Language of document : ECLI:EU:C:2007:602

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

8 ta’ Settembru 2010 (*)

“Artikoli 43 KE u 49 KE – Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Organizzazzjoni ta’ mħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi suġġetta għal monopolju pubbliku fuq livell reġjonali – Għan ta’ prevenzjoni tal-inċitament għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u ta’ ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob – Proporzjonalità – Miżura restrittiva li għandha realment tkun intiża sabiex tnaqqas l-opportunitajiet tal-logħob u biex tillimita l-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard b’mod koerenti u sistematiku – Riklamar magħmul minn detentur ta’ monopolju u li jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni fil-logħob tal-lotteriji – Logħob tal-ażżard ieħor li jista’ jkun propost minn operaturi privati – Espansjoni tal-offerta ta’ logħob tal-ażżard ieħor – Liċenzja maħruġa fi Stat Membru ieħor – Nuqqas ta’ obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku”

Fil-Kawżi magħquda C‑316/07, C‑358/07 sa C‑360/07, C‑409/07 u C‑410/07,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Gießen (il‑Ġermanja) (C‑316/07, C‑409/07 u C‑410/07) u mill-Verwaltungsgericht Stuttgart (il-Ġermanja) (C‑358/07 sa C‑360/07), b’deċiżjonijiet tas-7 ta’ Mejju (C‑316/07), tal-24 ta’ Lulju (C‑358/07 sa C‑360/07) u tat-28 ta’ Awwissu 2007 (C‑409/07 u C‑410/07), li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, fid-9 ta’ Lulju, fit-2 ta’ Awwissu u fit-3 ta’ Settembru 2007, fil-kawżi

Markus Stoß (C‑316/07),

Avalon Service‑Online‑Dienste GmbH (C‑409/07),

Olaf Amadeus Wilhelm Happel (C‑410/07)

vs

Wetteraukreis,

u

Kulpa Automatenservice Asperg GmbH (C‑358/07),

SOBO Sport & Entertainment GmbH (C‑359/07),

Andreas Kunert (C‑360/07)

vs

Land Baden‑Württemberg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot u P. Lindh, Presidenti tal-Awla, K. Schiemann (Relatur), A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Malenovský, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Diċembru 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Stoß u A. Kunert kif ukoll għal Avalon Service‑Online‑Dienste GmbH, minn R. Reichert u M. Winkelmüller, Rechtsanwälte,

–        għal O. Happel, minn R. Reichert, Rechtsanwalt,

–        għal Kulpa Automatenservice Asperg GmbH, minn M. Maul, Rechtsanwalt, u R. Jacchia, avvocato,

–        għal SOBO Sport & Entertainment GmbH, minn J. Kartal u M. Winkelmüller, Rechtsanwälte,

–        għall-Wetteraukreis, minn E. Meiß u J. Dietlein, bħala aġenti,

–        għall-Land Baden‑Württemberg, minn M. Ruttig, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, B. Klein u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u A. Hubert, bħala aġenti, assistiti minn P. Vlaemminck, advocaat,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Bering Liisberg, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia kif ukoll minn I. Bruni u G. Palmieri, bħala aġenti, assistiti minn P. Gentili u F. Arena, avvocati dello Stato,

–        għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. de Grave, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent, assistit minn A. Barros, advogada,

–        għall-Gvern Sloven, minn N. Pintar Gosenca, bħala aġent,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn P. Wennerås u K. B. Moen, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Traversa, P. Dejmek u H. Krämer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Marzu 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 43 KE u 49 KE.

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa waħda, M. Stoß, Avalon Service‑Online‑Dienste GmbH (iktar ’il quddiem “Avalon”), O. Happel u l-Wetteraukreis u, min-naħa l-oħra, bejn Kulpa Automatenservice Asperg GmbH (iktar ’il quddiem “Kulpa”), SOBO Sport & Entertainment GmbH (iktar ’il quddiem “SOBO”), A. Kunert u l-Land Baden‑Württemberg, fir-rigward tad-deċiżjonijiet adottati minn dawn iż-żewġ awtoritajiet li jipprojbixxu, taħt piena ta’ multa, it-twettiq, min-naħa tal-partijiet interessati, ta’ kull attività intiża sabiex tippermetti jew tiffaċilita l-konklużjoni ta’ mħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi organizzati minn fornituri stabbiliti fi Stati Membri differenti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

 Id-dritt federali

3        L-Artikolu 284 tal-kodiċi kriminali (Strafgesetzbuch, iktar ’il quddiem l-“StGB”) jipprovdi:

“(1)      Kull min jorganizza jew itella’ logħob tal-ażżard fil-pubbliku mingħajr awtorizzazzjoni uffiċjali jew jipprovdi l-faċilitajiet meħtieġa għal dan il‑għan huwa suġġett għal piena ta’ priġunerija sa massimu ta’ sentejn jew għal multa.

[…]

(3)      Kull min jaġixxi fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1

1.       b’mod professjonali […]

[…]

huwa suġġett għal piena ta’ bejn tliet xhur sa ħames snin priġunerija.

[…]”

4        Bl-eċċezzjoni tal-imħatri relatati ma’ tiġrijiet taż-żwiemel uffiċjali, li b’mod partikolari huma rregolati mil-liġi dwar l-imħatri fuq it-tiġrijiet u l-lotteriji (Rennwett- und Lotteriegesetz, iktar ’il quddiem ir-“RWLG”), u tal-installazzjoni kif ukoll tat-tħaddim ta’ magni tal-logħob bil-possibbiltà ta’ rebħ fi stabbilimenti differenti mill-każinos (stabbilimenti tal-logħob, kafejiet, ristoranti, postijiet ta’ akkomodazzjoni), li b’mod partikolari huma rregolati mill-Kodiċi dwar l‑Eżerċizzju tal-Professjonijiet Artiġjanali, Kummerċjali u Industrijali (Gewerbeordnung) u mil-liġi dwar il-magni tal-logħob u logħob ieħor bil-possibbiltà ta’ rebħ (Verordnung über Spielgeräte und andere Spiele mit Gewinnmöglichkeit), id-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jingħataw awtorizzazzjonijiet fil-qasam tal-logħob tal-ażżard skont l‑Artikolu 284(1) tal-StGB issir fuq il-livell tad-diversi Länder.

5        L-Artikolu 1(1) tar-RWLG jipprovdi:

“L-assoċjazzjoni li tkun trid topera impriża tal-imħatri fl-okkażjoni ta’ tiġrijiet pubbliċi ta’ żwiemel jew kompetizzjonijiet pubbliċi oħra taż-żwiemel għandha tkun kisbet l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti skont il-liġi tal-Land.”

6        L-Artikolu 2(1) tar-RWLG jipprovdi:

“Kull min, bħala negozju, jixtieq jagħmel imħatri fuq kompetizzjonijiet pubbliċi taż-żwiemel, jew jixtieq iservi ta’ intermedjarju għal tali mħatri (Bookmaker) għandu jkun kiseb l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti skont il-liġi tal-Land.”

 Il-LottStV

7        Permezz tat-Trattat tal-Istat dwar il-lotteriji fil-Ġermanja (Staatsvertrag zum Lotteriewesen in Deutschland, iktar ’il quddiem il-“LottStV”), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2004, il-Länder stabbilixxew qafas uniformi għall-organizzazzjoni, l‑operat u l-istabbiliment, bħala negozju, ta’ logħob tal-ażżard, bl-eċċezzjoni tal-każinos.

8        L-Artikolu 1 tal-LottStV jipprovdi:

“It-Trattat tal-Istat għandu l-għan

1.      li jidderiġi b’mod ordnat u sorveljat it-tendenza naturali tal-popolazzjoni għal-logħob, u b’mod partikolari li jevita li din tinfirex fuq il-logħob tal-ażżard mhux awtorizzat,

2.      li jiġi pprojbit l-inċitament eċċessiv għal-logħob,

3.      li jiġi eskluż l-isfruttar tat-tendenza għal-logħob għal skopijiet ta’ qliegħ privat jew kummerċjali,

4.      li jiġi żgurat li l-logħob tal-ażżard isir b’mod legali u li l-loġika tiegħu tkun waħda li tinftiehem, u

5.      li jiġi żgurat li parti sostanzjali mid-dħul li jiġi mil-logħob tal-ażżard tintuża għall-promozzjoni tal-għanijiet pubbliċi jew li jibbenefikaw minn status privileġġat ta’ taxxa, skont il-kodiċi fiskali.”

9        L-Artikolu 5(1) u (2) tal-LottStV jipprovdi:

“1.      Il-Länder għandhom, fil-kuntest tal-għanijiet previsti fl-Artikolu 1, l-obbligu legali li jiżguraw [l-eżistenza ta’] offerta adegwata ta’ logħob tal-ażżard.

2.      Skont il-liġi, il-Länder jistgħu jinkarigaw ruħhom huma stess minn dan il‑kompitu, jew jassenjawh lil persuni ġuridiċi rregolati bid-dritt pubbliku jew inkella lil kumpanniji privati fejn persuni ġuridiċi rregolati bid-dritt pubbliku jkollhom, direttament jew indirettament, sehem determinanti.”

 Il-leġiżlazzjoni tal-Land ta’ Hesse

10      Skont l-Artikolu 1 tal-liġi li tirregola l-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi, ir-raffles u l-lotteriji kumplimentari Statali f’Hesse (Gesetz über staatliche Sportwetten, Zahlenlotterien und Zusatzlotterien in Hessen), tat-3 ta’ Novembru 1998 (GVBl. 1998 I, p. 406), kif emendata l-aħħar fit-13 ta’ Diċembru 2002 (GVBl. 2002 I, p. 797, iktar ’il quddiem il-“GSZZ H”):

“(1)      Il-Land ta’ Hesse biss huwa awtorizzat sabiex jorganizza mħatri fuq il‑kompetizzjonijiet sportivi fuq it-territorju tiegħu. […]

(2)      Il-Land ta’ Hesse għandu jorganizza raffles.

[…]

(4)      Persuna ġuridika rregolata mil-liġi privata tista’ tiġi inkarigata mill-ġestjoni ta’ mħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi u tal-lotteriji organizzati mill-Land ta’ Hesse.

[…]”

11      B’applikazzjoni tal-Artikolu 1(1) u (4) tal-GSZZ H, l-imħatri fuq il‑kompetizzjonijiet sportivi għandhom jiġu organizzati u operati mill-Hessische Lotterieverwaltung (amministrazzjoni tal-lotterija tal-Land ta’ Hesse) f’isem il‑Land ta’ Hesse, filwaqt li l-implementazzjoni teknika tagħhom hija fdata lil Lotterie‑Treuhandgesellschaft mbH Hessen.

