Language of document : ECLI:EU:T:2024:31

(Kawża T397/21)

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Hypo Vorarlberg Bank AG

vs

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) tal-24 ta’ Jannar 2024

“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment (SRM) – Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2021 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dritt għal smigħ – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Limitazzjoni tal-effetti tas-sentenza ratione temporis”

1.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti formali – Espożizzjoni ċara u preċiża tal-motivi invokati – Rekwiżiti analogi għall-ilmenti invokati insostenn ta’ motiv – Formulazzjoni mhux preċiża ta’ lment – Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 76(d))

(ara l-punti 27 sa 36)

2.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ċertezza legali – Leġiżlazzjoni tal-Unjoni – Rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni – Limiti

(ara l-punti 68 sa 71)

3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Portata – Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Prinċipju ta’ kontradittorju – Eċċezzjonijiet – Prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tas-sigriet kummerċjali – Ibbilanċjar – Ammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014; Regolament tal-Kummissjoni 2015/63, Artikoli 4 sa 7 u 9 u Anness I; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/59)

(ara l-punti 114 sa 128)

4.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Eżerċizzju tal-kompetenzi – Setgħa mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta atti ddelegati – Setgħa ta’ emendar ta’ att leġiżlattiv – Distinzjoni mis-setgħa jiġi kkompletat tali att

(Artikolu 290(1) TFUE)

(ara l-punti 134 sa 136)

5.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Provvista mill-awtur ta’ spjegazzjonijiet dwar il-motivi tal-att matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni – Kundizzjonijiet – Assenza ta’ kontradizzjonijiet u obbligu ta’ koerenza tal-ispjegazzjonijiet mal-imsemmija motivi

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE)

(ara l-punti 148, 149, 187, 188)

6.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Assenza ta’ neċessità li tinkludi, f’din id-deċiżjoni, l-elementi kollha li jippermettu li tiġi vverifikata l-eżattezza tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet – Ibbilanċjar tal-obbligu ta’ motivazzjoni mal-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tas-sigriet kummerċjali tal-istituzzjonijiet ikkonċernati – Legalità tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 rigward il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF – Prinċipju tal-osservanza tas-sigriet kummerċjali – Obbligu tas-SRB li jippubblika u jibgħat lill-istituzzjonijiet ikkonċernati, taħt forma kkombinata u anonimizzata, l-informazzjoni relatata mal-istituzzjonijiet għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014; Regolament tal-Kummissjoni 2015/63, Artikoli 4 sa 7 u 9 u Anness I; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/59)

(ara l-punti 150 sa 159)

7.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Obbligu tas-SRB li jikkomunika lill-istituzzjonijiet ikkonċernati l-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet u l-metodu ta’ determinazzjoni tal-ammont tal-livell fil-mira annwali

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014; Regolament tal-Kunsill 2015/81, Artikolu 4; Regolament tal-Kummissjoni 2015/63, Artikoli 4 sa 7 u 9 u Anness I; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/59)

(ara l-punti 190 sa 192)

8.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Motivazzjoni bbażata unikament fuq atti legali oħra, bħad-deċiżjonijiet intermedjarji, li jippreċiżaw u jikkompletaw ċerti aspetti tal-iffissar tal-imsemmija kontribuzzjonijiet – Assenza ta’ pubblikazzjoni jew ta’ komunikazzjoni lill-istituzzjonijiet ta’ dawn l-atti oħra – Illegalità

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE)

(ara l-punti 203, 208)

9.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ – Portata – Formola online li tistieden lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu jifformulaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante dovuta lill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Ammissibbiltà – Ksur tad-dritt għal smigħ – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a))

(ara l-punti 292, 293, 299, 305, 306)


Sunt

Adita b’rikors għal annullament, li hija laqgħet, il-Qorti Ġenerali, wara li ċaħdet diversi eċċezzjonijiet ta’ illegalità kontra r-Regolament Nru 806/2014 (1), id-Direttiva 2014/59 (2) u r-Regolament ta’ Delega 2015/63 (3) għamlet kjarifiki importanti dwar il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandu l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) rigward id-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali.

