Language of document :

Appell ippreżentat fis-17 ta’ Diċembru 2013 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-8 ta’ Ottubru 2013 fil-Kawża T-545/11, Stichting Greenpeace Nederland u Pesticide Action Network Europe (PAN Europe) vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-673/13 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Smulders, P. Oliver, P. Ondrůšek, aġenti)

Appellati: Stichting Greenpeace Nederland, Pesticide Action Network Europe (PAN Europe)

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali;

skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew li tiddeċiedi hija stess b’mod definittiv fuq l-ewwel u t-tielet aggravju, jew inkella li tirrinvijja l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali bil-għan li din tiddeċiedi fuq dawn l-aggravji; u

tikkundanna lill-appellati għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, ir-rikorrenti tinvoka aggravju wieħed, li jallega li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ informazzjoni li “tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent” imsemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar- Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali 1 (ir-“Regolament ta’ Aarhus”) billi skartat it-teżi tal-Kummissjoni li dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod koerenti u armonjuż fid-dawl tad-dispożizzjonijiet l-oħra inkwistjoni. Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet:

(i)    il-Qorti Ġenerali wettqet żball billi ma ħaditx kont tan-neċessità li tiġi żgurata l-koerenza “interna” tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 2 , flimkien mal-Artikolu 6(1) tar-regolament ta’ Aarhus, moqri flimkien mal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”);

(ii)    il-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet relatati mal-kunfidenzjalità inklużi fil-leġiżlazzjoni settorjali dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill Nru 91/414/KE, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti 3 u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE 4 ; u

(iii)    il-Qorti Ġenerali wettaq żball billi ma ħaditx kont tan-neċessità li tinterpreta l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Aarhus b’mod konformi, safejn dan huwa possibbli, mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (“il-Ftehim TRIPs”).

____________

1 ĠU L 264, p. 13.

2 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331.

3 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332.

4 ĠU L 309, p. 1.