12      L-Artikolu 5(1) tal-GSZZ H jipprovdi:

“Kull persuna li, fil-Land ta’ Hesse, mingħajr awtorizzazzjoni mingħand il-Land

1.      tirreklama,

2.      tistieden jew toffri ruħha għall-konklużjoni jew għan-negozjar ta’ kuntratti ta’ logħob,

3.      taċċetta offerti ta’ konklużjoni jew ta’ negozjar ta’ kuntratti ta’ logħob

għal imħatra sportiva jew għal raffle, hija suġġetta għal piena ta’ priġunerija sa massimu ta’ sentejn jew għal multa jekk l-att ma jaqax taħt l-Artikolu 287 tal-Kodiċi Kriminali.”

 Il-leġiżlazzjoni tal-Land Baden‑Württemberg

13      L-Artikolu 2 tal-liġi dwar il-lotteriji, l-imħatri u r-raffles Statali fil-Land Baden‑Württemberg (Gesetz über staatliche Lotterien, Wetten und Ausspielungen), tal-14 ta’ Diċembru 2004 (GBl. 2004, p. 894, iktar ’il quddiem l‑“StLG BW”), jipprovdi:

“(1)      Il-Land għandu jorganizza s-segwenti logħob tal-ażżard:

1.      Lottu

2.      Lottu sportiv

3.      Logħob tal-karti li jinbarxu.

[…]

(4)      Il-Ministeru tal-Finanzi għandu jiddeċiedi dwar l-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard Statali. Id-deċiżjoni tal-Ministeru tal-Finanzi dwar l-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard ġdid teħtieġ l-approvazzjoni tal-Landtag. Il-Ministeru tal-Finanzi jista’ jafda l-implementazzjoni tal-logħob tal-ażżard organizzat mil-Land lil persuna ġuridika tad-dritt privat li fiha l-Land ikun iżomm b’mod dirett jew indirett sehem determinanti.

[…]”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Kawżi C‑316/07, C‑409/07 u C‑410/07

14      M. Stoß, Avalon u O. Happel għandhom bini kummerċjali kull wieħed li jinsab f’Wetteraukreis (Land ta’ Hesse), fil-Ġermanja, li minnu jeżerċitaw attività li tinkludi l-offerta ta’ mħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi (aċċettazzjoni ta’ mħatri, ġbir tal-imħatri u ħlas tar-rebħ). L-ewwel żewġ rikorrenti fil-kawżi prinċipali jeżerċitaw l-attività tagħhom f’isem Happybet Sportwetten GmbH (iktar ’il quddiem “Happybet Awstrija”), kumpannija stabbilita fi Klagenfurt (l‑Awstrija), u t-tielet rikorrent f’isem Happy Bet Ltd (iktar ’il quddiem “Happy Bet UK”), kumpannija stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit).

15      Happybet Awstrija hija awtorizzata sabiex tikkonkludi mħatri fuq avvenimenti sportivi fir-reġjun ta’ Klagenfurt li ġiet mogħtija lilha mill-Gvern Reġjonali tal-Land ta’ Carinthie. Happy Bet UK ukoll għandha awtorizzazzjoni li ġiet mogħtija lilha mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit.

16      B’deċiżjonijiet, rispettivament, tal-11 ta’ Frar 2005, tat-18 u tal-21 ta’ Awwissu 2006, l-awtorità tal-pulizija amministrattiva ta’ Wetteraukreis ipprojbixxiet lil O. Happel u lil M. Stoß kif ukoll lil Avalon milli jippromwovu u jikkonkludu fil-bini kummerċjali tagħhom imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi f’isem organizzaturi differenti mill-Hessische Lotterieverwaltung jew milli jipprovdu installazzjonijiet bil-għan li jippromwovu jew li jikkonkludu tali mħatri. Dawn id‑deċiżjonijiet huma bbażati fuq il-fatt li la l-persuni interessati u lanqas l‑organizzaturi ta’ mħatri li jaġixxu f’isimhom ma għandhom awtorizzazzjoni mingħand il-Land ta’ Hesse li tawtorizza l-attività tagħhom. Barra minn hekk, dawn lanqas ma applikaw għal tali awtorizzazzjoni u lanqas ma talbu kjarifika legali permezz ta’ att ġudizzjarju. Skont l-imsemmija deċiżjonijiet, l-attivitajiet ipprojbiti kellhom jintemmu f’terminu ta’ sebat ijiem, taħt piena ta’ multa ta’ EUR 10 000.

17      L-ilment imressaq minn O. Happel kontra d-deċiżjoni tal-11 ta’ Frar 2005 ġie miċħud fl-20 ta’ Frar 2007. L-ilmenti ta’ M. Stoß u ta’ Avalon, diretti rispettivament kontra d-deċiżjonijiet tat-18 u tal-21 ta’ Awwissu 2006, ġew miċħuda fit-8 ta’ Diċembru 2006.

18      M. Stoß u O. Happel kif ukoll Avalon ressqu rikorsi għal annullament quddiem il‑Verwaltungsgericht Gießen (qorti amministrattiva ta’ Gießen) diretti kontra d‑deċiżjonijiet ikkonfermati, għar-raġuni li dawn kienu jiksru r-regoli Komunitarji li jistabbilixxu d-dritt għal-libertà ta’ stabbiliment u għall-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Skont huma, il-monopolju fil-qasam tal-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi, li fuqu huma bbażati d-deċiżjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, jikser l-Artikoli 43 KE u 49 KE. Barra minn hekk, fl-Istat Membru fejn huma stabbiliti, Happybet Awstrija u Happy Bet UK għandhom l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa sabiex jorganizzaw imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi, u tali awtorizzazzjonijiet għandhom jiġu rikonoxxuti mill-awtoritajiet Ġermaniżi.

19      Il-Verwaltungsgericht Gießen tirrileva li M. Stoß u O. Happel kif ukoll Avalon ma għandhomx, l-istess bħal Happybet Awstrija u Happy Bet UK, l-awtorizzazzjoni meħtieġa skont l-Artikoli 284 tal-StGB u 5(1) tal-GSZZ H sabiex ikunu jistgħu joperaw l-attivitajiet inkwistjoni. Barra minn hekk, din tippreċiża li, fid-dawl tal-monopolju li jibbenefika minnu l-Land ta’ Hesse fil-qasam tal-organizzazzjoni ta’ mħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi abbażi tal-Artikolu 1(1) tal-GSZZ H u fin-nuqqas totali ta’ regoli li jipprevedu l-kundizzjonijiet li fihom awtorizzazzjoni tista’, jekk ikun il-każ, tingħata lil operatur privat, kull applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni mill-persuni interessati ma tistax tirnexxi.

20      Il-qorti msemmija għandha dubju kemm ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment u fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jirriżultaw minn din is‑sitwazzjoni jistgħu jkunu ġġustifikati fir-rigward tal-għanijiet ta’ interess ġenerali bħall-prevenzjoni tal-inċitament għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob jew il-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob, sakemm il-monopolju inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-prinċipju tal-proporzjonalità. Issa, fin-nuqqas ta’ tali ġustifikazzjoni, l-Artikoli 43 KE u 49 KE jipprekludu, hekk kif b’mod partikolari jirriżulta mis-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et, (C‑243/01, Ġabra p. I‑13031), kif ukoll tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et (C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, Ġabra p. I‑1891), kemm l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet previsti mill-Artikoli 284 tal-StGB u 5(1) tal-GSZZ H kif ukoll il‑miżuri amministrattivi kkontestati.

21      Id-dubji espressi mill-qorti msemmija fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità tal-monopolju inkwistjoni fil-kawżi prinċipali mad-dritt tal-Unjoni huma ta’ tliet tipi.

22      B’referenza għas-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2003, Lindman (C‑42/02, Ġabra p. I‑13519), il-Verwaltungsgericht Gießen tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk huwiex mixtieq li Stat Membru jinvoka l-għan iddikjarat ta’ prevenzjoni tal-inċitament għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u ta’ ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob, sabiex jiġġustifika miżura restrittiva meta l-imsemmi Stat Membru ma jkunx jista’ jiġġustifika l-eżistenza ta’ studju mwettaq qabel l-adozzjoni tal-miżura msemmija u li jkun jirrigwarda l-proporzjonalità tagħha. F’dan il-każ, tali studju, li jinvolvi evalwazzjoni tas-suq tal-logħob, tal-perikoli tiegħu u tal-possibilitajiet li dawn jiġu prevenuti, kif ukoll tal-effetti tar-restrizzjonijiet ikkunsidrati, ma sarx qabel il‑konklużjoni tal-LottStV u l-adozzjoni tal-GSZZ H.

23      Fit-tieni lok, hemm dubju kemm il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tillimita ruħha għal dak li huwa strettament meħtieġ, peress li l-għan imfittex minnha jista’ jiġi milħuq ukoll bl-implementazzjoni ta’ kontroll intiż sabiex jiżgura l-osservanza, min-naħa tal-organizzaturi ta’ mħatri privati, tar-regoli dwar it-tipi u l-metodi ta’ offerti awtorizzati u dwar ir-riklamar, biex b’hekk jiġi limitat għall-minimu l-ksur tal-libertajiet stabbiliti mit-Trattat KE.

24      Fit-tielet lok, għall-finijiet li jiġi żgurat li l-politika tal-awtoritajiet intiża sabiex tipprevjeni inċitament għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u għall-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob titmexxa b’mod koerenti u sistematiku, hekk kif teħtieġ il‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u b’mod partikolari s-sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, jista’ jkun meħtieġ li jiġu kkunsidrati, b’mod eżawrjenti, il-kundizzjonijiet li fihom jinsabu awtorizzati l-forom tal-logħob kollha, mingħajr ma l-evalwazzjoni tiġi limitata biss għas-settur tal-logħob kopert mill-monopolju inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

25      Issa, fil-Land ta’ Hesse, ma hemmx politika koerenti u sistematika ta’ restrizzjonijiet fuq il-logħob tal-ażżard, b’mod partikolari għaliex id-detentur tal-monopolju pubbliku relattiv għall-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni f’logħob tal-ażżard ieħor, għaliex, fir-rigward tal-logħob tal-każinos, il-Land imsemmi jagħti possibbilitajiet ġodda ta’ logħob, b’mod partikolari fuq l-Internet, u għaliex il-leġiżlazzjoni federali tawtorizza l‑operat ta’ logħob tal-ażżard ieħor permezz ta’ operaturi privati.

