Language of document : ECLI:EU:C:2017:963

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-13 ta’ Diċembru 2017 (1)

Kawża C240/17

E

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il‑Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Żona Schengen – Deċiżjoni ta’ ritorn u projbizzjoni ta’ dħul kontra ċittadin ta’ pajjiż terz – Senjalazzjoni fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għall-finijiet ta’ ċaħda ta’ dħul – Ċittadin ta’ pajjiż terz li nstab ħati ta’ reat kriminali – Ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu permess ta’ residenza validu fi Stat Membru ieħor taż-żona Schengen – Obbligu ta’ konsultazzjoni – Effetti ta’ konsultazzjoni li għaddejja fuq l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn u tad-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni ta’ dħul – Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen (Konvenzjoni ta’ Schengen) – Direttiva 2008/115/KE”






I.      Introduzzjoni

1.        L-isem tal-komun Lussemburgiż Schengen ilu mill-1985 jirrappreżenta l-viżjoni tal-ivvjaġġar liberu f’Ewropa mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni. Sadanittant din il-viżjoni saret realtà fil-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kif ukoll f’xi pajjiżi terzi ġirien, li flimkien jiffurmaw iż-żona Schengen. Illum il-ġurnata s-sistema Schengen hija waħda mill-pilastri prinċipali tal-ispazju Ewropew ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (2).

2.        Iżda biex jiġi żgurat li l-imsemmija sistema tiffunzjona fit-tul u tibqa’ tgawdi mill-ikbar aċċettazzjoni possibbli, huma indispensabbli regoli komuni li jiggarantixxu, b’mod effettiv u koerenti, li din iż-żieda fil-libertà f’dan l-ispazju mingħajr fruntieri interni ma sseħħx għad-dannu tas-sigurtà. Pereżempju, l-Istati li jipparteċipaw f’din is-sistema jżommu l-kontroll fuq id-dħul u s-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, mingħajr ma jinjoraw l-istipulazzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-drittijiet u l-interessi individwali tal-persuni kkonċernati.

3.        F’din il-kwistjoni ssib postha t-talba għal deċiżjoni preliminari li hija adita biha l-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ. Għandu jiġi ċċarat l-approċċ meta ċittadin ta’ pajjiż terz, li jinsab fil-pussess ta’ permess ta’ residenza validu fi Stat Membru taż-żona Schengen, jiġi suġġett għal projbizzjoni ta’ dħul minn Stat Membru ieħor taż-żona Schengen. Fid-dawl ta’ assenza ta’ kontrolli fil-fruntieri interni, tali projbizzjoni ta’ dħul fil-prinċipju għandha dimensjoni Ewropea u tikkonċerna liż-żona Schengen sħiħa, kif ukoll, saħansitra, lill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea.

4.        Speċifikament, huwa kkonċernat E, ċittadin Niġerjan li nstab ħati ta’ reati kriminali fil-Finlandja. L-awtoritajiet Finlandiżi jixtiequ jibagħtuh lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu n-Niġerja u huwa kien is-suġġett ta’ projbizzjoni ta’ dħul għaż-żona Schengen sħiħa, minkejja li għandu dritt ta’ residenza fi Spanja.

5.        Għal tali każijiet, ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni tas-sistema Schengen jipprevedu konsultazzjoni bejn l-Istati Membri, biex l-awtoritajiet kollha involuti jkunu jistgħu jipproċedu b’mod koerenti u konsistenti. Dak l-Istat Membru li jimponi l-projbizzjoni ta’ dħul irid jistaqsi lill-Istat Membru l-ieħor, li jkun ħareġ il-permess ta’ residenza, jekk għandux l-intenzjoni jirtira l-permess ta’ residenza. Iżda x’jiġri jekk l-Istat Membru kkonsultat – hawnhekk ir-Renju ta’ Spanja – idum ma jirrispondi għal żmien twil minkejja li l-Istat Membru li jkun qed jikkonsulta – hawnhekk ir-Repubblika tal-Finlandja – jikklassifika lill-persuna kkonċernata bħala perikolu għas-sigurtà pubblika u għall-ordni pubbliku, u għalhekk ikun jixtieq ineħħiha immedjatament lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha?

6.        Din id-domanda, li fil-prattika hija rilevanti, għadha ma ġietx iċċarata. Billi tirrispondiha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi kontribut għall-iżvilupp kontinwu tar-regoli komuni applikabbli fiż-żona Schengen u, fl-istess waqt, tħares li jkun hemm bilanċ tajjeb bejn l-interessi tas-sigurtà tal-Istati Membri kif ukoll id-drittijiet u l-interessi individwali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (3).

II.    Il-kuntest ġuridiku

7.        Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni għal din il-kawża huwa stabbilit, minn naħa, permezz tal-Konvenzjoni li timplementa l-ftehim ta’ Schengen (4) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Schengen”) kif ukoll, min-naħa l-oħra, permezz tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (5). Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen kif emendat bir-Regolament (UE) 2016/399 (6) ukoll huwa rilevanti (7).

A.      Il-Konvenzjoni ta’ Schengen

8.        Il-Konvenzjoni ta’ Schengen ġiet iffirmata fid-19 ta’ Ġunju 1990 f’Schengen (il-Lussemburgu) minn ħames Stati Membri (8) u daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Marzu 1995. Kif stabbilit fil-Protokoll Nru 19 anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE (9), din illum hija parti mill-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea u li huwa validu għaż-żona Schengen, jiġifieri għal kważi l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, fosthom kemm ir-Repubblika tal-Finlandja kif ukoll ir-Renju ta’ Spanja. Barra minn hekk, iż-żona Schengen tkopri wkoll ftit pajjiżi terzi, pereżempju l-Konfederazzjoni Svizzera (10).

9.        Fit-Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Schengen (“Tneħħija ta’ kontrolli fil-fruntieri interni u fuq il-moviment ta’ persuni”) jinsab il-Kapitolu 5 (“Permessi ta’ residenza u twissijiet għall-għanijiet ta’ ċaħda ta’ dħul”), li taħtu jaqa’ l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen u li l-paragrafu 2 tiegħu għandu dan il-kliem:

“Meta jirriżulta li nħarġet twissija bil-għan li aljen li għandu permess ta’ residenza valida ma jitħalliex jidħol minn waħda mill-Partijiet Kontraenti, il-Parti Kontraenti li toħroġ it-twissija għandha tikkonsulta lill-Parti li tkun ħarġet il-permess ta’ residenza sabiex tistabbilixxi jekk hemmx biżżejjed raġunijiet għall-irtirar tal-permess ta’ residenza.

Jekk il-permess ta’ residenza ma jkunx irtirat, il-Parti Kontraenti li toħroġ it-twissija għandha tirtira t-twissija imma tista’ madankollu tpoġġi lill-aljen in kwestjoni fuq il-lista nazzjonali tagħha ta’ twissijiet.”

10.      Barra minn hekk, it-Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Schengen jinkludi wkoll l-Artikolu 19 li jagħmel parti mill-Kapitolu 4 (“Kondizzjonijiet li jirregolaw il-moviment ta’ aljeni”) u li l-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi dritt ta’ moviment tal-barranin fi ħdan iż-żona Schengen:

“Aljeni li għandhom permessi ta’ residenza validi maħruġa minn waħda mill-Partijiet Kontraenti jistgħu, fuq il-bażi ta’ dak il-permess u ta’ dokument validu ta’ l-ivvjaġġar, jiċċaqalqu b’mod ħieles għal perjodu massimu ta’ tlett xhur fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti l-oħra, sakemm jissodisfaw il-Kondizzjonijiet ta’ dħul imsemmija fl-Artikolu 5(1)(a), (ċ) u (e) u sakemm ma jkunux fuq il-lista nazzjonali ta’ twissijiet tal-Parti Kontraenti kkonċernata.”

11.      Kif joħroġ mid-definizzjonijiet fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, il-kunċett “barrani” għandu jfisser persuna li ma hijiex ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, dan il-kunċett ifisser l-istess bħal dak taċ-“ċittadin ta’ pajjiż terz”, li wkoll jintuża b’mod frekwenti fid-dritt tal-Unjoni. Kif speċifikat fl-istess dispożizzjoni, “aljen li fir-rigward tiegħu nħarġet twissija bl-għan li jiċċaħħad id-dħul” huwa “aljen li fir-rigward tiegħu tkun reġistrata twissija fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen […] bil-għan li dik il-persuna ma titħalliex tidħol”. B’“permess ta’ residenza” is-sett ta’ regoli jifhem “awtorizzazzjoni ta’ kull tip maħruġa minn Parti Kontraenti li tagħti drittijiet ta’ residenza fit-territorju tagħha […]”.

