Language of document : ECLI:EU:T:2019:856

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

12 ta’ Diċembru 2019 (*)

“Servizz pubbliku – Riforma tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2014 – Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 – Imposta ta’ solidarjetà applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2014 – Sospensjoni tal-applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni għas-snin 2013 u 2014”

Fil-Kawża T‑527/16,

Margarita Tàpias, residenti fi Wavre (il-Belġju), irrappreżentata minn L. Levi u N. Flandin, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u R. Meyer, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn,

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn E. Taneva u M. Ecker, bħala aġenti,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni li tiffissa r-remunerazzjoni tar-rikorrenti għax-xahar ta’ Jannar 2014, kif implimentata fir-rendikont tar-remunerazzjoni tal-imsemmi xahar indirizzat lilha fl-14 ta’ Jannar 2014 u li huwa l-ewwel rendikont li applika fir-rigward tagħha l-Artikolu 65(4) u l-Artikolu 66a tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirriżultaw mill-punti 44 u 46 tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 287, p. 15, rettifika fil-ĠU 2015, L 175, p. 126), li jipprevedu rispettivament, is-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni għas-snin 2013 u 2014 u l-istabbiliment ta’ imposta ta’ solidarjetà sa mill-1 ta’ Jannar 2014,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins, President, M. Kancheva (Relatur) u G. De Baere, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-28 ta’ Marzu 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Margarita Tàpias, hija uffiċjal tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

2        Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”) huma annessi mar-Regolament Nru 31 (KEE)/11 (KEEA), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 1962, 45, p. 1385).

3        Ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg ġew emendati diversi drabi sa mill-adozzjoni tagħhom, b’mod partikolari permezz tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 287, p. 15, rettifika ĠU 2015, L 175, p. 126).

4        B’mod partikolari, il-punti 44 u 46 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1023/2013 emendaw l-Artikoli 65 u 66a tar-Regolamenti tal-Persunal.

5        Fil-verżjoni tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1023/2013, l-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal kien jipprovdi kif ġej:

“1.      Il-Kunsill għandu kull sena jirrevedi r-remunerazzjonijiet ta’ l-uffiċjali u mpjegati oħra tal-Unjoni. Din ir-reviżjoni għandha ssir f’Settembru minħabba r-rapport konġunt tal-Kummissjoni bbażat fuq indiċi konġunt ippreparat mill-Uffiċju ta’ l-Istatistika tal-Unjoni Ewropea bi ftehim ma’ l-uffiċċji ta’ l-Istatistika nazzjonali ta’ l-Istati Membri; l-indiċi għandu jirrifletti s-sitwazzjoni fl-1 ta’ Lulju ta’ kull wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni.

Matul din ir-reviżjoni l-Kunsill għandu jikkunsidra jekk, bħala parti mill-politika ekonomika u soċjali tal-Unjoni, ir-remunerazzjoni għandhiex tiġi aġġustata. Kunsiderazzjoni partikolari għandha tingħata għal xi żidiet fil-pagi tas-servizz pubbliku u l-ħtiġiet tar-reklutaġġ.

2.      Fil-każ ta’ bidla sostanzjali fl-għoli tal-ħajja, il-Kunsill għandu jiddeċiedi, fi żmien xahrejn, x’aġġustamenti għandhom isiru għall-peżati [koeffiċjenti ta’ korrezzjoni] u jekk ikun il-każ japplikawhom b’lura.

3.      Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni kif ipprovdut fl-Artikolu 16(4) u (5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropa”.

6        L-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat mill-punt 44 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1023/2013, illum jipprovdi kif ġej:

“1.      Ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi aġġornata kull sena billi tqis il-politika ekonomika u politika tal-Unjoni. Kunsiderazzjoni partikolari għandha tingħata għal xi żidiet fil-pagi tas-servizz pubbliku tal-Istati Membri u l-ħtiġiet tar-reklutaġġ. L-aġġornament tar-remunerazzjoni għandu jkun implimentat f’konformità mal-Anness XI. Dan l-aġġornament għandu jseħħ qabel tmiem kull sena fid-dawl ta’ rapport konġunt mill-Kummissjoni bbażat fuq dejta statistika mħejjija mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea bi qbil mal-uffiċċji nazzjonali tal-Istatistika tal-Istati Membri; id-dejta statistika għandha tirrefletti s-sitwazzjoni mill-1 ta’ Lulju f’kull wieħed mill-Istati Membri. Dak ir-rapport għandu jinkludi dejta li tapplika għall-impatt tar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali tal-Unjoni. Għandu jiġi trażmess lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

L-ammonti msemmija fit-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 42a, l-Artikoli 66 u 69, l-Artikoli 1(1), 2(1), 3(1) u (2), 4(1), 7(2), 8(2), 10(1) tal-Anness VII u l-Artikolu 8(2) tal-Anness XIII, u fl-Artikolu 4a preċedenti tal-Anness VII għandhom jiġu aġġornati skont l-Artikolu 18(1) tal-Anness XIII, l-ammonti msemmija fl-Artikolu 24(3), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28a(3), l-Artikoli 28a(7), 93, 94, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 96(3) u l-Artikoli 96(7), 133, 134 u 136 tal-[Kondizzjonijiet tal-impjieg], l-ammonti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEFA, KEE, Euratom) Nru 300/76 […], u l-koeffiċjent tal-ammonti msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KEFA, KEE, Euratom) Nru 260/68 […] għandhom jiġu aġġornati kull sena f’konformità mal-Anness XI. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-ammonti aġġornati fi żmien ġimagħtejn wara l-aġġornament fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għall-finijiet informattivi.

2.      Fil-każ ta’ tibdil sostanzjali fil-kost tal-għajxien, l-ammonti msemmija fil-paragrafu 1 u l-kejl imsemmi fl-Artikolu 64 għandhom jiġu aġġornati f’konformità mal-Anness XI. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-ammonti u l-kejl aġġornati fi żmien ġimagħtejn wara l-aġġornament fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għall-finijiet informattivi.

3.      L-ammonti msemmija fil-paragrafi 1 u l-kejl msemmi fl-Artikolu 64 għandhom ikunu mifhuma bħala ammonti u kejl li l-valur attwali tagħhom f’ċertu żmien ikun suġġett għal aġġornament mingħajr intervent ta’ att ġuridiku ieħor.

4.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(5) u (6) tal-Anness XI, m’għandu jsir l-ebda aġġornament previst skont il-paragrafi 1 u 2 fis-snin 2013 u 2014”.

7        Fil-verżjoni tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1023/2013, l-Artikolu 66a tar-Regolamenti tal-Persunal kien jipprovdi kif ġej:

“1.      B’mod ta’ deroga mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 260/68 tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 1968 li jniżżel il-kondizzjonijiet u l-proċedura biex tkun applikata t-taxxa fuq il-benefiċċju tal-Komunitajiet Ewropej, miżura temporanja dwar ir-remunerazzjoni mħallsa mill-Unjoni lill-persunal fuq impieg attiv, li għandha tkun magħrufa bħala ‘s-sisa speċjali [imposta speċjali]’, għandha tkun applikata mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-31 ta’ Diċembru 2012 […].

Ir-rata ta’ l-imposta speċjali, li għandha tgħodd għall-bażi definit fil-paragrafu 3, għandha tkun kif ġej:

mill-1.5.2004 sal-1.12.2004

2,50 %

mill-1.1.2005 sal-31.12.2005

2,93 %

mill-1.1.2006 sal-31.12.2006

3,36 % 

mill-1.1.2007 sal-31.12.2007

3,79 %

mill-1.1.2008 sal-31.12.2008

4,21 %

mill-1.1.2009 sal-31.12.2009

4,64 %

mill-1.1.2010 sal-31.12.2010

5,07 %

mill-1.1.2011 sal-31.12.2012

5,50 %


3.

(a)      Il-bażi tas-sisa speċjali għandha tkun is-salarju bażiku wżat biex tinħadem ir-remunerazzjoni, bit-tnaqqis ta’:

i)      il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tal-pensjonijiet, u t-taxxa, qabel is-sisa speċjali, pagabbli minn uffiċjal fl-istess grad u skala mingħajr dipendenti, fis-sens ta’ l-Artikolu 2 ta’ l-Anness VII, u

ii)      ammont daqs is-salarju bażiku ta’ uffiċjal fil-grad 1, skala 1.

b)      Il-komponenti wżati biex tkun stabbilita l-bażi tas-sisa speċjali għandhom ikunu espressi f’euro u peżati għal 100.

4.      Is-sisa speċjali għandha titnaqqas fix-xahar minn ras il-għajn; il-qligħ għandu jiddaħħal bħala dħul fl-estimi ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea”.

8        L-Artikolu 66a tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat permezz tal-punt 46 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1023/2013, illum jipprovdi kif ġej:

“1.      B’mod ta’ deroga mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 260/68 u biex tiġi kkunsidrata, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 65(3), l-applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali, mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2023 għandha tiġi applikata miżura temporanja dwar ir-remunerazzjoni mħallsa mill-Unjoni lill-persunal fuq impjieg attiv, li għandha tkun magħrufa bħala l-‘imposta ta’ solidarjetà’.

2.      Ir-rata tal-imposta ta’ solidarjetà, li għandha tiġi applikata għall-bażi definita fil-paragrafu 3, għandha tkun ta’ 6 %’; Ir-rata għandha, madankollu, tkun 7 % għal uffiċjali fi grad AD 15, skala 2 u ogħla.

3.

a)      Il-bażi tal-imposta ta’ solidarjetà għandha tkun is-salarju bażiku użat biex tinħadem ir-remunerazzjoni, bit-tnaqqis ta’:

i)      il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tal-pensjonijiet, u t-taxxa, qabel l-imposta speċjali, imħallsa minn uffiċjal fl-istess grad u skala mingħajr dipendenti, fis-sens tal-Artikolu 2 tal-Anness VII, u

ii)      ammont daqs is-salarju bażiku ta’ uffiċjal fil-grad AST 1, skala 1.

b)      Il-komponenti użati biex tkun stabbilita l-bażi tal-imposta ta’ solidarjetà għandhom ikunu espressi f’euro u peżati għal 100.

4.      L-imposta ta’ solidarjetà għandha titnaqqas fix-xahar minn ras il-għajn; il-qligħ għandu jiddaħħal bħala dħul fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea”.

9        Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1023/2013, l-imsemmi regolament daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2013. Skont l-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament, id-dispożizzjonijiet tiegħu bdew japplikaw sa mill-1 ta’ Jannar 2014, bl-eċċezzjoni tal-punt 44 tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 1(73)(d) li bdew japplikaw fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament.

10      Fl-14 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrenti rċeviet ir-rendikont tar-remunerazzjoni tagħha tax-xahar ta’ Jannar 2014.

11      Fl-1 ta’ April 2014, ir-rikorrenti ppreżentat ilment kontra r-rendikont tar-remunerazzjoni tagħha tax-xahar ta’ Jannar 2014 quddiem il-Kunsill, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, għar-raġuni li dan ir-rendikont kien juri għall-ewwel darba, minn naħa, id-deċiżjoni espliċita li tiġi applikata fir-rigward tagħha imposta ta’ solidarjetà mill-1 ta’ Jannar 2014 sat-30 ta’ Ġunju 2015, filwaqt li l-applikazzjoni tal-metodu ta’ aġġustament tar-remunerazzjoni kienet iffriżata matul dan l-istess perijodu, u min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni impliċita li għar-remunazzjoni tagħha ma jiġix applikat aġġustament annwali għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u t-30 ta’ Ġunju 2015.

12      Il-Kunsill ċaħad l-ilment tar-rikorrenti permezz ta’ deċiżjoni espliċita tas-17 ta’ Lulju 2014.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

13      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fis-27 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors, irreġistrat bin-numru F‑121/14.

14      Permezz ta’ digriet tal-10 ta’ Diċembru 2014, il-President tat-Tielet Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda, skont l-Artikolu 42(1)(a) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li jissospendi l-proċedura f’din il-kawża sakemm id-deċiżjoni li taqta’ l-Kawża T‑75/14, USFPEI vs Il-Parlament u Il-Kunsill, tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata.

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-8 ta’ Jannar 2015, il-Parlament Ewropew talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

16      Fit-2 ta’ Settembru 2016, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE, Euratom) 2016/1192 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġuriżdizzjoni fl-ewwel istanza f’tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha (ĠU 2016, L 200, p. 137-139), il-Kawża F‑121/14, pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-31 ta’ Awwissu 2016, ġiet ittrasferita quddiem il-Qorti Ġenerali u ngħatat in-numru T‑527/16.

17      Peress li fid-19 ta’ Jannar 2018 is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2017, USFSPEI vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill (T‑75/14, EU:T:2017:813), kisbet l-awtorità ta’ res judicata, il-proċedura f’din il-kawża kompliet.

18      Fit-30 ta’ April 2018, il-Kunsill ippreżenta r-risposta tiegħu.

19      Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Mejju 2018, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza l-intervent tal-Parlament.

20      Ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika tagħha fil-5 ta’ Lulju 2018.

21      Il-Parlament ippreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu fit-3 ta’ Lulju 2018. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent fil-21 ta’ Awwissu 2018.

22      Il-Kunsill ippreżenta l-kontroreplika fit-3 ta’ Settembru 2018.

23      Peress li l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din il-kawża ġiet assenjata lit-Tmien Awla li għaliha huwa assenjat l-Imħallef Relatur.

24      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-28 ta’ Marzu 2019.

25      Permezz ta’ digriet tal-14 ta’ Ġunju 2019, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura, li tiftaħ mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura.

