. Issa, peress li s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni kienet tikkostitwixxi mod ta’ ssuġġettar għat-taxxa fuq in-negozju li jidderoga mid-dritt komuni u li jirrigwarda żewġ impriżi, ma setax jiġi eskluż a priori li din hija għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, meta l-għajnuna hija implementata mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni, b’tali mod li hija illegali skont l-Artikolu 88(3) KE, il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax ikollu, f’dan il-mument, aspettattivi leġittimi fil-legalità tagħha.

(ara l-punti 261-263, 270, 276)

8.      Il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tindika fid-deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna illegali, l-ammont preċiż tal-għajnuna li għandu jitħallas lura. Fil-fatt, ir-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju f’dan il-qasam huma limitati sabiex, minn naħa, l-irkupru ta’ għajnuna mogħtija illegalment twassal għall-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti u, min-naħa l-oħra, li dan il-ħlas lura jsir skont il-modalitajiet previsti mid-dritt nazzjonali, mingħajr ma l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar tkun tista’ tippreġudika l-portata u l-effettività tad-dritt Komunitarju. Huwa biżżejjed għalhekk li l-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata jista’ jsir, fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni, mingħajr diffikultà żejda. Il-Kummissjoni b’hekk tista’ tillimita ruħha li tikkonstata l-obbligu ta’ ħlas lura tal-għajnuna inkwistjoni u tħalli f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali l-kompitu tal-kalkolu tal-ammont preċiż tal-għajnuna li għandha titħallas lura, speċjalment meta dan il-kalkolu jeħtieġ it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ sistemi ta’ tassazzjoni jew tas-sigurtà soċjali li l-modalitajiet tagħhom huma stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

(ara l-punti 297-299)

9.      Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 659/1999, is-setgħat tal-Kummissjoni sabiex tirkupra l-għajnuna għandhom ikunu suġġetti għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin. Mill-Artikolu 15(2) tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni huwa d-data li fiha l-għajnuna li ġie ordnat l-irkupru tagħha mill-Kummissjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tkun ingħatat, jiġifieri, meta l-għoti tal-għajnuna jiddependi fuq l-adozzjoni ta’ atti legali vinkolanti, id-data tal-adozzjoni ta’ dawn l-atti.

Issa, meta att legali jistabbilixxi sistema speċifika applikabbli fil-futur, ma jistax jiġi kkunsidrat li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mid-data tal-adozzjoni ta’ dan l-att, data li fiha huwa impossibbli li jiġi ddeterminat b’ċertezza jekk din is-sistema speċifika tagħtix vantaġġ li jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Min-naħa l-oħra, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-data li fiha l-ewwel vantaġġ effettivament ingħata. Dan huwa l-każ ta’ għajnuna li ma hijiex ikkostitwita minn dispożizzjonijiet fiskali speċifiċi applikabbli lill-benefiċjarju, iżda mid-differenza fit-tassazzjoni li tirrappreżenta d-differenza bejn l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet tat-taxxa fuq in-negozju li l-impriża kien ikollha tħallas li kieku kienet suġġetta għat-taxxa tad-dritt ġenerali u dak li effettivament kellha tħallas skont id-dispożizzjonijiet tat-taxxa speċifiċi li kienet suġġetta għalihom.

(ara l-punti 318, 320, 322, 324)