26      Barra minn hekk, fir-rigward tal-fatt li Happybet Awstrija u Happy Bet UK għandhom awtorizzazzjoni li tippermettilhom li jipproponu mħatri fuq il‑kompetizzjonijiet sportivi billi jirrikorru għal mezzi tekniċi moderni, u tal-fatt li fir-realtà huma suġġetti, fl-Istat Membru li huma stabbiliti fih, għal sistema ta’ kontroll u ta’ sanzjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi ruħha jekk l-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhomx il-konsegwenza li jimponu fuq l-awtoritajiet Ġermaniżi li jirrikonoxxu dawn l-awtorizzazzjonijiet.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Gießen iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u li, fil-kuntest ta’ kull waħda mit-tliet kawżi li jinsabu quddiemha, tagħmel id-domandi preliminarji li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-eżistenza ta’ monopolju Statali fir-rigward ta’ ċertu logħob tal-ażżard bħall-imħatri sportivi, meta fl-Istat Membru kkonċernat ma jkunx hemm politika koerenti u sistematika ta’ limitazzjoni tal-logħob tal-ażżard, b’mod partikolari minħabba li l-organizzaturi li jkunu ngħataw liċenzja nazzjonali jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni f’logħob tal-ażżard ieħor – bħal lotteriji nazzjonali u l-logħob fil-każinò – u li barra minn hekk, logħob ieħor li potenzjalment jista’ joħloq riskju ta’ dipendenza tal-istess livell jew ta’ livell ogħla – bħall-imħatri fuq avvenimenti sportivi partikolari (tiġrijiet taż-żwiemel) u s-slot machines – jista’ jiġi offrut minn fornituri ta’ servizzi privati?

2)      L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l‑awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ mħatri sportivi li mhumiex limitati għat-territorju nazzjonali korrispondenti u li ngħataw minn korpi pubbliċi tal-Istati Membri kompetenti, jawtorizzaw lid-detentur tal-awtorizzazzjoni kif ukoll lit-terzi inkarigati minnu li joffru u li jimplementaw anki fit-territorju ta’ Stati Membri oħra, u mingħajr awtorizzazzjonijiet nazzjonali addizzjonali, l-offerti inkwistjoni għall-konklużjoni ta’ kuntratti?”

 Kawżi C‑358/07 sa C‑360/07

28      SOBO, A. Kunert u Allegro GmbH (iktar ’il quddiem “Allegro”) għandhom bini kummerċjali kull wieħed li jinsab fi Stuttgart (il-Ġermanja). Il-bini li topera Allegro ġie mikri lilha mingħand Kulpa.

29      SOBO, A. Kunert u Allegro jeżerċitaw attività li tinkludi l-offerta ta’ mħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi (aċċettazzjoni ta’ mħatri u trażmissjoni elettronika tagħhom lill-organizzatur). L-ewwel waħda teżerċita l-attività tagħha f’isem Web.coin GmbH (iktar ’il quddiem “Web.coin”), kumpannija li għandha l-uffiċċju reġistrat fi Vjenna (l-Awstrija), it-tieni f’isem Tipico Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Tipico”), kumpannija stabbilita f’Malta, u t-tielet f’isem Digibet Ltd (iktar ’il quddiem “Digibet”), kumpannija stabbilita f’Ġibiltà.

30      Kull waħda minn Digibet, Tipico u Web.coin għandha liċenzja maħruġa mill-awtoritajiet li huma suġġetti għalihom minħabba l-post fejn huma stabbiliti, li jawtorizzawhom sabiex jorganizzaw imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi.

31      B’deċiżjonijiet, rispettivament, tal-24 ta’ Awwissu 2006, tat-23 ta’ Novembru 2006 u tal-11 ta’ Mejju 2007, ir-Regierungspräsidium ta’ Karlsruhe pprojbixxiet lil SOBO, lil Kulpa u lil A. Kunert milli jorganizzaw, milli jinnegozjaw, milli jippromwovu mħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi jew milli jsostnu tali attivitajiet fil-Land Baden‑Württemberg. Skont l-imsemmija deċiżjonijiet, l‑attivitajiet ipprojbiti kellhom jintemmu f’terminu ta’ ġimgħatejn, taħt piena ta’ multa ta’ EUR 10 000.

32      SOBO, Kulpa u A. Kunert ressqu rikorsi għal annullament diretti kontra dawn id‑deċiżjonijiet quddiem il-Verwaltungsgericht Stuttgart, għar-raġuni li l‑monopolju relattiv għall-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi, li kienu bbażati fuqu, imur kontra l-Artikoli 43 KE u 49 KE. Skonthom, l‑awtorizzazzjonijiet li għandhom Digibet, Web.coin u Tipico għandhom barra minn hekk jiġu rikonoxxuti mill-awtoritajiet Ġermaniżi.

33      Filwaqt li tikkunsidra li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il‑monopolizzazzjoni tal-attività tal-imħatri tista’, jekk ikun il-każ, tkun kompatibbli mal-Artikoli 43 KE u 49 KE, u li l-Istati Membri għandhom, fuq dan is-suġġett, ċertu marġni ta’ diskrezzjoni, il-Verwaltungsgericht Stuttgart tiddubita kemm dan huwa l-każ fir-rigward tal-monopolju li huwa fis-seħħ fil-qasam tal-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi fil-Land Baden‑Württemberg, hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 5(2) tal-LottStV u 2(1)(2) tal-StLG BW.

34      Id-dubji tal-qorti msemmija huma fil-parti l-kbira simili għal dawk espressi mill-Verwaltungsgericht Gießen.

35      Fl-ewwel lok, la l-konklużjoni tal-LottStV u lanqas l-adozzjoni tal-StLG BW ma ġew preċeduti minn studju ddedikat għall-perikoli tal-vizzju tal-logħob u għad-diversi possibbiltajiet ta’ prevenzjoni disponibbli.

36      Fit-tieni lok, ir-restrizzjonijiet implementati fuq l-attivitajiet tal-imħatri fuq il‑kompetizzjonijiet sportivi ma jissodisfawx il-ħtieġa ta’ koerenza u ta’ sistematiżmu fil-ġlieda kontra l-logħob li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, ma ttieħdux inkunsiderazzjoni, b’mod sħiħ, is-setturi kollha tal-logħob tal-ażżard u, b’mod komparattiv, tal-potenzjal ta’ riskju u ta’ vizzju marbut ma’ kull wieħed minnhom.

37      Għalkemm il-każinos huma suġġetti għal sistemi dettaljati ta’ konċessjoni u l-islot machines awtorizzati fl-istabbilimenti ta’ ristorazzjoni huma suġġetti għal regoli ta’ protezzjoni abbażi tal-Kodiċi dwar l-Eżerċizzju tal-Professjonijiet Artiġjanali, Kummerċjali u Industrijali, xorta jibqa’ l-fatt li l-offerta ta’ dan il-logħob tal-ażżard tista’ ssir minn operaturi privati, minkejja li l-islot machines jirrappreżentaw potenzjal ta’ riskju ta’ vizzju ogħla mill-imħatri fuq il‑kompetizzjonijiet sportivi.

38      Barra minn hekk, il-liġi dwar il-magni tal-logħob u logħob ieħor bil-possibbiltà ta’ rebħ ġiet emendata riċentement sabiex jiżdied in-numru ta’ magni awtorizzati f’ristorant jew f’sala tal-logħob, sabiex jitnaqqas it-tul minimu għal kull logħba u sabiex jiżdied il-limitu ta’ telf awtorizzat.

39      Hemm ukoll nuqqas ta’ politika ta’ restrizzjoni koerenti u sistematika fid-dawl tal-attività promozzjonali aggressiva li jeżerċita d-detentur tal-monopolju pubbliku. Barra minn hekk, il-kampanji ta’ riklamar massivi organizzati għall-prodotti tal-lotterija, b’mod partikolari fuq l-Internet u bit-twaħħil ta’ posters, sabiex jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni fil-logħba, jenfasizzaw l-użu tal-profitti għal attivitajiet soċjali, kulturali u sportivi kif ukoll il-bżonn ta’ finanzjament tal-attivitajiet imsemmija. Għalhekk, il-massimizzazzjoni tal-profitti, intiżi, sa livell stabbilit mill-awtorità pubblika, għal tali attivitajiet u, għall-bqija, għall-baġit pubbliku, saru kwistjoni prinċipali tal-politika żviluppata fil-qasam tal-logħob, u mhux profitt purament aċċessorju għal din.

40      Fit-tielet lok, il-Verwaltungsgericht Stuttgart tistaqsi ruħha jekk, fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura xierqa tal-monopolju inkwistjoni fil-kawżi prinċipali f’dak li jirrigwarda t-tfittxija tal-għanijiet allegati, għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-organizzaturi ta’ mħatri stabbiliti fi Stati Membri oħra għandhom bħala regola ġenerali preżenza fuq l-Internet li permezz tagħha lagħba residenti fil-Ġermanja jistgħu jikkonkludu tranżazzjonijiet elettroniċi direttament u li, fid-dawl ta’ tali fenomenu transkonfinali, l-awtoritajiet nazzjonali mhumiex attrezzati u l-miżuri strettament nazzjonali huma ftit li xejn effettivi.

41      Barra minn hekk, hemm il-kwistjoni dwar jekk l-awtorizzazzjonijiet li għandhom, fl-Istat Membru fejn huma stabbiliti, Digibet, Web.coin u Tipico sabiex joffru mħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi fuq l-internet għandhomx jibbenefikaw minn rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri, u b’hekk jeħilsu lid-detentur mill-obbligu li jikseb awtorizzazzjoni fil-Ġermanja.

42      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Verwaltungsgericht Stuttgart iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li, fil-kuntest ta’ kull waħda mit-tliet kawżi li jinsabu quddiemha, tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja, li huma mfassla f’termini simili ħafna għal dawk użati mill-Verwaltungsgericht Gießen:

“1)      L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-eżistenza ta’ monopolju Statali fir-rigward ta’ ċertu logħob tal-ażżard bħall-imħatri sportivi u l-lotteriji, meta fl-Istat Membru kkonċernat ma jkunx hemm politika koerenti u sistematika ta’ limitazzjoni tal-logħob tal-ażżard minħabba li l-organizzaturi li jkunu ngħataw liċenzja nazzjonali jinkoraġġixxu u jippromwovu l-parteċipazzjoni f’logħob tal-ażżard ieħor – bħall-imħatri nazzjonali fuq il-kompetizzjonijiet sportivi u l-lotteriji nazzjonali – u li barra minn hekk, logħob ieħor li potenzjalment jista’ joħloq riskju ta’ dipendenza tal-istess livell jew ta’ livell ogħla – bħall-imħatri fuq avvenimenti sportivi partikolari (tiġrijiet taż-żwiemel), is-slot machines u l‑logħob tal-każinò – jista’ jiġi offrut minn fornituri ta’ servizzi privati?