26      Permezz tal-ewwel miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata fl-14 ta’ Ġunju 2019 skont l-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet iwieġbu għal mistoqsija. Il-partijiet wieġbu għal din il-mistoqsija fit-terminu mogħti. Fl-24 ta’ Lulju 2019, il-Qorti Ġenerali adottat it-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li permezz tagħha stiednet lill-partijiet jieħdu pożizzjoni dwar it-tweġibiet rispettivi tagħhom għall-ewwel miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Il-partijiet irrispondew għal din it-talba fit-terminu mogħti.

27      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2019, il-fażi orali tal-proċedura reġgħet ingħalqet.

28      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        “[tannulla] d-deċiżjoni espliċita li timponi imposta ta’ solidarjetà mill-1 ta’ Jannar 2014 u sat-30 ta’ Ġunju 2015 minkejja li hemm perijodu ta’ ffriżar tal-aġġustament tar-remunerazzjonijiet li jkopru l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sat-30 ta’ Ġunju 2015;

–        [tannulla] d-deċiżjoni impliċita li ma jiġix applikat aġġustament annwali tar-remunerazzjoni tar-rikorrenti għal perijodu mill-1 ta’ Jannar 2014 u li jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2015,

peress li dawn iż-żewġ deċiżjonijiet ġew irrivelati għall-ewwel darba mir-rendikont tar-remunerazzjoni tar-rikorrenti ta’ Jannar 2014 innotifikat fl-14 ta’ Jannar 2014;

–        sa fejn ikun hemm bżonn, [tannulla] d-deċiżjoni tas-17 ta’ Lulju 2014 li tiċħad l-ilment;

–        [tikkundanna] lill-[Kunsill] għall-ispejjeż”.

29      Il-Kunsill, sostnut mill-Parlament, jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

30      Għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza ferm stabbilita, it-termini għall-preżentata ta’ lment u ta’ rikors, previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, huma ta’ ordni pubbliku u ma jistgħux jitħallew għad-dispożizzjoni tal-partijiet u tal-qorti li għandha tivverifika, anki ex officio, li dawn ġew osservati, meta l-partijiet ikunu nstemgħu permezz ta’ mistoqsijiet bil-miktub. Dawn it-termini jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali u n-neċessità li tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Lofaro vs Il-Kummissjoni, T‑293/07 P, EU:T:2008:607, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Għalhekk il-Qorti Ġenerali għandha teżamina ex officio jekk l-ilment ippreżentat mir-rikorrenti fl-1 ta’ April 2014 kienx ippreżentat fit-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Għal dan il-għan, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tfittex l-att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrenti, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

32      Ir-rikorrenti targumenta li d-deċiżjoni li tistabbilixxi r-rendikont tar-remunerazzjoni tagħha tax-xahar ta’ Jannar 2014 tikkostitwixxi att li jikkawżalha preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn din id-deċiżjoni tikkostitwixxi l-ewwel implimentazzjoni fir-rigward tagħha tal-Artikolu 65(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jissospendi l-applikazzjoni tal-metodu ta’ aġġustament tar-remunerazzjonijiet previst mill-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll tal-Artikolu 66a tar-Regolamenti tal-Persunal, li jintroduċi mill-ġdid imposta ta’ solidarjetà fuq is-salarji tal-uffiċjali u tal-aġenti l-oħra mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2023, skont il-punti 44 u 46 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1023/2013. Bi tweġiba għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Lulju 2019, ir-rikorrenti speċifikat li l-Artikolu 65(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li ma għandux ikun hemm aġġornament għas-snin 2013 u 2014, ma kien iħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni Ewropea f’dan ir-rigward. Skont ir-rikorrenti, ir-rendikont tar-remunerazzjoni tax-xahar ta’ Jannar 2014 juri l-implimentazzjoni, fir-rigward tagħha, ta’ dan l-iffriżar tar-remunerazzjoni għal dawn is-sentejn. Konsegwentement, ġie stabbilit b’mod definittiv li r-remunerazzjoni tar-rikorrenti ma kinitx ser tiġi aġġornata għas-snin 2013 u 2014 sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendati permezz tar-Regolament Nru 1023/2013, f’Jannar 2014.

33      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li att li jikkawża preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 90(2) u tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa dak li jipproduċi effetti legali vinkolanti b’mod li jaffettwa direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrenti, billi jimmodifika, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali tagħha (ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2010, Lebedef u Jones vs Il‑Kummissjoni, F‑29/09, EU:F:2010:120, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikors, sa fejn sar kontra d-deċiżjoni li tiffissa r-remunerazzjoni tar-rikorrenti għax-xahar ta’ Jannar 2014, kif stabbilita fir-rendikont tar-remunerazzjoni tal-imsemmi xahar, jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

35      Għandu jiġi enfasizzat li rendikont tar-remunerazzjoni, min-natura u l-għan tiegħu, ma għandux il-karatteristiċi ta’ att li jikkawża preġudizzju peress li huwa jirrifletti biss f’termini pekunjarji l-portata ta’ deċiżjonijiet amministrattivi preċedenti, relattivi għas-sitwazzjoni personali u legali tal-uffiċjal (sentenzi tat-23 ta’ April 2008, Pickering vs Il-Kummissjoni, F‑103/05, EU:F:2008:45, punt 72, u tat-23 ta’ April 2008, Bain et vs Il-Kummissjoni, F‑112/05, EU:F:2008:46, punt 73). Madankollu, sa fejn huwa juri b’mod ċar l-eżistenza u l-kontenut ta’ deċiżjoni amministrattiva ta’ portata individwali, li qabel għaddiet inosservata, peress li ma kinitx ġiet formalment innotifikata lill-persuna kkonċernata, ir-rendikont ta’ remunerazzjoni, li jinkludi dikjarazzjoni tad-drittijiet pekunjarji, jista’ jitqies bħala att li jikkawża preġudizzju, li jista’ jkun is-suġġett ta’ lment u, jekk ikun il-każ, ta’ rikors. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-komunikazzjoni tar-rendikont ta’ remunerazzjoni għandha l-effett li minnha jibdew jiddekorru t-termini għall-preżentata ta’ lment u ta’ rikors kontra d-deċiżjoni amministrattiva meħuda fir-rigward tal-uffiċjal ikkonċernat u riflessa fir-rendikont (ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2010, Lebedef u Jones vs Il-Kummissjoni, F‑29/09, EU:F:2010:120, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Dan japplika wkoll meta r-rendikont ta’ remunerazzjoni jinkorpora, għall-ewwel darba, l-implimentazzjoni ta’ att ġdid ta’ portata ġenerali li jikkonċerna l-iffissar ta’ drittijiet pekunjarji, bħal deċiżjoni li temenda l-metodu ta’ kalkolu tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, deċiżjoni li temenda skala ta’ kontribuzzjonijiet parentali għas-servizzi ta’ nurseries, regolament li jemenda koeffiċjenti ta’ korrezzjoni, regolament li jadatta l-ammont ta’ remunerazzjonijiet jew regolament li jistabbilixxi kontribuzzjoni eċċezzjonali ta’ kriżi jew kontribuzzjoni temporanja (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2010, Lebedef u Jones vs Il‑Kummissjoni, F‑29/09, EU:F:2010:120, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dawn l-aħħar każijiet, l-ewwel rendikont tar-remunerazzjoni wara d-dħul fis-seħħ ta’ att ta’ portata ġenerali, li jemenda d-drittijiet pekunjarji ta’ kategorija astratta ta’ uffiċjali, ifisser neċessarjament, fir-rigward tad-destinatarju tiegħu, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni amministrattiva ta’ portata individwali li tipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tal-uffiċjal ikkonċernat. Ukoll, jekk jista’ jitqies li deċiżjoni amministrattiva ġdida ta’ portata individwali tiġi adottata kull xahar mill-Awtorità tal-Ħatra rigward l-iffissar tad-drittijiet pekunjarji tal-uffiċjal u hija riflessa fir-rendikont tar-remunerazzjoni korrispondenti, dawn id-deċiżjonijiet suċċessivi jikkonfermaw biss l-ewwel deċiżjoni li tkun emendat b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata skont l-att il-ġdid ta’ portata ġenerali (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2010, Lebedef u Jones vs Il-Kummissjoni, F‑29/09, EU:F:2010:120, punt 35).

38      Konsegwentement, uffiċjal li naqas milli jikkontesta, fit-termini għall-preżentata ta’ lment u ta’ rikors, ir-rendikont tar-remunerazzjoni li jinkorpora, għall-ewwel darba, l-implimentazzjoni ta’ att ta’ portata ġenerali li jiffissa d-drittijiet pekunjarji ma jistax validament, wara l-iskadenza tal-imsemmija termini, jikkontesta d-dikjarazzjonijiet sussegwenti, billi jinvoka kontrihom l-istess illegalità bħal dik li huwa vvizzjat biha l-ewwel rendikont (ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2010, Lebedef u Jones vs Il‑Kummissjoni, F‑29/09, EU:F:2010:120, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      F’dan il-każ, skont ir-rikorrenti, ir-rendikont tax-xahar ta’ Jannar 2014, innotifikat lilha fl-14 ta’ Jannar 2014, urieha għall-ewwel darba, sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1023/2013, minn naħa, li skont l-Artikolu 65(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-remunerazzjoni tagħha ma kinitx l-oġġett ta’ aġġornament annwali minħabba s-sospensjoni għas-snin 2013 u 2014 tal-metodu previst fl-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, u min-naħa l-oħra, li r-remunerazzjoni tagħha kienet suġġetta għal imposta ta’ solidarjetà, skont l-Artikolu 66a tar-Regolamenti tal-Persunal.

40      F’dan ir-rigward mill-Artikolu 65(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat bil-punt 44 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1023/2013, jirriżulta li r-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali u tal-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu aġġornati qabel it-tmiem ta’ kull sena skont l-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal.

41      Madankollu għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 65(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, introdott bil-punt 44 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1023/2013, “m’għandu jsir l-ebda aġġornament previst skont il-paragrafi 1 u 2 fis-snin 2013 u 2014”.

42      Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1023/2013, il-punt 44 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1023/2013, li jemenda l-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal, beda japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, jiġifieri fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fl-1 ta’ Novembru 2013.

43      Minn dan isegwi, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 35 sa 37 iktar ’il fuq, li l-ewwel rendikont tar-remunerazzjoni wara d-dħul fis-seħħ tal-att ta’ portata ġenerali inkwistjoni, jiġifieri d-dispożizzjoni li tipprovdi n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament annwali tar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet għas-snin 2013 u 2014, kien dak tax-xahar ta’ Diċembru 2013. Id-deċiżjoni li tiffissa r-remunerazzjoni tar-rikorrenti għax-xahar ta’ Jannar 2014, li kienet implimentata fir-rendikont tar-remunerazzjoni tagħha ta’ dak ix-xahar, ma kinitx għalhekk l-ewwel applikazzjoni fir-rigward tar-rikorrenti tal-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat bil-punt 44 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1023/2013.

44      Għalhekk għandu jiġi konkluż li r-rendikont tar-remunerazzjoni tax-xahar ta’ Jannar 2014 ma kienx jikkawża preġudizzju lir-rikorrenti peress li ma kienx jimplimenta għall-ewwel darba fir-rigward tagħha l-Artikolu 65(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, introdott bil-punt 44 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1023/2013. Issa, għandu jiġi rrilevat, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 iktar ’il fuq, li r-rikorrenti naqset milli tikkontesta, fit-termini għall-preżentata ta’ lment u ta’ rikors, ir-rendikont tar-remunerazzjoni li jinkorpora għall-ewwel darba l-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fir-rigward tagħha, jiġifieri r-rendikont tar-remunerazzjoni tax-xahar ta’ Diċembru 2013. Għaldaqstant dan ir-rikors huwa inammissibbli inkwantu jirrigwarda l-annullament tad-deċiżjoni li tiffissa r-remunerazzjoni tar-rikorrenti għax-xahar ta’ Jannar 2014 sa fejn din tapplika għall-ewwel darba fir-rigward tagħha l-Artikolu 65(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, introdott bil-punt 44 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1023/2013, peress li l-imsemmija deċiżjoni kienet biss konferma ta’ dik d-deċiżjoni li ffissat ir-remunerazzjoni tagħha għax-xahar ta’ Diċembru 2013 li applikat għall-ewwel darba fir-rigward tagħha din l-istess dispożizzjoni u li saret definittiva. Għalhekk, it-tieni kap tat-talbiet tar-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

45      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li r-rendikont tar-remunerazzjoni tar-rikorrenti għax-xahar ta’ Jannar 2014 kien l-ewwel applikazzjoni fir-rigward tagħha tal-Artikolu 66a tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat bil-punt 46 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1023/2013 u jikkostitwixxi, f’dan ir-rigward, att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrenti. Tali konklużjoni tirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u mill-fatt li r-rendikont tar-remunerazzjoni tar-rikorrenti għax-xahar ta’ Jannar 2014, li hija annettiet mar-rikors tagħha, isemmi l-“imposta speċjali” prevista mill-imsemmija dispożizzjoni.

46      Peress li r-rikorrenti ppreżentat l-ilment tagħha kontra r-rendikont tar-remunerazzjoni tagħha tax-xahar ta’ Jannar 2014 fit-terminu ta’ tliet xhur preskritt mill-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi kkunsidrat li dan ir-rikors huwa ammissibbli sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni li tiffissa r-remunerazzjoni tar-rikorrenti għax-xaħar ta’ Jannar 2014 li applikat għall-ewwel darba, fir-rigward tagħha, l-Artikolu 66a tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat bil-punt 46 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1023/2013. Għalhekk, l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

47      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka biss eċċezzjoni ta’ illegalità, ibbażata fuq l-Artikolu 277 TFUE, billi targumenta l-inapplikabbiltà tar-Regolament Nru 1023/2013 peress li dan jipprovdi, minn naħa, iffriżar tar-remunerazzjonijiet matul sentejn filwaqt li japplika imposta ta’ solidarjetà fuq dawn l-istess remunerazzjonijiet għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u t-30 ta’ Ġunju 2015.

