Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Marzu 2024 – Ir-Repubblika Taljana vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-194/24)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Di Benedetto u S. Fiorentino, avvocati dello Stato, kif ukoll minn G. Lillo, procuratore dello Stato)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla r-Regolament (UE) 2023/2842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2023 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 u (KE) Nru 1005/2008 u r-Regolamenti (UE) 2016/1139, (UE) 2017/2403 u (UE) 2019/473 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontroll tas-sajd (ĠU L, 2023/2842);

tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rkorrenti tqajjem żewġ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fuq ksur tal-Artikoli 7, 8 u 31 u tal-Artikolu 52(1), (2) u (4) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll fuq ksur tal-Artikolu 52(3) u fuq l-Artikolu 53 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali.

Ir-regolament ikkontestat, peress li jeżiġi l-installazzjoni ta’ kameras tat-televiżjoni ta’ monitoraġġ abbord id-dgħajjes bħala miżura ta’ sorveljanza tal-osservanza tal-obbligu tal-iżbark, iwassal għal restrizzjoni tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tal-persuni abbord, tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom u tad-dritt tal-ħaddiema għal kundizzjonijiet tax-xogħol dinjitużi, li huwa assolutament sproporzjonat għall-interess segwit, anki b’kunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-eżistenza ta’ alternattivi validi oħra li jagħmluha possibbli li jintlaħaq b’mod utli l-istess għan, li huma inqas restrittivi tal-interessi opposti; barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, dan ir-regolament ma jiżgurax protezzjoni adegwata ta’ dawk id-drittijiet.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(3) TUE, fuq ksur tal-Artikoli 101 et seq. u tal-Artikolu 120 TFUE kif ukoll ksur tal-Protokoll Nru 27 dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni

L-għoti ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex jikklassifikaw ksur bħala gravi jikser jew jirriskja li jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-operaturi ekonomiċi, li jista’ jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni, minħabba li Stati Membri differenti jistgħu jevalwaw b’mod differenti s-sistema ta’ sanzjonijiet b’mod differenti.

____________