B.      Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

12.      Barra minn hekk, għandu jsir riferiment għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, kif emendat bir-Regolament 2016/399, li l-Artikolu 6 tiegħu jistabbilixxi dan li ġej fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi:

“1.      Fil-każ ta’ permanenza fit-territorju tal-Istati Membri ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum, li jinkludi li jitqies il-perijodu ta’ 180 jum li jippreċedi kull jum ta’ soġġorn, il-kondizzjonijiet tad-dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom ikunu kif ġej:

[…]

(d)      ma jkunux persuni li għalihom ikun inħareġ allert fis-[Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen] sabiex jiġi miċħud id-dħul;

[…]

5.      B’deroga mill-paragrfu 1:

(a)      ċittadini ta’ pajjiż terz li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet kollha stabbiliti fil-paragrafu 1 iżda li jkollhom permess ta’ residenza jew viża għal soġġorn fit-tul għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra għal skop ta’ transitu sabiex ikunu jistgħu jaslu fit-territorju tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess ta’ residenza jew il-viża għal soġġorn fit-tul, sakemm isimhom ma jkunx fuq il-lista nazzjonali ta’ allerti tal-Istat Membru li tiegħu jkunu qed jippruvaw jaqsmu l-fruntieri esterni u li l-allert ma jkunx akkumpanjat minn istruzzjonijiet biex jiġi rrifjutat id-dħul jew it-transitu;

[…]”

13.      Barra minn hekk, l-Artikolu 14(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprovdi hekk taħt l-intestatura “Ċaħda tad-dħul”:

“Ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax il-kondizzjonijiet ta’ dħul kollha stabbiliti fl-Artikolu 6(1) u li mhux wieħed mill-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 6(5) għandu jiġi mċaħħad milli jidħol fit-territorji tal-Istati Membri. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċjali dwar id-dritt tal-asil u l-protezzjoni internazzjonali jew il-ħruġ ta’ viżi għal soġġorn twil.”

C.      Id-Direttiva 2008/115

14.      Finalment timmerita riferiment id-Direttiva 2008/115 li l-Kapitolu I tagħha (“Dispożizzjonijiet ġenerali”) jipprovdi d-definizzjonijiet li ġejjin fil-punti 3, 4, 6 u 8 tal-Artikolu 3:

“[…]

(3)      ‘ritorn’ tfisser il-proċess tat-tluq lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz - kemm jekk b’konformità volontarja ma’ obbligu ta’ ritorn kif ukoll jekk infurzat - għal:

–        il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew

–        pajjiż ta’ transitu skond ftehim ta’ riamissjoni Komunitarja jew bilaterali jew arranġamenti oħra, jew

–        pajjiż terz ieħor, li għalih iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat volontarjament jiddeċiedi li jirritorna u li fih hu jew hi ser jiġi aċċettat;

(4)      ‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

[…]

(6)      ‘projbizzjoni fuq id-dħul’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li jipprojbixxi dħul lejn u soġġorn fit-territorju ta’ l-Istati Membri għal perijodu speċifikat, li jakkumpanja deċiżjoni ta’ ritorn;

[…]

(8)      ‘tluq volontarju’ tfisser konformità ma’ l-obbligu ta’ ritorn fi żmien l-iskadenza ffissata għal dak l-iskop fid-deċiżjoni ta’ ritorn;

[…]”

15.      Il-Kapitolu II tad-Direttiva 2008/115 (“Terminazzjoni ta’ soġġorn illegali”) jinkludi, inter alia, l-Artikoli 6, 7 u 11.

16.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115 jinsab taħt l-intestatura “Deċiżjoni ta’ ritorn”. L-ewwel żewġ paragrafi tiegħu huma fformulati kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

2.      Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru u għandhom permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn maħruġa minn Stat Membru ieħor, għandhom jintalbu jmorru fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru minnufih. Fil-każ ta’ non-konformità miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat ma’ din il-ħtieġa, jew fejn it-tluq immedjat taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà nazzjonali, għandu japplika l-paragrafu 1.”

17.      L-ewwel żewġ paragrafi tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/115 jistabbilixxu dan li ġej dwar it-“Tluq volontarju”:

“1.      Id-deċiżjoni ta’ ritorn għandha tipprevedi perijodu adegwat għat-tluq volontarju ta’ bejn sebat ijiem u tletin jum, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 u 4. L-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-leġislazzjoni nazzjonali li tali perijodu għandu jingħata biss wara applikazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi konċernati dwar il-possibbiltà li jippreżentaw tali applikazzjoni.

Il-perijodu ta’ żmien previst fl-ewwel subparagrafu ma jeskludix il-possibbiltà li ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz konċernati jitilqu qabel.

2.      L-Istati Membri għandhom, fejn neċessarju, jestendu l-perijodu għat-tluq volontarju għal perijodu adegwat, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali, bħat-tul tas-soġġorn, l-eżistenza ta’ tfal li jattendu l-iskola u l-eżistenza ta’ rabtiet familjari u soċjali oħrajn.”

18.      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/115, iddedikat għat-“Tneħħija”, jipprevedi, inter alia, dan li ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat f’dan il-perijodu għat-tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7.

2.      Jekk l-Istat Membru jkun ta perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7, id-deċiżjoni ta’ ritorn tista’ tiġi nfurzata biss wara li l-perijodu jkun intemm, sakemm ma jirriżultax riskju matul dan il-perijodu, kif imsemmi fl-Artikolu 7(4).

3.      L-Istati Membri jistgħu jadottaw deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju separat li jordna t-tneħħija.

[…]”

19.      L-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2008/115, li jittratta l-“Posponiment ta’ tneħħija”, jipprovdi hekk:

“L-Istati Membri jistgħu jipposponu t-tneħħija għal perijodu xieraq, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali. […]”

20.      Taħt l-intestatura “Projbizzjoni fuq id-dħul” l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/115 jistabbilixxi:

“1.      Deċiżjonijiet ta’ ritorn għandhom ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul:

(a)      jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għat-tluq volontarju jew,

(b)      jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat.

F’każijiet oħrajn, deċiżjonijiet ta’ ritorn jistgħu jkunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul.

2.      It-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jiġi determinat b’kont dovut taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ individwali u fil-prinċipju ma għandux jeċċedi il-ħames snin. […]

[…]”

21.      Barra minn hekk, fil-premessi 4, 6 u 14 tad-Direttiva 2008/115 jinsabu noti spjegattivi dwar dawn id-dispożizzjonijiet:

“(4)      Hemm bżonn li jitfasslu regoli ċari, trasparenti u ġusti biex ikun hemm politika ta’ ritorn effettiva bħala element neċessarju ta’ politika tal-migrazzjoni li tkun ġestita b’mod tajjeb.

[…]

(6)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tmiem ta’ soġġorn illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jitwettaq permezz ta’ proċedura ġusta u trasparenti. […]

[…]

(14)      L-effetti ta’ miżuri nazzjonali dwar ir-ritorn għandhom jingħataw dimensjoni Ewropea billi tiġi stabbilita projbizzjoni fuq id-dħul li jimpedixxi d-dħul u s-soġġorn fit-territorju ta’ l-Istati Membri kollha. […]”

III. Il-fatti u l-kawża prinċipali

22.      E huwa ċittadin Niġerjan. Fl-24 ta’ Jannar 2014 ġie kkundannat għal sentenza ta’ priġunerija totali ta’ ħames snin minn qorti kriminali Finlandiża minħabba għadd ta’ reati gravi relatati mat-traffikar ta’ drogi narkotiċi (11) li twettqu fil-Finlandja fl-2013. Is-sentenza kriminali hija definittiva. E skonta parti mis-sentenza ta’ priġunerija imposta fuqu fil-Finlandja.

23.      Fi Spanja, fejn preċedentement kien għex għal 14-il sena u fejn tinsab ukoll il-familja tiegħu, E huwa fil-pussess ta’ permess ta’ residenza valida sal-11 ta’ Frar 2018. Konsegwentement, E talab lill-awtoritajiet Finlandiżi sabiex jintbagħat Spanja.

24.      Madankollu, fil-21 ta’ Jannar 2015, il-Maahanmuuttovirasto (l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni Finlandiż) ħa d-deċiżjoni li E jitkeċċa lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu n-Niġerja, bil-ġustifikazzjoni li r-reati kriminali gravi li twettqu minn E fil-Finlandja kienu ta’ perikolu għas-sigurtà pubblika u għall-ordni pubbliku. Flimkien mal-ordni ta’ tkeċċija, E ġie suġġett għal projbizzjoni ta’ dħul fiż-żona Schengen sħiħa li hija valida sa ma jiġi deċiż mod ieħor. Huwa ma ngħatax terminu għat-tluq volontarju.

25.      Fis-26 ta’ Jannar 2015, l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni beda konsultazzjonijiet mar-Renju ta’ Spanja skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen u talab lill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru biex jgħarrfuh dwar il-pożizzjoni tagħhom rigward il-possibbiltà tal-irtirar tal-permess ta’ residenza eżistenti ta’ E. Peress li l-awtoritajiet Spanjoli ma weġbux, l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni reġa’ għamel it-talba tiegħu fl-20 ta’ Ġunju 2016 u, barra minn hekk, fil-21 ta’ Ġunju 2016, għadda d-dispożittiv mitlub minn Spanja tas-sentenza kriminali kontra E. Fit-28 ta’ Ġunju 2016 u fid-9 ta’ Novembru 2016, l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni mill-ġdid irrepeta t-talba tiegħu fil-konfront tal-awtoritajiet Spanjoli. Skont l-informazzjoni fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-awtoritajiet Spanjoli sa issa għadhom ma ssottomettewx stqarrija sostantiva.

26.      E ma kellux suċċess bir-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni ta’ tkeċċija fl-ewwel istanza quddiem il-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki, il-Finlandja) (12). Wara appell ippreżentat minn E, il-kawża issa qiegħda fit-tieni istanza quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), li hija l-qorti tar-rinviju.

27.      Il-qrati nazzjonali li quddiemhom tressqet il-kawża prinċipali jikkunsidraw li E jirrappreżenta perikolu għas-sigurtà pubblika u għall-ordni pubbliku. Iżda, bid-deċiżjoni tagħha tas-27 ta’ Ottubru 2016, il-Korkein hallinto-oikeus issospendiet temporanjament it-tneħħija ta’ E.

IV.    It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28.      Permezz tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Mejju 2017, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Mejju 2017, il-Korkein hallinto-oikeus (il‑Qorti Amministrattiva Suprema) ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin skont l-Artikolu 267 TFUE:

1)      L-obbligu ta’ konsultazzjoni bejn l-Istati kontraenti previst fl-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni li timplementa l-ftehim ta’ Schengen (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Schengen”) għandu effett ġuridiku li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jinvoka fil-każ fejn Stat kontraenti jimponi kontrih projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju kollu taż-żona Schengen u deċiżjoni ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu minħabba li huwa jirrappreżenta perikolu għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika?

2)      Jekk l-Artikolu 25(2) tal-konvenzjoni diġà ċċitata huwa applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul,

għandhom jinbdew il-konsultazzjonijiet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul, jew dawn il-konsultazzjonijiet jistgħu jitwettqu biss wara t-teħid tad-deċiżjoni ta’ ritorn u dik tal-projbizzjoni ta’ dħul?

3)      Jekk dawn il-konsultazzjonijiet jistgħu jitwettqu biss wara t-teħid tad-deċiżjoni ta’ ritorn u dik tal-projbizzjoni ta’ dħul,

il-fatt li l-konsultazzjonijiet huma għaddejjin bejn l-Istati kontraenti u li l-Istat kontraenti l-ieħor ma ddikjarax jekk kellux l-intenzjoni jirtira l-permess [awtorizzazzjoni] ta’ residenza tal-ċittadin tal-pajjiż terz jostakola r-ritorn taċ-ċittadin tal-pajjiż terz fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u d-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju kollu taż-żona Schengen?

4)      Kif għandu jipproċedi Stat kontraenti fil-każ li l-Istat kontraenti li jkun ħareġ permess ta’ residenza, minkejja talbiet repetuti, ma ħax pożizzjoni dwar l-irtirar ta’ permess ta’ residenza li huwa ħareġ liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz?

29.      Barra minn hekk, flimkien mat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tapplika l-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura. Madankollu, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura, fit-2 ta’ Ġunju 2017 il-qorti tar-rinviju ċċarat li s-sentenza ta’ priġunerija ta’ E kienet ġiet sospiża fl-24 ta’ Jannar 2016 u li fil-preżent ma jinsabx f’detenzjoni. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, l-Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja li hija responsabbli għal proċedura b’urġenza ddeċidiet, skont l-Artikolu 108 tar-Regoli tal-Proċedura, li ma tapplikax il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. Madankollu, filwaqt li applika l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fit-12 ta’ Ġunju 2017, li l-kawża tiġi ttrattata bi prijorità.

30.      Fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub il-Gvern Finlandiż, Belġjan, Ġermaniż, Pollakk u dak Svizzeru (13) kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea. Fis-seduta tad-9 ta’ Novembru 2017 ġew rappreżentati E, il-Maahanmuuttovirasto, il-Gvern Finlandiż u dak Spanjol kif ukoll il-Kummissjoni. Għandu jiġi enfasizzat li l-Gvern Spanjol deher fis-seduta fuq talba espressa mill-Qorti tal-Ġustizzja, u ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar id-domandi preliminari kif ukoll dwar xi mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

V.      Ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

31.      Kif ġie stabbilit waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fit-2 ta’ Novembru 2017 l-awtoritajiet Spanjoli talbu, mingħand l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni, id-deċiżjoni ta’ tkeċċija meħuda fil-Finlandja fil-konfront ta’ E, bil-għan li fi Spanja tinbeda l-proċedura għall-irtirar tal-permess ta’ residenza ta’ E. Fis-6 ta’ Novembru 2017 l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni ssodisfa din ix-xewqa u ttrażmetta lil Spanja kopja tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija.

32.      Għaldaqstant, anki jekk jiġi injorat il-fatt li dawn l-aħħar żviluppi fil-kawża prinċipali ma ġewx ikkomunikati lill-Qorti tal-Ġustizzja uffiċjalment mill-qorti tar-rinviju, iżda biss mill-partijiet fil-proċedura (14), prima facie wieħed jaf jistaqsi jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari għadx għandha skop (15) fid-dawl tal-fatt li d-domandi preliminari ammissibbli inizjalment setgħu saru domandi purament ipotetiċi minħabba l-avvenimenti ta’ Novembru 2017.

33.      Madankollu, għandu jitfakkar li l-awtoritajiet Spanjoli sa issa għadhom ma ħadux deċiżjoni definittiva dwar l-irtirar tal-permess ta’ residenza ta’ E. L-għan pjuttost huwa biss li jingħata bidu għal dik il-proċedura li tista’ twassal għall-irtirar ta’ dan il-permess ta’ residenza. Meta mistoqsi espliċitament mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Spanjol iċċara li ma huwiex previst meta ser tintemm il-proċedura nazzjonali inkwistjoni u b’liema eżitu. Quddiem il-qrati Spanjoli E jista’ wkoll jagħmel użu mir-rimedji legali normali kontra l-irtirar eventwali tal-permess ta’ residenza tiegħu.

34.      Sakemm ma titteħidx deċiżjoni definittiva mill-awtoritajiet Spanjoli dwar l-irtirar tal-permess ta’ residenza ta’ E, ma jistax jiġi preżunt li jeżistu biżżejjed raġunijiet, fis-sens tal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, għall-irtirar tal-permess ta’ residenza jew li dan il-permess ta’ residenza saħansitra diġà ġie irtirat.

35.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li d-domandi preliminari ma tilfu xejn mir-rilevanza tagħhom biex isolvu t-tilwima fil-kawża prinċipali u li l-Qorti tal-Ġustizzja tibqa’ obbligata tirrispondihom.

VI.    Evalwazzjoni fuq il-mertu tad-domandi preliminari

36.      Il-qofol tal-interess ta’ din il-kawża huwa d-dispożizzjoni tal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen u li l-qorti tar-rinviju intalbet interpretazzjoni dwarha mill-Qorti tal-Ġustizzja.

37.      Din id-dispożizzjoni, li tagħmel parti mill-acquis ta’ Schengen, tistabbilixxi obbligu ta’ konsultazzjoni bejn Stati Membri taż-żona Schengen meta wieħed minn dawn l-Istati jimponi projbizzjoni ta’ dħul għaż-żona Schengen sħiħa fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, minkejja li Stat Membru ieħor ħareġ lill-istess ċittadin ta’ pajjiż terz permess ta’ residenza li għadu validu. B’dan il-mod għandhom jintlaħqu l-effiċjenza, il-koerenza u l-konsistenza fl-aġir tal-awtoritajiet nazzjonali fiż-żona Schengen.

38.      Bit-total ta’ erba’ domandi, il-Korkein hallinto-oikeus (il‑Qorti Amministrattiva Suprema) tixtieq issir taf, f’dan il-kuntest, x’effetti konkreti għandu proċess ta’ konsultazzjoni skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen li għadu ma ġiex konkluż imma li ilu għaddej żmien sostanzjali, fuq l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet dwar ir-ritorn u dwar il-projbizzjoni ta’ dħul imposti fil-konfront taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz (it-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda preliminari), u jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz innifsu jistax jinvoka direttament din id-dispożizzjoni quddiem qrati nazzjonali (l-ewwel domanda preliminari).

39.      Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi dwar l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen trid tiġi osservata ġestjoni armonjuża tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kollha rilevanti għall-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 kif ukoll dawk tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għandhom jiġu inkorporati fil-kunsiderazzjonijiet ta’ dan il-każ.

40.      Jidhirli iktar utli li, fl-ewwel lok, niddiskuti t-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda dwar l-interpretazzjoni fuq il-mertu tal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, qabel ma finalment nindirizza l-effett dirett ta’ din id-dispożizzjoni fil-kuntest tal-ewwel domanda.

41.      Iggwidata mit-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qorti tar-rinviju, fl-argumentazzjoni kollha tiegħi dwar dan il-każ ser inkun qed nikkunsidra li E tassew jirrappreżenta perikolu għas-sigurtà pubblika u għall-ordni pubbliku, hekk kif intqal espliċitament fit-talba għal deċiżjoni preliminari u peress li dan ma huwiex ikkontestat minn ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura (16).

42.      Huwa biss jekk E jirrappreżenta tali perikolu għas-sigurtà pubblika u għall-ordni pubbliku li f’dan il-każ l-awtoritajiet Finlandiżi jkunu jistgħu, mill-bqija, ineħħuħ direttament lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu n-Niġerja mingħajr ma jagħtuh il-possibbiltà jmur Spanja fejn jinsab fil-pussess ta’ permess ta’ residenza validu (ara t-tieni sentenza tal-Artikolu 6(2) flimkien mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115).

A.      Il-mument tajjeb biex jingħata bidu għall-konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen (it-tieni domanda)

43.      It-tieni domanda preliminari sservi biex jiġi ddeterminat il-mument għall-bidu ta’ konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen. Konkretament, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb tagħrif dwar jekk dawn il-konsultazzjonijiet iridux jibdew diġà qabel eventwalment tittieħed deċiżjoni ta’ ritorn u l-impożizzjoni eventwali ta’ projbizzjoni ta’ dħul kontra ċittadin ta’ pajjiż terz jew jekk obbligu ta’ konsultazzjoni skont id-dritt tal-Unjoni jibdiex biss meta d-deċiżjonijiet dwar ir-ritorn u l-projbizzjoni ta’ dħul ikunu diġà ttieħdu.

44.      Mill-formulazzjoni li toħroġ minn diversi verżjonijiet lingwistiċi, b’mod partikolari mill-verżjoni Ġermaniża, Franċiża u Ingliża, jirriżulta li l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen jikkonċerna każijiet fejn twissija tkun inħarġet bil-għan li ċittadin ta’ pajjiż terz ma jitħalliex jidħol (ara l-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni), u, skont il-każ, il-konsultazzjonijiet bejn l-Istati Membri inkwistjoni jwasslu biex din it-twissija tiġi rtirata (ara t-tieni subparagrafu tal-istess dispożizzjoni). Fi kliem ieħor, huwa biss wara li tkun saret it-twissija dwar iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għall-finijiet ta’ ċaħda ta’ dħul li bilfors iridu jsiru konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen. Min-naħa l-oħra, b’differenza għall-proposta ta’ riforma attwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-qasam legali inkwistjoni (17), fil-preżent din id-dispożizzjoni ma tippreskrivix obbligu ta’ konsultazzjoni iktar bikrija.

45.      Din l-analiżi hija kkonfermata jekk wieħed jikkunsidra l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen flimkien mad-Direttiva 2008/115 li tippreskrivi standards u proċeduri komuni għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu jirrisjedu fil-pajjiż illegalment. Tabilħaqq, lanqas din id-direttiva ma tipprovdi, fil-preżent, li l-ewwel iridu bilfors isiru konsultazzjonijiet ma’ Stati Membri oħra meta l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jħejju ruħhom biex jieħdu deċiżjoni ta’ ritorn akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul (Artikolu 6 flimkien mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/115).

46.      Barra minn hekk, biex jinkiseb l-għan ta’ politika ta’ ritorn effettiva, kif l-Unjoni Ewropea hija impenjata li twettaq (18), huwa kruċjali li, fejn hemm bżonn, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkunu jistgħu jipproċedu malajr, partikolarment jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jirrisjedi fil-pajjiż illegalment – bħal fil-każ preżenti – jirrappreżenta perikolu għas-sigurtà pubblika u għall-ordni pubbliku. Obbligu legali ta’ konsultazzjoni preċedenti sistematika lil Stati Membri oħra possibbilment ikkonċernati jista’ jippreġudika dan l-għan.

47.      Madankollu, l-assenza ta’ obbligu ta’ konsultazzjoni ta’ Stati Membri oħra qabel jittieħdu deċiżjonijiet dwar ir-ritorn u dwar projbizzjoni ta’ dħul, bl-ebda mod ma tfisser li l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen jipprekludi tali konsultazzjoni preċedenti (19). Kif jenfasizzaw bir-raġun il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, huwa saħansitra mixtieq li l-awtoritajiet tal-Istat Membru li qegħdin jikkunsidraw deċiżjoni ta’ ritorn akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi fil-pajjiż illegalment jagħmlu kuntatt mill-iktar fis possibbli mal-Istati Membri kkonċernati l-oħra kollha. L-ewwel nett, b’dan il-mod dawn l-Istati Membri l-oħra jirċievu l-informazzjoni neċessarja fl-iktar stadju bikri possibbli, li jippermetti anki lilhom jieħdu miżuri eventwali għall-ħarsien tas-sigurtà pubblika u tal-ordni pubbliku. It-tieni nett, b’dan il-mod tintlaħaq l-ikbar konverġenza possibbli fl-aġir tal-Istati Membri taż-żona Schengen, bil-għan li jiġu evitati deċiżjonijiet kontradittorji.

 Riżultat interim

48.      Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-konsultazzjonijiet imposti minn din id-dispożizzjoni għandhom jiġu implementati fl-iktar stadju bikri possibbli, iżda ma għandhomx imperattivament jibdew qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar ir-ritorn u dwar il-projbizzjoni ta’ dħul.

B.      L-effetti ta’ konsultazzjoni li għaddejja skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen fuq l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet dwar ir-ritorn u dwar il-projbizzjoni ta’ dħul (it-tielet u r-raba’ domanda)

49.      Bit-tielet u bir-raba’ domanda preliminari tagħha, li jien se nikkunsidra flimkien minħabba r-rabta sostantiva mill-qrib tagħhom, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq issir taf jekk deċiżjoni ta’ ritorn (20) tistax tiġi eżegwita u jekk projbizzjoni ta’ dħul għaż-żona Schengen tistax effettivament tidħol fis-seħħ qabel ma jkunu ġew konklużi l-konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen.

50.      Għalhekk, b’differenza għat-tieni domanda diskussa qabel (21), li kienet tirrigwarda biss l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn u ta’ projbizzjoni ta’ dħul, bit-tielet u bir-raba’ domanda titqajjem il-problema dwar jekk tali deċiżjonijiet jistgħux jiġu eżegwiti jew jidħlu fis-seħħ sakemm ikunu għadhom għaddejjin il-konsultazzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen.

 Osservazzjoni preliminari dwar il-portata tat-tielet u tar-raba’ domanda

51.      Il-Gvern Pollakk jisħaq bil-qawwa li d-deċiżjonijiet ta’ ritorn ma humiex is-suġġett ta’ konsultazzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, bil-konsegwenza li l-eżitu ta’ dawn il-konsultazzjonijiet mill-bidu nett ma jistax ikollu effett fuq l-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet ta’ ritorn.

52.      Fil-fehma tiegħi, din l-argumentazzjoni ma hijiex suffiċjenti. Huwa minnu li, skont il-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen jirreferi biss għall-projbizzjonijiet ta’ dħul, preċiżament għal aspett prattiku partikolari ta’ dawn il-projbizzjonijiet ta’ dħul, jiġifieri s-senjalazzjoni fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għall-finijiet ta’ projbizzjonijiet ta’ dħul. Madankollu, għandu jitqies li, f’każ bħal dak ta’ hawnhekk, projbizzjoni ta’ dħul timxi id f’id ma’ deċiżjoni ta’ ritorn (ara l-aħħar parti tal-punt 6 tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/115) u li din tibda jkollha effett biss meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi fil-pajjiż illegalment effettivament jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri, jiġifieri jkun telaq effettivament mit-territorju tal-Unjoni Ewropea (22).

53.      Għaldaqstant, biex issir effettiva projbizzjoni ta’ dħul huwa ta’ importanza prattika kbira meta tista’ tiġi eżegwita d-deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz u sa fejn din l-eżekuzzjoni hija milquta minn konsultazzjoni li għaddejja skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen.

54.      Għalhekk, korrettament, il-qorti tar-rinviju tistenna risposta utli mill-Qorti tal-Ġustizzja, mhux biss dwar l-effetti ta’ konsultazzjoni li għadha għaddejja skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen fuq il-projbizzjoni ta’ dħul, iżda anki dwar l-effetti ta’ dawn il-konsultazzjonijiet fuq id-deċiżjoni ta’ ritorn li fuqha hija bbażata l-projbizzjoni ta’ dħul.

 Il-kwistjonijiet prattiċi tal-funzjonament tal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen

55.      L-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen jistabbilixxi li jekk, bħal f’dan il-każ, tittieħed deċiżjoni ta’ ritorn, minn Stat Membru ieħor taż-żona Schengen, u tiġi imposta projbizzjoni ta’ dħul għaż-żona Schengen sħiħa b’senjalazzjoni għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li fi Stat Membru ieħor taż-żona Schengen ikollu permess ta’ residenza validu, l-Istat Membru tal-ewwel irid jikkonsulta lit-tieni wieħed dwar jekk jeżistux raġunijiet suffiċjenti għall-irtirar tal-permess ta’ residenza.

56.      Il-koeżistenza, minn naħa, ta’ deċiżjoni ta’ ritorn u projbizzjoni ta’ dħul għaż-żona Schengen sħiħa u, min-naħa l-oħra, permess ta’ residenza validu, twassal għal sitwazzjoni ta’ inkoerenza fl-aġir tal-awtoritajiet fiż-żona Schengen, li għandha tiġi solvuta permezz tal-konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen.

57.      Jekk l-Istat Membru kkonsultat jirtira l-permess ta’ residenza maħruġ minnu jew jekk dan il-permess ta’ residenza, minħabba raġunijiet oħra, partikolarment minħabba l-iskadenza tat-tul ta’ residenza approvat fih, ma huwiex ser jibqa’ validu, il-projbizzjoni ta’ dħul għaż-żona Schengen sħiħa tista’ tibqa’ tapplika.

58.      Min-naħa l-oħra, jekk mill-konsultazzjonijiet jirriżulta li l-permess ta’ residenza ma huwiex ser jiġi rtirat u ser jibqa’ fis-seħħ, dak l-Istat Membru li impona l-projbizzjoni ta’ dħul għaż-żona Schengen sħiħa jrid jikkonvertiha fi projbizzjoni ta’ dħul purament nazzjonali li tikkonċerna lit-territorju tiegħu stess biss, u jista’ l-iktar jinkludi liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkwistjoni fil-lista nazzjonali tiegħu ta’ senjalazzjoni għall-finijiet ta’ ċaħda ta’ dħul (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen).

59.      Fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun jinsab fi speċi ta’ żona griża jekk id-deċiżjoni ta’ ritorn tiġi eżegwita u għalhekk tidħol fis-seħħ ukoll il-projbizzjoni ta’ dħul minkejja li l-konsultazzjonijiet bejn l-Istati Membri skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen ikunu għadhom għaddejjin. F’dan iż-żmien iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun suġġett għal projbizzjoni ta’ dħul fiż-żona Schengen sħiħa u ismu jibqa’ mniżżel fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għall-finijiet ta’ ċaħda ta’ dħul fiż-żona Schengen sħiħa. Fl-istess waqt, skont ir-regoli komuni applikabbli fis-sistema Schengen, dak l-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess ta’ residenza validu għandu jkompli jħalli liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jidħol fit-territorju proprju tiegħu, u kull Stat Membru ieħor taż-żona Schengen irid jippermettilu t-tranżitu ’l hemmhekk, sakemm il-persuna kkonċernata ma tkunx ġiet inkluża fil-lista nazzjonali tiegħu ta’ senjalazzjoni għall-finijiet ta’ ċaħda ta’ dħul (ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen flimkien mal-Artikolu 6(5)(a) u mal-Artikolu 14(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen).

60.      Għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonfronta lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-problema, li fil-prattika hija pjuttost rilevanti, dwar kif iż-żona griża deskritta tista’ tinżamm kemm jista’ jkun żgħira mingħajr ma tiġi kompromessa l-effettività tal-politika ta’ ritorn tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-ħarsien tas-sigurtà pubblika u tal-ordni pubbliku fiż-żona Schengen sħiħa.

 L-obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni konsultazzjoni li għaddejja skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn akkumpanjati minn projbizzjoni ta’ dħul

61.      Jekk tittieħed inkunsiderazzjoni biss il-formulazzjoni tal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen kif ukoll dik tad-Direttiva 2008/115, jidher li konsultazzjonijiet għaddejjin bejn l-Istati Membri ma għandhomx effett ta’ restrizzjoni fuq l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn u fuq id-dħul fis-seħħ assoċjat ta’ projbizzjoni ta’ dħul kontra ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi fil-pajjiż illegalment. Għall-kuntrarju, il-leġiżlazzjoni dwar it-tneħħija skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115 tobbliga lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn.

62.      Minkejja dan, wieħed għandu jżomm f’moħħu l-għan tal-proċedura ta’ konsultazzjoni previst fl-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen. Dan jikkonsisti fi ksib ta’ approċċ kemm jista’ jkun koerenti u konsistenti tal-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati kollha fiż-żona Schengen u li jiġi żgurat li permess ta’ residenza validu u projbizzjoni ta’ dħul fiż-żona Schengen sħiħa ma jkunux jistgħu jikkoeżistu għal tul ta’ żmien. B’mod partikolari, kif diġà semmejt iktar ’il fuq (23), projbizzjoni ta’ dħul għaż-żona Schengen sħiħa skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen trid tiġi kkonvertita fi projbizzjoni ta’ dħul nazzjonali jekk l-Istat Membru li ħareġ permess ta’ residenza validu għaċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz ma jirtirax dan il-permess ta’ residenza.

63.      Fl-istess waqt, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkwistjoni għandu jiġi ttrattat b’mod ġust (24) u għandu jkun f’pożizzjoni li jitlaq lejn dak l-Istat Membru li ħariġlu permess ta’ residenza, sabiex hemmhekk jagħmel użu mid-dritt ta’ residenza tiegħu, minflok ikollu jirritorna lejn il-pajjiż terz ta’ oriġini tiegħu (ara l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen).

64.      Iż-żewġ għanijiet tal-proċedura ta’ konsultazzjoni skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen – l-aġir koerenti u konsistenti tal-awtoritajiet fuq naħa waħda u l-possibbiltà tat-tgawdija ta’ permess ta’ residenza validu fuq in-naħa l-oħra – jistgħu ma jintlaħqux jekk l-Istat Membru li jkun qed jikkonsulta jkun liberu li, fi kwalunkwe każ, jeżegwixxi d-deċiżjoni ta’ ritorn meħuda mill-awtoritajiet tiegħu qabel il-konklużjoni tal-konsultazzjonijiet, bil-konsegwenza li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jkollu jħalli t-territorju tal-Unjoni Ewropea u jibda jkun suġġett għal projbizzjoni ta’ dħul effettiva.

65.      Għaldaqstant, mill-għan tal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen isegwi li konsultazzjonijiet li għadhom għaddejjin skont din id-dispożizzjoni fil-prinċipju jipprekludu l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn u d-dħul fis-seħħ ta’ projbizzjoni ta’ dħul. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, tali proċess ta’ konsultazzjoni pendenti għandu jitqies bħala ċirkustanza speċjali tal-każ individwali, li minħabba fiha normalment għandu jsir posponiment ta’ tneħħija taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2008/115.

 Il-possibbiltà tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn sakemm jitlestew il-konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen

66.      Madankollu, ovvjament jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet li fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ individwali ma jkunx iġġustifikat li l-ewwel jiġu konklużi l-konsultazzjonijiet għaddejjin skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, iżda li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jitneħħa immedjatament skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/115.

67.      Jekk wieħed iġib f’konformità, bl-iktar mod armonjuż possibbli, il-ġestjoni konkreta tal-proċess ta’ konsultazzjoni mad-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħra għall-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u jekk l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115, jispikkaw żewġ sitwazzjonijiet li fihom l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn u d-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni ta’ dħul eċċezzjonalment huma rakkomandabbli qabel il-konklużjoni ta’ konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen:

–        l-ewwel nett meta l-istqarrija tal-Istat Membru kkonsultat ma tingħatax minkejja li jkun skada terminu xieraq għar-riposta (l-ewwel sitwazzjoni);

–        it-tieni nett meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kkonċernat jirrappreżenta perikolu għas-sigurtà pubblika u għall-ordni pubbliku (it-tieni sitwazzjoni).

Fiż-żewġ sitwazzjonijiet ikun jikkorrispondi mal-għan fundamentali ta’ politika ta’ ritorn effettiva (25) li d-deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi fil-pajjiż illegalment titħaffef kif ukoll li tidħol fis-seħħ b’mod effettiv il-projbizzjoni ta’ dħul li tikkonċernah.

 L-ewwel sitwazzjoni: meta jinqabeż terminu xieraq għar-risposta

68.      F’dak li għandu x’jaqsam mal-ewwel sitwazzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-Konvenzjoni ta’ Schengen innifisha ma tistabbilixxix terminu konkret li matulu l-Istat Membru kkonsultat skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen għandu jissottometti l-istqarrija tiegħu. Madankollu, mill-prinċipju tal-kooperazzjoni leali (Artikolu 4(3) TUE) (26) isegwi li l-Istat Membru kkonsultat irid jagħti l-istqarrija tiegħu fi żmien xieraq filwaqt li juża l-formola prevista speċifikament għal dan il-għan (27).

69.      Barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/115 (28) jista’ jiġi stipulat x’terminu għat-tweġiba għandu jitqies xieraq jew le: normalment, l-Istat Membru kkonsultat għandu jingħata bejn sebat ijiem u 30 jum sabiex jissottometti l-istqarrija tiegħu, li fl-aħħar mill-aħħar huwa terminu paragunabbli ma’ dak li jista’ jingħata liċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz għal tluq volontarju.

70.      Huwa minnu li terminu għar-risposta ta’ bejn sebat ijiem u 30 jum għal konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen jaf jidher relattivament qasir meta wieħed jikkunsidra li fl-Istat Membru kkonsultat jista’ jkun neċessarju l-intervent ta’ awtoritajiet reġjonali jew lokali kif ukoll tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi personali taċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz (29). Iżda fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, il-qosor tat-terminu għat-tweġiba bl-ebda mod ma huwa rarità (30). F’dan il-kuntest, dan huwa dovut għall-għan fundamentali li diġà semmejt, li l-politika ta’ ritorn tal-Unjoni Ewropea tkun effettiva, u dan jitlob sforzi sostanzjali u approċċ pjuttost rapidu mill-korpi nazzjonali kollha involuti (31). Barra minn hekk, it-terminu qasir iservi wkoll il-koerenza tal-aġir fost l-awtoritajiet kollha fiż-żona Schengen.

71.      Barra minn hekk, terminu għat-tweġiba qasir minn naħa jissalvagwardja ċ-ċertezza legali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkwistjoni u, – f’każ li dan jiġi arrestat – li ċ-ċaħda tal-libertà tinżamm kemm jista’ jkun qasira. Min-naħa l-oħra, terminu qasir iservi wkoll l-interessi tal-Istat Membru li jkun qed jikkonsulta, li ma għandux ibati iktar milli meħtieġ l-isforz u l-ispejjeż eventwali għar-residenza illegali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz.

72.      Jekk, fl-istess waqt, l-Istat Membru kkonsultat ikollu bżonn iktar żmien sabiex jagħti stqarrija skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali (Artikolu 4(3) TUE) jitlob li dan jikkoordina mal-Istat Membru li jkun qed jikkonsulta u jipprovdilu biżżejjed raġunijiet għal estensjoni tat-terminu għat-tweġiba. Min-naħa tiegħu, l-Istat Membru li jkun qed jikkonsulta għandu jeżamina b’mod kostruttiv l-argumenti tal-Istat ikkonsultat fl-ispirtu tal-kooperazzjoni leali. Idealment iż-żewġ Stati għandhom jiftiehmu dwar estensjoni xierqa tat-terminu abbażi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2008/115. Normalment l-Istat Membru li jkun qed jikkonsulta għandu jikkonċedi lill-Istat Membru kkonsultat estensjoni tat-terminu għal tweġiba bi 30 jum addizzjonali.

73.      Fl-assenza ta’ regoli ċari, jekk anki t-terminu estiż jiskadi mingħajr eżitu, veru li ma jistax ikun hemm tweġiba pożittiva jew negattiva virtwali mill-Istat Membru kkonsultat (32). Madankollu, wara, l-Istat Membru li jkun qed jikkonsulta jista’ jassumi perfettament li l-qafas taż-żmien ta’ terminu xieraq għat-tweġiba jkun inqabeż.

74.      Mingħajr preġudizzju għall-eżitu tal-konsultazzjonijiet li jkun għadu nieqes, l-Istat Membru li jkun qed jikkonsulta jista’ jeżegwixxi d-deċiżjoni ta’ ritorn tiegħu u b’hekk idaħħal fis-seħħ il-projbizzjoni ta’ dħul. Din il-projbizzjoni ta’ dħul tapplika għaż-żona Schengen sħiħa (u barra minn hekk anki għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni li ma jappartjenux għaż-żona Schengen (33)), madankollu, kif diġà semmejt iktar ’il fuq (34), bil-kundizzjoni li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jibqa’ jkollu l-possibbiltà ta’ dħul jew tranżitu fl-Istat Membru kkonsultat, li fih ikun (għad) għandu permess ta’ residenza validu (ara l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen flimkien mal-Artikolu 6(5)(a) u mal-Artikolu 14(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen).

 It-tieni sitwazzjoni: perikolu għas-sigurtà pubblika u għall-ordni pubbliku

75.      F’dak li jirrigwarda t-tieni sitwazzjoni, fejn iċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz jirrappreżenta perikolu għas-sigurtà pubblika u għall-ordni pubbliku, huwa ovvju li d-deċiżjoni ta’ ritorn tista’ tiġi eżegwita u għaldaqstant ukoll il-projbizzjoni ta’ dħul tista’ tidħol fis-seħħ, mingħajr stennija tal-eżitu tal-konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen.

76.      Fil-fatt, fid-dawl tan-nuqqas ta’ kontrolli fil-fruntieri interni taż-żona Schengen, huwa mistenni b’mod regolari li perikolu għas-sigurtà pubblika u għall-ordni pubbliku, kif irrappreżentat miċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz inkwistjoni fi Stat Membru taż-żona Schengen, malajr jista’ jimmanifesta ruħu fl-Istati l-oħra kollha taż-żona Schengen. Għaldaqstant, l-Istat Membru li jistabbilixxi d-deċiżjoni ta’ ritorn u l-projbizzjoni ta’ dħul ma jaġixxix biss għall-ħarsien tas-sigurtà u tal-ordni fit-territorju tiegħu stess iżda wkoll fiż-żona Schengen sħiħa.

77.      F’każ bħal dan, l-interessi tas-sigurtà tal-Istati Membri kollha taż-żona Schengen u tal-popolazzjoni li tgħix fit-territorju tagħhom jingħataw prijorità, f’tali sitwazzjoni, fuq it-tfittxija ta’ konkordanza u ta’ koerenza bejn id-deċiżjonijiet amministrattivi mogħtija fiż-żona Schengen u anki fuq l-interess taċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz, li jagħmel użu mill-permess ta’ residenza eżistenti tiegħu fl-Istat Membru kkonsultat (35).

78.      Din il-konklużjoni hija kkonfermata meta wieħed iħares lejn l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115, li jipprovdi li persuni li jirrappreżentaw perikolu għas-sigurtà pubblika u għall-ordni pubbliku, mhux bilfors iridu jingħataw terminu għat-tluq volontarju jew jistgħu jingħataw terminu qasir ħafna biss. F’konformità ma’ din il-leġiżlazzjoni, l-Istat Membru li jkun qed jikkonsulta ma jistax jiġi obbligat jistenna l-istqarrija tal-Istat Membru kkonsultat qabel l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn tiegħu u d-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni ta’ dħul tiegħu.

 Konsegwenzi għall-kawża prinċipali

79.      Abbażi tal-informazzjoni kollha pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja, każ bħal dak ta’ E jaqa’ taħt iż-żewġ sitwazzjonijiet elenkati: l-ewwel nett, Spanja eċċediet bil-kbir it-terminu xieraq għat-tweġiba fil-kuntest tal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen (36), mingħajr – sa fejn naf jien – ma jidher li talbet xi tip ta’ estensjoni tat-terminu u wisq inqas ipprovdiet biżżejjed raġunijiet għal tali estensjoni tat-terminu (l-ewwel sitwazzjoni). It-tieni nett, skont il-konstatazzjonijiet tal-awtoritajiet u tal-qrati nazzjonali, E jirrappreżenta perikolu għas-sigurtà pubblika u għall-ordni pubbliku (it-tieni sitwazzjoni). Għal kull waħda minn dawn iż-żewġ raġunijiet, li meta kkunsidrati waħedhom diġà jkunu biżżejjed, iċ-ċirkustanza li l-konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen ikunu għadhom ma ntemmewx ma tipprekludix l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn u d-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni ta’ dħul fil-każ preżenti.

 Konklużjoni provviżorja

80.      Għalhekk, bħala konklużjoni, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, bħala risposta għat-tielet u r-raba’ domanda preliminari, nista’ nikkonstata:

Id-deċiżjoni ta’ ritorn tista’ tiġi eżegwita biss u l-projbizzjoni ta’ dħul tista’ tidħol fis-seħħ biss mill-mument meta l-Istat ikkonsultat skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen ikun issottometta l-istqarrija tiegħu, jew jekk il-konsultazzjonijiet ma jkunux ipprovdew konklużjoni minkejja l-iskadenza ta’ terminu xieraq għat-tweġiba. Iż-żewġ deċiżjonijiet jistgħu jiġu eżegwiti diġà qabel jiskadi dan it-terminu dment li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jirrappreżenta perikolu għas-sigurtà pubblika u għall-ordni pubbliku.

C.      L-effett dirett tal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen (l-ewwel domanda)

81.      Fl-aħħar nett, għandu jiġi eżaminat, fil-kuntest tal-ewwel domanda preliminari, jekk l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen jistax jiġi invokat direttament miċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz quddiem il-qrati nazzjonali.

82.      Oriġinarjament, l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen ma kienx att ġuridiku tal-Unjoni iżda dispożizzjoni li kienet inkluża fi ftehim interstatali lil hinn mill-qafas tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, bit-Trattat ta’ Amsterdam, li wassal għall-integrazzjoni tal-acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea (37), dan il-ftehim sar parti integrali mid-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi applikat mill-Istati Membri li jagħmlu parti miż-żona Schengen.

83.      B’differenza għal deċiżjonijiet qafas (38), ma huwiex eskluż li ftehimiet konklużi bejn l-Istati Membri jkollhom effett dirett b’rabta mal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Fil-fatt, il-Konvenzjoni ta’ Schengen innifisha bl-ebda mod ma tipprekludi l-applikazzjoni diretta tad-dispożizzjonijiet tagħha (39).

84.      Għalhekk, l-effett dirett ta’ dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen għandu jiġi evalwat abbażi tal-istess kriterji ġenerali applikabbli għal ftehimiet internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni (40), kif ukoll għal dispożizzjonijiet oħra tad-dritt sekondarju tal-Unjoni.

85.      Kundizzjoni għall-applikazzjoni diretta ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija li tkun, mil-lat tal-kontenut tagħha, inkundizzjonali u suffiċjentement preċiża. Dan ikun il-każ meta d-dispożizzjoni invokata tinkludi obbligu ċar u preċiż li ma jkunx suġġett, fl-implementazzjoni tiegħu jew fl-effetti tiegħu, għas-seħħ ta’ xi att ieħor sussegwenti (41).

86.      Stat Membru taż-żona Schengen, li joħroġ senjalazzjoni fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għall-finijiet ta’ ċaħda ta’ dħul ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, huwa obbligat, skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, jikkonsulta lil kull Stat Membru ieħor taż-żona Schengen li jkun ħareġ permess ta’ residenza validu liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz biex jivverifika jekk l-Istat Membru tal-aħħar għandux l-intenzjoni jirtira dan il-permess ta’ residenza.

87.      Għalhekk, l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen jinkludi obbligu ċar u preċiż li, barra minn hekk, ma huwiex suġġett, fl-eżekuzzjoni tiegħu jew fl-effetti tiegħu, għas-seħħ ta’ xi miżuri ta’ kull tip oħrajn. Anki jekk il-konsegwenzi preċiżi ta’ nuqqas ta’ konsultazzjoni jew ta’ konsultazzjoni inkorretta ma humiex irregolati espressament fl-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, il-ħtieġa ta’ konsultazzjoni kif ukoll is-suġġett ta’ din il-konsultazzjoni huma rregolati b’mod ċar biżżejjed fl-imsemmija dispożizzjoni li jistgħu jiġu applikati mingħajr diffikultà minn kull qorti (42). Konsegwentement, il-kundizzjonijiet għal applikazzjoni diretta huma ssodisfatti fir-rigward tal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen.

88.      Barra minn hekk, ma huwiex possibbli li titressaq l-oġġezzjoni kontra l-applikazzjoni diretta tal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen fis-sens li din id-dispożizzjoni tikkonċerna dispożizzjoni purament proċedurali li tirregola biss ir-relazzjoni bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, minn naħa, huwa rrikonoxxut fid-dritt tal-Unjoni li anki dispożizzjonijiet li l-formulazzjoni tagħhom tindirizza biss lill-Istati Membri jistgħu jipproduċu effett dirett (43). U, min-naħa l-oħra, kif il-Qorti tal-Ġustizzja għadha kemm iddeċidiet reċentement b’rabta ma’ aspett ieħor tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anki dispożizzjonijiet purament proċedurali tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jiġu invokati, minn individwi, quddiem il-qrati nazzjonali (44).

89.      Fi kwalunkwe każ meta l-applikazzjoni jew in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni proċedurali, li tindirizza lill-Istati Membri u tirregola r-relazzjoni ta’ bejniethom, jistgħu jkollhom effetti konkreti ħafna fuq id-drittijiet u fuq l-interessi ta’ individwi, quddiem il-qrati nazzjonali dawn l-individwi jridu jkunu jistgħu jinvokaw direttament id-dispożizzjoni proċedurali inkwistjoni għall-ħarsien tad-drittijiet u tal-interessi tagħhom, bil-kundizzjoni li d-dispożizzjoni tkun, mil-lat tal-kontenut tagħha, inkundizzjonali u suffiċjentement preċiża.

90.      Dan jidher b’mod partikolarment ċar abbażi tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen inkwistjoni: fil-fatt, jekk l-Istat Membru kkonsultat jissottometti stqarrija li ma humiex mogħtija biżżejjed raġunijiet għall-irtirar tal-permess ta’ residenza taċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz, l-Istat Membru li jkun qed jikkonsulta huwa obbligat, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, ibiddel il-projbizzjoni ta’ dħul maħruġa minnu għaż-żona Schengen sħiħa fi projbizzjoni ta’ dħul purament nazzjonali, ristretta għat-territorju tiegħu stess, u jista’ jinkludi liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz biss fil-lista nazzjonali tiegħu ta’ senjalazzjoni għall-finijiet ta’ ċaħda ta’ dħul.

91.      Għalhekk, għall-kuntrarju tal-fehma espressa minn xi wħud mill-partijiet, il-proċess ta’ konsultazzjoni skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen bl-ebda mod ma jwassal bilfors għal deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni legali taċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz permezz tal-irtirar tal-permess ta’ residenza valida tiegħu. Il-proċedura ta’ konsultazzjoni pjuttost tista’ twassal ukoll għal titjib sinjifikattiv ta’ din is-sitwazzjoni legali, proprju meta l-Istat Membru kkonsultat iżomm il-permess ta’ residenza maħruġ minnu u b’hekk iġiegħel lill-Istat Membru li jkun qed jikkonsulta sabiex jimponi biss projbizzjoni ta’ dħul nazzjonali minflok projbizzjoni ta’ dħul għaż-żona Schengen sħiħa.

92.      Barra minn hekk, kif iddiskutejt fil-kuntest tat-tielet u tar-raba’ domanda preliminari (45) – bl-eċċezzjoni tal-każijiet ta’ perikolu għas-sigurtà pubblika u għall-ordni pubbliku – l-Istat Membru li jkun qed jikkonsulta jista’ biss jeżegwixxi deċiżjoni ta’ ritorn u jdaħħal fis-seħħ projbizzjoni ta’ dħul għaż-żona Schengen sħiħa meta jkun irċieva l-istqarrija tal-Istat Membru kkonsultat skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen jew fil-każ li jkun skada t-terminu xieraq li kkonċeda lil dan tal-aħħar biex jissottometti tali stqarrija.

93.      Għaldaqstant, bħala konklużjoni, iċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz jista’ jibbenefika minn vantaġġi konkreti għas-sitwazzjoni legali tiegħu u għall-interessi tiegħu permezz tal-applikazzjoni tal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, u f’każ ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni jew tal-applikazzjoni inkorretta ta’ din id-dispożizzjoni jista’ jġarrab żvantaġġi konkreti. Konsegwentement, dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz irid ikun jista’ jinvoka, quddiem il-qrati nazzjonali, l-obbligu ta’ konsultazzjoni stabbilit fl-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, biex jikkontesta l-legalità jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn li tikkonċernah jew ta’ projbizzjoni ta’ dħul għaż-żona Schengen sħiħa imposta fuqu fis-sens tad-Direttiva 2008/115. Dan ġie enfasizzat ġustament mill-Gvern Finlandiż, Spanjol u Svizzeru kif ukoll mill-Kummissjoni (46).

 Konklużjoni provviżorja

94.      Fil-qosor, għaldaqstant tirriżulta r-risposta li ġejja għall-ewwel domanda preliminari:

Ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jinvoka direttament l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen quddiem il-qrati nazzjonali, bil-għan li jikkontesta l-legalità u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn meħuda fil-konfront tiegħu kif ukoll ta’ projbizzjoni ta’ dħul imposta fil-konfront tiegħu fis-sens tad-Direttiva 2008/115.

VII. Konklużjoni

95.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposti li ġejjin għat-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Korkein hallinto-oikeus (il‑Qorti Amministrattiva Suprema, il‑Finlandja) dwar l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, iffirmata fid-19 ta’ Ġunju 1990,:

1)      Ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jinvoka direttament l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen quddiem il-qrati nazzjonali, bil-għan li jikkontesta l-legalità u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn meħuda fil-konfront tiegħu kif ukoll ta’ projbizzjoni ta’ dħul imposta fil-konfront tiegħu fis-sens tad-Direttiva 2008/115.

2)      L‑Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-konsultazzjonijiet imposti minn din id-dispożizzjoni għandhom jiġu implementati fl-iktar stadju bikri possibbli, iżda ma għandhomx imperattivament jibdew qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar ir-ritorn u dwar il-projbizzjoni ta’ dħul.

3)      Id-deċiżjoni ta’ ritorn tista’ tiġi eżegwita biss u l-projbizzjoni ta’ dħul tista’ tidħol fis-seħħ biss mill-mument meta l-Istat ikkonsultat skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen ikun issottometta l-istqarrija tiegħu, jew jekk il-konsultazzjonijiet ma jkunux ipprovdew konklużjoni minkejja l-iskadenza ta’ terminu xieraq għat-tweġiba. Iż-żewġ deċiżjonijiet jistgħu jiġu eżegwiti diġà qabel jiskadi dan it-terminu dment li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jirrappreżenta perikolu għas-sigurtà pubblika u għall-ordni pubbliku.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(2) TUE u l-Artikolu 67(2) TFUE kif ukoll il-Protokoll Nru 19 anness mat-TUE u mat-TFUE (Protokoll dwar l-Acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea, ĠU 2008, C 115, p. 290; dan il-protokoll imur lura għat-Trattat ta’ Amsterdam).


3      Ara, speċjalment dwar l-aspett tal-aħħar, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 46), tal-5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 39), u tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 38).


4      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9.


5      ĠU 2008, L 348, p. 98.


6      Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (ĠU 2016, L 77, p. 1).


7      Bir-Regolament 2016/399 ġiet imħassra u ssostitwita l-verżjoni applikabbli preċedentement tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen skont ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1). Madankollu, id-dispożizzjonijiet rilevanti f’dan il-każ ma nbidlux mil-lat tal-kontenut, għalkemm ser nirreferi biss għall-verżjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen applikabbli fil-preżent.


8      Dawn kienu r-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.


9      Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/436/KE, tal-20 ta’ Mejju 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 152), id-dispożizzjonijiet individwali, li flimkien jiffurmaw l-acquis ta’ Schengen, ġew attribwiti lill-bażijiet legali diversi tat-Trattati tal-Unjoni Ewropea; skont l-Anness A tad-deċiżjoni msemmija, l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 62 u tal-punt 3 tal-Artikolu 63 KE (illum l-Artikoli 77 u 79 TFUE).


10      F’dan ir-rigward ara l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni ta’ din tal-aħħar mal-implementazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, iffirmat fil-Lussemburgu fis-26 ta’ Ottubru 2004 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2008 (ĠU 2008, L 53, p. 52), iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar l-assoċjazzjoni tal-Isvizzera għal Schengen”.


11      Fosthom, ir-rikorrent kien fil-pussess u biegħ mill-inqas 850 pillola tal-ekstasi, daħħal fil-Finlandja total ta’ 438 g kokaina bl-intenzjoni li jbigħha jew jagħmilha disponibbli, u pprova jakkwista mill-inqas 30 g kokaina bl-intenzjoni li jbigħha.


12      Is-sentenza tal-ewwel istanza ngħatat fil-5 ta’ April 2016.


13      Dwar id-dritt tal-Isvizzera li tinvolvi ruħha fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari ara l-Artikolu 8(2) tal-Ftehim dwar l-assoċjazzjoni tal-Isvizzera għal Schengen flimkien mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.


14      Dwar dan l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni u r-rappreżentant tal-Gvern Spanjol għamlu fuq dan il-punt dikjarazzjonijiet konkordanti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


15      Ara f’dan is-sens is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, García Blanco (C‑225/02, EU:C:2005:34), kif ukoll id-digrieti tat-3 ta’ Marzu 2016, Euro Bank (C‑537/15, mhux ippubblikata, EU:C:2016:143), u tat-23 ta’ Marzu 2016, Overseas Financial u Oaktree Finance (C‑319/15, mhux ippubblikata, EU:C:2016:268).


16      Dan abbażi tal-kunsiderazzjoni li l-konstatazzjoni inkwistjoni ta’ perikolu għas-sigurtà pubblika u għall-ordni pubbliku saret skont l-istandards applikabbli fid-dritt tal-Unjoni u li din hija partikolarment ibbażata fuq tbassir bir-reqqa fil-każ individwali, fejn ittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss ir-reati kriminali li twettqu mill-persuna kkonċernata fil-passat, u li finalment kienu deċiżivi l-perikoli reali u attwali li tirrappreżenta l-persuna; ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, partikolarment il-punti 50 sa 52 u 54).


17      Artikolu 26(2) tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kontrolli fil-fruntieri, li jemenda r-Regolament (UE) 515/2014 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006, ippreżentata mill-Kummissjoni fil-21 ta’ Diċembru 2016, COM(2016) 882 finali.


18      Ara, dwar dan, il-premessa 4 tad-Direttiva 2008/115 kif ukoll is-sentenzi tal-5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 39), tat-23 ta’ April 2015, Zaizoune (C‑38/14, EU:C:2015:260, punt 34), u tas-26 ta’ Lulju 2017, Ouhrami (C‑225/16, EU:C:2017:590, punt 51).


19      Kif turi t-tieni sentenza tal-Artikolu 26(2) tal-Proposta COM(2016) 882 finali (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17), fil-fatt jista’ jkun li fis-sistema Schengen issir konsultazzjoni preċedenti.


20      Il-qorti tar-rinvju tirreferi f’dan il-kuntest – preżumibbilment billi tibbaża fuq il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali – għat-terminu “tkeċċija”. Fl-assenza ta’ indikazzjonijiet kuntrarji, inqis li dan jirreferi għal xejn iktar minn deċiżjoni ta’ ritorn fis-sens tad-Direttiva 2008/115, u għalhekk ser nuża dan it-terminu li jinsab fid-direttiva.


21      Ara, iktar ’il fuq, punti 43 sa 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


22      Sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Ouhrami (C‑225/16, EU:C:2017:590, punti 45 sa 53, partikolarment il-punti 45 u 53).


23      Ara, iktar ’il fuq, punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24      Fuq id-dritt taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għal proċedura ġusta u trasparenti ara l-premessa 6 tad-Direttiva 2008/115 kif ukoll is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 40) u tal-5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 61).


25      Ara, dwar dan, mill-ġdid, il-premessa 4 tad-Direttiva 2008/115 kif ukoll is-sentenzi tal-5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 39), tat-23 ta’ April 2015, Zaizoune (C‑38/14, EU:C:2015:260, punt 34), u tas-26 ta’ Lulju 2017, Ouhrami (C‑225/16, EU:C:2017:590, punt 51).


26      B’mod ġenerali, fuq il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri, ara s-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 1983, Il‑Kummissjoni vs Franza (42/82, EU:C:1983:88, punt 36), tas-27 ta’ Settembru 1988, Matteucci (235/87, EU:C:1988:460, punt 19) u tal-11 ta’ Ġunju 1991, Athanasopoulos et (C‑251/89, EU:C:1991:242, punt 57). Reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat is-sinjifikat tal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri anki b’rabta mal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, kemm fir-rigward tas-sistema Schengen (sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑503/03, EU:C:2006:74, punt 56) kif ukoll b’ħarsa lejn l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Jafari, C‑646/16, EU:C:2017:586, l-aħħar parti tal-punt 88).


27      Ara l-punt 4.5.1 tal-Manwal Sirene, riprodott fl-anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/115/UE, tas-26 ta’ Frar 2013 (ĠU 2013, L 71, p. 1).


28      Li wieħed jorjenta ruħu mat-termini stipulati fid-Direttiva 2008/115 jidher iktar neċessarju fid-dawl tal-fatt li, kif jidher mill-Artikolu 21 tagħha, din id-direttiva tissostitwixxi ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen.


29      Ara, dwar l-aspett tal-aħħar, partikolarment l-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272).


30      Hekk pereżempju ċerti termini għar-risposta applikabbli fis-sistema “Dublin III”, kif huma importanti fil-kawża pendenti X (Kawżi magħquda C‑47/17 u C‑48/17); ara l-Artikolu 22(1) u (6) kif ukoll l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31).


31      L-argument difiż mill-Kummissjoni fit-tieni sentenza tal-Artikolu 26(2) tal-Proposta tagħha COM(2016) 882 final (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17) jerġa’ huwa iktar strett, fejn din tqis bħala xieraq it-terminu għat-tweġiba estremament qasir ta’ sebat ijiem.


32      Fuq l-oqsma legali individwali fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni attribwixxa espliċitament tifsira lis-silenzju ta’ awtorità li tagħti tweġiba, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Housieaux (C‑186/04, EU:C:2005:70, punt 35).


33      Ara l-punt 6 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115 li jistabbilixxi li projbizzjoni ta’ dħul fis-sens ta’ din id-direttiva, tipprojbixxi d-dħul fit-territorju tal-Istati Membri; ara, barra minn hekk, il-premessa 14 ta’ din id-direttiva, li tenfasizza li l-effetti ta’ miżuri nazzjonali dwar ir-ritorn għandhom jingħataw dimensjoni Ewropea billi tiġi stabbilita projbizzjoni ta’ dħul li teskludi d-dħul u r-residenza fit-territorju tal-Istati Membri kollha.


34      Ara, iktar ’il fuq, punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


35      B’hekk, it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115 lanqas ma tipprovdi l-obbligu, f’tali każ, li ċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz jitlaq lejn dak l-Istat Membru li ħariġlu l-permess ta’ residenza, iżda tirreferi biss għall-applikazzjoni tar-regola ta’ ritorn, stabbilita fl-Artikolu 6(1) ta’ din l-istess direttiva, taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.


36      Fid-data tat-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen kienu diġà ilhom għaddejjin iktar minn sentejn, mingħajr ma r-Renju ta’ Spanja kien ħa pożizzjoni definittiva.


37      Ara, f’dan ir-rigward, illum, il-Protokoll Nru 19 anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE.


38      Ara, dwar dan, it-tielet sentenza tal-Artikolu 34(2)(b) TUE fil-verżjoni tat-Trattat ta’ Amsterdam.


39      Għall-kuntrarju, huwa rrikonoxxut li quddiem qrati nazzjonali d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen jistgħu jwasslu għall-esklużjoni ta’ liġijiet jew prassi nazzjonali diverġenti (ara, fundamentalment, is-sentenza tal-11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge, C‑187/01 u C‑385/01, EU:C:2003:87, partikolarment l-aħħar parti tal-punt 33, b’rabta mal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen).


40      Skont ġurisprudenza stabbilita jistgħu jkunu wkoll ftehimiet li l-Unjoni stess ma tkunx involuta fihom bħala parti kontraenti; ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1972, International Fruit Company et (21/72 sa 24/72, EU:C:1972:115, punt 18) u tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 62).


41      Sentenzi tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel (12/86, EU:C:1987:400, punt 14) u tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punti 54 u 55); barra minn hekk, is-sentenza tal-5 ta’ Frar 1963, van Gend & Loos (26/62, EU:C:1963:1, pp. 25 u 26 tal-verżjoni lingwistika Ġermaniża) hija fundamentali f’dan ir-rigward.


42      Sentenza tat-22 ta’ Mejju 1980, Santillo (131/79, EU:C:1980:131, punt 13); b’mod simili s-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, EU:C:1986:84, punt 55), u tat-2 ta’ Awwissu 1993, Marshall (C‑271/91, EU:C:1993:335, punt 37), ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Van Gerven fil-kawża Banks (C‑128/92, EU:C:1993:860, punt 27, l-aħħar paragrafu).


43      Sentenzi tal-5 ta’ Frar 1963, van Gend & Loos (26/62, EU:C:1963:1, pp. 25 u 26 tal-verżjoni lingwistika Ġermaniża), u tat-8 ta’ April 1976, Defrenne (43/75, EU:C:1976:56, punti 30 sa 37).


44      Sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:587, partikolarment il-punt 56); bl-istess sens is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Shiri (C‑201/16, EU:C:2017:805, partikolarment il-punti 39 u 44).


45      Ara, iktar ’il fuq, partikolarment il-punti 61 sa 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


46      Anki l-Gvern Belġjan huwa favur ir-rikonoxximent tal-effett dirett tal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, sa fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jingħata l-possibbiltà li jitħassar, mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, senjalazzjoni fil-konfront tiegħu għall-finijiet ta’ ċaħda ta’ dħul.