48      Ir-rikorrenti targumenta li peress li l-Artikolu 65(4) u l-Artikolu 66a tar-Regolamenti tal-Persunal huma dispożizzjonijiet ta’ portata ġenerali, applikati għall-ewwel darba fir-rigward tagħha fid-deċiżjoni li tiffissa r-rendikont ta’ remunerazzjoni tax-xahar ta’ Jannar 2014, teżisti rabta legali diretta, jew tal-inqas indiretta bejn din id-deċiżjoni individwali u dawn id-dispożizzjonijiet, b’tali mod li l-eċċezzjoni ta’ illegalità bbażata fuq l-Artikolu 277 TFUE tista’ tiġi invokata b’mod utli.

49      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 277 TFUE jipprovdi li kull parti tista’, fl-okkażjoni ta’ tilwima li tikkontesta l-legalità ta’ regolament previst minn din id-dispożizzjoni, tinvoka, b’mod partikolari insostenn ta’ rikors kontra miżura ta’ applikazzjoni, motivi previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, anki wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra r-regolament. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dan ir-rimedju inċidentali jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali intiż sabiex jiggarantixxi li kull persuna jkollha jew kellha possibbiltà li tikkontesta att maħruġ mill-Unjoni li jservi bħala bażi għal deċiżjoni fil-konfront tagħha (sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il-Kummissjoni, 92/78, EU:C:1979:53, punt 36; tad-19 ta’ Jannar 1984, Andersen et vs Il-Parlament, 262/80, EU:C:1984:18, punt 6, u tal-10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs Il-BĊE, C‑11/00, EU:C:2003:395, punti 74 sa 78). Ir-regola stabbilita fl-Artikolu 277 TFUE hija ċertament meħtieġa fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 270 TFUE (sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2018, Tataram vs Il-Kummissjoni, T‑546/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:644, punt 32 u tat-30 ta’ Settembru 2010, Lebedef u Jones vs Il-Kummissjoni, F‑29/09, EU:F:2010:120, punt 29).

50      Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-possibbiltà li jagħti l-Artikolu 277 TUE li tiġi invokata l-inapplikabbiltà ta’ regolament ma tikkostitwixxix dritt ta’ azzjoni awtonoma u tista’ tiġi eżerċitata biss b’mod inċidentali, b’tali mod li n-nuqqas ta’ dritt għal rikors prinċipali jew l-inammissibbiltà tar-rikors prinċipali jwassal għall-inammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità (sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2018, Tataram vs Il-Kummissjoni, T‑546/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:644, punt 33 u tat-30 ta’ Settembru 2010, Lebedef u Jones vs Il-Kummissjoni, F‑29/09, EU:F:2010:120, punt 30).

51      Issa, kif ġie kkonstatat fil-punt 46 iktar ’il fuq, dan ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li tiffissa r-remunerazzjoni tar-rikorrenti għax-xahar ta’ Jannar 2014, implimentata permezz tar-rendikont tar-remunerazzjoni tal-imsemmi xahar, huwa ammissibbli peress li l-imsemmija deċiżjoni implimentat għall-ewwel darba, fir-rigward tar-rikorrenti, l-Artikolu 66a tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat bil-punt 46 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1023/2013.

52      Mill-banda l-oħra, kif ġie kkonstatat fil-punt 44 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni li tiffissa r-remunerazzjoni tar-rikorrenti għax-xahar ta’ Jannar 2014 ma hijiex l-ewwel applikazzjoni fir-rigward tagħha tal-Artikolu 65(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, introdott bil-punt 44 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1023/2013, u għalhekk, ma tikkawżalhiex preġudizzju f’dan ir-rigward.

53      Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ illegalità invokata mir-rikorrenti insostenn tar-rikors tagħha tista’ tiġi invokata b’mod utli biss sa fejn din tirrigwarda l-Artikolu 66a tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat bil-punt 46 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1023/2013, li stabbilixxa imposta ta’ solidarjetà sa mill-1 ta’ Jannar 2014, filwaqt li l-applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni previst fl-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal kienet sospiża skont l-Artikolu 65(4) tar-Regolamenti tal-Persunal.

54      Insostenn tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, ir-rikorrenti tressaq seba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tar-rabta bejn l-applikazzjoni tal-metodu ta’ aġġustament awtomatiku tar-remunerazzjonijiet previst fl-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal u l-imposta ta’ solidarjetà u fuq ksur tal-prinċipju ta’ paralleliżmu bejn ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali u tal-aġenti tal-Unjoni u dik tal-aġenti tas-servizz pubbliku tal-Istati Membri. It-tieni motiv jirrigwarda l-ksur tal-libertà ta’ assoċjazzjoni, tad-drittijiet għall-informazzjoni, għall-konsultazzjoni u għan-negozjar kollettiv, stabbiliti mill-Artikolu 12(1), l-Artikolu 27 u l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, innifishom u kif implimentati bit-tieni paragrafu tal-Artikolu 10, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10b u l-Artikolu 24b tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll ksur tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981 li tistabbilixxi proċedura ta’ konsultazzjoni bejn tliet partijiet fil-qasam tar-relazzjonijiet mal-persunal (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981”). It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet miksuba. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-proċedura leġiżlattiva. Is-sitt motiv jirrigwarda l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Finalment, is-seba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li jirriżulta min-nuqqas ta’ miżuri tranżitorji.

55      Fl-ewwel lok għandhom jiġu eżaminati t-tieni, il-ħames u s-sitt motiv, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tal-libertà ta’ assoċjazzjoni u tad-drittijiet għall-informazzjoni, għall-konsultazzjoni u għan-negozjar kollettiv, fuq ksur tal-proċess leġiżlattiv u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li jirrigwardaw il-legalità esterna tar-Regolament Nru 1023/2013, qabel jiġu eżaminati, fit-tieni lok, il-motivi l-oħra mressqa insostenn tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, li jirrigwardaw il-legalità interna tal-imsemmi regolament.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-libertà ta’ assoċjazzjoni u tad-drittijiet għall-informazzjoni, għall-konsultazzjoni u għan-negozjar kollettiv

56      Ir-rikorrenti tqis li r-Regolament Nru 1023/2013 huwa illegali peress li ġie adottat bi ksur tal-libertà ta’ assoċjazzjoni u tad-drittijiet għall-informazzjoni, għall-konsultazzjoni u għan-negozjar kollettiv, stabbiliti mill-Artikolu 12(1), l-Artikolu 27 u l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, innifishom u kif implimentati mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 10, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10b u l-Artikolu 24b tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll bi ksur tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981. B’mod iktar partikolari, ir-rikorrenti targumenta li l-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal ma kienx ikkonsultat b’mod utli u li l-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981, ma kinitx osservata. Fir-rigward tal-konsultazzjoni tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrenti targumenta li dan ma kienx ikkonsultat dwar l-ewwel abbozz ta’ proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal adottat mill-Kummissjoni fid-29 ta’ Ġunju 2011, li kien jipprovdi li l-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni jkun akkkumpanjat b’imposta ta’ solidarjetà ġdida ta’ 5.5 %, applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2020, iżda biss dwar it-tieni abbozz ta’ proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal, li kien jipprovdi imposta ta’ solidarjetà ta’ 6 % u li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni kkonsultat lill-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal fil-21 ta’ Novembru 2011. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-konsultazzjoni tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal li seħħet fis-17 u fit-18 ta’ Lulju 2013 hija tardiva u għalhekk nieqsa minn kull effett utli. Fir-rigward tal-konsultazzjoni u tal-ftehim mal-organizzazzjonijiet sindakali jew professjonali (iktar ’il quddiem l-“OSP”), ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni ma kkonsultatx l-OSP qabel l-adozzjoni tal-ewwel abbozz għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas ma kkonsultat l-OSP dwar it-tieni abbozz ta’ proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, ir-rikorrenti targumenta li l-Kunsill irrifjuta t-talba tal-OSP li l-Kumitat tal-Konsultazzjoni jkompli jiltaqa’ matul id-diskussjonijiet kollha tat-tliet partijiet. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, minkejja li l-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981 kienet tabilħaqq inbdiet, hija ma kinitx osservata. Għalhekk, minn naħa, iż-żewġ laqgħat tal-Kumitat tal-Konsultazzjoni organizzati fis-6 ta’ Mejju 2013 u fit-23 ta’ Ġunju 2013 kienu biss laqgħat ta’ informazzjoni li ma taw lok għal ebda konsultazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-Kumitat tal-Konsultazzjoni ma pprovdiex rapport tal-pożizzjonijiet diverġenti espressi mill-partijiet wara dawn iż-żewġ laqgħat. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li fil-każijiet fejn l-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti mill-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma jkunx suffiċjentement iddeterminat jew ikun iddeterminat b’dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-validità tagħhom hija kkontestata, hija tista’ tippretendi rispett tad-dritt fundamentali għan-negozjar kollettiv stabbilit mill-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, irrispettivament mid-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju li jimplimenta dan l-Artikolu, li huwa l-każ f’din il-kawża. F’dan il-kuntest, hija tikkunsidra li fid-dawl tal-kundizzjonijiet li fiha żvolġiet, il-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981 ma tosservax id-dritt għan-negozjar kollettiv.

57      Il-Kunsill u l-Parlament jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

58      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 12(1), l-Artikolu 27 u l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jistabbilixxu l-libertà ta’ assoċjazzjoni taħt il-forma ta’ sindakati, id-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni fi ħdan l-impriża u d-dritt ta’ negozjar u azzjoni kollettiva, jistgħu japplikaw fir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-persunal tagħhom. Madankollu, skont it-termini ta’ dawn id-dispożizzjonijiet stess, l-eżerċizzju tad-drittijiet li huma jistabbilixxu huwa limitat għall-każijiet u kundizzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punt 77).

59      Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Artikolu 12(1), l-Artikolu 27 u l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi l-konsultazzjoni mill-Kummissjoni tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, kompost minn numru ndaqs ta’ rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u ta’ rappreżentanti tal-Kumitati tal-Persunal tagħhom, fuq kull proposta għar-reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal.

60      Il-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981 tapplika għall-proposti sottomessi lill-Kunsill mill-Kummissjoni relattivi għall-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal jew relattivi għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li jirrigwardaw ir-remunerazzjonijiet jew il-pensjonijiet, kull darba li membru tal-Kumitat tal-Konsultazzjoni, kompost, fil-prinċipju, minn numru ndaqs ta’ rappreżentanti tal-Istati Membri u ta’ rappreżentanti tal-persunal innominati mill-OSP kif ukoll mill-kapijiet tal-amministrazzjoni ta’ kull istituzzjoni tal-Unjoni, jagħmel talba f’dan is-sens. Skont il-punt I.8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981, moqri fid-dawl tad-dikjarazzjoni interpretattiva ta’ din id-deċiżjoni adottata mill-Kunsill fis-6 ta’ Mejju 2013 fid-dawl tal-applikazzjoni tagħha fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja relattiva għall-proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal, l-imsemmija proċedura ta’ konsultazzjoni għandha l-għan li teżamina l-informazzjoni disponibbli kollha u l-pożizzjonijiet tal-partijiet bl-iskop li tiffaċilita, sa fejn ikun possibbli, il-konverġenza tal-pożizzjonijiet u tiżgura li l-perspettivi tal-persunal u tal-awtoritajiet amministrattivi jkunu magħrufa mar-rappreżentanti tal-Istati Membri qabel ma dawn jieħdu pożizzjoni finali fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Skont din l-istess dispożizzjoni, il-Kunsill għandu l-possibbiltà li jieħu inkunsiderazzjoni r-rapport tal-President tal-Kumitat tal-Konsultazzjoni waqt l-adozzjoni ta’ pożizzjoni fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punt 115).

61      Għalhekk, l-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981 jirrigwardaw il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tad-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni, stabbilit mill-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-persunal tagħhom (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punt 116).

62      Mill-banda l-oħra, għandu jiġi rrilevat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 10b tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi biss il-fakultà tal-Kummissjoni li tikkonsulta l-OSP rappreżentattivi fuq il-proposti biex jiġu emendati r-Regolamenti tal-Persunal imsemmija fl-Artikolu 10 tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, b’tali mod li r-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq din id-dispożizzjoni sabiex tinvoka d-dritt tal-OSP rappreżentattivi li jiġu kkonsultati fuq il-proposti biex jiġu emendati r-Regolamenti tal-Persunal.

63      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 24b tar-Regolamenti tal-Persunal, invokat ukoll mir-rikorrenti, jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tal-libertà ta’ assoċjazzjoni, stabbilita mill-Artikolu 12(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, peress li jistabbilixxi li l-uffiċjali jgawdu d-dritt ta’ assoċjazzjoni u jistgħu, b’mod partikolari, ikunu membri ta’ OSP ta’ uffiċjali Ewropej.

64      Madankollu, għandu jitfakkar li skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut u abbażi tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kwistjoni, il-motivi u l-argumenti invokati u jkun fih espożizzjoni fil-qosor tal-imsemmija motivi. Skont ġurisprudenza stabbilita, din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra sabiex issostniha. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ir-rikors ikun ibbażat jirriżultaw, almenu fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jista’ jinftiehem sewwa, mit-test tar-rikors innifsu (ara s-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, BSCA vs Il-Kummissjoni, T‑818/14, EU:T:2018:33, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Issa, għandu jiġi kkonstatat li fir-rikors ir-rikorrenti ma għamlet ebda argument insostenn tal-allegat ksur tal-Artikolu 24b tar-Regolamenti tal-Persunal, b’tali mod li dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

66      It-tielet nett, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma tinvokax dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ negozjar u azzjoni kollettiva stabbilit mill-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fil-fatt, kulma tagħmel huwa li tinvoka ksur tal-proċedura ta’ konsultazzjoni stabbilita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981, li, kif imfakkar fil-punt 59 iktar ’il fuq, tirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tad-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni, stabbilit mill-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

67      Fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li ksur tal-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jista’ madankollu jiġi invokat ladarba “il-validità [tad-dispożizzjonijiet ta’ dritt sekondarju applikabbli] hija ġustament ikkontestata fid-dawl tal-emendi li sarulhom”. Ir-rikorrenti tosserva li, f’dan il-każ, id-drittijiet u l-obbligi tal-OSP huma ċertament iddeterminati mid-dispożizzjonijiet ta’ dritt sekondarju applikabbli, iżda li l-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija kkontestata sa fejn hija tikkontesta l-legalità tal-Artikolu 65(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, introdott permezz tar-Regolament Nru 1023/2013 u tal-Artikolu 66b tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat permezz tal-istess regolament.