2)      L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l‑awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ mħatri sportivi li mhumiex limitati għat-territorju nazzjonali korrispondenti u li ngħataw minn korpi pubbliċi tal-Istati Membri kompetenti, jawtorizzaw lid-detentur tal-awtorizzazzjoni kif ukoll lit-terzi inkarigati minnu li joffru u li jimplementaw anki fit-territorju ta’ Stati Membri oħra, u mingħajr awtorizzazzjonijiet nazzjonali addizzjonali, l-offerti inkwistjoni għall-konklużjoni ta’ kuntratti?”

43      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2007, il-Kawżi C‑316/07, C‑358/07 sa C‑360/07, C‑409/07 u C‑410/07 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċeduri orali u bil-miktub kif ukoll għas-sentenza.

 Fuq it-talba intiża għall-ftuh mill-ġdid tal-proċedura orali

44      B’ittra tal-21 ta’ Ġunju 2010, M. Stoß, O. Happel u A. Kunert kif ukoll Avalon talbu l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali billi sostnew, essenzjalment, li fl-istampa Ġermaniża kien reċentement ġie osservat li studju tal-2009, ikkummissjonat mil-Länder Ġermaniżi u relatat mar-riskji tal-vizzji marbuta mal-imħatri sportivi u mal-miżuri xierqa għall-ġlieda kontra tali riskji, kien suġġett għal ċerti manipulazzjonijiet. Skont dawn ir-rikorrenti, li f’dan ir-rigward jirreferu għad-dubji espressi mill-qrati tar-rinviju fir-rigward tal-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw mis-sentenza Lindman, iċċitata iktar ’il fuq, l-imsemmija Länder ma jistgħux, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jibbażaw ruħhom fuq l-imsemmi studju sabiex isostnu n-natura proporzjonata tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew anki fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk tqis li m’għandhiex informazzjoni biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C-42/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46      Barra minn dan, fil-kuntest ta’ proċedura msemmija fl-Artikolu 234 CE, li huwa bbażat fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, hija biss awtorizzata tiddeċiedi fuq l‑interpretazzjoni jew il-validità ta’ test Komunitarju abbażi tal-fatti li huma indikati lilha mill-qorti nazzjonali. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi, f’dan il-kuntest, il-fatti li taw lok għall-kawża u li tiddeduċi konklużjonijiet minnhom għall-finijiet tad-deċiżjoni li hija mitluba tagħti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Danske Svineproducenter, C‑491/06, Ġabra p. I‑3339, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jingħad li l-istudju li jirreferu għalih M. Stoß, O. Happel u A. Kunert kif ukoll Avalon fit-talba tagħhom ma ssemmiex mill-qrati tar-rinviju u li, barra minn hekk, ma setax jissemma għaliex, peress li huwa studju tal-2009, dan sar ferm wara li l-imsemmija qrati ressqu r-rikorsi tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

48      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li hija tiddisponi mill-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi dwar id-domandi preliminari u li dawn ma għandhomx jiġu eżaminati fir-rigward ta’ argument li ma ġiex diskuss quddiemha.

49      Konsegwentement, it-talba intiża għall-ftuh mill-ġdid tal-proċedura orali għandha tiġi miċħuda.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

50      Il-Gvern Taljan huwa tal-fehma li l-ewwel domanda preliminari li saret f’kull waħda mill-kawżi prinċipali kellha tiġi ddikjarata inammissibbli. Il-qrati tar-rinviju biss huma kompetenti li jivverifikaw jekk il-monopolji inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jissodisfawx il-ħtieġa ta’ koerenza fil-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob, u d-deċiżjonijiet ta’ rinviju ma fihomx l-elementi ta’ liġi u ta’ fatt minimi li jippermettu li jinftiehem għalfejn il-qrati msemmija għandhom dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tas-sistemi nazzjonali inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni.

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala regola, tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, Ġabra p. I‑2099, punt 38, u tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C‑169/07, Ġabra p. I‑1721, punt 24).

52      Ir-rifjut li tingħata deċiżjoni fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba m’għandha ebda rapport mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawżi prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l‑Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara s‑sentenzi ċċitati iktar ’il fuq PreussenElektra, punt 39, u Hartlauer, punt 25).

53      Issa, dan mhuwiex il-każ f’dak li jirrigwarda dawn il-proċeduri. L-elementi ta’ fatt u ta’ liġi li jinsabu fid-deċiżjonijiet tar-rinviju u d-dubji li esprimew fir-rigward tagħhom il-qrati tar-rinviju dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-perspettiva tal-konklużjoni tal-kawżi prinċipali, effettivament jippreżentaw relazzjoni ċara mas-suġġett tal-kawżi msemmija u jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha.

54      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi għal deċiżjoni preliminari għandhom jitqiesu bħala ammissibbli.

 Fuq l-identifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni

55      Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni esprimew dubji dwar ir-rilevanza tar-referenza li d-domandi preliminari jagħmlu għall-Artikolu 43 KE, u jsostnu li huwa biss l-Artikolu 49 KE li jista’ japplika għal sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti, l-attivitajiet li jikkonsistu f’li jiġi permess lill-utenti li jipparteċipaw, bi ħlas, f’logħba tal-flus jikkostitwixxu attivitajiet ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 49 KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1994, Schindler, C-275/92, Ġabra p. I‑1039, punt 25, u tal-21 ta’ Ottubru 1999, Zenatti, C-67/98, Ġabra p. I‑7289, punt 24). L-istess japplika għall-attività ta’ promozzjoni u ta’ offerta ta’ logħob tal-flus, peress li tali attività hija biss metodu konkret ta’ organizzazzjoni u ta’ funzjonament tal-logħob li hija relatata miegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Schindler, iċċitata iktar ’il fuq, punti 22 u 23).

57      Provvisti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu għalhekk jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 KE, peress li, bħal fil-kawżi prinċipali, mill-inqas wieħed mill-fornituri huwa stabbilit fi Stat Membru differenti minn dak li fih huwa propost is-servizz (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Zenatti, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24), ħlief jekk japplika l-Artikolu 43 KE.

58      Fir-rigward tal-Artikolu 43 KE, għandu jiġi mfakkar li d-dispożizzjoni msemmija tipprekludi r-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment taċ-ċittadini ta’ Stat Membru fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor, inklużi r-restrizzjonijiet fuq il‑ħolqien ta’ aġenziji, fergħat jew sussidjarji (ara s-sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

59      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ stabbiliment jinftiehem b’mod wiesa’ ħafna, bħala li jimplika l-possibbiltà għal ċittadin Komunitarju li jipparteċipa, b’mod stabbli u kontinwu, fil-ħajja ekonomika ta’ Stat Membru differenti mill-Istat tal-oriġini tiegħu, u li jieħu profitt minnha, u għalhekk jiffavorixxi l-interpenetrazzjoni ekonomika u soċjali ġewwa l‑Komunità Ewropea fil-qasam tal-attivitajiet tal-persuni li jaħdmu għal rashom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C‑55/94, Ġabra p. I‑4165, punt 25). Għalhekk, iż-żamma ta’ preżenza permanenti fi Stat Membru minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor tista’ tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment, anki jekk din il-preżenza ma tkunx ħadet il-forma ta’ fergħa jew ta’ aġenzija, iżda tiġi eżerċitata permezz ta’ sempliċi uffiċċju mmexxi, jekk ikun il-każ, minn persuna indipendenti, iżda inkarigata sabiex taġixxi b’mod permanenti f’isem din l-impriża bħal fil-każ ta’ aġenzija (ara s-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 1986, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, 205/84, Ġabra p. 3755, punt 21).

60      Fir-rigward tas-settur tal-logħob u tal-imħatri, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fis-sentenza tagħha Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, li l-Artikolu 43 KE jista’ jiġi applikat f’sitwazzjoni fejn impriża stabbilita fi Stat Membru jkollha, fi Stat Membru ieħor, preżenza li tkun ikkonkretizzata minn ftehim kummerċjali konklużi ma’ operaturi jew intermedjarji, fir-rigward tal-ħolqien ta’ ċentri ta’ trażmissjoni ta’ data li jpoġġu mezzi telematiċi għad-dispożizzjoni tal-utenti, jiġbru u jirreġistraw l-intenzjonijiet tal-imħatri u jittrażmettuhom lill-impriża msemmija. Meta impriża twettaq l-attività ta’ ġbir ta’ mħatri bl-intermedjarju ta’ tali organizzazzjoni ta’ aġenziji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, ir-restrizzjonijiet imposti fuq l-attivitajiet ta’ dawn l-aġenziji jikkostitwixxu ostakoli għall-libertà ta’ stabbiliment (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Gambelli et, punti 14 u 46, kif ukoll Placanica et, punt 43).

61      Fil-kawżi prinċipali, l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjonijiet tar-rinviju dwar ir-relazzjonijiet li jeżistu bejn l-operaturi li jorganizzaw l-imħatri fuq il‑kompetizzjonijiet sportivi stabbiliti fi Stati Membri oħra u l-operaturi li huma partijiet fil-kawżi msemmija li jikkummerċjalizzaw l-imħatri msemmija fiż-żewġ Länder ikkonċernati la jippermettu li jiġi affermat u lanqas li jiġi eskluż li dawn l‑aħħar operaturi għandhom jiġu kkunsidrati bħala aġenziji, fergħat jew sussidjarji maħluqa mill-ewwel operaturi fis-sens tal-Artikolu 43 KE.

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura skont l‑Artikolu 267 TFUE, li huwa bbażat fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tal-25 ta’ Frar 2003, IKA, C‑326/00, Ġabra p. I‑1703, punt 27 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

63      Barra minn hekk, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti deċiżjoni, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li din tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

64      Għalhekk, huma l-qrati tar-rinviju li għandhom jiddeterminaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari, jekk is-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 43 KE jew tal-Artikolu 49 KE.

65      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li d-domandi preliminari jiġu eżaminati kemm fir-rigward tal-Artikolu 43 KE kif ukoll tal-Artikolu 49 KE.