Hypo Vorarlberg Bank AG (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) hija istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fl-Awstrija.

Fl-14 ta’ April 2021, is-SRB adotta deċiżjoni li fiha stabbilixxa (4) l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem is-“SRF”) tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti ditti tal-investiment, fosthom ir-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) (5).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni rigward id-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, il-Qorti Ġenerali fakkret, qabelxejn, li, konformement mal-leġiżlazzjoni applikabbli, fi tmiem il-perijodu inizjali ta’ tmien snin mill-1 ta’ Jannar 2016 (iktar ’il quddiem il-“perijodu inizjali”), il-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF għandhom jilħqu l-livell fil-mira finali, li jikkorrispondi għal mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri kollha parteċipanti. Sussegwentement, matul il-perijodu inizjali, il-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jitqassmu b’mod kemm jista’ jkun uniformi matul iż-żmien sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira finali. Barra minn hekk, kull sena, il-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri kollha parteċipanti ma jaqbżux 12.5 % tal-livell fil-mira finali. Barra minn hekk, fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, is-SRB għandu jiddetermina l-ammont tagħhom abbażi tal-livell fil-mira annwali, filwaqt li jqis il-livell fil-mira finali, u abbażi tal-ammont medju tad-depożiti koperti tas-sena preċedenti, ikkalkulat kull tliet xhur, għall-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti. Fl-aħħar nett, is-SRB jikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante għal kull istituzzjoni abbażi tal-livell fil-mira annwali, li għandu jiġi stabbilit fid-dawl tal-livell fil-mira finali, u konformement mal-metodu espost fir-Regolament ta’ Delega 2015/63.

F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB stabbilixxa, għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, l-ammont tal-livell fil-mira annwali għal EUR 11 287 677 212.56. Fl-imsemmija deċiżjoni, huwa spjega, essenzjalment, li l-livell fil-mira annwali kellu jiġi ddeterminat abbażi ta’ analiżi dwar l-evoluzzjoni tad-depożiti koperti matul is-snin preċedenti, dwar kull żvilupp rilevanti tas-sitwazzjoni ekonomika kif ukoll fuq analiżi dwar l-indikaturi relatati mal-fażi taċ-ċiklu ta’ attività u dwar l-effetti li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi għandhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Is-SRB qies li kien xieraq li jiffissa koeffiċjent li kien ibbażat fuq din l-analiżi u fuq il-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF (iktar ’il quddiem il-“koeffiċjent”) u applika dan il-koeffiċjent għal wieħed minn tmienja tal-ammont medju tad-depożiti koperti fl-2020, sabiex jinkiseb il-livell fil-mira annwali. Sussegwentement, huwa espona l-approċċ segwit sabiex jiġi stabbilit il-koeffiċjent. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, is-SRB stabbilixxa l-valur tal-koeffiċjent għal 1.35 %. Sussegwentement huwa kkalkola l-ammont tal-livell fil-mira annwali, billi mmultiplika l-ammont medju tad-depożiti koperti fl-2020 b’dan il-koeffiċjent u billi ddivida r-riżultat ta’ dan il-kalkolu fi tmienja.

F’dan ir-rigward, għalkemm is-SRB huwa obbligat li jipprovdi lill-istituzzjonijiet, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, spjegazzjonijiet dwar il-metodu ta’ determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom ikunu koerenti mal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mis-SRB matul il-proċedura ġudizzjarja u li jirrigwardaw il-metodu realment applikat. Issa, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

Fil-fatt, matul is-seduta, is-SRB indika li huwa kien iddetermina l-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 billi segwa metodu f’erba’ stadji, li l-aħħar tnejn minnhom ikkonsistew fit-tnaqqis mil-livell fil-mira finali tal-mezzi finanzjarji disponibbli fi ħdan is-SRF, bl-għan li jiġi kkalkolat l-ammont li kien għad irid jinġabar sat-tmiem tal-perijodu inizjali u billi dan l-aħħar ammont jiġi diviż fi tlieta.

