Language of document : ECLI:EU:C:2016:889

Kawża C-673/13 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Stichting Greenpeace Nederland
u
Pesticide Action Network Europe (PAN Europe)

“Appell – Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Ambjent – Konvenzjoni ta’ Århus – Regolament (KE) Nru 1367/2006 – Artikolu 6(1) – Riskju ta’ preġudizzju għall-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika – Kunċett ta’ ‘informazzjoni li tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent’ – Dokumenti li jirrigwardaw il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ sustanza attiva inkluża fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Sustanza attiva glifosat”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-23 ta’ Novembru 2016

1.        Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Talba għal aċċess li tirreferi għal informazzjoni dwar l-ambjent – Regolament Nru 1367/2006 – Informazzjoni li tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent – Kunċett – Interpretazzjoni wiesgħa

(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 1 u 4, u Nru 1367/2006, premessa 15 u Artikolu 6(1))

2.        Ftehimiet internazzjonali – Ftehimiet tal-Komunità – Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (Konvenzjoni ta’ Århus) – Gwida ta’ applikazzjoni tal-imsemmija konvenzjoni – Saħħa vinkolanti – Assenza

(Konvenzjoni ta’ Århus; Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370)

3.        Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Talba għal aċċess li tirreferi għal informazzjoni dwar l-ambjent – Regolament Nru 1367/2006 – Informazzjoni li tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent – Kunċett – Limitazzjoni għall-emissjonijiet li ġejjin minn ċerti installazzjonijiet industrijali – Inammissibbiltà

(Konvenzjoni ta’ Århus, Artikolu 1 u l-parti (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4)); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1367/2006, Artikoli 2(1)(d)(ii) u 6(1))

4.        Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Talba għal aċċess li tirreferi għal informazzjoni dwar l-ambjent – Regolament Nru 1367/2006 – Informazzjoni li tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent – Kunċett – Informazzjoni dwar emissjonijiet konkreti jew prevedibbli fl-ambjent – Inklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1367/2006, Artikolu 6(1))

5.        Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Talba għal aċċess li tirreferi għal informazzjoni dwar l-ambjent – Regolament Nru 1367/2006 – Informazzjoni li tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent – Kunċett – Suffiċjenza ta’ rabta diretta bejn l-informazzjoni u l-emissjonijiet inkwistjoni – Inammissibbiltà

(Konvenzjoni ta’ Århus, il-parti (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1367/2006, premessa 2 u Artikolu 6(1))

1.      Il-kunċett ta’ informazzjoni li tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu (6)(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Århus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, ma jistax jingħata interpretazzjoni restrittiva. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għandu l-għan, kif jindikaw il-premessa 4 tiegħu u l-Artikolu 1 tiegħu, li jagħti lill-pubbliku d-dritt ta’ aċċess l-iktar wiesa’ għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet. Bl-istess mod, ir-Regolament Nru 1367/2006 għandu l-għan, kif jipprevedi l-Artikolu 1 tiegħu, li jiggarantixxi t-tqegħid għad-dispożizzjoni u t-tixrid sistematiċi l-iktar wiesa’ possibbli tal-informazzjoni dwar l-ambjent li tkun miżmuma mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Unjoni.

Għalhekk, huwa biss sa fejn jidderogaw mill-prinċipju ta’ aċċess l-iktar wiesa’ possibbli għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li l-eċċezzjonijiet minn dan il-prinċipju, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett. In-neċessità ta’ tali interpretazzjoni restrittiva hija, barra minn hekk, ikkonfermata permezz tal-premessa 15 tar-Regolament Nru 1367/2006. Min-naħa l-oħra, billi tistabbilixxi preżunzjoni skont liema l-iżvelar ta’ informazzjoni li tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent, bl-eċċezzjoni ta’ dik rigward investigazzjonijiet, huwa meqjus li jippreżenta interess pubbliku superjuri meta mqabbel mal-interess ibbażat fuq il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari, b’tali mod li l-protezzjoni tal-imsemmija interessi kummerċjali ma tistax tiġi invokata kontra l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 tidderoga effettivament mir-regola ta’ bbilanċjar tal-interessi prevista fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Madankollu, l-imsemmija l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tippermetti b’dan il-mod implementazzjoni konkreta tal-prinċipju ta’ aċċess l-iktar wiesa’ possibbli għall-informazzjoni miżmuma mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Unjoni, b’tali mod li interpretazzjoni restrittiva ta’ din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata.