68      Għandu jiġi enfasizzat li l-ksur tal-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ negozjar u azzjoni kollettiva stabbilit fl-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali lilhinn mill-każijiet previsti mid-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju applikabbli jista’ jiġi invokat biss jekk id-drittijiet u l-obbligi inkwistjoni ma jkunux suffiċjentement iddeterminati mill-imsemmija dispożizzjonijiet jew jekk il-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet stess tkun ikkontestata (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2013, Heath vs Il-BĊE, T‑645/11 P, EU:T:2013:326, punt 155).

69      Madankollu, f’dan il-każ, bilfors għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju applikabbli, li r-rikorrenti tikkontesta l-legalità tagħhom, jiġifieri l-Artikolu 65(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, introdott mir-Regolament Nru 1023/2013 u l-Artikolu 66b tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat mill-istess regolament, ma jiddefinixxux il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ negozjar u azzjoni kollettiva, stabbilit mill-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-ksur tal-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet u l-obbligi stabbiliti mill-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

70      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li skont l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, id-dritt ta’ negozjar kollettiv isemmi espressament in-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehim kollettiv. Issa, għandu jitfakkar li d-dritt ta’ negozjar u li jiġu konklużi ftehim kollettivi għandu l-għan li jippermetti negozjar bejn l-imsieħba soċjali sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet tax-xogħol meta d-drittijiet u l-obbligi ma jkunux suffiċjentement iddeterminanti mid-dispożizzjonijiet applikabbli (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punt 117).

71      Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mir-rikorrenti, id-dritt ta’ negozjar kollettiv ma jistax jiġi assimilat għad-dritt tal-OSP li jinnegozjaw il-kontenut innifsu tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li l-adozzjoni tagħhom hija rregolata, skont l-Artikolu 294 TFUE, mill-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

72      Konsegwentement, l-eżami ta’ dan il-motiv ser ikun limitat għall-verifika dwar jekk il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tad-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni, kif previst mill-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal u mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981, kinux osservati f’dan il-każ.

–       Fuq il-ksur tal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal

73      Ir-rikorrenti ssostni li skont l-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kummissjoni kellha tikkonsulta lill-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal dwar l-ewwel proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal li hija adottat fid-29 ta’ Ġunju 2011, li kienet tinkludi imposta ta’ solidarjetà ta’ 5.5 % u mhux dwar it-tieni proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal li tipprovdi imposta ta’ solidarjeta ta’ 6 % li hija ssottomettietlu fil-21 ta’ Novembru 2011. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-konsultazzjoni tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal li seħħet fis-17 u fit-18 ta’ Lulju 2013 lanqas ma tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal peress li hija tardiva u għalhekk mingħajr effett utli.

74      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li l-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal kien jimponi li l-Kummissjoni tikkonsulta lill-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal dwar l-ewwel proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal, li hija kienet adottat fid-29 ta’ Ġunju 2011, għandu jitfakkar li l-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal jimponi li l-Kummissjoni tikkonsulta lill-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal “fuq il-proposti kollha għar-reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal”. Issa, f’dan il-każ, minn naħa, mill-proċess jirriżulta li t-test adottat mill-Kummissjoni fid-29 ta’ Ġunju 2011 ma kienx formalment proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda abbozz ta’ proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal intiż sabiex ikun l-oġġett ta’ konsultazzjoni mal-OSP qabel il-preżentazzjoni ta’ proposta formali għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal lill-Kunsill u lill-Parlament. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar ukoll li t-test sottomess mill-Kummissjoni lill-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal fil-21 ta’ Novembru 2011 kien sussegwentement mibgħut mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill bħala proposta leġiżlattiva, fis-sens tal-Artikolu 294(2) TFUE, fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li skont l-Artikolu 336 TFUE tirregola l-adozzjoni u l-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg minn dawn l-istituzzjonijiet.

75      Għalhekk l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal billi ma kkonsultatx il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal dwar l-ewwel abbozz ta’ proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal tagħha, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

76      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-konsultazzjoni tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal tas-17 u tat-18 ta’ Lulju 2013 kisret l-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal għar-raġuni li seħħet fi stadju tardiv tal-proċedura leġiżlattiva, b’tali mod li kienet nieqsa mill-effett utli, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal jimponu fuq il-Kummissjoni obbligu ta’ konsultazzjoni li minbarra għall-proposti formali, jestendi għall-emendi sostanzjali ta’ proposti diġà eżaminati li għalihom hija tipproċedi, sakemm, f’dan l-aħħar każ, l-emendi ma jikkorrispondux fil-parti l-kbira għal dawk proposti mill-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, T‑58/05, EU:T:2007:218, punt 35; tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punt 129 u tas-16 ta’ Novembru 2017, USFSPEI vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑75/14, EU:T:2017:813, punt 99).

77      Tali interpretazzjoni hija meħtieġa kemm mill-kliem tal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll mir-rwol assunt mill-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, minn naħa, billi tipprevedi l-konsultazzjoni mingħajr riżerva u lanqas eċċezzjoni tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal fuq kull proposta għal reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, din id-dispożizzjoni tagħti portata wiesgħa lill-obbligu li hija tiddefinixxi. It-termini tagħha huma għaldaqstant manifestament inkonċiljabbli ma’ interpretazzjoni restrittiva tal-portata tagħha. Min-naħa l-oħra, il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, bħala organu konġunt li jiġbor flimkien lir-rappreżentanti tal-amministrazzjonijiet u dawk tal-persunal, b’dawn tal-aħħar huma demokratikament eletti, tal-istituzzjonijiet kollha, huwa obbligat sabiex jieħu inkunsiderazzjoni u jesprimi l-interessi tas-servizz pubbliku tal-Unjoni kollu (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, T‑58/05, EU:T:2007:218, punt 36; tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punt 130 u tas-16 ta’ Novembru 2017, USFSPEI vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑75/14, EU:T:2017:813, punt 100).

78      Minn dan isegwi li meta l-Kummissjoni tipproċedi għal emenda tal-proposta tagħha għal reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal matul il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, hija jkollha l-obbligu li tikkonsulta mill-ġdid mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal qabel l-adozzjoni mill-Kunsill tad-dispożizzjonijiet regolamentari kkonċernati, meta din l-emenda taffettwa b’mod sostanzjali l-istruttura tal-proposta (sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punt 135 u tas-16 ta’ Novembru 2017, USFSPEI vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑75/14, EU:T:2017:813, punt 101).

79      Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm il-Kummissjoni użat is-setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva tagħha billi ppreżentat il-proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal lill-Parlament u lill-Kunsill fit-13 ta’ Diċembru 2011, hija ma użatx din is-setgħa biex temenda l-imsemmija proposta (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2017, USFSPEI vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑75/14, EU:T:2017:813, punt 102).

80      Ċertament il-Kummissjoni pparteċipat fin-negozjati bejn tliet partijiet li saru matul il-proċedura leġiżlattiva ordinarja inkwistjoni. Madankollu, skont il-punt 13 tad-dikjarazzjoni konġunta dwar arranġamenti prattiċi għall-proċedura ta’ kodeċiżjoni (Artikolu 251 tat-Trattat KE) (ĠU 2007, C 145, p. 5), magħmula mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Ġunju 2007 u li tirregola dawn il-laqgħat informali, fl-istadju tal-ewwel qari fil-Parlament, ir-rwol tal-Kummissjoni huwa ristrett biex tiffaċilita l-kuntatti stabbiliti “sabiex jiffaċilitaw it-tmexxija tal-proċedimenti fl-ewwel qari” u biex teżerċita “d-dritt ta’ inizjattiva tagħha b’mod kostruttiv bil-ħsieb li tirrikonċilja l-pożizzjonijiet tal-Parlament […] u tal-Kunsill, filwaqt li tqis kif dovut il-bilanċ bejn l-istituzzjonijiet u l-irwol mogħti lilha mit-Trattat” (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2017, USFSPEI vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑75/14, EU:T:2017:813, punt 103).

81      Għalhekk, il-fatt li n-negozjati bejn tliet partijiet li saru, f’dan il-każ, fl-istadju tal-ewwel qari mill-Parlament wasslu, bil-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni li r-rwol tagħha huwa mfakkar fil-punt 80 iktar ’il fuq, għal kompromess bejn il-Parlament u l-Kunsill intiż biex tiġi emendata l-proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jistax jitqies bħala li jikkostitwixxi emenda tal-imsemmija proposta mill-Kummissjoni nnifisha (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2017, USFSPEI vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑75/14, EU:T:2017:813, punt 104).

82      Barra minn hekk, l-adozzjoni fl-ewwel qari, mill-Parlament, ta’ test li jkun emenda l-proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal lanqas ma tista’ tiġi assimilata ma’ emenda mill-Kummissjoni nnifisha tal-proposta inizjali tagħha (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2017, USFSPEI vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑75/14, EU:T:2017:813, punt 105).

83      Minn dak preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tikkonsulta mill-ġdid mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal skont l-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal, la wara l-ikkompletar tan-negozjati bejn tliet partijiet li saru fl-istadju tal-ewwel qari fil-Parlament u lanqas wara l-adozzjoni, minn dan tal-aħħar, tal-proposta tagħha fl-ewwel qari (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2017, USFSPEI vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑75/14, EU:T:2017:813, punt 106).

84      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża l-argument tagħha b’mod validu fuq il-fatt li, minkejja li ma kinitx obbligata tagħmel dan, b’ittra tal-5 ta’ Lulju 2013 il-Kummissjoni bagħtet lill-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal il-pożizzjoni tal-ewwel qari tal-Parlament tat-2 ta’ Lulju 2013, filwaqt li ppreċiżat li, fil-fehma tagħha, il-proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal, li dwarha kienet ikkonsultat lill-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal fil-21 ta’ Novembru 2011, ma kinitx ġiet emendata b’mod sostanzjali fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja u li, f’dan l-istadju tal-proċedura leġiżlattiva, l-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal ma kienx japplika. Fil-fatt, tali fatt ma huwiex rilevanti fir-rigward tar-regolarità tal-proċedura ta’ adozzjoni tar-Regolament Nru 1023/2013 u, b’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-osservanza mill-Kummissjoni tal-obbligu impost fuqha f’dan il-każ mill-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal.

85      Għalhekk l-argument tar-rikorrenti li l-konsultazzjoni tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal tas-17 u tat-18 ta’ Lulju 2013, wara l-konsultazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta’ Lulju 2013, seħħet fi stadju tardiv fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva inkwistjoni u għalhekk kienet nieqsa mill-effett utli bi ksur tal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq il-ksur tal-proċedura ta’ konsultazzjoni

86      Ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni ma kkonsultatx l-OSP qabel l-adozzjoni tal-ewwel abbozz ta’ proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal adottat fid-29 ta’ Ġunju 2011 u li lanqas ikkonsultat l-OSP fuq it-tieni abbozz ta’ proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal tat-13 ta’ Diċembru 2011. Barra minn hekk, ir-rikorrenti targumenta li ż-żewġ laqgħat tal-Kumitat tal-Konsultazzjoni organizzati fis-6 ta’ Mejju 2013 u fl-20 ta’ Ġunju 2013 kienu laqgħat ta’ informazzjoni li matulhom ebda dokument ma kien ikkomunikat lill-OSP u li ma taw lok għal ebda konsultazzjoni u li fit-tmiem tagħhom il-Kumitat tal-Konsultazzjoni ma ssottometta ebda rapport li juri diverġenzi ta’ opinjoni bejn il-partijiet, bi ksur tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981. Ir-rikorrenti targumenta wkoll li l-Kunsill rrifjuta t-talba tal-OSP intiża sabiex il-Kumitat tal-Konsultazzjoni jkompli jiltaqa’ matul il-fażi kollha ta’ diskussjoni bejn tliet partijiet li damet mit-13 ta’ Mejju 2013 sal-25 ta’ Ġunju 2013.

87      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-assenza ta’ konsultazzjoni tal-OSP qabel l-adozzjoni tal-ewwel abbozz ta’ proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 2011, għandu jiġi rrilevat li din iċ-ċirkustanza ma hijiex rilevanti għal dak li jirrigwarda l-proċedura leġiżlattiva ordinarja mibdija sussegwentement, fit-13 ta’ Diċembru 2011, billi ntbagħat lill-Parlament u lill-Kunsill it-tieni abbozz ta’ proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal fil-forma ta’ proposta leġiżlattiva. Għalhekk, tali argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

88      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tikonsulta lill-OSP qabel adottat l-abbozz ta’ proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2011, għandu jiġi rrilevat li, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 4 tas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il‑Parlament u Il-Kunsill (T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489), l-OSP kienu kkonsultati dwar it-tieni abbozz ta’ proposta għar-reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal fis-7 ta’ Settembru 2011 u li f’dan ir-rigward seħħet konsultazzjoni amministrattiva, teknika u politika bejn il-Kummissjoni u l-OSP, fis-6 ta’ Ottubru 2011, fit-28 ta’ Ottubru 2011 u fis-7 ta’ Novembru 2011 rispettivament.

89      Peress li r-rikorrenti ma ressqet ebda punt ta’ liġi jew ta’ fatt ta’ natura li jippermetti li tiġi kkontestata din il-konstatazzjoni, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kkonsultatx l-OSP qabel adottat it-tieni abbozz ta’ proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal tagħha u li bagħtitu lill-Parlament u lill-Kunsill fit-13 ta’ Diċembru 2011, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

90      It-tielet nett, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li ebda dokument ma tqassam lill-OSP waqt il-laqgħat tal-Kumitat tal-Konsultazzjoni tas-6 ta’ Mejju 2013 u tal-20 ta’ Ġunju 2013, għandu jiġi rrilevat li dan l-ilment diġà ġie eżaminat u miċħud mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489).

91      Għalhekk, fil-punt 161 tas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489), il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981 la tipprovdi għal u lanqas tipprojbixxi t-tqassim ta’ dokumenti bil-miktub lill-OSP fid-dawl tal-preparazzjoni tal-laqgħat ta’ konsultazzjoni jew fl-okkażjoni tagħhom.

92      Issa, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 162 tas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489), skont il-punt I.8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981, moqri fid-dawl tad-dikjarazzjoni interpretattiva tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2013, il-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista mill-imsemmija deċiżjoni għandha l-għan li teżamina l-informazzjoni kollha disponibbli u l-pożizzjonijiet tal-partijiet bil-għan li tiffaċilita, sa fejn ikun possibbli, il-konverġenza tal-pożizzjonijiet u tiżgura li l-perspettivi tal-persunal u tal-awtoritajiet amministrattivi jkunu magħrufa mir-rappreżentanti tal-Istati Membri qabel ma jieħdu pożizzjoni finali fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

93      Fid-dawl tal-għan tal-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981, it-tweġiba għall-kwistjoni dwar jekk il-Kunsill għandux jikkomunika l-informazzjoni li huwa għandu bil-miktub lill-OSP b’mod li dawn ikunu jistgħu jesprimu l-perspettiva tagħhom tiddependi għalhekk fuq il-konoxxenza li dawn tal-aħħar għandhom tal-imsemmija informazzjoni, tan-natura u tal-portata ta’ din l-informazzjoni kif ukoll tar-restrizzjonijiet ratione temporis u tekniċi li jikkaratterizzaw l-iżvolġiment tan-negozjar bejn tliet partijiet (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punt 163).

94      F’dan il-każ, fir-rigward tal-ewwel laqgħa tal-Kumitat tal-Konsultazzjoni, li kellha bħala suġġett il-mandat biex jinnegozja tal-Kunsill fid-dawl tan-negozjar bejn tliet partijiet, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill ma kellux jikkomunika dokumenti bil-miktub lill-OSP, peress li dawn kienu jafu bil-proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal li speċifikament dwarha kellhom isiru n-negozjati (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punt 164).

95      Fir-rigward tat-tieni laqgħa tal-Kumitat tal-Konsultazzjoni, li nżammet fl-20 ta’ Ġunju 2013, wara li fid-19 ta’ Ġunju 2013 il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni kienu waslu għal kompromess provviżorju dwar il-proposta għar-reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi rrilevat li minkejja li l-OSP kienu jafu bil-kontenut tal-proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal u ta’ ċerti proposti tal-Istati Membri, kif jirriżulta mill-fuljett ippubblikat minn diversi OSP fis-17 ta’ Settembru 2012, huma ma kinux jafu bir-riżultat eżatt tan-negozjar bejn it-tliet partijiet li kien jirrigwarda, b’mod partikolari, dawn il-proposti (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punt 165).

96      Għalhekk, ikkunsidrati n-natura u l-estensjoni tal-emendi introdotti fil-proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal waqt in-negozjar bejn tliet partijiet, il-Kunsill kellu jibgħat lill-OSP l-informazzjoni disponibbli kollha b’mod li jippermettilhom li jagħtu l-perspettiva tagħhom dwar dawn l-emendi, b’mod utli. Għalhekk, dan kien jippreżumi, fil-prinċipju, li l-imsemmija OSP ikollhom mezz bil-miktub sabiex ikunu jistgħu jirreaġixxu għalih b’mod effettiv (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punt 166).

97      Madankollu, għandu jitfakkar li fl-20 ta’ Ġunju 2013 it-test li jirrifletti l-kompromess provviżorju tad-19 ta’ Ġunju 2013 kien għadu mhux disponibbli, b’tali mod li ma setax ikun materjalment mibgħut lill-OSP membri tal-Kumitat tal-Konsultazzjoni (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punt 167).

98      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat li waqt il-laqgħa tal-Kumitat tal-Konsultazzjoni tal-20 ta’ Ġunju 2013 huwa wettaq preżentazzjoni orali tal-elementi prinċipali tal-kompromess provviżorju miksub fid-19 ta’ Ġunju 2013, preżentazzjoni li kienet tikkorrispondi, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, ikkarratterizzati minn restrizzjonijiet ratione temporis u tekniċi li jikkaretterizzaw l-iżvolġimenti tan-negozjar bejn tliet partijiet, għall-unika proċedura possibbli għall-informazzjoni tal-OSP (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punt 169).

99      Barra minn hekk, minn naħa, għandu jitfakkar li l-Kunsill bagħat lill-OSP membri tal-Kumitat tal-Konsultazzjoni t-test tal-kompromess provviżorju, akkumpanjat bi spjegazzjonijiet, fl-24 ta’ Ġunju 2013 filgħaxija, kif ukoll it-test tal-kompromess finali, akkumpanjat ukoll bi spjegazzjonijiet, fis-27 ta’ Ġunju 2013, jiġifieri qabel it-teħid ta’ pożizzjoni finali tal-Istati Membri, fis-sens tal-punt I.8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981, waqt l-eżami tat-test tal-kompromess finali mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) fit-28 ta’ Ġunju 2013. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li l-OSP li pparteċipaw fil-Kumitat tal-Konsultazzjoni ma talbux fil-ħin l-organizzazzjoni ta’ laqgħa ġdida sabiex jinstemgħu dwar it-test tal-kompromess provviżorju u lanqas dwar it-test tal-kompromess finali (sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il‑Kunsill, T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punt 170, u tas-16 ta’ Novembru 2017, USFSPEI vs Il-Parlament u Il‑Kunsill, T‑75/14, EU:T:2017:813, punti 119 sa 122).

100    Għalhekk, bilfors għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ressqet ebda punt ġdid ta’ fatt jew ta’ liġi li jista’ jikkontesta l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi, li kisbu l-awtorità ta’ res judicata, tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489), u tas-16 ta’ Novembru 2017, USFSPEI vs Il-Parlament u Il-Kunsill (T‑75/14, EU:T:2017:813), imfakkra fil-punti 91 sa 99 iktar ’il fuq, b’tali mod li l-ilment tar-rikorrenti li l-laqgħat tal-Kumitat tal-Konsultazzjoni tas-6 ta’ Mejju 2013 u tal-20 ta’ Ġunju 2013 kienu biss laqgħat ta’ informazzjoni ġenerali, li matulhom ma tqassam ebda dokument lill-OSP u li ma taw lok għall-ebda konsultazzjoni, għandu jiġu miċħud bħala infondat.

101    Ir-raba’ nett, għandu jiġi miċħud bħala infondat l-argument tar-rikorrenti li l-Kumitat tal-Konsultazzjoni, fit-tmiem tal-laqgħat tad-9 ta’ Mejju 2013 u tat-23 ta’ Ġunju 2013, ma pprovdiex rapport li jesponi l-pożizzjonijiet diverġenti tal-partijiet. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li skont l-Artikolu I.7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981, moqri fid-dawl tal-linja gwida 5 tad-dikjarazzjoni interpretattiva tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2013, fl-istadju tal-eżami tal-proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal mill-Kunsill, il-President tal-Kumitat tal-Konsultazzjoni għandu jagħmel rapport lill-Coreper għan-nom tal-Kumitat tal-Konsultazzjoni wara kull laqgħa li matulha l-parteċipanti esponew il-perspettiva tagħhom. Issa, għandu jiġi rrilevat li mill-messaġġ tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fir-rigward tar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal, indirizzata lill-persunal tal-Kunsill fit-28 ta’ Ġunju 2013, prodott mir-rikorrenti stess, jirriżulta li s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill indika lill-persunal ta’ din l-istituzzjoni li kien ippreżenta lill-Coreper ir-riżultati tal-laqgħa tal-Kumitat tal-Konsultazzjoni tal-20 ta’ Ġunju 2013. Barra minn hekk, mid-dokumenti prodotti mill-Kunsill, jirriżulta li minkejja li fit-tmiem tal-laqgħat tal-Kumitat tal-Konsultazzjoni tas-6 ta’ Mejju 2013 u tal-20 ta’ Ġunju 2013 ma kien stabbilit ebda rapport bil-miktub, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, President tal-Kumitat tal-Konsultazzjoni, ta effettivament rendikont orali lill-Coreper ta’ dawn il-laqgħat, fit-8 ta’ Mejju 2013 u fis-26 ta’ Ġunju 2013 rispettivament.

102    Il-ħames nett, għandu jiġi miċħud ukoll bħala infondat l-ilment tar-rikorrenti li s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill kien ċaħad it-talba tal-OSP intiża sabiex il-Kumitat tal-Konsultazzjoni jkompli jiltaqa’ matul il-fażi kollha ta’ diskussjoni bejn tliet partijiet. Fil-fatt, skont l-Artikolu I.5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981, moqri fid-dawl tal-linja gwida 5 tad-dikjarazzjoni interpretattiva tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2013, fl-istadju tal-eżami fl-ewwel qari mill-Kunsill ta’ proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kumitat tal-Konsultazzjoni għandu jiltaqa’ fuq sejħa tal-President tiegħu kull darba li waħda mill-partijiet tagħmel talba f’dan is-sens. Għalhekk, anki jekk kien possibbli li r-rappreżentanti tal-persunal, innominati mill-OSP rappreżentattivi, membri ta-Kumitat tal-Konsultazzjoni, jitolbu diversi laqgħat tal-imsemmi kumitat, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, President tal-Kumitat tal-Konsultazzjoni, ġustament irrifjuta talba ġenerali bħal dik intiża sabiex il-Kumitat tal-Konsultazzjoni jkompli jiltaqa’ matul il-fażi kollha ta’ diskussjoni bejn tliet partijiet.

103    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-proċedura leġiżlattiva

104    Ir-rikorrenti tosserva li l-proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal sottomessa mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament fit-13 ta’ Diċembru 2011 la kienet tipprevedi s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni fl-2013 u fl-2014 u lanqas l-applikazzjoni tal-imposta ta’ solidarjetà matul dan l-istess perijodu. Skont ir-rikorrenti, huwa biss waqt il-fażi ta’ diskussjoni bejn tliet partijiet li l-Kunsill introduċa dawn l-emendi billi rriproduċa l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta’ Frar 2013. B’hekk, il-Kunsill kiser l-Artikolu 296 TFUE, li jipprovdi li meta jikkunsidraw abbozz ta’ att leġiżlattiv, il-Parlament u l-Kunsill għandhom jastjenu milli jadottaw atti li ma jkunux previsti mill-proċedura leġiżlattiva applikabbli għall-qasam ikkonċernat. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, billi adotta l-konklużjonijiet tiegħu tas-7 u tat-8 ta’ Frar 2013, meħuda sussegwentement mill-Kunsill, il-Kunsill Ewropew kiser l-Artikolu 15(1) TUE, li jipprovdi li dan ma għandux funzjoni leġiżlattiva.

105    Il-Kunsill u l-Parlament jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

106    Fl-ewwel lok għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-miżura li tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ imposta ta’ solidarjetà ta’ 6 % filwaqt li l-applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni kienet sospiż, tirriżulta mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u tat-8 ta’ Frar 2013 u kienet sempliċement riprodotta mill-Kunsill u l-Parlament waqt l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1023/2013. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li minkejja li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u tat-8 ta’ Frar 2013 maħruġa fil-kuntest tal-linji gwida fir-rigward tal-qafas finanzjarju multiannwali, kienu jipprovdu għas-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni għal sentejn, kif ukoll l-istabbiliment ta’ imposta ta’ 6 % “fil-kuntest tar-riforma tal-metodu salarjali”, ma kinux jipprovdu li l-imsemmija imposta kienet ser tapplika matul il-perijodu ta’ sospensjoni inkwistjoni.

107    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li l-argumenti tar-rikorrenti, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 15(1) TUE ma jistgħux jirnexxu.

108    Għalhekk, l-ewwel nett, fir-rigward tal-allegat ksur mill-Kunsill tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprovdi li “[m]eta jikkunsidraw abbozz ta’ att leġislattiv, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom joqgħodu lura milli jadottaw atti li ma jkunux previsti mill-proċedura leġislattiva applikabbli għall-qasam konċernat”.

109    Skont l-Artikolu 336 TFUE, ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg huma stabbiliti mill-Parlament u mill-Kunsill, wara konsultazzjoni mal-istituzzjonijiet l-oħra interessati, permezz ta’ regolament, skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

110    F’dan il-każ, il-Kunsill u l-Parlament, innotifikati mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Diċembru 2011 bi proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal adottaw ir-Regolament Nru 1023/2013, wara li l-Parlament kien stabbilixxa l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fit-2 ta’ Lulju 2013 u li l-Kunsill kien approva din il-pożizzjoni fl-10 ta’ Ottubru 2013, skont l-Artikolu 294(3) u (4) TFUE.

111    Għalhekk bilfors għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-Parlament u l-Kunsill ma adottawx atti oħra minbarra dawk previsti mill-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

112    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mir-rikorrenti, mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE ma jirriżultax li din id-dispożizzjoni tipprekludi li l-Kunsill jieħu inkunsiderazzjoni l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew meta juża l-fakultà tiegħu li jbiddel l-abbozz leġiżlattiv ippreżentat mill-Kummissjoni, li ma huwiex marbut bih. Fil-fatt, għandu jitfakkar li fil-kuntest tas-setgħa leġiżlattiva mogħtija lill-Kunsill, flimkien mal-Parlament, mill-Artikolu 14(1) TUE u mill-Artikolu 16(1) TUE, kif ukoll mill-Artikolu 289 TFUE, li tagħmel parti mill-prinċipju ta’ distribuzzjoni tal-kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE, u b’mod iktar wiesa’, mill-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali, karatteristika tal-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni (ara b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L‑Ungerija vs Il-Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 146), huwa l-Kunsill li għandu jeżerċita funzjonijiet tad-definizzjoni tal-politiki u ta’ koordinazzjoni skont il-kundizzjonijiet previsti mit-Trattati.

113    Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE għandu jiġi miċħud bħala infondat.

114    It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kunsill Ewropew kiser l-Artikolu 15(1) TUE, u għalhekk ippreġudika l-legalità tal-proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1023/2013, għandu jitfakkar, qabel kollox, li kif ġie kkonstatat fil-punt 111 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament osservaw il-proċedura leġiżlattiva oriġinali applikabbli f’dan il-każ.

115    Imbagħad għandu jitfakkar li l-Artikolu 15(1) TUE, jipprovdi li “[l]-Kunsill Ewropew għandu jipprovdi l-Unjoni bl-impetu meħtieġ għall-iżvilupp tagħha u għandu jiddefinixxi d-direzzjonijiet u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tagħha. Huwa m’għandux jeżerċita funzjonijiet leġislattivi”.

116    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li l-Kunsill Ewropew jieħu pożizzjoni dwar kwistjoni li hija l-oġġett ta’ proċedura leġiżlattiva.

117    Finalment, għandu jitfakkar li l-effett tan-natura “politika” tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew fuq is-setgħa leġiżlattiva tal-Parlament u tal-Kunsill ma jistax jikkostitwixxi motiv ta’ annullament mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni kkontestata (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakka u L-Ungerija vs Il‑Kunsill, C‑643/15 u C-647/15, EU:C:2017:631, punt 145, u tal-21 ta’ Ġunju 2018, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 86).

118    Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti li l-Kunsill Ewropew ippreġudika l-legalità tal-proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1023/2013 billi adotta l-konklużjonijiet tas-7 u tat-8 ta’ Frar 2013 għandu jiġi miċħud bħala infondat.

119    Barra minn hekk, peress li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 15(1) TUE għandu jiġi meqjus, fih innifsu, bħala eċċezzjoni ta’ illegalità magħmula kontra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u tat-8 ta’ Frar 2013, għandu jitfakkar li peress li l-Artikolu 277 TFUE ma huwiex intiż sabiex jippermetti lil parti tikkontesta l-applikabbiltà ta’ att ta’ natura ġenerali anki jekk ikun favur xi rikors, il-portata ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tkun limitata għal dak li huwa indispensabbli għas-soluzzjoni tal-kawża. Għalhekk l-att ġenerali li titqajjem l-illegalità tiegħu għandu jkun applikabbli, direttament jew indirettament, għall-każ suġġett tar-rikors u għandha teżisti rabta legali diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali inkwistjoni (ara s-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Tataram vs Il-Kummissjoni, T‑546/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:644, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

120    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-eżistenza ta’ tali rabta legali bejn id-deċiżjoni individwali suġġett ta’ dan ir-rikors, jiġifieri dik li tistabbilixxi r-remunerazzjoni tar-rikorrenti għax-xahar ta’ Jannar 2014 li applikat għall-ewwel darba fil-konfront tagħha l-Artikolu 66a tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat bil-punt 46 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1023/2013, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u tat-8 ta’ Frar 2013 hija nieqsa f’dan il-każ, b’tali mod li sa fejn l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi kkunsidrat bħala eċċezzjoni ta’ illegalità magħmula kontra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 u t-8 ta’ Frar 2013, hija għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

121    Għalhekk, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

122    Ir-rikorrenti targumenta li r-raġunijiet imressqa fir-Regolament Nru 1023/2013 sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tal-imposta ta’ solidarjetà prevista mill-Artikolu 66a tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri d-diffikultajiet partikolari tas-sitwazzjoni ekonomika, ma humiex differenti minn dawk invokati sabiex jiġi ġġustifikat l-istabbiliment ta’ imposti simili fil-passat. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tiċċita l-ewwel premessa tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEFA, KEE) Nru 3821/81 tal-15 ta’ Diċembru 1981 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropew kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra ta’ dawn il-Komunitajiet (ĠU 1981, L 386, p. 1), li minnha jirriżulta li l-istabbiliment ta’ imposta eċċezzjonali fuq ir-remunerazzjonijiet, il-pensjonijiet u l-allowances għat-terminazzjoni tal-funzjonijiet netti mħallsa mill-Komunitajiet kien xieraq minħabba d-diffikultajiet partikolari tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali. Mill-banda l-oħra, l-impożizzjoni ta’ imposta ta’ solidarjetà matul perijodu li matulu l-applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni kienet sospiża tikkostitwixxi miżura ġdida li tiġġustifika motivazzjoni speċifika li hija nieqsa f’dan il-każ. Barra minn hekk, ir-rikorrenti targumenta li billi fil-premessi 12 u 13 tar-Regolament Nru 1023/2013 isemmi l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u tat-8 ta’ Frar 2013, l-imsemmi regolament jirrinvija fil-motivazzjoni tiegħu għal att mhux imsemmi fil-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE.

123    Il-Kunsill u l-Parlament jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

124    Għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod illi jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti lill-qorti kompetenti twettaq l-istħarriġ tagħha. Dan ir-rekwiżit għandu jiġi evalwat skont ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tar-raġunijiet invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Il-motivazzjoni ma għandhiex bilfors tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu u tar-regoli kollha tad-dritt li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punt 181 u l-ġurisprudenza ċċitata).

125    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, il-motivazzjoni ta’ atti ta’ portata ġenerali, bħar-Regolament Nru 1023/2013, tista’ tindika biss is-sitwazzjoni kollha li wasslet għall-adozzjoni tagħhom u l-għanijiet ġenerali li l-leġiżlatur ried jilħaq, mingħajr il-bżonn ta’ motivazzjoni speċifika insostenn tad-dettalji kollha li jistgħu jinkludu tali atti. Għalhekk, ma huwiex neċessarju li tiġi mmotivata kull emenda magħmula lir-Regolamenti tal-Persunal, iżda huwa suffiċjenti li l-leġiżlatur jispjega l-essenzjal tal-miżuri, anki fil-qosor, sakemm l-ispjegazzjoni tkun ċara u rilevanti (sentenzi tad-29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il-Kummissjoni, T‑135/05, EU:T:2006:366, punt 159 u tat-23 ta’ April 2008, Pickering vs Il‑Kummissjoni, F‑103/05, EU:F:2008:45, punt 121).

126    F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni fl-2013 u fl-2014, kif ukoll l-istabbiliment ta’ imposta ta’ solidarjetà sa mill-1 ta’ Jannar 2014 jikkostitwixxu biss komponenti tar-riforma vasta tar-Regolamenti tal-Persunal li l-Parlament u l-Kunsill implimentaw billi adottaw ir-Regolament Nru 1023/2013.

127    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-premessi 11, 12 u 13 tar-Regolament Nru 1023/2013 jispeċifikaw dan li ġej:

“(11)      Il-vantaġġi potenzjali tal-applikazzjoni [tal-mekkaniżmu multiannwali għall-aġġornament tar-remunerazzjoni] għall-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu bbilanċjati permezz tar-reintroduzzjoni tas-sistema ta’ ‘imposta’. Bħal fil-każ [tal-mekkaniżmu multiannwali għall-aġġornament tar-remunerazzjoni], l-applikazzjoni tal-imposta ta’ solidarjetà tista’ tiġi provviżorjament prorogata. Jidher li huwa xieraq li l-imposta ta’ solidarjetà tiżdied, kif imqabbel mal-livell tal-imposta speċjali applikabbli mill-2004 sal-2012, u li tiġi prevista rata aktar progressiva. L-għan huwa li jiġi kkunsidrat il-kuntest ekonomiku u soċjali partikolarment diffiċli fl-Unjoni, u l-implikazzjonijiet tiegħu għall-finanzi pubbliċi mal-Unjoni kollha. Il-bżonn ta’ konsolidament tal-finanzi pubbliċi fl-Unjoni, inkluż fit-terminu qasir, jirrikjedi sforz ta’ solidarjetà rapidu u partikolari min-naħa tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Din l-imposta ta’ solidarjetà għalhekk għandha tapplika għall-uffiċjali u l-aġenti l-oħra kollha tal-Unjoni mill-1 ta’ Jannar 2014.

(12)      Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta’ Frar 2013 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali, il-Kunsill Ewropew indika li l-ħtieġa li jiġu kkonsolidati l-finanzi pubbliċi fit-terminu qasir, medju u twil tirrikjedi sforz partikolari minn kull amministrazzjoni pubblika u mill-persunal tagħha biex titjieb l-effiċjenza u l-effikaċja u taġġusta ruħha għall-kuntest ekonomiku li qiegħed jinbidel. Tali appell fil-fatt tenna l-objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni tal-2011 għall-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal u l-[Kondizzjonijiet tal-impjieg], li għamlet sforz biex tiggarantixxi kosteffiċjenza u rrikonoxxiet li l-isfidi li attwalment qiegħda tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni Ewropea jeħtieġu sforz partikolari minn kull amministrazzjoni pubblika u minn kull membru tal-persunal tagħha bil-għan ta’ titjib tal-effiċjenza u ta’ aġġustament għall-kuntest ekonomiku u soċjali fl-Ewropa li qiegħed jinbidel. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew appella, bħala parti mir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal, għal aġġustament tar-rimunerazzjoni u tal-pensjonijiet tal-persunal kollu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz tas-sospensjoni għal sentejn [tal-mekkaniżmu multiannwali għall-aġġornament tar-remunerazzjoni] u għar-reintroduzzjoni ta’ imposta ta’ solidarjetà ġdida bħala parti mir-riforma tal-metodu tas-salarji.

(13)      Fid-dawl ta’ tali konklużjonijiet u bħala tweġiba għar-restrizzjonijiet baġitarji tal-futur kif ukoll bħala sinjal ta’ solidarjetà min-naħa tas-servizz pubbliku Ewropew mal-miżuri ta’ awsterità meħuda mill-Istati Membri bħala konsegwenza tal-kriżi finanzjarja bla preċedenti u tal-kuntest soċjali u ekonomiku diffiċli fl-Istati Membri u fl-Unjoni fit-totalità tagħha, jeħtieġ li tiġi prevista s-sospensjoni għal sentejn [tal-mekkaniżmu multiannwali għall-aġġornament tar-remunerazzjoni] għar-remunerazzjoni, għall-pensjonijiet u għall-allowances kollha tal-uffiċjali u li l-imposta ta’ solidarjetà tiġi applikata minkejja tali sospensjoni”.

128    Għalhekk, mill-premessa 11 tar-Regolament Nru 1023/2013 jirriżulta li l-Parlament u l-Kunsill iġġustifikaw l-istabbiliment ta’ imposta ta’ solidarjetà sa mill-1 ta’ Jannar 2014 bin-neċessità li jiġu bbilanċjati l-vantaġġi potenzjali għall-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Unjoni mill-applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni. Minn din il-premessa jirriżulta wkoll li d-deċiżjoni li tiġi applikata din l-imposta ta’ solidarjetà sa mill-1 ta’ Jannar 2014 tissodisfa l-għan “ta’ konsolidament tal-finanzi pubbliċi fl-Unjoni, inkluż fit-terminu qasir”, permezz ta’ “sforz ta’ solidarjetà rapidu u partikolari min-naħa tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni”. Għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mir-rikorrenti, minn din l-istess premessa jirriżulta li r-riferiment għall-kuntest ekonomiku u soċjali partikolarment diffiċli tal-Unjoni ma jiġġustifikax l-istabbiliment ta’ imposta ta’ solidarjetà bħala tali, kif kien il-każ għall-imposta speċjali stabbilita mir-Regolament Nru 3821/81, iżda ż-żieda tal-livell tal-imposta ta’ solidarjetà, meta mqabbel mal-livell tal-imposta speċjali applikabbli bejn l-2004 u l-2012, kif ukoll l-użu ta’ rata iktar progressiva.

129    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li għall-kuntrarju ta’ dak li targumenta r-rikorrenti, il-Parlament u l-Kunsill esponew ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-għażla li japplikaw l-imposta ta’ solidarjetà sa mill-1 ta’ Jannar 2014 filwaqt li l-applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni kienet sospiża għas-snin 2013 u 2014 fil-premessi 12 u 13 tar-Regolament Nru 1023/2013. Mill-imsemmija premessi jirriżulta li din l-għażla kienet intiża li tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u tat-8 ta’ Frar 2013, iżda wkoll “ir-restrizzjonijiet baġitarji tal-futur”, il-“kuntest soċjali u ekonomiku diffiċli fl-Istati Membri u fl-Unjoni fit-totalità tagħha” u intiża li tesprimi “solidarjetà min-naħa tas-servizz pubbliku Ewropew mal-miżuri ta’ awsterità meħuda mill-Istati Membri bħala konsegwenza tal-kriżi finanzjarja bla preċedenti”.

130    Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li l-motivazzjoni pprovduta fil-premessi 11, 12 u 13 tar-Regolament Nru 1023/2013 jissodisfaw il-kriterji ġurisprudenzjali msemmija fil-punti 124 u 125 iktar ’il fuq. Fil-fatt, hija turi r-raġunament tal-leġiżlatur tal-Unjoni kif ukoll l-għanijiet ġenerali li jridu jintlaħqu. Hija tinforma b’mod suffiċjenti lill-uffiċjali bir-raġunijiet għall-istabbiliment ta’ imposta ta’ solidarjetà matul perijodu li matulu l-applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni kienet sospiża.

131    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Parlament u l-Kunsill naqsu mill-obbligu tagħhom ta’ motivazzjoni billi fil-premessi 12 u 13 tar-Regolament Nru 1023/2013 irreferew għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u tat-8 ta’ Frar 2013, għandu jiġi rrilevat, bħall-Kunsill, li minkejja li skont l-Artikolu 296 TFUE l-atti legali għandhom jiġu motivati, dan ma jeskludix li l-leġiżlatur jagħmel riferiment, fi premessa, għal direzzjonijiet politiċi stabbiliti mill-Kunsill Ewropew.

132    Għalhekk il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tat-tmiem tar-rabta bejn l-applikazzjoni tal-metodu ta’ aġġustament awtomatiku tar-remunerazzjonijiet previst fl-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal u l-imposta ta’ solidarjetà u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ paralleliżmu

133    Ir-rikorrenti ssostni li mis-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1985, Abrias et vs Il‑Kummissjoni (3/83, EU:C:1985:283), u tat-22 ta’ Ġunju 1994, Rijnoudt u Hocken vs Il-Kummissjoni (T‑97/92 u T‑111/92, EU:T:1994:69), jirriżulta li l-prinċipju, imsejjaħ ta’ paralleliżmu, jimplika li l-imposta ta’ solidarjetà tista’ tiġi applikata biss meta l-metodu ta’ aġġustament tar-remunerazzjonijiet stess, li tikkostitwixxi l-korrispettiv tiegħu, ikun applikabbli. Skont ir-rikorrenti, mill-premessa 11 tar-Regolament Nru 1023/2013 u mill-Artikolu 66a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat bl-imsemmi regolament, jirriżulta barra minn hekk li l-imposta ta’ solidarjetà għandha l-għan li tikkumpensa l-vantaġġi li l-uffiċjali u l-aġenti tal-Unjoni għandhom mill-applikazzjoni tal-metodu ta’ aġġustament. Din ir-rabta hija kkonfermata mill-Artikolu 15 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat bir-Regolament Nru 1023/2013, li jorbot l-emendi tal-imposta ta’ solidarjetà mal-emendi tal-metodu ta’ aġġustament tar-remunerazzjonijiet. Minn dan isegwi li l-leġiżlatur ma setax jipprovdi li l-imposta ta’ solidarjetà tapplika matul perijodu li matulu l-applikazzjoni tal-metodu ta’ aġġustament tar-remunerazzjonijiet kienet sospiża.

134    Il-Kunsill u l-Parlament jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

135    Preliminarjament, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza ferm stabbilita, il-leġiżlatur jista’ f’kull ħin jagħmel, għall-futur, l-emendi għad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li huwa jqis konformi mal-interess tas-servizz, anki jekk dawn ikunu inqas favorevoli (sentenzi tat-30 ta’ Settembru 1998, Ryan vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑121/97, EU:T:1998:232, punt 98 u tal-11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il-Kumissjoni, T‑58/05, EU:T:2007:218, punt 86).

136    Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li, fl-oqsma li fihom il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal verifika jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tkunx ivvizzjata minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk l-awtorità inkwistjoni tkunx manifestament marret lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha (ara s-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2007, Chassagne vs Il‑Kummissjoni, F‑43/05, EU:F:2007:14, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

137    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

138    Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mis-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1985, Abrias et vs Il-Kummissjoni (3/83, EU:C:1985:283) u tat-22 ta’ Ġunju 1994, Rijnoudt u Hocken vs Il-Kummissjoni (T‑97/92 u T‑111/92, EU:T:1994:69), li għalihom tirreferi r-rikorrenti, ma jirriżultax li jeżisti prinċipju tad-dritt tal-Unjoni li l-imposta ta’ solidarjetà tista’ tiġi applikata biss meta l-metodu ta’ aġġustament tar-remunerazzjonijiet stess ikun applikabbli.

139    Għalhekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-3 ta’ Lulju 1985, Abrias et vs Il-Kummissjoni (3/83, EU:C:1985:283), ir-rikorrenti kkontestaw b’mod inċidentali l-legalità tar-Regolament Nru 3821/81 li jintroduċi fl-Artikolu 66a tar-Regolamenti tal-Persunal kontribuzzjoni ta’ kriżi. Fil-punti 15 u 21 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-aċċettazzjoni min-naħa tal-organizzazzjonijiet sindakali l-iktar rappreżentattivi li jipparteċipaw, fil-forma ta’ miżura eċċezzjonali u unika li taffettwa r-remunerazzjonijiet, fil-konsegwenzi tad-diffikultajiet partikolari tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fil-Komunità, kienet ġiet ikkumpensata bl-adozzjoni ta’ metodu ta’ aġġustament tar-remunerazzjonijiet li jippreżerva l-prinċipju tal-paralleliżmu li jipprovdi li sabiex jiġi deċiż jekk huwiex xieraq li jsir aġġustament tar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali Komunitarji, ittieħdet inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, iż-żieda eventwali fil-pagi tas-servizzi pubbliku fl-Istati Membri.

140    Bl-istess mod, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, Rijnoudt u Hocken vs Il-Kummissjoni (T‑97/92 u T‑111/92, EU:T:1994:69), ir-rikorrenti kkontestaw il-legalità tar-Regolament tal-Kunsill (KEFA, KEE, Euratom) Nru 3831/91 tad-19 ta’ Diċembru 1991 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra ta’ dawn il-Komunitajiet fid-dawl tal-istabbiliment ta’ kontribuzzjoni temporanja (ĠU 1991, L 361, p. 7), li jintroduċi Artikolu 66a fir-Regolamenti tal-Persunal sabiex jistabbilixxi kontribuzzjoni temporanja. Bi tweġiba għall-motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali fakkret il-kliem tal-preambolu tar-Regolament Nru 3831/91, li jipprovdi li “mix-xogħol tal-Kumitat tal-Konsultazzjoni [kien] jirriżulta li miżura li taffettwa b’mod temporanju r-remunerazzjonijiet imħallsa mill-Komunitajiet kellha tiġi stabbilita fil-forma ta’ kontribuzzjoni temporanja mnaqqsa minn ras il-għajn, flimkien mal-adozzjoni ta’ metodu li jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 64 u 65 tar-Regolamenti tal-Persunal, bħala elementi interdipendenti bħala soluzzjoni komprensiva” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

141    Għalhekk, mis-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1985, Abrias et vs Il‑Kummissjoni (3/83, EU:C:1985:283) u tat-22 ta’ Ġunju 1994, Rijnoudt u Hocken vs Il-Kummissjoni (T‑97/92 u T‑111/92, EU:T:1994:69), jirriżulta li fil-passat il-leġiżlatur adotta approċċ ġenerali li jipprovdi li l-applikazzjoni ta’ imposta speċifika li taffettwa r-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali u tal-aġenti tal-Unjoni kienet tikkostitwixxi l-korrispettiv tal-applikazzjoni ta’ metodu li jippermetti, f’ċerti kundizzjonijiet partikolari, li jiġu aġġustati r-remunerazzjonijiet inkwistjoni, billi tittieħed inkunsiderazzjoni ż-żieda eventwali fil-pagi tas-servizz pubbliku fl-Istati Membri tal-Unjoni.

142    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, imfakkra fil-punt 135 iktar ’il fuq, il-leġiżlatur huwa liberu li jabbanduna, li jżomm jew li jirrevedi dan l-approċċ preċedenti billi jipprovdi, fir-Regolament Nru 1023/2013, li l-imposta ta’ solidarjetà tapplika matul perijodu li matulu l-applikazzjoni tal-metodu ta’ aġġustament tar-remunerazzjonijiet kienet sospiża.

143    Għaldaqstant, għandu jiġi enfasizzat li fir-Regolament Nru 1023/2013 il-leġiżlatur stabbilixxa effettivament rabta bejn l-imposta ta’ solidarjetà u l-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni.

144    Għalhekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 66a tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat bil-punt 46 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1023/2013, jirriżulta li l-imposta ta’ solidarjetà hija stabbilita “biex tiġi kkunsidrata, […], l-applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali”.

145    Bl-istess mod, għandu jiġi rrilevat li fil-verżjoni tiegħu wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1023/2013, l-Artikolu 15(2) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar il-modalitajiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 64 u 65 tar-Regolamenti tal-Persunal, jipprovdi li kull proposta tal-Kummissjoni għal emenda tal-imsemmi anness qabel l-iskadenza tal-perijodu tal-applikazzjoni ta’ dan l-anness, jiġifieri l-31 ta’ Diċembru 2023, għandha tkun akkumpanjata minn proposta għal emenda tal-Artikolu 66a tar-Regolamenti tal-Persunal.

146    Mill-Artikolu 15(3) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, introdott mir-Regolament Nru 1023/2013, jirriżulta wkoll li sakemm il-Parlament u l-Kunsill ma jadottawx regolament abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni, l-imsemmi anness u l-Artikolu 66a tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom jibqgħu japplikaw fuq bażi provviżorja wara l-31 ta’ Diċembru 2023.

147    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li kif ġie rrilevat fil-punt 128 iktar ’il fuq, mill-premessa 11 tar-Regolament Nru 1023/2013 jirriżulta li l-Parlament u l-Kunsill iġġustifikaw l-istabbiliment ta’ imposta ta’ solidarjetà sa mill-1 ta’ Jannar 2014 bin-neċessità li jiġu bbilanċjati l-vantaġġi potenzjali għall-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Unjoni mill-applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjonijiet.

148    Madankollu, la mill-premessa 11 tar-Regolament Nru 1023/2013 u lanqas mir-rabta bejn il-miżuri inkwistjoni kif irrilevati fil-punti 144 sa 146 iktar ’il fuq ma jista’ jirriżulta prinċipju li jipprovdi li l-imposta ta’ solidarjetà tapplika biss b’mod konkomitanti mal-applikazzjoni tal-metodu ta’ aġġustament tar-remunerazzjonijiet, billi twettaq rwol ta’ moderatur meta l-imsemmi metodu jipprovdi vantaġġ għall-uffiċjali tal-Unjoni.

149    Huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, il-leġiżlatur ipprovda espressament li l-imposta ta’ solidarjetà tapplika matul perijodu li matulu l-applikazzjoni tal-metodu ta’ aġġustament tar-remunerazzjonijiet kienet sospiża. F’dan ir-rigward, mill-premessi 12 u 13 tar-Regolament Nru 1023/2013 jirriżulta li l-leġiżlatur iġġustifika din l-għażla bit-tfittxija tal-għanijiet imfakkra fil-punt 129 iktar ’il fuq. Ir-rikorrenti ma turix li din l-għażla kienet tikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ użu ħażin ta’ poter fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 136 iktar ’il fuq.

150    Finalment, għandu jiġi rrilevat li sa fejn l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi meqjus li huwa intiż sabiex jikkontesta l-legalità tal-Artikolu 66a tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn dan kien jipprovdi l-applikazzjoni ta’ imposta ta’ solidarjetà sa mill-1 ta’ Jannar 2014, għar-raġuni li tali applikazzjoni tmur kontra l-Artikolu 65(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, li kien jipprovdi s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni, huwa suffiċjenti li jitfakkar li kif diġà ddeċidew rispettivament il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ imposta eċċezzjonali bir-Regolament Nru 3821/81, kif ukoll tal-introduzzjoni ta’ kontribuzzjoni temporanja bir-Regolament Nru 3831/91, il-legalità ta’ emenda tar-Regolamenti tal-Persunal introdotta bl-inklużjoni ta’ dispożizzjoni ġdida ma tistax tiġi kkontestata abbażi ta’ dispożizzjoni oħra tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1985, Abrias et vs Il‑Kummissjoni, 3/83, EU:C:1985:283, punt 20, u tat-22 ta’ Ġunju 1994, Rijnoudt u Hocken vs Il-Kummissjoni, T‑97/92 u T‑111/92, EU:T:1994:69, punt 65).

151    Għalhekk, it-teżi tar-rikorrenti li l-Artikolu 66a tar-Regolamenti tal-Persunal huwa illegali sa fejn kien jipprovdi l-applikazzjoni tal-imposta ta’ solidarjetà sa mill-1 ta’ Jannar 2014 minkejja li l-applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni kienet sospiża, għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

152    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet miksuba

153    Ir-rikorrenti targumenta li l-prinċipju ta’ aġġustament annwali tar-remunerazzjonijiet dejjem kien applikat fir-rigward tagħha. Hija tosserva li minkejja li l-metodu dejjem kien stabbilit għal perijodi ta’ żmien limitati, huwa kien imġedded b’mod sistematiku b’ċerti aġġustamenti. Skont ir-rikorrenti, id-dritt tal-uffiċjali tal-Unjoni li jibbenefikaw minn żvilupp tal-kapaċità ta’ akkwist parallela ma’ dik tal-uffiċjali nazzjonali b’applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni huwa dritt miksub u element essenzjali tar-remunerazzjoni tagħha kif ukoll kundizzjoni essenzjali tar-relazzjoni tagħha mal-persuna li timpjegaha. Billi ssospendew l-applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni matul sentejn konsekuttivi, mingħajr ma pprovdew miżuri tranżitorji, il-Parlament u l-Kunsill ippreġudikaw id-drittijiet miksuba tagħha.

154    Il-Kunsill u l-Parlament jikkonstestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

155    Għandu jiġi rrilevat li permezz ta’ dan il-motiv ir-rikorrenti tikkontesta l-legalità tal-Artikolu 65(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, introdott permezz tal-punt 44 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1023/2013, li jipprovdi s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni fl-2013 u fl-2014.

