Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' Mejju 2008 - Berliner Institut für Vergleichende Sozialforschung vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-171/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Berliner Institut für Vergleichende Sozialforschung (Berlin, il-Ġermanja) (rappreżentant: U. Claus, Rechtsanwalt)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ottubru 2007, li tinsab fl-ittra tas-7 ta' Marzu 2008, dwar l-allokazzjoni definittiva ta' ħlas ta' EUR 9 215,20 fil-kuntest tal-proġett "Traumatisierte Flüchtlinge in der EU" abbażi tal-"Grant Agreement JAI/2004/ERF/073", safejn hija tiċħad lir-rikorrenti l-ħlas ta' ammont ogħla minn EUR 9 215,20;

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ffirmaw, f'Mejju 2005, kuntratt dwar l-iffinanzjar ta' proġett fil-kuntest tal-fond Ewropew għar-refuġjati. B'ittra tat-30 ta' Ottubru 2007, ikkonfermata b'ittra tas-7 ta' Marzu 2008, il-konvenuta bagħtet lir-rikorrenti kalkolu mibdul tal-ħlasijiet li kienu għadhom iridu jsiru. Skond dan il-kalkolu, ġie meqjus li parti mill-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti ma jistgħux jiġu ffinanzjati. Dan ir-rikors huwa dirett kontra din l-ittra tas-7 ta' Marzu 2008.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-obbligu ta' motivazzjoni, inkwantu l-konvenuta biddlet kemm-il darba l-motivi li fuqhom hija bbażat d-deċiżjoni tagħha. Barra minn hekk, hija ssostni ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba. Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-fatti in kwistjoni ġew evalwati b'mod żbaljat, bi ksur ta' dak li huwa stabbilit mill-Grant Agreement u mill-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi.

____________