(ara l-punti 51-54)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 59)

3.      Ma hemm xejn fir-Regolament Nru 1367/2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Århus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, li jippermetti li jitqies li l-kunċett ta’ emissjonijiet fl-ambjent fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi ristrett għal dawk li ġejjin minn ċerti installazzjonijiet industrijali, bħalma huma fabbriki u impjanti.      Din il-limitazzjoni lanqas ma tista’ tiġi dedotta mill-Konvenzjoni ta’ Århus, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi interpretat ir-Regolament Nru 1367/2006, għaliex, kif jipprevedi l-Artikolu 1 tiegħu, dan ir-regolament huwa intiż sabiex jikkontribwixxi għall-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn din il-konvenzjoni billi jistabbilixxi regoli maħsuba biex japplikaw għall-istituzzjonijiet u għall-korpi tal-Unjoni d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni. Barra minn hekk, limitazzjoni tal-kunċett ta’ emissjonijiet fl-ambjent fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 għal dawk li ġejjin minn ċerti installazzjonijiet industrijali, bħalma huma fabbriki u impjanti, tmur kontra l-għan ta’ żvelar l-iktar wiesa’ possibbli tal-informazzjoni dwar l-ambjent segwit permezz ta’ dan ir-regolament.

Fl-aħħar nett, tali limitazzjoni lanqas ma għandha bażi fl-Artikolu 2(1)(d)(ii) tar-Regolament Nru 1367/2006. Huwa minnu li din id-dispożizzjoni, li telenka l-fatturi li għandhom mnejn jaqgħu taħt il-kunċett ta’ informazzjoni dwar l-ambjent, tidher, mal-ewwel daqqa t’għajn, li tiddistingwixxi l-kunċett ta’ emissjonijiet minn dak ta’ skariki u minn dak ta’ rilaxx fl-ambjent. Madankollu, minn naħa, distinzjoni bejn il-kunċetti ta’ emissjonijiet, ta’ skariki u ta’ rilaxx ma tagħmilx parti mill-Konvenzjoni ta’ Århus li sempliċement tipprevedi, fil-parti (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tagħha li l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni industrijali jew kummerċjali ma tistax tiġi invokata kontra l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar l-emissjonijiet li tkun rilevanti għall-protezzjoni tal-ambjent. Min-naħa l-oħra, tali distinzjoni ma hijiex rilevanti fid-dawl tal-għan ta’ żvelar ta’ informazzjoni dwar l-ambjent segwit permezz tar-Regolament Nru 1367/2006 u hija artifiċjali. Barra minn hekk, dawn il-kunċetti huma sovrapposti fil-biċċa l-kbira, kif juri l-użu tal-espressjoni rilaxx ieħor fl-Artikolu 2(1)(d)(ii) ta’ dan ir-regolament li minnha jirriżulta li l-emissjonijiet u l-iskariki jikkostitwixxu wkoll rilaxx fl-ambjent.

(ara l-punti 60, 61, 63, 65-68)

4.      Il-kunċett ta’ informazzjoni li tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Århus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, ma jistax ikun limitat biss għall-informazzjoni li tirrigwarda l-emissjonijiet effettivament irrilaxxati fl-ambjent waqt l-applikazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jew tas-sustanza attivi fuq il-pjanti jew fl-art, emissjonijiet li jiddependu b’mod partikolari fuq il-kwantitajiet ta’ prodott użati fil-fatt mill-agrikolturi kif ukoll fuq il-kompożizzjoni eżatt tal-prodott finali kkumerċjalizzat.