 Fuq l-ewwel domanda preliminari f’kull waħda mill-kawżi

66      Fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, hekk kif deskritti fil-punti 14 sa 25 u 28 sa 40 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħhom, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l‑Artikoli 43 KE u 49 KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu monopolji pubbliċi reġjonali fis-settur tal-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, liema monopolji jsegwu għan ta’ prevenzjoni tal-inċitament għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u ta’ ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob, sa fejn:

i)      l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat mhumiex f’pożizzjoni li jiġġustifikaw l-eżistenza ta’ studju dwar il-proporzjonalità tal-monopolji msemmija, imwettaq qabel l-implementazzjoni tagħhom;

ii)      tali għan jista’ jintlaħaq ukoll permezz ta’ kontroll intiż sabiex jiżgura l‑osservanza, minn operaturi privati debitament awtorizzati, tar-regoli dwar it-tipi ta’ mħatri, dwar il-metodi ta’ kummerċjalizzazzjoni u dwar ir‑riklamar, filwaqt li jostakolaw b’mod minimu l-libertajiet stabbiliti mit-Trattat;

iii)      il-monopolji msemmija jistgħu ma jkunux adatti sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan minħabba l-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jsibu diffikultajiet sabiex jimponu l-osservanza effettiva tagħhom fl-ambjent transnazzjonali maħluq mill-Internet;

iv)      hemm dubju, f’dan il-każ, kemm l-għan allegat huwa segwit b’mod koerenti u sistematiku fid-dawl:

–        l-ewwel nett, taċ-ċirkustanza li l-operat ta’ tipi oħra ta’ logħob tal-ażżard, bħall-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel, il-magni tal-logħob jew il-logħob tal-każinò, huwa awtorizzat fost operaturi privati;

–        it-tieni nett, tal-fatt li l-parteċipazzjoni f’tipi oħra ta’ logħob tal-ażżard li jiffurmaw parti minn dawn l-istess monopolji pubbliċi, jiġifieri l‑lotteriji, hija nkoraġġuta mid-detenturi tal-monopolji msemmija permezz ta’ kampanji ta’ riklamar intensivi intiżi sabiex iżidu għall-massimu d-dħul provenjenti minn dan il-logħob, u

–        it-tielet nett, taċ-ċirkustanza li l-offerti relatati ma’ tipi oħra ta’ logħob tal-ażżard, bħall-logħob tal-każinò jew il-magni tal-logħob installati fl-istabbilimenti tal-logħob, fil-kafejiet, fir-ristoranti u fil-postijiet ta’ akkomodazzjoni, huma s-suġġett ta’ politika ta’ espansjoni.

67      Dawn id-diversi kwistjonijiet ser ikunu eżaminati suċċessivament iktar ’il quddiem.

68      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li huwa paċifiku li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantiti mill-Artikolu 49 KE jew, b’mod alternattiv, għal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mill-Artikolu 43 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

69      Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat, fir-rigward tad-dubji espressi mill-qrati tar-rinviju, jekk tali restrizzjoni tistax tiġi ġġustifikata, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

 Fuq in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ studju relatat mal-proporzjonalità ta’ monopolji pubbliċi, bħall-monopolji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jippreċedu l‑implementazzjoni tagħhom

70      Fuq il-bażi tas-sentenza Lindman, iċċitata iktar ’il fuq, il-qrati tar-rinviju jistaqsu ruħhom jekk, sabiex ikunu jistgħu jiġġustifikaw miżuri restrittivi bħall-monopolji inkwistjoni fil-kawżi prinċipali abbażi ta’ għan ta’ prevenzjoni tal-inċitament għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u ta’ ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob, l‑awtoritajiet nazzjonali kkonċernati għandhomx ikunu f’pożizzjoni li jippreżentaw studju li jkun sar qabel l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri u li jsostnu l‑proporzjonalità tal-miżuri msemmija.

71      Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 81 u 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-mistoqsija hija derivanti minn qari żbaljat tas-sentenza msemmija. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punti 25 u 26 tagħha u mill-ġurisprudenza sussegwenti relatata magħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C-227/06, Ġabra p. I‑46, punti 62 u 63 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li jekk Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jipprevalixxi ruħhu minn għan adattat sabiex jilleġittima ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jirriżulta minn miżura nazzjonali restrittiva, dan ikollu jagħti lill-qorti msejħa sabiex tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni l-elementi kollha li jistgħu jippermettu lil din tal-aħħar li tiżgura ruħha li l-miżura msemmija tissodisfa b’mod xieraq ir-rekwiżiti derivanti mill-prinċipju ta’ proporzjonalità.

72      Min-naħa l-oħra, minn din il-ġurisprudenza ma jistax jiġi dedott li Stat Membru jkun ipprivat mill-possibbiltà li jistabbilixxi li miżura restrittiva interna tissodisfa tali rekwiżiti, għall-unika raġuni li l-Istat Membru msemmi ma jkunx f’pożizzjoni li jippreżenta studji li jkunu servew bħala bażi għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

 Fuq l-eventwali nuqqas ta’ proporzjonalità tal-monopolji pubbliċi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba li sistema li tipprovdi għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet lil operaturi privati tista’ tikkostitwixxi miżura inqas restrittiva għall-libertajiet Komunitarji

73      Hekk kif jirriżulta mill-punt 23 ta’ din is-sentenza, il-Verwaltungsgericht Gießen tistaqsi jekk monopolju pubbliku, bħal dak inkwistjoni fil-kawża li għandha quddiemha, jistax jissodisfa r-rekwiżiti ta’ proporzjonalità sa fejn l-għan ta’ prevenzjoni tal-inċitament għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u ta’ ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob ikun jista’ jiġi segwit ukoll permezz ta’ kontrolli intiżi sabiex jiżguraw l-osservanza, minn operaturi privati debitament awtorizzati, tar-regoli dwar it-tipi ta’ mħatri, dwar il-metodi ta’ kummerċjalizzazzjoni u dwar ir‑riklamar, filwaqt li jostakolaw b’mod minimu l-libertajiet stabbiliti mit-Trattat.

74      Preliminarjament, f’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li fir-rigward tal-ġustifikazzjonijiet li jistgħu jiġu aċċettati fil-każ ta’ miżuri interni li jostakolaw il‑libertà li jiġu pprovduti servizzi jew il-libertà ta’ stabbiliment, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali adottati fis-settur tal-logħob u tal-imħatri, ikkunsidrati b’mod sħiħ, huma ta’ spiss relatati mal-protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi kkonċernati u, b’mod iktar ġenerali, tal-konsumaturi kif ukoll mal-protezzjoni tal-ordni soċjali. Hija enfasizzat ukoll li tali għanijiet jinsabu fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw ksur għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi Schindler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58; tal-21 ta’ Settembru 1999, Läärä et, C‑124/97, Ġabra p. I‑6067, punt 33; Zenatti, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31; tal-11 ta’ Settembru 2003, Anomar et, C-6/01, Ġabra p. I‑8621, punt 73, kif ukoll Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

75      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari aċċettat li fis-settur tal-logħob u tal-imħatri, li l-eċċessi tagħhom għandhom konsegwenzi soċjali dannużi, setgħu jkunu ġġustifikati liġijiet nazzjonali intiżi sabiex jevitaw li tiġi stimulata d‑domanda billi b’mod kuntrarju jiġi limitat l-isfruttar tal-passjoni tal-bnedmin għal-logħob (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Schindler, punti 57 u 58; Läärä et, punti 32 u 33, kif ukoll Zenatti, punti 30 u 31).

76      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba enfasizzat li l-karatteristiċi ta’ ordni morali, reliġjuża jew kulturali, kif ukoll il-konsegwenzi moralment u finanzjarjament dannużi għall-individwu u għas-soċjetà li huma relatati mal-logħob u mal-imħatri jistgħu jkunu ta’ natura li jiġġustifikaw l-eżistenza, favur l‑awtoritajiet nazzjonali, ta’ setgħa diskrezzjonali suffiċjenti sabiex jiġu ddeterminati, skont l-iskala tal-valuri tagħhom stess, il-ħtiġijiet li tinvolvi l‑protezzjoni tal-konsumatur u tal-ordni soċjali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Placanica et, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, punt 57).

77      Għalhekk, għalkemm l-Istati Membri huma liberi li jiffissaw l-għanijiet tal-politika tagħhom fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u, skont il-każ, li jiddefinixxu bi preċiżjoni l-livell ta’ protezzjoni mfittxija, xorta jibqa’ l-fatt li r-restrizzjonijiet li huma jimponu għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna l-proporzjonalità tagħhom (ara s-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

78      Għalhekk, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw jekk restrizzjoni deċiża minn Stat Membru hijiex adegwata sabiex tiżgura li jintlaħaq wieħed jew iktar mill-għanijiet invokati mill-Istat Membru kkonċernat, sal-livell ta’ protezzjoni mfittex minnu, u jekk din ir-restrizzjoni tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

79      Fir-rigward, b’mod iktar preċiż, tal-istituzzjoni ta’ monopolji pubbliċi, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat preċedentement li sistema nazzjonali li tipprovdi awtorizzazzjoni limitata għal-logħob tal-flus fil-kuntest ta’ drittijiet speċjali jew esklussivi mogħtija jew konċessi lil ċerti organi, li b’mod partikolari għandhom il‑vantaġġ li jidderiġu x-xewqa għal-logħob u l-isfruttament tal-logħob lejn ambjent ikkontrollat, tista’ titqies bħala adegwata għat-tfittxija tal-għanijiet ta’ interess ġenerali msemmija iktar ’il fuq ta’ protezzjoni tal-konsumatur u ta’ protezzjoni tal-ordni soċjali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Zenatti, punt 35, kif ukoll Anomar et, punt 74). Din ippreċiżat ukoll li l-kwistjoni dwar jekk, sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, minflok ma jingħata tali dritt esklussiv ta’ sfruttament lil organu pubbliku awtorizzat, huwiex mixtieq li tiġi adottata leġiżlazzjoni li timponi fuq l-operaturi interessati r-regoli neċessarji, kienet fis-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni madankollu li l‑għażla ma tkunx tidher li hija sproporzjonata fir-rigward tal-għan imfittex (sentenza Läärä et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

80      Madankollu, fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, għandu jiġi enfasizzat li fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-Istati Membri sabiex jiddeċiedu dwar il-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u dwar l-ordni soċjali li jridu jiżguraw fis-settur tal-logħob tal-ażżard, b’mod partikolari mhuwiex indispensabbli, fir-rigward tal-kriterju ta’ proporzjonalità, li l-miżura restrittiva stabbilita mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru tkun tikkorrispondi għal kunċett komuni għall-Istati Membri kollha f’dak li jikkonċerna l-modalitajiet ta’ protezzjoni tal-interess leġittimu inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑518/06, Ġabra p. I‑3491, punti 83 u 84).

81      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi aċċettat li l-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru jistgħu jkunu fondati meta jikkunsidraw, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom f’dan ir-rigward, li l-għoti ta’ drittijiet esklussivi lil organu pubbliku li t-tmexxija tiegħu hija suġġetta għas-sorveljanza diretta mill-Istat, jew lil operatur privat li fuq l-attivitajiet tiegħu l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw kontroll strett, jippermettilhom li jikkontrollaw ir-riskji marbuta mas-settur tal-logħob tal-ażżard u li jsegwu l-għan leġittimu ta’ prevenzjoni tal-inċitament għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u ta’ ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob b’mod iktar effettiv milli kien ikun fil-każ ta’ sistema li tawtorizza l‑attività ta’ operaturi li jkunu awtorizzati li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni ta’ natura mhux esklussiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Läärä et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40 sa 42; Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punti 66 u 67, kif ukoll tat-3 ta’ Ġunju 2010, Sporting Exchange, C‑203/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 59).

82      Huwa effettivament mixtieq li l-imsemmija awtoritajiet jikkunsidraw li l-fatt li, fil-kwalità tagħhom bħala kontrollatur tal-organu inkarigat mill-monopolju, huma jiddisponu minn mezzi addizzjonali li jippermettulhom li jinfluwenzaw il‑komportament ta’ dan l-organu lil hinn mill-mekkaniżmi ta’ regolazzjoni u ta’ sorveljanza legali jista’ jiżguralhom kontroll aħjar tal-offerta ta’ logħob tal-ażżard u garanziji aħjar ta’ effettività fl-implementazzjoni tal-politika tagħhom milli fil-każ tal-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet minn operaturi privati f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni, kieku dawn tal-aħħar kienu suġġetti għal sistema ta’ awtorizzazzjoni u suġġetti għal sistema ta’ kontroll u ta’ sanzjonijiet.

83      Madankollu, jibqa’ l-fatt li l-istabbiliment ta’ miżura daqstant restrittiva bħal monopolju, li tista’ biss tiġi ġġustifikata bil-għan li jiġi żgurat livell partikolarment għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, għandu jkun akkumpanjat mill-implementazzjoni ta’ kuntest leġiżlattiv xieraq sabiex jiżgura li d-detentur tal-imsemmi monopolju jkun kapaċi li jsegwi, b’mod koerenti u sistematiku, l‑għan hekk stabbilit permezz ta’ offerta kwantitattivament imkejla u kwalitattivament ippreparata skont l-għan imsemmi u suġġetta għal kontroll strett min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi.

 Fuq l-allegat nuqqas ta’ effettività ta’ monopolji bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali fid-dawl tal-ambjent transnazzjonali maħluq mill-Internet

84      Hekk kif jirriżulta mill-punt 40 ta’ din is-sentenza, id-dubji espressi fuq dan il‑livell mill-Verwaltungsgericht Stuttgart huma derivanti mill-fatt li, f’ambjent transnazzjonali bħall dak maħluq mill-Internet, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru li stabbilixxew monopolji pubbliċi paragunabbli mal-monopolji inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jistgħu jkunu kkonfrontati minn ċerti diffikultajiet għall-finijiet li jiżguraw l-osservanza tal-monopolji msemmija minn organizzaturi ta’ logħob u ta’ mħatri stabbiliti barra mill-imsemmi Stat Membru, li jikkonkludu, permezz tal-Internet, bi ksur ta’ dawn il-monopolji, imħatri ma’ persuni li jinsabu fit-territorji tal-imsemmija awtoritajiet.

85      Madankollu, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali ċirkustanza mhijiex biżżejjed sabiex tqiegħed indiskussjoni l‑konformità ta’ tali monopolji mad-dritt tal-Unjoni.

86      Min-naħa waħda, għalkemm huwa ċertament minnu li tranżazzjonijiet illegali li jsiru fuq l-Internet jistgħu, singolarment meta dawn ikollhom natura transnazzjonali, ikunu iktar diffiċli li jiġu kkontrollati u li jiġu ssanzjonati minn tipi oħra ta’ aġir illegali, tali sitwazzjoni ma teżistix biss fil-qasam tal-logħob u tal-imħatri. Issa, ma jistax jiġi miċħud lil Stat Membru d-dritt li jestendi għall-Internet l-applikazzjoni tar-regoli restrittivi unilaterali li dan jadotta għal finijiet leġittimi ta’ interess ġenerali, għall-unika raġuni li dan il-mezz teknoloġiku għandu karattru essenzjalment transnazzjonali.

87      Min-naħa l-oħra, huwa stabbilit li l-Istati Membri mhuma bl-ebda mod nieqsa minn mezzi ġuridiċi li jippermettulhom li jiżguraw, bl-iktar mod effettiv possibbli, l-osservanza tar-regoli li huma jistabbilixxu fil-konfront tal-persuni li joperaw fuq l-Internet u li jkunu jinsabu, b’mod jew ieħor, fil-ġurisdizzjoni tagħhom.

 Fuq il-ħtieġa ta’ limitazzjoni sistematika u koerenti tal-logħob tal-ażżard

88      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, fil-punt 67 tas-sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, wara li enfasizzat li restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet ta’ logħob jistgħu jkunu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħall-protezzjoni tal-konsumaturi u l-prevenzjoni tal-frodi u tal-inċitazzjoni taċ-ċittadini għal nefqa eċċessiva marbuta mal-logħob, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li xorta waħda r-restrizzjonijiet ibbażati fuq dawn ir-raġunijiet u fuq il-ħtieġa tal-prevenzjoni ta’ problemi ta’ ordni soċjali jridu jkunu adatti biex jiżguraw li l‑għanijiet imsemmija jintlaħqu fis-sens li dawn ir-restrizzjonijiet għandhom jikkontribwixxu biex jillimitaw l-attivitajiet tal-imħatri b’mod koerenti u sistematiku.

89      Hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 66 ta’ din is-sentenza, il-qrati tar-rinviju jistaqsu ruħhom dwar il-portata ta’ dan l-aħħar rekwiżit.

90      Skont il-qrati msemmija, huwa fil-fatt dubjuż kemm monopolji pubbliċi bħall-monopolji inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, relatati mal-imħatri fuq il‑kompetizzjonijiet sportivi u stabbiliti għal finijiet ta’ prevenzjoni tal-inċitament għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u tal-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob, huma kapaċi li jikkontribwixxu sabiex jillimitaw l-attivitajiet ta’ mħatri b’mod koerenti u sistematiku, fid-dawl tal-mod li bih huma kkummerċjalizzati tipi oħra ta’ logħob tal-ażżard.

91      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kull Stat Membru għandu jevalwa jekk, fil-kuntest tal-għanijiet segwiti, hijiex meħtieġa projbizzjoni totali jew parzjali tal-attivitajiet ta’ din in-natura jew sempliċement restrizzjoni tagħhom u li għandhom jipprevedu, għal dan il-għan, metodi ta’ kontroll iktar jew inqas stretti, il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-miżuri hekk adottati li għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tal-għanijiet hekk segwiti u tal-livell ta’ protezzjoni li jridu jiżguraw l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Läärä et, punti 35 u 36; Zenatti, punti 33 u 34, kif ukoll Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, punt 58).

92      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni kompatibbli mat-Trattat, l-għażla tal-metodi ta’ organizzazzjoni u ta’ kontroll tal-attivitajiet ta’ sfruttar u ta’ prattika tal-logħob tal-ażżard jew tal-flus, bħall-konklużjoni mal-Istat ta’ kuntratt amministrattiv ta’ konċessjoni jew il-limitazzjoni tal-isfruttament u tal-prattika ta’ ċertu logħob fil-postijiet debitament awtorizzati għal dan l-iskop, hija f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom (sentenza Anomar et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 88).

93      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, bħala prinċipju jeħtieġ li jiġi eżaminat separatament għal kull waħda mir-restrizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod partikolari jekk hijiex xierqa sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan jew tal-għanijiet invokati mill-Istat Membru kkonċernat u jekk din tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq (sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

94      Fil-punti 50 sa 52 tas-sentenza Schindler, iċċitata iktar ’il fuq, li ngħatat fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi l-lotteriji, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat b’mod partikolari li, anki jekk jistgħu jwasslu għal ammonti paragunabbli għal dawk tal-lotteriji u għalkemm jinkludu fihom element kbir ta’ xorti, logħob ieħor tal-flus, bħat-tbassir fuq il-logħob tal-football jew logħba msejħa “bingo”, li min-naħa tagħhom kienu awtorizzati fl-imsemmi Stat Membru, kellhom skop differenti, fir-regoli kif ukoll fil-metodi ta’ organizzazzjoni tagħhom, mil-lotteriji ta’ firxa wiesgħa stabbiliti fi Stati Membri oħra. Għalhekk, minn dan hija waslet għall-konklużjoni li dan il-logħob l-ieħor ma kienx jinsab f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-lotteriji pprojbiti mil-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru, u ma setgħux jiġu mqabbla magħha.

95      Hekk kif enfasizzaw il-gvernijiet kollha li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa effettivament stabbilit li d-diversi tipi ta’ logħob tal-ażżard jistgħu jippreżentaw differenzi kbar, b’mod partikolari fir-rigward tal-metodi ta’ organizzazzjoni konkreti tagħhom, tal-volum tal-imħatri u tar-rebħ li jikkaratterizzawhom, tan-numru ta’ lagħba potenzjali li jistgħu jipparteċipaw fihom, tal-preżentazzjoni tagħhom, tal-frekwenza tagħhom, tat-tul qasir tagħhom jew tal-karattru ripetittiv tagħhom u tar-reazzjonijiet li joħolqu fil-lagħba jew inkella, hekk kif b’mod partikolari enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, skont iċ-ċirkustanza li, bħall-fil-każ tal-logħob propost fil-każinos u tal-islot machines li jinsabu fihom jew fi stabbilimenti oħra, dawn ikunux jeħtieġu jew le l-preżenza fiżika tal-lagħab.

96      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li diversi tipi ta’ logħob tal-ażżard huma suġġetti, xi wħud għal monopolju pubbliku, l-oħrajn għal sistema ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija lil operaturi privati, ma jistax, waħdu, iwassal sabiex iċaħħad mill-ġustifikazzjoni tagħhom, fir-rigward tal-għanijiet leġittimi li jsegwu, il-miżuri li, bħall-monopolju pubbliku, jidhru prima facie bħala l-iktar restrittivi u l-iktar effettivi. Fil-fatt, tali differenza fis-sistemi legali mhijiex, minnha nnifisha, ta’ natura li tolqot il-kapaċità ta’ tali monopolju pubbliku sabiex jilħaq l-iskop ta’ prevenzjoni tal-inċitament taċ-ċittadini għal spejjeż eċċessivi marbuta mal-logħob u tal-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob li għalih dan ġie stabbilit.

97      Madankollu, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 88 ta’ din is-sentenza, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-implementazzjoni, minn Stat Membru, ta’ restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u għal-libertà ta’ stabbiliment immotivata minn tali għan ma tistax tkun iġġustifikata ħlief bil-kundizzjoni li l-miżura restrittiva msemmija tkun xierqa sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan imsemmi billi tikkontribwixxi sabiex jiġu limitati l-attivitajiet ta’ mħatri b’mod koerenti u sistematiku.

98      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw ruħhom, b’mod partikolari fid-dawl tal-metodi ta’ applikazzjoni konkreti tal-leġiżlazzjoni restrittiva kkonċernata, li dawn iwieġbu realment għax-xewqa li jitnaqqsu l-opportunitajiet tal-logħob u li jiġu limitati l-attivitajiet f’dan is-settur b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Zenatti, punti 36 u 37, kif ukoll Placanica et, punti 52 u 53).

99      Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fuq dawn id-diversi aspetti, fis-sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 7, 8 u 69), sa fejn l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jħajru u jinkoraġġixxu lill-konsumaturi sabiex jieħdu sehem fil-lotteriji, fil-logħob tal-ażżard jew fil-logħob tal-imħatri sabiex it-Teżor pubbliku jibbenefika mill-aspett finanzjarju, l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat ma jistgħux jinvokaw l-ordni pubbliku soċjali marbut mal-ħtieġa li jitnaqqsu l-opportunitajiet fejn isir logħob sabiex jiġġustifikaw miżuri restrittivi, anki jekk dawn tal-aħħar ikunu, kif kien il-każ fil-kawża msemmija, relatati b’mod esklussiv mal-attivitajiet tal-imħatri.

100    F’dan il-każ, wara li enfasizzaw li l-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel, il-magni tal-logħob u l-logħob fil-każinò setgħu jiġu operati minn operaturi privati li jkollhom awtorizzazzjoni, il-qrati tar-rinviju kkonstataw ukoll, minn naħa waħda, li d-detentur tal-monopolju pubbliku dwar l-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi kien iwettaq, f’dak li jirrigwarda l-logħob tal-lotterija li l-imsemmi monopolju jestendi għalihom ukoll, kampanji ta’ riklamar intensivi li jenfasizzaw il-ħtieġa ta’ finanzjament ta’ attivitajiet soċjali, kulturali u sportivi li jiġi allokat għalihom id‑dħul li jsir, u għalhekk jagħtu d-dehra li l-massimizzazzjoni tal-profitti intiżi għal tali attivitajiet issir skop minnha nnifisha tal-miżuri restrittivi kkonċernati. Madankollu, min-naħa l-oħra, il-qrati msemmija kkonstataw li, f’dak li jirrigwarda l-logħob tal-każinò u l-magni tal-logħob li għandhom riskju ta’ vizzju ogħla mill-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi, l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti jiżviluppaw jew jittolleraw politika ta’ estensjoni tal-offerta. Fil-fatt, l‑offerta ta’ possibbilitajiet ġodda ta’ logħob tal-każinò fuq l-Internet hija tollerata mill-awtoritajiet imsemmija, filwaqt li l-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jiġu operati magni tal-logħob fl-istabbilimenti differenti mill-każinos, bħall-istabbilimenti tal-logħob, ir-ristoranti, il-kafejiet u l-postijiet ta’ akkomodazzjoni, kienu riċentement is-suġġett ta’ espansjoni kbira.

101    Ċertament, f’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li meta esprimiet ruħha fir-rigward tal-għan segwit minn leġiżlatur nazzjonali li jikkonsisti f’li jitwaqqaf l‑operat tal-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard għal finijiet kriminali jew frawdolenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li politika ta’ espansjoni kkontrollata tal-imsemmija attivitajiet tista’ tkun koerenti mal-għan intiż sabiex dawn jinġibdu lejn ambjenti kontrollabbli billi l-lagħba li jeżerċitaw attivitajiet ta’ logħob u ta’ mħatri klandestini pprojbiti jinġibdu lejn attivitajiet awtorizzati u rregolati. Fil-fatt, sabiex jintlaħaq dan il-għan, l-operaturi awtorizzati għandhom jagħtu alternattiva affidabbli, iżda fl-istess waqt attraenti, għal attività pprojbita, li fiha nnifisha tkun tista’ timplika l-offerta ta’ firxa estiża ta’ logħob, riklamar ta’ ċertu firxa u l-użu ta’ teknika ġdida ta’ distribuzzjoni (ara s-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

102    Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali kunsiderazzjonijiet jistgħu, bħala prinċipju, ikunu applikabbli meta l-miżuri interni restrittivi jsegwu għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, ta’ prevenzjoni tal-inċitament għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u ta’ ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob, b’mod partikolari fis-sens li ċertu riklamar jista’, bla ħsara għar-rekwiżiti mfakkra fil-punti 97 sa 99 ta’ din is-sentenza, jikkontribwixxi, jekk ikun il-każ, sabiex jidderiġi lill-konsumaturi lejn l-offerta pprovduta mid-detentur tal-monopolju pubbliku, liema offerta tkun ġiet preċiżament stabbilita u maħsuba sabiex l-għan imsemmi jiġi segwit bl-aħjar mod.

103    Madankollu, hekk kif l-Avukat Ġenerali enfasizza wkoll fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’dan ir-rigward, huwa importanti li r-riklamar eventwalment implementat mid-detentur ta’ monopolju pubbliku jkun bil-qies u strettament limitat għal dak li huwa neċessarju sabiex b’hekk il-konsumaturi jiġu diretti lejn l-ambjenti tal-logħob awtorizzati. Min-naħa l-oħra, tali riklamar ma jistax, b’mod partikolari, ikun intiż sabiex jinkoraġġixxi t-tendenza naturali għal-logħob tal-konsumaturi billi jistimula l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fih, b’mod partikolari billi jibbanalizza l-logħob jew billi jagħtih dehra pożittiva marbuta mal-fatt li d-dħul miġbur ser jintuża għal attivitajiet ta’ interess ġenerali jew inkella billi jżid is-saħħa ta’ attrazzjoni tal-logħob permezz ta’ riklamar attraenti li jwiegħed rebħ kbir.

104    Barra minn hekk, dwar il-fatt li l-kampanji ta’ riklamar magħmula mid-detentur tal-monopolju fir-rigward tal-prodotti tal-lotteriji jenfasizzaw il-fatt li d-dħul provenjenti mill-kummerċjalizzazzjoni ta’ dan il-logħob ser jintuża għall-iffinanzjar ta’ attivitajiet mingħajr profitt jew ta’ interess ġenerali, għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li hija ġurisprudenza stabbilita li għalkemm huwa magħruf li l-logħob tal-flus jista’ jipparteċipa, b’mod sinjifikanti, għall-iffinanzjar ta’ tali attivitajiet, tali motiv ma jistax, minnu nnifshu, jitqies bħala ġustifikazzjoni oġġettiva ta’ restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Dawn ir‑restrizzjonijiet huma effettivament ammissibbli biss bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li l-iffinanzjar ta’ tali attivitajiet soċjali jkun jikkostitwixxi biss konsegwenza benefika aċċessorja, u mhux il-ġustifikazzjoni reali, tal-politika restrittiva implementata, liema ħaġa għandha tiġi żgurata mill-qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Zenatti, iċċitata iktar ’il fuq, punti 36 u 37).

105    Barra minn hekk, peress li l-Verwaltungsgericht Stuttgart enfasizzat li, wara li tnaqqas is-sehem previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali favur l‑attivitajiet mingħajr profitt eliġibbli, il-bqija tad-dħul tpoġġa fit-Teżor pubbliku, u sa fejn barra minn hekk ma jistax jiġi eskluż li s-sostenn finanzjarju mogħti lil organi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti jippermetti lil dawn li jiżviluppaw attivitajiet ta’ interess ġenerali li l-Istat jista’ normalment jintalab li jinkariga ruħhu minnhom u b’hekk iwasslu għal tnaqqis fl-ispejjeż tiegħu, għandu, fit-tieni lok, jiġi mfakkar ukoll li l-ħtieġa li jiġi evitat it-tnaqqis ta’ dħul fiskali ma tistax tkun fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għal libertà stabbilita mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2009, Persche, C‑318/07, Ġabra p. I‑359, punti 45 u 46 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).

106    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi ammess li, abbażi ta’ konstatazzjonijiet bħal dawk li saru mill-qrati tar-rinviju u mfakkra fil-punt 100 ta’ din is-sentenza, il-qrati msemmija jistgħu b’mod leġittimu jaslu sabiex jikkunsidraw li l-fatt li, fir-rigward tal-logħob tal-ażżard differenti minn dak li jidħol fil-kamp tal-monopolju pubbliku inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jew jittolleraw politika intiża sabiex tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni f’dan il-logħob l‑ieħor iktar milli sabiex tnaqqas l-opportunitajiet tal-logħob u sabiex tillimita l‑attivitajiet f’dan is-settur b’mod koerenti u sistematiku għandu bħala konsegwenza li l-għan ta’ prevenzjoni tal-inċitament għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u ta’ ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob li kien il-bażi tal-istabbiliment tal-monopolju msemmi ma jistax iktar jiġi segwit b’mod effettiv permezz ta’ dawn tal-aħħar u li b’hekk dan ma jkunx jista’ iktar jiġi ġġustifikat fir-rigward tal-Artikoli 43 KE u 49 KE.

107    Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula f’kull waħda mill-kawżi għandha tkun li l-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

i)      sabiex ikunu jistgħu jiġġustifikaw monopolju pubbliku dwar l-imħatri fuq il‑kompetizzjonijiet sportivi u l-lotteriji, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, permezz ta’ għan ta’ prevenzjoni tal-inċitament għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u ta’ ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob, l‑awtoritajiet nazzjonali kkonċernati m’għandhomx neċessarjament ikunu f’pożizzjoni li jippreżentaw studju li jistabbilixxi l-proporzjonalità tal-miżura msemmija li jkun sar qabel l-adozzjoni tagħha;

ii)      il-fatt, għal Stat Membru, li jiffavorixxi tali monopolju meta mqabbel ma’ sistema li tawtorizza l-attività ta’ operaturi privati li jkunu awtorizzati li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni ta’ natura mhux esklussiva jista’ jissodisfa l-ħtieġa ta’ proporzjonalità, sakemm, fir-rigward tal-għan relattiv għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, l‑istituzzjoni tal-monopolju msemmi tkun akkumpanjata mill-implementazzjoni ta’ sistema leġiżlattiva li tassigura li d-detentur tiegħu ser ikun effettivament kapaċi li jsegwi, b’mod koerenti u sistematiku, tali għan permezz ta’ offerta kwantitattivament imkejla u kwalitattivament ippreparata skont l-għan imsemmi u suġġetta għal kontroll strett min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi;

iii)      il-fatt li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jkunu kkonfrontati minn ċerti diffikultajiet għall-finijiet li jiżguraw l-osservanza ta’ tali monopolju fir-rigward ta’ organizzaturi ta’ logħob u ta’ mħatri stabbiliti f’pajjiż barrani, li jikkonkludu, permezz tal-Internet u bi ksur tal-monopolju msemmi, imħatri ma’ persuni li jinsabu fit-territorju tal-imsemmija awtoritajiet, mhuwiex ta’ natura, bħala tali, li jolqot l-eventwali konformità ta’ tali monopolju mal-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattat.