156    F’dan ir-rigward, kif ġie kkonstatat fil-punti 52 u 53 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li sabiex tiġi kkontestata d-deċiżjoni li tistabbilixxi r-remunerazzjoni tagħha għax-xahar ta’ Jannar 2014, ir-rikorrenti setgħet biss tinvoka l-illegalità tal-Artikolu 66a tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat bil-punt 46 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1023/2013, u ma tistax targumenta b’mod utli l-illegalità tal-Artikolu 65(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, introdott bil-punt 44 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1023/2013.

157    Għalhekk, it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet miksuba, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

158    Ir-rikorrenti targumenta, essenzjalment, li s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni għal sentejn u l-applikazzjoni tal-imposta ta’ solidarjeta matul dan il-perijodu jmorru kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Skont ir-rikorrenti, minkejja li l-għanijiet imfittxija minn dawn il-miżuri huma leġittimi, l-imsemmija miżuri ma humiex xierqa sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li l-applikazzjoni konkomitanti tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni u ta’ imposta eċċezzjonali kienet, fil-passat, meqjusa xierqa sabiex tissodisfa l-istess għanijiet bħal dawk tar-Regolament Nru 1023/2013. Barra minn hekk, ir-rikorrenti targumenta li, minn naħa, il-kriżi ekonomika li għaddejjin minnha l-Istati Membri ma hijiex ġdida u mhux agħar minn dik prevalenti fil-qafas finanzjarju multiannwali preċedenti, u min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni li l-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat bir-Regolament Nru 1023/2013, diġà jinkludi l-mekkaniżmi li jippermettu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi ekonomiċi mhux favorevoli, peress li l-metodu għall-aġġornament jieħu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp negattiv tal-livell ta’ remunerazzjoni tas-servizz pubbliku tal-Istati Membri u li l-applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament hija suġġetta għal klawżola ta’ moderazzjoni kif ukoll għal klawżola ta’ eċċezzjoni. Skont ir-rikorrenti, il-leġiżlatur seta’ jadotta miżuri inqas restrittivi li jippermettu wkoll li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mir-Regolament Nru 1023/2013, jiġifieri jipprovdi l-applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni fl-2013 u 2014 u jorbot l-applikazzjoni tal-imposta ta’ solidarjetà mal-applikazzjoni tal-imsemmi metodu. Ir-rikorrenti żżid li n-natura sproporzjonata tal-miżuri kkontestati hija msaħħa, għal dak li jirrigwarda lilha, mill-miżuri l-oħra introdotti mir-Regolament Nru 1023/2013 intiżi sabiex inaqqsu l-ispejjeż tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jiġifieri l-imblokkar tal-karrieri tal-amministraturi fil-grad AD 13, it-tnaqqis tal-ħin ta’ vjaġġar u t-tnaqqis tar-rimbors tal-ispejjeż ta’ vjaġġar.

159    Il-Kunsill u l-Parlament jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

160    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li sa fejn dan il-motiv huwa intiż sabiex juri n-natura sproporzjonata tas-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni previst mill-Artikolu 65(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, introdott mill-punt 44 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1023/2013, huwa għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv għall-istess raġunijiet diġà esposti fil-punti 52 u 53 iktar ’il fuq.

161    Għalhekk għandu jiġi eżaminat biss jekk il-Parlament u l-Kunsill ippreġudikawx il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi pprovdew li l-imposta ta’ solidarjetà stabbilita mill-Artikolu 66a tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat bil-punt 46 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1023/2013, għandha tapplika sa mill-1 ta’ Jannar 2014, minkejja li l-applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni kien sospiż għall-2013 u l-2014, skont l-Artikolu 65(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, introdott mill-punt 44 tal-Artikolu 1 ta’ dan l-istess regolament.

162    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-legalità ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-mezzi li hija timplimenta jkunu adatti sabiex jilħqu l-għan leġittimu mfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan, filwaqt li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, bħala prinċipju għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2018, Teglgaard u Fløjstrupgård, C‑239/17, EU:C:2018:597, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-11 ta’ Diċembru 2013, Andres et vs Il‑BĊE, F‑15/10, EU:F:2013:194, punt 317).

163    Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li fir-rigward ta’ qasam, bħal dak inkwistjoni, fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tikkorrispondi għar-responsabbiltajiet politiċi mogħtija lilu mit-Trattat, il-kontroll ta’ proporzjonalità huwa limitat biss għall-eżami tan-natura manifestament mhux xierqa tal-miżura inkwistjoni, fid-dawl tal-għan li trid tilħaq l-istituzzjoni kompetenti (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2017, TofuTown.com, C‑422/16, EU:C:2017:458, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-11 ta’ Diċembru 2013, Andres et vs Il‑BĊE, F‑15/10, EU:F:2013:194, punt 318).

164    F’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punt 129 iktar ’il fuq, mill-premessi 12 u 13 tar-Regolament Nru 1023/2013 jirriżulta li l-għażla tal-leġiżlatur li japplika imposta ta’ solidarjetà sa mill-1 ta’ Jannar 2014 filwaqt li l-applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament kienet sospiża fl-2013 u l-2014 kienet intiża sabiex tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u tat-8 ta’ Frar 2013, iżda wkoll “restrizzjonijiet baġitarji tal-futur”, “il-kuntest soċjali u ekonomiku diffiċli fl-Istati Membri u fl-Unjoni fit-totalità tagħha” u sabiex tesprimi “sinjal ta’ solidarjetà min-naħa tas-servizz pubbliku Ewropew mal-miżuri ta’ awsterità meħuda mill-Istati Membri bħala konsegwenza tal-kriżi finanzjarja bla preċedenti”.

165    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li fil-perspettiva ta’ dawn l-għanijiet, l-għażla li tiġi applikata, għal sena, l-imposta ta’ solidarjetà b’mod konkomitanti mas-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni fid-dawl li jintlaħqu l-għanijiet imfakkra iktar ’il fuq, ma tidhirx li hija manifestament sproporzjonata.

166    Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

167    L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat bir-Regolament Nru 1023/2013, jinkludi mekkaniżmi suffiċjenti sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni żvilupp mhux favorevoli tas-sitwazzjoni ekonomika fi ħdan l-Unjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan l-argument jirrigwarda l-mekkaniżmi ta’ aġġustament tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni skont l-iżvilupp tal-livell ta’ remunerazzjoni tas-servizz pubbliku fl-Istati Membri.

168    Issa, skont dak irrilevat fil-punt 160 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li l-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-proporzjonalità tas-sospensjoni tal-aġġornament tar-remunerazzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati ineffettivi.

169    It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li n-natura sproporzjonata tal-applikazzjoni tal-imposta ta’ solidarjetà matul is-sospensjoni tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni hija msaħħa minn miżuri oħra introdotti mir-Regolament Nru 1023/2013, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tistax tikkontesta l-legalità ta’ dawn il-miżuri fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ illegalità invokata insostenn ta’ dan ir-rikors billi targumenta, b’mod partikolari, in-natura sproporzjonata tagħhom, sa fejn l-imsemmija miżuri ma jippreżentawx rabta mad-deċiżjoni li tistabbilixxi r-remunerazzjoni tar-rikorrenti għax-xahar ta’ Jannar 2014 bħala l-ewwel applikazzjoni fil-konfront tagħha tal-Artikolu 66a tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat mill-punt 46 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1023/2013, suġġett ta’ dan ir-rikors.

170    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma urietx li l-leġiżlatur eċċeda s-setgħa diskrezzjonali tiegħu billi għażel li japplika l-imposta ta’ solidarjetà matul is-sospensjoni tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni.

171    Għalhekk, ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi miċħud in parti bħala ineffettiv u in parti bħala infondat.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sa fejn il-leġiżlatur ma pprovdiex miżuri tranżitorji

172    Ir-rikorrenti targumenta li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa intiż sabiex jipproteġi lill-uffiċjali fis-servizz minn emendi ta’ xi dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li kellhom natura fundamentali fid-deċiżjoni tagħhom li jsiru uffiċjali tal-Unjoni, deċiżjoni li implikat, b’mod partikolari, li fil-parti l-kbira tal-każijiet iħallu l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom kif ukoll is-sistema ta’ sigurtà soċjali tagħhom. Il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jimponi għalhekk li l-leġiżlatur jevita li jemenda b’mod drastiku s-sitwazzjoni legali u ekonomika tal-uffiċjali fis-servizz u li jipprovdi miżuri tranżitorji xierqa sabiex jippermettilhom jaddattaw għas-sitwazzjoni l-ġdida, miżuri li għandu jkollhom tul suffiċjenti u jkunu progressivi u xierqa, fid-dawl tas-sistemi legali fis-seħħ u tat-tħassib leġittimu tal-uffiċjali. Skont ir-rikorrenti, il-leġiżlatur kiser, f’dan il-każ, l-imsemmi prinċipju billi ma pprovdiex miżuri tranżitorji fir-rigward tas-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni kif ukoll tal-applikazzjoni tal-imposta ta’ solidarjetà matul din is-sospensjoni. Il-leġiżlatur kiser ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi ma pprovdiex miżuri tranżitorji fir-rigward tal-aġġustament tar-rata tal-imposta ta’ solidarjetà minn 6 % għal 7 % sa mill-grad AD 15, skala 2.

173    Għandu jitfakkar li kif ġie espost fil-punt 135 iktar ’il fuq, il-leġiżlatur huwa liberu li f’kull ħin jagħmel, għall-futur, emendi għad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li huwa jqis konformi mal-interess ġenerali u li jadotta dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal inqas favorevoli għall-uffiċjali kkonċernati. Madankollu, il-ġurisprudenza kellha l-okkażjoni tispeċifika li huwa jista’ jagħmel dan biss bil-kundizzjoni li jipprovdi, skont il-każ, perijodu tranżitorju suffiċjenti, mingħajr ma l-uffiċjali kkonċernati jkunu jistgħu jopponu għall-applikazzjoni ta’ dawn l-emendi abbażi ta’ aspettattiva leġittima li jinżammu d-dispożizzjonijiet preċedenti (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, Wils vs Il-Parlament, F‑105/05, EU:F:2007:128, punt 150 u l-ġurisprudenza ċċitata).

174    Għandu jitfakkar ukoll li r-rekwiżit ta’ perijodu tranżitorju japplika biss meta jeżistu drittijiet miksuba li minnhom jistgħu jibbenefikaw l-uffiċjali u l-aġenti tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punti 147 sa 149, u tad-19 ta’ Ġunju 2007, Davis et vs Il-Kunsill, F‑54/06, EU:F:2007:103, punt 82).

175    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tistax targumenta li l-Artikolu 66a tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat bil-punt 46 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1023/2013, jippreġudika d-drittijiet miksuba tagħha peress li din id-dispożizzjoni tipprovdi rata ogħla ta’ 7 % għall-uffiċjali tal-grad AD 15, skala 2, u għal dawk ta’ gradi u skali ogħla.

176    Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma setgħetx tiġi affettwata minn din id-dispożizzjoni, peress li l-ewwel nett, kif jirriżulta mill-Artikolu 66a tar-Regolamenti tal-Persunal u mill-Artikolu 15 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tagħhom preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1023/2013, l-applikazzjoni tal-“metodu ta’ aġġustament tar-remunerazzjoni” u tal-“imposta speċjali” kienet tispiċċa fil-31 ta’ Diċembru 2012, b’tali mod li l-“imposta speċjali” diġà ma kinitx għadha tapplika meta bdiet tapplika l-imposta ta’ solidarjetà, jiġifieri fl-1 ta’ Jannar 2014, u t-tieni nett, mill-proċess jirriżulta li f’dik id-data, ir-rikorrenti ma kellhiex il-grad AD 15, skala 2.

177    Għalhekk ir-rikorrenti ma tistax tilmenta li l-leġiżlatur ma pprovdiex perijodu tranżitorju għall-applikazzjoni tar-rata ogħla ta’ 7 % għall-uffiċjali ta’ grad AD 15, skala 2, u għal gradi u skali ogħla.

178    Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma setgħetx tipprevalixxi ruħha minn dritt miksub sabiex l-imposta ta’ solidarjetà tapplika biss meta japplika l-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni nnifsu. Fil-fatt, anki jekk jiġi preżunt li tali rabta kienet teżisti fil-passat bejn il-“metodu ta’ aġġustament tar-remunerazzjoni” u l-“imposta speċjali”, kif previsti fl-Artikolu 66a tar-Regolamenti tal-Persunal u fl-Artikolu 15 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tagħhom qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1023/2013, għandu jitfakkar li l-applikazzjoni tagħhom spiċċat fil-31 ta’ Diċembru 2012, b’tali mod li l-mekkaniżmu li fuqu tibbaża ruħha r-rikorrenti diġà ma kienx għadu jeżisti waqt id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1023/2013. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax targumenta l-eżistenza ta’ drittijiet miksuba f’dan ir-rigward.

179    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma għandhiex raġun tilmenta li l-leġiżlatur ma pprovdiex perijodu tranżitorju għall-applikazzjoni tal-imposta ta’ solidarjetà f’perijodu li matulu l-applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni kien sospiża.

180    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-leġiżlatur kellu jipprovdi perijodu tranżitorju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 65(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-metodu għall-aġġornament tar-remunerazzjoni fl-2013 u fl-2014, għandu jiġi kkonstatat li, għar-raġunijiet diġà esposti fil-punti 52 u 53 iktar ’il fuq, tali argument huwa ineffettiv peress li fir-realtà huwa intiż sabiex jikkontesta l-legalità ta’ din id-dispożizzjoni.

181    Għalhekk is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi miċħud bħala in parti infondat u in parti ineffettiv.

182    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

183    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

184    Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

185    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk, il-Parlament għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Margarita Tàpias hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      Il-Parlament Ewropew għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Collins

Kancheva

De Baere

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Diċembru 2019.

Firem


*      Lingwa tal-proċedura: il-Franċiż.