Issa, il-Qorti Ġenerali osservat li l-aħħar żewġ stadji ta’ dan il-kalkolu ma huma bl-ebda mod espressi fil-formula matematika ppreżentata, fid-deċiżjoni kkontestata, bħala l-bażi tad-determinazzjoni tal-ammont tal-livell fil-mira annwali.

Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mid-dikjarazzjoni tas-SRB li huwa ppubblika, f’Mejju 2021, l-iskeda deskrittiva, li kienet tinkludi firxa li tindika l-ammonti possibbli tal-livell fil-mira finali, u, fuq is-sit internet tiegħu, l-ammont tal-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF. Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kinitx effettivament taf b’dawn l-ammonti, dawn tal-aħħar ma kinux, waħedhom, ta’ natura li jippermettulha tifhem li l-aħħar żewġ stadji tal-kalkolu kienu ġew effettivament applikati mis-SRB, filwaqt li huwa ppreċiżat, barra minn hekk, li l-formula matematika lanqas biss kienet issemmihom.

Inkoerenzi simili jaffettwaw ukoll il-mod li bih ġie ffissat il-koeffiċjent ta’ 1.35 %, li madankollu għandu rwol primordjali f’din il-formola matematika. Fil-fatt, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mis-SRB waqt is-seduta jirriżulta li dan il-koeffiċjent kien ġie stabbilit b’mod li jkun jista’ jiġġustifika r-riżultat tal-kalkolu tal-ammont tal-livell fil-mira annwali, jiġifieri wara li s-SRB ikun ikkalkola dan l-ammont b’applikazzjoni tal-erba’ stadji tal-metodu realment applikat. Issa, dan l-approċċ bl-ebda mod ma jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata.

Barra minn hekk, il-firxa li fiha kien jinsab, skont l-iskeda deskrittiva, l-ammont tal-livell fil-mira finali stmat jirriżulta inkoerenti mal-firxa tar-rata ta’ tkabbir tad-depożiti koperti ta’ bejn 4 % u 7 % li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, is-SRB indika waqt is-seduta li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, huwa kien ħa inkunsiderazzjoni r-rata ta’ tkabbir tad-depożiti koperti ta’ 4 % - li kienet l-iktar rata baxxa tat-tieni firxa - u li huwa għalhekk kien kiseb il-livell fil-mira finali stmat ta’ EUR 75 biljun - li kien jikkostitwixxi l-ogħla valur tal-ewwel firxa. B’hekk jirriżulta li jeżisti nuqqas ta’ qbil bejn dawn iż-żewġ firxiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina l-mod kif is-SRB kien uża l-firxa li tirrigwarda r-rata ta’ evoluzzjoni ta’ dawn id-depożiti sabiex jasal għall-kalkolu tal-livell fil-mira finali stmat.

Il-Qorti Ġenerali qieset li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, il-metodu realment applikat mis-SRB, kif spjegat waqt is-seduta, ma jikkorrispondix għal dak deskritt fid-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li l-motivi reali, li fid-dawl tagħhom ġie ffissat dan il-livell fil-mira, ma setgħux jiġu identifikati abbażi tad-deċiżjoni kkontestata la mill-istituzzjonijiet u lanqas mill-Qorti Ġenerali. Id-deċiżjoni kkontestata hija għalhekk ivvizzjata b’difetti ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali.

Fid-dawl tal-kapijiet ta’ illegalità li jivvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti.

Madankollu, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, hija ddeċidiet li żżomm fis-seħħ l-effetti tal-imsemmija deċiżjoni, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti, sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż is-sitt xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ta’ deċiżjoni ġdida tas-SRB li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni ex ante għas-SRF tar-rikorrenti għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021.


1      Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).


2      Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).


3      Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).


4      Skont l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014.


5      Deċiżjoni SRB/ES/2021/22 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), tal-14 ta’ April 2021, dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni.