Language of document : ECLI:EU:C:2017:668

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

M. CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ppreżentati fit-12 ta’ Settembru 2017 (1)

Kawża C537/16

Garlsson Real Estate SA, fi stralċ,

Stefano Ricucci,

Magiste International SA

vs

Commissione Nazionale per le Società e la Borsa (Consob)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (Qorti Suprema, l-Italja)]

“Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Direttiva 2003/6/KE — Aġir ta’ manipulazzjoni tas-suq — Legiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi sanzjoni amministrativa u sanzjoni kriminali għall-istess fatti — Ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem”






1.        Fil-konklużjonijiet tal-kawża Menci (2), li jinqraw simultanjament ma’ dawn, nanalizza sa liema punt japplika l-prinċipju ta’ ne bis in idem meta l-leġiżlazzjonijiet ta’ xi Stati Membri jippermettu li s-sanzjonijiet amministrattivi u kriminali jiġu akkumulati sabiex jiġi kkastigat in-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT. Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-istess problema, minkejja li l-aġir ikkastigat b’żewġ pieni issa jaqa’ taħt l-isfera ta’ “abbuż tas-suq”, li tinkludi l-użu indebitu ta’ informazzjoni minn ġewwa (insider dealing) u l-manipulazzjoni tas-suq.

2.        L-armonizzazzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi f’dan il-qasam twettqet permezz tad-Direttiva 2003/6/KE (3), li sussegwentement ġiet imħassra permezz tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 (4). Dan tal-aħħar ikkompleta l-armonizzazzjoni tas-sistema ta’ sanzjonijiet amministrattivi, filwaqt li d-Direttiva 2014/57/UE (5) armonizzat ukoll, iżda parzjalment biss, is-sanzjonijiet kriminali applikabbli mill-Istati Membri għal dan l-aġir (6).

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali tal-1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”)

3.        Il-Protokoll Nru 7 anness mal-KEDB, iffirmat fi Strasbourg fit-22 ta’ Novembru 1984 (iktar ’il quddiem, il-“Protokoll Nru 7”), jirregola fl-Artikolu 4 tiegħu id-“dritt li persuna ma tiġix ipproċessata jew ikkastigata darbtejn”, f’dawn it-termini:

“1.      Ħadd ma jista’ jkun ipproċessat jew jerġa’ jiġi kkastigat għal darb’oħra fi proċedimenti kriminali taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istess Stat għal xi reat li dwaru jkun diġà ġie finalment liberat jew misjub ħati skond il-liġi u l-proċedura penali ta’ dak l-Istat.

2.      Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti ma għandhomx iżommu milli l-każ jerġa’ jinfetaħ skont il-liġi u l-proċedura penali tal-Istat inkwistjoni, jekk ikun hemm provi ta’ xi fatti ġodda jew li jkunu għadhom kif ġew żvelati, jew inkella jekk ikun ħemm xi vizzju fondamentali fil-proċedimenti ta’ qabel, li jista’ jkollhom effett fuq kif jiżvolġi l-każ.

3.      Ebda deroga minn dan l-Artikolu ma għandha ssir taħt l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni.”

B.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

4.        Skont l-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, “il-Karta”):

“L-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi.”

5.        L-Artikolu 52 jiddetermina l-portata u l-interpretazzjoni tad-drittijiet u l-prinċipji pprovduti fil-Karta:

“1.      Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

[…]

3.      Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.

4.      Safejn din il-Karta tirrikonoxxi d-drittijiet fundamentali kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, dawk id-drittijiet għandhom ikunu interpretati f’armonija ma’ dawk it-tradizzjonijiet.

[…]

6. Għandha tittieħed kunsiderazzjoni sħiħa tal-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali kif speċifikat f’din il-Karta.

[…]”

2.      Leġiżlazzjoni sekondarja fil-qasam tal-abbuż tas-suq

a)      Id-Direttiva 2003/6

6.        Il-premessa 38 tipprovdi:

“Sabiex jiġi assigurat li kwadru Komunitarju kontra abbuż tas-suq huwa suffiċjenti, kull ksur tal-projbizzjonijiet jew tal-ħtiġiet stabbiliti skond din id-Direttiva jkollhom jiġu ntraċċati u mogħtija sanzjoni. Għal dan l-iskop, sanzjonijiet għandhom ikunu dissważivi biżżejjed u proporzjonati għall-gravità tal-ksur u għall-gwadanni realizzati u għandhom ikunu applikati b’mod konsistenti”.

7.        L-Artikolu 5 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprojbixu lil kull persuna milli tinvolvi ruħha f’manipulazzjoni tas-suq”.

8.        Skont l-Artikolu 14(1):

“Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ Stati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali, Stati Membri għandhom jassiguraw, in konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, li l-miżuri amministrattivi approprjati jistgħu jittieħdu jew sanzjonijiet amministrattivi jiġu imposti kontra l-persuni responsabbli meta ma jkunx hemm konformità mad-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li dawn il-miżuri huma effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

b)      Ir-Regolament Nru 596/2014

9.        Skont il-premessa 71 tiegħu:

“[…] sett ta’ sanzjonijiet u miżuri amministrattivi oħrajn għandu jkun previst minn dan ir-Regolament sabiex jiġi żgurat approċċ komuni fl-Istati Membri u sabiex jiġi mtejjeb l-effett dissważiv tagħhom. Il-possibilità ta’ projbizzjoni mill-eżerċizzju ta’ funzjonijiet maniġerjali fi ħdan ditti tal-investiment għandha tkun disponibbli għall-awtorità kompetenti. Is-sanzjonijietimposti f’każijiet speċifiċi għandhom ikunu determinati billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, fejn xieraq, fatturi bħad-disgorgement ta’ kwalunkwe benefiċċju finanzjarju identifikat, kemm ikun serju u kemm idum ksur, kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti, il-ħtieġa li l-multi jkollhom effett deterrenti u, fejn xieraq, jinkludu skont għal kooperazzjoni mal-awtorità kompetenti. B’mod partikolari, l-ammont attwali ta’ multi amministrattivi li għandu jiġi impost f’każ speċifiku jista’ jilħaq il-livell massimu previst f’dan ir-Regolament, jew l-ogħla livell previst fil-liġi nazzjonali, għal ksur serju ħafna, filwaqt li multi ferm aktar baxxi mil-livell massimu jistgħu jiġu applikati għal ksur minuri jew f’każ ta’ ftehim. Dan ir-Regolament ma jillimitax il-ħila tal-Istati Membri li jistipulaw sanzjonijiet amministrattivi jew miżuri amministrattivi oħrajn ogħla.”

10.      Il-premessa 72 tipprovdi li:

“Għalkemm xejn ma jzomm lill-Istati Membri milli jistabbilixxu regoli għal sanzjonijiet amministrattivi kif ukoll għal sanzjonijiet kriminali fuq l-istess ksur, huma m’għandhomx ikunu obbligati li jistabbilixxu regoli għal sanzjonijiet amministrattivi għal ksur ta’ dan ir-Regolament li jkun diġa’ soġġett għal-liġi kriminali nazzjonali sat-3 ta’ Lulju 2016. F’konformità mal-liġi nazzjonali, l-Istati Membri mhumiex obbligati jimponu sanzjonijiet kemm amministrattivi u kriminali għall-istess reat, iżda huma jistgħu jagħmlu dan jekk il-liġi nazzjonali tagħhom tippermetti dan. Madankollu, iż-żamma ta’ sanzjonijiet kriminali minflok sanzjonijiet amministrattivi għall-ksur ta’ dan ir-Regolament jew tad-Direttiva 2014/57/UE m’għandhiex tnaqqas jew taffettwa b’xi mod ieħor il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jikkooperaw u jaċċedu u jiskambjaw informazzjoni fil-ħin ma’ awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħra għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, inkluż wara kwalunkwe riferiment tal-ksur rilevanti lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għal prosekuzzjoni kriminali.”

11.      Skont il-premessa 77:

“Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Karta). Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jkun interpretat u applikat bi qbil ma’ dawk id-drittijiet u prinċipji […]”.

12.      L-Artikolu 15 jipprevedi:

“Persuna m’għandhiex tinvolvi ruħha f’manipulazzjoni tas-suq jew f’tentattiv ta’ involviment f’manipulazzjoni tas-suq”.

13.      L-Artikolu 12 jistabbilixxi l-aġir li jikkostitwixxi manipulazzjoni tas-suq fit-termini li ġejjin.

“1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-manipulazzjoni tas-suq għandha tinkludi l-attivitajiet li ġejjin:

a)      id-dħul fi tranżazzjoni, tqegħid ta’ ordni għan-negozjar jew xi mġiba oħra li:

i)      tagħti, jew aktarx tagħti, sinjali foloz jew qarrieqa dwar provvista, domanda, jew prezz ta’ strument finanzjarju, kuntratt spot relatat mal-komoditajiet jew prodott irkantat ibbażat fuq kwota ta’ emissjonijiet; jew

ii)      tikseb, jew aktarx tikseb, il-prezz ta’ strument finanzjarju wieħed jew aktar, kuntratt spot relatat mal-komoditajiet jew prodott irkantat ibbażat fuq kwota ta’ emissjonijiet fuq livell anormali jew artifiċjali,

[…]

b)      id-dħul fi tranżazzjoni, tqegħid ta’ ordni għan-negozjar jew kwalunkwe attività jew imġiba oħra li taffettwa, jew x’aktarx taffettwa, il-prezz ta’ strument finanzjarju wieħed jew aktar, kuntratt spot relatat mal-komoditajiet jew prodott irkantat ibbażat fuq kwota ta’ emissjonijiet, li juża tagħmir fittizju jew kwalunkwe forma oħra ta’ qerq jew sotterfuġju;

c)      it-tixrid ta’ informazzjoni bil-midja, inkluż bl-Internet, jew bi kwalunkwe mezz ieħor, li tagħti, jew aktarx tagħti, sinjali foloz jew qarrieqa rigward il-provvista, id-domanda għal, jew il-prezz ta’ strument finanzjarju, kuntratt spot relatat mal-komoditajiet jew prodott irkantat ibbażat fuq kwota ta’ emissjonijiet jew li tiżgura, jew x’aktarx tiżgura, il-prezz ta’ strument finanzjarju wieħed jew aktar, kuntratt spot relatat mal-komoditajiet jew prodott irkantat ibbażat fuq kwota ta’ emissjonijiet f’livell anormali jew artifiċjali, inkluż it-tixrid ta’ għajdut fejn il-persuna li tkun xerrdet l-informazzjoni kienet taf, jew missha kienet taf, li l-informazzjoni kienet falza jew qarrieqa;

d)      it-trażmissjoni ta’ informazzjoni falza jew qarrieqa jew il-forniment ta’ inputs foloz jew qarrieqa rigward parametru ta’ referenza meta l-persuna li wettqet it-trażmissjoni jew ipprovdiet l-input kienet taf jew missha kienet taf li kien falz jew qarrieq, jew kwalunkwe imġiba oħra li timmanipula l-kalkolu ta’ parametru ta’ referenza.”

14.      L-Artikolu 30 jirregola s-sanzjonijiet u miżuri amministrattivi oħrajn f’dawn it-termini:

“1.      Bla ħsara għal sanzjonijiet kriminali u bla ħsara għas-setgħat superviżorji ta’ awtoritajiet kompetenti taħt l-Artikolu 23, l-Istati Membri, f’konformità mal-liġi nazzjonali, għandhom jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jimponu sanzjonijiet amministrattivi xierqa u jieħdu miżuri amministrattivi oħrajn fir-rigward ta’ mill-inqas il-ksur li ġej:

a)      ksur tal-Artikoli 14 u 15, l-Artikolu 16(1) u (2), l-Artikolu 17(1), (2), (4) u (5), u (8), l-Artikolu 18(1) sa (6), l-Artikolu 19(1), (2), (3), (5), (6), (7) u (11) u l-Artikolu 20(1); u

b)      nuqqas ta’ kooperazzjoni jew konformità ma’investigazzjoni jew ma’ spezzjoni jew talba kif jingħad fl-Artikolu 23(2).

L-Istati Membri jistgħu„jiddeċiedu li jistabbilixxu regoli għal sanzjonijiet amministrattivi kif jingħad fl-ewwel subparagrafu meta l-ksur imsemmi fil-punt (a) jew il-punt (b) ta’ dak is-subparagrafu diġà jkun soġġett għal sanzjonijiet kriminali fil-liġi nazzjonali tagħhom sat-3 ta’ Lulju 2016. Fejn jiddeċiedu dan, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw, fid-dettall, lill-Kummissjoni u lill-ESMA bil-partijiet rilevanti tal-liġi kriminali tagħhom.

Sat-3 ta’ Lulju 2016, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ir-regoli msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafu lill-Kummissjoni u lill-ESMA. Għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-ESMA mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li ssirilhom.

2.      L-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali, jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jimponu mill-inqas is-sanzjonijiet amministrattivi li ġejjin jew jieħdu mill-inqas il-miżuri amministrattivi li ġejjin f’każ tal-ksur imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1:

[…]”.

c)      Id-Direttiva 2014/57

15.      Skont il-premessi 22, 23 u 27:

“(22)      L-obbligi li f’din id-Direttiva li jiġu previsti pieni fuq persuni fiżiċi u sanzjonijiet fuq persuni ġuridiċi fil-liġi nazzjonali tagħhom ma jeżentawx lill-Istati Membri mill-obbligu li jipprevedu fil-liġi nazzjonali għal sanzjonijiet amministrattivi u miżuri oħra għall-ksur previst fir-Regolament (UE) Nru 596/2014 ħlief jekk l-Istati Membri jkunu ddeċidew, b’konformità mar-Regolament (UE) Nru 596/2014, li jipprevedi biss sanzjonijiet kriminali għal tali ksur fil-liġi nazzjonali tagħhom.

(23)      Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva huwa determinat b’tali mod li jikkomplementa u jiżgura l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 596/2014. Billi r-reati għandhom ikunu punibbli skont din id-Direttiva meta jitwettqu b’intenzjoni u għall-inqas f’każijiet serji, is-sanzjonjiet għall-ksur tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 ma jirrikjedux li l-intenzjoni tiġi ppruvata jew li jiġu kkwalifikati bħala serji. Fl-applikazzjoni tal- liġi nazzjonali li tittrasponi din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali abbażi tar-reati previsti minn din id-Direttiva u tas-sanzjonijiet amministrattivi b’konformità mar-Regolament (UE) Nru 596/2014 ma twassalx għal ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.

[…]

(27)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta) kif stabbiliti fit-TFUE. B’mod speċifiku, hija għandha tiġi applikata bir-rispett dovut għad-dritt […] li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn fi proċedimenti kriminali għall-istess reat (Artikolu 50).”

16.      Skont l-Artikolu 5:

“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li l-manipulazzjoni tas-suq kif msemmija fil-paragrafu 2 tikkostitwixxi reati kriminali għall-inqas f’każijiet serji u meta titwettaq intenzjonalment.

2. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-manipulazzjoni tas-suq għandha tinkludi l-attivitajiet li ġejjin:

a)      id-dħul fi tranżazzjoni, tqegħid ta’ ordni għan-negozjar jew xi mġiba oħra li:

i)      tagħti sinjali foloz jew qarrieqa dwar il-provvista ta’, id-domanda għal, jew il-prezz ta’ strument finanzjarju jew kuntratt spot relatat dwar il-komoditajiet; jew

ii)      tiżgura l-prezz ta’ strument finanzjarju wieħed jew aktar jew kuntratt spot relatat dwar komoditajiet f’livell anormali jew artifiċjali,

[…]

b)      id-dħul fi tranżazzjoni, tqegħid ta’ ordni għan-negozjar jew kwalunkwe attività jew imġiba oħra li taffettwa l-prezz ta’ strument finanzjarju wieħed jew aktar, jew kuntratt spot relatat dwar komoditajiet, li juża tagħmir fittizju jew kwalunkwe forma oħra ta’ qerq jew strataġemma;

c)      it-tqassim ta’ informazzjoni permezz tal-midja, inkluż l-Internet, jew permezz ta’ kwalunkwe mezz ieħor, li tagħti sinjali foloz jew qarrieqa dwar il-provvista ta’, id-domanda għal, jew il-prezz ta’ strumenti finanzjarji jew kuntratt spot relatat dwar komoditajiet, jew tiżgura l-prezz ta’ strument finanzjarju wieħed jew aktar jew kuntratt spot relatat dwar komoditajiet f’livell anormali jew artifiċjali, fejn il-persuni li jagħmlu t-tqassim jieħdu għalihom infushom jew għal persuna oħra, vantaġġ jew profitt mit-tqassim tal-informazzjoni inkwistjoni; jew

d)      it-trasmissjoni ta’ informazzjoni falza jew qarrieqa jew il-forniment ta’ inputs foloz jew qarrieqa, jew kwalunkwe mġiba oħra li timmanipula l-kalkolu ta’ parametru ta’ referenza.”

17.      Skont l-Artikolu 7:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li r-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 jkunu punibbli b’pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji sabiex jiżguraw li r-reati msemmija fl-Artikoli 3 u 5 jkunu punibbli b’terminu ta’ priġuneria massimu ta’ mill-inqas erba’ snin.

3.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji sabiex jiżguraw li r-reat imsemmi fl-Artikolu 4 jkun punibbli b’terminu ta’ priġuneria massimu ta’ mill-inqas sentejn.”

C.      Id-dritt Taljan

18.      Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 58/1998, Testo unico delle disposizioni in materia di intermediazione finanziaria (Test uniku ta’ dispożizzjonijiet dwar l-intermedjazzjoni finanzjarja; iktar ’il quddiem, “TUF”) jipprovdi fl-Artikolu 185(1) u (2) tiegħu kif ġej:

“1.      Min ixerred aħbarijiet foloz jew iwettaq operazzjonijiet simulati jew juża mezzi oħra, speċifikament, sabiex jikkawża bidla sinjifikanti fil-prezz ta’ strumenti finanzjarji għandu jiġi punit bi priġunerija bejn sena u 6 snin u multa ta’ bejn għoxrin elf u ħames miljun Euro.

2.      L-imħallef jista’ jżid il-multa sat-tripplu tal-ammont tagħha jew għal ammont għaxar darbiet iktar mill-prodott jew il-benefiċċju miksub mir-reat, meta l-multa tkun insuffiċjenti, minkejja li jkun ġie applikat l-ammont massimu, fid-dawl tad-dannu kkawżat mil-fatti, il-kwalitajiet personali tal-awtur tar-reat jew l-ammont tal-prodott jew tal-benefiċċju miksub.”

19.      L-Artikolu 187b(1) tat-TUF (7) jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għas-sanzjonijiet kriminali, jekk l-att jikkostitwixxi reat kriminali, għandu jiġi punit b’sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ bejn mitt elf u ħamsa u għoxrin miljun Euro fuq min, permezz tal-mezz ta’ komunikazzjoni, inkluż l-internet jew kull mezz ieħor, ixerred informazzjoni, xnigħat, aħbarijiet foloz jew qarrieqa li jipprovdu jew jistgħu jipprovdu indikazzjonijiet foloz jew qarrieqa rigward l-istrumenti finanzjarji.”

20.      L-Artikolu 187b(3)(c) tat-TUF jipprovdi li, bla ħsara għas-sanzjonijiet kriminali meta l-fatt ikun kriminali, l-istess sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji għandhom japplikaw fuq min iwettaq “transazzjonijiet jew ordnijiet ta’ bejgħ li jużaw strateġemmi jew kwalunkwe tip ieħor ta’ qerq jew ta’ kontravenzjoni”.

21.      Skont l-Artikolu 187k(1) tat-TUF:

“Il-proċedura amministrattiva ta’ verifika u l-proċedura ta’ oppożizzjoni pprovduti fl-Artikolu 187f ma jistgħux jiġu sospiżi minħabba l-fatt li jkun hemm proċeduri kriminali pendenti li s-suġġett tagħhom ikunu l-istess fatti jew fatti li d-determinazzjoni tagħhom tiddependi fuq id-deċiżjoni korrispondenti.”

22.      L-Artikolu 187l, paragrafu 1, tat-TUF jipprovdi:

“Meta tkun ingħatat sanzjoni amministrattiva pekunjarja fis-sens tal-Artikolu 187f għall-istess att lit-trasgressur jew lill-persuna ġuridika […] il-ħlas tal-piena pekunjarja u tas-sanzjoni pekunjarja li jirriżultaw mir-reat għandu jkun limitat għall-parti li taqbeż dak miġbur mill-awtorità amministrattiva”

23.      L-Artikolu 649 (“Projbizzjoni tat-tieni proċedura”) tal-codice di procedura penale (Kodiċi ta’ proċedura kriminali) jistipula:

“L-imputat liberat jew akkużat permezz ta’ sentenza jew deċiżjoni kriminali li saru finali ma għandux ikun suġġett għal proċedura kriminali ġdida għall-istess fatt, anki jekk dan jitqies li huwa differenti mil-lat tal-klassifikazzjoni ġuridika, tas-severità jew taċ-ċirkustanzi tiegħu, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 69(2) u 345”.

II.    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

24.      Il-Commissione Nazionale per le Società e la Borsa (Kummissjoni Nazzjonali għall-Kumpanniji u l-Borża, iktar ’il quddiem “Consob”), fid-9 ta’ Settembru 2007, imponiet sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ EUR 10 200 000 fuq S. Ricucci u fuq żewġ kumpanniji taħt l-amministrazzjoni tiegħu (Magiste International SA u Garlsson Real Estate SA), fil-kapaċità tagħhom bħala responsabbli in solidum. Il-fatti attribwiti lilhom, li seħħew fl-2005, ġew ikklassifikati bħala aġir ta’ manipulazzjoni tas-suq, skont l-Artikoli 187 b(3)(c) u 187d(1)(a) tat-TUF.

25.      S. Ricucci u ż-żewġ kumpanniji appellaw kontra s-sanzjoni amministrattiva quddiem il-Corte di appello di Roma (qorti tal-appell ta’ Ruma, l-Italja) li, fis-sentenza tagħha tat-2 ta’ Jannar 2009, naqqsitha għal EUR 5 000 000.

26.      Il-partijiet involuti kollha appellaw kontra din is-sentenza quddiem il-Corte suprema di cassazione (qorti suprema, l-Italja). Speċifikament, S. Ricucci argumenta fl-appell tiegħu, bħala fatt sinjifikattiv, li huwa kien diġà ġie kkundannat għall-istess fatti f’sentenza kriminali finali fl-10 ta’ Diċembru 2008, mogħtija mit-Tribunale di Roma (qorti ta’ Ruma, l-Italja).

27.      Fil-fatt, b’mod parallel kienet tressqet kontra S. Ricucci proċedura kriminali għall-istess fatti (8) ssanzjonati b’mod amministrattiv. Il-proċedura kriminali ġiet konkluża b’sentenza maqbula bejn il-partijiet fl-10 ta’ Diċembru 2008, fejn it-Tribunale di Roma (qorti ta’ Ruma) impona fuq S. Ricucci sentenza ta’ priġunerija ta’ erba’ snin u sitt xhur, imnaqqsa għal tliet snin fid-dawl tal-proċedura magħżula, u diversi pieni addizzjonali (9). Il-piena tħassret iktar tard, grazzi għal maħfra mogħtija taħt il-Liġi Nru 241/06.

28.      Is-sentenza (kriminali) tal-10 ta’ Diċembru 2008 saret finali fil-11 ta’ Settembru 2009, wara li l-Corte suprema di cassazione (qorti suprema) caħdet l-appell li tressaq kontriha.

29.      Fil-preżentazzjoni tal-appell kontra s-sentenza tat-2 ta’ Jannar 2009, il-Corte suprema di cassazione (qorti suprema) bagħtet il-kawża quddiem il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali, l-Italja) sabiex tieħu deċiżjoni dwar il-kostituzzjonalità tal-Artikolu 187b(1) tat-TUF.

30.      Il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) iddikjarat, madankollu, fis-sentenza Nru 102 tat-12 ta’ Mejju 2016, li l-kwistjoni ta’ kostituzzjonalità kienet inammissibbli (10). Fuq il-bażi ta’ din id-deċiżjoni, il-qorti tar-rinviju tispjega fid-digriet tagħha li n-nuqqas ta’ regoli nazzjonali li jestendu l-prinċipju ta’ ne bis in idem għar-relazzjonijiet bejn is-sanzjonijiet kriminali u amministrattivi ta’ natura penali ma jidhirx konformi mal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni. Skont il-prinċipji sovranazzjonali, ma hijiex ammissibbli l-eżistenza taż-żewġ proċeduri u, għalhekk, il-possibilità li s-sanzjoni kriminali u s-sanzjoni amministrattiva jiġu akkumulati, b’applikazzjoni fi proċeduri differenti, meta din tal-aħħar ikollha n-natura ta’ sanzjoni kriminali.

31.      Il-Corte suprema di cassazione (qorti suprema) għalhekk tqis li l-ftuħ u d-deċiżjoni tal-proċedura amministrattiva, wara s-sentenza kriminali kontra S. Ricucci, jista’ jikkostitwixxi ksur tal-projbizzjoni ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta, skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (11), u tal-ġurisprudenza tal-QEDB [sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2014, Grande Stevens et vs L-Italja (CE:ECHR:2014:0304JUD001864010); tal-20 ta’ Mejju 2014, Nykänen vs Il-Finlandja (CE:ECHR:2014:0520JUD001182811); tas-27 ta’ Novembru 2014, Lucky Dev vs L-Isvezja (CE:ECHR:2014:1127JUD000735610); u tal-10 ta’ Frar 2009, Zolotukhin vs Ir-Russja (CE:ECHR:2009:0210JUD001493903)].

32.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, jipprekludi l-possibbiltà li titmexxa proċedura amministrattiva dwar fatti (aġir illegali li jikkonsisti f’manipulazzjoni tas-suq) li fir-rigward tagħhom l-istess persuna ngħatat kundanna kriminali definittiva.

2)      Il-qorti nazzjonali tista’ tapplika direttament il-prinċipji tal-Unjoni fir-rigward tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, abbażi tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.”

33.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Consob, il-Gvern Taljan, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Ċek, kif ukoll mill-Kummissjoni.

34.      Fis-seduta tat-30 ta’ Mejju 2017 li saret b’mod konġunt għall-kawża Menci (C‑524/15) u l-kawżi magħquda Di Puma (C‑596/16) u Consob (C‑597/16), intervjenew ir-rappreżentanti ta’ S. Ricucci, il-Gvern Taljan, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni.

III. Analiżi tad-domandi preliminari

35.      Qabel nipproponi risposta għaż-żewġ domandi preliminari, naħseb li huwa xieraq li nagħmel żewġ preċiżazzjonijiet. L-ewwel waħda hija li ma hemm ebda dubju li l-Artikolu 50 tal-Karta huwa applikabbli għall-każ preżenti, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-abbuż tas-suq, li permezz tagħha ġew imposti s-sanzjonijiet ikkontestati, ġiet adottata mill-Istat Taljan sabiex tinkorpora d-Direttiva 2003/6 fid-dritt intern tiegħu.

36.      Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, f’dak li jirrigwarda l-aġir tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, skont liema d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lil dawk biss meta dawn jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta għandhom jiġu rrispettati meta jiġu applikati r-regoli interni li, min-naħa tagħhom, jirriflettu jew jirriżultaw mir-regoli tal-Unjoni (12). Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar sitwazzjoni ġuridika li ma taqax taħt dak il-kamp ta’ applikazzjoni, u d-dispożizzjonijiet tal-Karta ma jistgħux jiffurmaw il-bażi ta’ tali ġurisdizzjoni waħedhom (13).

37.      It-tieni preċiżazzjoni tikkonċerna l-għażla tal-leġiżlatur Taljan li jintroduċi, fl-2005, sistema bi proċeduri u sanzjonijiet doppji (amministrattivi u kriminali) sabiex jiskoraġġixxi l-aġir ta’ abbuż tas-suq, skont id-Direttiva 2003/6.

38.      Din is-sistema doppja, amministrattiva u kriminali, (doppio binario sanzionatorio) għandha karatteristiċi li jagħmluha diffiċli li tkun kompatibbli mal-prinċipju ta’ ne bis in idem tal-Artikolu 50 tal-Karta, kif tipprovdi l-qorti tar-rinviju. Kieku din is-sistema kienet ġiet stabbilita permezz tad-Direttiva 2003/6, kien ikollha tiġi kkunsidrata l-invalidità possibbli tagħha, preċiżament minħabba l-ksur eventwali tal-Artikolu 50 tal-Karta.

39.      Fil-fehma tiegħi, madankollu, id-Direttiva 2003/6 ma tobbligax lill-Istati Membri jimplementaw sistema doppja, amministrattiva u kriminali, sabiex jiskoraġġixxu dan it-tip ta’ aġir illegali. Għaldaqstant, ma naħsibx li din id-direttiva hija inkompatibbli mal-Artikolu 50 tal-Karta (14).

40.      Issa li għamilt dawn il-kjarifiki, l-ewwel se neżamina r-regoli tal-Unjoni dwar l-abbuż tas-suq, mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, u, mbagħad, se nkompli sabiex nispjega fil-qosor l-ambitu tal-Artikolu 50 tal-Karta. Fl-aħħar nett, se nipproponi r-risposti għaż-żewġ domandi tal-qorti tar-rinviju.

A.      Ir-regoli tal-Unjoni dwar l-abbuż tas-suq u l-prinċipju ta’ ne bis in idem

41.      Id-Direttiva 2003/6 tipprojbixxi l-operazzjonijiet ta’ abbuż tas-suq sabiex tiġi ppreservata l-integrità tas-swieq finanzjarji u tiżdied il-fiduċja tal-investituri. Dawn għandu jkollhom garanzija li joperaw fuq l-istess livell u li se jkunu protetti kontra l-użu illegali ta’ informazzjoni minn ġewwa (15).

42.      L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/6 jeħtieġ li l-Istati jimponu piena fuq dan l-aġir illegali permezz ta’ sanzjonijiet dissważivi, effettivi u proporzjonati biżżejjed (16). Għalkemm ma jobbligahomx li tali sanzjonijiet kontra l-awturi ta’ operazzjonijiet b’informazzjoni minn ġewwa jkollhom neċessarjament natura kriminali, lanqas ma jipprojbixxi dan. Barra minn hekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “fir-rigward tan-natura tal-ksur inkwistjoni u tal-grad ta’ severità tas-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti, tali sanzjonijiet jistgħu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal‑KEDB, jiġu kklassifikati bħala sanzjonijiet kriminali” (17).

43.      Id-Direttiva 2003/6 ma ssemmix il-prinċipju ta’ ne bis in idem jew il-ħtieġa li jiġu stabbiliti, taħt l-influwenza tiegħu, relazzjonijiet bejn ir-repressjoni amministrattiva u l-prosekuzzjoni kriminali tal-aġir ta’ abbuż tas-suq. Madankollu, ma jistax jiġi dedott li s-silenzju tagħha huwa favur l-adozzjoni ta’ sistema doppja sabiex jiġi ppenalizzat dan l-aġir. Id-Direttiva tħalli libertà wiesgħa lill-Istati sabiex jistabbilixxu r-relazzjoni ta’ dawn is-sanzjonijiet amministrattivi ma’ dawk kriminali, u ma twaqqafhomx milli jipprovdu mekkaniżmi li jiżguraw ir-rispett tad-dritt għal ne bis in idem, b’tali mod li jiġu evitati proċeduri u sanzjonijiet doppji.

44.      Il-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni rigward l-abbuż tas-suq ġiet imġedda b’mod konsiderevoli permezz tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 596/2014 (li ssostitwiet id-Direttiva 2003/6) u d-Direttiva 2014/57, li tarmonizza s-sanzjonijiet kriminali applikabbli mill-Istati Membri għal tali aġir. Għalkemm ma humiex applikabbli għal din il-kawża, għal raġunijiet ta’ żmien kif diġà spjegajt, iż-żewġ dispożizzjonijiet jistgħu jintużaw sabiex jittieħdu lezzjonijiet utli għaliha.

45.      Fir-rigward tal-proċedura amministrattiva, ir-Regolament Nru 596/2014 isaħħaħ is-setgħat superviżorji, ta’ investigazzjoni u ta’ sanzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali b’mod konsiderevoli. B’mod speċifiku, l-Artikolu 30(2) jippermetti lill-Istati Membri sabiex jadottaw sanzjonijiet u mezzi amministrattivi ta’ piż partikolari (18).

46.      Minkejja l-klassifikazzjoni formali tagħhom, uħud minn dawn is-sanzjonijiet nominalment amministrattivi għandhom natura materjalment kriminali, skont il-kriterji Engel tal-ġurisprudenza tal-QEDB (19), milqugħa mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha Bonda (20) u Åkerberg Fransson (21). Kif diġà pprovdejt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet fis-sentenza Spector Photo Group u Van Raemdock li dan it-tip ta’ sanzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala kriminali, minħabba s-severità u n-natura tal-ksur li għandhom l-għan li jiskoraġġixxu (22).

47.      Din iċ-ċirkustanza (li wħud mis-sanzjonijiet amministrattivi stipulati fir-Regolament Nru 596/2014, fil-fatt, għandhom natura kriminali) speċifikament tqajjem il-kwistjoni tal-kompatibilità tagħhhom mas-sanzjonijiet kriminali applikabbli għall-istess aġir ta’ abbuż tas-suq, skont id-Direttiva 2014/57, mill-perspettiva tad-dritt għal ne bis in idem.

48.      Ir-Regolament Nru 596/2014 ma jipprovdi xejn espressament f’dan ir-rigward. Madankollu, l-Artikolu 30(1) fit-tieni subparagrafu tiegħu jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jiddeċiedu, sa mhux aktar tard mit-3 ta’ Lulju 2016, li ma jadottawx regoli rigward is-sanzjonijiet amministrattivi, meta r-reati jkunu diġà suġġetti għal sanzjonijiet kriminali fid-dritt nazzjonali tagħhom. F’każ bħal dan, huma għandhom jinnotifikaw id-dispożizzjonijiet kriminali rilevanti lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (23).

49.      Id-Direttiva 2014/57, għall-kuntrarju tar-Regolament Nru 596/2014 tirreferi b’mod espliċitu għall-prinċipju ta’ ne bis in idem fil-premessi tlieta u għoxrin u sebgħa u għoxrin tagħha, traskritti iktar ’il fuq (24). Hija tipprovdi b’mod imperattiv li l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali (skont l-istess direttiva) u ta’ sanzjonijiet amministrattivi (skont ir-Regolament Nru 596/2014) “ma twassalx għal ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem”.

50.      Huwa veru, madankollu, li minkejja dawn ir-riferimenti espliċiti fl-artikoli tad-Direttiva 2014/57 ma huwa stabbilit ebda mekkaniżmu waħdieni sabiex jimpedixxi li l-akkumulazzjoni tas-sanzjonijiet kriminali u amministrattivi jiksru l-prinċipju ta’ ne bis in idem. L-Istati Membri għandhom ikunu dawk li, permezz tal-inkorporazzjoni ta’ din id-direttiva fir-regoli interni tagħhom, jiżguraw in-nuqqas ta’ inkriminazzjoni doppja għall-istess fatti.

51.      Fi kwalunkwe każ, jekk tinżamm il-proċedura doppja, dik amministrattiva u dik kriminali, sabiex jiġi skoraġġut l-aġir ta’ abbuż tas-suq, huwa meħtieġ li l-drittijiet nazzjonali jipprovdu l-istrumenti proċedurali xierqa sabiex jimpedixxu l-proċeduri doppji u jiżguraw li persuna tiġi mħarrka u kkastigata għall-istess fatti darba biss (25).

B.      L-ewwel domanda preliminari: applikazzjoni ta’ ne bis in idem tal-Artikolu 50 tal-Karta għad-duplikazzjoni tal-proċeduri kriminali u amministrattivi għall-aġir ta’ manipulazzjoni tas-suq

52.      Fil-konklużjonijiet Menci pprovdejt riflessjonijiet estensivi fuq:

–        l-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta għall-akkumulazzjoni ta’ sanzjonijiet fiskali u kriminali, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (26), u oħrajn preċedenti (27).

–        Il-ġurisprudenza tal-QEDB dwar il-prinċipju ta’ ne bis in idem, kemm fir-rigward tal-identità tal-fatti kif ukoll rigward ir-repetizzjoni tal-proċeduri ta’ sanzjonijiet (28).

–        L-impatt tas-sentenza tal-QEDB tal-15 ta’ Novembru 2016, A u B vs In-Norveġja (29), fuq id-dritt tal-Unjoni (30).

–        Il-possibbiltà ta’ esplorazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta sabiex jiġi limitat id-dritt li persuna ma tiġix iġġudikata jew tingħata piena darbtejn għall-istess reat (31).

53.      Naħseb li dawn l-istess riflessjonijiet jistgħu jiġu estrapolati, mutatis mutandis, sabiex tiġi interpretata l-portata tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 50 tal-Karta dwar id-duplikazzjoni ta’ proċessi u sanzjonijiet, kriminali u amministrattivi, għall-istess fatt li jista’ jiġi kklassifikat bħala abbuż tas-suq. Għalhekk, ser nirreferi għalihom.

54.      Il-qorti tar-rinviju, fl-ewwel domanda preliminari tagħha, tistaqsi jekk l-Artikolu 50 tal-Karta jawtorizzax proċedura amministrattiva sabiex jiġi ssanzjonat l-awtur ta’ aġir illegali ta’ manipulazzjoni tas-suq, meta dik il-persuna tkun diġà rċeviet kundanna kriminali għall-istess aġir.

55.      L-applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem, kopert mill-Artikolu 50 tal-Karta, teħtieġ l-eżistenza ta’ erba’ kundizzjonijiet: 1) l-identiċità tal-persuna akkużata jew sanzjonata; 2) l-identiċità tal-fatti pproċessati (idem); 3) proċeduri doppji tas-sanzjonar (bis); u 4) il-finalità ta’ waħda miż-żewġ deċiżjonijiet.

56.      Il-qorti tar-rinviju ma għandha ebda dubji dwar il-fatt li l-persuna mħarrka hija l-istess waħda u lanqas dwar il-finalità tal-kundanna kriminali. Skont id-digriet tar-rinviju u l-informazzjoni oħra pprovduta mill-partijiet, S. Ricucci kien suġġett ta’ persekuzzjoni doppja u sanzjoni doppja, waħda kriminali u oħra amministrattiva. Kif diġà pprovdejt, il-piena ta’ priġunerija (32) ġiet imposta fuqu mit-Tribunale di Roma (Qorti ta’ Ruma) fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Diċembru 2008, u saret finali fil-11 ta’ Settembru 2009. Is-sanzjoni amministrattiva (multa ta’ EUR 10 200 000, li sussegwentement ġiet imnaqqsa bin-nofs) ġiet adottata kontrih mill-Consob u tinsab pendenti skont l-appell quddiem il-Corte suprema di casazzione (Qorti Suprema), li l-ipproċessar tagħha wassal sabiex titqajjem din id-domanda preliminari.

57.      Id-dubji tal-qorti tar-rinviju, għalhekk, jikkonċentraw fuq iż-żewġ elementi l-oħra ta’ ne bis in idem, li huma l-identiċità tal-fatti (idem) u r-repetizzjoni tal-proċeduri (bis).

1.      Identiċità tal-fatti (idem)

58.      Kif nispjega fil-konklużjonijiet Menci (33), il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, dik li tikkonċerna l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-KEDB wara s-sentenza Zolotukhin vs Ir-Russja (34), jaqblu fl-evalwazzjoni li l-projbizzjoni tal-piena doppja tirreferi għall-istess fatti materjali (idem factum), mifhuma bħala grupp ta’ ċirkustanzi konkreti marbutin b’mod inseparabbli bejniethom, irrispettivament mill-klassifikazzjoni ġuridika jew mill-interess ġuridiku protett tagħhom (idem crimen).

59.      L-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fehma tiegħi, għandha ssegwi l-istess linja. Ma naħsibx li huwa neċessarju li dan il-punt jiġi approfondit (35), minħabba li, f’dan il-każ, ma hemm ebda dubju li l-fatti li għalihom S. Ricucci huwa ppenalizzat darbtejn huma identiċi. Ebda waħda mill-partijiet li ppreżentat osservazzjonijiet ma tikkontesta dan u l-qorti tar-rinviju tqis li dan huwa l-każ fid-digriet tagħha, filwaqt li tirreferi b’mod espliċitu għas-sentenzi tal-QEDB fil-kawżi Zolotukhin vs Ir-Russja (36) u Grande Stevens et vs L-Italja (37).

60.      Barra minn hekk, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ idem crimen minflok ta’ idem factum twassal għall-istess riżultat f’dan il-każ, peress li l-interess ġuridiku protett mill-Artikoli 187b u 185 tat-TUF huwa affettwat, jiġifieri, l-integrità tas-swieq finanzjarji.

2.      Repetizzjoni tal-proċeduri ta’ sanzjoni (bis)

61.      L-Artikolu 50 tal-Karta jinkiser jekk, minbarra l-piena kriminali finali, l-istess persuna tkun suġġetta għal proċedura ta’ sanzjoni (bħal dik miftuħa minn Consob), li meta tiskadi tista’ tkun suġġetta għal xi sanzjonijiet li, minkejja li huma sottomessi formalment bħala li għandhom natura amministrattiva, fir-realtà huma sanzjonijiet kriminali.

62.      Kif diġà indikajt fil-konklużjonijiet Menci (38), il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-Artikolu 50 tal-Karta, użat dawk li jissejħu l-kriterji Engel, bħala parametri sabiex jiġi ddeterminat meta proċedura jew sanzjoni, fil-prinċipju ta’ natura amministrattiva, ikollhom natura kriminali (39).

63.      L-ewwel kriterju Engel (il-klassifikazzjoni legali tal-ksur fid-dritt intern) ma huwiex wisq rilevanti f’dan il-każ, peress li d-dritt Taljan jikkwalifika l-proċeduri u s-sanzjonijiet tal-Consob bħala amministrattivi. Madankollu, dan ma għandux jimpedixxi l-analiżi ulterjuri tagħhom fid-dawl taż-żewġ kriterji l-oħra (40).

64.      It-tieni kriterju Engel jikkonċerna n-natura legali tal-ksur. Ksur nominalment amministrattiv, fir-realtà, ikollu natura kriminali jekk jissodisfa numru ta’ fatturi (fost l-oħrajn, li l-piena tiegħu ssegwi finijiet ta’ repressjoni u prevenzjoni u ma tkunx limitata għal kumpens għal danni materjali, u tissalvagwardja drittijiet legali li l-protezzjoni tagħhom normalment tkun żgurata permezz ta’ regoli tal-liġi kriminali) li rreferejt għalihom fil-konklużjonijiet Menci (41).

65.      Għall-qorti tar-rinviju, filwaqt li titqies in-natura tal-azzjoni illegali, il-ksur amministrattiv punibbli mill-Consob materjalment għandu natura kriminali, skont it-tieni kriterju Engel, u jiena naqbel. L-oġġetti protetti permezz tagħhom (l-Artikolu 187b tat-TUF) huma identiċi għal dawk protetti mit-tipi onominimi kriminali (l-Artikolu 185 tat-TUF). Permezz tat-tnejn li huma hemm l-intenzjoni li tiġi ssalvagwardjata l-integrità tas-swieq finanzjarji u l-fiduċja tal-poplu fis-sigurtà tat-tranżazzjonijiet. L-attribuzzjoni tal-kapaċità ta’ għoti ta’ sanzjonijiet lill-Consob sabiex tiskoraġġixxi dan it-tip ta’ ksur għandha kemm għan ta’ prevenzjoni (tiskoraġġixxi lil delinkwenti possibbli milli jwettqu aġir illegali ta’ abbuż fis-suq) kif ukoll wieħed ta’ ripressjoni (tissanzjona lil dawk li jkunu wettqu dawn it-tipi ta’ atti u timpedixxi li dawn jerġgħu jseħħu) (42).

66.      It-tielet kriterju Engel jikkonċerna n-natura u s-severità tas-sanzjoni, evalwata skont il-kriterji li semmejt ukoll fil-konklużjonijiet Menci (43). Minħabba l-firxa ta’ sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti mill-Consob u, b’mod partikolari, il-multi għoljin li jistgħu jiġu imposti (f’dan il-każ, EUR 10 200 000), il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi li dawn huma sanzjonijiet li għandhom element kriminali ċar.

67.      Is-severità tas-sanzjonijiet għandha tiġi evalwata, kif indikat ukoll mill-qorti tar-rinviju, fid-dawl ta’ dik li tista’ tiġi imposta a priori fuq il-persuna affettwata, u mhux kif finalment imposta jew eżegwita: it-tnaqqis sussegwenti possibbli tas-sentenza jew in-nuqqas ta’ infurzar tagħha minħabba maħfra (kif ġara f’dan il-każ) ikun irrilevanti (44).

68.      L-applikazzjoni tal-kriterji Engel fil-kawża prinċipali hija r-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju, li hija f’pożizzjoni aħjar sabiex tevalwa jekk is-sanzjoni amministrattiva suġġetta għad-deċiżjoni tagħha għandhiex, verament, natura kriminali. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi li s-sanzjoni amministrattiva tal-Consob fuq S. Ricucci għandha natura kriminali.

69.      Fuq din il-premessa, l-iktar deduzzjoni koerenti hija li l-leġiżlazzjoni Taljana dwar l-abbuż tas-suq tippermetti r-repressjoni doppja, dik amministrattiva (iżda materjalment kriminali) u dik kriminali, tal-istess aġir illegali, mingħajr ma tipprovdi mekkaniżmu proċedurali ċar sabiex tipprevjeni kriminalità doppja u sanzjoni doppja fuq l-awtur tal-fatti. F’dan ir-rigward, hija tikser id-dritt għal ne bis in idem protett mill-Artikolu 50 tal-Karta.

70.      Tressqu żewġ oġġezzjonijiet kontra din id-deduzzjoni. L-ewwel waħda tipprovdi li bejn il-proċedura amministrattiva ta’ sanzjoni u dik kriminali teżisti konnessjoni materjali u temporali pjuttost soda, fis-sens tas-sentenza tal-QEDB A u B vs In-Norveġja (45), li jagħmilhom kompatibbli mal-Artikolu 50 tal-Karta.

71.      Jien ma naqbilx ma’ dan l-argument, għar-raġunijiet li spjegajt f’iktar dettall fil-konklużjonijiet Menci (46). Intenni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex taċċetta l-interpretazzjoni restrittiva tad-dritt għal ne bis in idem tal-Artikolu 50 tal-Karta, u tirrifjuta li ssegwi t-triq tal-bidla fil-ġurisprudenza tal-QEDB fir-rigward tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7. Għall-kuntrarju, hija għandha żżomm livell ta’ protezzjoni iktar għoli ta’ dan id-dritt, fid-dawl tas-sentenzi li ngħataw sa issa dwar l-Artikolu 50 tal-Karta (47).

72.      It-tieni oġġezzjoni hija dik li d-doppio binario sanzionatorio huwa ġġustifikat skont il-ħtieġa li jiġu żgurati sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, bi tweġiba għall-aġir ta’ abbuż tas-suq. Dan huwa pprovdut fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/6. Il-Gvern Taljan, dak Ġermaniż u dak Pollakk, kif ukoll il-Consob argumentaw fl-osservazzjonijiet orali tagħhom li dawn il-karatteristiċi tas-sanzjonijiet awtorizzaw ir-restrizzjoni tal-ambitu tal-Artikolu 50 tal-Karta, b’tali mod li r-repressjoni doppja, kriminali u amministrattivi, twassal għal ġlieda iktar effettiva kontra l-aġir ta’ abbuż tas-suq.

73.      Bħall-Kummissjoni, jiena tal-fehma li r-rekwiżit ta’ sanzjonijiet effettivi ma joħloqx limitu fuq id-dritt għal ne bis in idem fl-Artikolu 50 tal-Karta. L-obbligu li jiġu applikati sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi jaqa’ fuq l-Istati b’mod ġenerali u indipendentement minn jekk dawn jadottawx sistema doppja (kriminali u amministrattiva) jew unika (kriminali) sabiex jissanzjonaw l-abbuż tas-suq. Ikun xi jkun il-mekkaniżmu magħżul, is-sistema ta’ sanzjonijiet għandha tkun effettiva u, fi kwalunkwe każ, tirrispetta d-dritt għal ne bis in idem kopert mill-Artikolu 50 tal-Karta.

74.      Kif ipprovdejt fil-konklużjonijiet Menci (48), hija biss il-klawżola orizzontali tal-Artikolu 52(1) tal-Karta li tippermetti li jiġi kkunsidrat jekk l-effettività tas-sanzjonijiet kontra l-abbuż tas-suq tistax tiġi kklassifikata bħala “għan ta’ interess ġenerali” li jista’ jiġġustifika eċċezzjonijiet għall-Artikolu 50 tal-Karta (49).

75.      Skont il-klawżola orizzontali tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, il-limitazzjoni tad-dritt għal ne bis in idem għandha tkun stabbilita bil-liġi u tirrispetta l-kontenut essenzjali tiegħu. Skont it-tieni sentenza tal-istess artikolu, bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet għan-ne bis in idem biss jekk tali limitazzjonijiet ikunu neċessarji u jekk effettivament jaqdu għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. (50)

76.      Mill-erba’ rekwiżiti indispensabbli għal-leġittimazzjoni tal-limitazzjoni tad-dritt fundamentali, l-ewwel u l-aħħar wieħed ma jippreżentawx diffikultajiet partikolari, f’dan il-każ. Il-liġi nazzjonali tkopri l-kriminalità doppja u din tirrispondi għal għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni stess (jiġifieri, il-protezzjoni tal-integrità tas-swieq finanzjarji).

77.      Madankollu, għandi dubji jekk, f’din is-sitwazzjoni, ġiex irrispettat il-kontenut essenzjali tad-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat. Fi kwalunkwe każ, u dan huwa l-fattur ewlieni, il-limitazzjoni analizzata hawnhekk naħseb li ma hijiex neċessarja, skont it-tifsira tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

78.      Il-fatt li r-regolament tal-Istati Membri jipprovdi soluzzjonijiet differenti fuq dan il-punt juri fih innifsu, fil-fehma tiegħi, kemm hija bla bżonn din il-limitazzjoni. Kieku kienet verament essenzjali, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kienet tkun għall-Istati Membri kollha u mhux biss għal uħud minnhom. Hemm Stati Membri li implementaw sistemi binarji uniċu għar-repressjoni ta’ aġir ta’ abbuż tas-suq u oħrajn li żammew is-sistema doppja, iżda stabbilixxew mekkaniżmi proċedurali (l-“aiguillage” fi Franza) li jimpedixxu l-akkumulazzjoni ta’ sanzjonijiet (51).

79.      Il-kapaċità dissważiva ta’ sanzjoni tiddependi minn kemm tkun severa: ma hemmx dubju li sentenzi ta’ priġunerija (jiġifieri, dawk previsti għal reati) huma aktar dissważivi minn dawk pekunjarji (tas-sistema amministrattiva). Sistema li tgħaqqad, mingħajr ma tirdoppja, dawn tal-aħħar għal azzjonijiet illegali inqas serji u żżomm dawk għall-azzjonijiet iktar serji, tirrispetta l-għan li tiġi evitata l-multiplikazzjoni ta’ dawn l-abbużi.

80.      Fir-rigward tal-effettività, ma narax għaliex, f’termini ta’ sanzjonijiet materjalment kriminali, u għalhekk suġġetti għall-garanziji inerenti fil-liġi punittiva, l-azzjoni tal-korpi tal-Amministrazzjoni għandha tkun neċessarjament iktar veloċi minn dik tal-organi ġudizzjarji. Huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu l-miżuri (leġiżlattivi, amministrattivi u ġurisdizzjonali) adegwati sabiex jindirizzaw il-ġlieda kontra l-abbuż tas-suq, u għalhekk jgħaqqdu l-effettività tagħhom mar-rispett għad-drittijiet protetti mill-Karta.

81.      Fil-qosor, meta r-risposta ta’ sanzjoni amministrattiva jkollha natura materjalment kriminali, ir-repressjoni amministrattiva u kriminali doppja tal-istess aġir illegali ta’ abbuż fis-suq, mingħajr ma jiġi stabbilit mekkaniżmu proċedurali sabiex dan jiġi evitat, ma jiggarantix ir-rispett għad-dritt ta’ ne bis in idem protett mill-Artikolu 50 tal-Karta.

C.      It-tieni domanda preliminari

82.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 50 tal-Karta huwiex direttament applikabbli f’każijiet bħal dan u jekk jagħtix liċ-ċittadini d-drittijiet li l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġu.

83.      Ir-risposta għal din id-domanda tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-Artikolu 50 tal-Karta huwa artikolu ċar, preċiż u inkundizzjonat, li jagħti direttament lil kulħadd id-dritt li ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess att. Naturalment, dan jista’ jiġi invokat direttament mill-individwi quddiem il-qrati nazzjonali, li huma obbligati li jipproteġuh.

84.      Barra minn hekk, l-Artikolu 50 tal-Karta, b’mod konformi mal-Artikolu 6 tat-TUE, huwa parti mil-liġi primarja tal-Unjoni u, bħala tali, jieħu preċedenza fuq ir-regoli tal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni u fuq ir-regoli tal-Istati Membri.

85.      F’każ ta’ kunflitt bejn id-dritt intern u d-drittijiet iggarantiti mill-Karta, il-qorti nazzjonali li għandha tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija obbligata li tiggarantixxi l-effettività sħiħa ta’ dawn. Għalhekk hija għandha, ex officio, twaqqaf l-applikazzjoni, jekk ikun meħtieġ, ta’ kwalunkwe regola li tmur kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk ġiet adottata b’mod sussegwenti, mingħajr ma titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha mil-leġiżlatur jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra (52).

86.      Fil-fatt, kull dispożizzjoni ta’ ordinament ġuridiku nazzjonali jew kull prassi, leġiżlattiva, amministrattiva jew ġudizzjarja, li jkollha bħala effett li tnaqqas l-effettività tad-dritt tal-Unjoni peress li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tapplika dan id-dritt tiġi mċaħħda mis-setgħa li tagħmel, fil-mument stess ta’ din l-applikazzjoni, dak kollu li huwa neċessarju sabiex jiġu esklużi d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li eventwalment ikunu ta’ ostakolu għall-effettività sħiħa tar-regoli tal-Unjoni, tkun inkompatibbli mar-rekwiżiti inerenti għan-natura stess tad-dritt tal-Unjoni (53).

87.      Fil-każ ta’ regoli inkompatibbli mad-dritt għal ne bis in idem, protett mill-Artikolu 50 tal-Karta, il-qorti nazzjonali jew l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti, għalhekk, għandhom jiċħdu l-proċeduri pendenti, mingħajr konsegwenzi negattivi għall-persuna kkonċernata li tkun diġà ġiet iġġudikata jew penalizzata fi proċedura kriminali jew amministrattiva oħra ta’ natura kriminali.

IV.    Konklużjoni

88.      Fid-dawl tar-raġunijiet ipprovduti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Corte suprema di cassazione (qorti suprema, l-Italja) f’dawn it-termini:

“L-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea:

1)      Ma jawtorizzax ir-repressjoni doppja, amministrattiva u kriminali, tal-istess aġir illegali ta’ abbuż tas-suq, meta s-sanzjoni amministrattiva li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, tkun applikabbli jkollha materjalment natura kriminali u r-repetizzjoni tal-proċeduri kontra l-istess persuna u għal fatti identiċi tiġi stabbilita mingħajr ma jiġi pprovdut mekkaniżmu proċedurali sabiex jiġi evitat dan l-irduppjar.

2)      Jista’ jiġi invokat direttament minn individwu quddiem qorti nazzjonali, li għandha l-obbligu li tiżgura l-effettività sħiħa tad-dritt għal ne bis in idem, filwaqt li ma tapplikax, ex officio, jekk ikun meħtieġ, kwalunkwe dispożizzjoni li tmur kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali.”


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Kawża C‑524/15 (iktar ’il quddiem, “konklużjonijiet Menci”).


3      Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6 Vol 4 p. 367).


4      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU 2014, L 173, p. 1). Ir-Regolamen Nru 596/2014 issostitwixxa d-Direttiva 2003/6 mit-3 ta’ Lulju 2016.


5      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż tas-suq (direttiva dwar l-abbuż tas-suq) (ĠU 2014, L 173, p. 179).


6      La r-Regolament Nru 596/2014 u lanqas id-Direttiva 2014/57 ma huma applikabbli ratione temporis għall-każ preżenti, li l-fatti tiegħu jmorru lura sal-2005.


7      Introdott permezz tal-legge 18 aprile 2005, n. 62, disposizioni per l’adempimento di obblighi derivanti dall’appartenenza dell’Italia alle Comunità europee, legge comunitaria 2004 (Liġi Nru 62/2005 tat-18 ta’ April 2005, dispożizzjonijiet maħsuba sabiex jimplementaw l-obbligi li joħorġu mis-sħubija tal-Italja mal-Komunità Ewropea, id-dritt Komunitarju tal-2004).


8      Skont id-digriet tar-rinviju, l-akkuża msemmija fil-punt g tas-sentenza maqbula mogħtija S Ricucci huwa akkużat, bħala president tal-Bord Amministrattiv ta’ Magiste International SA u bħala s-sid effettiv ta’ Garlsson Real Estate SA, li “xerred aħbarijiet foloz adattati, b’mod partikolari, sabiex jikkawżaw bidla sinjifikanti fil-prezz tat-titolu ta’ RCS Mediagroup”, permezz ta’ aġir identifikat b’mod speċifiku li huwa, essenzjalment, l-istess bħal dak allegat fir-reat amministrattiv, fejn id-destinatarju tas-sanzjoni amministrattiva u l-persuna suġġetta għas-sanzjoni kriminali hija l-istess persuna.


9      Il-pieni addizzjonali kienu jikkonsistu fil-: a) projbizzjoni li jiġu okkupati karigi ta’ amministrazzjoni ta’ persuni ġuridiċi jew kumpanniji għal perijodu ta’ tliet snin; b) inabbilità li jsir kuntratt mal-awtoritajiet pubbliċi għal tliet snin, ħlief sabiex jinkisbu servizzi pubbliċi; c) projbizzjoni li jitwettqu funzjonijiet ta’ rappreżentanza u assistenza f’materji fiskali għal tliet snin; d) projbizzjoni perpetwa li jsir membru tal-kummissjoni tat-taxxa; e) pubblikazzjoni tas-sentenza f’żewġ gazzetti ta’ importanza nazzjonali; u f) projbizzjoni fuq it-twettiq ta’ funzjonijiet pubbliċi għal tliet snin.


10      Fil-fehma tagħha, il-qorti tar-rinviju kellha “tħoll l-għoqda” tar-relazzjonijiet bejn in-ne bis in idem derivat mill-KEDB, kif ġie interpretat mill-QEDB u n-ne bis in idem fil-qasam tal-abbuż tas-suq, skont kif jirriżulta mis-sistema tal-Unjoni, u tiddetermina jekk din il-figura tal-aħħar, skont id-dritt tal-Unjoni, hijiex direttament applikabbli fl-ordinament ġuridiku intern ta’ Stat Membru.


11      Kawża C‑617/10, EU:C:2013:105.


12      Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105), punti 18 sa 22.


13      Għalhekk, fl-Italja, is-sanzjonijiet fiskali u kriminali imposti għal taxxa mhux imħallsa fuq dħul ma joħolqu ebda applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta. Għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi rigward domanda preliminari fil-kawża tal-15 ta’ April 2015, Burzio (C‑497/14, EU:C:2015:251).


14      Ir-Regolament Nru 596/2014 u d-Direttiva 2014/57, inapplikabbli għall-kawża preżenti minħabba li daħlu fis-seħħ wara t-twettiq tal-fatti sanzjonati (2005), lanqas ma jeħtieġu li l-Istati Membri jimplementaw il-binarju doppju sabiex jiġi skoraġġut l-abbuż tas-suq.


15      Sentenzi tat-23 ta’ Diċembru 2009, Spector Photo Group u Van Raemdock (C‑45/08, EU:C:2009:806), punt 47; tas-7 ta’ Lulju 2011, IMC Securities (C‑445/09, EU:C:2011:459), punt 27; tat-28 ta’ Ġunju 2012, Geltl (C‑19/11, EU:C:2012:397), punt 33; u tal-11 ta’ Marzu 2015, Lafonta (C‑628/13, EU:C:2015:162), punt 21.


16      Ara l-premessa 38 tad-Direttiva 2003/6, traskritta fil-punt 6.


17      Sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2009, Spector Photo Group u Van Raemdock (C‑45/08, EU:C:2009:806), punt 42.


18      Fost dawn hemm dawn li ġejjin: revoka jew sospensjoni tal-awtorizzazzjoni lil kumpannija ta’ servizzi ta’ investiment; projbizzjoni temporanja jew permanenti milli jitwettqu funzjonijiet ta’ ġestjoni fil-kumpanniji tas-servizzi ta’ investiment; projbizzjoni temporanja fuq kummerċ f’ismek stess; sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi massimi ta’, mill-inqas, tliet darbiet l-ammont tal-benefiċċji miksuba jew it-telf evitat permezz tal-ksur, jekk dawn jistgħu jiġu stabbiliti. Is-sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi, għall-persuni fiżiċi, jistgħu jilħqu massimu ta’ mill-inqas EUR 5 000 000 u, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi, EUR 15 000 000. Skont l-Artikolu 31(3), l-Istati Membri jistgħu jgħollu l-livelli ta’ dawn is-sanzjonijiet amministrattivi.


19      Inter alia, QEDB, sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2014, Grande Stevens et vs L-Italja (CE:ECHR:2014:0304JUD001864010), § 98; u tal-11 ta’ Settembru 2009, Dubus S.A. vs Franza (CE:ECHR:2009:0611JUD000524204).


20      Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Bonda (C‑489/10, EU:C:2012:319).


21      Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105).


22      Sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2009 (C‑45/08, EU:C:2009:806), punt 42.


23      Jekk Stat ma jimplementax is-sistema amministrattiva ta’ sanzjoni tar-Regolament u jipprojbixxi biss l-aġir ta’ abbuż tas-suq permezz ta’ mezzi kriminali, ovvjament ma jkunx hemm suppożizzjonijiet (bħalma jiġri hawn) ta’ akkumulazzjoni ta’ proċeduri amministrattivi u kriminali, u għalhekk ikun hemm rispett tad-dritt tal-Artikolu 50 tal-Karta.


24      Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


25      Diversi sistemi legali nazzjonali jippermettu dan, anki permezz ta’ modifikazzjonijiet leġiżlattivi sabiex jadattaw regoli qodma tagħhom. Pereżempju, fi Franza, la Loi n° 2016-819 du 21 juin 2016 réformant le système de répression des abus de marché (JORF n.º 0144, tat-22 ta’ Ġunju 2016) iżżomm ir-rotta amministrattiva u r-rotta kriminali ta’ repressjoni tal-aġir tal-abbuż tas-suq, iżda tistabbilixxi mekkaniżmu proċedurali sabiex tiġi evitata l-akkumulazzjoni tal-proċeduri. Għal dan il-għan, huwa pprovdut, “aiguillage procedural” bejn l’Autorité des marchés financiers (Kummissjoni għas-Suq tat-Titoli) u l-Parquet national financier (Ministeru Pubbliku) li jimpedixxi l-ftuħ ta’ żewġ proċeduri għall-istess fatti. Ara l-analiżi ta’ Conac, P.-H., “La loi du 21 juillet 2016 réformant le système de répression des abus de marché”, Bull. Joly Bourse, Nri 7 u 8, Lulju 2016, p. 323, u ta’ Vreulx, Q., “La consécration du principe ne bis in idem par la loi du 21 juin 2016 portant réforme du système de répression des abus de marché”, Revue internationale des services financiers/International Journal for Financial Services, 2015, Nru 1, p. 36.


26      Kawża C‑617/10, EU:C:2013:105.


27      Konklużjonijiet Menci, punti 27 sa 34.


28      Ibidem, punti 35 sa 56.


29      CE:ECHR:2016:1115JUD002413011.


30      Punti 57 sa 77 tal-konklużjonijiet Menci.


31      Ibidem, punti 78 sa 94.


32      Niftakar li l-priġunerija telgħet sa erba’ snin u sitt xhur il-ħabs (li tnaqqset għal tliet snin, skont il-proċedura magħżula u mneħħija, sussegwentement, minħabba maħfra), minbarra pieni addizzjonali oħrajn, li għadhom ma humiex effettwati.


33      Punti 100 sa 109.


34      QEDB, sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, CE:ECHR:2009:0210JUD001493903.


35      Fit-teorija, jista’ jiġi kkunsidrat jekk, meta jiġi adottat bħala kriterju l-fatt li l-interess ġuridiku protett huwa l-istess, tirriżulta restrizzjoni mhux iġġustifikata tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta, li jirriżulta f’inqas protezzjoni mill-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7, inkompatibbli mal-mandat tal-Artikolu 53 tal-Karta. Ir-restrizzjoni sseħħ kemm fil-każijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50 fil-kuntest ta’ Stat wieħed kif ukoll f’dawk transnazzjonali, li rreferiet għalihom il-Kummissjoni fis-seduta. Fi kwalunkwe każ, nirrepeti, ma hemmx għalfejn tiġi approfondita din il-problema hawnhekk peress li ma tikkonċernax dan il-każ.


36      QEDB, sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, CE:ECHR:2009:0210JUD001493903.


37      QEDB, sentenza tal-4 ta’ Marzu 2014 (CE:ECHR:2014:0304JUD001864010), §§ 219 sa 228. Fiha, fir-rigward ta’ abbuż tas-suq penalizzat darbtejn (fi proċeduri amministrattivi u proċeduri kriminali) skont l-Artikoli 187b u 185 tat-TUF, u f’ċirkustanzi simili għal dawk ta’ dan il-każ, il-QEDB sostniet li l-fatti kienu identiċi.


38      Punt 31.


39      Sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105), punt 35; u tal-5 ta’ Ġunju 2012, Bonda (C‑489/10, EU:C:2012:319), punt 37.


40      Konklużjonijiet Menci, punti 46 u 111.


41      Ibidem, punti 47 u 112 sa 115.


42      F’dan l-istess sens, QEDB, sentenza tal-4 ta’ Marzu 2014, Grande Stevens et vs L-Italja (CE:ECHR:2014:0304JUD001864010), § 96.


43      Punti 48 u 119.


44      QEDB, sentenza tal-4 ta’ Marzu 2014, Grande Stevens et vs L-Italja (CE:ECHR:2014:0304JUD001864010), §§ 97 u 98.


45      CE:ECHR:2016:1115JUD002413011.


46      Punti 63 sa 73.


47      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tinterpreta l-Artikolu 50 tal-Karta skont is-sentenza tal-QEDB A u B vs In-Norveġja, il-qorti nazzjonali jkollha tivverifika jekk, fil-każ ta’ S. Ricucci, hemmx rabta materjali u temporali soda biżżejjed bejn il-proċeduri kriminali u dawk amministrattivi. Il-Gvern Taljan u l-Consob argumentaw, fis-seduta, li kien hemm rabta bħal din, iżda l-informazzjoni pprovduta fid-digriet toħloq dubju, mill-inqas, dwar il-konnessjoni temporali.


48      Punti 78 sa 93.


49      Ara s-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2014, Spasic (C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586), punt 55.


50      Ibidem, punt 56.


51      Ara l-istudju komprensiv tad-dritt komparattiv imwettaq minn diversi awturi fil-monografu ta’ Revue internationale des services financiers/International Journal for Financial Services, 2015, n.º 1; kif ukoll Lecoqc, A., Principe non bis in idem: vers l’esquisse d’une standardisation de l’Una Via procédural: expériences belges et françaises, Tijdschrift voor rechtspersoon en vennootschap/Revue pratique des sociétés 2016, n.º 6, p. 645 sa 668; Club des juristes, Poursuite et sanction des abus de marché: le droit français à l’épreuve des textes communautaires et des jurisprudences récentes (CEDH, CJUE, Conseil constitutionnel, Mejju 2015, www.leclubdesjuristes.com/les-commissions/rapport-poursuite-et-sanction-des-abus-de-marche/.


52      Sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49), punti 21 u 24; tad-19 ta’ Novembru 2009, Filipiak (C‑314/08, EU:C:2009:719), punt 81; tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363), punt 43; u tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105), punt 45.


53      Sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363), punt 44; u tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105), punt 46.