Language of document : ECLI:EU:T:2014:314

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

22 ta’ Mejju 2014

Kawża T‑147/14 P

Luigi Marcuccio

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Appell ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu — Firma tal-avukat imqiegħda fuq il-faks differenti minn dik imqiegħda fuq l-oriġinal ippreżentat bil-posta — Preżentata tal-oriġinal wara l-iskadenza tat-terminu — Tardività — Appell manifestament inammissibbli”

Suġġett:      Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tat-12 ta’ Diċembru 2013, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni (F‑133/12), u intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. Luigi Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Rikors ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors — Firma bil-miktub tal-avukat differenti minn dik li tidher fuq l-oriġinal tar-rikors mibgħut bil-posta — Konsegwenza — Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-data li fiha tiġi riċevuta l-faks għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 43(6))

Skont l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, id-data li fiha kopja tal-oriġinal iffirmat ta’ att tal-proċedura tasal fir-Reġistru permezz ta’ faks jew permezz ta’ kull mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-osservanza tat-termini tal-proċedura, sakemm l-oriġinal iffirmat tal-att jiġi ppreżentat fir-Reġistru sa mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara.

Meta l-firma tal-avukat li jirrappreżenta lil rikorrent li tidher f’qiegħ ir-rikors tal-appell mibgħut permezz ta’ faks ma tkunx identika għal dik li tidher fuq l-oriġinal tar-rikors tal-appell ippreżentat sussegwentement, id-data ta’ trażmissjoni tar-rikors tal-appell ippreżentat permezz ta’ faks ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors. Minn dan isegwi li, skont l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, hija biss id-data tal-preżentata tal-oriġinal iffirmat li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tal-imsemmi terminu.

(ara l-punti 6, 8 u 9)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 29 ta’ Novembru 2011, ENISA vs CEPD, T‑345/11, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti 15 sa 17 u l-ġurisprudenza ċċitata; 3 ta’ Ottubru 2012, Tecnimed vs UASI – Ecobrands (ZAPPER-CLICK), T‑360/10, punti 15 sa 17; 14 ta’ Novembru 2013, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑229/13 P, punti 14 u 15