iv)      f’sitwazzjoni fejn qorti nazzjonali tikkonstata, fl-istess ħin:

–        li l-miżuri ta’ riklamar meħuda min-naħa tad-detentur ta’ tali monopolju u relatati ma’ tipi oħra ta’ logħob tal-ażżard ukoll proposti minnu ma jibqgħux limitati għal dak li huwa neċessarju sabiex il‑konsumaturi jiġu diretti lejn l-offerta provenjenti minn dan id‑detentur billi dawn jiġu żvijati minn ambjenti tal-logħob oħra mhux awtorizzati, iżda jkunu intiżi sabiex jinkoraġġixxu t-tendenza naturali għal-logħob tal-konsumaturi u biex jistimulaw il-parteċipazzjoni attiva tagħhom fih għal finijiet ta’ massimizzazzjoni tad-dħul derivanti minn tali attivitajiet;

–        li tipi oħra ta’ logħob tal-ażżard jistgħu jkunu operati minn operaturi privati li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni, u

–        li fir-rigward ta’ logħob tal-ażżard ieħor li ma jidħolx fil-kamp tal-imsemmi monopolju u li barra minn hekk ikollu potenzjal ta’ riskju ta’ vizzju superjuri għal-logħob suġġett għal dan il-monopolju, l‑awtoritajiet kompetenti jsegwu jew jittolleraw politika ta’ espansjoni tal-offerta tali li tiżviluppa u li tistimula l-attivitajiet tal-logħob, b’mod partikolari bil-għan li jiġi massimizzat id-dħul derivanti minnu,

l-imsemmija qorti nazzjonali tista’ b’mod leġittimu tasal sabiex tikkunsidra li tali monopolju mhuwiex adattat sabiex jiżgura t-twettiq tal-għan ta’ prevenzjoni tal-inċitament għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u ta’ ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob li fid-dawl tiegħu dan ġie stabbilit sabiex jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-okkażjonijiet tal-logħob u sabiex jillimita l‑attivitajiet f’dan is-settur b’mod koerenti u sistematiku.

 Fuq it-tieni domanda preliminari f’kull waħda mill-kawżi

108    Permezz tat-tieni domanda magħmula f’kull waħda mill-kawżi, il-qrati tar-rinviju jistaqsu jekk l-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta operatur privat jibbenefika minn awtorizzazzjoni sabiex joffri logħob tal-ażżard fl-Istat Membru li jkun stabbilit fih, tali awtorizzazzjoni tippermettix lill-imsemmi operatur li jipproponi tali logħob fi Stati Membri oħra minħabba l‑obbligu eventwali ta’ dawn tal-aħħar li jirrikonoxxu l-awtorizzazzjoni msemmija.

109    F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, meta monopolju pubbliku jkun ġie stabbilit fi Stat Membru fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u meta jkun jidher li l‑miżura msemmija tkun tissodisfa d-diversi kundizzjonijiet li jippermettu li dan ikun iġġustifikat fir-rigward tal-għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali aċċettati mill-ġurisprudenza, kull obbligu ta’ rikonoxximent tal-awtorizzazzjonijiet maħruġa lil operaturi privati stabbiliti fi Stati Membri oħra għandu, anki b’mod ipotetiku, jiġi eskluż, minħabba s-sempliċi fatt tal-eżistenza ta’ tali monopolju.

110    Barra minn hekk, huwa biss fil-każ fejn il-monopolji inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jitqiesu bħala inkompatibbli mal-Artikoli 43 KE jew 49 KE li l‑kwistjoni relatata mal-eventwali eżistenza ta’ tali obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet maħruġa fi Stati Membri oħra tista’ tirriżulta rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali.

111    Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat li, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali, imsemmija fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, li għandhom l-Istati Membri sabiex jistabbilixxu, skont l-iskala tal-valuri tagħhom stess, il-livell ta’ protezzjoni li jridu jiżguraw u r-rekwiżiti li tinvolvi l-protezzjoni msemmija, il‑Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba enfasizzat li l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tas-sistema ta’ protezzjoni stabbilita minn Stat Membru ma tistax b’mod partikolari tiġi influwenzata mill-fatt li Stat Membru ieħor ikun għażel protezzjoni differenti (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

112    Fid-dawl ta’ din il-marġni ta’ diskrezzjoni u tan-nuqqas ta’ kull armonizzazzjoni Komunitarja dwar is-suġġett, ma jistax jeżisti obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet maħruġa mid-diversi Stati Membri fid-dawl tal-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni.

113    B’mod partikolari jsegwi li kull Stat Membru jibqa’ fid-dritt li jissuġġetta l‑possibbiltà għal kull operatur li jixtieq joffri logħob tal-ażżard lil konsumaturi li jinsabu fit-territorju tiegħu għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni li tinħareġ mill-awtoritajiet kompetenti tiegħu, mingħajr ma l-fatt li operatur partikolari jkun diġà jkollu awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru ieħor ma jkun ta’ ostakolu.

114    Barra minn hekk, hemm bżonn li tali sistema ta’ awtorizzazzjoni, fid-dawl tal-ostakoli li toħloq fir-rigward tad-dritt tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew tad-dritt tal-libertà ta’ stabbiliment, tissodisfa, għall-finijiet li tkun tista’ tiġi ġġustifikata fir-rigward tal-Artikoli 43 KE u 49 KE, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza f’dan ir-rigward, b’mod partikolari fir-rigward tan-natura mhux diskriminatorja u l-proporzjonalità tagħha (ara s-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 48 u 49).

115    Fid-dawl tal-preċiżazzjonijiet ipprovduti mill-Verwaltungsgericht Gießen u riprodotti fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi mfakkar ukoll li hija ġurisprudenza stabbilita li Stat Membru ma jistax japplika sanzjoni kriminali għal formalità amministrattiva mhux sodisfatta meta t-twettiq ta’ dik il-formalità jkun irrifjutat jew magħmul impossibbli mill-Istat Membru kkonċernat bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69).

116    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l‑Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-fatt li operatur ikollu, fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit, awtorizzazzjoni li tippermettilu li joffri logħob tal-ażżard ma jipprekludix li Stat Membru ieħor jissuġġetta, fl-osservanza tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il‑possibbiltà, għal tali operatur, li joffri tali servizzi lil konsumaturi li jinsabu fit-territorju tiegħu, għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet tiegħu stess.

 Fuq l-ispejjeż

117    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

a)      sabiex ikunu jistgħu jiġġustifikaw monopolju pubbliku dwar l‑imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi u l-lotteriji, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, permezz ta’ għan ta’ prevenzjoni tal-inċitament għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u ta’ ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob, l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati m’għandhomx neċessarjament ikunu f’pożizzjoni li jippreżentaw studju li jistabbilixxi l-proporzjonalità tal-miżura msemmija li jkun sar qabel l-adozzjoni tagħha;

b)      il-fatt, għal Stat Membru, li jiffavorixxi tali monopolju meta mqabbel ma’ sistema li tawtorizza l-attività ta’ operaturi privati li jkunu awtorizzati li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni ta’ natura mhux esklussiva jista’ jissodisfa l-ħtieġa ta’ proporzjonalità, sakemm, fir-rigward tal-għan relattiv għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, l-istituzzjoni tal-monopolju msemmi tkun akkumpanjata mill-implementazzjoni ta’ sistema leġiżlattiva li tassigura li d-detentur tiegħu ser ikun effettivament kapaċi li jsegwi, b’mod koerenti u sistematiku, tali għan permezz ta’ offerta kwantitattivament imkejla u kwalitattivament ippreparata skont l-għan imsemmi u suġġetta għal kontroll strett min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi;

ċ)      il-fatt li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jkunu kkonfrontati minn ċerti diffikultajiet għall-finijiet li jiżguraw l‑osservanza ta’ tali monopolju fir-rigward ta’ organizzaturi ta’ logħob u ta’ mħatri stabbiliti f’pajjiż barrani, li jikkonkludu, permezz tal-Internet u bi ksur tal-monopolju msemmi, imħatri ma’ persuni li jinsabu fit-territorju tal-imsemmija awtoritajiet, mhuwiex ta’ natura, bħala tali, li jolqot l-eventwali konformità ta’ tali monopolju mal-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattat.

d)      f’sitwazzjoni fejn qorti nazzjonali tikkonstata, fl-istess ħin:

–        li l-miżuri ta’ riklamar meħuda min-naħa tad-detentur ta’ tali monopolju u relatati ma’ tipi oħra ta’ logħob tal-ażżard ukoll proposti minnu ma jibqgħux limitati għal dak li huwa neċessarju sabiex il-konsumaturi jiġu diretti lejn l-offerta provenjenti minn dan id-detentur billi dawn jiġu żvijati minn ambjenti tal-logħob oħra mhux awtorizzati, iżda jkunu intiżi sabiex jinkoraġġixxu t-tendenza naturali għal-logħob tal-konsumaturi u biex jistimulaw il-parteċipazzjoni attiva tagħhom fih għal finijiet ta’ massimizzazzjoni tad-dħul derivanti minn tali attivitajiet;

–        li tipi oħra ta’ logħob tal-ażżard jistgħu jkunu operati minn operaturi privati li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni, u

–        li fir-rigward ta’ logħob tal-ażżard ieħor li ma jidħolx fil-kamp tal-imsemmi monopolju u li barra minn hekk ikollu potenzjal ta’ riskju ta’ vizzju superjuri għal-logħob suġġett għal dan il-monopolju, l-awtoritajiet kompetenti jsegwu jew jittolleraw politika ta’ espansjoni tal-offerta tali li tiżviluppa u li tistimula l-attivitajiet tal-logħob, b’mod partikolari bil-għan li jiġi massimizzat id-dħul derivanti minnu,

l-imsemmija qorti nazzjonali tista’ b’mod leġittimu tasal sabiex tikkunsidra li tali monopolju mhuwiex adattat sabiex jiżgura t-twettiq tal-għan ta’ prevenzjoni tal-inċitament għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u ta’ ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob li fid-dawl tiegħu dan ġie stabbilit sabiex jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-okkażjonijiet tal-logħob u sabiex jillimita l-attivitajiet f’dan is-settur b’mod koerenti u sistematiku.

2)      L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-fatt li operatur ikollu, fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit, awtorizzazzjoni li tippermettilu li joffri logħob tal-ażżard ma jipprekludix li Stat Membru ieħor jissuġġetta, fl-osservanza tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-possibbiltà, għal tali operatur, li joffri tali servizzi lil konsumaturi li jinsabu fit-territorju tiegħu, għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet tiegħu stess.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.