B’dan il-mod, taqa’ wkoll taħt l-imsemmi kunċett l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet prevedibbli tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jew tas-sustanza attiva inkwistjoni fl-ambjent, f’kundizzjonijiet normali jew realisti ta’ użu ta’ dan il-prodott jew ta’ din is-sustanza li jikkorrispondu għal dawk li għalihom hija mogħtija l-awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq tal-imsemmi prodott jew tal-imsemmija sustanza attiva u li jipprevalu fiż-żona fejn dan il-prodott jew din is-sustanza huma intiżi li jintużaw. Fil-fatt, jekk it-tqegħid fis-suq ta’ prodott jew ta’ sustanza ma huwiex biżżejjed b’mod ġenerali sabiex jitqies li dan il-prodott jew din is-sustanza ser jiġu rrilaxxati neċessarjament fl-ambjent u li l-informazzjoni li tikkonċerna l-imsemmi prodott jew sustanza tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent, il-każ huwa differenti fir-rigward ta’ prodott, bħal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, u tas-sustanzi li dan il-prodott jinkludi, li huma, fil-kuntest ta’ użu normali, intiżi sabiex jiġu rrilaxxati fl-ambjent minħabba l-funzjoni nnifisha tagħhom. F’dan il-każ, l-emissjonijiet prevedibbli, f’kundizzjonijiet normali jew realisti ta’ użu, tal-prodott inkwistjoni, jew tas-sustanzi li dan il-prodott jinkludi, fl-ambjent ma humiex ipotetiċi u jaqgħu taħt il-kunċett ta’ emissjonijiet fl-ambjent fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

(ara l-punti 73-75)

5.      Ma huwiex biżżejjed li informazzjoni jkollha rabta suffiċjentement diretta mal-emissjonijiet fl-ambjent sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ informazzjoni li tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Århus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali. Fil-fatt, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li hija tirreferi għall-informazzjoni li tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent, jiġifieri dik li tirrigwarda jew li hija marbuta ma’ tali emissjonijiet, u mhux l-informazzjoni li għandha rabta, diretta jew indiretta, mal-emissjonijiet fl-ambjent. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata bil-parti (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus li tirreferi għall-informazzjoni dwar l-emissjonijiet.

Fir-rigward tal-għan segwit permezz tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 li jiġi ggarantit prinċipju ta’ aċċess għall-informazzjoni li tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent, dan il-kunċett għandu jinftiehem fis-sens li jinkludi b’mod partikolari d-data li tippermetti lill-pubbliku jkun jaf dak li jiġi effettivament irrilaxxat fl-ambjent, jew dak li ser jiġi rrilaxxat b’mod prevedibbli f’kundizzjonijiet normali jew realisti ta’ użu tal-prodott jew tas-sustanza inkwistjoni li jikkorrispondu għal dawk li għalihom ingħatat l-awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq ta’ dan il-prodott jew ta’ din is-sustanza u li jipprevalu fiż-żona fejn l-imsemmi prodott jew l-imsemmija sustanza huma intiżi li jintużaw. B’dan il-mod, l-imsemmi kunċett għandu jiġi interpretat b’mod li jkopri b’mod partikolari l-indikazzjonijiet marbuta man-natura, mal-kompożizzjoni, mal-kwantità, mad-data u mal-post tal-emissjonijiet konkreti jew prevedibbli, f’tali kundizzjonijiet, tal-imsemmi prodott jew tal-imsemmija sustanza.

Għandha wkoll tiġi inkluża fil-kunċett ta’ informazzjoni li tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent, l-informazzjoni li tippermetti lill-pubbliku jivverifika jekk l-evalwazzjoni tal-emissjonijiet konkreti jew prevedibbli, li abbażi tagħha l-awtorità kompetenti awtorizzat il-prodott jew is-sustanza inkwistjoni, hijiex korretta, kif ukoll id-data marbuta mal-effetti ta’ dawn l-emissjonijiet fuq l-ambjent. Fil-fatt, mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 1367/2006 jirriżulta essenzjalment li l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent iggarantit b’dan ir-regolament huwa intiż b’mod partikolari sabiex jiffavorixxi parteċipazzjoni iktar effettiva tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali b’mod li jissaħħaħ l-obbligu tal-korpi kompetenti li jagħtu rendikont fil-kuntest tat-teħid ta’ deċiżjoni sabiex isir kontribut għall-kuxjenza pubblika u jiżdied l-appoġġ tal-pubbliku għad-deċiżjonijiet meħuda. Sabiex jiżgura ruħu li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-ambjent huma fondati u li jipparteċipa b’mod effettiv fil-proċess deċiżjonali fil-qasam tal-ambjent, il-pubbliku għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni li tippermettilu jivverifika jekk l-emissjonijiet ġewx evalwati korrettament u għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jifhem raġonevolment il-mod li bih l-ambjent għandu mnejn jiġi affettwat mill-imsemmija emissjonijiet.

(ara l-punti 78-80, 82)